RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku
30.9.2010 - (COM(2009)0151 – C7‑0009/2009 – 2009/0051(COD)) - ***I
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Carmen Fraga Estévez
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku
(COM(2009)0151 – C7‑00009/2009 – 2009/0051(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009)0051),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C7–00009/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa" (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 234(3) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2010[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0260/2010),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinsab hawnhekk;
2. Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta tagħha b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
FL-EWWEL QARI[2]*
---------------------------------------------------------
għall-proposta tal-Kummissjoni għal
REGOLAMENT (UE) Nru …/2010
TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi Skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
▌
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[4],
Billi:
(1) Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, minn issa ’l quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni tan-NEAFC", kienet approvata bid-Deċiżjoni 81/608/KEE[5] u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982.
(2) Il-Konvenzjoni tan-NEAFC tipprovdi qafas xieraq għall-kooperazzjoni multilaterali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona definita mill-Konvenzjoni.
(3) Il-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, fil-Laqgħa Annwali tagħha li saret fil-15 ta’ Novembru 2006, adottat rakkomandazzjoni li tistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar (minn issa ‘l quddiem ‘l-Iskema’) applikabbli għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fiż-żoni lil hinn mil-limiti tal-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni. L-Iskema ġiet emendata minn diversi rakkomandazzjonijiet fil-Laqgħat Annwali f’Novembru 2007 u 2008.
(4) Skont l-Artikoli 12 u 15 tal-Konvenzjoni NEAFC, dawn ir-rakkomandazzjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2007, fid-9 ta’ Frar 2008 u fis-6 u t-8 ta’ Jannar 2009 rispettivament;
(5) L-Iskema tipprovdi għal miżuri ta' kontroll li japplikaw għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Partijiet Kontraenti u li jaħdmu fiż-Żona tan-NEAFC, u arranġamenti għal spezzjonijiet fuq il-baħar li jinkludu proċeduri ta' spezzjonar u sorveljanza u proċeduri kontra l-kontravenzjonijiet illi jridu jiġu implimentati mill-Partijiet Kontraenti.
(6) L-Iskema tipprovdi għal sistema ġdida għall-Kontroll mill-Istat tal-Port, li effettivament tagħlaq il-portijiet Ewropej għall-ħatt l-art ta’ ħut iffriżat li ma jkunx ġie vverfikat li huwa legali mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra.
(7) Ċerti miżuri li ġew adottati min-NEAFC ġew ukoll implimentati fil-Liġi Komunitarja permezz tar-Regolament annwali dwar it-TACs u l-kwoti, aktar reċentement bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid[6]. Għall-finijiet taċ-ċarezza legali, id-dispożizzjonijiet ta’ dak it-tip li mhumiex ta’ natura temporanja għandhom jiġu trasferiti f’regolament ġdid separat.
(8) L-Iskema tinkorpora wkoll dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-konformità mill-bastimenti ta’ Parti Mhux Kontraenti mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni li ġew adottati min-NEAFC. In-NEAFC għamlet rakkomandazzjoni għas-sostituzzjoni ta' għadd ta' bastimenti fil-lista ta' bastimenti li ġew ikkonfermati bħala involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. Għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet fl-ordni legali tal-Komunità.
(9) L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[7] jipprovdi li l-Istati Membri jikkontrollaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u jikkontrollaw attivitajiet barra l-ilmijiet tal-Unjoni mwettqa minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. għalhekk għandu jsir provvediment sabiex dawk l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fiż-Żona Regolatorja tan-NEAFC jassenjaw spetturi għall-Iskema sabiex jieħdu ħsieb għall-monitoraġġ u s-sorveljanza, flimkien ma’ riżorsi adegwati għall-ispezzjonar.
(10) Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tan-NEAFC, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jikkoperaw bejniethom u mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-entità ddeżinjata minnha għall-implimentazzjoni tal-Iskema.
(11) Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw illi l-ispetturi tagħhom jikkonformaw mal-proċeduri tal-ispezzjonar stabbiliti min-NEAFC.
(12) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ regoli dettaljati dwar listi ta’ riżorsi tas-sajd li għandhom jiġu notifikati, proċeduri ta’ notifikazzjoni u ta’ kanċellazzjoni għal avviż minn qabel tad-dħul fil-port kif ukoll awtorizzazzjoni biex il-bastimenti jħottu l-art jew jittrażbordaw. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.
(13) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti implimentattivi skont l-Artikolu 291 tat-Trattat. Skont dak l-Artikolu, għandhom jiġu stabbiliti bil-quddiem regoli u prinċipji ġenerali li jikkonċernaw mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat implimentattivi tagħha permezz ta’ regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[8] tibqa' tapplika, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li ma tapplikax.
(13a) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-inkorporazzjoni fil-liġi tal-UE ta’ emendi futuri ta’ dawk il-miżuri tal-Iskema ta’ kontroll u infurzar tan-NEAFC li jiffurmaw is-suġġett ta’ ċerti elementi definiti b’mod espliċitu u mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u li jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni Ewropea skont it-termini tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni tan-NEAFC). Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.
(14) Peress li dan ir-Regolament se jistabbilixxi regoli ġodda li jikkonċernaw il-kontroll u l-infurzar fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NEAFC, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2791/1999 tas-16 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal [fil-Grigal tal-Atlantiku] għandu jiġi revokat.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni mill-Unjoni tal-Iskema ta’ kontroll u infurzar (minn issa ‘l quddiem, “l-Iskema”) adottata mill-Kummissjoni għas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku.
Artikolu 2
Ambitu
Sakemm mhux stipulat mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-UE kollha li jintużaw jew hemm il-ħsieb li jintużaw f'attivitajiet ta' sajd għal riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura fis-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, kif emendata.
(2) “Żona tal-Konvenzjoni” tfisser l-ilmijiet taż-żona tal-Konvenzjoni kif definiti fl-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni;
(3) "Żona Regolatorja" tfisser l-ilmijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni li jinsabu barra mill-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti;
(4) “Partijiet Kontraenti” tfisser il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni;
(5) “NEAFC” tfisser il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku;
(6) "attivitajiet tas-sajd" tfisser sajd, inkluż operazzjonijiet konġunti tas-sajd, operazzjonijiet tal-ipproċessar tal-ħut, it-trażbord jew il-ħatt tal-ħut u ta' prodotti tal-ħut u kull attività kummerċjali oħra bi tħejjija għas-sajd jew li għandha x'taqsam miegħu;
(7) "riżorsi tas-sajd" huma dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni;
(8) "riżorsi regolati" huma dawk ir-riżorsi tas-sajd li huma soġġetti għar-rakkomandazzjonijiet skont il-Konvenzjoni u huma elenkati fil-lista fl-Anness;
(9) "bastiment tas-sajd" tfisser kwalunkwe bastiment użat jew maħsub għall-użu fl-isfruttar kummerċjali tar-riżorsi tas-sajd, inklużi bastimenti għall-ipproċessar tal-ħut u bastimenti involuti fit-trażbord;
(10) “bastiment ta’ Parti mhux Kontraenti” tfisser kwalunkwe bastiment tas-sajd mhux irreġistrat f’Parti Kontraenti tan-NEAFC, inklużi bastimenti li għalihom teżisti bażi raġjonevoli ta' suspetti li huma mingħajr nazzjonalità;
(11) "operazzjoni konġunta tas-sajd" tfisser kwalunkwe operazzjoni bejn żewġ bastimenti jew aktar fejn il-qabda titneħħa mill-irkaptu tas-sajd ta' bastiment tas-sajd għal bastiment ieħor;
(12) “operazzjoni ta’ trażbord” tfisser il-ħatt ta' kwalunkwe prodott tas-sajd jew tal-prodotti kollha abbord ▌bastiment għal bastiment tas-sajd ▌ieħor,
(13) “port” tfisser kwalunkwe post li jintuża għall-ħatt l-art, inkella post qrib ix-xatt, iddeżinjat minn Parti Kontraenti għall-finijiet tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd;
▌
Artikolu 4
Punti ta’ kuntatt
1. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità kompetenti li għandha taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt li jirċievi r-rapporti ta' sorveljanza u spezzjoni skont l-Artikoli 12, 19, 20 u 27 u sabiex tirċievi n-notifiki u toħroġ l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 24 u 25.
2. Il-punti ta’ kuntatt li jirċievu n-notifiki u joħorġu l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 24 u 25 għandhom ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum.
3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, inkella lil entità ddeżinjata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-email u n-numru tal-feks tal-punt ta’ kuntatt iddeżinjat.
4. Kwalunkwe tibdil sussegwenti li ssir lill-informazzjoni dwar il-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni inkella lil entità ddeżinjata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC, għallinqas ħmistax-il jum qabel il-bidla tidħol fis-seħħ.
5 Il-format għat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jkun stabbilit skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
KAPITOLU II
Miżuri ta' Monitoraġġ
Artikolu 5
Parteċipazzjoni tal-Unjoni
1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, f'forma li tinqara mill-kompjuter, lista tal-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom u reġistrati fl-Unjoni li huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja, b'mod partikolari l-bastimenti awtorizzati li jistadu direttament għal waħda jew iktar mir-riżorsi regolati, flimkien ma’ kwalunkwe emenda għal-lista. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat mhux iktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena jew mill-inqas 5 ijiem qabel ma l-bastiment jidħol fiż-Żona Regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC, mingħajr telf ta’ żmien.
2. Il-format għat-trażmissjoni tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 6
Markar tal-irkaptu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irkaptu li jużaw il-bastiment tas-sajd tagħhom fiż-Żona Regolatorja jkun immarkat skont ir-Regolament (KE) Nru 356/2005 tal-1 ta’ Marzu 2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-immarikar u għall-identifikazzjoni ta’ rkaptu tas-sajd passiv u tat-tkarkir bit-travu[9].
2. L-Istati Membri jistgħu ineħħu u jarmu rkaptu fiss li ma jkunx immarkat skont ir-Regolament (KE) Nru 356/2005 jew li bi kwalunkwe mod ieħor jikser ir-rakkomandazzjonijiet adottati min-NEAFC, kif ukoll kwalunkwe ħut li jinsab f’dak l-irkaptu.
Artikolu 7
Irkupru ta’ rkaptu mitluf
▌
4. 4. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera għandha tibgħat mingħajr dewmien l-informazzjoni li taslilha, skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif ukoll il-kodiċi tal-bastiment lis-segretarjat tan-NEAFC.
5. L-Istati Membri għandhom, fuq bażi regolari, jagħmlu ħilithom biex jirkupraw irkaptu mitluf ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. ▌
Artikolu 8
Reġistrazzjoni tal-qabdiet ▌
1. B'żieda mal-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93[10], il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom jirreġistraw jew f’ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, bil-paġni nnumerati u llegati jew b’mezz elettroniku, u fih iniżżlu dan li ġej:
(a) kull dħul ġewwa, u ħruġ miż-Żona Regolatorja;
(b) fuq bażi ta’ kuljum u/jew għal kull refgħa, stima tal-qabdiet kumulattivi miżmuma abbord mill-aħħar dħul fiż-Żona Regolatorja;
(c) fuq bażi ta’ kuljum u/jew għal kull refgħa, l-ammont ta’ ħut mormi.
(ca) wara kull komunikazzjoni skont l-Artikolu 9 d-dettalji li ġejjin għandhom jiddaħħlu immedjatament fil-ġurnal ta’ abbord:
- id-data u l-ħin tat-trażmissjoni (UTC) ta’ rapport, skemm dan ma jkunx irreġistrat b’mezzi elettroniċi
- f'każ ta' trażmissjoni bir-radju, l-isem tal-istazzjon tar-radju li permezz tiegħu jitwassal ir-rapport;
(cb) il-fond tas-sajd (fejn ikun xieraq).
2. Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet ta’ sajd għal riżorsi regolati, u li jipproċessaw u/jew jiffriżaw il-qabda tagħhom għandhom:
(a) jirreġistraw il-produzzjoni kumulattivi skont l-ispeċijiet u l-forma tal-prodott f’ġurnal ta’ abbord tal-produzzjoni, u
(b) jaħżnu fl-istiva il-qabdiet ipproċessati kollha b’tali mod li mill-pjan tal-istivi miżmum abbord il-bastiment tas-sajd, jista’ jiġi identifikat il-post fejn kull speċi tkun maħżuna.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastiment tas-sajd li jkun involut f'operazzjonijiet ta' trażbord li jgħabbi kwantitajiet abbord milli jżomm ġurnal ta' abbord dwar is-sajd. Bastimenti li jgawdu minn din id-deroga għandhom jispeċifikaw fil-pjan tal-istivi, il-post fl-istivi fejn jinsab il-ħut iffriżat imsemmi fl-Artikolu 14(1) u jirreġistraw fil-ġurnal ta’ abbord tal-produzzjoni:
(a) id-data u l-ħin tat-trażmissjoni tar-rapport skont il-Universal Time Coordinated (UTC) imsemmi fl-Artikolu 9;
(b) f'każ ta' trażmissjoni bir-radju, l-isem tal-istazzjon tar-radju li permezz tiegħu jitwassal ir-rapport;
(c) id-data u l-ħin (UTC) tal-operazzjoni tat-trażbord;
(d) il-post (lonġitudni/latitudni) tal-operazzjoni tat-trażbord;
(e) il-kwantitajiet ta' kull speċi mgħobbija;
(f) l-isem u l-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment tas-sajd li minnu tniżżlet il-qabda.
4. Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 9
Rappurtar tal-qabdiet ta' riżorsi regolati
1. Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet ta’ sajd għal riżorsi regolati, għandhom jikkomunikaw ir-rapporti dwar il-qabdiet permezz ta’ mezzi elettroniċi liċ-Ċentru tagħhom tal-Monitoraġġ tas-Sajd: Dawn id-dejta għandhom ikunu aċċessibbli għall-Kummissjoni meta titlobhom. Ir-rapporti għandhom jinkudu dan li ġej:
(a) rapporti dwar il-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord mad-dħul fiż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi mhux iktar kmieni minn 12-il siegħa u mhux iktar tard minn sagħtejn (2) qabel kull dħul fiż-Żona Regolatorja;
(b) rapporti fuq il-qabdiet ta' kull ġimgħa. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi għall-ewwel darba sa mhux iktar tard mit-tmiem tas-seba’ jum wara d-dħul tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja jew meta l-vjaġġi tas-sajd jieħdu iktar minn 7 ijiem, l-iktar tard sa nhar tat-Tnejn f’nofsinhar għal dawk il-qabdiet tal-ħut li jkunu ttellgħu miż-Żona Regolatorja matul il-ġimgħa ta' qabel li tagħlaq f'nofs il-lejl tal-jum tal-Ħadd. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-għadd ta’ jiem tas-sajd mill-bidu tal-attivitajiet tas-sajd, inkella mill-aħħar rapport dwar il-qabdiet;
(c) rapporti dwar il-qabdiet miżmuma abbord mal-ħruġ miż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi mhux iktar kmieni minn 8 sigħat u mhux iktar tard minn sagħtejn (2) qabel kull ħruġ miż-Żona Regolatorja. Fejn ikun xieraq, dawn għandhom jinkludu l-għadd ta’ jiem tas-sajd u l-qabdiet li saru fiż-Żona Regolatorja mill-bidu tas-sajda, jew mill-aħħar rapport dwar il-qabdiet;
(d) rapporti dwar il-kwantitajiet ta' ħut mgħobbija u maħtuta għal kull trażbord tal-ħut ▌fil-perjodu li fih il-bastiment kien preżenti fiż-Żona Regolatorja. Bastimenti donaturi għandhom jagħmlu dan ir-rapport tal-anqas 24 siegħa qabel, u dwar bastimenti riċevituri dan ir-rapport għandu jsir mhux aktar tard minn siegħa wara t-trażbord. Ir-rapport għandu jinkludi d-data, il-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tat-trażbord ippjanat u l-piż totali għal kull speċi li jkun se jiġi skarikat jew li jkun tgħabba f'kilogrammi u l-kodiċi tal-bastimenti lejn jew minn liema jkun sar tt-trażbord rispettivament. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu IV, il-bastiment riċevitur għandu jirrapporta l-qabda totali abbord, il-piż totali li għandu jinħatt, l-isem tal-port u d-data u ħin tal-ħatt l-art tal-anqas 24 siegħa qabel kwalunkwe ħatt l-art.
2. Ir-rapporti dwar il-qabdiet msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jingħataw f'kilogrammi (miġjuba għall-eqreb 100 kg) piż totali sħiħ skond l-ispeċi bl-użu tal-kodiċijiet tal-FAO. Il-kwantità totali ta’ speċijiet li għalihom il-piż totali skont l-ispeċi huwa anqas minn tunnellata jista' jiġi rreġistrat skont il-kodiċi 3-alpha MZZ (ħut tal-baħar mhux speċifikat).
3. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-dejta misjuba fir-rapporti dwar il-qabdiet fid-database imsemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
4. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu u b'mod partikolari l-format u l-ispeċifikazzjonijiet għat-trażmissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 10
Rappurtaġġ globali tal-qabdiet tal-ħut u tal-isforz tas-sajd
1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, permezz ta' trażmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar, bil-kwantitajiet tar-riżorsi tas-sajd maqbuda fiż-Żona Regolatorja minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, illi jkunu nħattu l-art jew ġew trażbordati fix-xahar ta' qabel.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu wkoll lill-Kummissjoni, permezz ta' trażmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar, dwar il-kwantitajiet tar-riżorsi regolati maqbuda f’żoni taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali dwar is-sajd ta’ pajjiżi terzi u fl-ilmijiet tal-UE taż-Żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, illi jkunu nħattu l-art jew ġew trażbordati fix-xahar ta' qabel.
3. ▌Il-format għat-trażmissjoni tad-dejta skont il-paragraf 1 u 2 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Il-lista tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 46 sa 46c.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkompila d-dejta li tissemma fil-paragrafi 1 u 2 għall-Istati Membri kollha u għandha tibgħat dik id-dejta lis-Segretarju tan-NEAFC fi żmien 30 jum mit-tmiem tax-xahar kalendarju li fih il-qabdiet ikunu nħattu l-art jew ġew ittrażbordati.
Artikolu 11
Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti
L-Istati Membri għandhom jiżguraw t-trażmissjoni awtomatika u elettronika lis-Segretarju tan-NEAFC tal-informazzjoni miksuba bis-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) rigward il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dawn l-Istati u li jistadu fiż-Żona Regolatorja, fil-format u b’konformita ma' l-ispeċifikazzjonijiet adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 12
Komunikazzjoni tal-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-rapporti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 11 mingħajr dewmien lis-Segretarjat tan-NEAFC. Madankollu, fil-każ ta’ problema teknika, dawn ir-rapporti u l-informazzjoni għandhom jiġu trażmessi lis-Segretarju tan-NEAFC fi żmien 24 siegħa mill-wasla. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti u l-messaġġi kollha li jgħaddu jkunu nnumerati sekwenzjalment.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti u l-informazzjoni trażmessa lis-Segretarju tan-NEAFC jkunu fi qbil mal-formati u l-protokolli għall-iskambju tad-dejta, kif stipulati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 13
Trażbordi u operazzjonijiet konġunti tas-sajd
1. Il-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom jidħlu biss għal attivitajiet ta' trażbordar fiż-Żona Regolatorja jekk ikunu rċevew awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom.
2. Il-bastimenti tas-sajd tal-UE jistgħu jidħlu għal operazzjonijiet tat-trażbord jew operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti u bastimenti ta’ Parti Mhux Kontraenti li jkunu ngħataw l-istatus ta’ Parti Mhux Kontraenti li tikkoopera, min-NEAFC.
3. Il-bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’operazzjonijiet tat-trażbord, li jgħabbu abbord kwantitajiet ta’ qabdiet, m’għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet oħra ta’ sajd, fosthom operazzjonijiet konġunti ta’ sajd, matul l-istess vjaġġ, bl-eċċezzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-ħut u tal-ħatt l-art.
Artikolu 14
Stivar separat
1. Bastimenti tas-sajd tal-UE, li jġorru abbord riżorsi ffriżati tas-sajd, maqbuda fiż-żona tal-Konvenzjoni minn aktar minn bastiment tas-sajd wieħed, jistgħu jistivaw il-ħut minn kull wieħed minn dawk il-bastimenti f’aktar minn parti waħda mill-istiva, iżda għandhom iżommuhom separati tajjeb, b’mod ċar, partikolarment permezz tal-plastik, plywood jew xbieki, minn ħut maqbud minn bastimenti oħra.
2. Il-qabdiet kollha meħuda miż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom jiġu stivati separatament mill-qabdiet kollha meħuda barra minn din iż-żona.
Artikolu 15
Ttikkettar tal-ħut iffriżat
Meta jiġi ffriżat, il-ħut kollu maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni għandu jiġi identifikat b’tikketta jew timbru li jistgħu jinqraw b’mod ċar. It-tikketta jew it-timbru, li għandhom jitqiegħdu fuq kull kaxxa jew blokka ta’ ħut iffriżat fil-ħin tal-istivar, għandhom jindikaw l-ispeċi, id-data tal-produzzjoni, is-subżona u d-diviżjoni tal-ICES li fiha nqabad il-ħut, u l-bastiment li qabdu.
KAPITOLU III
Spezzjonijiet fuq il-baħar
Artikolu 16
Spetturi tan-NEAFC
1. L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja għandhom jassenjaw spetturi għall-Iskema sabiex iwettqu sorveljanza u spezzjoni. L-Istati Membri għandhom joħorġu dokument speċjali tal-identità lil kull spettur.
2. L-Istati Membri għandhom joħorġu dokument speċjali tal-identità lil kull spettur. L-għamla ta' dan id-dokument speċjali ta' identità għandha tkun stabbilita skont il-proċedura preskritta fl-Artikolu 47(2)..
3. Kull spettur għandu jġorr u juri dan id-dokument speċjali tal-identità meta jimbarka fuq bastiment tas-sajd.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet ġenerali għall-ispezzjoni u għas-sorveljanza
1. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tikkoordina l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni għall-Unjoni u kull sena għandha tħejji, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, pjan ta’ mobilitazzjoni konġunta għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Iskema matul is-sena ta’ wara. Il-pjan ta’ mobilitazzjoni għandu, inter alia, jiddetermina l-għadd ta’ spezzjonijiet li għandhom isiru.
Meta, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn 10 bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f'attivitajiet tas-sajd imwettqa fuq riżorsi regolati tal-ħut fiż-Żona Regolatorja, il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha, matul dak il-ħin, tiżgura li bastiment ta' spezzjoni ta' Stat Membru jkun preżenti f'din iż-żona jew li jkun ġie konkluż ftehim ma’ Parti Kontraenti oħra li jiżgura l-preżenza ta' bastiment ta' spezzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet imwettqa mill-ispetturi tagħhom isiru b'mod mhux diskriminatorju u f’konformità mal-Iskema. ▌l-għadd ta’ spezzjonijiet għandu jkun abbażi tad-daqs ▌, b’konsiderazzjoni għall-ħin li l-bastimenti tas-sajd ▌jqattgħu fiż-Żona Regolatorja.
3. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha timmira li tiżgura t-trattament ugwali bejn il-Partijiet Kontraenti kollha mal-bastimenti li joperaw fiż-Żona Regolatorja permezz ta' tqassim ġust ta' spezzjonijiet.
▌
5. L-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-ispetturi tan-NEAFC minn Partijiet Kontraenti oħrajn jitħallew iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.
6. L-ispetturi għandhom jevitaw l-użu tal-forza, għajr fil-każ ta' difiża leġittima. Meta jkunu qegħdin iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti tas-sajd, l-ispetturi m’għandhomx iġorru armi tan-nar. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward il-projbizzjoni tal-użu tal-forza.
7. L-ispetturi għandhom jevitaw kull interferenza jew inkonvenjenza lill-bastiment tas-sajd, l-attivitajiet tiegħu u l-qabda miżmuma abbord, ħlief meta u sal-punt meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom.
Artikolu 18
Mezzi ta' spezzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-ispetturi tagħhom il-mezzi adegwati biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni tagħhom. Għal dan l-iskop, huma għandhom jassenjaw bastimenti u inġenji tal-ajru għall-Iskema.
2. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tibgħat lis-Segretarju tan-NEAFC qabel l-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, id-dettalji tal-pjan, l-ismijiet tal-ispetturi tan-NEAFC u tal-bastimenti speċjali ta’ spezzjoni, kif ukoll it-tipi ta’ inġenji tal-ajru u d-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom (in-numru ta’ reġistrazzjoni, l-isem, is-sinjal tar-radju) li l-Istati Membri jassenjaw għall-Iskema matul dik is-sena. Fejn ikun xieraq, din l-informazzjoni għandha tittieħed mil-lista msemmija fl-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. L-Istati Membri għandhom jibagħtu modifiki ta’ din il-lista lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, li għandha tgħaddi din l-informazzjoni u tavża xahar bil-quddiem qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ, lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-Istati Membri l-oħra.
3. Kwalunkwe bastiment assenjat għall-Iskema u li jġorr spetturi tan-NEAFC, kif ukoll l-inġenju għat-tlugħ abbord, mobilizzat minn dak il-bastiment, għandu juri s-sinjal speċjali ta’ spezzjoni tan-NEAFC, sabiex jindika li l-ispetturi abbord jistgħu iwettqu dmirijiet ta’ spezzjoni f’konformità mal-Iskema. Inġenji tal-ajru assenjati mal-Iskema juru b’mod ċar il-kodiċi tagħhom tar-radju. Il-forma tal-kodiċi speċjali għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
4. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha żżomm reġistru għall-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tal-Unjoni ta’ spezzjoni assenjati, tad-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tad-dmirijiet tagħhom taħt l-Iskema kif stipulat fil-forma ddeterminata skont il-proċedura fl-Artikolu 47(2). ▌
Artikolu 19
Proċedura ta' sorveljanza
1. Is-sorveljanza għandha tkun ibbażata fuq avvistamenti tal-bastimenti tas-sajd mill-ispetturi tan-NEAFC minn bastiment jew minn inġenji tal-ajru assenjati għall-Iskema. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom iressqu kopja ta’ kull rapport ta’ avvistament għal kull bastiment mingħajr dewmien permezz ta' trażmissjoni elettronika, fil-forma stabbilita f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2) lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat, lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. Kopja fiżika ta’ kull rapport ta’ avvistament u kwalunkwe ritratt għandhom jitressqu, fuq talba lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat.
2. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jirreġistraw l-avvistamenti f’rapport ta' sorveljanza permezz ta’ formola stabbilita f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 20
Proċedura ta' spezzjoni
1. L-ispetturi m’għandhomx jimbarkaw mingħajr ma jkun ingħata avviż minn qabel bir-radju lill-bastiment tas-sajd jew mingħajr ma l-bastiment tas-sajd kun ingħata s-sinjal xieraq permezz tas-Sinjal tal-Kodiċi Internazzjonali, inkluż l-identità tal-pjattaforma ta’ spezzjoni, irrispettivament milli jekk titwassalx lura notifika tal-wasla ta’ tali avviż.
2. L-ispetturi għandhom ikunu awtorizzati illi jeżaminaw iż-żoni, il-gverti u l-kmamar kollha rilevanti tal-bastiment tas-sajd, il-qabdiet (sewwa jekk ipproċessati u sewwa jekk le), ix-xbieki u rkaptu ieħor, it-tagħmir u d-dokumenti kollha rilevanti meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-osservanza mal-miżuri stabbiliti min-NEAFC u li jagħmlu mistoqsijiet lill-kaptan jew lill-persuna ddeżinjata minnu.
3. Il-bastiment tas-sajd li jkun se jiġi imbarkat ma għandux ikollu għalfejn jieqaf jew jimmanuvra jekk ikun qiegħed jistad, ikala jew jerfa' l-qabda. L-ispetturi jistgħu jordnaw l-interruzzjoni jew l-ittardjar fl-irfih tal-irkaptu tas-sajd sakemm ikunu imbarkaw il-bastiment iżda f'kull każ mhux iktar minn 30 minuta minn meta jasal is-sinjal imsemmi fil-paragrafu 1.
4. L-kaptani tal-pjattaformi ta’ spezzjoni għandhom jiżguraw li jimmanuvraw f'distanza sikura mill-bastimenti tas-sajd skont prinċipji tajba tat-tbaħħir.
5. L-ispetturi jistgħu jagħtu struzzjonijiet lil bastiment tas-sajd biex jittardja d-dħul tiegħu fiż-Żona Regolatorja, jew il-ħruġ minnha għal massimu ta' 6 sigħat mill-ħin tat-trażmissjoni mill-bastiment tas-sajd tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) u (c).
6. L-ispezzjoni m’għandhiex tieħu aktar minn 4 sigħat, jew sakemm tintrefa’ x-xibka u jiġu spezzjonati x-xibka u l-qabda, skont liema ddum l-aktar. Fil-każ li jinsab xi ksur, l-ispetturi jistgħu jibqgħu abbord għall-perjodu taż-żmien meħtieġ sabiex jitlestew il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 29(1)(b).
7. Iżda, f'ċirkostanzi speċjali, marbuta mad-daqs tal-bastiment tas-sajd u l-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord, it-tul taż-żmien ta' spezzjonati jista’ jaqbeż il-perjodi taż-żmien stipulati fil-paragrafu 6. F'sitwazzjoni bħal din, l-ispetturi fl-ebda każ ma għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tas-sajd aktar mill-ħin meħtieġ biex itemmu l-ispezzjoni tagħhom. Ir-raġunijiet għall-qbiż tal-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 6 għandhom ikunu rreġistrati fir-rapport ta’ spezzjoni msemmi fil-paragrafu 9.
8. Mhux iktar minn żewġ spetturi assenjati mill-Istati Membri għandhom jitilgħu abbord bastiment tas-sajd ta’ Parti Kontraenti oħra. Huma u jwettqu l-ispezzjoni tagħhom, l-ispetturi jistgħu jitolbu lill-kaptan għal kwalunkwe għajnuna li jistgħu jeħtieġu. L-ispetturi m’għandhomx jindaħlu mal-kapaċità tal-kaptan li jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera matul it-tlugħ abbord u l-ispezzjoni.
9. Kull spezzjoni għandha tkun iddokumenntata permezz tal-ikkompletar ta’ rapport ta’ spezzjoni fil-format stabbilit skont il-proċedura msemmija fl-Artikol 47(2). Il-kaptan jista' jikkummenta dwar ir-rapport ta' spezzjoni u dan għandu jiġi ffirmat mill-ispetturi fi tmiem l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd. Kopja ta’ kull rapport ta’ spezzjoni għandha tiġi trażmessa mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni, jew lill-entità maħtura minnha. Il-Kummissjoni jew l-entità maħtura minnha għandha tibagħtu minnufih ▌lis-Segretarju tan-NEAFC. L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu jintbagħat fuq talba lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat.
Artikolu 21
Obbligu tal-kaptan tal-bastimenti matul il-proċedura ta' spezzjoni
Il-kaptan ta’ basiment tas-sajd għandu:
(a) jiffaċilita l-imbark u l-iżbark, minnufih u b'mod sikur, skont l-ispeċifikazzjonijiet adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2);
(b) jikkoopera ma’ u jgħin fl-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd magħmul skont dan ir-Regolament, u ma għandux ifixkel, jintimida jew jindaħal fix-xogħol tal-ispetturi fit-twettiq ta' dmirijiethom u għandu jiżgura s-sikurezza tagħhom;
(c) jippermetti li l-ispetturi jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera u mal-Istat tal-ispezzjoni;
(d) jipprovdi aċċess għal kwalunkwe żona, gverta u kamra tal-bastiment, qabda (ipproċessata jew le), xibka u rkaptu ieħor, tagħmir, u kwalunkwe tagħrif jew dokumenti li l-ispettur iqis li jkunu meħtieġa skont l-Artikolu 20(2);
(e) jipprovdi kopji tad-dokumenti kif meħtieġ mill-ispettur; and
(f) jipprovdi lill-ispetturi b’faċilitajiet raġjonevoli, inklużi, fejn xieraq, ikel u akkommodazzjoni meta jibqgħu abbord il-bastiment skont l-Artikolu 32(3).
KAPITOLU IV
Kontroll mill-Istat tal-Port ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-Bandiera ta' Parti Kontraenti oħra
Artikolu 22
Ambitu
Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat[11] (ir-Regolament IUU), id-dispożizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-ħatt l-art jew it-trażbord fil-portijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta' riżorsi tal-ħut iffriżat wara li jkunu nqabdu fiż-żona tal-Konvenzjoni NEAFC minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra.
Artikolu 23
Portijiet deżinjati
L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar portijiet jew postijiet qrib ix-xatt fejn il-ħatt l-art jew ▌trażbord ta’ riżorsi tal-ħut iffriżati wara li jkunu nqabdu fiż-Zona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra jkunu permessi. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarju tan-NEAFC dwar dawn il-postijiet u bi kwalunkwe tibdil li jsir fil-lista ta' portijiet deżinjati għallinqas ħmistax-il jum qabel ma jidħol fis-seħħ it-tibdil.
Il-ħatt l-art u t-trażbord ta' ħut iffriżat wara li jkun inqabad fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra għandhom jitħallew jidħlu biss f'portijiet iddeżinjati.
Artikolu 24
Notifika minn qabel dwar id-dħul fil-port
1. F'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, li għandhom abbord ħut imsemmi fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, u li biħsiebhom jidħlu f'port biex iħottu jew jittrażbordaw għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port li jixtiequ jużaw għallinqas tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ħin stmat tal-wasla.
Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ieħor ta' notifika, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd u l-portijiet tiegħu. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC.
2. Il-kaptani jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jħassru notifika minn qabel billi jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-port li jixtiequ jużaw għallinqas 24 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port.
Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ta’ notifika ieħor għat-tħassir. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. In-notifika għandha jkollha magħha kopja tal-formola tan-notifika oriġinali bil-kelma “IMĦASSRA” miktuba minn naħa sa oħra tagħha.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandu jibgħat kopja tan-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 minnufih lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, u lill-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi meta l-bastiment tas-sajd kien involut f'operazzjonijiet ta' trażbord. Kopja tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat ukoll mingħajr dewmien ▌lis-Segretarju tan-NEAFC.
▌
5. ▌Il-format u l-ispeċifikazzjonijiet għan-notifika għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Safejn meħtieġ, regoli dettaljati ulterjuri dwar il-proċeduri ta’ notifika u ta’ kanċellazzjoni fil-qafas ta’ dan l-Artikolu, inklużi perjodi, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 46 sa 46c.
Artikolu 25
Awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art u t-trażbord
1. L-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun beħsiebu jħott l-art jew jittrażborda, jew fejn il-bastiment kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord barra l-ilmijiet tal-Unjoni, l-Istat tal-bandiera jew l-Istati tal-bastimenti donaturi, għandhom, billi jirritornaw kopja tan-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 24 lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tal-port, jikkonfermaw li:
(a) il-bastimenti tas-sajd li ddikjaraw li qabdu l-ħut kellhom biżżejjed kwota għall-ispeċijiet iddikjarati;
(b) il-kwantitajiet ta' ħut abbord ġew rappurtati u tqiesu kif suppost għall-kalkolu ta' kwalunkwe limitazzjoni tal-qbid jew tal-isforz li jista' jkun applikabbli;
(c) il-bastimenti tas-sajd li ddikjaraw li qabdu l-ħut kellhom l-awtorizzazzjoni li jistadu fiż-żoni ddikjarati;
(d) il-preżenza tal-bastimenti fiż-żona tal-qabda ddikjarata ġiet ivverifikata skont id-dejta VMS.
2. L-operazzjonijiet ta' ħatt l-art jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk tkun waslet il-konferma mill-Istat tal-bandiera, kif jissemma fil-paragrafu 1.
3. B'deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jistgħu jawtorizzaw l-ħatt l-art kollu jew parti minnu fl-assenza tal-konferma msemmija fil-paragrafu 1 iżda f'każijiet bħal dawn iżommu l-ħut ikkonċernat maħżun taħt il-kontroll tagħhom. Il-ħut jista' jiġi biss irrilaxxat għall-bejgħ, għall-għoti jew għat-trasport ladarba tkun waslet il-konferma msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-konferma ma tasalx fi żmien 14-il jum wara l-ħatt l-art, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jistgħu jikkonfiskaw u jiddisponu mill-ħut skont ir-regoli nazzjonali.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-kaptan dwar id-deċiżjoni tagħhom li jawtorizzaw jew le il-ħatt l-art jew it-trażbord, u jinfurmaw ▌lis-Segretarju tan-NEAFC.
5. Regoli dettaljati dwar l-awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art jew it-trażbord skont dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 46 sa 46c.
Artikolu 26
Spezzjonijiet tal-Port
1. L-Istati Membri għandhom iwettqu spezzjonijiet fuq mhux inqas minn 15% tal-kwantitajiet li jinħattu jew li jiġu ttrażbordati fil-portijiet tagħhom matul kull sena ta’ rappurtar.
2. L-ispezzjonijiet għandhom jinvolvu l-monitoraġġ tal-iskariku kollu jew tat-trażbord u għandhom jinkludu kontroverifiki bejn il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fin-notifika preċedenti tal-ħatt l-art u l-kwantitajiet li jinħattu l-art jew li jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi. Meta l-ħatt jew it-trażbord jitlesta, l-ispettur għandu jivverifika u jinnota l-kwantitajiet ta’ ħut, skont l-ispeċi, li jibqgħu abbord.
3. L-ispetturi nazzjonali għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jevitaw illi bastiment idewmuh iżżejjed u jiżguraw li l-bastiment ibati l-minimu ta' interferenza u inkonvenjenza u li tiġi evitata d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħut.
4. L-Istat Membru tal-port jista’ jistieden spetturi minn Partijiet Kontraenti oħra sabiex jakkumpanjaw l-ispetturi tagħhom u josservaw l-ispezzjoni tal-operazzjonijiet tal-ħatt jew tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd maqbuda minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra.
Artikolu 27
Rapporti tal-ispezzjoni
1. Kull spezzjoni għandha tkun iddokumentata permezz tal-ikkompletar ta’ rapport ta’ spezzjoni permezz tal-formola stabbilita skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
2. Il-kaptan jista' jikkummenta dwar ir-rapport ta' spezzjoni u dan għandu jiġi ffirmat mill-ispetturi u mill-kaptan fi tmiem l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd.
3. Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat u lill-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi fejn il-bastiment kien involut f'operazzjonijiet ta' trażbord, lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu jintbagħat fuq talba lill-Istat tal-Bandiera tal-bastiment spezzjonat.
KAPITOLU V
Ksur
Artikolu 28
Ambitu
Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti oħra użati, jew li hemm ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta’ sajd fuq riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja.
Artikolu 29
Proċeduri ta’ ksur
1. Meta l-ispetturi jsibu li hemm bażijiet ċari sabiex jemmnu illi bastiment tas-sajd inqabad f'attività kuntrarja għall-miżuri adottati min-NEAFC, huma għandhom:
(a) jinnutaw il-ksur fir-rapport imsemmi fl-Artikoli 19(2), 20(8) jew 27;
(b) jieħdu l-miżuri kolha meħtieġa sabiex jiżguraw is-sigurtà u l-kontinwità tal-evidenza. Għandha tiġi mwaħħla fis-sod marka ta' identifikazzjoni ma’ kull parti tal-irkaptu tas-sajd illi tidher waqt l-ispezzjoni li tmur kontra l-miżuri applikabbli;
(c) jippruvaw immedjatament jikkomunikaw ma’ spettur jew mal-awtorità ddeżinjata tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat;
(d) jittrażmettu r-rapport ta' spezzjoni minnufih lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha.
2. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jikkomunika bil-miktub id-dettalji tal-ksur lill-awtoritajiet iddeżinjati tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha ▌matul il-ġurnata tax-xogħol wara l-bidu tal-ispezzjoni kull meta dan ikun possibbli.
3. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jibgħat mingħajr dewmien l-oriġinali tar-rapport ta' sorveljanza jew ta’ spezzjoni flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat, kif ukoll kopja lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, li mbagħad tgħaddi kopja lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 30
Azzjoni ta’ segwitu fil-każ ta' ksur
1. Meta Stat Membru jiġi mgħarraf minn Parti Kontraenti oħra jew minn Stat Membru ieħor dwar ksur minn bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, dan l-Istat għandu jieħu azzjoni fil-pront skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu billi jirċievi u jeżamina l-evidenza u jissokta bl-investigazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex tittieħed azzjoni ta’ segwitu għall-ksur u, kulfejn possibbli, jispezzjona l-bastiment tas-sajd ikkonċernat.
2. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw lill-awtoritajiet xierqa maħtura biex jilqgħu l-evidenza dwar il-ksur u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha dwar l-indirizz ta’ dawk l-awtoritajiet u bi kwalunkwe bidla f’din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha sussegwentament għandha tgħaddi l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 31
Ksur serju
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tipi ta’ ksur li ġejjin għandhom jitqiesu bħala serji:
(a) sajd mingħajr awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-Istat tal-bandiera;
(b) sajd mingħajr kwota jew wara li tkun ġiet eżawrita l-kwota;
(c) l-użu ta' rkaptu pprojbit tas-sajd;
(d) nuqqasijiet serji fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet tal-ħut;
(e) nuqqasijiet ripetuti ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 11;
(f) ħatt l-art jew trażbord f’port mhux iddeżinjat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23;
(g) nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24;
(h) ħatt jew trażbord mingħajr awtorizzazzjoni tal-Istat tal-port kif imsemmi fl-Artikolu 25;
(i) żamma ta' spettur mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu;
(j) sajd dirett għal stokk li huwa suġġett għal moratorju jew li s-sajd tiegħu huwa pprojbit;
(k) falsifikazzjoni jew ħabi tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd;
(l) il-ħabi, tbagħbis jew twarrib ta' evidenza li jkollha x’taqsam ma’ investigazzjoni;
(m) vjolazzjonijiet multipli li flimkien jikkostitwixxu indifferenza serja tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni;
(n) involviment f’operazzjonijiet ta’ trażbord jew ta’ sajd konġunt ma’ bastimenti ta’ Partijiet mhux Kontraenti li ma jkunux ingħataw l-istatus ta’ Parti Mhux Kontraenti li tikkoopera min-NEAFC;
(o) ifornu provvisti, karburant jew servizzi oħra lil bastimenti li jkunu tqiegħdu fuq il-listi msemmija fl-Artikolu 44.
Artikolu 32
Azzjoni ta’ segwitu f’każijiet ta’ ksur serju
1. Jekk spettur iqis li jeżistu raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment tas-sajd wettaq ksur serja skont l-Artikolu 31, dak l-ispettur għandu jinnotifika minnufih dik l-ksur lill-Kummissjoni, inkella lill-entità iddeżinjata minnha, lill-awtoritajiet xierqa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat u lill-Istat(i) tal-bandiera ta’ bastimenti donaturi fejn il-bastiment spezzjonat kien involut f’operazzjonijiet ta’ trażbord, skont l-Artikolu 29(3) b’kopja lis-Segretarju tan-NEAFC.
2. Sabiex ma titħassarx l-evidenza, l-ispetturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tal-evidenza filwaqt li jimminimizza l-ksur u l-inkonvenzjenza fix-xogħol tal-bastiment.
3. L-ispettur huwa intitolat jibqa’ abbord il-bastiment tas-sajd għall-perjodu meħtieġ sabiex jipprovdi inforamzzjoni dwar il-ksur lill-ispettur awtorizzat kif xieraq, imsemmi fl-Artikolu 33, jew sakemm jirċievi tweġiba mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jitlob lill-ispettur biex jitlaq minn fuq il-bastiment tas-sajd.
Artikolu 33
Azzjoni ta’ segwitu f’każijiet ta’ ksur serju minn bastiment tas-sajd tal-UE
1. L-Istati Membri tal-Bandiera għandhom jirrispondu għan-notifika msemmija fl-Artikolu 32(1) mingħajr dewmien u għandhom jiżguraw li l-bastiment tas-sajd ikkonċernat jiġi spezzjonat fi żmien 72 siegħa minn spettur awtorizzat kif jixraq f’dak li jirrigwarda l-ksur. L-ispettur awtorizzat kif xieraq għandu jitla’ abbord il-bastiment involut u jeżamina l-evidenza tal-ksur suspettat, stabbilita minn spettur tan-NEAFC, u jibgħat mill-aktar fis ir-riżultati tal-eżami lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u lill-Kummissjoni jew lil entità ddeżinjata minnha.
2. Wara n-notifika tar-riżultati, l-Istati Membri tal-Bandiera għandhom, jekk l-evidenza titlob hekk, jesiġu li l-bastiment tas-sajd jipproċedi immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa f’port iddeżinjat minn dak l-Istat Membru tal-bandiera għal spezzjoni bir-reqqa taħt l-awtorità tagħha.
3. L-Istat Membru tal-bandiera jista’ jawtorizza lill-Istat Membru li jispezzjona sabiex idaħħal il-bastiment tas-sajd mingħajr dewmien f’port iddeżinjat mill-Istat Membru tal-bandiera.
4. Jekk il-bastiment tas-sajd ma jissejjaħx biex jidħol fil-port, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jipprovdu ġusitifikazzjoni xierqa mingħajr dewmien żejjed lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha u lill-Istat li jispezzjona. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tgħaddi din il-ġustifikazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
5. Meta bastiment huwa meħtieġ li jipproċedi f'port għal spezzjoni bir-reqqa skont il-paragrafi 2 jew 3, spettur tan-NEAFC minn Parti Kontraenti oħra jista’, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, jimbarka u jibqa’ abbord il-bastiment tas-sajd hekk kif ikun qed jipproċedi lejn port, u jista’ jkun preżenti waqt l-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd fil-port.
6. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha dwar ir-riżultat tal-ispezzjoni bir-reqqa u l-miżuri li jkun ħa bħala riżultat tal-ksur.
7. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija Artikolu 47(2).
Artikolu 34
Rappurtar u azzjoni ta’ segwitu għall-każijiet ta’ ksur
1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, l-istatus tal-proċedimenti rigward każijiet ta’ ksur tal-miżuri tan-NEAFC li seħħew matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-każijiet ta’ ksur għandhom jibqgħu jiġu elenkati fuq kull rapport sussegwenti sakemm il-proċediment jiġi konkluż f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tgħaddi dawn ir-rapporti lis-Segretarju tan-NEAFC qabel l-1 ta’ Marzu.
2. Ir-rapport meħtieġ fil-paragrafu 1 għandu jindika l-istatus attwali tal-proċedimenti u b’mod partikolari jekk il-każ hux pendenti, qed jiġi appellat jew għadu qed jiġi investigat. Ir-rapport għandu jiddeskrivi kwalunkwe sanzjoni imposta f’termini speċifiċi, u jispeċifika b’mod partikolari il-livell tal-multi, il-valur tal-ħut u/jew tal-irkaptu kkonfiskat u kwalunkwe twissija bil-miktub li ngħatat u għandu jinkludi spjegazzjoni jekk ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni.
Artikolu 35
Trattament tar-rapporti ta' spezzjoni
Minbarra l-Artikolu 77 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw flimkien u ma' Partijiet Kontraenti oħrajn sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri ġudizzjarji jew oħrajn, li joħorġu minn rapport ippreżentat minn spettur taħt l-Iskema, soġġett għar-regoli li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi fis-sistemi nazzjonali, ġudizzjarji jew oħrajn.
Artikolu 36
Rapporti dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, sal-15 ta' Frar ta' kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:
(a) l-għadd ta' spezzjonijiet imwettqa minnu skont l-Artikoli 19, 20 u 26 fejn jiġi speċifikat l-għadd ta' spezzjonijiet fuq il-bastimenti ta' kull Parti Kontraenti u, fejn tkun saret kontravvenzjoni, id-data u l-pożizzjoni tal-ispezzjoni tal-bastiment involut u n-natura tal-ksur;
(b) l-għadd ta’ sigħat fl-ajru u l-għadd ta’ jiem fuq il-baħar minn operazzjonijiet tal-għassa tan-NEAFC, l-għadd ta’ avvistamenti, inklużi kemm bastimenti ta’ Partijiet Kontraenti kif ukoll dawk mhux Kontraenti, u lista ta’ bastimenti individwali li għalihom ġie kkompletat rapport ta’ sorveljanza.
2. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tiġbor rapport Komunitarju abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri. Gћandha tibgћat ir-rapport Komunitarju lis-Segretarju tan-NEAFC sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena.
KAPITOLU VI
Miżuri għall-promozzjoni tal-konformità minn bastimenti tas-sajd ta’ Partijiet mhux Kontraenti
Artikolu 37
Ambitu
1. Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd ta’ Partijiet Mhux Kontraenti, użati jew li hemm ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta’ sajd fuq riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni.
2. Dan il-Kapitolu m’għandux jippreġudika r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1005/2008.
Artikolu 38
Avvistamenti u identifikazzjonijiet ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti
1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, kwalunkwe informazzjoni rigward bastimenti ta’ Partijiet Mhux Kontraenti avvistati jew identifikati bi kwalunkwe mezz ieħor bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tinforma minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC u l-Istati Membri kollha dwar kull rapport ta’ avvistament li tirċievi.
2. L-Istat Membru li jkun avvista l-bastiment ta’ Parti mhux Kontraenti għandu jipprova jinforma minnufih lil dan il-bastiment dwar l-avvistament jew l-identifikazzjoni b’xi mezz ieħor tal-involviment tiegħu f’attivitajiet ta’ sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni u sakemm l-Istat tal-bandiera tiegħu ma jkunx ingħata l-istatus ta’ Parti mhux Kontraenti li tikkoopera min-NEAFC, jitqies li qiegħed jhedded ir-rakkomandazzjonijiet ta’ konservazzjoni tan-NEAFC, kif stabbiliti fil-Konvenzjoni.
3. Fil-każ ta’ bastiment ta’ Parti mhux Kontraenti avvistat jew identifikat b’xi mezz ieħor bħala involut f’attivitajiet ta’ trażbord, il-preżunzjoni li qed jhedded il-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar tapplika għal kwalunkwe bastiment ieħor ta’ Parti Mhux Kontraenti li jkun ġie identifikat bħala involut f’attivitajiet tali ma’ dak il-bastiment.
Artikolu 39
Spezzjonijiet fuq il-baħar
1. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jitolbu permess biex jitilgħu abbord u jispezzjonaw bastimenti ta’ Partijiet mhux Kontraenti avvistati jew identifikati bi kwalunkwe mezz ieħor bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Jekk il-bastiment iħallihom jitilgħu abbord, l-ispezzjoni għandha tiġi ddokumentata billi jiġi kkompletat rapport ta’ spezzjoni kif jissemma fl-Artikolu 20(9).
2. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jittrażmettu kopja tar-rapport ta’ spezzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-kaptan tal-bastiment ta’ Parti mhux Kontraenti. Fejn l-evidenza hekk tirrikjedi, l-Istat Membru jista’ jieħu tali azzjoni kif xieraq skont il-liġi internazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa jeżaminaw kemm ikunu xierqa l-miżuri domestiċi biex jeżerċitaw il-ġuridisdizzjoni fuq bastimenti bħal dawn.
3. Jekk il-kaptan ma jippermettix it-tlugħ abbord u l-ispezzjoni tal-bastiment tiegħu jew ma jissodisfax xi wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21(1) sa (4), dan il-bastiment jitqies li kien involut f’attivitajiet IUU. L-ispettur tan-NEAFC għandu jinforma lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, dwar dan mingħajr dewmien, li imbagħad għandha tinforma minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 40
Dħul fil-port
1. Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd ta’ Parti mhux Kontraenti jista’ jidħol biss f’port iddeżinjat skont l-Artikolu 23. Il-kaptan li jkun beħsiebu jidħol f’port ta’ Stat Membru għandu jinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-port skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24. L-Istat Membru tal-port ikkonċernat għandu jibgħat din l-informazzjoni mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment u lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, li mbagħad għandha tibgħatha lis-Segretarju tan-NEAFC.
2. L-Istat Membru tal-port għandu jipprojbixxi d-dħul fil-portijiet tiegħu lil bastimenti li ma jkunux taw in-notifika minn qabel tad-dħul ġewwa port kif jissemma fl-Artikolu 24.
Artikolu 41
Spezzjonijiet fil-port
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti kollha ta’ Partijiet mhux Kontraenti li jidħlu f'wieħed mill-portijiet tiegħu jiġu spezzjonati. Il-bastiment ma għandux jitħalla jħott jew jittrażborda ħut sakemm titlesta l-ispezzjoni. Kull spezzjoni għandha tiġi ddokumentata billi jimtela rapport tal-ispezzjoni kif stipulat fl-Artikolu 27. Fejn il-kaptan tal-bastiment ikun naqas milli jonora kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21(1) sa (4), dan il-bastiment jitqies li kien involut f’attivitajiet IUU.
2. Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet kollha ta’ bastimenti ta’ Partijiet mhux Kontraenti mwettqa fil-portijiet tal-Istati Membri, u l-azzjoni sussegwenti, għandha tiġi trażmessa minnufih lill-Kummissjoni, jew lill-entità ddeżinjata minnha, li għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 42
Ħatt l-art u trażbord
1. L-operazzjonijiet ta' ħatt l-art jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port.
2. Il-ħatt l-art u t-trażbord tal-prodotti kollha tal-ħut minn bastiment ta’ Parti mhux Kontraenti, li jkun ġie spezzjonat skont l-Artikolu 41, għandu jiġi pprojbit fil-portijiet u fl-ilmijiet tal-Istati Membri kollha jekk spezzjoni bħal din turi li l-bastiment għandu speċijiet abbord li huma soġġetti għal rakkomandazzjonijiet stabbiliti taħt il-Konvenzjoni sakemm il-kaptan tal-bastiment ma jipprovdix evidenza sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti li biha jipprova li l-ħut inqabad barra ż-Żona Regolatorja jew f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti taħt il-Konvenzjoni.
3. Il-bastiment tas-sajd m’għandux jitħalla jħott jew ikun involut f’operazzjoni tat-trażbord jekk l-Istat tal-bandiera tal-bastiment, jew l-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi fejn il-bastiment kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord ma jipprovdix il-konferma msemmija fl-Artikolu 25.
4. Barra minn hekk, il-ħatt u t-trażbord għandu jkun ipprojbit jekk il-kaptan tal-bastiment ikun naqas milli jonora kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21(1) sa (4).
Artikolu 43
Rapporti dwar attivitajiet ta' Partjiet Mhux Kontraenti
1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni jew lill-entità ddeżinjata minnha, sal-15 ta' Frar ta' kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:
(a) L-għadd ta’ spezzjonijiet ta’ bastimenti ta’ Partijiet mhux Kontraenti li jwettqu taħt din l-Iskema, fuq il-baħar jew fil-portijiet tagħhom, l-ismijiet tal-bastimenti spezzjonati u l-istat tal-bandiera rispettiv, id-dati u kif xieraq, il-portijiet fejn twettqet l-ispezzjoni, u r-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet; u
(b) meta l-ħut jinħatt jew jiġi ttrażbordat wara spezzjoni f’konformità ma’ din l-Iskema, ir-rapport għandu jinkludi wkoll l-evidenza ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 42.
2. Minbarra r-rapport ta’ sorveljanza u l-informazzjoni dwar l-ispezzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu fi kwalunkwe ħin iressqu quddiem il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ bastimenti ta’ Parti Mhux Kontraenti li jistgħu jkunu qed iwettqu sajd IUU fiż-Żona tal-Konvenzjoni.
3. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni jew l-entità ddeżinjata minnha għandha tibgħat rapport globali dwar l-attivitajiet tal-Partijiet Mhux Kontraenti lis-Segretarju tan-NEAFC sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena.
Artikolu 44
Bastimenti involuti f’attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti li jidhru fil-lista provviżorja ta’ bastimenti IUU stabbilita min-NEAFC (il-lista ‘A’):
(a) jiġu spezzjonati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 meta jidħlu fil-portijiet tagħhom;
(b) mhumiex awtorizzati jħottu jew jittrażbordaw fil-portijiet tagħhom jew fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;
(c) ma jingħatawx għajnuna minn bastimenti tas-sajd, bastimenti ta' appoġġ, bastimenti li jfornu l-fjuwil, bastimenti omm u bastimenti tal-merkanzija li jtajru l-bandiera tagħhom, jew jitħallew jipparteċipaw f'xi operazzjoni ta' trażbord jew operazzjonijiet konġunti ta' sajd ma' dawn il-bastimenti;
(d) ma jiġux fornuti bi provvisti, karburant jew servizzi oħra.
2. Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1(b) u (d) m'għandhom jiġu applikati għall-ebda bastiment li jidher fil-lista 'A' meta jkun ġie rrakkomandat lin-NEAFC li l-bastimenti ikkonċernat għandu jitneħħa mil-lista 'A'.
CHAPTER VII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 45
Kunfidenzjalità
1. minbarra l-obbligi stipulati fl-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trattament konfidenzjali ta' rapporti u messaġġi elettroniċi trażmessi lejn u riċevuti mingħand is-Segretarjat tan-NEAFC skont l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 11, l-Artikolu 12 u l-Artikolu 19(1).
2. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 47(2).
Artikolu 46
Delega ta' kompiti
1. Il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta' atti ddelegati f'konformita mal-Artikolu 46a u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 46b u 46c ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25, kif ukoll il-lista ta' riżorsi msemmija fl-Artikolu 10(1) u regoli dettaljati dwar il-proċeduri ta' notifika u ta' kanċellazzjoni, inklużi perjodi, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(5).
2. Meta tadotta atti ddelegati bħal dawn, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 46a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħat li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 46 għandhom ikunu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tal-kompiti ddelegati mhux aktar tard minn 6 xhur qabel tmiem il-perjodu ta' tliet snin. Id-delega tal-kompiti għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jirrevokawhiex f'konformita mal-Artikolu 46b.
2. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Is-setgħat li tadotta atti ddelegati huma konferiti fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 46b u 46c.
Artikolu 46b
Revoka tad-delega
1. Id-delega tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 46 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega ta' kompiti għandha tagħmel ħiltha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika l-kompiti ddelegati li jistgħu jkunu soġġetti għal revoka u raġunijiet possibbli għal revoka.
3. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tal-kompiti speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Għandha tieħu effett immedjatament jew f'data sussegwenti speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' atti ddelegati li diġà huma fis-seħħ. Għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 46c
Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati
1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.
Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu jista' jiġi estiż b'xahrejn.
2. Jekk, malli jiskadi dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkun oġġezzjona għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih.
L-att iddelegat jista' jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.
3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att iddelegat, dan m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tistqarr ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att iddelegat.
Artikolu 47
Implimentazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat ta' Ġestjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura (minn issa ’l quddiem irriferit bħala "il-Kumitat").
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
▌
Artikolu 48
Proċeduri għall-emendi
Sa fejn ikun neċessarju, għat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE ta' emendi għad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Iskema li jsiru obbligatorji għall-Unjoni, il-Kummissjoni tista' temenda d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament permezz ta' atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 46a u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 46b u 46c, dwar:
- il-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fis-sajd fiż-Żona Regolatorja stipulata fl-Artikolu 5;
- it-tneħħija u d-disponiment tal-ikraptu fiss u l-irkupru ta' rkaptu mitluf stipulati fl-Artikolu 6 u 7;
- l-użu tal-VMS stipulat fl-Artikolu 11;
- il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC stipulati fl-Artikolu 12;
- rekwiżiti għall-ħżin separat u t-tikkettar tar-riżorsi tas-sajd iffriżati stipulati fl-Artikoli 14 u 15;
- l-assenjazzjoni tal-ispetturi tan-NEAFC stipulata fl-Artikolu 16;
- miżuri għall-promozzjoni tal-konformità minn bastimenti tas-sajd ta’ Partijiet mhux Kontraenti stipulati fil-Kapitolu VI;
- il-lista ta' riżorsi regolati stipulata fl-Anness.
Meta tadotta atti ddelegati bħal dawn, il-Kummissjoni għandha taġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 49
Revoka
Ir-Regolament (KE) Nru 2791/1999 huwa b'dan irrevokat.
Artikolu 50
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS
Riżorsi Regolati
A) Speċijiet Pelaġiċi u Oċeaniċi
Stokk (isem komuni) |
Kodiċi FAO |
Isem Xjentifiku |
Subżoni u diviżjonijiet tal-ICES |
|
Redfish |
REB |
Sebastes mentella |
I, II, V, XII, XIV |
|
Aringi tan-Norveġja li Jorqoq fir-Rebbiegħa (Atlanto Scandian) |
HER |
Clupea harengus |
I, II |
|
Stokkafixx |
WHB |
Micromesistius poutassou |
IIa, IVa, Vb, VI, VII, XII, XIV |
|
Kavalli |
MAC |
Scomber scombrus |
IIa, IV, V, VI, VII, XII |
|
Haddock |
HAD |
Melanogrammus aeglefinus |
VIb |
|
B) Speċijiet tal-baħar fond
Stokk (isem komuni) |
Kodiċi FAO |
Isem Xjentifiku |
Subżoni tal-ICES |
|
Baird’s smoothhead |
BDM |
Alepocephalus bairdii |
I sa XIV |
|
Risso’s smoothhead |
PHO |
Alepocephalus rostratus |
I sa XIV |
|
Antimora blu (Marlozz blu) |
ANT |
Antimora rostrata |
I sa XIV |
|
Ċinturin iswed |
BSF |
Aphanopus carbo |
I sa XIV |
|
Iceland catshark |
API |
Apristuris spp |
I sa XIV |
|
Arġentina |
ARG |
Argentina silus |
I sa XIV |
|
Alfonsinos |
ALF |
Beryx spp |
I sa XIV |
|
Tusk |
USK |
Brosme brosme |
I sa XIV |
|
Żagħrun |
GUP |
Centrophorus granulosus |
I sa XIV |
|
Leafscale gulper shark |
GUQ |
Centrophorus squamosus |
I sa XIV |
|
Mazzola sewda |
CFB |
Centroscyllium fabricii |
I sa XIV |
|
Mazzola Portugiża |
CYO |
Centroscymnus coelolepis |
I sa XIV |
|
Longnose velvet dogfish |
CYP |
Centroscymnus crepidater |
I sa XIV |
|
Granċ aħmar tal-fond |
KEF |
Chaceon (Geryon) affinis |
I sa XIV |
|
Fenek tal-Baħar |
CMO |
Chimaera monstrosa |
I sa XIV |
|
Frilled shark |
HXC |
Chlamydoselachus anguineus |
I sa XIV |
|
Gringu |
COE |
Conger conger |
I sa XIV |
|
Roundnose grenadier |
RNG |
Coryphaenoides rupestris |
I sa XIV |
|
Murruna Sewda |
SCK |
Dalatias licha |
I sa XIV |
|
Mazzola (Birdbeak dogfish) |
DCA |
Deania calceus |
I sa XIV |
|
Black cardinal fish (tal-fond) |
EPI |
Epigonus telescopus |
I sa XIV |
|
Mazzola kbira tal-fanal |
SHL |
Etmopterus princeps |
I sa XIV |
|
Mazzola tal-Fanal |
SHL |
Etmopterus spinax |
I sa XIV |
|
Gattarell ħalqu iswed |
SHO |
Galeus melastomus |
I sa XIV |
|
Stokk (isem komuni) |
Kodiċi FAO |
Isem Xjentifiku |
Subżoni tal-ICES |
|
Mouse catshark |
GAM |
Galeus murinus |
I sa XIV |
|
Ċippullazza tal-għajn |
BRF |
Helicolenus dactylopterus |
I sa XIV |
|
Murruna b’sitt garġi |
SBL |
Hexanchus griseus |
I sa XIV |
|
Orange roughy |
ORY |
Hoplostethus atlanticus |
I sa XIV |
|
Ġurdien tal-warda |
HPR |
Hoplostethus mediterraneus |
I sa XIV |
|
Large-eyed rabbit fish (Ratfish) |
CYH |
Hydrolagus mirabilis |
I sa XIV |
|
Xabla |
SFS |
Trichiuridae |
I sa XIV |
|
Eelpout |
ELP |
Lycodes esmarkii |
I sa XIV |
|
Roughhead Grenadier |
RHG |
Marcrourus berglax |
I sa XIV |
|
Linarda |
BLI |
Molva dypterigia |
I sa XIV |
|
Lipp |
LIN |
Molva molva |
I sa XIV |
|
Marlozz tal-fond |
RIB |
Mora moro |
I sa XIV |
|
Sailfin roughshark (Sharpback shark) |
OXN |
Oxynotus paradoxus |
I sa XIV |
|
Bażuga |
SBR |
Pagellus bogaraveo |
I sa XIV |
|
Lipp tal-qawwi |
GFB |
Phycis spp. |
I sa XIV |
|
Ħanżir tal-fond |
WRF |
Polyprion americanus |
I sa XIV |
|
Rebekkin tond |
RJY |
Raja fyllae |
I sa XIV |
|
Rebekkin tal-Artiku |
RJG |
Raja hyperborea |
I sa XIV |
|
Rebekkin tan-Norveġja |
JAD |
Raja nidarosiensus |
I sa XIV |
|
Ħalibatt ta’ Greenland |
GHL |
Rheinhardtius hippoglossoides |
I sa XIV |
|
Straightnose rabbitfish |
RCT |
Rhinochimaera atlantica |
I sa XIV |
|
Knifetooth dogfish |
SYR |
Scymnodon ringens |
I sa XIV |
|
Small redfish (Norway haddock) |
SFV |
Sebastes viviparus |
I sa XIV |
|
Greenland shark |
GSK |
Somniosus microcephalus |
I sa XIV |
|
Spiny (Deep-sea) Scorpionfish |
TJX |
Trachyscorpia cristulata |
I sa XIV |
|
Appendiċi
Dikjarazzjonijiet dwar l-Artikolu 48
"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnotaw li kwalunkwe dispożizzjoni ta' karattru mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv ta' bażi, li issa huma elenkati fl-Artikolu 46 tar-Regolament (delega ta' kompiti), tista' fi kwalunkwe waqt fil-ġejjieni ssir element sinifikanti tal-iskema ta' kontroll eżistenti tan-NEAFC minn perspettiva politika, f'liema każ il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li ż-żewġ leġiżlaturi, il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew, jistgħu minnufih jeżerċitaw jew id-dritt ta' oġġezzjoni għal abbozz ta' att iddelegat tal-Kummissjoni jew id-dritt ta' revoka tal-kompiti ddelegati kif stipulat fl-Artikoli 46/ b-c tar-Regolament."
"Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu li l-inklużjoni ta' kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament dwar l-iskema ta' kontroll tan-NEAFC bħala element mhux essenzjali, issa elenkata taħt l-Artikolu 48, ma timplikax per se li t-tali dispożizzjoni awtomatikament se titqies bħala ta' natura mhux essenzjali mil-leġiżlaturi fi kwalunkwe regolament tal-ġejjieni għajr dan ir-Regolament."
"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu bla ħsara għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew għal atti leġiżlattivi individwali li jkun fihom tali dispożizzjonijiet."
- [1] Għadha mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.
- [2] * Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [3] Opinjoni tas-17 ta’ Marzu 2010 (għadha mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).
- [4] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ .... ta' Ottubru 2010.
- [5] ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21.
- [6] ĠU L22, 26.1.2009, p.1.
- [7] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
- [8] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
- [9] ĠU L 56, 2.3.2005, p.8
- [10] ĠU L 261, 20.10.1983, p. 1.
- [11] ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Il-kuntest
Il-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, li l-UE hija parti kontraenti fiha, ġiet approvata bid-Deċiżjoni 81/608/KEE u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982.
Miżuri ta' kontroll u infurzar jistgħu jiġu adottati biex jiżguraw li din il-Konvenzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (in-"NEAFC") ikunu implimentati. Dawn huma applikabbli għall-bastimenti kollha użati jew maħsuba għall-użu għal attivitajiet tas-sajd fuq riżorsi tas-sajd f'żoni ddefiniti fil-Konvenzjoni.
L-għan ta' din il-proposta huwa dak li taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE li tittrasponi l-Iskema ta’ kontroll u infurzar adottata min-NEAFC. Bil-għan li tippermetti l-implimentazzjoni ta' din l-Iskema l-ġdida adottata min-NEAFC, din il-proposta konsegwentement tipprevedi r-revoka tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 tas-16 ta' Diċembru 1999, li implimenta l-ewwel Skema adottata min-NEAFC fl-1998.
Matul il-25 laqgħa annwali tagħha fl-2006, in-NEAFC adottat Skema ġdida sabiex ittejjeb il-kontroll u l-infurzar tar-rakkomandazzjonijiet tagħha. Il-bidla ewlenija hija t-tgħaqqid tal-iskema preċedenti mal-programm li jippromwovi l-konformità mill-bastimenti ta' partijiet mhux kontraenti. Il-bidla l-oħra hija l-inklużjoni ta' sistema ġdida għall-kontroll mill-Istat tal-port, li effettivament tagħlaq il-portijiet Ewropej għall-ħatt l-art ta' ħut iffriżat li ma jkunx ġie vverifikat li huwa legali mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment barrani. Din tipprovdi miżuri ġodda għall-kontroll ta' bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU). L-Iskema ġiet emendata ulterjorment minn diversi rakkomandazzjonijiet tan-NEAFC fil-laqgħat annwali tiegħu fl-2007, l-2008 u l-2009.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2007, fid-9 ta' Frar 2008, fis-6 u t-8 ta' Jannar 2009 u fis-6 ta' Frar 2010 rispettivament. Skont it-termini tal-Konvenzjoni tan-NEAFC, huma vinkolanti għall-partijiet kontraenti kollha. Gaħldaqstant il-Komunità, bħala parti kontraenti, għandha tapplikahom.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ir-“Regolament dwar is-Sajd IUU”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità jistabbilixxi l-obbligu li bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd biex jieħdu sehem f'attivitajiet tas-sajd barra l-ilmijiet tal-Komunità. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd kien adottat fl-20 ta' Novembru 2009.
Wara li daħal fis-seħħ it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fl-1 ta' Diċembru 2009, din il-proposta għaddiet għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Għaldaqstant kien jeħtieġ li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi adattata skont dan, inkluż permezz tal-allinjament tad-dispożizzjonijiet tal-komitoloġija ma' dawk tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE li jirrigwardaw rispettivament il-kompiti ddelegati u l-kompiti ta' implimentazzjoni.
Xi wħud mid-dispożizzjonijiet tan-NEAFC ġew inkoprorati fil-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tar-regoli dwar it-TACs u l-kwoti annwali. Għall-finijiet taċ-ċarezza ġuridika, dawn id-dispożizzjonijiet, li mhumiex ta' natura temporanja, għandhom jiġu ttrasferiti f'regolament ġdid u separat.
2. Il-pożizzjoni tar-rapporteur
Ir-rakkomandazzjonijiet tan-NEAFC ġew adottati bl-appoġġ sħiħ tal-UE. Bosta drabi l-PE tenna li l-ogħla prijorità jeħtieġ li tingħata lil miżuri kontra s-sajd IUU implimentati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Għaldaqstant ir-rapporteur jidhrilha li l-Iskema ta' kontroll u infurzar adottata min-NEAFC għandha tiġi trasposta mill-aktar fis fid-dritt tal-UE.
F'dan ir-rigward, ir-rapporteur jeħtiġilha tesprimi n-nuqqas ta' qbil tagħha mal-metodu użat diversi drabi mill-Kummissjoni, li jikkonsisti fit-traspożizzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-RFMOs permezz tar-regolamenti li jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti. Barra minn hekk, din it-teknika leġiżlattiva ma tistax tkompli għaddejja bħala tali taħt it-TFUE, minħabba li miżuri li joħorġu mill-ħidma biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS jeħtieġ li jinżammu fil-kompiti konġunti tal-koleġiżlaturi skont TFUE 43(2).
Fil-każ preżenti, dawn il-miżuri ġew adottati min-NEAFC fl-2006 u t-tentattiv tal-Kummissjoni li tiġġustifika dan id-dewmien billi twaħħal f'nuqqas ta' riżorsi umani m'għadux sostenibbli. It-traspożizzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-RFMOs tikkostitwixxi strument tal-ogħla importanza, kemm għall-finijiet tal-ġlieda kontra s-sajd illegali kif ukoll biex tevita vojt ġuridiku għall-flotot Komunitarji, u dan id-dewmien, minkejja li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma inkorporati proviżorjament permezz ta' regolamenti oħra, joħloq konfużoni fil-leġiżlazzjoni u jherri l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha malajr kemm jista' jkun talloka biżżejjed riżorsi għall-ħidma marbuta mal-RFMOs.
F'dan il-każ, dewmien addizzjonali ħareġ mill-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tressqet wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ġdid, imma xorta taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni. Għalhekk kien jeħtieġ li tiġi adattata. In-negozjati sfaw ikkumplikati mill-fatt li l-proposta kien fiha bosta dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura qadima tal-'komitoloġija', kif ukoll waħda li tirrigwarda t-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, permezz ta' dik il-proċedura, ta' kull rakkomandazzjoni futura tan-NEAFC.
L-emendi konsolidati li tressqu għall-votazzjoni fil-Kumitat għas-Sajd jirriflettu l-kompromess li ntlaħaq fit-trijalogu li sar fil-15 ta' Settembru 2010 bil-għan li jintlaħaq qbil fl-ewwel qari.
Ir-rapporteur hija tal-fehma li t-test maqbul jissalvagwardja l-prerogattivi l-ġodda tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u jinnota li jinkludi l-adattamenti meħtieġa li joħorġu mill-Artikoli 290 u 291 TFUE dwar atti ddelegati u atti ta' implimentazzjoni, kif ukoll sensiela ta' emendi maħsuba biex jaġġornaw u jikkjarifikaw il-proposta tal-Kummissjoni.
Dwar il-kwistjoni tat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Komunitarja ta' kwalunkwe modifika ġejjinija tal-iskema ta' kontroll u infurzar tan-NEAFC, se jeħtieġ li s-soluzzjonijiet ta' kompromess li nirrikorru għalihom fil-preżent jitqabblu mal-imperattivi prattiċi tal-proċedura ta' traspożizzjoni, u li jsir kwalunkwe adattament li jista' jkun meħtieġ fil-ġejjieni u li jitqies f'loku u permess skont it-Trattat.
Ir-rapporteur tixtieq ukoll tenfasizza, għal darb' oħra, il-ħtieġa li l-Parlament jingħata informazzjoni sħiħa u f'waqtha dwar il-fażijiet kollha tal-proċedura tan-negozjati relatati mad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd (inkluża d-definizzjoni tal-mandati tan-negozjati), kif ukoll l-importanza tal-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi f'dawk in-negozjati. Dan huwa rekwiżit sine qua non jekk għandha ssir traspożizzjoni rapida u effikaċi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni Komunitarja li bl-ebda mod ma' tipperikola l-prerogattivi tal-koleġiżlaturi jew il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet skont it-Trattat.
PROĊEDURA
Titolu |
Skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-koperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku |
|||||||
Referenzi |
COM(2009)0151 – C7-0009/2009 – 2009/0051(COD) |
|||||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
2.4.2009 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
PECH 14.7.2009 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Carmen Fraga Estévez 1.9.2009 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
21.7.2009 |
1.9.2009 |
3.11.2009 |
1.12.2009 |
||||
Data tal-adozzjoni |
29.9.2010 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 0 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Marek Józef Gróbarczyk, Iliana Malinova Iotova, Isabella Lövin, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Paul Besset, Ole Christensen, Chris Davies |
|||||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pilar Ayuso, Elisabetta Gardini, Potito Salatto |
|||||||