RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku
1.10.2010 - (11076/2010 – C7‑0181/2010 – 2010/0042(NLE)) - ***
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Jarosław Leszek Wałęsa
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku
(COM(2010)0075 – C7-0000/2010 – 2010/0042(NLE)
(Proċedura ta' kunsens)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (11076/2010),
– wara li kkunsidra t-talba għal kunsens magħmula mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0181/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u l-Artikolu 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0262/2010),
1. Jagħti l-kunsens tiegħu dwar l-emenda għall-Konvenzjoni;
2. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwaqqfu, qabel ma jinfetħu n-negozjati dwar ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qafas tal-Organizzazzjonijiet tas-Sajd Reġjonali li għandha titwettaq mill-UE, l-iskemi meħtieġa biex jiżguraw il-parteċipazzjoni xierqa fihom mill-osservaturi tal-Parlament;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) ġiet iffirmata fl-24 ta’ Ottubru 1978 f’Ottawa, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1979 wara d-depożitu mal-Gvern tal-Kanada tal-istrumenti ta’ ratifika, adozzjoni u approvazzjoni minn seba’ firmatarji.
L-objettiv prijoritarju tan-NAFO huwa li tikkontribwixxi permezz tal-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni għall-aħjar użu u l-ġestjoni razzjonali u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taż-Żona tal-Konvenzjoni NAFO u l-promozzjoni ta' ideat għall-kollaborazzjoni internazzjonali sabiex tittejjeb il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar fl-ibħra miftuħin fuq il-bażi ta’ sisien ta' riċerka xjentifika.
Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni adottaw l-"Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku" (l-Emenda) fil-Laqgħat Annwali tan-NAFO fl-2007 (il-verżjoni Ingliża) u fl-2008 (il-verżjoni Franċiża).
L-Emenda tirrevedi l-Konvenzjoni b'mod komprensiv bl-għan prinċipali li ssir aktar konformi ma' Konvenzjonijiet reġjonali u strumenti internazzjonali oħra u sabiex tinkorpora kunċetti moderni dwar il-ġestjoni tas-sajd.
Għalhekk, l-Emenda tissimplifika l-istruttura tal-organizzazzjoni, tintroduċi:
Definizzjonijiet ċari tar-responsabbiltajiet tal-Partijiet Kontraenti, tal-Istati tal-Bandiera u tal-Istati tal-Port, u tipprovdi għal proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar koerenti.
(1) L-istruttura tan-NAFO ġiet irrazzjonalizzata sabiex taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-organizzazzjoni. B'mod partikolari, iż-żewġ korpijiet ta' deċiżjoni fl-istruttura attwali, il-Kunsill Ġenerali u l-Kummissjoni tas-Sajd, ingħaqdu f'korp wieħed.
(2) Il-formula ta' kontribuzzjoni għall-baġit ġiet modernizzata sabiex tirrifletti l-prinċipju ta' min juża jħallas rigward is-servizzi mogħtija mill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO.
(3) Ġew introdotti definizzjonijiet ġodda dwar l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti, l-Istati tal-Bandiera u l-Istati tal-Port skont l-iżviluppi internazzjonali sabiex jipprovdu gwida ċara dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti tan-NAFO.
(4) Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġie rrivedut, b'mod partikolari sabiex ikun hemm aktar ċarezza rigward l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti li jixtiequ joġġezzjonaw għall-miżuri ta' Konservazzjoni u ġestjoni adottati min-NAFO.
(5) Proċedura ġdida dwar is-soluzzjoni tat-tilwim stabbilita skont il-Konvenzjoni se tippermetti li t-tilwim jiġi solvut bla telf ta' żmien, u dan għandu jkun fl-interess tal-Unjoni Ewropea.
Meta jitqiesu l-possibbiltajiet tas-sajd li żdiedu għall-Unjoni Ewropea skont il-Konvenzjoni, ir-rapporteur iqis li huwa fl-interess tal-UE li tapprova l-Emenda proposta għall-Konvenzjoni.
Madankollu, ir-rapporteur għandu jsemmi l-problema ewlenija li tqajmet bl-approvazzjoni tal-Konvenzjoni.
Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni adottaw l-"Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku" (l-Emenda) fil-Laqgħat Annwali tan-NAFO fl-2007 (il-verżjoni Ingliża) u fl-2008 (il-verżjoni Franċiża).
Id-dokument tal-Kummissjoni, li huwa l-proposta tal-Kummissjoni għat-traspożizzjoni fil-Liġi Komunitarja, għandu d-data tat-8 ta’ Marzu 2010. Għalhekk, aktar minn sentejn għaddew biex jitfassal l-abbozz tad-dokument. Kif jista’ jkun iġġustifikat dan id-dewmien?
Huwa ovvju li din is-sitwazzjoni, li saret komuni ħafna meta wieħed jiġi għat-traspożizzjoni ta’ konvenzjonijiet li jeffettwaw l-Unjoni Ewropea, ma tistax tibqa’ sejra hekk. Fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ir-rapidità hija rekwiżit imperattiv għall-effiċjenza għall-funzjonament tal-Unjoni.
It-tliet istituzzjonijiet (il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament) iridu jsibu soluzzjoni serja biex jiġi evitat li l-proċedura timxi bil-mod, sabiex jinkiseb wieħed mill-għanijiet ewlenin tat-Trattat ta' Lisbona, li huwa s-simplifikazzjoni u r-rapidità fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-każ preżenti, li se jitressaq għall-approvazzjoni, huwa prova tal-fatt li xi ħaġa mhijiex qed taħdem u li għandhom jiġu adottati miżuri urġenti li jikkoreġu s-sitwazzjoni.
Ir-rapporteur jixtieq ifakkar b’enfasi fil-fatt tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona f’Diċembru 2009. Fil-kuntest tal-poteri l-ġodda miksuba reċentement mill-Kumitat għas-Sajd, il-Parlament Ewropew għandu jkun rappreżentat tajjeb matul in-negozjati sussegwenti dwar konvenzjonijiet internazzjonali futuri. Fl-2007 u l-2008 l-Parlament Ewropew ma kienx rappreżentat. L-istituzzjoni hija lesta li tagħti l-kunsens fil-qafas tal-kompetenzi tagħha iżda fl-istess ħin tixtieq tfakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fir-rekwiżiti proċedurali l-ġodda u fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-poteri l-ġodda tal-Parlament Ewropew.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
29.9.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonello Antinoro, Alain Cadec, Marek Józef Gróbarczyk, Iliana Malinova Iotova, Isabella Lövin, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Paul Besset, Ole Christensen, Chris Davies |
|||||
Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elisabetta Gardini, Potito Salatto |
|||||