RAPPORT dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka
6.10.2010 - (2010/2079(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Maria da Graça Carvalho
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (COM(2010)0187),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2009 dwar il-Kriterji ta' Aċċettabilità għall-Metodoloġiji tal-Kost Medju tal-Persunal (C(2009)4705),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Esperti "il-Valutazzjoni Ex Post tal-Programmi tas-Sitt Qafas (2002-2006)" ('ir-Rapport Rietschel') u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni sussegwenti (COM(2009)0210),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2010 bit-titlu 'Aktar kontrolli jew anqas?' Is-sejbien tal-aħjar bilanċ bejn in-nefqa amministrattiva tal-kontroll u r-riskju ta' żball' (COM(2010)0261),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar 'gwida dwar prijoritajiet futuri għar-riċerka u l-innovazzjoni bbażata fuq ir-riċerka Ewropea fl-istrateġija ta' Lisbona wara l-2010', adottati fit-3 ta' Diċembru 2009, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività dwar 'programmi simplifikati u aktar effiċjenti li jappoġġaw ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea', adottati fis-26 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Berlin dwar Aċċess Miftuħ għall-Għarfien fix-Xjenzi u fl-Istudji Umanistiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0274/2010),
A. billi s-Seba' Programm Qafas (FP7) huwa l-akbar programm transnazzjonali tar-Riċerka u l-Iżvilupp fid-dinja u element kritiku fis-seħħ ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u t-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020,
B. billi r-riċerka tagħti kontribut fundamentali għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għal enerġija ħadra u sostenibbli,
C. billi l-Programm Qafas jeħtieġ l-ogħla standards ta' eċċellenza, effikaċja u effiċjenza fir-riċerka biex jiġbed u jżomm l-aqwa xjenzati fl-Ewropa u jrawwem ekonomija tal-UE aktar informattiva u bbażata fuq l-għarfien li tkun tista' tikkompeti f'ekonomija globali,
D. billi l-koordinazzjoni bejn il-politiki ta’ riċerka nazzjonali, reġjonali u Ewropej għadha limitata u dan joħloq ostakli kbar ħafna għall-kisba ta' soluzzjonijiet kosteffettivi,
E. billi l-ġestjoni attwali tas-Seba' Programm Qafas, minkejja t-titjib li sar fuq is-Sitt Programm Qafas, għadha kkaratterizzata minn burokrazija żejda, tolleranza baxxa tar-riskju, effiċjenza fqira u dewmien żejjed li jaġixxu bħala diżinċentiv ċar għall-parteċipazzjoni tal-komunità tar-riċerka, id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji u l-industrija (l-aktar l-atturi żgħar involuti fir-riċerka, fosthom l-SMEs),
F. billi l-partijiet interessati kollha qegħdin jitolbu aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, bis-simplifikazzjoni mhux bħala għan fih innifsu, iżda aktar bħala mezz biex tkun żgurata l-attrazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-fondi tal-UE għar-riċerka, u biex jitnaqqas il-ħin li r-riċerkaturi jkollhom jinvestu fil-proċess innifsu,
G. billi l-finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati jista' jillimita l-ambitu tal-proġetti ta' riċerka għal proġetti inqas riskjużi u orjentati lejn ir-riċerka tas-suq, xi ħaġa li tista' tfixkel l-UE milli tfittex l-eċċellenza fir-riċerka konfinali u l-innovazzjoni,
H. billi r-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ li jkunu distinti b'mod ċar bħala żewġ proċessi differenti (ir-riċerka ddawwar l-investiment f'għarfien u l-innovazzjoni ddawwar l-għarfien f'investiment),
I. billi l-proċess ta' simplifikazzjoni attwali ġie f'mument kruċjali, biex jipprovdi spinta għar-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tas-Seba' Programm Qafas u għat-tħejjijiet tat-Tmien Programm Qafas li jmiss,
J. billi d-disinn u l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas attwali u l-Programmi Qafas tal-ġejjieni jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji tas-sempliċità, l-istabbiltà, it-trasparenza, iċ-ċertezza legali, il-konsistenza, l-eċċellenza u l-fiduċja,
1. Jappoġġa l-inizjattiva tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas għar-Riċerka, li tipprovdi miżuri serji u kreattivi biex jingħelbu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-parteċipanti fil-Programmi Qafas;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja l-importanza tal-proċess ta' simplifikazzjoni, din hija biss waħda mir-riformi meħtieġa biex itejbu l-finanzjament tal-UE għar-riċerka;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stipulat, fil-każ ta' kull miżura ta' simplifikazzjoni individwali, jekk din tidħolx fis-seħħ fil-qafas legali attwali jew jekk ikunx hemm il-ħtieġa li jinbidlu r-regoli tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni jew ir-regoli speċifiċi li japplikaw għall-programmi tal-Programm Qafas;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għar-riforma attwali tar-Regolament Finanzjarju, bl-għanijiet li ġejjin: żieda tal-koerenza fil-qafas legali attwali; tnaqqis tad-dispożizzjonijiet, ċarezza, nuqqas ta’ ambigwità u ġestjonabilità; għal dan il-għan, jitlob l-inkorporazzjoni tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fit-test tar-Regolament Finanzjarju;
5. Jenfasizza l-fatt li, flimkien mas-simplifikazzjonijiet li pproponiet il-Kummissjoni, hija għandha tfassal pjan dettaljat għall-iżvilupp tal-infrastruttura tar-riċerka fl-Istati Membri l-ġodda, sabiex jinħolqu opportunitajiet ugwali għall-Istati Membri kollha biex jaċċessaw il-fondi skont is-Seba’ Programm Qafas u skont it-Tmien Programm Qafas li jmiss;
6. Jinnota li l-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-Programm Qafas għadha baxxa minħabba r-regoli kumplessi li jieħdu ħafna ħin u li jirregolaw il-parteċipazzjoni, l-ispejjeż għoljin tal-persunal u l-burokrazija żejda;
Bidla prammatika lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja
7. Jilqa' l-isforzi li kulma jmorru qegħdin jiżdiedu lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja tar-regoli tal-Programmi Qafas matul iċ-ċikli tal-ħajja tal-programmi u tal-proġetti (l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni) xi ħaġa li għandha tkun ta' benefiċċju kbir għall-partijiet interessati;
8. Jenfasizza li kwalunkwe proċess ta' simplifikazzjoni għandu jiddaħħal b'attenzjoni fis-Seba' Programm Qafas attwali biex tinżamm l-istabilità, il-konsistenza u ċ-ċertezza legali, sabiex tidħol fiduċja reċiproka bejn il-partijiet interessati kollha; f’dan ir-rigward jenfasizza li, billi l-interpretazzjoni uniformi tar-regoli eżistenti għandha tiġi segwita bħala kwistjoni ta’ urġenza, m'għandhiex issir l-applikazzjoni tal-‘linji gwida’ li jirriżultaw mill-konklużjonijiet, għall-kuntratti li għadhom għaddejjin;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu li s-sistema attwali u l-prattika tal-ġestjoni tas-Seba' Programm Qafas huma orjentati żżejjed lejn il-kontroll, li jwassal għal ħela ta' riżorsi, parteċipazzjoni iktar baxxa u xenarji ta' riċerka anqas attraenti; jinnota bi tħassib li s-sistema attwali ta' ġestjoni ta' 'tolleranza żero tar-riskju' tidher li taħrab aktar milli timmaniġġa r-riskji; għalhekk jitlob li ssir reviżjoni u/jew interpretazzjoni estiża tar-Regolament tal-Persunal tal-UE dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà personali, u jitlob ukoll il-preżentazzjoni ta’ proposti konkreti fir-riforma attwali tar-Regolament Finanjzarju (pereżempju, assigurazzjoni jew sistema ta’ qsim tar-riskju);
10. Iqis li l-monitoraġġ u l-kontroll finanzjarju li jsir mill-Kummissjoni u mill-OLAF għandu jkollu l-għan ewlieni li jħares il-fondi pubbliċi u jikkumbatti l-frodi, filwaqt li ssir distinzjoni ċara bejn il-frodi u l-iżbalji; f’dan ir-rigward iqis neċessarju li tiġi stabbilita definizzjoni aktar ċara tal-‘iżbalji’ fid-dokumenti legali vinkolanti kollha, inklużi l-mekkaniżmi biex jiġu stabbiliti l-iżbalji flok l-interpretazzjonijiet differenti; jitlob, għalhekk, għal analiżi bir-reqqa u komunikazzjoni tal-iżbalji kif ukoll għal azzjonijiet ta' rimedju fir-rigward tagħhom;
11. Hu tal-fehma li l-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka Ewropea għandha tkun aktar ibbażata fuq il-fiduċja u tkun tolleranti fir-rigward tar-riskju tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha tal-proġetti, filwaqt li tiġi ggarantita r-responsabilità, b'regoli tal-UE flessibbli biex jiġu allinjati aħjar, fejn hu possibbli, ma’ regolamenti nazzjonali differenti eżistenti u prattiki ta’ kontabilità rikonoxxuti;
12. Jappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni ta' rata aktar għolja ta' riskji tollerabbli għall-iżbalji (TRE), xi ħaġa li tnaqqas kemm il-kumplessità kif ukoll il-verifiki ex-post, biex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-kontrolli xierqa; jenfasizza li huwa kruċjali li jiġi żgurat li r-regoli ta' parteċipazzjoni jiġu interpretati u applikati b'mod uniformi, u dan iwassal għal tnaqqis fir-rata tal-iżbalji;
13. Jitlob li l-benefiċjarji li jirċievu għotjiet mill-Programm Qafas ikunu informati dwar l-istrateġiji ta’ verifika rilevanti tal-Kummissjoni; jirrakkomanda li dawn l-istrateġiji jixxerrdu permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u jkunu inklużi fil-Cordis;
14. Jaqbel ma', u jirrakkomanda, aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità normali għall-kostijiet eliġibbli tal-parteċipanti, ladarba jiġu definiti b’mod ċar u jintlaħaq ftehim dwarhom, l-aktar għall-metodoloġiji tal-kost medju tal-persunal, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu skont ir-regoli nazzjonali u ċċertifikati minn awtoritajiet kompetenti, li jagħti biżżejjed flessibilità għal kull benefiċjarju biex jutilizza jew il-metodoloġija tal-kost attwali tal-persunal jew il-metodoloġija tal-kost medju tal-persunal;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi b’mod attiv it-talbiet tal-Parlament kif imqajma fid-deċiżjonijiet ta’ kwittanza tiegħu għas-snin 2007 u 2008, b’mod partikulari biex isiru proposti konkreti għas-simplifikazzjoni tal-kalkolu tal-kost medju tal-persunal u biex dawn il-proposti jiġu applikati;
16. Iqis li fil-każ tal-korpi pubbliċi, id-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet annwali tal-organizzazzjoni u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri nazzjonali u/jew mill-Awdituri Pubbliċi nazzjonali għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet Ewropej fil-verifika tal-metodololoġija kollha tal-kostijiet;
17. Jappoġġa aktar tnaqqis fil-kombinazzjonijiet tar-rati u tal-metodi ta' finanzjament għad-definizzjoni ta' kostijiet indiretti fost l-istrumenti differenti kollha u bejn l-attivitajiet (il-ġestjoni, ir-riċerka, id-dimostrazzjoni u d-disseminazzjoni) bla ma jitqiegħed fil-periklu l-livell attwali tar-rati ta' finanzjament; jirrikonoxxi, madankollu, li d-differenzjazzjoni attwali bejn l-universitajiet/iċ-ċentri ta' riċerka, l-industrija, l-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ u l-SMEs għandha tinżamm; jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-użu tal-kostijiet reali bħala metodu biex jiġu kkombinati r-rati ta’ finanzjament u biex jiġu definiti l-kostijiet indiretti;
18. Huwa tal-fehma li s-somom ta' flus f'daqqa u r-rati fissi għandhom jintużaw fuq bażi volontarja u jiġu applikati biss fejn jixraq; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiċċara t-terminoloġija dwar l-użu tar-rati fissi u s-somom ta' flus f'daqqa;
19. Hu favur l-introduzzjoni tas-somom ta' flus f'daqqa biex ikopru 'kostijiet diretti oħra', sakemm tibqa' l-alternattiva tal-kostijiet reali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod rigoruż l-użu ta' somom ta' flus f'daqqa għall-kostijiet tal-persunal; jenfasizza li s-somom ta' flus f'daqqa huma l-aktar alternattiva effikaċi għal Pajjiżi Sħab fil-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Programmi Qafas;
20. Jirrikonoxxi li t-tnaqqis fid-daqs tal-konsorzji, meta jkun jista' jsir, jikkontribwixxi biex jissimplifika l-proċess, iqassar il-kalendarju tal-proġetti u jnaqqas il-kostijiet amministrattivi;
21. Jemmen li t-timijiet ta’ daqs kbir għandhom ikunu ġustifikati permezz tan-natura multidixxiplinarja tal-ħidma li għandha titwettaq;
22. Jissuġġerixxi, pereżempju, proċedura ta’ approvazzjoni taċita sabiex tiġi ffaċilitata l-modifika tal-ftehim tal-għotja, b’mod partikulari biex jitqiesu l-bidliet fil-kompożizzjoni tal-konsorzji jew fil-konfigurazzjoni amministrattiva u finanzjarja tagħhom;
23. Hu favur l-abolizzjoni sħiħa ta' mekkaniżmi li jirreġistraw il-ħin, bħall-karti tal-ħin (din l-abolizzjoni m'għandhiex tkun biss għall-użu ta' somom ta' flus f'daqqa);
24. Jilqa' t-tneħħija immedjata tal-obbligu tal-irkupru tal-ħlas tal-interessi fuq il-finanzjament minn qabel;
25. Jaqbel li l-użu ta' premjijiet għandu jiġi mħeġġeġ iżda mhux bħala sostitut għal finanzjament li jkun strutturat kif jixraq;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti r-rimborż tal-kostijiet imġarrba wara l-preżentazzjoni tal-proposta, jekk din tintgħażel, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tas-sħab industrijali u b’mod partikulari tal-SMEs;
27. Jitlob interpretazzjoni simplifikata u kjarifika akbar dwar id-definizzjoni tal-kostijiet eliġibbli (bħat-taxxi u t-tariffi fuq il-kostijiet tal-persunal, il-lif għal raġunijiet ta' mard u l-lif tal-maternità), kif ukoll fuq il-kwistjoni dwar jekk il-VAT tistax tiġi rkuprata mill-kostijiet eliġibbli; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li l-VAT titqies bħala partita ta' kost eliġibbli, fejn ma titnaqqasx; jitlob aktar kjarifiki dwar il-proċeduri marbuta mar-rati tal-kambju għas-sħab li jużaw munita differenti;
28. Jiddispjaċih li l-introduzzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-parteċipazzjoni (PIC) ma naqqsitx it-talbiet ripetuti għal informazzjoni legali u finanzjarja (u dokumenti ta’ appoġġ) u li l-wasla ta’ PIC matul il-proċess tal-applikazzjoni mhux dejjem tiġi segwita bi proċess ta’ validazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-atturi rilevanti jtejbu l-PIC u jagħmlu l-użu tiegħu aktar effiċjenti;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta regoli ta' proċedura għall-verifika li jkunu aktar preċiżi, konsistenti u trasparenti, inklużi regoli u prinċipji li jiżguraw li d-drittijiet tal-korp li ssirlu verifika jkunu rispettatti u li jinstemgħu il-partijiet involuti kollha, u biex tagħmel rapport dwar ir-relazzjoni bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-verifiki;
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-'approċċ ta' verifika waħda' u taqleb għal verifika fil-ħin reali li ssir minn entità waħda, biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jikkoreġu l-iżbalji sistemiċi u jippreżentaw rapporti aħjar dwar il-kostijiet is-sena ta' wara; jemmen li approċċ ta’ verifika waħda bħal dan għandu jkompli jiżgura li l-proġetti mitmuma ma jiġux ivverifikati aktar minn darba minn awdituri differenti, sabiex il-Kummissjoni toqgħod fuq l-opinjoni tal-ewwel awditur indipendenti li jinħatar u d-dokumenti jiġi provduti darba biss, isiru kemm isiru verifiki;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ċertezza legali billi ma tapplikax definizzjoni aktar stretta tar-regoli għall-parteċipazzjoni b'mod retroattiv u billi ma titlobx lir-riċevituri biex jerġgħu jikkalkulaw rapporti finanzjarji li jkunu diġà ġew approvati mis-servizzi tal-Kummissjoni, u b'hekk tonqos il-ħtieġa ta' verifiki ex-post u korrezzjonijiet retroattivi; jistieden lill-Kummissjoni ssolvi malajr sitwazzjonijiet preċedenti li jinqalgħu mill-verifiki li għadhom għaddejjin, filwaqt li taġixxi b’għaqal u b’rispett tal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba; jirrakkomanda li t-tilwim rigward sitwazzjonijiet preċedenti bħal dawn jinħall permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet kollha, abbażi, pereżempju, ta’ verifika oħra indipendenti u/jew bl-intervent ta’ medjatur indipendenti ad hoc;
32. Jipproponi l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ reazzjoni li permezz tagħha, jekk il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda reazzjoni f'perjodu ta’ żmien li jrid jiġi stabbilit fir-rigward tal-informazzjoni li tkun irċeviet, din l-informazzjoni titqies bħala validata mill-Kummissjoni;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rapport regolarment lill-Parlament dwar l-ispiża amministrattiva tas-Seba' Programm Qafas, inklużi l-ispejjeż tal-ġestjoni għall-Kummissjoni u għall-parteċipanti, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda jew ippjanati biex jitnaqqas dan il-kost;
Bidla radikali lejn it-titjib fil-kwalità, l-aċċessibilità u t-trasparenza
(a) Ċaqliq lejn approċċ 'b'bażi xjentifika'
34. Ifakkar lill-Kummissjoni li hu maħsub li l-benefiċjarji tal-programmi tal-UE jwettqu b'rieda tajba l-attivitajiet iffinanzjati u jagħmlu l-aħjar sforz tagħhom biex jinkisbu r-riżultati mistennija;
35. Għalhekk hu mħasseb dwar ix-xejra ġenerali tal-Kummissjoni attwali lejn finanzjament abbażi ta' riżultati (essenzjalment iġġustifikata mill-prinċipji ta' responsabbiltà soda) u huwa mħasseb ħafna dwar l-impatt li l-finanzjament abbażi ta' riżultati jista' jkollu fuq il-kwalità u n-natura tar-riċerka, minħabba r-restrizzjonijiet li jista' jkun hemm fuq ir-riċerka xjentifika u l-impatt negattiv fuq proġetti b'objettivi li ma jitkejlux jew b'objettiv li jitkejjel bl-użu ta' parametri oħra għajr dak tal-utilità immedjata; hu mħasseb ukoll dwar il-konklużjoni li jista' jkun hemm rigward aktar valutazzjoni ex-ante u ex-post tar-rendiment/ir-riżultati tal-proġetti u dwar l-identifikazzjoni tal-kriterji meħtieġa biex jiġu definiti;
36. Iqis bħala mhux adegwat, ħlief f’ċirkostanzi straordinarji u ġustifikati kif jixraq, l-użu ġenerali ta' somom ta' flus f'daqqa, bħal somom f'daqqa nnegozjati speċifikament għal proġetti jew somom f'daqqa miftiehma minn qabel għal kull proġett; hu favur, minflok, l-approċċ ta' 'fiduċja kbira' imfassal preċiż għar-riċerka konfinali; jirrakkomanda t-tnedija ta' testijiet pilota tal-'finanzjament abbażi ta' riżultati' bil-ħlas ta' somom ta' flus f'daqqa speċifiċi għal proġetti, f'kuntrast mar-rendiment/ir-riżultati miftiehma għal proġetti ta' riċerka u ta' dimostrazzjoni f'żoni li joffru sfidi speċifiċi;
37. Hu favur, minflok, sistema ta' finanzjament 'b'bażi xjentifika', b'enfasi fuq kriterji xjentifiċi/tekniċi u b'evalwazzjoni orizzontali bbażata fuq l-eċċellenza, ir-rilevanza u l-impatt, b'kontroll finanzjarju simplifikat u effiċjenti, li tirrispetta d-dritt li jinstemgħu l-partijiet involuti kollha; hu tal-fehma li dan l-approċċ b'bażi xjentifika għandu jġib miegħu bidla mill-qiegħ min-naħa finanzjarja għan-naħa xjentifika/teknika rigward il-mekkaniżmi ta' kontroll; iqis li dan l-approċċ jippermetti lill-partijiet interessati jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-kompetenzi ewlenin tagħhom, fuq kwistjonijiet xjentifiċi/tekniċi u fuq il-bini tal-ERA;
(b) L-użu aħjar tal-ħin
38. Jilqa' t-tendenza ġenerali lejn it-tqassir tal-medja taż-żmien sal-għotja u tal-ħin sal-ħlas iżda jesprimi xi riżervi dwar l-użu ġeneralizzat ta' sejħiet b'kamp ta' applikazzjoni aktar wiesa' u sejħiet b'dati ta' skadenza; jirrikonoxxi, madankollu, li sejħiet bħal dawn huma adatti għall-SMEs bħala mezz biex tonqos l-inċertezza dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament u biex tkompli titħeġġeġ il-parteċipazzjoni;
39. Jesprimi t-tħassib tiegħu li ż-żmien medju attwali mill-iskadenza tal-proposta sal-firma tal-kuntratt (iż-żmien sal-kuntratt) għadu twil wisq, b'diskrepanzi bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqassar iż-żmien sal-kuntratt għal massimu ta’ 6 xhur u tistabbilixxi skadenzi xierqa għall-evalwazzjoni u għan-negozjar tal-kuntratt, ibbażati fuq sistema ta' parametri;
40. Jistieden lill-Kummissjoni testendi ż-żmien medju mill-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti sal-iskadenza biex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni;
41. Għandu riżervi qawwija dwar l-effetti tat-tneħħija tar-rekwiżit legali għal opinjoni mill-kumitati tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fir-rigward ta' deċiżjonijiet dwar l-għażliet ta' proġetti individwali, b'mod speċjali dawk b'impatt fuq l-etika, is-sigurtà u d-difiża;
42. Jemmen li l-approċċ li jkollu l-għan li jiffavorixxi l-identifikazzjoni ta' prinċipji bażiċi komuni għandu jkun bla ħsara għall-ispeċifiċitajiet u l-għażliet etiċi nazzjonali fil-kwistjoni tar-riċerka;
43. Jappoġġa x-xejra ġenerali lejn proċedura ta' applikazzjoni f''żewġ fażijiet', b'mod partikolari f'każijiet fejn l-eċċess mistenni ta' applikazzjonijiet ikun għoli ħafna, sakemm l-evalwazzjoni ssir bir-reqqa fl-ewwel fażi (l-għanijiet, l-approċċ xjentifiku, il-kompetenzi tal-parteċipanti, il-valur miżjud tal-kollaborazzjoni xjentifika u l-baġit ġenerali); jenfasizza li dan iżid iċ-ċansijiet ta' suċċess fit-tieni fażi, sakemm ma jsirx bis-saħħa ta' perjodi itwal ta' żmien sal-kuntratt jew perjodi itwal ta' għotjiet; hu tal-fehma li dan l-approċċ inaqqas l-ispejjeż tal-applikazzjoni;
(c) Il-bidla lejn approċċ 'iffukat fuq l-utent' f'termini ta' aċċess
44. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-Programmi Qafas trid tqiegħed il-benefiċjarji fiċ-ċentru tal-missjonijiet tagħha u tipprovdi aċċess aħjar għall-Programmi Qafas;
45. Jitlob li jsir titjib sostanzjali fiċ-ċarezza u l-aċċessibilità tad-dokumenti ta' gwida, li għandhom jinġabru f’manwal u jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-UE;
46. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda fi proġetti tal-Programm Qafas permezz ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u dawk kuntrattwali li jirrappreżentaw xkiel sinifikanti għad-dħul fil-fażi tal-proposta, speċjalment għal dawk li jkunu qed japplikaw għall-ewwel darba;
47. Jirrakkomanda titjib fl-istabilità provduta lill-partijiet interessati billi, safejn hu possibbli, ikun hemm uffiċjal tal-proġetti wieħed uniku tal-Kummissjoni, li jagħti appoġġ personalizzat matul il-ħajja sħiħa ta' proġett bl-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll approċċ ta' 'wiċċ wieħed għall-klijent', biex il-pariri dwar programmi multipli jingħataw minn punt wieħed ta' kuntatt;
48. Iqis li kull dokument ipprovdut mill-Kummissjoni u s-servizzi tagħha għandu jistabbilixxi b’mod ċar l-istatus legali tiegħu, filwaqt li jispeċifika kemm lil min huwa marbut bil-kontenut tiegħu kif ukoll b’liema mod huwa marbut;
49. Jappoġġa d-dħul ta' aktar strumenti ta' amministrazzjoni elettronika u tal-IT, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' portal għall-parteċipanti fir-riċerka u l-introduzzjoni tal-firem elettroniċi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema onlajn integrata u faċli biex tintuża; jagħti l-appoġġ tiegħu biex l-informazzjoni elettronika kollha dwar il-ġestjoni tal-programmi ssir disponibbli (l-identifikazzjoni, l-applikazzjoni, in-negozjar u r-rapport); jagħti l-appoġġ tiegħu biex din is-sistema onlajn tkun disponibbli sa mill-ewwel jum tal-programm u tkun aċċessibbli fil-fażjiet kollha; hu tal-fehma li għandhom jitħeġġu l-konferenzi bil-video biex jieħdu post il-laqgħat wiċċ imb'wiċċ; jirrakkomanda li s-servizzi ta' amministrazzjoni elettronika jużaw protokolli u formati miftuħa meta jkunu qed jikkomunikaw biex tiġi żgurata t-trasparenza, l-aċċessibilità u l-interoperabilità;
50. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi kampanja ta’ informazzjoni biex jikber l-għarfien dwar l-istrumenti tat-teknoloġija tal-informazzjoni disponibbli bil-programm;
51. Jilqa’ l-Inizjattiva Pilota Aċċess Miftuħ (Open Access Pilot) tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għar-riżultati tar-riċerka kemm permezz tas-sistema Cordis kif ukoll billi tħeġġeġ lix-xjenzjati jirreġistraw ir-riċerka tagħhom f'repożitorju;
52. Jenfasizza li l-aċċess tal-benefiċjarji għal proġetti fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ kapaċità teknika kbira u għarfien tajjeb tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji u, għalhekk, dan l-aċċess huwa diffiċli immens għal applikanti żgħar bħall-SMEs u l-istituti ta’ riċerka żgħar li jinstabu f’reġjuni periferiċi; ifakkar li daqs 90% tan-negozji fl-Ewropa huma SMEs u li hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u totali tal-SMEs fl-użu tar-riżorsi tas-Seba' Programm Qafas;
53. Jenfasizza l-bżonn ta’ aktar trasparenza fir-rigward tal-proċess tal-għażla tat-tema għal sejħiet li għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti;
54. Jirrakkomanda l-ħolqien ta' reviżjoni orizzontali aktar trasparenti, koerenti u armonizzata li tkun ibbażata fuq il-mertu;
Sinerġiji tal-programmi u l-istrumenti
55. Iħeġġeġ biex tonqos il-kumplessità tal-programmi tal-UE (pereżempju, l-FP, is-CIP, il-Fondi Strutturali) u l-istrumenti assoċjati (il-JTI, l-inizjattivi tal-Artikolu 187, il-PPP, il-proġetti tal-Artikolu 185, il-KIC, l-Era-NET, eċċ); jenfasizza li dan iwassal għall-isfruttament sħiħ tas-sinerġiji li joħorġu mill-azzjoni kkombinata tagħhom;
56. Jiddeplora l-multiplikazzjoni estrema tal-entitajiet ta' riċerka, tal-mudelli ta' koperazzjoni u tal-mekkaniżmi ta' ġestjoni, kif ukoll il-kumplessità li tirriżulta u li toħloq problemi ta' trasparenza fir-rigward tal-awtorità baġitarja u d-differenza fit-trattament tal-benefiċjarji;
57. Jirrakkomanda sett iżgħar ta' regoli u prinċipji komuni fir-rigward tal-finanzjament li jirregola l-finanzjament għar-Riċerka u l-Iżvilupp min-naħa tal-UE u jitlob għall-koerenza u l-armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli u l-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li dan is-sett ta' regoli komuni jiġi applikat fil-Programm Qafas kollu u fl-istrumenti assoċjati kif ukoll fil-Kummissjoni, hi min hi l-entità jew l-aġenzija eżekuttiva inkarigata mill-implimentazzjoni;
58. Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jipprovdu gwida komuni fil-Kummissjoni, u li jibda t-taħriġ għall-uffiċjali tal-proġetti u għall-awdituri interni; iħeġġeġ il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' appell bħall-'medjatur tal-Programm Qafas' għall-parteċipanti fil-każijiet ta' interpretazzjoni inkoerenti u inkonsistenti tar-regoli u l-proċeduri; jemmen li d-deċiżjonijiet li jittieħdu minn dan il-medjatur għandhom ikunu finali u vinkolanti;
59. Hu tal-fehma li l-innovazzjoni tista' titrawwem bl-aħjar mod fil-livell reġjonali, minħabba l-viċinanza bejn l-universitajiet, l-organiżmi pubbliċi tar-riċerka, l-intrapriżi l-kbar, l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi lokali, pereżempju fi ħdan gruppamenti żgħar; jinnota wkoll li t-trawwim tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali jista’ jgħin fit-tnaqqis tan-nuqqas ta' parità soċjali u reġjonali; jinkoraġġixxi, madankollu, il-livelli differenti (reġjonali, nazzjonali u Komunitarji) biex jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom fil-qafas ta' programmazzjoni fil-livell Ewropew tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ konnessjonijiet aħjar bejn l-akkademja u l-industrija;
Lezzjonijiet li għandhom jittieħdu għat-Tmien Programm Qafas li jmiss
60. Jemmen li reviżjoni mill-qiegħ tal-amministrazzjoni tal-Programm Qafas hija waħda mill-akbar prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati fit-tfassil tal-Programm Qafas li jmiss;
61. Iqis li r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-implimentazzjoni ta' TRE speċifikament għar-riċerka għandu jkollha rwol ewlieni fir-ristrutturar tal-qafas ta' finanzjament għar-riċerka u biex isir aktar progress fis-simplifikazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja ta' kull strument individwali, f'kull programm, biex jinkisbu għanijiet ta’ politika speċifiċi u jitlob biex titnaqqas id-diversità tal-istrumenti kull meta l-effikaċja jew il-kontribut distint ma jintwerewx b’mod ċar, filwaqt li tinżamm biżżejjed flessibilità biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet tal-proġetti;
63. Jappoġġa sistema ta' finanzjament b'bażi xjentifika u diviżjoni bbilanċjata tajjeb bejn ir-riċerka minn fuq għal isfel immexxija mill-impatt u r-riċerka minn isfel għal fuq immexxija mix-xjenza bħala l-bażi għat-Tmien Programm Qafas;
64. Jemmen li t-Tmien Programm Qafas għandu jiffoka fuq ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien filwaqt li jqis il-katina sħiħa tal-innovazzjoni permezz tar-riċerka konfinali, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni, id-disseminazzjoni, il-valorizzazzjoni tar-riżultati u l-integrazzjoni mgħaġġla tar-riżultati tar-riċerka fis-swieq;
65. Jemmen li t-Tmien Programm Qafas għandu jħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi Ewropej billi jintroduċi skema ta’ vawċers ta' riċerka bi flus għar-riċerka filwaqt li jsegwi r-riċerkaturi li jiċċaqilqu f’universitajiet fl-Istati Membri, jikkontribwixxi għaċ-ċentri ta’ eċċellenza, għall-universitajiet indipendenti u għal aktar mobilità fost ir-riċerkaturi;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika analiżi tal-livelli ta’ parteċipazzjoni tal-Istati Membri differenti fis-Seba’ Programm Qafas u tqis il-konklużjonijiet biex tiżgura żvilupp ibbilanċat tar-riċerka fl-Istati Membri fit-Tmien Programm Qafas;
67. Jemmen li fl-iffissar tal-prijoritajiet għat-Tmien Programm Qafas għandha tingħata kunsiderazzjoni fir-rigward ta’ finanzjament alternattiv li ma jkunx ibbażat fuq l-għotjiet għall-innovazzjoni, inklużi l-impriżi bejn il-pubbliku u l-privat u l-investimenti b’self ta’ kapital;
68. Jirrakkomanda t-titjib fl-internazzjonalizzazzjoni tat-Tmien Programm Qafas permezz tal-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, fosthom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiġu pprovduti b'regoli amministrattivi sempliċi u speċifiċi; jinkoraġġixxi, bi tħejjija għat-Tmien Programm Qafas li jmiss, l-iskambju tal-aqwa prattiki u standards mas-sħab internazzjonali l-oħrajn kollha;
69. Jappoġġa r-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan meta jkun meħtieġ finanzjament minn awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali;
70. Jilqa’ t-twaqqif tas-sottogrupp tal-innovazzjoni tal-Kummissjoni, u d-diskussjonijiet tiegħu dwar kif jitkejlu l-effikaċja tal-politika ta’ riċerka u żvilupp tal-UE u l-infiq relatat mal-proġetti ta’ riċerka u żvilupp;
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Ix-xjenza, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni huma l-pilastri tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti fl-innovazzjoni jekk trid tiżviluppa prodotti u servizzi ġodda. Dawn joħolqu sorsi ġodda ta' impjiegi u tkabbir, biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħha. L-innovazzjoni, madankollu, teħtieġ ir-riċerka. Ir-riċerka u l-innovazzjoni jinsabu fil-qalba tal-inizjattiva Ewropa 2020 tal-Unjoni Ewropea.
Il-programmi Ewropej tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'mod partikolari l-Programm Qafas għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni, kibru fl-ambitu matul is-snin kemm f'termini tal-applikazzjonijiet tagħhom kif ukoll fid-daqs tal-baġits tagħhom. Iż-żieda fin-numru ta' applikazzjonijiet għall-iffinanzjar tlaqqgħet ma' tkabbir parallel fil-mekkaniżmi ta' kontroll biex jiġi żgurat l-użu xieraq tal-fondi tal-UE. Aktar regoli u proċeduri amministrattivi, madankollu, komplew iżidu fid-diffikultà biex wieħed jersaq lejn il-proċess b'fiduċja. Hu tassew diffiċli għal organizzazzjonijiet żgħar – SMEs, start-ups b'teknoloġija għolja u istituti żgħar, universitajiet u ċentri ta' riċerka – li jsibu tarf ta' din il-komplikazzjoni.
Il-komunità tar-riċerka qiegħda titlob b'urġenza għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri u għal simplifikazzjoni ġenerali tar-rekwiżiti tar-responsabilità finanzjarja. Dan l-aħħar, 13,000 riċerkatur iffirmaw petizzjoni b'talba għal aktar simplifikazzjoni u fiduċja fil-finanzjament tal-UE għar-riċerka. Din hi l-fehma ġenerali fost ir-riċerkaturi, id-dinja akkademika u l-membri tal-industrija. Huwa ċertament meħtieġ li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi involuti fil-Programmi Qafas għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni, is-Seba' u t-Tmien Programmi Qafas u l-programmi kollha tax-Xjenza u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Is-sistema attwali għandha tinbidel b'sistema li jkollha fiduċja akbar fl-applikanti. Għall-ġejjieni għandu jiġi ssimplifikat il-monitoraġġ tal-aspetti finanzjarji u amministrattivi tal-proġetti filwaqt li jissaħħaħ il-proċess ta' valutazzjoni xjentifika u teknoloġika. Dan iġib miegħu evalwazzjoni orizzontali u, magħha, l-applikazzjoni ta' kriterji bbażati fuq l-eċċellenza għall-valutazzjoni. M'għandniex xi ngħidu, it-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha jinvolvu grad ta' riskju, iżda tħassib żejjed dwar il-kontroll ta' dan ir-riskju permezz ta' sorveljanza amministrattiva jista' attwalment iżid mal-ispiża ġenerali tal-proċess. L-ewwel, għandhom ikunu ttollerati livelli ogħla ta' riskju (biex b'hekk jiġi ssimplifikat il-kontroll burokratiku) filwaqt li, fit-tieni lok, għandha tiddaħħal fiduċja akbar fil-komunità xjentifika u tan-negozju. Jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-fiduċja u l-kontroll – bejn it-teħid tar-riskju u l-perikli li r-riskju jġib miegħu – biex tiġi żgurata l-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-UE għar-riċerka.
Hemm domanda reali għal titjib u simplifikazzjoni fil-finanzjament u l-ġestjoni tar-riċerka. Fil-preżent, hemm regoli u proċeduri differenti għal strumenti differenti tal-Programm Qafas, għal tipi differenti ta' istituzzjonijiet (universitajiet, ċentri ta' riċerka, industrija u SMEs) u għal tipi differenti ta' attività (pereżempju, il-ġestjoni, ir-riċerka, id-dimostrazzjoni). Din il-matriċi tridimensjonali (l-istrumenti, l-istituzzjonijiet u l-attivitajiet) tinsab f'numru ta' saffi konċentriċi ta' regoli u proċeduri. Dawn is-saffi jikkonsistu f'regoli ta' parteċipazzjoni, programmi speċifiċi, ir-regolament finanzjarju, ir-riskju tollerabbli tal-iżbalji u r-regolament tal-persunal li direttament jew indirettament jinfluwenzaw il-Programm Qafas.
Ir-rapporteur tilqa' l-Komunikazzjoni 'Is-Semplifikazzjoni tal-Implimentazzjoni tal-Programmi Qafas ta' Riċerka'. Din tistabbilixxi pjan serju u kreattiv għal riforma li tindirizza ħafna mid-diffikultajiet li għaddew minnhom il-parteċipanti tal-Programmi Qafas għar-riċerka.
Madankollu, ir-relazzjoni bejn it-tibdil propost u r-regolament finanzjarju eżistenti mhijiex ċara. Xi miżuri li qiegħda tipproponi l-Kummissjoni jeħtieġu tibdil fir-regolament finanzjarju. Jeħtieġ isir ukoll tibdil fir-regoli ta' parteċipazzjoni jew fir-regoli tal-programmi speċifiċi tal-Programm Qafas. Fl-aħħar nett, xi miżuri jeħtieġu tibdil ġenerali filwaqt li oħrajn ma jeħtieġu l-ebda tibdil.
It-tieni, ir-rapporteur hija mħassba dwar ir-rabta bejn il-finanzjament u r-riżultati. Minn naħa waħda, wieħed japprezza l-frankezza tal-Kummissjoni Ewropea biex terġa' tqis ir-regoli għall-finanzjament tal-programmi ta' riċerka tagħha. Madankollu, it-tibdil għandu jitqies b'attenzjoni u bil-ħsieb, filwaqt li jitqiesu mhux biss ir-raġunijiet finanzjarji u amministrattivi u l-konsegwenzi għall-benefiċjarji, imma wkoll l-impatt li jista' jkun hemm fuq il-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni nnifishom. Ir-rapporteur hija mħassba wkoll li l-għażla tal-finanzjament abbażi ta' riżultati tista' twassal għal proġetti anqas riskjużi u eqreb lejn ir-riċerka tas-suq. L-Ewropa jeħtiġilha aktar innovazzjoni iżda r-riċerka konfinali għandha tibqa' l-bażi għall-innovazzjoni. Barra minn hekk, mingħajr l-eċċellenza fir-riċerka ma hemmx innovazzjoni.
Ir-rapporteur tħeġġeġ bil-qawwa s-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka. Jeħtieġ tkun żviluppata kultura ta' fiduċja reċiproka li tinvolvi l-partijiet interessati kollha. Din ittejjeb ir-riċerka u l-innovazzjoni biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti fejn wieħed joqgħod u jaħdem.
B'dan kollu, dan ir-rapport għandu rilevanza u urġenza ġenwini. Hu f'waqtu b'mod partikolari, billi issa se tibda l-evalwazzjoni interim tas-Seba' Programm Qafas kif ukoll it-tħejjija għat-Tmien Programm Qafas. Ir-rapport għandu l-ħsieb li joffri pedament sod li fuqu wieħed ikun eventwalment jista' jibni.
Bidla prammatika lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja
It-tnaqqis tal-kumplessità u s-simplifikazzjoni tax-xenarju tal-finanzjament tal-UE għar-riċerka għandu jkollu impatt pożittiv l-aktar fuq il-partijiet interessati. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tal-2007, ġibed l-attenzjoni għaż-żieda fid-diversità. Talab ukoll li ssir valutazzjoni tal-problemi għall-benefiċjarji, fosthom in-nuqqas ta' trasparenza. Il-proċess ta' simplifikazzjoni għandu joffri stabilità u ċertezza legali lill-parteċipanti.
Għalhekk, is-simplifikazzjoni tar-responsabilità finanzjarja teħtieġ approċċ ibbażat aktar fuq il-fiduċja u fuq it-tolleranza għar-riskju fil-finanzjament Ewropew għar-riċerka. Dan jinvolvi l-aċċettazzjoni tal-prinċipji u l-prattiki normali ta' kontabilità u ta' ġestjoni tal-benefiċjarji, sakemm dawn ikunu konformi mal-awtoritajiet nazzjonali u jkunu ċċertifikati minnhom. Jinvolvi wkoll l-aċċettazzjoni tal-verifiki u ċ-ċertifikati tal-metodoloġija mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll kontroll finanzjarju bil-għan li jkunu salvagwardati l-fondi pubbliċi u tingħeleb il-frodi. L-'approċċ ta' verifika waħda' u l-verifika fil-ħin reali, li jsiru minn entità waħda, jippermetti li l-benefiċjarji jsewwu l-iżbalji sistemiċi.
Għal kull miżura, jeħtieġ ikun stipulat jekk bidla fir-regolament finanzjarju jew fir-regoli tal-parteċipazzjoni jew fil-programmi speċifiċi tkunx meħtieġa jew le. Barra minn hekk, jeħtieġ ikun stipulat jekk il-miżuri jiġux applikati għas-Seba' Programm Qafas jew għat-Tmien Programm Qafas biss. Għas-Seba' Programm Qafas, ir-rapporteur hi favur li dan it-tibdil jidħol gradwalment biex jiġu evitati bidliet drastiċi u f'daqqa fid-direzzjoni fl-istess programm qafas.
Ir-rapporteur tappoġġa wkoll l-idea li titnaqqas il-kombinazzjoni ta' metodi ta' kalkolu tar-rati ta' finanzjament u tal-kostijiet indiretti fl-iskemi kollha ta' finanzjament. Madankollu, il-mudelli ta' kalkolu tar-rati ta' finanzjament u tal-kostijiet indiretti għandhom ikunu differenti għall-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-industrija. Ir-raġuni għal dan hi li l-ispejjeż ivarjaw b'mod konsiderevoli bejn dawn it-tipi ta' entitajiet. Ir-rati ta' finanzjament għandhom ikunu differenti għal tipi differenti ta' attivitajiet. L-armonizzazzjoni tar-regoli għandha tkun immirata prinċipalment lejn l-istrumenti differenti. Barra minn hekk, ir-rapporteur hi tal-fehma li l-konsorzji żgħar u l-użu ta' mekkaniżmi ċentrali aktar sempliċi jwasslu għal proċeduri simplifikati.
Għandha tiġi definita b'mod ċar ukoll it-terminoloġija fl-użu ta' kunċetti kkumplikati bħas-somom ta' flus f'daqqa u l-kostijiet eliġibbli biex ma jkunx hemm interpretazzjonijiet differenti. Il-kjarifika dwar il-kostijiet eliġibbli, bħat-taxxi, hi ta' importanza kbira. Hekk ukoll hija l-konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli fis-servizzi kolha tal-Kummissjoni Ewropea u fil-verifiki differenti.
Bidla radikali lejn it-titjib fil-kwalità, l-aċċessibilità u t-trasparenza
a) Ċaqliq lejn approċċ 'b'bażi xjentifika'
L-eċċellenza għandha tkun l-aktar forza importanti fil-finanzjament tar-riċerka u l-approċċ abbażi ta' riżultati jista' jbaxxi l-ambizzjoni xjentifika tar-riċerkaturi. Konsegwentement, minflok approċċ 'abbażi ta' riżultati', ir-rapporteur qiegħda tipproponi sistema ta' finanzjament 'abbażi xjentifika'. Din iġġib magħha s-simplifikazzjoni tal-kontroll min-naħa finanzjarja, enfasi fuq in-naħa xjentifika u teknika u evalwazzjoni orizzontali bbażata fuq l-eċċellenza. Sewwasew, sistema ta' evalwazzjoni orizzontali professjonali, koerenti, trasparenti u armonizzata li tutilizza l-eċċellenza għandha tkun l-aktar kriterju importanti għall-evalwazzjoni, kif inhu l-każ tas-sistema ta' evalwazzjoni ERC. Fl-aħħar nett, għandu jiġi mħeġġeġ l-użu tal-premjijiet b'mod raġonevoli. Madankollu, l-użu tal-premjijiet bħala mezz li jiffinanzja r-riċerka m'għandux jieħu post il-finanzjament strutturat.
b) L-użu aħjar tal-ħin
Il-fażijiet kollha tal-proġett għandhom jiġu ottimizzati biex ma jkunx hemm dewmien u titħeġġeġ il-kosteffettività. Dan jinvolvi l-aċċess għall-abbozz ta' Programmi ta' Ħidma, il-pubblikazzjoni tas-sejħa, l-abbozzar tal-proposta, il-proċedura tal-għażla u l-ħin meħud biex jiġu approvati l-għotjiet u jsir il-ħlas.
It-tnaqqis tal-ħin sal-għotja jkun ta' sodisfazzjon kbir. Madankollu, ir-rapporteur għandha riżervi kbar dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jitneħħa r-rekwiżit li l-Istati Membri jridu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar id-deċiżjonijiet tal-għażla. Hu importanti li l-Istati Membri jkollhom is-setgħa ta' skrutinju, b'mod speċjali fir-riċerka dwar is-sigurtà u d-difiża u fil-każijiet tal-evalwazzjoni etika tal-proġetti.
Il-Kummissjoni tipproponi l-użu aktar ġeneralizzat tal-proposti b'żewġ fażijiet. Il-preżentazzjoni f'żewġ fażijiet tnaqqas mill-piż tal-abbozzi ta' proposti sħaħ iżda tista' żżid ukoll fit-tul u l-kumplessità tal-proċess ta' preżentazzjoni. Għalhekk, ir-rapporteur tappoġġa l-proċedura ta' applikazzjoni f'żewġ fażijiet, sakemm din l-evalwazzjoni ssir bir-reqqa fil-fażi inizjali. Dan għandu jnaqqas ukoll l-ispejjeż tal-applikazzjoni.
c) Il-bidla lejn approċċ 'iffukat fuq l-utent' f'termini ta' aċċess
Ir-rapporteur tqis li aċċess aħjar għall-programm u għall-appoġġ tal-utent jista' jinkiseb bit-titjib fil-materjal ta' gwida (anqas lingwaġġ tekniku u aktar konsistenza fit-terminoloġija). Dan jista' jsir bl-ottimizzazzjoni tas-sistemi tal-IT, bl-appoġġ fil-ġestjoni tal-proġetti u bl-appoġġ personalizzat tal-Uffiċjal tal-Proġett tal-UE (għandu jinżamm l-istess uffiċjal tul il-ħajja sħiħa tal-proġett). Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur tappoġġa l-integrazzjoni sħiħa tal-għotjiet, l-evalwazzjonijiet u l-proposti fi pjattaforma waħda tal-IT. Din għandha tkun soda, flessibbli u faċli biex tintuża. L-istess pjattaforma għandha tintuża fis-servizzi u l-aġenziji kollha tal-Kummissjoni Ewropea.
Sinerġija tal-programmi u l-istrumenti
Ir-rapporteur jilqa' l-impenn tal-Kummisssjoni biex tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli u l-proċeduri fil-programmi u l-istrumenti kollha. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-regoli fl-erba' Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenziji kif ukoll fl-Impriżi Konġunti li jimplimentaw il-JTIs għandha tkun uniformi. Madankollu, ir-rapporteur tirrakkomanda bil-qawwa li jkun hemm sett ta' regoli differenti għaċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet, ieħor għall-industrija u ieħor għall-SMEs.
It-tnaqqis tal-kumplessità fil-programmi tal-UE u fl-istrumenti assoċjati għandu jikkontribwixxi biex tintlaħaq l-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji b'riżultat tal-azzjoni kkombinata tagħhom. Hu mixtieq ukoll li jinbena mekkaniżmu komuni ta' gwida fil-Kummissjoni (it-taħriġ tal-uffiċjali tal-proġetti u tal-awdituri u l-ħolqien ta' medjatur għall-Programm Qafas).
Lezzjonijiet li għandhom jittieħdu għat-Tmien Programm Qafas li jmiss
Ir-rapporteur tqis is-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni bħala waħda mill-akbar prijoritajiet għall-Programm Qafas li jmiss. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament tal-Persunal u l-implimentazzjoni tar-Riskju Tollerabbli tal-Iżbalji (TRE) speċifiku għar-riċerka hija ta' importanza kbira fir-ristrutturar tal-qafas ta' Finanzjament tar-Riċerka.
Fl-istess ħin, ir-rapporteur tistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-istrumenti individwali u żżid il-koordinazzjoni bejniethom, filwaqt li tinżamm biżżejjed flessibilità biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet tal-proġetti skont id-daqs tagħhom.
Ir-rapporteur tqis li l-innovazzjoni hija r-riżultat ta' sistema ta' edukazzjoni u riċerka effiċjenti u ffinanzjata kif jixraq flimkien ma' kundizzjonijiet ta' qafas, bħal politika xierqa dwar l-IPR, l-eżistenza ta' kapital ta' riskju, swieq miftuħa u regolamentazzjoni intelliġenti. Għalhekk, huwa importanti li l-Programm Qafas iqis il-katina sħiħa tal-innovazzjoni mir-riċerka konfinali, għar-riċerka applikata, id-dimostrazzjoni teknoloġika, id-disseminazzjoni u l-valorizzazzjoni tar-riżultati. Ir-rapporteur tappoġġa sistema ta' finanzjament b'bażi xjentifika u diviżjoni bbilanċjata tajjeb bejn ir-riċerka diretta, minn fuq għal isfel immexxija mill-impatt u r-riċerka mhix diretta, minn isfel għal fuq immexxija mix-xjenza bħala l-bażi għat-Tmien Programm Qafas.
Fl-aħħar nett, ir-rapporteur hi tal-fehma wkoll li tkun mixtieqa aktar internazzjonalizzazzjoni tal-Programmi Qafas. Dan iġib miegħu kooperazzjoni akbar ma' pajjiżi terzi, fosthom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (13.7.2010)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka
(2010/2079(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Aldo Patriciello
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri ta' semplifikazzjoni li diġà ddaħħlu fis-seħħ mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas (PQ), u jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex iżżid is-semplifikazzjoni u l-kjarifika tar-regoli b'tali mod li ma jistax ikun hemm interpretazzjonijiet diverġenti u li jnaqqsu r-riskju ta' żbalji u jnaqqsu wkoll l-ispiża tal-kontrolli; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-miżuri li se jittieħdu għas-semplifikazzjoni u l-kjarifikazzjoni tar-regoli attwali;
2. Jiddeplora l-multiplikazzjoni estrema tal-entitajiet ta' riċerka, tal-mudelli ta' koperazzjoni u tal-mekkaniżmi ta' ġestjoni, kif ukoll il-kumplessità li tirriżulta u li toħloq problemi ta' trasparenza fir-rigward tal-awtorità baġitarja u differenza ta' trattament tal-benefiċjarji;
3. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni għal aktar ċertezza legali rigward ir-rekwiżiti tal-verifika, biex ma tagħmel l-ebda emenda retroattiva, biex tevita li tirrepeti l-verifiki inutilment jew għaliex tapplika kriterji differenti f'dan ir-rigward, biex tonora l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji permezz ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regoli u biex tħaffef l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati rigward il-metodu applikat fir-rigward tal-ispejjeż medji tal-persunal, li fir-rigward tagħhom jidher li ma sar ebda progress;
4. Jappoġġja s-semplifikazzjoni tar-regoli ta' kalkolu tal-ispejjeż dikjarati; jitlob definizzjoni ċara tal-kriterji meħtieġa għall-valutazzjoni ta' kemm il-metodi ta' kalkolu tal-benefiċjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li r-regoli jiġu ssemplifikati bla ħsara għall-kwalità tan-nefqa kif ukoll li jittejbu l-effikaċja u l-effettività tal-implimentazzjoni; huwa tal-fehma li sistema ta' finanzjament trasparenti, soda u faċli biex tamministraha għandha tkun kontrobilanċjata b'sistema ta' kontroll strett; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal proposti għal metodoloġija għall-verifika tal-effettività u l-effiċjenza tan-nefqa għar-riċerka;
6. Jinsisti li, matul it-tħejjija tal-PQ li jmiss, il-Kummissjoni tagħmel proposti ambizzjużi bil-għan li tkun stabbilita sistema ta' finanzjament imsejsa fuq ir-riżultati u l-prestazzjonijiet xjentifiċi aktar milli fuq id-dħul u l-ispejjeż, filwaqt li tiżgura li l-applikazzjonijiet innovattivi ma jiġux imxekkla; jisħaq li dan l-approċċ b'bażi xjentifika ma jmurx kontra l-ħtiġiet tal-kontroll baġitarju;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tingħata l-assistenza lill-applikanti kollha billi tipprovdi għajnuna biex isibu l-imsieħba rilevanti;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina t-tendenza tagħha favur il-ħlas b'rata fissa u permezz ta' somma waħda f'daqqa, li jista' jkollhom effett detrimentali fuq il-ħila tal-benefiċjarji sabiex iwettqu b'mod adegwat ir-rekwiżiti tal-verifika;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
12.7.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Aldo Patriciello, Theodoros Skylakakis, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Zuzana Brzobohatá, Edit Herczog, Ivailo Kalfin, Olle Schmidt, Derek Vaughan |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (16.9.2010)
għall-Kumitat għall-Industija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka
(2010/2079(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Alain Cadec
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp biex jintlaħqu l-isfidi l-kbar li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea, partikularment fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tikkontribwixxi sostanzjalment għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fir-reġjuni;
2. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għas-sejħiet għall-offerti kumplessi u li jiswew il-flus u l-proċedura ta’ implimentazzjoni fi ħdan il-programmi qafas tar-riċerka, partikularment l-introduzzjoni gradwali ta' finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati u fuq elementi standard għall-persunal tal-proġett ikkonċernat; jissuġġerixxi li jikkunsidra mill-ġdid l-hekk imsejħa regola 'proġett wieħed għal kull suġġett' u jħeġġeġ it-twaqqif ta' approċċ tematiku axxendenti aktar flessibbli biex jitħaffef il-proċess li jwassal għall-implimentazzjoni ta' ideat innovattivi. jenfasizza, madankollu, li minħabba l-imprevedibbiltà inerenti tar-riċerka, anke l-proġetti li r-riżultati tagħhom ma jistgħux ikunu magħrufa b’mod ċar minn qabel huma ta’ valur; josserva wkoll li għandu jkun ċar dwar kif ir-regoli ta’ verifika għandhom jiġu interpretati sabiex issir differenza ċara bejn l-irregolaritajiet u l-frodi ntenzjonat;
3. Jilqa' d-diskussjonijiet attwali tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-politika tal-iżvilupp reġjonali bil-għan li ssir aktar trasparenti, li tkun aktar aċċessibbli għall-parteċipanti li għandhom nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u li tkun aktar effikaċi kif ukoll li tipprovdi tisħiħ fis-sigurtà legali għall-benefiċjarji; iqis li l-prattiki tajba li ġew identifikati matul dan il-proċess jistgħu jkunu utli għas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku;
4. Jenfasizza li l-aċċess tal-benefiċjarji għal proġetti fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ kapaċità teknika kbira u għarfien tajjeb tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji u, għalhekk, dan l-aċċess huwa diffiċli mmens għall-applikanti żgħar bħal SMEs u istituti ta’ riċerka żgħar li jinstabu f’reġjuni periferiċi; ifakkar li daqs 90% tan-negozji fl-Ewropa huma SMEs u li hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u totali tal-SMEs fl-użu tar-riżorsi FP7;
5. Huwa tal-opinjoni li d-diversi għodod tal-Unjoni Ewropea għall-koeżjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu implimentati b’mod integrat bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ riċerka tas-sinerġiji bejn dawn l-għodod u li jiġu eliminati l-ostakli lil tali sinerġiji, partikularment billi jiġu armonizzati r-regoli tal-verifika u tal-eliġibilità tal-ispejjeż biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni min-naħa tal-benefiċjarji;
6. Iqis li l-livell reġjonali huwa l-livell li huwa l-aktar adattat biex jiġu stimolati r-riċerka u l-innovazzjoni bis-saħħa tal-viċinanza bejn l-universitajiet, l-organiżmi pubbliċi tar-riċerka, l-intrapriżi l-kbar, l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali, partikularment fi ħdan gruppamenti żgħar; jinnota wkoll li t-trawwim tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell reġjonali jista’ jgħin fit-tnaqqis tan-nuqqas ta' parità ekonomika, soċjali u reġjonali eżistenti; jinkoraġġixxi, madankollu, il-livelli differenti (reġjonali, nazzjonali u Komunitarji) biex jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom fil-qafas ta' programmazzjoni fil-livell Ewropew tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ konnessjonijiet aħjar bejn l-akkademja u l-industrija;
7. Ifakkar li bħal politika tal-iżvilupp reġjonali, is-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, huwa bbażat fuq il-prinċipji tas-sħubija u tal-kofinanzjar; jaffirma l-impenn tiegħu għal dawn il-prinċipji ta’ ġestjoni tajba u jitlob li jibqgħu jiġu applikati minkejja r-restrizzjonijiet fuq l-ispejjeż pubbliċi li huma r-riżultat tal-kriżi ekonomika;
8. Ifakkar li s-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku jiffoka fuq proġetti ta’ skala kbira li jista' jkollhom impatt konkret fuq l-attività ekonomika, l-innovazzjoni tal-programmi ta' produzzjoni u l-garanzija ta' produzzjoni futura b'valur miżjud qawwi u, għalhekk, il-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kapaċità kompetittiva globali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li d-dinamiżmu ġġenerat minn proġetti ta’ eċċellenza, f’oqsma kemm ta’ riċerka applikata u fundamentali, għandu benefiċċji fuq it-totalità tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, hu x'inhu l-livell attwali tiegħu ta' żvilupp xjentifiku, partikularment jekk is-sinerġija tinkiseb bil-fondi tal-politika reġjonali u jikkompleta b’mod effiċjenti d-dimensjoni territorjali tal-għodod tal-politika ta’ koeżjoni, fl-interess kemm tal-iżvilupp ibbilanċjat kif ukoll tal-kompetittività; jinnota madankollu li għandha tingħata attenzjoni partikulari wkoll għal proġetti żgħar, li aktarx ikollhom impatt konkret, pereżempju billi tissaħħaħ ir-rabta bejn l-innovazzjoni u l-integrazzjoni soċjali;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippublika analiżi tal-livelli ta’ parteċipazzjoni ta’ Stati Membri differenti fis-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku
10. Jinnota li ż-żieda fid-differenzi reġjonali rigward il-potenzjal tar-riċerka u l-iżvilupp hija sfida li għandha tiġi indirizzata mhux biss fil-qafas tal-Politika ta' Koeżjoni iżda wkoll permezz tal-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni;
11. Huwa tal-opinjoni li għandhom jiġu inkoraġġuti l-iskambji professjonali mingħajr madankollu ma titħeġġeġ il-ħarba tal-imħuħ mill-Unjoni Ewropea għal inħawi oħra tad-dinja u, fl-Unjoni stess, mill-ifqar pajjiżi għal dawk aktar sinjuri, li jmur kontra l-politika ta' koeżjoni Ewropea;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.9.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 0 5 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Karima Delli, Pat the Cope Gallagher, Ivars Godmanis, Catherine Grèze, Lena Kolarska-Bobińska, Veronica Lope Fontagné, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Elisabeth Schroedter, Evžen Tošenovský, Sabine Verheyen |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
30.9.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 1 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Jaroslav Paška, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Paul Rübig, Amalia Sartori, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonio Cancian, Vicky Ford, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Silvana Koch-Mehrin, Bernd Lange, Algirdas Saudargas, Silvia-Adriana Ţicău, Catherine Trautmann, Hermann Winkler |
|||||