RAPPORT dwar r-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2009
6.10.2010 - (2010/2059(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteure: Mariya Nedelcheva
PR_INI_AnnOmbud
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar r-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 24, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom, tad-9 ta' Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[1],
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' qafas dwar il-kooperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 bit-titolu ‘Il-poter tal-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-uffiċjali biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew’ (SEC(2005)1227),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[2],
– wara li kkunsidra r-reviżjoni mill-Ombudsman tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni sabiex dawn jirriflettu l-bidliet li saru fl-Istatut, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), it-tieni u t-tielet sentenzi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0275/2010),
A. billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew tal-2009 ntbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fil-19 ta' April 2010, u billi l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fl-4 ta' Mejju 2010,
B. billi l-Artikolu 24 TFUE jgħid illi ‘kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skond l-Artikolu 228’,
C. billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li ‘kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni’,
D. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula li ‘kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha’,
E. billi wara d-dħul fis-seħħ tat-TFUE, il-politika barranija ta' sigurtà komuni kif ukoll l-attività tal-Kunsill Ewropew, jaqgħu taħt il-mandat tal-Ombudsman Ewropew,
F. billi, barra minn hekk, skont l-Artikolu 228 TFUE, issa l-Ombudsman huwa ‘elett wara kull elezzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tul tal-leġislatura tiegħu’, u m'għadux ''jinħatar'' mill-Parlament Ewropew,
G. billi x-xogħol tal-Ombudsman jikkontribwixxi għall-kisba ta' Unjoni ‘li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin’, kif imħabbar fl-ewwel Artikolu, it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
H. billi fl-2009 l-Ombudsman irreġistra 3098 ilment, meta mqabbla mat-3406 ilment fl-2008, u billi kien hemm 727 ilmenti (23%), meta mqabbla mat-802 fl-2008, li nstabu li kienu jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman,
I. billi fl-2009, l-Ombudsman fetaħ 335 inkjesta abbażi tal-ilmenti, u 318 fosthom intemmew u ngħalqu, u 311 fost dawn kien konsegwenza ta' lmenti filwaqt li 7 infetħu fuq inizjattiva tal-Ombudsman,
J. billi f’179 każ (56% tat-total) li ngħalqu fis-sena 2009, l-istituzzjoni inkwistjoni aċċettat soluzzjoni bonarja jew solviet il-kwistjoni fi żmien ġimgħatejn, u billi dan juri rieda qawwija min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jqisu l-ilmenti li jaslu għand l-Ombudsman bħala opportunità biex jiġu solvuti żbalji li jknu saru u biex jikkooperaw mal-Ombudsman għall-benefiċċju taċ-ċittadini,
K. billi fl-2009, l-Ombudsman wasal għall-konklużjoni ta' amministrazzjoni ħażina fi 12% tal-każijiet (37 inkjesta), u ħareġ kummenti kritiċi f'35 każ,
L. billi 15-il abbozz ta' rakkomandazzjoni nħarġu fl-2009,
M. billi l-iktar allegazzjonijiet kurrenti fil-qasam tal-amministrazzjoni ħażina kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' trasparenza, inkluż ir-rifjut ta' għoti ta' informazzjoni (f' 36% tal-inkjesti), l-inġustizzja jew l-abbuż tal-poter (14%), id-dewmien li seta' jiġi evitat (13%), l-iżbalji fil-proċedura (13%), in-negliġenza (6%), in-nuqqas ta' twettiq tal-obbligi tal-Kummissjoni li teżerċita r-rwol tagħha ta' gwardjan tat-Trattati (6%), l-iżbalji legali (6%) u d-diskriminazzjoni (5%),
N. billi d-dewmien medju tat-trattament tal-ilmenti, minn 13-il xahar fl-2008, laħaq id-9 xhur fl-2009, u dan juri l-isforzi magħmula mill-Ombudsman biex jitnaqqas id-dewmien medju tal-inkjesti tiegħu u l-ispirtu ta' kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati,
O. billi l-ebda każ ta' amministrazzjoni ħażina ma wassal għal rapport speċjali fil-Parlament Ewropew fl-2009,
P. billi l-kummenti kritiċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman mhumiex vinkolanti, iżda għandhom l-għan li jħeġġu l-awtokontroll tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u jippermettu li jiġu evitati żbalji u operat żbaljat fil-ġejjieni;
Q. billi r-rwol tal-Ombudsman evolva sa mill-ħolqien ta' din il-kariga permezz tal-indipendenza tiegħu u tal-kontroll demokratiku tal-attivitajiet tiegħu eżerċitat mill-Parlament u mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
R. billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,
S. billi l-Parlament adotta l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2001[3],
T. billi n-netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jippermetti li l-ilmentaturi jiġu diretti lejn l-ombudsman jew korpi simili, maħsuba biex jagħtu l-iktar għajnuna adegwata fil-livell tagħhom, kif ukoll għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba,
U. billi l-attivitajiet tal-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma kumplimentari u jiffavorixxu żieda fl-effikaċja tal-ħidma rispettiva tagħhom,
1. Japprova r-rapport annwali għall-2009, imressaq mill-Ombudsman Ewropew;
2. Jinnota li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Ombudsman permezz tal-elezzjoni tiegħu mill-Parlament, u jwessa' l-mandat tiegħu għall-politika barranija ta' sigurtà komuni kif ukoll għall-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew;
3. Jilqa' l-fatt li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li issa saret vinkolanti, tinkludi d-dritt għal amministrazzjoni tajba fost id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni; jistieden għalhekk lill-Ombudsman biex, fit-trattament ta' kuljum tal-ilmenti, jara li tiġi rrispettata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
4. Iqis li t-trasparenza, l-aċċess għall-informazzjoni u r-rispett tad-dritt għal amministrazzjoni tajba huma prekundizzjonijiet indispensabbli għall-fiduċja li għandhom iċ-ċittadini fir-rigward tal-abilità tal-istituzzjonijiet, biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom;
5. Iqis għalhekk, li t-terminu ‘amministrazzjoni’ ħażina' għandu jibqa' jiġi interpretat b'mod estensiv, sabiex jiftiehem li jirreferi mhux biss għal ksur ta' regoli legali jew ta' prinċipji ġenerali ta' liġi amministrattiva Ewropea, bħall-oġġettività, il-proporzjonalità u l-ugwaljanza, in-non-diskriminazzjoni, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, iżda wkoll għal każi fejn istituzzjoni tonqos milli taġixxi b'mod konsistenti u in bona fede, jew milli tqis l-istennijiet leġittimi taċ-ċittadini, anke meta istituzzjoni tkun ikkommettiet ruħha li tirrispetta ċerti normi u standards bla ma tkun obbligata li tagħmel dan mit-Trattati jew minn leġiżlazzjoni sekondarja;
6. Jifraħ lill-Ombudsman għall-preżentazzjoni ċara u komprensiva tal-attivitajiet tiegħu; jissuġġerixxi madankollu li, f'rapporti futuri, is-sommarju tal-attivitajiet u l-analiżi tematika jagħmlu iktar enfasi fuq problemi strutturali u fuq it-tendenzi trażversali;
7. Iqis li l-Ombudsman, matul il-perjodu kopert mir-rapport, eżerċita l-poteri tiegħu b'mod attiv u ekwilibrat, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżami u t-trattament tal-ilmenti u kemm fl-iżvilupp u l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet u fil-manteniment ta' rapporti kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-Unjoni Ewropea u fit-tħeġġiġ taċ-ċittadini biex jużaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi;
8. Jilqa' r-relazzjoni eċċellenti bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-oqfsa istituzzjonali f'dak li jirrigwarda r-rispett reċiproku tal-kompetenzi rispettivi; iħeġġeġ il-prattika diġà instawrata mill-Ombudsman li tiġi żgurata l-preżenza ta' rappreżentant tiegħu fil-laqgħat kollha tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;
9. Japprezza l-kontribuzzjoni essenzjali tan-netwerk Ewrope tal-Ombudsmen, irrappreżentat fi 32 pajjiż permezz ta' 94 uffiċċju, li fih huwa membru l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri;
10. Jieħu nota tal-fatt li fl-2009, l-Ombudsman irċieva 3098 ilment u li 318 inkjesta ntemmu u ngħalqu matul dan il-perjodu;
11. Jilqa' n-numru importanti ta' proċeduri konklużi bi ftehim paċifiku jew permezz tal-istituzzjoni kkonċernata (56%), li juri l-kooperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom f'din id-direzzjoni;
12. Jilqa' wkoll l-isforzi magħmula mill-Ombudsman biex inaqqas id-dewmien medju tal-inkjesti tiegħu għal disa' xhur; jitlob li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni jingħataw sorsi baġitarji u umani neċessarji biex jiġi żgurat segwitu mgħaġġel għall-ilmenti u l-petizzjonijiet;
13. Jieħu nota tal-fatt li 'l fuq minn terz tal-inkjesti miftuħa mill-Ombudsman fl-2009 jikkonċernaw in-nuqqas ta' trasparenza; jitlob għaldaqstant li r-reviżjoni attwali tar-Regolament 1049/2001 ma tirrestrinġix id-dritt eżistenti ta' aċċess għal informazzjoni u għad-dokumenti, iżda tadotta approċċ iktar proattiv;
14. Jilqa' l-progress magħmul fl-2009 fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-aċċess tal-Ombudsman għad-dokumenti kunfidenzjali tal-Kunsill;
15. Jinnota l-istrateġija ta' komunikazzjoni u ta' żvilupp tas-sit tal-Internet li wasslet biex, skont l-Ombudsman, jitnaqqas l-ammont ta' lmenti inammissibbli, u jħeġġeġ lill-Ombudsman biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar il-funzjonijiet tiegħu u dwar il-limiti tal-kompetenzi tiegħu, kif ukoll dwar id-drittijiet tagħhom;
16. Jaqbel mal-opinjoni tal-Ombudsman li, lil hinn mir-rispett tar-regoli vinkolanti li għall-amministrazzjoni huma obbligatorji, huwa essenzjali li tiġi żviluppata kultura ġenwina ta' servizz liċ-ċittadini biex ikun hemm amministrazzjoni tajba; jistieden għalhekk lill-Ombudsman biex jieħu iktar inizjattivi għall-promozzjoni mal-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini Ewropej ta' din il-kultura ta' servizz;
17. Jiddeplora l-għadd ta' lmenti b'rabta mad-dewmien li seta' jiġi evitat fir-reġistrazzjoni tat-talbiet, it-trattament tal-fajls u t-teħid ta' deċiżjonijiet; jipproponi li, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-regolament finanzjarju, jiġu previsti kumpensi finanzjarji f'każ ta' dewmien ovvju u mtawwal;
18. Jieħu nota tal-fatt li l-Ombudsman temm inkjesta ta' inizjattiva fir-rigward tar-regoli applikati mill-Kummissjoni għat-talbiet taċ-ċittadini għal aċċess għal dokumenti marbuta mal-proċeduri ta' ksur; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u jissuġġerixxi lill-Ombudsman biex iżomm lill-kumitat informat b'mod regolari dwar l-inkjesti ta' inizjattiva li jwettaq u dwar ir-riżultati miksuba; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta mġiba iktar miftuħa u proattiva f'dak li jikkonċerna l-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur;
19. Iqis li l-kodiċi ta' mġiba amministrattiva tajba propost mill-Ombudsman u approvat mill-Parlament fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001, iservi ta' gwida u ta' referenza għall-persunal tal-korpi u l-istituzzjonijiet Komunitarji kollha; jilqa' l-fatt li l-kodiċi ta' mġiba tajba ġie approvat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali; jilqa' wkoll il-fatt li ġie konkluż protokoll ta' ftehim mal-Bank Ewropew għall-Investiment dwar l-ipproċessar tal-ilmenti; jistieden lill-Ombudsman biex iqis li ssir reviżjoni tal-kodiċi ta' mġiba tajba bbażata fuq l-esperjenza tal-aħħar 10 snin u, fuq din il-bażi, biex jara li jkun hemm promozzjoni u skambju tal-aħjar prattika;
20. Jiddispjaċih li l-ilmenti fir-rigward tal-applikazzjoni ħażina minn Stat Membru tal-Liġi Komunitarja, irċevuti mill-Ombudsmen nazzjonali, mhumiex soġġetti għal stħarriġ mill-Ombudsman Ewropew; jissuġġerixxi lill-Ombudsman Ewropew biex jikkunsidra l-possibilità li dawn l-ilmenti jsiru komuni, sabiex ikun jista' jkun hemm komprensjoni aħjar tal-problema;
21. Jistieden lill-Ombudsman biex iħeġġeġ lill-ombudsmen nazzjonali jipproċedu għal skambji regolari mal-parlamenti nazzjonali tagħhom fuq il-mudell ta' skambju stabbilit bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Parlament Ewropew;
22. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal liġi amministrattiva Ewropea komuni għall-korpi, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;
23. Jiġbed l-attenzjoni tal-Ombudsman għall-proċedura l-ġdida ta' selezzjoni tal-persunal mill-EPSO u jissuġġerixxi segwitu tal-applikazzjoni tagħha, flimkien ma' analiżi tal-progressi kkonstatati;
24. Jappoġġa l-idea ta' portal tal-intranet komuni għall-membri kollha tan-netwerk Ewropew tal-ombudsmen sabiex jiġi żgurat tixrid regolari tar-riżultati;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tagħhom jew lill-korpi kompetenti simili.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew tal-2009 ntbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek fid-19 ta' April u 2010 u l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta' Mejju 2010.
Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-Ombudsmand f'din l-aħħar sena. Ir-riżultati tad-diversi inkjesti huma maqsuma f'kategoriji skont in-natura tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina jew l-istituzzjoni kkonċernata. Sommarju ta' sitt paġni ġie wkoll ippubblikat. Il-pubblikazzjoni tirreġistra l-iżjed riżultati importanti li nkisbu fl-ilmenti u tiddeskrivi l-kwistjonijiet politiċi ewlenin li ġew ikkunsidrati tul is-sena li għaddiet.
Ilmenti u inkjesti
Fl-2009 l-Ombudsman irreġistra 3098 ilment meta mqabbla mat-3406 fl-2008. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 9% meta mqabbla mal-2008. 727 ilmenti nstabu li kienu jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman. Fosthom, 162 kienu ddikjarati ammissibbli iżda ma kien hemm ebda bażi biex tinfetaħ inkjesta dwarhom, u nfetħu 335 inkjesta abbażi tal-ilmenti, filwaqt li 230 ġew iddikjarati inammissibbli.
Il-biċċa l-kbira tal-inkjesti li nfetħu mill-Ombudsman fl-2009 kien jikkonċernaw il-Kummissjoni Ewropea (56%). Tressqu wkoll ilmenti li kienu jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew (11%), l-Uffiċju Ewropew tal-Għażla tal-Persunal EPSO (9%), il-Kunsill (4%) u l-Qorti tal-Ġustizzja (3%). Kien hemm ukoll 59 inkjesta oħra (17%) li involvew 23 istituzzjoni u korpi oħra tal-UE.
L-iżjed allegazzjoni komuni ta’ amministrazzjoni ħażina kienet ta' nuqqas ta' trasparenza (36% tal-inkjesti), li inkludiet ir-rifjut ta' għoti informazzjoni jew dokumenti. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet wera tħassib dwar l-għadd kbir ta' dawn l-inkjesti, minħabba li amministrazzjoni tal-UE responsabbli u trasparenti hija element deċiżiv fil-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE.
Fl-2009 ngħalqu 318 inkjesta. Il-biċċa l-kbira tagħhom ingħalqu f’inqas minn sena (70%) u iktar minn nofshom (55%) ingħalqu fi żmien tliet xhur. 311 minnhom kellhom x’jaqsmu ma’ lmenti u 7 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja.
F’58 każ l-inkjesta sabet li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina. Din is-sejba mhix neċessarjament riżultat negattiv għal min ikun ressaq l-ilment, minħabba li l-persuna inkwistjoni tingħata spjegazzjoni mill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, u jista' jkun hemm ukoll opportunità li jiġi identifikat titjib potenzjali fil-kwalità tal-amministrazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni jew mill-korp.
Matul l-2009, 166 tal-każijiet (56%) issolvew mill-istituzzjoni jew mill-korp inkwistjoni b'mod sodisfaċenti għal min ressaq l-ilment. Dawn il-każijiet issolvew mill-istituzzjoni jew intlaħaq qbil dwar soluzzjoni paċifika. Dan jirrifletti rieda dejjem tikber biex l-ilmenti li jsiru lill-Ombudsman jitqiesu bħala opportunità biex jissewew l-iżbalji li jkunu saru u biex ikun hemm kooperazzjoni mal-Ombudsman għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej. Fir-rapport annwali tiegħu l-Ombudsman isemmi 9 każijiet[1] li jikkonsistu f'eżempji ċari tal-aħjar prattika. Dawn il-każijiet iservu bħala mudell għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE f’termini ta’ kif għandha tkun l-aħjar reazzjoni għall-kwistjonijiet li jqajjem l-Ombudsman.
Meta ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni paċifika, l-Ombudsman jagħlaq il-każ b'kumment kritiku jew inkella jagħmel abbozz ta’ rakkomandazzjoni. Kumment kritiku jikkonferma li l-ilment ikun iġġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat xi jkun għamel ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni. Fl-2009 l-Ombudsman għalaq 35 inkjesta b'kummenti kritiċi.
Huwa importanti li l-istituzzjonijiet u l-korpi jsegwu l-kummenti kritiċi li jsiru mill-Ombudsman, billi jieħdu azzjoni biex isolvu l-problemi pendenti u b'hekk jevitaw li jkun hemm amministrazzjoni ħażina fil-ġejjieni. Kien proprju bil-għan li jkun żgurat li l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u li jkunu evitati każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li l-Ombudsman ippubblika fis-sit tal-Internet studju dwar is-segwitu li għamlu l-istituzzjonijiet involuti għall-kummenti kritiċi u r-rimarki kollha miktuba fl-2008. Għandu jingħad li l-indiċi ta' sodisfazzjoni dwar is-segwitu għal dawn il-kummenti kritiċi kien ta' 79%.
Meta jkun possibbli li l-istituzzjoni kkonċernata telimina l-episodju ta' amministrazzjoni ħażina, jew f’każijiet fejn l-amministrazzjoni ħażina tkun partikularment serja jew ikollha implikazzjonijiet ġenerali, normalment l-Ombudsman iħejji abbozz ta' rakkomandazzjoni għall-istituzzjonijiet jew il-korpi involuti, li għandhom iwieġbu għalih permezz ta' opinjoni dettaljata fi żmien tliet xhur. Fl-2009 tfasslu 15-il abbozz ta’ rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, 7 abbozzi ta' rakkomandazzjoni tal-2008 ntemmew fl-2009, u żewġ każijiet ingħalqu wara l-abbozzi ta' rakkomandazzjoni li tfasslu fl-2007.
Jekk istituzzjoni jew korp Komunitarju jonqos milli jwieġeb b’mod sodisfaċenti għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-Ombudsman jista' jibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew.
Fl-2009, l-Ombudsman ma bagħat l-ebda rapport speċjali lill-Parlament.
L-Ombudsman nieda wkoll erba' inkjesti fuq inizjattiva tiegħu. Dawn l-inkjesti kienu jikkonċernaw l-eżerċizzju mill-Ombudsman tas-setgħa tiegħu li jiftaħ inkjesta ta' inizjattiva biex jittratta problema apparentement ta' natura sistemika fi ħdan l-istituzzjonijiet, bħal pereżempju dik imqajma mill-Kummissjoni minħabba aċċess għad-dokumenti marbuta mal-proċeduri ta' ksur. L-għan kien li wieħed jara li ċ-ċittadini jkunu jafu kif jistgħu jiksbu l-aċċess għal dokumenti marbuta mal-ksur, u meta l-aċċess ikun rifjutat, sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk il-Kommissjoni jew l-Istat Membru li jkun irrifjuta l-aċċess ikunx ibbaża ruħu fuq il-liġi nazzjonali jew fuq dik tal-UE.
Il-Prijoritajiet tal-Ombudsman Ewropew
Il-prijoritajiet prinċipali tal-Ombudsman Ewropew huma li jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet taċ-ċittadini skont il-liġi tal-UE f'kull livell tal-Unjoni u li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jikkonformaw mal-ogħla standards ta' amministrazzjoni.
L-Ombudsman kompla fl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni provduta liċ-ċittadini u l-ilmentaturi potenzjali rigward id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE speċjalment permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. In-Netwerk, li jinkludi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, jikkonsisti f'madwar 94 uffiċċju f'32 pajjiż. Wieħed mill-għanijiet tan-Netwerk huwa li jiffaċilita t-trasferiment mgħaġġel tal-ilmenti lill-Ombudsman ta' kompetenza jew lil korp ieħor simili. Fid-977 każ ittrattati fl-2009, l-Ombudsman ittrażmetta l-ilment li ntbagħat lilu lil membru tan-netwerk Ewropew: huwa ta parir lil 792 persuna li bagħtu lment biex jirrikorru għand ombudsman nazzjonali jew reġjonali, u rrifera 185 oħrajn għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet. F'xi każijiet, l-Ombudsman iqis xieraq li jittrasferixxi l-ilment lill-Kummissjoni jew lil SOLVIT, li huwa netwerk imwaqqaf mill-Kummissjoni biex jgħin persuni li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom fis-suq intern tal-UE. L-Ombudsman żied ir-rabtiet tiegħu ta' kooperazzjoni ukoll ma' Europe Direct.
L-Ombudsman jinsisti biex jiżgura li ċerti istituzzjonijiet u korpi tal-UE jadottaw approċċ li jpoġġi ċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-attivitajiet kollha tagħhom billi jfittex kull opportunità li jikseb soluzzjonijiet paċifiċi għall-ilmenti u billi jniedi aktar inkjesti fuq inizjattiva proprja bil-għan li jidentifika l-problemi u jinkuraġġixxi l-aħjar prattika. Għal dan l-għan, l-Ombudsman ikompli jiżviluppa kuntatti mal-Membri u l-uffiċjali fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE bil-għan li jippromwovi l-kultura tas-servizzi fl-amministrazzjoni Komunitarja.
Fid-dawl tal-importanza li jkun żgurat li dawk li jista' jkollhom problemi minħabba l-amministrazzjoni Komunitarja jkunu jafu dwar id-dritt tagħhom li jressqu ilment lill-Ombudsman, fl-2009 saru 145 preżentazzjoni mill-Ombudsman u l-impjegati tiegħu f’konferenzi, seminars u laqgħat. L-Ombudsman għamel ukoll żjarat ta’ informazzjoni f’Ċipru, fis-Slovakkja, fir-Repubblika Ċeka, fil-Finlandja, fl-Estonja u fl-Italja sabiex jippromwovi l-għarfien tar-rwol tal-Ombudsman f’dawn il-pajjiżi. Huwa ta wkoll sitt konferenzi tal-istampa u 'l fuq minn 40 laqgħa; 21 komunikat tal-istampa ġew imqassma lill-ġurnalisti. In-netwerk tal-Ombudsmen jippubblika b'mod regolari newsletter u qed iħaddem forum elettroniku ta' diskussjoni għall-membri tiegħu.
Fost l-iktar pubblikazzjonijiet interessanti prodotti u mxerrda fl-2009, hemm ir-''rapport annwali'' u s-sommarju l-ġdid ‘Sommarju 2008’.
Is-sit tal-Internet il-ġdid tal-Ombudsman, li tnieda fil-5 ta' Jannar 2009, jiġi aġġornat regolarment. Dan is-servizz ġdid għall-benefiċċju taċ-ċittadini jinsab f'evoluzzjoni kostanti. Għandu jiġi enfasizzat l-interess partikolari tal-gwida interattiva li għandha l-għan li tgħin liċ-ċittadin jidentifika l-iktar istituzzjoni adegwata biex jittratta l-ilment tiegħu; Fl-2009, 26,000 persuna rċevew tweġiba permezz tal-gwida interattiva. Il-parti l-kbira tal-viżituri tas-sit tal-Internet huma fi Spanja, imbagħad hemm l-Italja, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju.
Konklużjoni
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iħeġġeġ lill-Ombudsman biex ikompli jaħdem mal-istituzzjonijiet biex jippromwovi l-amministrazzjoni tajba u l-kultura tas-servizzi u biex iżid l-isforzi tiegħu ta' komunikazzjoni, ħalli ċ-ċittadini li jkunu jeħtieġu jużaw is-servizzi tiegħu jkunu informati sewwa dwar kif għandhom jagħmlu dan.
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iħeġġeġ lill-Ombudsman biex isolvi l-każijiet permezz ta' soluzzjonijiet paċifiċi. Dan jirrifletti rieda dejjem tikber biex l-ilmenti li jsiru lill-Ombudsman jitqiesu bħala opportunità biex jissewew l-iżbalji li jkunu saru u juri r-rieda ta' kooperazzjoni mal-Ombudsman min-naħa tal-istituzzjonijiet.
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iħeġġeġ l-użu min-naħa tal-Ombudsman tas-setgħa tiegħu li jiftaħ inkjesti ta' inizjattiva biex jittratta problemi ta' natura sistemika fi ħdan l-istituzzjonijiet, kif għamel il-Kumitat fl-2009 kontra n-nuqqas ta' trasparenza u r-rifjut ta' għoti ta' informazzjoni.
Bl-appoġġ tagħhom lill-Ombudsman, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu wrew il-fiduċja tagħhom fil-ħidma tal-Ombudsman u fl-isforzi tiegħu biex itejjeb is-servizz li jista' jipprovdi liċ-ċittadini, u b'hekk tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha.
- [1] Każijiet 2980/2008/GG(CE), 791/2005/(IP)FOR(CE), 723/2005/OV(OLAF), 790/2005/OV(OLAF), 2346/2007/JMA(EPSO), 2119/2007/ELB(CE), 1908/2007/JF(CE), 1562/2008/BB(EACI), 2003/2008/TS(ERCEA), 1537/2008/(TJ)GG(EACEA)
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
29.9.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
14 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Băsescu, Victor Boştinaru, Pascale Gruny, Ágnes Hankiss, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Erminia Mazzoni, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli, Ernst Strasser, Diana Wallis, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Kinga Göncz, Keith Taylor |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Herbert Dorfmann |
|||||