Proċedura : 2009/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0280/2010

Testi mressqa :

A7-0280/2010

Dibattiti :

PV 13/12/2010 - 20
CRE 13/12/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0468

RAPPORT     
PDF 207kWORD 138k
7.10.2010
PE 442.903v02-00 A7-0280/2010

dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE: proċeduri ta’ assistenza u kontroll mill-Kummissjoni Ewropea

(2009/2231(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Ramona Nicole Mănescu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE: proċeduri ta’ assistenza u kontroll mill-Kummissjoni Ewropea

(2009/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni rigward ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Mejju 2010 (COM(2010)0260),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar it-trasparenza fil-politika reġjonali u l-iffinanzjar tagħha(3),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza fuq diversi livelli tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2009 u r-Rapport ta’ Konsultazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa Ministerjali informali li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2010 f’Málaga,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Settembru 2004, bit-titolu ‘Ir-responsabilitajiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-ġestjoni komuni tal-Fondi Strutturali u tal-Fondi ta’ Koeżjoni - Sitwazzjoni attwali u prospettivi għall-perjodu l-ġdid ta’ pprogrammar wara l-2006’ (COM(2004)0580),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2008 dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta' pprogrammar 2007-2013 (COM(2008)0301),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-snin finanzjarji 2006 u 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2008, bit-titolu ‘Pjan ta’ Azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta’ azzjonijiet strutturali’ (COM(2008)0097),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2009, bit-titolu ‘Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta’ azzjonijiet strutturali ’ (COM(2009)0042),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 mill-Kummissarji Samecki u Špidla lill-Kummissjoni fejn jingħata rapport interim dwar is-segwitu għall-pjan ta’ azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjonitaħt ġestjoni komuni ta’ azzjonijiet strutturali (SEC(2009)1463),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2010 dwar l-impatt tal-pjan ta’ azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni b’ġestjoni kondiviża tal-azzjonijiet strutturali (COM(2010)0052),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7–0280/2010),

A. billi l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-biċċa l-kbira tagħha hija deċentralizzata u msejsa fuq l-assunzjoni tar-responsabilità min-naħa tal-awtoritajiet sottonazzjonali,

B.  billi l-politika ta’ koeżjoni twettaq rwol ta’ prekursur fl-applikazzjoni tal-governanza fuq diversi livelli bħala strument għat-titjib tal-kwalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-involviment attiv tal-awtoritajiet sottonazzjonali mill-fażi preleġiżlattiva tad-dibattiti,

C. billi l-‘governanza fuq diversi livelli’ tfisser azzjoni kkoordinata mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll mis-sħab soċjoekonomiċi u l-NGOs, ibbażata fuq il-prinċipji tas-sħubija u tal-kofinanzjament u mmirata biex jiġu mfassla u implimentati l-politiki tal-Unjoni Ewropea, definizzjoni li timplika li r-responsabilità tinqasam bejn il-livelli differenti tal-gvern,

D. billi r-rapport tal-2006 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri wera li s-sistemi ta’ kontroll li jeżistu għall-politika ta’ koeżjoni ma kinux effikaċi biżżejjed, b’rata ta’ żball ta’ 12% fl-ispejjeż rimborsati, u r-rapport tal-2008 kkonferma din id-data bi 11% tal-fondi rimborsati aktar milli kien imisshom,.

E.  billi l-Kummissjoni teħtieġ li ssaħħaħ ir-rwol tagħha ta' sorveljanza biex tnaqqas il-livell ta' żball, ittejjeb is-sistema ta’ kontroll u żżid l-assistenza lill-awtoritajiet sottonazzjonali u lill-benefiċjarji, li aktar 'il bogħod fil-ġejjieni kollha se jwasslu għal politika li tkun aktar orjentata lejn ir-riżultati u tkun tirrispetta aktar lill-utenti,

F.  billi proċeduri ta’ talba ta’ finanzjament wisq ikkumplikati u kontrolli żejda għandhom ir-riskju li jbiegħdu lill-benefiċjarji potenzjali tal-politika ta’ koeżjoni,

G. billi s-soluzzjonijiet prattiċi mistennija minn sħabna ċ-ċittadini rigward is-servizzi pubbliċi (bħat-trasport pubbliku, l-ilma tax-xorb, is-saħħa pubblika, l-akkomodazzjoni soċjali u l-edukazzjoni pubblika) ma jistgħux jinkisbu ħlief bil-governanza t-tajba fil-livell ta’ żewġ sistemi komplementari: minn naħa, is-sistema istituzzjonali, li tipprevedi t-tqassim tal-kompetenzi u tal-baġits bejn l-Istat u l-awtoritajiet regjonali u lokali, u, min-naħa l-oħra, is-sistema tas-sħubija, li tgħaqqad flimkien l-atturi pubbliċi u privati kollha kkonċernati mill-istess suġġett f’ territorju partikolari,

H. billi s-sħubija, li għandha tieħu kont tal-komunitajiet u l-gruppi kollha rilevanti, tista' ġġib kemm benefiċċji kif ukoll valur miżjud għall-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni permezz ta' leġittimità msaħħa, trasparenza garantita u assorbiment aħjar tal-fondi, u għandha tkun evalwata wkoll f'termini tal-valur soċjali u ċiviku li tirrappreżenta,

I.   billi approċċ integrat għandu jagħti każ tal-karatteristiċi speċjali tar-reġjun (żvantaġġi ġeografiċi u naturali, spopolazzjoni, reġjun ultraperiferali, eċċ.) bil-għan li jkun jista' jaffronta l-isfidi lokali u reġjonali,

L-applikazzjoni ta’ governanza fuq diversi livelli

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper tal-KtR dwar il-governanza fuq diversi livelli u l-għarfien tas-sussidjarjetà sottonazzjonali fit-Trattat ta’ Lisbona; jenfasizza li l-approċċ mil-lat ta' diversi livelli għandu jiġi applikat mhux biss f'sens vertikali imma wkoll f'sens orizzontali, fost l-atturi tal-istess livell, fil-politiki kollha tal-Unjoni fejn jidħlu l-kompetenzi komuni inkluża l-politika ta’ koeżjoni;

2.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-laqgħa ministerjali informali ta’ Málaga ta’ Marzu 2010 u jqis li l-governanza fuq diversi livelli hija prekundizzjoni għall-ksib tal-koeżjoni territorjali fl-Ewropa; jitlob li dan il-prinċipju jsir wieħed obbligatorju għall-Istati Membri fl-oqsma politiċi li għandhom impatt territorjali qawwi biex ikun żgurat żvilupp territorjali bbilanċjat f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jirrimarka li dispożizzjoni bħal din m’għandha bl-ebda mod twassal għal proċeduri li jkunu ta’ aktar piż;

3.  Iqis li governanza sodisfaċenti fuq diversi livelli għandha tkun ibbażata fuq approċċ orjentat minn isfel għal fuq, filwaqt li jqis id-diversità tal-arranġamenti amministrattivi li jeżistu fl-Istati Membri differenti; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw il-mezzi l-aktar effiċjenti għall-implimentazzjoni tal-governanza fid-diversi livelli u jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-Komunità billi, pereżempju, jistiednu uffiċċjali mil-livelli kollha tal-gvern għal laqgħat perjodiċi organizzati flimkien mal-Kummissjoni jew billi jistabbilixxu Pattijiet Territorjali Ewropej li fuq bażi volontarja jgħaqqdu bejniethom il-livelli differenti tal-gvern ikkonċernat;

4.  Jirrakkomanda li l-analiżi tal-impatt territorjali għandu jsir prattika standard billi d-diversi partijiet ikkonċernati jiġu involuti, minn fażi bikrija tad-deċiżjoni ta’ politika, bil-għan li jiġu mifhuma r-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proposti Komunitarji kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi fuq ir-reġjuni;

5.   Jenfasizza li l-governanza fuq diversi livelli tippermetti espolojtazzjoni aħjar tal-potenzjal tal-kooperazzjoni territorjali grazzi għar-relazzjonijiet li ġew żviluppati fost atturi privati u pubbliċi minn naħa għall-oħra tal-fruntieri; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tat-tagħrif bejn ir-REKT li diġà huma maħluqa u dawk li jinsabu fil-proċess li jiġu stabbiliti fil-qafas tal-programmi eżistenti; jifraħ lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-kwalità tax-xogħol tiegħu fuq ir-REKT u jitlob li l-istrumenti disponibbli tiegħu, b’mod partikolari l-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Liżbona u n-Netwerk ta’ Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tagħha, jintużaw biex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu identifikati u ddeterminati b’mod konġunt l-objettivi u l-azzjonijiet ta’ ppjanar sussegwenti, u, fl-aħħar, bil-ħsieb li titwettaq evalwazzjoni komparattiva tar-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jintensifikaw l-użu li jagħmlu tal-approċċ integrat matul il-perjodu attwali ta’ programmazzjoni; jipproponi li dan l-approċċ isir obbligatorju fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni futura; jidhirlu li approċċ flessibbli u integrat għandu mhux biss iqis l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp tat-territorju imma jippermetti wkoll li jiġu kkoordinati l-interessi tas-sħab differenti, fid-dawl tal-karatteristiċi territorjali, bil-għan li tkun tista’ ssir reazzjoni għall-isfidi fil-livell lokali u reġjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida għall-atturi pubbliċi u privati dwar kif għandhom jiġu implimentati fil-prattika l-prinċipji tal-governanza fuq diversi livelli u l-approċċ integrat; jirrakkomanda li azzjonijiet immirati għall-promozzjoni ta' dawn iż-żewġ approċċi jiġu ffinanzjati skont l-assistenza teknika tal-FEŻR;

8.  Jirrakkomanda li l-Kumitat tar-Reġjuni juża Jiem il-Bibien Miftuħa tal-2011 u, safejn għadu possibbli f’dan l-istadju, il-Jiem tal-Bibien Miftuħa tal-2010 bħala okkażjoni biex jippromwovi u japprofondixxi d-dibattitu dwar l-identifikazzjoni tal-mezz l-aktar adattat kif tiġi promossa l-governanza fuq diversi livelli; jissuġġerixxi li mill-2011 fir-reġjuni kollha tal-UE tiġi inizjata u stabbilita marka Ewropea tal-governanza fuq diversi livelli;

9.  Jinnota li l-mekkaniżmi tat-twettiq deċentralizzati huma fattur ewlieni għall-governanza fuq diversi livelli; minħabba l-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jissottodelegaw l-implimentazzjoni ta’ parti waħda minn programm operazzjonali, meta dan ikun xieraq u b’mod partikulari biex jesplojtjaw aħjar l-użu tal-għotjiet globali; jistedinhom jieħdu l-miżuri deċentralizzati meħtieġa, kemm fil-livell leġiżlattiv u kemm f’dak baġitarju, sabiex is-sistema tal-governanza fuq diversi livelli tkun tista’ taħdem b’mod effikaċi u f’konformità mal-prinċipji tas-sħubija u s-sussidjarjetà; jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, speċjalment dawk li għandhom setgħat leġiżlattivi, għandhom jiġu involuti aktar mill-qrib, peress li mhemmx min hu infurmat aħjar minnhom dwar il-potenzjalitajiet u l-ħtiġijiet tar-reġjun tagħhom u jistgħu għalhekk jikkontribwixxu għal implimentazzjoni mtejba tal-politika ta’ koeżjoni;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali relevanti u l-atturi tas-soċjetà ċivili mill-istadji l-aktar bikrija tan-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dwar programmi li jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali sabiex ikun jista’ jsir djalogu f’waqtu bejn is-saffi differenti tal-gvern; jitlob li dawn l-awtoritajiet jipparteċipaw fil-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi ugwali mar-rappreżentanti nazzjonali;

11. Jenfasizza li għall-assorbiment effiċjenti tal-fondi u l-massimizzazzjoni tal-impatt tagħhom irid ikun hemm kapaċità amministrattiva suffiċjenti kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell reġjonali u dak lokali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha bil-għan li tkabbar il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni u tiżgura s-sostenibilità tal-azzjonijiet u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw strutturi amministrattivi u kapital uman adegwati f’dawk li huma reklutaġġ, remunerazzjoni, taħriġ, riżorsi, proċeduri, trasparenza u aċċessibilità;

12. Jistieden lill-Istati Membri wkoll biex isaħħu, fejn jixraq, ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tħejjija, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-programmi u jżidu r-riżorsi li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom; jirrakkomanda li fil-politika ta’ koeżjoni tiġi adottata l-metodoloġija tal-iżvilupp lokali bbażata fuq is-sħubiji lokali, b’mod partikolari għal proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet urbani, rurali u transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi s-sħubija bejn ir-reġjuni li għandhom potenzjal ta’ żvilupp speċifiku simili għal ta’ xulxin u tiżgura li jkun hemm stabbilit qafas xieraq fil-livell tal-UE għall-koordinament tal-kooperazzjoni makroreġjonali;

13. Iqis li l-prinċipji tas-sħubija u l-kofinanzjament irawmu l-assunzjoni tar-responsabilità min-naħa tal-awtoritajiet sottonazzjonali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; itenni l-impenn tiegħu lejn dawn il-prinċipji ta’ ġestjoni tajba u jitlob li jkomplu jiġu applikati minkejja r-restrizzjonijiet fuq l-infiq pubbliku kkawżati mill-kriżi ekonomika;

14. Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-prattika tas-sħubija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni miftiehma tal-kunċett tas-sħubija bħala kundizzjoni għall-kostruzzjoni ta’ sħubiji veri mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika bis-serjetà l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju billi tiżviluppa għodod ta’ evalwazzjoni u xxerred l-aħjar prattiki f’dan il-qasam permezz ta’ għodod tal-ICT; jenfasizza li s-sħubija tista’ tikkontribwixxi għall-effikaċja, għall-effiċjenza, għal-leġittimità u għat-trasparenza, fl-istadji kollha tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u tista’ żżid l-impenn lejn ir-riżultati tal-programmi kif ukoll is-sjieda tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti li jwettaq is-settur tal-volontarjat fil-proċess tas-sħubija;

15. Jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit li jkun ikkonsultat il-pubbliku ġenerali kif permezz ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili u NGOs bil-għan li jiġu riflessi l-proposti tagħhom, u jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tgħin biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun leġittimizzat; jinnota li l-isforzi li saru bil-għan li tkun żgurata l-parteċipazzjoni pubblika fil-fażi preparatorja tal-programmi operazzjonali għall-perjodu 2007-2013 ma kinux konlussivi daqs kemm kien previst; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-prattiki t-tajba u tiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom bil-għan li ttejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

16. Jitlob li l-prinċipju tal-governanza fuq diversi livelli jiġi integrat fil-fażijiet kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija EU2020 biex tkun żgurata sjieda vera tar-riżultati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jridu jimplimentawha; ifakkar f’dan il-kuntest fil-proposta rigward patt territorjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-istrateġija Ewropa 2020 bil-ħsieb li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet jiġu inkuraġġiti jikkontribwixxu għas-suċċess tar-realizzazzjoni tal-objettivi tal-istrateġija 2020;

17. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tanalizza mill-ġdid il-possibilitajiet li jiġi implimentat il-proġett pilota li nbeda mill-Parlament Ewropew bit-titolu ‘Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti’ u, bil-ħsieb li jogħla l-istandard tal-proġetti proposti u jintlaħaq l-objettiv tal-effiċjenza, jistieden lill-Kummissjoni timplementa, skont il-linja baġitarja tal-assistenza teknika operazzjonali tal-FEŻR, skema ta’ taħriġ u mobilità għall-atturi lokali u reġjonali involuti fl-immaniġġjar tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni flimkien mas-sħab speċjalizzati fl-implimentazzjoni tal-kunċetti tal-approċċ integrat u l-governanza fuq diversi livelli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, talloka finanzjament għal dawn l-inizjattivi b’mod effettiv u ssaħħaħ in-netwerking mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni;

18. Hu tal-fehma li n-netwerks Ewropej tar-reġjuni għandhom iwessgħu il-ħidma tagħhom fil-qasam tal-prattiki tajba fil-governanza u s-sħubija, għandhom jisħqu aktar fuq il-lezzjonijiet politiċi u strateġiċi li jkunu ttieħdu miċ-ċikli tal-programmi preċedenti u għandhom jiżguraw l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ewlieni dwar l-aħjar prattiki bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea u b'hekk jgħinu ħalli jiġi żgurat li l-prattiki tajba jiġu implimentati tassew;

Tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni fl-appoġġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali

19. Hu tal-fehma li rwol aktar b’saħħtu għal-livell reġjonali u lokali jrid jikkorrispondi ma' rwol superviżorju msaħħaħ għall-Kummissjoni li jkun jiffoka fuq il-kontroll tas-sistemi tal-verifika aktar milli fuq proġetti wieħed wieħed; jitlob f’dan il-kuntest għal sistema ta’ ċertifikazzjoni Ewropea tas-servizzi nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tlesti l-approvazzjoni tar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità sabiex tevita d-dewmien fil-ħlasijiet u t-telf ta' fondi minħabba d-diżimpenn, u biex tipprovdi proposta fuq ir-riskju tollerabbli ta’ żball qabel l-2012;

20. Jilqa’ b’sodisfazzjon dak li ħareġ mir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Frar 2010 u l-azzjonijiet korrettivi u preventivi li nbdew s’issa; jistieden lid-DĠ REGIO ikompli għaddej b’dan l-eżerċizzju matul il-perjodu kollu kemm hu tal-implimentazzjoni biex iżomm għaddej il-momentum iġġenerat mill-Pjan ta’ Azzjoni;

21. Jenfasizza li l-inizjattivi Ewropej fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-politika strutturali jeħtieġ li jiġu kkoordinati aħjar ħalli ma jipperikolawx il-koerenza tal-politika reġjonali; jitlob għalhekk koordinazzjoni msaħħa fil-Kummissjoni bejn id-Direttorat Ġenerali REGIO, li hu responsabbli għall-politika ta' koeżjoni u l-politika strutturali, u d-direttorati ġenerali responsabbli għall-inizjattivi relevanti relatati ma’ setturi speċifiċi; jitlob, minħabba t-tisħiħ tad-drittijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li seħħ bit-Trattat ta’ Lisbona, li dawn l-awtoritajiet ikunu assoċjati aktar mill-qrib mat-tfassil tal-politika fil-livell tal-Kummissjoni, bil-għan li tiżdied ir-responsabilità għall-proġetti fost dawk responsabbli mill-proġetti: jitlob ukoll, madankollu, kontroll akbar tar-riżultati mill-Kummissjoni, fuq il-post, bil-għan li tittejjeb l-evalwazzjoni kemm tal-effiċjenza tal-istrutturi ta’ proġett u tal-effikaċja tal-miżuri meta mqabbla mal-objettivi speċifikati li għandhom il-għan li jilħqu.

22. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inizjattiva ‘Ħarreġ lill-ħarrieġa’ għall-awtoritajiet li jimmaniġġjaw u għall-awtoritajiet li jiċċertifikaw; jenfasizza li għandu jkun hemm monitoraġġ kostanti biex ikun żgurat li l-kontenut tat-taħriġ ikun verament ittrasferit lejn il-livelli aktar baxxi b’mod ibbilanċjat, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-atturi lokali;

23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tillanċja malajr il-portal il-ġdid fil-bażi tad-data SFC 2007 li jippermetti aċċess dirett għal tagħrif relevanti għall-atturi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-Fondi Strutturali; jirrakkomanda li l-Istati Membri jippromwovu u jiċċirkulaw tagħrif dwar dan l-istrument fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll fost il-benefiċjarji aħħarija;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi addizzjonali ta’ assistenza teknika biex tippromwovi l-għarfien fil-livell reġjonali u lokali dwar problemi relatati mal-implimentazzjoni, speċjalment fl-Istati Membri fejn, skont l-evalwazzjoni ex post li għamlet il-Kummissjoni tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2000-2006, hemm problemi persistenti ħafna rigward il-kapaċità amministrattiva tagħhom f’dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi;

25. Jitlob għal applikazzjoni standardizzata tal-mudell ta’ informazzjoni unika u tal-mudell ta’ verifika unika (SISA) fil-livelli ta’ verifika kollha biex ikunu evitati d-duplikazzjoni tal-verifiki u l-kontroll żejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ manwal tal-verifika unika inklużi n-noti ta’ gwida kollha li ġew prodotti s’issa;

26. Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jisfruttaw aktar l-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja bħala mezz biex tiżdied il-kwalità tal-proġetti u l-parteċipazzjoni ta' atturi privati, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, fil-proġetti Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli tal-funzjonament ta’ dawn l-istrumenti, li l-kumplessità attwali tagħhom tillimita l-użu tagħhom;

27. Jinsab konvint li l-konformità mal-proċeduri ma tistax isseħħ għad-detriment tal-kwalità tal-interventi; jitlob mill-Kummissjoni politika futura li tkun aktar orjentata lejn ir-riżultati, li tkun iffukata fuq prestazzjoni ta’ kwalità u żvilupp strateġiku tal-proġetti aktar milli fuq il-kontrolli; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi oġġettivi u li jistgħu jitkejlu li jkunu komparabbli fl-Unjoni kollha għal sistemi aħjar ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u tkompli tikkunsidra aktar il-ħtieġa ta’ regoli flessibbli fil-każ li jseħħu kriżijiet ekonomiċi;

28. Jenfasizza li proċeduri trasparenti u ċari huma fatturi fil-governanza t-tajba; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon is-simplifikazzjoni li qiegħda ssir bħalissa tar-Regolament Finanzjarju u tar-regoli tal-Fondi Strutturali u jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw għalkollox ma’ dak li hemm mitlub fir-Regolament Finanzjarju rivedut u jxandru t-tagħrif dwar il-benefiċjarji aħħarija tal-Fondi Strutturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi regoli li jinftiehmu, li mhux se jkunu jeħtieġu li jiġu mmodifikati ta’ spiss; jitlob għal arkitettura aktar sempliċi għall-Fondi wara l-2013, mhux bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika imma bħala prinċipju ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni futura, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-assorbiment tal-fondi, u jirrakkomanda trasparenza u flessibilità akbar fl-użu tal-Fondi tal-UE bil-għan li jiġi evitat piż amministratti addizzjonali li jista’ jiskoraġġixxi lis-sħab potenzjali milli jieħdu sehem fil-proġetti;

29. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2010 peress li lill-proċess tat-tiswir tal-politiki jista’ jagħtih lura tagħrif importanti; jikkunsidra li dak li nstab mir-rapport ukoll irid jitqies bis-serjetà waqt l-ifformular tal-proposti li jkollhom il-għan li jtejbu l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni;

30. Itenni l-impenn tiegħu favur politika ta' koeżjoni b'saħħitha u ffinanzjata kif suppost li tiżgura li r-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea jiżviluppaw b'mod armonjuż; jitlob li l-mezzi finanzjarji ta’ din il-politika jinzammu kif inhuma wara l-2013 u li kull tentattiv ta’ rinazzjonalizzazzjoni jiġi rruftat;

31. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-prinċipji tad-divrenzjar u tal-proporzjonalità fir-regolamenti futuri u biex tadatta r-rekwiżiti skont id-daqs tal-programmi u n-natura tas-sħab, speċjalment meta jkunu involuti awtoritajiet pubbliċi żgħar; jitlob li jsir użu usa’ tas-somom ta’ flus imħallsa f’daqqa u tar-rati fissi għall-Fondi kollha, b’mod partikolari għall-ispejjeż amministrattivi u għall-assistenza teknika; jipproponi li jsir provvediment għal kriterji ta’ evalwazzjoni aktar flessibbli għal proġetti innovattivi, bil-għan li jinkoraġġihom, u rekwiżiti ta’ kontroll aktar moderati għall-proġetti pilota; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa l-prinċipju tar-‘rabta ta’ fiduċja’ mal-Istati Membri li jimpenjaw ruħhom, u jirnexxilhom, li jassiguraw utilizzazzjoni tajba tal-Fondi;

32. Bil-għan li fil-ġejjieni tinbena politika li tirrispetta aktar lill-utent, jitlob għal armonizzazzjoni u integrazzjoni aktar profondi tar-regoli tal-Fondi Strutturali, u b’hekk jiġi evitat li proġett jiġi analizzat f’partijiet differenti biex japplika għal fondi differenti; jirrakkomanda li jsir iffukar mhux sempliċement fuq ir-regolarità tal-infiq imma fuq il-kwalità tal-interventi u li r-riżorsi jkunu kkonċentrati fl-ippotenzjar tal-assistenza fuq in-naħa tal-immaniġġjar;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli proposti għar-regolamenti tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, tadotta r-regolament implimentattiv, telabora l-gwida meħtieġa u tipprovdi taħriġ dwarhom meta jkun il-waqt, u tiffaċilita l-proċess tan-negozjati u l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali bil-għan li jiġi evitat kull dewmien fl-implimentazzjni tal-politika ta' koeżjoni u fl-assorbiment tal-fondi wara l-2013;

34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

(1)

ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2008)0492.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2010)0201.


NOTA SPJEGATTIVA

Matul l-aħħar għexieren ta’ snin, id-deċentralizzazzjoni tas-setgħat f’diversi Stati Membri saħħet b’mod konsiderevoli l-kompetenzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-twettiq tal-politiki Komunitarji.

L-inkorporazzjoni, bit-Trattat ta’ Riforma, tas-sussidjarjetà sottonazzjonali fil-liġi Komunitarja għall-politiki tal-kompetenza kondiviża, illum il-ġurnata tippermetti li l-awtoritajiet territorjali jkunu iktar involuti fil-fond fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kemm għat-tfassil tal-politiki kif ukoll għall-implimentazzjoni tagħhom, bħala msieħba dinjitużi għalkollox biex jipparteċipaw fl-ilħuq tal-objettivi Komunitarji.

Dan il-pass importanti lejn governanza aħjar fuq diversi livelli jwieġeb għal talbiet ripetuti mill-Parlament biex jissaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-ħolqien ta’ politiki dejjem b'rispett għall-assi kostituzzjonali nazzjonali differenti.

Implimentazzjoni effikaċi tiddependi b’mod qawwi minn kif isibu l-bidu tagħhom il-politiki; l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali anki f’din il-fażi - bħala dawk li l-iktar jafu l-ħtiġijiet tat-territorju tagħhom u tal-popolazzjoni tiegħu - huwa assigurazzjoni ta’ riżultati iktar effikaċi iktar ’il quddiem.

Għaldaqstant, huwa kruċjali li l-enfasi ssir fuq il-fażi preleġiżlattiva tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dwar il-valur miżjud li joffru l-politiki u l-aqwa prattiki implimentati f’livelli lokali u reġjonali għall-iżvilupp tal-istrateġiji territorjali fl-UE.

Il-politika ta’ koeżjoni hija prekursur fl-applikazzjoni ta’ dan l-approċċ: id-dimensjoni reġjonali tagħha u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija jirrappreżentaw il-valur miżjud tagħha u jikkontribwixxu biex jiżguraw l-effikaċja u s-sostenibilità tagħha.

Il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Governanza fuq Diversi Livelli

Il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni fetħet dibattitu f’waqtu dwar il-fehim komuni ta’ dan il-prinċipju bħala strument prattiku għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politiki Komunitarji ta’ kompetenza kondiviża.

Huma kkunsidrati l-aspetti li ġejjin biex wieħed jara kif l-approċċ tal-governanza fuq diversi livelli jista’ jiġi żviluppat aħjar fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni:

· Iż-żewġ dimensjonijiet tal-governanza fuq diversi livelli, dik vertikali – bħala koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ livelli differenti ta’ gvern, inklużi l-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali – u dik orizzontali, bejn l-atturi fl-istess livell, huma meħtieġa biex jiġu żgurati koperazzjoni fuq diversi livelli bejn l-atturi u approċċ integrat bejn il-politiki.

· Definizzjoni iktar ċara tal-prinċipju tas-sħubija tkun tiffaċilita t-tisjis ta’ sħubiji reali mal-awtoritajiet reġjonali u lokali; b’mod partikolari r-rwol tal-livell lokali u l-konsultazzjoni miegħu jeħtieġ li jissaħħu sa mill-istadju bikri tan-negozjati dwar id-dibattiti tal-UE. Il-prinċipju tas-sħubija sikwit ma jaħdimx minħabba l-involviment fqir tal-awtoritajiet lokali.

· Id-dibattitu dwar il-governanza fuq diversi livelli huwa marbut strettament ma’ dak dwar il-koeżjoni territorjali: l-involviment tal-atturi sottonazzjonali fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE huwa prekondizzjoni biex il-koeżjoni territorjali tiġi implimentata b’mod effikaċi. White Paper dwar il-koeżjoni territorjali bħala segwitu għall-Green Paper tkun tirrappreżenta strument f’waqtu biex jiġi ċċarat kif għandha tiġi implimentata l-koeżjoni territorjali permezz tal-governanza fuq diversi livelli fil-politika reġjonali futura u tikkontribwixxi fid-dibattitu dwar il-pakkett leġiżlattiv li jmiss.

· Il-potenzjal tal-koperazzjoni territorjali jeħtieġ jiġi sfruttat aħjar għall-promozzjoni ta’ koperazzjoni fuq diversi livelli minn naħa għall-oħra tal-fruntieri nazzjonali. Ir-reġjuni transkonfinali għandhom potenzjal territorjali li għadu ma ġiex sfruttat u huma post ta’ konverġenza ta’ politiki. Barra minn hekk, ir-rwol kruċjali tal-koperazzjoni territorjali fit-twettiq tal-objettivi tal-UE2020 ġie enfasizzat fil-ħafna risponsi għall-konsultazzjoni pubblika reċenti. L-Istrument tar-REKT għandu jiġi promoss bħala għodda biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ governanza transkonfinali u tiġi żgurata s-sjieda tal-politiki differenti fil-livell reġjonali u lokali.

· Is-simplifikazzjoni tar-regoli fil-livell Komunitarju u nazzjonali hija prekondizzjoni għal governanza aħjar fil-politika ta’ koeżjoni. Il-modifikazzjonijiet reċenti tar-Regolamenti Ġenerali u tal-FEŻR għamlu passi importanti ’l quddiem f’din id-direzzjoni iżda s-simplifikazzjoni m’għandhiex tkun marbuta sempliċement ma’ avveniment temporanju u straordinarju bħall-kriżi ekonomika. Għall-kuntrarju, ’il quddiem hija għandha tkun ta’ ispirazzjoni għall-leġiżlazzjoni kollha kemm hi tal-Fondi Strutturali. L-Istati Membri għandhom ukoll jissimplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, li ħafna drabi jżidu piż amministrattiv mhux mitlub mir-regoli Komunitarji. Bħala kontrobilanċ neċessarju għandha tiġi żviluppata kultura ta’ evalwazzjoni aqwa fil-livelli kollha biex jiġu żgurati kontrolli effikaċi u jiġu evitati l-iżbalji.

Tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni fl-appoġġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali

It-tieni parti tar-rapport tanalizza l-mekkaniżmi tal-immaniġġjar kondiviż, b’mod partikolari r-responsabilitajiet differenti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri, u tagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tittejjeb is-sistema fl-implimentazzjoni tal-Programmi.

Ir-rapport tal-2006 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri wera li s-sistemi ta’ kontroll li jeżistu għall-politika ta’ koeżjoni ma kinux effikaċi biżżejjed, b’rata ta’ żbalji għolja wisq (12%) fl-ispejjeż rimborsati. Ir-rapport annwali dwar l-2008 kkonferma din id-dejta bi 11% tal-fondi li ġew rimborsati indebitament.

Fil-verità din id-data ma tirriflettix għalkollox is-sitwazzjoni attwali billi tinkludi wkoll il-perjodu mill-2000 sal-2006, meta ma kinux jeżistu r-rekwiżiti ta’ kontroll attwali.

Madankollu, fin-nuqqas ta’ data għal evalwazzjoni xierqa tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-perjodu mill-2007 sal-2013, l-assunzjoni attwali hi li l-livell ta’ żball fil-Fondi Strutturali għadu għoli wisq u li għandha tiġi investita iktar enerġija fit-titjib tal-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2008 tal-Kummissjoni dwar kif għandu jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha kien jinkludi sensiela ta’ azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-fondi li kienu jinkludu kemm azzjonijiet korrettivi u kemm miżuri preventivi għall-futur.

Dawn l-azzjonijiet huma analizzati u huma mressqa l-ewwel rakkomandazzjonijiet għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali dwar kif għandha tissaħħaħ il-gwida tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ kontroll u mmaniġġjar u dwar kif għandu jissaħħaħ ir-rwol ta’ koordinament li għandha l-Kummissjoni fil-fażi tal-kontroll.

Fil-verità, sena waħda ta’ implimentazzjoni tal-Programm mhix biżżejjed biex wieħed jevalwa għalkollox l-impatt ġenerali tal-azzjonijiet imwettqa. Madankollu, diġà joħorġu xi elementi inkoraġġanti fiż-żewġ Komunikazzjonijiet dwar l-impatt tal-Pjan ta’ Azzjoni adottat mill-Kummissjoni rispettivament fit-3 ta’ Frar 2009 u fit-18 ta’ Frar 2010.

Sorveljanza mill-Kummissjoni, kif previst attwalment, hija meqjusa insuffiċjenti u ma tistax tpatti għal sistemi ineffikaċi ta’ kontroll f'livell nazzjonali li jippersistu tul il-perjodu multiannwali kollu. Ir-rwol ta’ awditjar tal-Kummissjoni għandu jkun iktar b’saħħtu fil-bidu tal-Programmi, u għandu jkun hemm irwol ikbar tal-livell nazzjonali tul il-fażi ta’ implimentazzjoni.

Is-sistema attwali tal-evalwazzjoni tal-konformità b’mod partikolari teħtieġ li tiġi rfinata biex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tagħha tul il-perjodu kollu tal-programmazzjoni. Dan l-eżerċizzju għadu ma ġiex konkluż, u dan jista’ jwassal għal dewmien fil-ħlasijiet u għal telf sussegwenti ta’ fondi minħabba d-diżimpenn awtomatiku.

Il-kontroll waqt l-implimentazzjoni jeħtieġ li jittejjeb billi tissaħħaħ l-effikaċja tal-kontrolli ad hoc u billi tiżdied l-għajnuna għall-kontroll tal-ewwel livell imwettaq mill-Awtoritajiet tal-Immaniġġjar (AM) sabiex l-irregolaritajiet jiġu rranġati fil-ħin u biex tonqos ir-rata ġenerali tal-iżbalji. It-taħriġ u l-gwida mill-Kummissjoni għandhom jiffokaw iktar fuq dan il-livell, fejn iseħħ l-ogħla persentaġġ ta’ żball u b’mod partikolari fuq dawk is-setturi - infiq u akkwist pubbliku ineliġibbli - fejn jinstab l-ogħla persentaġġ ta’ irregolaritajiet.

Huma r-regoli kumplessi ż-żejjed li jirregolaw il-Fondi Struttturali li huma parzjalment responsabbli għal dawn l-iżbalji. Is-sistema ta’ mmaniġġjar kondiviż li tikkaratterizza l-politika ta’ koeżjoni timplika livell għoli ta’ kumplessità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli minħabba li hemm involuti ħafna atturi. Dan jirrappreżenta tabilħaqq il-valur miżjud reali tal-Fondi Strutturali iżda joħloq ukoll riskju ogħla ta’ żbalji.

Għaldaqstant ir-regoli għandhom jiġu ssimplifikati biex jiżguraw proċeduri iktar faċli għall-utent u mhux jiskoraġġixxu benefiċjarji potenzjali milli jipparteċipaw fil-proġetti.

Fl-istess ħin il-Kummissjoni jeħtieġ li ssaħħaħ ir-rwol tagħha ta’ xprun tal-għarfien lejn il-livelli ta’ governanza iktar baxxi b’inizjattivi kemm regolatorji u kemm mhux regolatorji - li xi wħud minnhom diġà jeżistu, li jridu jittejbu.

Għandu jiġi żgurat li jkun hemm investimenti ogħla kemm fl-għajnuna finanzjarja u kemm fit-taħriġ favur l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jiżdiedu l-kapaċitajiet u l-għarfien tar-regoli mill-awtoritajiet inkarigati mill-immaniġġjar tal-Programmi. L-investiment fil-kapaċità istituzzjonali għandu jingħata prijorità, b’mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda, fejn din il-prattika għadha ġdida.

Dan għandu jippermetti f’tul ta’ żmien medju li jiġu involuti iktar awtoritajiet sottonazzjonali fl-immaniġġjar u l-kontroll ta’ Programmi filwaqt li l-Kummissjoni tassumi rwol pjuttost imsaħħaħ ta’ koordinazzjoni.

Minbarra l-miżuri mwettqa permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni, għandhom jissaħħu inizjattivi oħra:

· tisħiħ tal-għajnuna tal-Kummissjoni għall-AM - billi l-maġġoranza tal-iżbalji jsiru fl-ewwel livell ta’ kontroll - permezz ta’ workshops b’miri speċifiċi, noti ta’ gwida, ċirkulazzjoni tal-aqwa prattiki u taħriġ tal-uffiċjali responsabbli għall-immaniġġjar; għandu jiġi stabbilit monitoraġġ kontinwu tat-trasferiment attwali tal-miżuri ta’ taħriġ immirati lejn l-AM biex jiġi vverifikat li l-għarfien qed jitwassal tassew b’attenzjoni speċjali lejn il-livell lokali;

· żgurar ta’ koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli ta’ kontroll li jeżistu sabiex jiġu evitati l-irduppjar tal-verifiki u kontroll żejjed. Fuq perjodu twil, din il-koordinazzjoni mtejba għandha tillibera riżorsi fi ħdan il-Kummissjoni biex jiffukaw iktar fuq it-tisħiħ tal-għajnuna fuq in-naħa maniġerjali;

· il-portal il-ġdid fil-bażi tad-data attwali tal-SFC 2007 għandha ssir operazzjonali b’mod urġenti peress li din tkun tippermetti aċċess dirett għal tagħrif relevanti għall-atturi kollha li jkollhom x’jaqsmu mal-Fondi Strutturali;

· il-potenzjal tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja għandhom ikomplu jiġu żviluppati aktar biex jippermettu rispettivament l-iżvilupp tal-proġetti strateġiċi kwalitattivi u l-parteċipazzjoni ta’ atturi privati, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, u ta’ kapitali privati fil-proġetti Ewropej. Is-sottoutilizzazzjoni attwali tagħhom minħabba kumplessità eċċessiva tagħhom jagħmel id-dibattitu dwar il-governanza tagħhom urġenti ħafna.

· koerenza aħjar fir-regoli tal-Fondi differenti fil-livell Komunitarju tkun tippermetti approċċ iktar integrat.

***

Għandhom jiġu implimentati minnufih xi miżuri korrettivi sabiex jinkisbu riżultati sa mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali. Xi oħrajn għandhom jiġu ttrattati b’mod organizzat u determinat fuq medda itwal ta’ żmien bħala riżultat ta’ dibattitu b’element politiku qawwi dwar il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013.

B’mod partikolari l-ħidma fuq is-simplifikazzjoni, li bdiet fl-2007 fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, minn naħa għandha tiffoka fuq suġġerimenti biex jittejbu l-prattiki fil-perjodu ta’ implimentazzjoni attwali; min-naħa l-oħra għandhom jitressqu iktar proposti għas-simplifikazzjoni tal-funzjonament tal-politika ta’ koeżjoni: is-simplifikazzjoni għandha ssir prinċipju orizzontali u li jibqa’ għal ħafna żmien, li jispira l-filosofija kollha kemm hi tal-politika ta’ koeżjoni futura.

Hemm bżonn ta’ riflessjoni serja dwar kif għandha tittejjeb il-governanza u konsegwentement l-effikaċja tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tal-Fondi Strutturali għall-perjodu ta’ wara l-2013. Id-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jikkunsidraw serjament dan l-aspett u l-Parlament għandu jkun involut b’mod attiv f’dan id-dibattitu.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.9.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Sophie Auconie, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Salvatore Caronna, Ricardo Cortés Lastra, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Elie Hoarau, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Lambert van Nistelrooij, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Michael Theurer, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostitut(i)preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Leonidas Donskis, Aldo Patriciello, Maurice Ponga, Heide Rühle, Elisabeth Schroedter

Avviż legali - Politika tal-privatezza