Proċedura : 2010/2086(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0293/2010

Testi mressqa :

A7-0293/2010

Dibattiti :

PV 25/11/2010 - 4
CRE 25/11/2010 - 4

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0436

RAPPORT     
PDF 181kWORD 104k
27.10.2010
PE 442.877v04-00 A7-0293/2010

dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 676/2008RT

(2010/2086(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet

Rapporteur: Chrysoula Paliadeli

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-Ilment 676/2008RT

(2010/2086(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali indirizzat mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew li ġie ppreżentat fl-24 ta’ Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 228(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 195 TKE),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 41(1), 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1), kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2008/587/KE tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2008(2),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward ksur tal-liġi Komunitarja (COM(2002)0141)(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0293/2010),

A. billi l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni rigward sitwazzjonijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni,

B.  billi l-ilmenti li jitressqu miċ-ċittadini tal-UE jikkostitwixxu sors importanti ta' informazzjoni dwar il-possibilità ta' ksur tal-liġi tal-UE,

C. billi, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ‘Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni’,

D. billi, fl-1 ta’ Marzu 2007, organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali talbet lill-Kummissjoni aċċess għal informazzjoni u dokumenti miżmuma mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija u mill-ex Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Intrapriża u l-Industrija, relatati ma’ laqgħat li saru bejn il-Kummissjoni u rappreżentanti tal-manifatturi tal-karozzi fejn ġiet diskussa l-kwistjoni tal-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-karozzi,

E.  billi l-Kummissjoni tat aċċess għal 15 mit-18-il ittra mibgħuta lil Günter Verheugen li dak iż-żmien kien Kummissarju, iżda rrifjutat l-aċċess għal tliet ittri mibgħuta mill-manifattur tal-karozzi Ġermaniż Porsche minħabba r-raġuni li l-iżvelar ta’ dawn l-ittri jdgħajjef il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpanija,

F.  billi l-Artikolu 1(a) tar-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(4) jipprovdi li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiżgura l-usa’ aċċess possibbli għad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni, u billi, skont il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha tiġi interpretata b’mod strett,

G. billi l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lill-kwerelant għall-ittri relevanti mill-Porsche AG abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, li jipprovdi li ‘L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta' interessi kummerċjali ta' persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali ...’,

H. billi l-ittri inkwistjoni ntbagħtu mill-Porsche AG fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati ewlenin rigward ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-karozzi tal-passiġġieri, billi konsegwentement x'aktarx li t-tliet ittri kien fihom informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Porsche AG, u billi l-Kummissjoni għaldaqstant setgħet tikkunsidrahom li jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 4(2), l-ewwel paragrafu, tar-Regolament 1049/2001,

I.   billi s-servizzi tal-Ombudsman spezzjonaw kemm it-tliet ittri mibgħuta mill-Porsche AG kif ukoll skambju ta’ emails bejn il-Kummissjoni u l-Porsche fejn il-Kummissjoni infurmat lill-Porsche li kellha l-ħsieb li ma tiżvelax it-tliet ittri, u billi l-Ombudsman, abbażi tal-ispezzjoni, ikkonkluda li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat aċċess sħiħ għall-ittri mibgħuta mill-Porsche AG skont l-Artikolu 4(2), l-ewwel paragrafu, u aċċess parzjali skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001(5), u billi dan kien każ ta’ amministrazzjoni ħażina,

J.   billi, fis-27 ta’ Ottubru 2008, l-Ombudsman għamel abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fejn spjega d-dettalji tal-analiżi fattwali u legali tiegħu, u fejn iddikkjara li l-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għat-tliet ittri mibgħuta mill-Porsche AG lill-ex Viċi President, Günter Verheugen, fl-intier tagħhom jew tikkunsidra li tiżvelahom parzjalment,

K. billi l-Ombudsman, abbażi tal-Artikolu 195 KE (issa l-Artikolu 228 TFUE), talab lill-Kummissjoni tagħti opinjoni dettaljata fi żmien tliet xhur, jiġifieri, sal-31 ta’ Jannar 2009,

L.  billi l-Kummissjoni ma tatx l-opinjoni tagħha fi żmien l-iskadenza ta’ tliet xhur ipprovduta fl-Artikolu 228 TFUE, iżda minflok talbet sitt estensjonijiet tal-iskadenza biex tippreżenta l-opinjoni dettaljata tagħha dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, u billi, f’Lulju u għal darba oħra f’Settembru 2009, l-Ombudsman informa lis-Segretarjat tal-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jippreżenta Rapport Speċjali lill-Parlament jekk ma jirċevix tweġiba għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu,

M. billi l-Kummissjoni l-ġdida, meta ħadet il-kariga, fil-fatt tat aċċess għall-ittri, iżda billi dan seħħ iktar minn 15-il xahar wara li nħareġ l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni minflok it-tliet xhur stipulati fl-Istatut tal-Ombudsman u fl-Artikolu 228 TFUE,

N. billi l-Kummissjoni, minħabba li dawmet it-tweġiba tagħha għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni bi 15-il xahar, kisret l-obbligu tagħha li tikkoopera mal-Ombudsman b’sinċerità u b’intenzjoni tajba matul l-inkjesta tiegħu fil-każ 676/2008/RT, u billi dan huwa ta’ detriment mhux biss għad-djalogu interistituzzjonali, iżda wkoll għall-immaġni pubblika tal-UE,

O. billi l-Ombudsman identifika dewmien min-naħa tal-Kummissjoni f’każ ieħor li jinvolvi l-aċċess għal dokumenti (355/2007(TN)FOR), fejn il-Kummissjoni kellha tippreżenta l-opinjoni dettaljata tagħha għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman sal-31 ta’ Ottubru 2009, iżda sal-ġurnata tal-lum għadha ma ppreżentathiex,

P.  billi l-Kummissjoni rrispettat l-iskadenzi oriġinali biex twieġeb għal ilmenti f’erba’ każijiet biss mit-22 li jirrigwardaw l-aċċess għal dokumenti li ġew indirizzati mill-Ombudsman fl-2009; billi f’14 minn dawn it-22 każ hija ppreżentat it-tweġiba tagħha iktar minn 30 ġurnata tard, u f’sitt każijiet ippreżentat it-tweġiba tagħha tal-inqas 80 ġurnata tard,

Q. billi r-responsabilità tal-Parlament bħala l-uniku korp elett tal-UE hija li jissalvagwardja u jipproteġi l-indipendenza tal-Ombudsman Ewropew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu lejn iċ-ċittadini tal-UE u li jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu,

1.  Japprova l-kummenti kritiċi tal-Ombudsman Ewropew u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ilment 676/2008/RT;

2.  Jirrikonoxxi li d-dewmien eċċessiv biex tingħata tweġiba lill-Ombudsman f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-obbligu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ kooperazzjoni leali kif previst fit-Trattat;

3.  Huwa mħasseb ħafna fir-rigward tal-prattika ġenerali ta’ dewmien u ostakolazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-inkjesti tal-Ombudsman f’każijiet li jinvolvu aċċess għal dokumenti;

4.  Ifakkar li, fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament 1049/2001, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenza għall-awtur parti terza ta’ dokument biex iwieġeb, u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha teżerċità din is-setgħa b’tali mod li jippermetti li tirrispetta l-iskadenzi tagħha stess(6);5.  Ifakkar fil-każistika relevanti li tikkonċerna l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), li skontha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom obbligu li jikkooperaw in bona fide fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, u jinnota li dan l-obbligu huwa stipulat b’mod ċar fl-Artikolu 13(2) TUE ġdid;

6.  Iqis li l-atteġġament ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ u f’oħrajn jaf inaqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fil-Kummissjoni u jdgħajjef il-kapaċità tal-Ombudsman Ewropew u tal-Parlament Ewropew li jissorveljaw lill-Kummissjoni b’mod adegwat u effikaċi, u li, għaldaqstant, dan imur kontra l-prinċipju proprju tal-istat ta’ dritt li fuqu hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

7.  Jesiġi li l-Kummissjoni tagħti l-impenn tagħha lill-Parlament Ewropew li se tissodisfa l-obbligu tagħha ta' kooperazzjoni leali mal-Ombudsman Ewropew fil-ġejjieni;

8.  Iqis li, fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tagħti tali impenn u/jew tippersisti fil-prattiki mhux kooperattivi tagħha fir-rigward tal-Ombudsman, il-Parlament jista’ jissanzjona lill-Kummissjoni, u li tali sanzjonijiet jistgħu jinkludu inter alia t-tqegħid fir-riżerva ta' parti mill-baġit tal-Kummissjoni għan-nefqa amministrattiva;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew.

(1)

ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)

ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25.

(3)

ĠU C 244, 10.10.2002, p. 5.

(4)

ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(5)

L-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001 jgħid hekk: ‘Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

(6)

L-Artikolu 5(5) tar-Regoli Dettaljati għall-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, anness mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, jipprovdi li: ‘L-awtur parti terza konsultat għandu jkollu limitu ta' żmien biex iwieġeb li m'għandux ikun iqsar minn ħamest ijiem tax-xogħol iżda huwa għandu jippermetti lill-Kummissjoni li timxi mal-limiti ta' żmien tagħha għat-tweġiba ...’.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Ir-rapporti speċjali huma l-aħħar karta tal-Ombudsman Ewropew. Id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman mhumiex legalment vinkolanti, u għalhekk huwa jibbaża fuq il-persważjoni, fuq il-kapaċità li jikkonvinċi permezz ta’ argument raġunat u, minn żmien għall-ieħor, fuq il-pubbliċità u s-saħħa tal-opinjoni pubblika. L-għadd żgħir ħafna ta' rapporti speċjali li l-Ombudsman Ewropew kellu jippreżenta lill-Parlament Ewropew (17-il wieħed mill-1995) huwa xhieda tal-approċċ kooperattiv adottat mill-Istituzzjonijiet tal-UE fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet.

Madankollu, parti mill-isfond ta’ dik il-kooperazzjoni hija l-eżistenza tas-setgħa li jagħmel rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Speċjalment meta jsir abbozz ta’ rakkomandazzjoni, il-fatt li wieħed ikun konxju li l-pass li jmiss jista’ jkun rapport speċjali ta’ sikwit jgħin biex jipperswadi lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat biex ibiddel il-pożizzjoni tiegħu. Għalhekk, ir-rapporti speċjali għandhom jiġu ppreżentati biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet importanti, li dwarhom il-Parlamenet jista’ jgħin biex jipperswadi lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat biex ibiddel il-pożizzjoni tiegħu.

Bħala korp politiku, il-Parlament Ewropew huwa sovran fl-indirizzar tar-rapporti speċjali tal-Ombudsman, kemm fir-rigward tal-proċeduri tiegħu kif ukoll fir-rigward tas-sustanza tal-approċċ u l-azzjonijiet tiegħu. Meta jkun qed jeżamina rapport speċjali, il-Parlament dejjem iqis li d-dritt li jista’ jitressaq rikors quddiem l-Ombudsman, kif ukoll id-dritt ta’ petizzjoni lill-Parlament Ewropew, huma drittijiet fundamentali taċ-ċittadinanza mħaddna bil-qawwa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li issa, skont it-Trattat ta' Lisbona, għandha valur legali.

L-ilment

F’Marzu 2007 organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, talbet aċċess għal ċerti dokumenti skont ir-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Id-dokumenti kienu relatati ma’ laqgħat bejn il-Kummissjoni Ewropea u manifatturi tal-karozzi fejn ġiet diskussa l-kwistjoni tal-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-karozzi.

F’Novembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea tat aċċess għal 15-il ittra mit-18 li ntbagħtu lil Günter Verheugen li dak iż-żmien kien Kummissarju. Madankollu, fil-każ ta' tliet ittri mibgħuta mill-manifattur tal-karozzi Ġermaniz Porsche, hija rriffjutat l-aċċess fuq il-bażi li l-iżvelar tagħhom idgħajjef il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpanija. Il-kwerelant u mbagħad dar fuq l-Ombudsman Ewropew. F’Settembru 2008, is-servizzi tal-Ombudsman spezzjonaw l-ittri fil-bini tal-Kummissjoni. Abbażi ta’ din l-ispezzjoni, l-Ombudsman ikkonkluda, fis-27 ta’ Ottubru 2008, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat l-aċċess għat-tliet ittri. Għalhekk għamel abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fejn qal li l-Kummissjoni kellha tagħti aċċess għal dawn l-ittri fl-intier tagħhom, jew tikkunsidra li tiżvelahom parzjalment.

Skont l-Artikolu 3(6) tal-Istatut stipulat għall-Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea kellha tliet xhur li matulhom kellha tagħti opinjoni dettaljata dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-iskadenza biex il-Kummissjoni twieġeb kienet il-31 ta' Jannar 2009. Il-Kummissjoni ma weġbitx u talbet estensjoni ta’ din l-iskadenza fit-30 ta’ Jannar 2009. Sussegwentement talbet estensjonijiet ulterjuri għal din l-iskadenza fit-23 ta’ Frar 2009, fis-26 ta’ Marzu 2009, fid-29 ta’ April 2009, fid-29 ta’ Mejju 2009 u fis-26 ta’ Ġunju 2009.

Wara li laqa’ t-talbiet kollha tal-Kummissjoni Ewropea għal estensjonijiet għall-iskadenza oriġinali, l-Ombudsman kiteb lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Lulju 2009 fejn iddikjara li ma kienx ċar għalfejn l-abbozzar ta’ opinjoni dettaljata kien qed jieħu daqshekk żmien, tant li kien hemm bżonn ta’ sitt estensjonijiet għal skadenza diġà ġeneruża. Il-Kummissjoni wieġbet fis-17 ta’ Lulju, fejn iddikjarat li ma kinetx f’pożizzjoni li tagħti tweġiba sostantiva minħabba li kienet għadha qed tikkonsulta mal-parti terza (il-Porsche).

Fit-30 ta’ Settembru 2009, 10 xhur wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-Ombudsman li ddeċidiet li tagħti aċċess parzjali għal dawn l-ittri u li kienet ħolqot verżjonijiet editjati għal dan il-għan. Hija indikat ukoll l-intenzjoni tagħha li tinforma lill-Porsche bid-deċiżjoni tagħha. Fis-27 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni spjegat li d-deċiżjoni li tinforma lill-Porsche kienet intbagħtet biex tiġi tradotta fil-Ġermaniż u kienet se tintbagħat lill-kumpanija fil-bidu ta’ Novembru. Fid-9 ta’ Novembru 2009, l-Ombudsman Ewropew bagħat ittra oħra lill-Kummissjoni, fejn talab kopja tal-ittra ta’ notifika mibgħuta lill-Porsche u talab li jkun infurmat dwar il-konklużjoni tal-proċedura biex jingħata aċċess għal dawn l-ittri. Fl-4 ta' Diċembru 2009, is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-uffiċċju tal-Ombudsman bit-telefown li l-ittra ta’ notifika kienet se tinbagħat fi żmien qasir lill-Porsche.

Sad-data tal-preżentazzjoni tar-Rapport Speċjali tiegħu lill-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Frar 2010, l-Ombudsman Ewropew kien għadu ma ġiex infurmat la dwar l-ittra ta’ notifika u lanqas dwar l-għoti ta’ aċċess għall-ittri. Meta l-Kummissjoni l-ġdida ħadet il-kariga, u l-Ombudsman ippreżenta r-Rapport Speċjali tiegħu, il-Kummissjoni filfatt tat aċċess għall-ittri. Madankollu, dan seħħ wara iktar minn 15-il xahar wara li kien sar l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni minflok it-tliet xhur stipulati mill-Parlament Ewropew fl-Istatut tal-Ombudsman u permezz tal-Artikolu 228 tat-TFUE.

Fil-komunikazzjonijiet varji tagħha dwar il-kwistjoni, il-Kummissjoni Ewropea spjegat li ma setgħatx tissodisfa l-obbligu tagħha li twieġed għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni minħabba l-konsultazzjonijiet li kienu għaddejin mal-Porsche dwar l-iżvelar propost tad-dokumenti inkwistjoni. Il-Kummissjoni ġġustifikat it-tul ta’ dawn il-konsultazzjonijiet billi ressqet żewġ argumenti: l-ewwel, li kien hemm prospett li jinkiseb riżultat pożittiv fin-negozjati mal-Porsche fir-rigward tal-iżvelar propost, u t-tieni, li kien jeħtieġ li jingħata perjodu ta' żmien raġonevoli lill-Porsche biex tieħu azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiżvela d-dokumenti inkwistjoni.

Fir-rigward tal-ewwel argument tal-Kummissjoni, wieħed għandu jżomm f’moħħu, li fil-qafas tal-konsultazzjonijiet ipprovdut fir-Regolament 1049/2001, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenza għal awtur parti terza ta’ dokument biex jirrispondi. Il-Kummissjoni għandha ċertament teżerċità din is-setgħa b’mod li jippermettilha tirrispetta l-iskadenzi tagħha stess. Fir-rigward tat-tieni argument tal-Kummissjoni, wieħed għandu jinnota li l-ħtieġa li l-Porsche titħalla teżerċità d-drittijiet legali tagħha ma tistax tiġġustifika d-dewmien straordinarju tal-Kummissjoni l-ewwel biex twieġeb għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni u sussegwentement biex twettaq id-deċiżjoni tagħha li tinforma lill-Porsche bl-intenzjoni tagħha li tiżvela d-dokumenti.

F’dan ir-rigward wieħed għandu jiftakar fil-każistika relevanti li tikkonċerna l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera (l-Artikolu 4, paragrafu 3, Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), skont liema każistika l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-obbligu li jikkooperaw b'rieda tajba fir-relazzjonijiet ta' bejniethom. Dan l-obbligu huwa stipulat b’mod ċar permezz tal-Artikolu 13, paragrafu 2 ġdid tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Informazzjoni ulterjuri

Skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ‘Kull persuna għandha d-dritt li l-affarijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni’,

Sfortunatament, fl-esperjenza tal-Ombudsman, il-Kummissjoni ta' sikwit wisq ma jirnexxilhiex tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti bir-Regolament 1049/2001 fl-indirizzar tat-talbiet għal aċċess pubbliku. Agħar minn hekk hija l-prestazzjoni tal-Kummissjoni meta ċ-ċittadini jilmentaw lill-Ombudsman f'każijiet ta' aċċess għal dokumenti.

Minn 22 każ ta' dan it-tip indirizzati mill-Ombudsman fl-2009, il-Kummissjoni rrispettat l-iskadenza oriġinali biex tirrispondi għall-ilment f'4 każijiet biss, jiġifieri f'inqas minn għoxrin fil-mija tal-każijiet. Fil-maġġoranza tal-każijiet (14 minn 22) kien hemm dewmien ta' iktar minn 30 ġurnata. F'iktar minn kwart tal-każijiet totali (6 minn 22), id-dewmien kien ta' 80 ġurnata jew iktar.

Fl-4 ta' Mejju 2010, l-Ombudsman attenda laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u spjega r-rapport speċjali. Matul id-diskors tiegħu, huwa semma li kien hemm każ ieħor ta' aċċess għal dokumenti (355/2007(TN)FOR) fejn il-Kummissjoni dewmet l-opinjoni dettaljata tagħha dwar abbozz ta' rakkomandazzjoni għal tliet darbiet. Dan huwa lment ippreżentat minn NGO - l-Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent. L-Ombudsman għamel abbozz ta' rakkomandazzjoni f'dan il-każ fid-29 ta' Ġunju 2009. Il-Kummissjoni kellha tibgħat l-opinjoni tagħha fil-31 ta' Ottubru 2009. Fis-27 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni ħabbret li kellha bżonn sal-31 ta' Lulju 2010 biex tibgħat l-opinjoni dettaljata tagħha minħabba li kien 'għad hemm sitwazzjoni legali mhux ċara'.

Konklużjonijiet

Il-fatt li l-Kummissjoni fil-fatt tat aċċess għall-ittri fil-każ 676/2008/RT wara li l-Ombudsman ippreżenta r-rapport speċjali tiegħu għandu jitqies bħala suċċess għall-proċess Parlamentari ta' superviżjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni permezz tal-operat tal-inkjesti tal-Ombudsman.

Minkejja dan, il-Parlament Ewropew jista' jikkonkludi biss li, billi damet 15-il xahar biex tat ir-risposta tagħha għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni u billi naqset milli timplimenta l-impenn tagħha li tinnotifika lill-Porsche dwar l-intenzjoni tagħha li tiżvela l-ittri, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-obbligu tagħha li tikkoopera mal-Ombudsman Ewropew b’sinċerità u b’rieda tajba, u li dan l-atteġġament min-naħa tal-Kummissjoni huwa ta’ ħsara mhux biss għad-djalogu interistituzzjonali, iżda wkoll għall-immaġni pubblika tal-UE.

Matul l-inkjesta tiegħu, l-Ombudsman Ewropew stabbilixxa każ ta’ amministrazzjoni ħażina u ta kull possibilità lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrimedja din is-sitwazzjoni. L-atteġġament ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward jaf inaqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fil-Kummissjoni u jdgħajjef il-kapaċità tal-Ombudsman Ewropew u tal-Parlament Ewropew li jissorveljaw lill-Kummissjoni b’mod adegwat u effikaċi. Għaldaqstant, dan imur kontra l-prinċipju proprja tal-istat ta’ dritt li fuqu hija bbażata l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, jidher ċar li l-Kummissjoni ta' sikwit wisq iddum biex tirreaġixxi għat-talbiet għal aċċess. Hija tkun tard b'mod sustanzjali biex twieġeb lill-Ombudsman fil-maġġoranza tal-każijiet ta' aċċess għal dokumenti u, f'xi każijiet, id-dewmien ikun twil ħafna. Din is-sitwazzjoni toħloq problema sistemika. Dan iċaħħad liċ-ċittadini minn wieħed mill-benefiċċji ewlenin li jistgħu jistennew meta jużaw id-dritt fundamentali tagħhom li jippreżentaw ilment lill-Ombudsman; jiġifieri, riżultat iktar mgħaġġel minn dak disponibbli meta jidħlu l-Qorti.

Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew jesiġi li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li d-dewmien eċċessiv biex twieġeb lill-Ombudsman Ewropew f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni sinċiera kif previst mit-TUE u li timpenja ruħha li tirrispetta l-obbligu ta’ kooperazzjoni sinċiera mal-Ombudsman Ewropew fil-ġejjieni. Jekk il-Kummissjoni tonqos milli tagħti tali impenn u/jew tippersisti fil-prattiki mhux kooperattivi tagħha fir-rigward tal-Ombudsman, il-Parlament jista’ jissanzjona lill-Kummissjoni. Tali sanzjonijiet jistgħu jinkludu inter alia t-tqegħid fir-riżerva ta' parti mill-baġit tal-Kummissjoni għan-nefqa amministrattiva.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

10

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Victor Boştinaru, Pascale Gruny, Peter Jahr, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli, Nikolaos Salavrakos, Jarosław Leszek Wałęsa, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Axel Voss

Avviż legali - Politika tal-privatezza