RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba

28.10.2010 - (COM(2010)0489 – C7‑0280/2010 – 2010/2214(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera

Proċedura : 2010/2214(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0297/2010
Testi mressqa :
A7-0297/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/021 IE/SR Technics mill-Irlanda)

(COM(2010)0489 – C7‑0280/2010 – 2010/2214(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0489 – C7‑0280/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], (ir-Regolament EGF),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0297/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-EGF,

D.  billi l-Irlanda talbet assistenza fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 850 sensja fl-intrapriża SR Technics Ireland Ltd li topera fis-settur tat-trasport bl-ajru fir-reġjun tan- NUTS III Dublin,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-EGF,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-EGF;

2.  Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-EGF jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament EGF, għandu jkun żgurat li l-EGF jappoġġa r-reintegrazzjoni individwali tal-ħaddiema ssensjati fix-xogħol; itenni li għajnuna mill-EGF m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-EGF tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-EGF, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intużaw, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6.  Jinnota madankollu li, bil-għan li l-EGF jiġi mmobilizzat għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ lill-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih minħabba n-nuqqasijiet severi tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-bżonn ta’ appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-EGF għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, janalizza l-kriterji ta' eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xxx

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/021 IE/SR Technics mill-Irlanda)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba

[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      L-Irlanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-SR Technics fid-9 ta’ Ottubru 2009 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-18 ta' Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 7 445 863.

(5)      L-EFG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 7 445 863 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU L 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]               ĠU C […], […], p. […].

NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġini taħt il-limitu massimu tal-infiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji li jkunu ġew ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: Il-proposta tal-Kummissjoni

Fil-21 ta' Settembru 2010 l-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF favur l-Irlanda sabiex tiġi appoġġata l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din hi s-sbatax-il applikazzjoni li qed tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 7 445 863 mill-EGF għall-Irlanda. Hija tikkonċerna 1 135 sensja (li minnhom 850 huma intenzjonati għall-assistenza) fl-intrapriża SR Technics Ireland Ltd li topera fis-settur tat-trasport bl-ajru fir-reġjun tan-NUTS III Dublin, waqt il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur mit-3 ta’ April sat-2 ta’ Awwissu 2009.

L-applikazzjoni, il-każ EGF/2009/02I IE/Technics, tressqet lill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2009 u ġiet issupplementata b'tagħrif addizzjonali sat-18 ta' Mejju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament EGF - li jeħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' erba' xhur f'intrapriża, inklużi l-fornituri u l-produtturi downstream tagħha - u tressqet sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat (l-Artikolu 5 tar-Regolament).

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a) , l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li keċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ mmaniġġjar u ta' kontroll.

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-EGF u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-appikazzjoni.

Bil-għan li timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet rikjesta ta' trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 28/2010) għal ammont globali ta’ EUR 7 445 863 mir-riżerva tal-EGF (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja "Tlestija tal-programm għall-Impriżi: titjib tal-ambjent finanzjarju għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)” (01 04 05) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-EGF (04 05 01).

Ir-Rapporteur għandha l-pjaċir tosserva li l-Kummissjoni identifikat għajn alternattiva ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-fondi mhux użati tal-FSE, f’konformità mat-talbiet li spiss saru mill-Parlament Ewropew.   

Madankollu, hija tqis li l-għażla li saret f’dan il-każ (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ lill-SMEs u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet severi li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta tkun qed timplimenta programmi dwar kompetittività u innovazzjoni. F’perjodu ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu mhux ħażin. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompbl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010, l-Awtorità Baġitarja diġà approvat 11-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-għajnuna teknika, għal ammont totali ta’ EUR 32 943 098, li, meta jingħadd mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 14 489 399 li għandu x’jaqsam mal-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi, iħalli ammont ta' EUR 452 567 503 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat rikjesta[3] ta' trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkun hemm l-ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressa fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 28/2010 tal-1 ta’ Settembru 2010

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)49422

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2009/021 IE/SR Technics (COM(2010)489 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-EGF eżamina l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2009/021 IE/SR Technics u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqiegħed fid-dubju t-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni waslet għand il-Kummissjoni fid-9 ta' Ottubru 2009 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sat-18 ta' Mejju 2010.

B) Billi, skont il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni, l-1 135 ħaddiem li tilfu l-impjieg, li minnhom 800 tilfuh matul il-perjodu ta' referenza mit-3 ta' April sat-2 ta' Awwissu 2009, huma marbuta mat-tnaqqis fl-attività tat-trasport bl-ajru bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija.

C) Billi l-awtoritajiet Irlandiżi jsostnu li ma kien l-ebda twissija minn qabbel tas-severità tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija attwali u li, għaldaqstant, reazzjoni ppjanata u gradwali ma kinitx possibbli.

D) Billi ż-żieda ta' persuni rreġistrati mal-"Live Register" tal-erba' Kontej konċernati mit-telf ta' impjiegi tammonta għal aktar minn 20 % u billi t-telf ta' impjiegi jiġġenera tnaqqis sinifikanti fl-impjieg indirett permezz tat-telf tal-pagi tal-ħaddiema u permezz ta' tnaqqis tax-xiri ta' SR Technics ta' oġġetti u servizzi kemm lokalment kif ukoll reġjonalment.

E) Billi mhija disponibbli l-ebda informazzjoni espliċita dwar il-livell edukattiv tal-ħaddiema mkeċċija.

F) Billi 93.8 % tal-ħaddiema li tilfu l-impjieg huma rġiel u billi 95.1 % minnhom għandhom bejn 25 u 54 sena.

G) Billi 20.4 % tal-ħaddiema kienu qed jaħdmu ma' SR Technics bħala maniġers, 17.9 % fil-professjonijiet tekniċi u 47.3 % bħala ħaddiema tas-sengħa u f'xogħlijiet marbuta.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Irlandiża:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li din l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament-EGF 1927/2006 kif emendat fl-2009.

2. Jitlob lill-Kummissjoni tispjega f'aktar dettall għaliex il-verifika ta' din l-applikazzjoni li tidher ċara u bla xkiel kif inhi ppreżentata llum damet daqshekk (sena) qabel ma ġiet ippreżentata lill-awtorità baġitarja.

3. Jitlob aktar informazzjoni dwar liema miżuri ġew offruti lill-ħaddiema mindu tilfu l-impjieg tagħhom minn April 2009 (u qabel?) 'il quddiem.

4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-firxa wiesgħa ta' miżuri offruti lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg, fosthom pariri u taħriġ professjonali għall-ksib ta' ħiliet bażiċi, taħriġ fil-post tax-xogħol u mhux fil-post tax-xogħol għal apprendisti li tilfu l-impjieg, taħriġ edukattiv professjonali, appoġġ għall-intraprenditorija u għal min jaħdem għal rasu kif ukoll edukazzjoni terzjarja.

5. Jiddispjaċih li t-trade unions mhumiex imsemmija bħala partijiet interessati ewlenin jew addizzjonali u jitlob lill-awtoritajiet Irlandiżi jispjegaw f'aktar dettall kif is-sħab soċjali kienu involuti fl-applikazzjoni u kif se jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-miżuri.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Jutta Haug, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Claudio Morganti, Dominique Riquet, László Surján, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Crowley