RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kusill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l‑Kanada dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili
28.10.2010 - (06645/2010 – C7‑0100/2010 – 2009/0156(NLE)) - ***
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Silvia-Adriana Ţicău
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kusill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l Kanada dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili
(06645/2010 – C7‑0100/2010 – 2009/0156(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06645/2010),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili (15561/2008),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 100(2), 207(4), 218(8), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0100/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7‑0298/2010),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Kanada.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Din ir-rakkomandazzjoni tittratta l-Ftehim ta’ Sikurezza li ġie ffirmat f'isem dik li dakinhar kienet il-Komunità Ewropea fis-6 ta’ Mejju 2009. Il-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat fis-17 u t-18 ta’ Diċembru 2009, li finalment se jistabbilixxi Żona Miftuħa ta’ Avjazzjoni bejn l-UE u l-Kanada, se jkun is-suġġett ta' rakkomandazzjoni separata.
Sitt Stati Membri biss bħalissa għandhom ftehimiet bilaterali mal-Kanada dwar ċertifikazzjoni ta’ prodotti. Dawn jiskadu meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili (“il-Ftehim”). Peress li l-tneħħija tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ fil-prodotti jaqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, il-Ftehim jista’ jiġi konkluż permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill. Għall-kuntrarju tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, dan il-Ftehim mhux suġġett għall‑applikazzjoni proviżorja u ma jeħtiġx ratifa mill-Istati Membri.
Huwa xieraq li l-Kanada kien meqjus bħala prijorità għall-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Ajru biex jikkumplementa l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru peress li l-Ewropa u l-Kanada t-tnejn għandhom manifatturi ta’ ajruplani, magni u tagħmir avjoniku li huma fost dawk ewlenin fid‑dinja. L-esportazzjonijiet totali tat-teknoloġija tal-avjazzjoni ċivili qabżu l-€ 50 biljun filwaqt li l-kummerċ globali Ewropew u Kanadiż ta’ ajruplani, vetturi spazjali u parts kellu l-valur ta’ aktar minn € 49 biljun fl-2008.
It-Trattat ta’ Lisbona
Skont it-Trattat ta’ Nizza, li kien fis-seħħ meta twettqu n-negozjati, il-Parlament kien ġie kkonsultat dwar ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru. It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, estenda il-ċirkostanzi li fihom l‑approvazzjoni tal-Parlament kienet meħtieġa għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Il-ftehimiet fis-settur tal-ajru jaqgħu taħt din il-kategorija minħabba li jkopru kamp fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja[1]. Il-proposti attwali li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-bidliet kienu formalment modifikati mill-Kummissjoni f'Komunikazzjoni ppubblikata fit-2 ta’ Diċembru 2009 dwar il-“Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa”[2].
L-irwol imsaħħaħ għall-Parlament skont it-Trattat il-ġdid jimplika responsabbiltà korrispondenti li jiġi mmonitorjat aktar mill-qrib it-twettiq tan-negozjati, bl-użu sħiħ tal‑possibiltajiet ipprovduti fl-Artikolu 90 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Ikun ta’ interess għall-partijiet kollha li kwalunkwe tħassib ta’ importanza suffiċjenti sabiex tiġi kkuntestata r-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni jiġi identifikat u indirizzat fi stadju bikri, pjuttost milli wara li n-negozjati jiġu konklużi. Bl-istess mod, filwaqt li titqies pożittiva l-flessibilità li tippermetti li l-Ftehim jitbiddel permezz ta’ bidla fl-Annessi, għandha tingħata attenzjoni għal kif il-Parlament jista’ jinżamm mgħarraf bil-bidliet l-aktar sinifikanti.
Għanijiet tal-Ftehim
Kif fil-każ tal-Ftehim komparabbli mal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza tal-Ajru, l-objettivi ċentrali stabbiliti fid-direttivi ta' negozjati kienu li titnaqqas id-duplikazzjoni ta’ stimi, testijiet u kontrolli (sakemm dawn ma jkunus jirriflettu differenzi regolatorji sinifikanti) u li kemm l‑UE kif ukoll il-Kanada jkunu jistgħu jistrieħu fuq is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ xulxin. Dan jinkiseb bl-approssimazzjoni progressiva taż-żewġ settijiet ta’ rekwiżiti u proċessi regolatorji; permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari bejn il-partijiet biex jiġu vverifikati l-adegwatezza u l‑kapaċità tal-korpi regolatorji involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim; u billi jiġi stabbilit kumitat konġunt li jipproponi soluzzjonijiet għal kull problema li tirriżulta mill-implimentazzjoni tiegħu.
Il-kontenut tal-Ftehim
Il-Ftehim b’mod ġenerali jsegwi l-istruttura tal-Ftehimiet Bilaterali attwali dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni ("BASA") bejn l-Istati Membri u l-Kanada. Bħalhom, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka fis-sistema ta’ xulxin u fuq it-tqabbil tad‑differenzi regolatorji. Għalhekk, dan jimponi obbligi u jipprovdi metodi ta’ koperazzjoni sabiex l-awtorità li timporta tkun tista’ toħorġ iċ-ċertifikat tagħha stess fuq il-prodott, part jew tagħmir ajrunawtiku mingħajr ma tidduplika l-evalwazzjonijiet magħmula mill-awtorità li qed tesporta.
L-annessi għall-Ftehim jistipulaw kif għandha titwettaq din il-kooperazzjoni u l-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati taċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa fil-qasam tal-airworthiness u l-manutenzjoni. F’dan ir-rigward, il-Ftehim ivarja mill-BASA eżistenti. Il-materjal ippreżentat fl-Annessi għal dan il-Ftehim normalment jitniżżel fi ftehimiet separati fil-livell tal-awtorità tal-avjazzjoni ċivili li m’għandhomx in-natura vinkolanti ta’ trattat. Il-Ftehim jippermetti wkoll il-possibilità li jiżdiedu aktar annessi biex ikompli jissaħħaħ il‑funzjonament ta’ dan il-Ftehim.
Fir-rigward tal-manutenzjoni, in-naħa Kanadiża wriet ir-rieda tagħha li jintlaħaq rikonoxximent reċiproku. Il-Ftehim għaldaqstant jipprovdi li l-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ta’ parti waħda, skont il-ħtiġiet speċifikati fl-Anness rilevanti, tgħodd bħala konformità mal-leġislazzjoni tal‑parti l-oħra u li l-prattiki u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni ta’ kull naħa jipprovdu prova ekwivalenti ta’ konformità. Il-liċenzji tal-persunal ta’ manutenzjoni huma wkoll meqjusa bħala ekwivalenti.
Biex tinżamm il-fiduċja fis-sistemi ta’ xulxin, il-Ftehim jipprevedi spezzjonijiet konġunti, investigazzjonijiet, skambju ta’ data dwar is-sikurezza (spezzjonijiet tal-ajruplani u informazzjoni relatata ma’ inċidenti) u żieda fil-koperazzjoni regolatorja u fil-konsultazzjoni fuq livell tekniku biex jissolvew il-kwistjonijiet qabel ma jkunu jistgħu jsiru "tilwimiet". Huwa jipprevedi l-ħolqien ta’ kumitat konġunt u sottokumitati f'oqsma bħaċ-ċertifikazzjoni ta’ airworthiness u ta’ manutenzjoni. Hemm ukoll miżuri b’saħħithom ta’ salvagwardja li finalment jippermettu lil kull naħa li tissospendi l-aċċettazzjoni ta’ dak li tkun sabet l-Awtorità Kompetenti l-oħra jew li twaqqaf il‑Ftehim fl-intier tiegħu jew parti minnu. Madankollu s-sistema kollha tal-konsultazzjonijiet, kumitati u sottokumitati hija maħsuba biex tiżgura li kwalunkwe differenzi jiġu solvuti ferm qabel ma jintlaħaq dan l-istadju.
Konklużjonijiet
Il-kumpaniji Ewropej u Kanadiżi se jiffrankaw miljuni ta’ Euro fis-sena bis-saħħa tal‑proċeduri iqsar u aktar sempliċi – u li b'hekk jiswew anqas flus – ta’ approvazzjoni ta’ prodott, u bis-saħħa tal-aċċettazzjoni reċiproka tal-konklużjonijiet ta’ ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, il-Ftehim jikkostitwixxi benefiċċju nett għall-Komunità minħabba li se jistabbilixxi l-aċċettazzjoni reċiproka tal-konklużjonijiet ta’ ċertifikazzjoni fl-oqsma kollha tal‑airworthiness għall-Istati Membri kollha.
Il-kumpaniji tal-ajru se jibbenefikaw ukoll, ladarba l-Ftehim jipprovdi għall-użu tal-faċilitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni approvati ta’ xulxin. Il-Ftehim mhux biss se jagħmel is-swieq Kanadiżi u Ewropej aktar kompetittivi, imma jagħmilhom ukoll aktar sikuri, minħabba li r-regolaturi u l-awtoritajiet ta’ infurzar qed jersqu aktar lejn xulxin biex jikkooperaw f'kull kwistjoni ta’ ċertifikazzjoni, spezzjonijiet u infurzar, sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza għat-titjiriet tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Il-Ftehim jirrappreżenta pass importanti 'l quddiem f'termini tal-istabbiliment ta’ standards internazzjonali għas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u għandu jservi bħala punt ta’ tluq għal negozjati fil-ġejjieni ma’ manifatturi sinifikanti oħra ta’ ajruplani u tagħmir.
Fid-dawl tar-rimarki ta’ hawn fuq, ir-Rapporteur tipproponi li l-Parlament jagħti l‑approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim. Minħabba li ma jistax jidħol fis-seħħ qabel ma jiġi konkluż, ikun xieraq li, ladarba l‑Parlament ikun ħa d-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill ma jdumx biex jiffinalizza l-proċeduri.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.10.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Jörg Leichtfried, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Hella Ranner, Vilja Savisaar-Toomast, Brian Simpson, Keith Taylor, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philip Bradbourn, Tanja Fajon, Erminia Mazzoni, Jan Mulder, Ioan Mircea Paşcu, Dominique Riquet |
|||||
- [1] Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
- [2] COM(2009)0665.