ABBOZZ TA' RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krzysztof Lisek
29.10.2010 - (2009/2244(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Eva Lichtenberger
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krzysztof Lisek
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krzysztof Lisek, imressqa mill-awtoritajiet Ġudizzjarji tal-Polonja fil-5 ta' November 2009 u mħabbra fis-sessjoni plenarja tal-14 ta' Diċembru 2009,
– wara li sema' lil Krzysztof Lisek bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej anness mat-Trattati,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1964 u tal-10 ta’ Lulju 1986 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-regoli tal-Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0000/2010),
A. billi nfetħu proċeduri kriminali mill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki kontra l-Membru tal-Parlament Ewropew Krzysztof Lisek, li qed jiġi akkużat fil-Qorti ta' Koszalin b'reati kriminali skont l-Artikolu 296(1) u (3) tal-Kodiċi Penali tas-6 ta' Ġunju 1997 pubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-1997, Nru 88, Punt 553, kif emendat; l-Artikolu 586 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali tal-15 Settembru 2000 ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2000, Nru 94, Punt 1037, kif emendat; l-Artikolu 77 (1) u (2) tal-Att dwar il-Kontabilità tad-29 ta' Settembru 1994 (test ikkonsolidat ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2002, Nru 76, Punt 694), kif emendat,
B. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu jgawdu fit-territorju tal-Istat rispettiv tagħhom mill-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta' pajjiżhom; billi Membru ma jistax jitlob immunità meta jinqabad jikkommetti reat fil-fatt; billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,
C. billi l-akkużi kontra s-Sur Lisek ma għandhomx x'jaqsmu mal-fehmiet espressi jew mal-voti mogħtija waqt il-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,
D. billi, skont l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, membru tal-Parlament nazzjonali (Sejm) ma jistax ikun soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr il-kunsens tal-Parlament,
E. billi l-Artikolu 105 jkompli billi jipprovdi li membru tal-parlament nazzjonali ma għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet li jsiru skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tad-deputat, la matul it-terminu tiegħu u lanqas wara l-iskadenza tiegħu,
F. billi s-Sur Lisek huwa essenzjalment akkużat b'reati li ma għandhomx x'jaqsmu mal-attivitajiet tiegħu ta' ġestjoni u ta' kontabilità bħala president tal-bord tal-Polish Youth Card Association u tal-Kampus Sp. li kien għamel qabel ma nħatar Membru tal-Parlament Ewropew; u billi r-reati li qiegħed jiġi akkużat bihom is-Sur Lisek ma għandhom x'jaqsmu xejn mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,
G. billi ma tressqet l-ebda evidenza konvinċenti għall-eżistenza ta' xi fumus persecutionis,
H. billi huwa għalhekk xieraq li titneħħa l-immunità tiegħu;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Krzysztof Lisek ;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-Kumitat responsabbli tiegħu lir-Repubblika tal-Polonja.
- [1] Kawża 101/63, Wagner v Fohrmann u Krier, Ġabra 1964, p. 195, u Kawża 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn, Ġabra 1986, p. 2391.
NOTA SPJEGATTIVA
I. FATTI
Fis-seduta tal-14 ta' Diċembru 2009, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li fil-5 ta' Novembru 2009 kien irċieva ittra mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki li titlob t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Krzysztof Lisek.
Il-President għadda t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2).
Il-Prosekutur Distrettwali Koszalin talab lill-Parlament Ewropew ineħħi l-immunità tal-Membru tiegħu Krzysztof Lisek, li kienu qed jittieħdu proċeduri legali kontrih fil-Każ V Ds 24/09.
Fil-proċeduri pendenti fil-Qorti ta' Koszalin, Krzysztof Lisek qiegħed ikun akkużat b'reati kriminali (legali) skont:
- l-Artikolu 296(1) u (3) tal-Kodiċi Penali tas-6 ta' Ġunju 1997 ppubblikata fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-1997, Nru 88, Punt 553, kif emendat;
- l-Artikolu 586 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali tal-15 Settembru 2000 ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2000, Nru 94, Punt 1037, kif emendat;
- l-Artikolu 77 (1) u (2) tal-Att dwar il-Kontabilità tad-29 ta' Settembru 1994 (test ikkonsolidat ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2002, Nru 76, Punt 694, kif emendat).
Il-każ kontra Krzysztof Lisek jgħid illi matul perjodu li mill-inqas jestendi mill-31 ta' Diċembru 2002 sal-31 ta' Ottubru 2006 fi Gdańsk, waqt li kien jokkupa l-kariga ta' president tal-bord tal-Polish Youth Card Association u kien, f'din il-kapaċità, responsabbli mill-ġestjoni tal-assi materjali tal-assoċjazzjoni msemmija u mill-ħarsien tal-interessi materjali tagħha, huwa naqqas milli jirrispetta l-obbligi tiegħu f'dan ir-rigward.
Bejn il-perjodu tal-10 ta' Frar 2005 u t-22 ta' 2005 f'Iława, waqt li kien jokkupa l-kariga ta' president tal-bord ta' Campus Sp., huwa naqas milli jippreżenta l-falliment finanzjarju ta' Campus Sp., minkejja l-fatt li d-djun tal-kumpanija kienu qabżu l-valur tal-assi tagħha u allura kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dikjarazzjoni ta' falliment.
Bejn it-30 ta' Settembru 2004 u l-31 ta' Diċembru 2005 fi Gdańsk, waqt li kien jokkupa l-kariga ta' president tal-bord tal-Polish Youth Card Association, huwa ppermetta, b'mod illegali, li tiddaħħal informazzjoni skorretta fir-reġistri tal-kontabilità, fil-karta tal-bilanċ annwali, fir-rapport finanzjarju u fid-data supplimentari tiegħu tal-Polish Youth Card Association għas-snin 2004 u 2005, billi naqas li jdaħħal fir-reġistri tal-kontabilità jew li jinkludi fil-karta tal-bilanċ annwali mfassla għas-snin 2004 u 2005 kif ukoll fir-rapport finanzjarju u fid-data supplimentari tiegħu għas-snin 2004 u 2005 tal-Polish Youth Card Association, self magħmul mill-assoċjazzjoni msemmija.
II. IL-LIĠI
(a) Il-liġi tal-Unjoni
Artikolu 8:
Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Artikolu 9:
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
b. fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.
Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew tinsab fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:
Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità:
1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
2. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.
(...)
Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità:
1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor.
(...)
6. F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.
7 Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.
(...)’
(b) Liġi nazzjonali
Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja
Art. 105.
1. Deputat m’għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet li jsiru skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta’ Deputat matul il-mandat tiegħu u lanqas wara li jintemm il-mandat. F'dak li jirrigwarda attivitajiet ta' dan it-tip, Deputat jista’ jinżamm responsabbli biss quddiem is-Sejm u, f'każ li jkun kiser id-drittijiet ta' partijiet terzi, ma jistgħux jinfetħu proċeduri kontrih quddiem qorti sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tas-Sejm.
2. Mill-ġurnata meta jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-ġurnata meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.
3. Proċeduri kriminali li jinfetħu kontra persuna qabel il-ġurnata li jkun elett bħala Deputat, għandhom ikunu sospiżi fuq talba tas-Sejm sakemm jintemm il-mandat. F’każ ta' dan it-tip, iż-żmien ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-proċeduri kriminali għandu jkun estiż għaż-żmien ekwivalenti.
4. Deputat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu li jitressaq b'responsabiltà kriminali. F'każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 m'għandhomx japplikaw.
5. Deputat m’għandux jiġi detenut jew arrestat mingħajr il-kunsens tas-Sejm, ħlief għal każijiet in flagrante delicto u li fihom id-detenzjoni tiegħu tkun meħtieġa biex ikun żgurat li l-proċeduri jimxu kif suppost. Il-Marixxall tas-Sejm għandu jkun mgħarraf minnufih dwar kull detenzjoni ta' dan it-tip, u jista' jordna li d-Deputat jinħeles minnufih.
6. Il-prinċipji dettaljati u l-proċeduri biex jitħarrku d-Deputati b'responsabilità kriminali għandhom ikunu speċifikati mill-istatut.
L-Artikolu 296(1) u (3) tal-Kodiċi Penali tas-6 ta' Ġunju 1997 ppubblikata fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-1997, Nru 88, Punt 553, kif emendat
1. Kull min, waqt li jkun obbligat bil-liġi, permezz ta' deċiżjoni ta' korp kompetenti jew permezz ta' kuntratt, li jieħu ħsieb il-proprjetà jew l-attività kummerċjali ta' persuna naturali, ta' persuna ġuridika jew ta' unità organizzattiva li ma jkollhiex personalità ġuridika, jikkawża dannu ekonomiku sinifikanti billi jeċċedi l-poteri kkonferiti lilu jew billi ma jwettaqx l-obbligi tiegħu, għandu jkunu suġġetti għal piena ta' priġunerija ta' bejn tliet xhur u ħames snin.
3. Jekk l-awtur tar-reat speċifikat fil-Paragrafu 1 jew 2 jikkawża ħsara ekonomika ta' skala kbira, hu għandu jkun suġġett għal piena ta' priġunerija ta' bejn sena u 10 snin.
L-Artikolu 586 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali tal-15 Settembru 2000 ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2000, Nru 94, Punt 1037, kif emendat
Kull min, waqt li jservu bħala membru ta' bord ta' ġestjoni ta' kumpanija jew bħala likwidatur, jonqos milli jiddikjara l-falliment ta' kumpannija kummerċjali minkejja l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw legalment il-falliment tal-kumpanija,- għandha jkun suġġett għal piena permezz ta' multa, ta' limitazzjoni tal-libertà jew ta' priġunerija sa massimu ta' sena.
L-Artikolu 77(1) u (2) tal-Att dwar il-Kontabilità tad-29 ta' Settembru 1994 (test ikkonsolidat ippubblikata fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2002, Nru 76, Punt 694), kif emendat)
Kull min jippermetti b'mod illegali:
1) in-nuqqas li tinżamm il-kontabbiltà, iż-żamma ta' kontabilità b'mod li tikser il-liġi jew l-inklużjoni ta' data falza fil-kontabilità,
2) in-nuqqas li jitħejja rapport finanzjarju, it-tfassil ta' tali rapport b'mod li jikser il-liġi jew l-inklużjoni ta' data falza f'tali rapport
- għandu jkun suġett għal piena permezz ta' multa, ta' priġunerija, jew għat-tnejn.
III. KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI U ĠUSTIFIKAZZJONI GĦAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, it-talba tal-Prosekutur Distrettwali ta' Koszalin għandha tiġi ttrattata bħala talba biex il-Parlament Ewropew ineħħi l-immunità tas-Sur Lisek ħalli huwa jkun jista' jiġi suġġett għal responsabbiltà kriminali, kif huwa possibbli skont l-Art. 105(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka.
Sa fejn għandha x'taqsam l-applikabbiltà tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, tajjeb li nirrimarkaw li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Lisek ma jirreferux għall-opinjonijiet espressi jew għall-voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu bħala membru tal-Parlament Ewropew.
Inkwantu l-Artikolu 9, ġaladarba li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Lisek jirreferu għal atti li saru fil-Polonja, li Lisek kien ċittadin tagħha fiż-żmien inkwistjoni, l-unika parti applikabbli minnu hija dik li tgħid li "waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu: a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom".
Skont il-prattika stabbilita tiegħu, il-Parlament Ewropew jista' jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu jekk ikun hemm suspett illi l-prosekuzzjoni tkun ibbażata fuq l-intenzjoni li jiġu ppreġudikati l-attivitajiet politiċi tal-Membru (fumus persecutionis). F'dan il-każ ma hemm l-ebda evidenza ċara f'dan is-sens.
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tad-dokumenti disponibbli, għandu jiġi konkluż li l-immunità tas-Sur Lisek għandha tiġi revokata.
IV. KONKLUŻJONI
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta' Krzysztof Lisek.