Proċedura : 2009/2233(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0309/2010

Testi mressqa :

A7-0309/2010

Dibattiti :

PV 13/12/2010 - 20
CRE 13/12/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.22
CRE 14/12/2010 - 9.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0473

RAPPORT     
PDF 207kWORD 149k
5.11.2010
PE 442.941v01-00 A7-0309/2010

dwar il-ksib ta' koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika vera fi ħdan l-UE - kundizzjoni sine qua non għall-kompetittività dinjija?

(2009/2233(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Petru Constantin Luhan

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ksib ta' koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika vera fi ħdan l-UE - kundizzjoni sine qua non għall-kompetittività dinjija?

(2009/2233(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ewropea (2007/C 306/01), u partikolarment it-Titolu I u t-Titolu XVIII tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni bl-isem: 'L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija: Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi' (COM(2006)0567),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2009 tal-OECD,

–   wara li kkunsidra Successful partnerships: a guide, tal-Forum għas-Sħubijiet u l-Governanza Lokali tal-Programm LEED tal-OECD, 2006,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kompetittività Globali 2009-2010, Forum Ekonomiku Dinji, Ġinevra, l-Isvizzera, 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport 'An agenda for a reformed cohesion policy – A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations', rapport indipendenti mħejji fuq talba ta' Danuta Hübner, Kummissarju għall-Politika Reġjonali, ta' Fabrizio Barca, April 2009,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' definizzjoni ta' politika tal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u tar-Reġjuni tal-Ewropa dwar il-'Futur tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE', Brussell, Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER) dwar il-politika reġjonali ta' wara l-2013, adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-AER fit-8 ta' Novembru 2007 f'Udine, l-Italja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (COM(2008)0301),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta' koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(5),

–   wara li kkunsidra r-raba' rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273),

–   wara li kkunsidra l-20 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) (COM(2009)0617),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem 'Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati” (COM(2009)0615),

–   wara li kkunsidra l-paragrafu 37 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar ir-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009(6),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0309/2010),

A. billi l-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, hija wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

B. billi l-Unjoni Ewropea tista' tkun globalment kompetittiva biss jekk il-politiki interni jirfdu l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-isfidi globali billi tħaddem ekonomija sostenibbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju li tħares il-bijodiversità – b'perjodi ta' reċessjoni juru kif ir-reġjuni inqas żviluppati għandhom inqas kapaċità ta' rkupru,

C. billi l-kompetittività u l-koeżjoni la huma kontradittorji u lanqas inkompatibbli iżda għandhom elementi ta' komplementarjetà,

D. billi, anke jekk sar progress sinifikanti f'termini ta' konverġenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, it-tendenza attwali hija li d-disparitajiet territorjali bejn ir-reġjuni tal-UE sejrin għall-agħar, pereżempju mil-lat tal-aċċessibbiltà, b'mod partikolari għar-reġjuni strutturalment żvantaġġati, iżda anke f'livell intrareġjonali u fit-territorji tal-UE, u dan jista' jwassal għal segregazzjoni territorjali, kif ukoll biex jiżdiedu d-differenzi bejn il-livelli ta' prosperità fir-reġjuni tal-UE u biex tixxekkel il-kompetittività globali tal-UE,

E.  billi fir-Rapport Annwali tagħha tal-2009, l-OECD fformulat rakkomandazzjoni għal tkabbir fit-tul li ffokalizzat fuq l-importanza tat-tassazzjoni, tal-investiment fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u l-ħaddiema kif ukoll tar-regolamentazzjoni tas-swieq tal-produzzjoni u b'hekk ir-rwol tagħhom jiġi enfasizzat,

F.  billi l-Forum Ekonomiku Dinji, fir-Rapport tiegħu dwar il-Kompetittività Globali tal-2009 kif ukoll f'rapporti oħra, ġibed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv li tiżvolġi l-infrastruttura bħala t-tieni pilastru minn 12 li fuqhom il-kompetittività globali hija vvalutata, u ppreċiża li l-infrastruttura ta' kwalità hija fundamentali biex tnaqqas l-effetti tad-distanza, tiġbed investiment barrani u tiggarantixxi li l-iżvilupp ekonomiku jkun possibbli,

G. billi fl-aħħar mill-aħħar il-kompetittività tista' tinkiseb biss jekk it-tkabbir ekonomiku jkun verament sostenibbli fl-UE kollha,

H. billi r-rapport tal-Grupp ta' Esperti Indipendenti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni maħtur wara s-Samit ta' Hampton Court u ppresedut minn Esko Aho intitolat 'Noħolqu Ewropa Innovattiva' jidentifika l-oqsma ewlenin – is-saħħa elettronika, il-prodotti farmaċewtiċi, it-trasport u l-loġistika, l-ambjent, il-kontenut diġitali, l-enerġija u s-sigurtà – fejn suq għall-innovazzjoni jista' jaħdem u fejn il-politika pubblika jista' jkollha rwol sinifikanti,

I. billi, biex l-objettivi tal-UE 2020 jintlaħqu, jeħtieġ li tiġi aċċettata l-pożizzjoni inizjali ta' disparità fil-livelli ta' żvilupp u fil-limitazzjonijiet, u li l-objettivi għandhom jiġu ffissati filwaqt li jqisu l-qagħda u l-bżonnijiet reali identifikati permezz tal-konsultazzjoni mal-atturi kollha involuti fid-diversi livelli ta' gvern,

J. billi l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2010 għaraf l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali anke permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura biex tgħin biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija UE 2020, f'ċirkostanzi li fihom din l-istrateġija l-ġdida se tittratta l-imblokki fl-iżvilupp ekonomiku,

K. billi l-politika ta' koeżjoni wriet li hija strument effikaċi għal reazzjoni flessibbli għall-isfidi soċjoekonomiċi li joriġinaw mill-kriżi finanzjarja,

L. billi, minbarra infrastruttura tajba, il-prerekwiżiti ewlenin għall-kompetittività huma l-promozzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku u l-għoti ta' taħriġ korrispondenti ta' livell għoli għan-nies fir-reġjuni,

M. billi r-reġjuni se jiżvolġu rwol kruċjali fit-trażżin tal-impatt tal-kriżi fuq il-pubbliku u għalsaqstant għandhom iħaddnu l-prinċipju ta' sħubija u jiżviluppaw strumenti idonei għal valutazzjoni ex-ante tal-impatt territorjali tat-tipi differenti ta' politika, bil-għan li jaffrontaw sfidi ewlenin bħall-adegwament għall-globalizzazzjoni, it-tibdiliet demografiċi u d-depopolazzjoni konsegwenti tar-reġjuni, it-tibdil fil-klima u l-kwestjonijiet relatati mal-enerġija u l-ħarsien tal-bijodiversità, kif ukoll sfidi ġodda li jirriżultaw mill-kriżi,

N. billi, kif juri l-eżitu tat-taħdidiet dwar l-istrateġiji u l-programmi fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, f'kull livell ta' gvern il-kwalità tal-programmi u l-involviment tal-partijiet interessati żdiedu u b'hekk jirrappreżentaw pass 'il quddiem lejn l-ilħuq tal-objettivi ta' Lisbona ta' kompetittività ekonomika u impjiegi,

O. billi r-riforma tal-politika ta' koeżjoni teħtieġ li ssaħħaħ din il-politika permezz ta' korrelazzjoni aħjar kif ukoll koordinament u sinerġija aħjar fost il-politiki Ewropej, mingħajr ma politika tkun subordinata għal oħra, abbażi tal-eżiġenzi u tal-objettivi tal-Unjoni f'termini ta' żvilupp sostenibbli,

P. billi l-involviment ta' atturi lokali u reġjonali fil-politika ta' koeżjoni huwa rifless fl-istrateġiji lokali u reġjonali tagħhom biex jittejbu l-iżvilupp ekonomiku u l-inklużjoni soċjali,

Q. billi l-kompetittività ekonomika tar-reġjuni li baqgħu lura qed tiġi sostnuta mill-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura ta' kull tip u b'hekk isir possibbli l-aċċess għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni,

R. billi, filwaqt li xi elementi tal-arkitettura ta' dawn l-istrumenti, bħall-kalendarju komuni u l-allinjament mal-aġenda ta' Lisbona, jippermettu li jinħolqu sinerġiji, għad hemm differenzi, fir-rigward tal-bażijiet ġuridiċi, tal-approċċ (tematiku jew territorjali), u tal-ġestjoni (komuni jew ċentralizzata),

Il-politika ta' koeżjoni bħala sine qua non għall-kompetittività ekonomika globali

1. Jenfasizza l-kisbiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u l-fatt li l-implimentazzjoni tagħha hija indispensabbli għas-suċċess tal-istrateġija UE 2020 bħala strument biex ineħħi d-disparitajiet bejn ir-reġjuni, iżid il-kompetittività tar-reġjuni, jiffaċilita t-tnedija tar-riformi strutturali u jsaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni biex jadattaw ruħhom għall-klima ekonomika globali;

2. Japprezza li, għall-perjodu 2007-2013, l-Istati Membri kollha ddedikaw ammont sinifikanti mill-allokazzjonijiet finanzjarji totali tagħhom lir-riċerka u żvilupp (R&Ż), innovazzjoni u żvilupp ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien, u dan irriżulta f'246 Programm Operattiv Nazzjonali jew Reġjonali, b'madwar EUR 86 biljun allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni, li EUR 50 biljun minnhom diġà ġew allokati għall-attivitajiet ta' R&Ż prinċipali u ta' innovazzjoni; jisħaq li, billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għat-titjib tal-kompetittività tal-UE meta taffronta sfidi dinjija, l-investimenti f'dawn l-oqsma għandhom ikomplu u għandhom isiru valutazzjonijiet tal-progress regolari u bbażati fuq ir-riżultati; jirrakkomanda, għalhekk, fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jallokaw riżorsi suffiċjenti mill-fondi strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment għall-innovazzjoni sostenibbli, u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' riċerka; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi u applikati mudelli ta' suċċess fit-trijanglu tal-għarfien biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-oqfsa reġjonali strateġiċi u ta' riċerka għall-innovazzjoni b'kollaborazzjoni mal-impriżi, iċ-ċentri ta' riċerka, l-universitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza l-potenzjal ta' raggruppamenti reġjonali innovattivi b'intensità għolja ta' għarfien fil-mobilizzazzjoni tal-kompetittività reġjonali u jappella għal koordinament aħjar tal-fondi strutturali u tas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku;

3. Jisħaq li t-tisħiħ tal-konċentrazzjoni tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni jista' jiggarantixxi li din il-politika tagħti kontribut sinifikanti għat-tħeġġiġ tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi fl-UE;

4. Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li żvolġew kemm is-settur pubbliku, fil-livelli kollha ta' gvern, kif ukoll is-settur privat fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, fil-bini mill-ġdid tal-fiduċja u tas-solidarjetà fi żminijiet ta' reċessjoni u sussegwentement billi ggarantixxew opportunitajiet indaqs f'termini ta' aċċess għal investiment pubbliku, speċjalment fl-infrastruttura, it-teknoloġiji ġodda u l-kapital uman, u ggarantixxew żvilupp sostenibbli;

5. Jenfasizza l-fatt li l-kompetittività ekonomika tar-reġjuni tal-UE hija marbuta mill-qrib mal-eżistenza ta' livell adegwat ta' impjieg, forza tax-xogħol edukata u kkwalifikata, sigurtà soċjali u aċċess għas-servizzi pubbliċi; josserva, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ għall-koeżjoni soċjali mogħti mill-politika ta' koeżjoni jżid l-importanza ta' din il-politika għall-kompetittività reġjonali ġenerali fuq skala dinjija;

6. Huwa tal-fehma li, b'konformità mal-ispirtu tat-Trattati, politika ta' koeżjoni li l-għan tagħha huwa li tnaqqas id-disparitajiet fil-livelli ta' żvilupp u tħejji lir-reġjuni biex jissodisfaw l-isfidi fit-tul u fi żmien qasir (globalizzazzjoni, tibdil demografiku, depopolazzjoni taż-żoni rurali, tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità) filwaqt li jitqiesu l-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet speċifiċi tagħhom, uriet ruħha essenzjali għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

7. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, jekk jiżdiedu s-sinerġiji bejn ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-politika ta' koeżjoni, l-isfidi tal-istrateġija UE 2020 jistgħu jiġu affrontati aħjar; jisħaq li l-politika ta' koeżjoni għandha tiżvolġi rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020, billi din tistimola bidla strutturali fl-Ewropa kollha u tappoġġa prijoritajiet fundamentali ta' investiment fil-livelli kollha, kemm lokali, reġjonali, nazzjonali kif ukoll transkonfinali, filwaqt li tiġi garantita l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jiġbed, madankollu, l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja li l-prijoritajiet tal-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu allinjati mal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, din għandha tibqa' politika indipendenti kapaċi takkomoda l-ispeċifiċitajiet reġjonali u jiġu appoġġati r-reġjuni l-aktar dgħajfa u l-aktar fil-bżonn sabiex jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi tagħhom u l-iżvantaġġi naturali u jitnaqqsu d-disparitajiet; huwa tal-fehma li l-iżgurar tal-kontinwità tal-linji gwida dwar il-politika ta' koeżjoni li diġà qegħdin fis-seħħ, jissalvagwarda d-dimensjoni reġjonali tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u joħloq l-impjiegi f'setturi innovattivi;

Koeżjoni territorjali – mera tal-impatt tal-politiki tal-UE fil-livell lokali

8. Japprova l-fehmiet espressi fil-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali rigward il-kompetittività, li "tiddependi mill-bini ta' rabtiet ma' territorji oħra biex ikun żgurat li l-beni komuni jintużaw b'mod koordinat u sostenibbli" sabiex jinħeles il-potenzjal inerenti fid-diversità territorjali tal-UE; jisħaq, b'rabta ma' dak li ntqal hawn fuq, li l-operazzjoni bla intoppi u kkoordinata tas-servizzi ta' trasport, aċċess suffiċjenti għat-telekomunikazzjonijiet u l-ġbir komuni, meta jkun xieraq, tal-enerġija, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent u l-infrastruttura huma kundizzjonijiet bażiċi biex tkompli tiġi sostnuta l-kompetittività jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-objettiv relatat mal-koeżjoni territorjali;

9. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jappoġġaw approċċ b'bażi lokali biex ifasslu u jimplimentaw il-politika ta' koeżjoni; jagħraf li r-rwol tar-reġjuni jvarja bejn l-Istati Membri skont l-istruttura politika u amministrattiva tagħhom; jitlob li l-prinċipju ta' sussidjarjetà, fil-kunċett imsaħħa u estiż tiegħu kif definit fit-TFUE, għandu jkun applikat kif suppost u li jinkiseb titjib, permezz tal-promozzjoni tal-prinċipju ta' deċentralizzazzjoni, matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali, sal-livell ta' awtorità lokali, bil-għan li jitjieb l-assorbiment tal-fondi; iqis li huwa kontraproduċenti, f'dan il-kuntest, li r-reġjuni jamministraw medja ta' 30.5% biss tal-baġit kumplessiv allokat għall-politika ta' koeżjoni, u l-bqija tkun amministrata mill-gvernijiet ċentrali; jikkunsidra, għaldaqstant, li fil-ġejjieni l-prinċipju ta' sħubija għandu jissaħħaħ konsiderevolment;

10. Huwa tal-fehma li t-territorji fil-fruntieri, b'mod partikolari, juru biċ-ċar il-problemi li l-UE qiegħda tħabbat wiċċha magħhom b'rabta mal-isfidi tal-ftuħ tal-fruntieri, il-kompletament tas-suq intern u l-globalizzazzjoni; jenfasizza li l-kompetittività ta' territorji bħal dawn tista' tiddgħajjef minħabba l-ħtieġa li jinżamm il-pass ma' sistemi fiskali u ta' benesseri li jikkompetu magħhom, arranġamenti amministrattivi kumplessi u flussi migratorji bejn ir-reġjuni u l-istati; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata l-għodda meħtieġa għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-governanza f'diversi livelli u jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi skambji ta' informazzjoni u tal-aħjar prassi;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-koeżjoni territorjali għandha karatteristika orizzontali u multisettorjali u għalhekk il-politiki tal-Unjoni jridu jikkontribwixxu għall-kisba tagħha; itenni l-fatt li dan il-kunċett mhuwiex limitat għall-effetti tal-politika reġjonali iżda jimplika wkoll koordinament ma' politiki oħra tal-Unjoni li l-għan tagħhom huwa l-iżvilupp sostenibbli u joffru riżultati tanġibbli f'livell reġjonali, sabiex jiġu żviluppati u jintużaw bis-sħiħ il-forom speċifiċi ta' potenzjal reġjonali u biex jiżdied l-impatt tagħhom fil-prattika, filwaqt li tingħata spinta lill-kompetittività u l-forza ta' attrazzjoni tar-reġjuni u tinkiseb il-koeżjoni territorjali; huwa tal-fehma li 'konċentrazzjoni, kooperazzjoni, konnessjoni' huma l-koordinati ewlenin tal-koeżjoni territorjali sabiex jinkiseb żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat fl-UE;

12. Jisħaq li governanza f'diversi livelli timplika d-devoluzzjoni tar-responsabilità għall-programmi li jippermettu sfruttament aħjar tal-potenzjali tal-kooperazzjoni territorjali, u li, għalhekk, sabiex l-Unjoni tkun tista' tilħaq għanijiet komuni bl-użu ta' miżuri koerenti u orjentati lejn ir-riżultati filwaqt li tistabbilixxi prijoritajiet lokali u reġjonali speċifiċi, għandhom jiġu implimentati l-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli;

13. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-inizjattivi URBAN u LEADER u jenfasizza l-bżonn li din l-esperjenza tintuża kif ukoll jintużaw l-eżempji assoċjati tal-aħjar prassi għall-provvista ta' qafas għal żvilupp rurali-urban integrat, skont l-eżiġenzi ta' kull reġjun; jistieden il-Kummissjoni teżamina u tipproponi metodoloġiji ta' xogħol li jippromwovu sħubiji urbani-rurali, jikkumbattu d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u, fl-istess ħin, jistimolaw żvilupp urban sostenibbli billi kważi 80% tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni urbani; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm iż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali jiżvolġu rwol dinamiku fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali u jenfasizza l-bżonn, fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, għal investiment fi proġetti urbani kif ukoll suburbani għal koordinament aħjar mal-programmi ta' żvilupp rurali;

Massimizzazzjoni tal-impatt tal-politika ta' koeżjoni biex tiżdied il-kompetittività ekonomika

14. Iqis is-sħubija bħala prinċipju fundamentali għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-politika ta' koeżjoni, u l-approċċ minn isfel għal fuq isaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi u l-kwalità tal-proċess ta' programmazzjoni; jemmen li l-livelli kollha ta' gvern jeħtieġu jiżvolġu rwol koeżiv, komplementari u produttiv biex jagħtu spinta lill-kompetittività ekonomika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni aktar ċara tal-prinċipju ta' sħubija sabiex ikun żgurat li jitwaqqfu sħubiji veri ma' awtoritajiet reġjonali u lokali u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prassi bejn ir-reġjuni;

15. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kofinanzjament huwa prinċipju fundamentali għall-ġestjoni tajba tal-politika ta' koeżjoni; jitlob li jkun applikat kontinwament minkejja l-limitazzjonijiet fuq l-infiq pubbliku minħabba l-kriżi ekonomika;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-imprenditorija u li jiġu appoġġati l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), billi jingħaraf ir-rwol fundamentali li żvolġew fit-trawwim tal-kompetittività ekonomika u fil-ħolqien tal-impjiegi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut u analizzat ir-rwol tal-istrumenti tal-UE li jappoġġaw il-kompetittività Ewropea bil-għan li jiġu razzjonalizzati l-proċeduri amministrattivi, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-SMEs, u li jiddaħħlu mekkaniżmi innovattivi ta' inċentiv ibbażati fuq l-ilħuq ta' għanijiet marbuta mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrattiv, kif ukoll mal-promozzjoni ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn; japprezza, f'dan il-kuntest, il-valur miżjud offrut mill-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja u jħeġġeġ l-użu tagħhom, kif ukoll dak tal-fondi ta' rotazzjoni u ta' għotjiet globali, fuq skala kemm jista' jkun wiesgħa, bil-għan li jinkisbu sinerġiji pożittivi u jiġu massimizzati r-riżultati; jappella wkoll għal aċċess semplifikat għall-kapital ta' riskju u għall-mikrofinanza;

17. Jenfasizza, barra minn hekk, li implimentazzjoni effiċjenti tal-politika ta' koeżjoni tiddependi ferm minn kif tkun tfasslet u għalhekk l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fi stadju bikri, fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni futura, huma kruċjali; jenfasizza, bl-istess mod, il-ħtieġa li jiġu żviluppati sħubiji orizzontali u vertikali bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha bil-għan li tinkiseb l-aktar governanza effiċjenti possibbli f'għadd ta' livelli; ifakkar li l-governanza f'diversi livelli tirrappreżenta wieħed mill-prinċipji kruċjali tal-politika ta' koeżjoni u li hija fundamentali biex tiggarantixxi l-kwalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jisħaq ukoll, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tas-sħubija li l-awtoritajiet reġjonali għandhom mal-Kumitat tar-Reġjuni;

18. Jilqa' b'sodisfazzjon l-emenda għar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006 li jissemplifika l-proċeduri għall-użu tal-fondi strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissemplifika t-tali proċeduri biex tiġi garantita l-flessibilità tagħhom u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji tal-finanzjamenti, biex b'hekk l-awtoritatjiet ikunu jistgħu jittrattaw l-isfidi l-kbar fil-ħin u bl-użu ta' riżorsi xierqa; huwa tal-fehma li s-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat jistgħu joffru sostenn awtentiku billi jissupplementaw l-isforzi li jsiru fuq livell lokali u reġjonali, u jistieden il-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għall-konsolidament tas-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni;

19. Jisħaq fuq l-importanza, fl-interess li jiġu eliminati d-disparitajiet, li jkompli jingħata appoġġ primarjament lill-proġetti mmirati għar-reġjuni li baqgħu lura, sabiex l-impatt mistenni f'dan il-perjodu ta' programmazzjoni jinżamm u jkun konformi mal-istimi inizjali; josserva li t-titjib tal-aċċessibilità u tal-faċilitajiet infrastrutturali jikkontribwixxu biex ir-reġjuni li għadhom lura fis-suq intern isiru aktar kompetittivi, u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-kompetittività esterna tal-UE kollha kemm hi; huwa tal-fehma li l-irtirar ta' dan l-appoġġ inaqqas l-impatt tar-riżultati pożittivi inizjali;

20. Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja l-politika ta' koeżjoni tradizzjonalment tiffokalizza fuq ir-reġjuni l-anqas prosperi, hija tikkonċerna r-reġjuni kollha tal-Ewropa, indipendentement mil-livell ta' żvilupp tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitħeġġeġ l-objettiv tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi; itenni li politika ta' koeżjoni soda u finanzjata sew, mgħammra b'baġit tal-anqas ekwivalenti għak dak attwali f'termini assoluti u relattivi, tikkostitwixxi prekundizzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija tal-UE 2020, bil-għan kemm li tiġi żgurata ekonomija intelliġenti, sostenibbli u integrattiva, li tagħmel lill-UE globalment kompetittiva, kif ukoll li jiġi garantit li r-reġjuni kollha jiżviluppaw b'mod armonjuż filwaqt li jiksbu l-objettiv ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

21. Huwa tal-fehma li l-PDG jrid jibqa' l-kriterju prinċipali biex tkun iddeterminata l-eliġibilità tar-reġjuni għall-għajnuna mill-politika ta' koeżjoni, waqt indikaturi oħra li jistgħu jitkejlu jistgħu jiżdiedu kemm il-darba jkun ippruvat li huma rilevanti, u għandu jitħalla spazju għall-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw, fil-livell xieraq tat-teħid ta' deċiżjonijiet, indikaturi oħra li jqisu l-attributi speċifiċi ta' reġjuni u bliet;

22. Jisħaq fuq l-importanza li fl-allokazzjoni tal-fondi, jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi pereżempju ta' reġjuni mal-kosta, tal-muntanja u ultraperiferiċi, reġjuni bi problemi ta' depopolazzjoni, jew reġjuni u bliet remoti mal-fruntieri; jinkoraġġixxi lir-reġjuni jressqu inizjattivi għall-isfruttament tal-ispeċifiċità reġjonali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-diversi strumenti finanzjarji biex toħloq valur miżjud f'terminu qasir u medju, hija u tqis ukoll l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja modi li bihom tekniki ġodda fl-inġinerija finanzjarja jistgħu jtejbu l-effikaċja u l-impatt tal-politika ta' koeżjoni bil-għan li jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli fil-proġetti magħżula;

24. Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-UE u, għaldaqstant, fuq il-kompetittività tagħha;

Il-politika ta' koeżjoni bħala politika fundamentali għall-perjodu ta' wara l2013

25. Jenfasizza r-rwol deċiżiv li l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni territorjali jiżvolġu fl-Ewropa kollha, minħabba l-valur miżjud Ewropew tagħhom, fit-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika tal-UE u fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE 2020, u l-approċċ b'bażi lokali jkun wieħed mill-modi ewlenin ta' kif jintlaħaq ekwilibrju ekonomiku;

26. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ integrat għall-applikazzjoni tal-fondi strutturali bħal mezz importanti li jgħin lir-reġjuni jiksbu tkabbir sostenibbli, impjiegi u prosperità;

27. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinżammu l-arranġamenti tranżitorji biex jiġi kkonsolidat u mtejjeb il-livell attwali ta' żvilupp, li jista' jinżel jekk il-finanzjament jitnaqqas b'mod sinifikanti ladarba jintlaħaq għan partikolari; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jiżgura trattament ugwali għal reġjuni f'sitwazzjonijiet analogi, li min-naħa tiegħu jwassal għall-organizzazzjoni effiċjenti tal-programmi;

28. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-aspettattivi tal-pubbliku Ewropew huma bbażati fuq il-bżonnijiet tan-nies, u speċjalment fuq ix-xewqa għall-aċċess għal infrastruttura adegwata u servizzi pubbliċi ta' kwalità, li għandhom jiġu fornuti b'mod ekwu u bi prezzijiet li jifilħu għalihom iċ-ċittadini Ewropej kollha, indipendentement minn fejn jgħixu u jaħdmu; jinsisti li d-dritt għal opportunitajiet indaqs għandu jitħares u jisħaq fuq il-ħtieġa tal-aċċess ta' persuni b'diżabilità għall-infrastruttura u l-proġetti kollha ffinanzjati mill-fondi strutturali;

29. Jisħaq fuq il-fatt li biex l-għarfien u l-innovazzjoni jiġu kkonsolidati bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku futur u tal-kompetittività Ewropea, jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, isir progress skont ir-riżultati tar-riċerka, jiġu promossi l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fl-Unjoni kollha, l-ICTs jiġu sfruttati kemm jista' jkun, jiġi żgurat li ideat innovattivi jiġu riflessi fi prodotti u servizzi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir u impjiegi ta' kwalità u jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-isfidi tal-bidla soċjali fl-Ewropa u fid-dinja, titħeġġeġ l-imprenditorija, tingħata prijorità lill-ħtiġijiet tal-utenti u lill-opportunitajiet tas-suq, u jiġi ggarantit finanzjament ta' natura aċċessibbli u adegwata abbażi ta' rwol fundamentali għall-fondi strutturali;

30. Jenfasizza l-fatt li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali toffri opportunità biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni u jiġi żgurat li l-pubbliku Ewropew ikun jista' jkollu standards ta' ħajja aħjar u aktar fiduċja fl-UE; l-investiment selettiv u kombinat fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni għandu jqis il-kapaċitajiet u l-potenzjali reġjonali u urbani u jgħin fl-iżvilupp ta' oqsma ewlenin bħas-saħħa elettronika, il-prodotti farmaċewtiċi, it-trasport u l-loġistika, l-ambjent, il-kontenut diġitali, l-enerġija u s-sigurtà, permezz tal-iżvilupp istituzzjonali u programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet;

31. Huwa tal-fehma li parti mill-finanzjament allokat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni skont il-politika ta' koeżjoni għandha tintuża biex jinkiseb u jinżamm ir-rwol ta' pijunier f'setturi fejn l-Ewropa diġà għandha vantaġġ kompetittiv u f'dawk fejn għandha opportunità ġdida li ssir pijunier;

32. Huwa tal-fehma li, sabiex is-suq intern jiġi kkonsolidat, jinħtieġu miżuri speċifiċi biex tiġi stimolata l-kompetizzjoni f'livell Ewropew, iżda bla ma jinħoloq żbilanċ bejn l-Istati Membri; jemmen li b'dan il-mod jista' jintlaħaq livell komdu ta' stabbilità u prosperità ekonomika f'livell Ewropew;

33. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħtu aktar attenzjoni lill-appoġġ ta' proġetti kbar li jkopru żewġ programmi operattivi jew aktar b'impatt kbir f'livell Ewropew, li jiġġeneraw valur miżjud, joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u jissalvagwardaw l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni;

34. Huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tippromwovi miżuri li jiġġeneraw l-akbar għadd ta' impjiegi possibbli, biex b'hekk ikun possibbli li jintużaw r-riżorsi umani u li jiġi żgurat l-iżvilupp kontinwu tagħhom sabiex tkun garantita produttività għolja;

35. Jibqa' jsostni li l-kisba ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija kundizzjoni meħtieġa iżda mhijiex biżżejjed biex tkun garantita l-kompetittività ekonomika f'livell dinji, li tirrikjedi investimenti sinifikanti f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, l-ambjent, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, ir-riċerka u żvilupp, l-industriji u s-servizzi kreattivi, il-loġistika u t-trasport;

o

o o

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P6_TA(2009)0165.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2009)0156.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2008)0492.

(4)

Testi adottati, P6_TA(2009)0163.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2010)0223.

(6)

ĠU C290 E, 29.11.2006, p. 97.


NOTA SPJEGATTIVA

It-titjib tal-kwalità tal-ħajja permezz tal-ħolqien ta' impjiegi siguri u ta' kwalità aħjar kif ukoll garanzija ta' aċċess għall-infrastruttura ta' kull tip, kemm tat-trasport, soċjali jew edukattiva jew relatata mar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni kienu r-raġuni ewlenija tal-appoġġ taċ-ċittadini favur l-integrazzjoni Ewropea.

Il-politika ta' koeżjoni tista' tiggarantixxi l-iżvilupp koeżiv tal-UE permezz tal-objettivi u tal-istrumenti speċifiċi tagħha u b'hekk jiġu sodisfatti l-eżiġenzi ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini Ewropej. Fl-istess waqt, l-Istati Membri tal-UE, inklużi dawk tal-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk, qegħdin iħabbtu wiċċhom b'mod dirett mal-effetti tal-globalizzazzjoni.

Il-mod li bih kull Stat Membru jisfrutta l-opportunitajiet offruti mill-appartenenza għas-suq uniku Ewropew jiddependi mill-maturità u mil-livell ta' żvilupp tiegħu, li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Konsegwentement, kull Stat Membru hu responsabbli li jindika l-aktar provvedimenti effikaċi biex l-ekonomija tiegħu tkun tista' taħdem fi ħdan din is-sistema globali.

Dan ir-rapport, intitolat Il-ksib ta' koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika vera fi ħdan l-UE - kundizzjoni sine qua non għall-kompetittività dinjija? huwa intiż biex jistimola d-dibattitu fost d-deputati tal-Parlament Ewropew dwar in-natura interdipendenti u komplementari tal-provvedimenti adottati fuq livell Ewropew u nazzjonali biex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-politiki tal-UE, fosthom dak li tiżdied il-kompetittività ekonomika globali. Ir-rapport jipprova joffri qafas li jenfasizza r-rwol integranti tal-politika ta' koeżjoni u l-kontribut li tagħti biex tiżdied il-kompetittività globali tal-UE.

L-approċċ tar-rapporteur

Il-kuntest globali u Ewropew ġab lir-reġjuni fuq quddiem nett minħabba l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom, sew jekk ikunu fil-qasam tat-tibdil fil-klima, tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, tal-migrazzjoni soċjali jew tal-enerġija, sew jekk huma l-isfidi kkawżati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, li l-impatt tagħha qiegħda tinħass fuq livell lokali.

Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika fundamentali tal-UE biex tippermetti lir-reġjuni jilqgħu dawn l-isfidi mill-aħjar li jistgħu u b'hekk jgħinu biex tiżdied il-kompetittività ekonomika tal-UE, billi:

- jiggarantixxu standards ta' ħajja komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE; kif ukoll

- isostnu l-iżvilupp billi jisfruttaw l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali u b'hekk jiġġeneraw valur miżjud u produttività ekonomika.

Il-politika ta' koeżjoni tat kontribut notevoli biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Lisbona, iżda r-rapporteur tagħkom iqis li, biex ir-riżultati miksuba u l-impatt mistenni tagħhom jiġu kkonsolidati, jeħtieġ isiru investimenti kontinwi fl-infrastruttura ta' kull tip, bħala bażi għal żieda fil-kompetittività ekonomika.

Infrastruttura – fattur fundamentali għaż-żieda tal-kompetittività globali

L-infrastruttura tirrappreżenta wieħed mill-pilastri ewlenin ivvalutati fuq livell internazzjonali biex jaċċertaw il-livelli ta' kompetittività ekonomika; din tagħmel possibbli li l-effetti dovut għad-distanzi jixxejnu filwaqt li tiggarantixxi l-mobilità tal-investimenti u tal-ħaddiema.

L-objettiv tal-UE 2020 għal ekonomija kompetittiva, konnessa u li tirrispetta aktar l-ambjent jista' jintlaħaq permezz tal-modernizzazzjoni u tal-interkonnessjoni tal-infrastruttura u tas-sostenn għall-pjanijiet ta' investiment u għall-proġetti ta' żvilupp li jkunu f'sintonija mal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull reġjun. Dan l-approċċ jista' jkun implimentat b'mod vijabbli bl-użu ta' metodi u strumenti innovattivi.

Ir-rapporteur tagħkom iqis bħala essenzjali li tinkiseb koeżjoni territorjali, billi hu fil-livell territorjali li dak li jkun jista' josserva l-punt sa liema:

- il-programmazzjoni tal-proċess ta' żvilupp reġjonali kien f'armonija mal-bżonnijiet u mal-potenzjal speċifiku ta' żona;

- is-sħab involuti jgawdu minn kapaċitajiet istituzzjonali suffiċjenti biex jiggarantixxu l-aħjar rata ta' assorbiment possibbli tal-fondi mill-UE;

- l-appoġġ mogħti mill-UE huwa appoġġ fit-tul li jiżviluppa r-riżultati miksuba permezz tal-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE u jassigura s-sostenibilità.

Id-disparitajiet fil-livelli ta' deċentralizzazzjoni u sistemi ta' gvern b'ħafna livelli joħolqu sitwazzjonijiet viżibbli bl-aktar mod ċar fuq livell lokali u reġjonali, u l-iżgurar li l-miżuri ffinanzjati mis-settur pubbliku – f'livell Ewropew jew nazzjonali – ikunu kumplementari filwaqt li jiġi evitat l-irduppjar eventwali ta' finanzjamenti huma sfidi reali li jeħtieġu jiġu solvuti f'livell lokali.

Teżisti eżiġenza li jkun garantit koordinament orizzontali u vertikali bejn il-livelli differenti ta' gvern, u bejn l-oqsma ta' attività u t-tipi ta' intervent. Il-fatt li jiġu garantiti standards komuni fl-iżvilupp miksub bis-saħħa tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, partikolarment fir-reġjuni mal-fruntieri, jirrikjedi:

- programmazzjoni ta' kwalità għolja msejsa fuq l-involviment tal-partijiet interessati mil-livelli u mis-setturi rilevanti kollha;

- użu ta' statistika u indikaturi rilevanti u uniformi kemm fil-fażi ta' programmazzjoni kif ukoll f'dik ta' implimentazzjoni;

- implimentazzjoni ta' sistema ta' monitoraġġ regolata sabiex tippermetti l-osservazzjoni u l-analiżi ta' firxa sħiħa ta' indikaturi u impatti li għandhom;

- tixrid tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet lil-livelli kollha ta' gvern u lis-setturi ta' attività reġjonali.

Fid-dawl tal-fatt li l-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni huma l-istrumenti finanzjarji ewlenin favur l-ilħuq tal-objettivi ta' żvilupp stabbiliti fuq livell reġjonali, ikun awspikabbli li l-valur miżjud li jiġġeneraw jiġi massimizzat permezz ta':

- sostenn għall-isforzi li jsiru mill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw kapaċità amministrattiva, billi teżisti eżiġenza ppruvata għal kompetenzi u kwalità fl-ippjanar. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiggarantixxu assistenza teknika ta' kwalità u l-proċess ta' implimentazzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandhu jissaħħaħ f'livell lokali u reġjonali;

- semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-allokazzjoni ta' finanzjamenti strutturali u ta' koeżjoni;

- żvilupp tal-qafas meħtieġ għas-sħubiji bejn is-settur pubbliku u privat biex ikunu għażla vijabbli u realistika għar-reġjuni.

Minkejja s-sħubiji bejn is-settur pubbliku u privat jitqiesu bħala alternattiva, bosta Stati Membri ma għandhom la qafas ġuridiku u lanqas kompetenzi biżżejjed ċari f'livell reġjonali biex dan l-approċċ isir. Jeħtieġ, pereżempju, li l-BEI tipprovdi rekwiżiti ta' assistenza teknika lill-awtoritajiet bil-għan li dawn ikunu jistgħu jifformaw it-tali sħubiji.

Il-punti kollha għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni, biex b'hekk fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, fl-ambitu tal-qafas ġenerali tal-objettivi tal-UE 2020, ir-reġjuni jkunu jistgħu jagħtu l-kontributi tagħhom stess għall-iżvilupp sostenibbli u jiggarantixxu l-ksib ta' standards ta' ħajja komuni.

Wara l-2013, il-politika ta' koeżjoni għandha ssir politika ta' sostenn, fid-dawl tar-rwol deċiżiv fit-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni tal-Ewropa. Huwa minnu li l-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja jaf jikkawża ċertu tibdil, iżda permezz tal-maturità u tal-flessibilità se jkun possibbli li l-eżiġenzi ferm differenti tar-reġjuni jiġu sodisfatti. Din hija raġuni waħda għaliex ir-rapporteur tagħkom iqis li ftehim/impenn trilaterali huwa meħtieġ bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni li jistabbilixxi biċ-ċar ir-rwol li kull parti għandha tiżvolġi biex tipprova tilħaq l-objettivi stabbiliti.

Is-sostenn għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni kif anki l-iżvilupp tal-edukazzjoni u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jiġi żgurat suq ta' impjiegi inklussiv se jkun segwit minn politika u provvedimenti fuq livell reġjonali. Il-fatt li jiġu garantiti livell ta' żvilupp garantit u l-aċċess għall-infrastruttura bażika u servizzi ta' kwalità jżid il-kapaċità li jintlaqgħu l-isfidi l-kbar. Il-kompetittività ekonomika globali hija sostnuta minn din il-kapaċità ta' reazzjoni għall-globalizzazzjoni.

L-użu tar-riżorsi finanzjarji Ewropej u nazzjonali disponibbli għal proġetti li jinvolvu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni mhuwiex uniformi u dan jissarraf fil-bżonn li tiżdied il-kapaċità amministrattiva fuq livell reġjonali sabiex ikunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet ġodda għall-problemi attwali.

Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li ladarba jintlaħaq l-objettiv li tiġi żgurata kwalità ta' ħajja bħal din permezz tal-aċċess għall-infrastruttura u ta' servizzi ta' kwalità, ir-reġjuni jkunu jistgħu jikkonċentraw ruħhom fuq provvedimenti li jiżviluppaw il-potenzjal ekonomiku lokali, b'fażi importanti tkun dik tal-iżvilupp ta' politiki lokali relatati mar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-infrastruttura reġjonali adegwata.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Sophie Auconie, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Ricardo Cortés Lastra, Francesco De Angelis, Rosa Estaràs Ferragut, Elie Hoarau, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Hermann Winkler, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Karima Delli, Jens Geier, Ivars Godmanis, Lena Kolarska-Bobińska, James Nicholson, Elisabeth Schroedter, László Surján, Patrice Tirolien

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Češková

Avviż legali - Politika tal-privatezza