RAPPORT dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

11.11.2010 - (COM(2010)0518 – C7‑0311/2010 – 2010/2227(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera

Proċedura : 2010/2227(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0323/2010
Testi mressqa :
A7-0323/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2010)0518 – C7‑0311/2010 – 2010/2227(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0518 – C7‑0311/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1] u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2] (ir-Regolament FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0323/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għan tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għat-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG;

D.  billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 129 sensja f'9 intrapriżi li joperaw fit-Taqsima 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u riproduzzjoni tal-midja rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta' Limburg;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien speċifiku biex jgħin lill-ħaddiema li batew minn sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza s-sehem li l-FEAG jista' jkollu fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati individwalment f’impjieg; itenni li l-għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluż evalwazzjoni tal-effetti li dawn is-servizzi temporanji u personalizzati għandhom fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fuq medda twila ta’ żmien fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema ssensjati;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlas tal-Fond Soċjali Ewropew li ma ntużawx, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6   Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu trasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-bżonn ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mit-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, flimkien ma’ analiżi tal-kriterji ta' eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Pajjiżi l-Baxxi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u sabiex jagħtihom għajnuna biex ikunu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta' sensji f’disa’ intrapriżi li joperaw fit-Taqsima 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (l-istampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta’ Limburg (NL42) fit-30 ta’ Diċembru 2009 u ssupplimentaha b’tagħrif addizzjonali sas-6 ta’ Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 549 946.

(5)      Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mill-Pajjiż l-Baxxi.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 549 946 f'approprjazzjonijiet għall-impenn u għall-ħlas.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU L 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]               ĠU C […], […], p. […].

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006 dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħuda minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat il-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fl-1 ta' Ottubru 2010 l-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur il-Pajjiżi Baxxi sabiex ikun ta’ appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din l-applikazzjoni hija parti minn pakkett ta’ sitt applikazzjonijiet interrelatati li kollha kemm huma jikkonċernaw sensji fi tmien reġjuni NUTS II differenti fil-Pajjiżi l-Baxxi f’intrapriżi li joperaw fis-settur tal-grafika, li l-attivitajiet tagħhom huma kklassifikati f’żewġ taqsimiet differenti tar-Reviżjoni 2 tan-NACE, jiġifieri t-Taqsima 18 (l-istampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) u t-Taqsima 58 (attivitajiet ta’ pubblikazzjoni).

Din hi t-tnejn u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 549 946 mill-FEAG għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija tikkonċerna 129 sensja f'9 intrapriżi li joperaw fit-Taqsima 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (l-istampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta’ Limburg, matul il-perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur mill-1 ta' April sad-29 ta' Diċembru 2009.

L-applikazzjoni, il-każ EGF/2009/028 NL/Limburg, tressqet lill-Kummissjoni fit-30 ta' Diċembru 2009 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Mejju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament FEAG li jipprovdi li, fis-swieq tax-xogħol iż-żgħar jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta jkun ġustifikat mill-Istat Membru kkonċernat, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-FEAG tista’ titqies ammissibbli wkoll jekk il-kriterji ta’ intervent stipulati fl-Artikolu 2(a) u 2(b) ma jkunux issodisfati kompletament, fejn is-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali. F’dan il-każ, l-applikant għandu jispeċifika liema mill-kriterji ta’ intervent ewlenin l-applikazzjoni tiegħu tonqos milli tissodisfa.

L-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li din l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti għat-tressiq skont l-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 fejn semmew ċirkostanzi eċċezzjonali: hija tkopri iktar sensji fl-istess taqsima tan-NACE 2 waqt l-istess perjodu ta’ referenza tas-sensji koperti mill-applikazzjoni EGF/2009/027 NL/Noord Brabant u Zuid Holland Taqsima 18 li kienet tressqet mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Barra minn hekk, Limburg jikkostitwixxi reġjun kontigwu fil-livell NUTS II ma’ Noord Brabant. L-eċċezzjonalità tal-każ tidher fil-kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi, li flimkien joħolqu sitwazzjoni mhux tas-soltu u diffiċli għall-ħaddiem u r-reġjun ikkonċernat.

Il-Kummissjoni qieset li ġew issodisfati l-kriterji tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura mhux prevista tas-sensji kkonċernati, id-dimostrazzjoni ta' għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a), l-ispjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawn is-sensji, l-identifikazzjoni ta' intrapriżi li kellhom ikeċċu ħaddiema u ħaddiema fil-mira għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta nbdew jew kienu ppjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, u s-sistemi ta’ ġestjoni u ta' kontroll.

Bi qbil mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja biex tapprova l-applikazzjoni.

Sabiex jiġi mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba ta’ trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 32/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 549 946 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' Intraprenditorjat u Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-Rapporteur għandha l-pjaċir tosserva li l-Kummissjoni identifikat sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, minbarra Fondi tal-FSE mhux użati, f’konformità mat-talbiet frekwenti tal-Parlament Ewropew.   

Madankollu, hija tqis li l-għażla li saret f’dan il-każ (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-imprenditorjat u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet serji li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar kompetittività u innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat 15-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-għajnuna teknika, għal ammont totali ta’ EUR 47 432 497, li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 17 746 171 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inklużi din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 434 621 332 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba[3] ta' trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 32/2010 tal-1 ta’ Settembru 2010

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)52562

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ EGF/2009/028 NL/Limburg Division 18 (COM(2010)518 finali)

Għażiż Sur Lamassoure

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEAG studjaw il-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ EGF/2009/028 NL/Limburg Division 18 u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(c) tar-Regolament FEAG u tinkludi 129 sensja mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur bejn l-1 ta’ April u d-29 ta’ Diċembru 2009 f’9 intrapriżi li joperaw fl-istampar u r-riproduzzjoni ta’ midja rrekordjata kif speċifikat fit-Taqsima 18 tar-Regolament (KE) Nru 1803/2006.

B)  Billi din l-applikazzjoni hija parti minn pakkett ta’ sitt applikazzjonijiet interrelatati li kollha kemm huma jikkonċernaw sensji fi tmien reġjuni NUTS II differenti fil-Pajjiżi l-Baxxi f’intrapriżi li joperaw fis-settur tal-grafika;

C)  Billi dan is-settur intlaqat ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja li wasslet għal tnaqqis fid-domanda tas-settur tal-istampar u tal-pubblikazzjoni ta’ 32% għal materjal ta’ reklamar stampat u ta’ bejn 7.5 u 18.2% għal rivisti u gazzetti.

D)  Billi l-awtoritajiet Olandiżi jsostnu li s-sensji koperti minn din l-applikazzjoni għandhom jitqiesu flimkien mas-sensji koperti bl-applikazzjoni EGF/2009/027 NL/Noord Brabant u Zuid-Holland Division 18 billi Limburg hija reġjun kontigwu fil-livell NUTS II ma' Noord Brabant. Billi l-istat Olandiż jiddikjara wkoll li l-provinċja ta' Limburg hija f'sitwazzjoni diffiċli ħafna minħabba li għandha t-tieni l-ogħla rata ta' qgħad fl-Olanda (8%) u li Limburg tgħodd fost il-provinċji fil-Pajjiżi l-Baxxi bi dħul pro capita aktar baxx b'mod sinifikanti mill-medja.

E)  Billi l-industrija tal-istampar u tal-pubblikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għaddiet minn proċess ta’ ristrutturazzjoni li sewa ħafna flus sabiex tibqa’ teknikament kompetittiva mal-impriżi barra l-UE, b’mod partikulari fit-Turkija, iċ-Ċina u l-Indja, u billi l-kriżi attwali qiegħda tirriskja li ġġib fix-xejn il-benefiċċji tal-investimenti u l-isforzi kbar li saru f’dan is-settur.

F)  Billi s-sensji seħħew f’żewġ reġjuni kontigwi NUTS II b’livelli ta’ qgħad sa 6.8%. Billi r-regolament FEAG jgħid, fi premessa 4, li għandu jiġi “żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEAG tkun ikkonċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li ntlaqtu bl-aktar b'mod serju”.

G)  Billi fis-settur tal-grafika b’mod ġenerali, hemm proporzjon relattivament kbir ta’ ħaddiema fil-gruppi ta' età kbira, fejn il-qgħad huwa għoli ħafna fiż-żewġ provinċji li qegħdin jitqiesu; billi din l-applikazzjoni tinkludi 163 ħaddiem issensjat li għandhom aktar minn 54 sena u 13-il ħaddiem li għandhom aktar minn 65 sena.

H)  Billi l-proposta għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati ġiet stabbilita b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali tas-settur tal-grafika u l-midja u billi l-"Fond tal-Fondazzjoni tas-Suq tax-Xogħol u t-Taħriġ" tagħhom stabbilixxa ċ-ċentru ta' mobilità C3 (Centrum Creative Carrières) li ser jimplimenta l-miżuri bl-appoġġ tal-FEAG. Billi dawn il-miżuri huma l-istess għas-sitt applikazzjonijiet kollha u mhumiex sostanzjalment differenti minn dawk offruti lil ħaddiema ssensjati oħrajn mill-industrija tal-grafika mis-C3.

I)  Billi hemm numru ta’ proġetti ta’ taħriġ tal-FSE maħsuba għall-ħaddiema fis-settur tal-grafika, li l-programmazzjoni tagħhom tikkoinċidi mal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEAG.

J)  Billi r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab għal appoġġ għall-ħaddiema kollha li sfaw issensjati, inklużi dawk li għandhom aktar minn 65 sena.

K)  Billi f’kull waħda mis-sitt applikazzjonijiet mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-perċentwali ta’ ħaddiema speċifiċi u ta' kategoriji professjonali huma l-istess, u dan juri li l-għadd ta’ sensji huwa probabilment ibbażat fuq ftehim bejn is-sħab soċjali. Billi l-applikazzjoni ma turix l-istruttura reali tal-impriżi kkonċernati.

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG (1927/2006) huma ssodisfati.

2.  Jilqa’ l-kooperazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Soċjali mas-Sħab Soċjali biex jaffrontaw it-tnaqqis tad-domanda fis-settur tal-istampar u tal-pubblikazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi li tirrifletti l-approċċ Olandiż imsejjaħ “il-mudell polder” u li ppermetta li jkun hemm reazzjoni rapida għas-sensji (jum wara tmiem il-perjodu ta’ referenza).

3.  Jilqa’ l-approċċ li, fi żmien ta’ kriżi, l-appoġġ tal-FEAG jintuża biex il-ħaddiema jirċievu taħriġ u taħriġ mill-ġdid, u biex tiġi rikonoxxuta l-esperjenza preċedenti tagħhom; jiddispjaċih, madankollu, għall-ispjegazzjonijiet xejn sodisfaċenti li ngħataw, li ma ppermettewx li jkun hemm konklużjonijiet dwar l-għan u l-istrateġija tat-taħriġ tal-ħaddiema ssensjati speċifikati minn din l-applikazzjoni; jemmen li dan l-approċċ se jagħmilha diffiċli li jiġi evalwat is-suċċess ta’ dawn il-miżuri.

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga aktar fil-fond is-setturi li lejhom il-ħaddiema jiġu orjentati mill-ġdid, f’dak li huwa taħriġ jew it-twaqqif ta’ negozju tagħhom stess. L-għan ta’ din l-analiżi bir-reqqa għandu jkun li jiġi żgurat li r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol tkun sostenibbli u, għaldaqstant, li jsir użu siewi mill-FEAG. Din il-valutazzjoni għandha titwettaq bil-ħsieb tal-objettivi stipulati fl-istrateġija EU 2020.

5.  Jilqa’ l-approċċ għall-użu tal-FEAG biex jikkomplementa t-tħaddim tal-appoġġ tal-FSE; jiddispjaċih, madankollu, li l-applikazzjoni ma tindikax l-ispeċifiċità u l-valur miżjud tal-miżuri tal-FEAG.

6.  Jitlob, għaldaqstant, aktar informazzjoni dettaljata mill-gvern Olandiż dwar l-għanijiet tal-miżuri.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jutta Haug, Jiří Havel, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Barbara Matera, Claudio Morganti, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann