Proċedura : 2010/2243(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0336/2010

Testi mressqa :

A7-0336/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0455

RAPPORT     
PDF 167kWORD 116k
22.11.2010
PE 450.959v02-00 A7-0336/2010

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba

(COM(2010)0582 – C7‑0334/2010 – 2010/2243(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Barbara Matera

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba

(COM(2010)0582 – C7‑0334/2010 – 2010/2243(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0582 – C7‑0334/2010),

–   wara li kkunsidra il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), (ir-Regolament FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0336/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-FEAG,

D. billi s-Slovenja talbet l-assistenza għal dak li għandu x’jaqsam mal-każijiet konċernanti 2,554 sensja fl-impriża Mura, European Fashion Design, li topera fil-qasam tal-ilbies,

E.   billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-FEAG,

1.   Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni FEAG;

2.  Ifakkar l-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni individwali tal-ħaddiema ssensjati fix-xogħol; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata valutazzjoni komparattiva ta’ din id-dejta anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluża valutazzjoni tal-effetti li dawn is-servizzi temporanji u personalizzati se jkollhom fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol fit-tul tal-ħaddiema sensjati;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6   Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet ta' ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa minn IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, janaliżi l-kriterji ta' eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-xxx

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEAG/2010/014 SI/ Mura mis-Slovenja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Is-Slovenja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal- FEG, fir-rigward tas-sensji ffl-impriża Mura fit-28 ta' April 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-24 ta' Ġunju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 2,247,940.

(5)      Għalhekk l-FEAG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mis-Slovenja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2,247,940 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Ghall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006 dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba (1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġini taħt il-limitu massimu tal-infiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji li jkunu ġew ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fis-19 ta' Ottubru 2010 l-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur is-Slovenja sabiex jappoġġaw l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din hi l-ħamsa u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 2,247,940 mill-FEAG għas-Slovenja. Għandha x’taqsam mal-2,554 sensja fl-impriża Mura, European Fashion Design fis-Slovenja, li topera fil-qasam tal-ilbies, matul il-perijodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-21 ta' Ottubru 2009 sal-20 ta' Frar 2010.

L-applikazzjoni, il-każ FEAG/2010/014 SI/Mura, tressqet lill-Kummissjoni fit-28 ta' April 2010 u ġiet issupplementata b'tagħrif addizzjonali sal-24 ta' Ġunju 2010. Kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Art. 2 (a) tar-Regolament FEAG, li jeħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' erba' xhur f'impriża, inklużi l-fornituri u l-produtturi downstream tagħha, u tressqet sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat (l-Art. 5 tar-Regolament)..

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2 (a) , l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-impriżi li ikeċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ mmaniġġjar u ta' kontroll.

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-appikazzjoni.

Sabiex jiġi mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet rikjesta ta’ trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 37/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 2,247,940 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' Intraprenditorjat u Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-Rapporteur għandu l-pjaċir josserva li l-Kummissjoni identifikat sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, minbarra Fondi tal-FSE mhux użati, f’konformità mar-rikjesti frekwenti tal-Parlament Ewropew.

Madankollu, hija tqis li l-għażla li saret f’dan il-każ (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-imprenditorija u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet severi li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar kompetittività u innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat 15-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-għajnuna teknika, għal ammont totali ta’ EUR 47 432 497, li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 28,502,666 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inklużi din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 424,064,837 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat rikjesta(3) ta' trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trialogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressa fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

DEC 37/2010 tas-19 ta’ Ottubru 2010


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)55373

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ FEAG/2010/014 SI/Mura (COM(2010)582 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-FEAG fi ħdan l-istess Kumitat studjaw il-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ FEAG/2010/014 SI/Mura u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija skont it-termini tal-Artikolu 2a tar-Regolament FEAG u tinkludi 2 554 sensja li seħħew matul il-perijodu ta' riferenza ta' erba' xhur bejn il-21 ta' Ottubru 2009 u l-20 ta' Frar 2010 fir-reġjun NUTS III ta' Pomurje fis-Slovenja fil-Grupp Mura, li ormaj falla u li kien jimmanifattura t-tessuti u l-ilbies;

B)  Billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika tefgħet lura lill-industrija Slovena tat-tessuti minħabba fid-diffikultajiet li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom "is-setturi tal-utenti aħħarin tat-tessuti") (jiġifieri l-kostruzzjoni, l-industrija awtomobilistika, u d-djar) u minħabba wkoll fiż-żidiet fil-kostijiet tal-produzzjoni li wasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni bi 23% fl-industrija tat-tessuti u b'14% fis-settur tal-ilbies fl-ewwel kwart tal-2009 meta mqabblin mal-istess perijodu fl-2008, bil-konsegwenza li ntilfu 4 297 impjieg fil-manifattura tal-ilbies bejn Ġunju 2008 u Diċembru 2009 - ċifra li tirrappreżenta 46% tal-impjiegi kollha li kien hemm f'Ġunju 2008 f'dan is-settur - filwaqt li ntilfu 2 030 impjieg fil-manifattura tat-tessuti, li jirrappreżentaw 27% tal-impjiegi kollha, matul l-istess perijodu ta’ żmien;

C)  Billi l-industrija Slovena tat-tessuti kienet għaddejja pjuttost tajjeb fost l-UE27 u filwaqt li Mura rnexxielha matul l-aħħar snin tiggarantixxi l-kuntratti ma’ sħab esiġenti tan-negozju billi tathom servizzi ta’ produzzjoni ta’ kwalità tajba ħafna permezz tal-produzzjoni ta’ linji żgħar u bil-flessibilità, kif ukoll bl-applikazzjoni tal-prinċipju “Just in time”;

D)  Billi xi wħud mill-impriżi tal-Grupp Mura ssuktaw bl-operazzjonijiet tagħhom;

E)  Billi 7% tal-impjegati kollha fir-reġjun ta’ Promurje kienu jaħdmu mal-impriża Mura u billi dan ir-reġjun ġa kien waqa' lura l-medja Slovena, meta rreġistra tnaqqis ta' 33% fid-dħul, ta' 30% fil-valur miżjud, u 20% fis-salarju mħallas lil kull ħaddiem;

F)  Billi l-awtoritajiet Sloveni indikaw li s-servizzi personalizzati proposti huma r-riżultat tal-esperjenzi miksubin mill-ministeru u s-servizzi tal-impjiegi li jaħdem mal-ħaddiema ssensjati, u li għalhekk, it-trade unions ma kinux attivament imdaħħlin fit-tħejjija tal-attivitajiet proposti. Billi, iżda, it-trade union tal-Grupp Mura kienet imdaħħla fil-proċedura fallimentarja sa mill-bidu nett tagħha, u għenet fl-elenkar tal-ħaddiema li kienu se jiġu ssensjati u fl-organizzazzjoni tal-għajnuna soċjali għall-ħaddiema;

G)  Billi l-awtoritajiet Sloveni kkonfermaw li 1 932 mill-2 554 ħaddiem issensjat eliġibbli għall-għajnuna se jipparteċipaw fil-miżuri inklużi fil-pakkett ikkordinat tas-servizzi personalizzati u li l-kostijiet tal-miżuri kollha huma kkalkulati fuq il-bażi ta’ dan in-numru ridott;

H)  Billi 78.4% tal-ħaddiema ssensjati huma nisa u billi madwar 96.1% tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 54 sena;

I)  Billi 45.9% tal-ħaddiema ssensjati huma manifatturi tal-ilbies u ħaddiema fil-qasam tat-tessuti u billi l-kategorija professjonali tagħhom ma ġietx speċifikata għal 43.1% tal-ħaddiema ssensjati;

J)  Billi 43.6% tal-ħaddiema li twaqqfu mix-xogħol ma temmewx l-edukazzjoni primarja u billi 43.7% minnhom temmew l-edukazzjoni sekondarja ġenerali jew teknika superjuri;

K)  Billi 22.8% tal-ħaddiema ssensjati għandhom problemi gravi ta’ saħħa jew diżabilità, billi waħda mill-kumpaniji tal-Grupp Mura għandha bħala politika tagħha l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità u fil-każijiet l-aktar gravi ġew sostnuti minn miżuri finanzjarji min-naħa tal-awtoritajiet Sloveni fuq il-bażi ta’ liġi speċjali, mentri l-ħaddiema l-oħrajn bi problemi ta’ saħħa anqas gravi għandhom il-jedd għas-sostenn tal-FEAG iżda mingħajr miżuri speċjali maħsuba għall-qadi ta' ħtiġijiethom;

L)  Billi l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema ħadmu biss mal-Grupp Mura;

M)  Billi, skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Sloveni, xi ħaddiema kienu sodisfatti ħafna bil-miżuri inklużi fil-pakkett ta' servizzi personalizzati u li wħud minnhom jidher li ġa sabu impjieg ġdid;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Slovena:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG huma ssodisfati;

2.  Jitlob aktar informazzjoni dwar il-ħaddiema impjegati mal-Grupp Mura fil-bidu tal-2008 u mhux inkluża fl-applikazzjoni;

3.  Ifakkar fil-parir tal-kumitat EMPL fuq il-finanzjament u l-funzjonament tal-FEAG, billi jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-kumitati tal-fabbriki jipparteċipaw qabel ma jinbeda kwalunkwe programm b’mod li jkun iggarantit li l-partijiet soċjali jikkontribwixxu b’mod reali għall-formulazzjoni ta’ pjanijiet ta’ konverżjoni li jkunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u mhux tal-impriżi. Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet Sloveni jipprovdu għall-parteċipazzjoni tat-trade unions tal-anqas fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-miżuri;

4.  Jinnota li l-ħaddiema se jipparteċipaw f’bosta attivitajiet li jinkoraġġixxu u jippromwovu t-tiftix ta’ impjieg ġdid, inkluż il-mentoring, u billi jiggarantixxu l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema f'dawn il-miżuri;

5.  Jiddispjaċih, imma, li fid-dawl tal-perċentwal għoli ta’ ħaddiema ssensjati li telqu kmieni mill-iskola, ma ġiex propost ir-rikonoxximent la tal-kompetenzi u lanqas tal-kwalifiki akkwistati matul il-ħajja tax-xogħol u lanqas taħriġ maħsub għall-ksib ta’ livell ċertifikat ta’ edukazzjoni għolja. Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza flimkien mal-awtoritajiet Sloveni il-modalitajiet li bihom dawn il-miżuri jistgħu jiġu offruti lill-ħaddiema ssensjati;

6.  Jitlob informazzjoni aktar iddettaljata mingħand l-awtoritajiet Sloveni dwar il-miżuri possibbli mdaħħlin għall-583 ħaddiem bi problemi gravi ta' saħħa jew ta' diżabilità; Huwa tal-fehma li pakkett ta’ servizzi personalizzati diretti lejn il-ħaddiema bi problemi ta’ saħħa jew diżabilità għandu jinkludi miżuri speċjali li jqisu ħtiġijiethom;

7.  Jinnota l-miżura innovattiva tas-seminars newrolingwistiċi maħsubin li jimmotivaw lill-ħaddiema ssensjati li huma l-anqas immotivati ħalli jitgħallmu u jiksbu ħiliet ġodda. Jiddispjaċih, imma, li ma hemm l-ebda indikazzjoni fl-applikazzjoni dwar l-objettivi tat-taħriġ u fuq il-fatt jekk humiex orjentati lejn setturi ġodda ta' xogħol jew li jinkoraġġixxu mobilità akbar lejn reġjuni oħrajn b'possibilitajiet akbar ta' impjieg;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b’mod aktar approfondit is-setturi li l-ħaddiema qed jiġu orjentati lejhom f’termini ta’ taħriġ jew ta’ twaqqif ta’ negozju f’isimhom proprju. Din l-analiżi approfondita għandha tiżgura s-sostenibilità tal-inseriment mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u għalhekk l-applikazzjoni korretta tal-FEAG. Din il-valutazzjoni għandha ssir fl-ottika tal-objettivi ddelineati fl-istrateġija UE 2020;

9. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti informazzjoni aktar dettaljata dwar l-għajnuniet possibbli mill-Istat jew is-sostenn finanzjarju mill-fondi Ewropej lill-Grupp Mura qabel jew wara t-tisħib tas-Slovenja fl-UE.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, László Surján, Derek Vaughan, Jacek Włosowicz

Avviż legali - Politika tal-privatezza