Proċedura : 2010/2241(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0337/2010

Testi mressqa :

A7-0337/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0456

RAPPORT     
PDF 167kWORD 115k
22.11.2010
PE 450.929v02-00 A7-0337/2010

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2010)0568 – C7‑0332/2010 – 2010/2241(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Barbara Matera

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2010)0568 – C7‑0332/2010 – 2010/2241(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0568 – C7‑0322/2010),

–   wara li kkunsidra il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), (ir-Regolament FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0337/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-FEAG,

D. billi l-Ġermanja talbet l-assistenza f'każijiet marbutin ma’ 1,181 sensja mqassmin f’erba’ siti ta’ produzzjoni tal-impriżi f’Heidelberger Druckmaschinen f’Baden-Württemberg, li topera fil-qasam tal-manifattura tal-makkinarju tal-istampar,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni FEAG;

2.  Ifakkar l-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni individwali tal-ħaddiema ssensjati fix-xogħol; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata valutazzjoni komparattiva ta’ din id-dejta anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluża valutazzjoni tal-effetti li dawn is-servizzi temporanji u personalizzati se jkollhom fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol fit-tul tal-ħaddiema sensjati;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6   Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet ta' ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa minn IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ eżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, janaliżi l-kriterji ta' eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-xxx

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEAG/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen mill-Ġermanja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta' sensji fl-impriżi Heidelberger Druckmaschinen fis-27 ta' Mejju 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-1 ta' Lulju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 8,308,555.

(5)      L-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 8,308,555 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Ghall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006 dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġini taħt il-limitu massimu tal-infiq globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji li jkunu ġew ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fil-15 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur il-Ġermanja ħalli jappoġġaw l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din hi l-erbgħa u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 8,308,555 mill-FEAG għall-Ġermanja. Għandha x’taqsam ma’ 1,181 sensja mqassmin fuq erba’ siti ta’ produzzjoni tal-impriża Heidelberger Druckmaschinen AG f’Baden-Württemberg, li topera fil-qasam tal-manifattura tal-makkinarju tal-istampar, matul il-peridjou ta' referenza tar-raba’ xahar mis-26 ta’ Jannar sas-26 ta' Mejju 2010.

L-applikazzjoni, każ FEAG/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen, ġiet preżentata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Mejju 2010 u supplimentata b’informazzjoni addizzjonali sal-1 ta’ Lulju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Art. 2 (a) tar-Regolament FEAG - li jeħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perijodu ta' erba' xhur f'impriża, inklużi l-fornituri u l-produtturi downstream tagħha - u tressqet sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat (l-Art. 5 tar-Regolament)..

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2 (a) , l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li ikeċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ mmaniġġjar u ta' kontroll.

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-appikazzjoni.

Sabiex jiġi mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet rikjesta ta’ trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 38/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 8,308,555 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' Intraprenditorjat u Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-Rapporteur għandu l-pjaċir josserva li l-Kummissjoni identifikat sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, minbarra Fondi tal-FSE mhux użati, f’konformità mar-rikjesti frekwenti tal-Parlament Ewropew.

Madankollu, hija tqis li l-għażla li saret f’dan il-każ (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-imprenditorija u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet severi li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar kompetittività u innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat ħmistax-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-għajnuna teknika, għal ammont totali ta’ EUR 47,432,497, li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 26,254,726 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inkluża din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 426,312,777 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat rikjesta(3) ta' trasferiment sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trialogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressa fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

DEC 38/2010 tal-15 ta’ Ottubru 2010


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)54536

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-każ FEAG/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen (COM(2010)568 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-FEAG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ FEAG/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen u adotta l-opinjoni li ġejja:

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqiegħed fid-dubju t-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi l-applikazzjoni saret skont it-termini tal-Artikolu 2a tar-regolament tal-FEAG u tinkludi 1,263 sensja li seħħew matul il-perijodu ta’ riferenza ta’ 4 xhur bejn it-26 ta’ Jannar 2010 u s-26 ta’ Mejju 2010 f’dipendenzi differenti fil-Ġermanja ta’ impriża partikolari li timmanifattura l-makkinarju tipografiku;

B)  Billi 1 800 ħaddiem tal-Heidelberger Druckmaschinen fil-Ġermanja u 1 140 ħaddiem barra mill-Ġermanja sfaw issensjati fuq il-bażi tal-pjanijiet soċjali saħansitra qabelma kien beda l-perijodu ta’ riferenza għall-applikazzjoni tal-FEAG;

C)  Billi dan is-settur intlaqat b’mod sever u dirett mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, mexa mal-kurrent ġenerali tas-settur tal-kostruzzjoni tal-makkinarju u f’April 2009 ġarrab tnaqqis tal-ordnijiet fil-Ġermanja ta' 52.6% meta mqabbel mal-livell ta' April 2008. Billi l-bejgħ totali ta’ “Heidelberger Druckmaschinen AG” naqas bi 22% fit-tieni kwart tal-2009 meta mqabbel mal-istess perijodu tal-2008 u bi 33% meta mqabbel mal-istess perijodu tal-2007;

D)  Billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika influwenzat negattivament u indirettament ukoll l-iżviluppi billi kkawżat tnaqqis fin-nefqa fuq il-materjal pubbliċitarju ta' aktar minn 9% fl-Ewropa meta mqabbel mal-istess perijodu fl-2008. Għas-settur tipografiku, dan it-tnaqqis wassal għal grad iżgħar ta' utlizzazzjoni tal-kapaċità u għal żieda fil-ħin li fih ma jintużax it-tagħmir. B’konsegwenza ta’ hekk, l-industrija tipografika rreaġixxiet bi qtugħ drastiku fl-infiq kapitali, li mbagħad affettwa lill-manifatturi tat-tagħmir tipografiku;

E)  Billi “Heidelberger Druckmaschinen AG” ippruvat tiffaċċja l-kriżi b’żewġ programmi ta’ adattament, l-ewwel billi naqqset il-kostijiet fl-ammont ta' EUR 100 miljun fis-sena u mbagħad permezz ta' miżuri ta' tnaqqis fil-kostijiet fl-ammont ta' EUR 200 miljun fis-sena;

F)  Billi l-biċċa l-kbira tas-sensji seħħew f’Baden-Württemberg (870 sensja, jew 70% mill-ħaddiema kollha ssensjati) u għadd iżgħar f’siti oħrajn ta’ produzzjoni fi Brandenburg u Nordrhein-Westfalen. It-870 sensja jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 7% tal-ħaddiema kollha mdaħħlin fil-manifattura tat-tagħmir tal-makkinarju u soġġetti għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fiz-zona usa’ ta’ Heidelberg u żieda aktar sinifikanti fir-rati ta’ qgħad f’din il-parti ta’ Baden-Württemberg meta mqabbla mal-Ġermanja kollha kemm hi fl-istess perijodu;

G)  Billi r-regolament tal-FEAG jiddikjara fil-premessa 4 li għandu jiġi “żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEAG tkun ikkonċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li ġew affettwati l-aktar b'mod serju”.

H)  Billi 86.6% tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom huma rġiel u billi kważi 81.9% tal-ħaddiema għandhom bejn il-25 u l-54 sena;

I)  Billi 64.9% tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom huma inkarigati mill-impjanti u l-makkinarju u mill-assemblaġġ u billi 25% mill-ħaddiema li tilfu xogħolhom huma skrivani, tekniċi u professjonisti assoċjati;

J)  Billi l-applikazzjoni tgħid li l-kategorija tal-ħaddiema industrijali, fejn l-aktar li ntilfu impjiegi, għandha livell tajjeb ta’ kwalifiki;

K)  Billi l-indennità għat-tiftix ta’ impjieg/ għat-terminu l-qasir se titħallas biss għall-perijodi li fihom il-ħaddiema li tilfu xogħolhom ikunu qed jipparteċipaw attivament fil-miżuri attivi ta’ politika tas-suq tax-xogħol adottati fl-ambitu tal-kumpanija ta' trasferiment;

L)  Billi l-ħaddiema li jipparteċipaw b’inizjattiva tagħhom stess fid-determinazzjoni tal-miżuri għandhom ukoll il-jedd għall-indennità għat-tiftix ta’ impjieg/indennità fit-terminu l-qasir;

M)  Billi l-miżuri tal-FEAG jikkomplementaw u jestendu l-miżuri f'termini ta' kontenut u żmien li huma sostnuti mill-FSE u jiddependu mill-kofinanzjament tal-kumpanija li tagħti s-sensji;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Ġermaniża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG huma ssodisfati;

2.  Jilqa’ b’favur ir-reazzjoni b’ħeffa tal-Imsieħba Soċjali u tal-Gvern Ġermaniż għas-sensji tal-massa, li se tippermetti l-adozzjoni tar-rikjesta għal sostenn mill-FEAG magħmula mill-awtorità baġitarja madwar 6 xhur wara d-data tal-applikazzjoni;

3.  Jilqa’ b’favur it-twaqqif tal-hekk-imsejħa Kumpanija ta’ Trasferiment li, b'konformità mal-mudell Ġermaniż, hija sostnuta mill-partijiet soċjali u ffinanzjata fil-biċċa l-kbira mill-kumpanija li tat is-sensji;

4.  Jistaqsi jekk il-miżuri ta’ tnaqqis tal-kostijiet applikati minn “Heidelberger Druckmaschinen AG” qabel l-għoti tas-sensji kenux huma li wasslu għas-sensji li ma humiex inklużi fl-applikazzjoni;

5.  Jilqa’ b’favur il-possibilità għall-ħaddiema li jipparteċipaw b’inizjattiva tagħhoma stess. Jitlob aktar informazzjoni mill-Ġermanja dwar ir-relazzjoni bejn dawn il-miżuri u l-miżuri inklużi fil-pakkett ikkordinat ta' servizzi personalizzati;

6.  Jilqa’ b’favur l-miżuri “seminari/gruppi ta’ ħidma” intiża għall-apprendisti u li tagħti konsulenza prattika għall-ħajja tax-xogħol u għal aktar żvilupp fil-prospettivi professjonali;

7.  Jinnota li l-Ġermanja tipproponi wkoll attivitajiet għall-gruppi aktar tradizzjonali bħalma huma l-ħaddiema li għandhom aktar minn 40 u 50 sena. Jistieden f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw miżuri innovattivi li jippromwovu ħajja itwal tax-xogħol u jkunu jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi ffissati mill-strateġija tal-UE 2020;

8.  Jilqa’ b’favur il-miżuri li jippromwovu l-mobilità bejn il-fruntieri. Jissottolinja, iżda, id-deterjorament tas-suq tax-xogħol fl-industrija tipografika fil-Pajjiżi l-Baxxi (ara l-applikazzjonijiet FEAG/2009/24-30);

9.  Jilqa’ b’favur il-miżuri li jutilizzaw iż-żmien tal-qgħad għall-aġġornament u l-konsolidament tal-kompetenzi professjonali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga aktar fil-fond is-setturi li lejhom jiġu orjentati l-ħaddiema f'termini ta' taħriġ jew ta’ twaqqif ta' negozju tagħhom stess. L-iskop ta’ din l-analiżi bir-reqqa għandu jkun li jiġi żgurat li r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol tkun sostenibbli u, għaldaqstant, li jsir użu siewi mill-FEAG. Din il-valutazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-iskopijiet iddelineati fl-istrateġija UE 2020.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, László Surján, Derek Vaughan, Jacek Włosowicz

Avviż legali - Politika tal-privatezza