RAPPORT dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur

    23.11.2010 - (2010/2052(INI))

    Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
    Rapporteur: Philippe Juvin

    Proċedura : 2010/2052(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0338/2010

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur

    (2010/2052(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar Prattiki Kummerċjali Żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern[1] (DPKŻ),

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv[2] (DRQK),

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva -DSMA)[3],

    –   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)[4],

    –   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[5] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 (ir-rispett tal-ħajja privata u familjari) u l-Artikolu 8 (il-ħarsien tad-data personali) tagħha,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[6],

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika [7],

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern [8],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi[9],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-9 ta' Marzu 2010 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern[10],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE rigward prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u d-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv[11],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur[12],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar l-effett tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-riklamar fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[13],

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 bit-titlu " Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-‘Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur’ (COM(2009)0025) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha bit-titolu 'It-Tieni Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur' (SEC(2009)0076),

    –   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tad-29 ta’Marzu 2010 bit-titlu ‘Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – Il-Konsumaturi jħossuhom komdi fis-Suq Intern: Is-sorveljanza tal-Integrazzjoni tas-Suq Intern tal-kummerċ bl-imnut u l-Ambjent tal-Konsumaturi fl-Istati Membri’ (SEC(2010)0385),

    –   wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ħarsien tal-konsumaturi fis-suq intern, ippubblikat mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008 fl-Ewrobarometru Speċjali Nru 298,

    –   wara li kkunsidra r-rapport analitiku dwar l-attitudnijiet lejn il-bejgħ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumaturi, ippubblikat mill-Kummissjoni f’Marzu 2000 (Ewrobarometru Flash Nru 282),

    –   wara li kkunsidra l-approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (COM(2007)0833),

    –   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (SEC(2009)1666),

    –   wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2010 dwar ir-riklamar komportamentali bl-internet adottata fit-22 ta’ Ġunju 2010 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-ħarsien tad-data,

    –   wara li kkunsidra l-Opinjoni 5/2009 dwar in-netwerks soċjali bl-internet adottata fit-12 ta’ Ġunju 2009 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-ħarsien tad-data,

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Franċiża dwar it-Teknoloġija tal-Informatika u l-Libertajiet Ċivili tal-5 ta' Frar 2009 bit-titlu ‘La publicité ciblée en ligne’ (‘Ir-riklamar immirat bl-internet’),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0338/2010),

    A. billi r-riklamar jistimula l-kompetizzjoni u l-kompetittività, jaf jillimita l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti u jħeġġeġ l-innovazzjoni fis-suq intern, u konsegwentement għandu impatt pożittiv fuq il-konsumaturi, partikularment billi tiżdied il-firxa ta’ għażla, jitbaxxew il-prezzijiet u tiġi mogħtija informazzjoni dwar il-prodotti l-ġodda,

    B.  billi r-riklamar huwa sors importanti u ta’ spiss kruċjali ta’ dħul għal settur tal-midja dinamiku u kompetittiv u jikkontribwixxi b’mod attiv għall-istampa indipendenti u diversa fl-Ewropa,

    C. billi ċerti prattiki tar-riklamar jista’ madankollu jkollhom impatt negattiv fuq is-suq intern u l-konsumaturi (minħabba prattiki żleali, intrużjoni fl-ispazji pubbliċi u l-arena privata, riklamar immirat lejn individwi, ostakoli għall-aċċess u tagħwiġ tas-suq intern),

    D. billi għadu neċessarju li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali fil-qasam tar-riklamar, kif il-Ewrobarometru Speċjali Nru 29 jagħmilha ċara li għadhom komuni,

    E.  meta wieħed iqis l-impatt sinifikattiv tar-riklamar fuq l-evoluzzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, partikularment permezz tal-iżvilupp tal-internet, tan-netwerks soċjali, tal-forums u l-blogs, il-mobilità dejjem tikber tal-utenti u ż-żieda rapida ta’ prodotti diġitali,

    F.  billi, peress li l-konusumatur sa ċertu punt qed jitlef l-interess fil-proliferazzjoni ta' messaġġi ta' riklamar, illum il-ġurnata hemm it-tentazzjoni li t-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni jintużaw sabiex jinxterdu messaġġi kummerċjali anke meta ma jkunux maħsuba għal dan il-għan u għaldaqstant jistgħu jqarqu lill-konsumaturi

    G. billi l-iżvilupp ta’ prattiki ġodda ta' riklamar onlajn u permezz ta’ apparat mobbli qed jiġġenera firxa ta’ problemi li għandhom jiġu indirizzati sabiex jiġi ssalvagwardjat livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti,

    H. billi r-riklamar onlajn għandu rwol ekonomiku importanti, partikularment billi jiffinanzja servizzi b’xejn, u billi qed jespandi b'mod esponenzjali,

    I.   billi l-iżvilupp tar-riklamar immirat (kuntestwali, personalizzat, komportamentali), li hu meqjus li hu imfassal għall-interessi ta’ dawk li jużaw l-internet, jikkostitwixxi attakk serju fuq il-protezzjoni tal-privatezza meta msejjes fuq l-intraċċar tal-individwi permezz ta' cookies, ħolqien tal-profili u l-ġeolokalizzazzjoni) u meta ma jkunx ingħata kunsens espliċitu u b’mod liberu minn qabel mill-konsumatur,

    J.   billi r-riklamar ippersonalizzat ta’ messaġġi ta’ riklami m’għandux iwassal għall-iżvilupp ta' riklamar intrużiv li jikser il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza,

    K. billi gruppi ta’ nies li huma partikolarment vulnerabbli minħabba xi diżabilità mentali, fiżika jew psikoloġika, l-età tagħhom jew il-fatt li jkunu jemmnu kollox – bħalma huma t-tfal, l-adolexxenti, l-anzjani jew ċerti persuni li huma vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tagħhom (pereżempju dawk li għandhom dejn eċċessiv) – għandhom bżonn ta’ protezzjoni speċjali,

    L.  billi jirrikonoxxi li għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-effetti soċjopsikoloġiċi preċiżi tal-forom ġodda, aktar mifruxa u aktar imxerrda tar-riklamar, partikularment fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ dawk li ma jistgħux jaffordjaw li jixtru l-prodotti u s-servizzi promossi f’dawn ir-riklami,

    M. billi n-natura speċifika ta’ ċerti prodotti – bħalma huma t-tabakk, l-alkoħol, il-mediċini u l-logħob tal-azzard onlajn – jitlob għal regolamentazzjoni xierqa tar-riklamar fuq l-Internet bil-għan li jiġu evitati l-abbużi, id-dipendenzi u l-iffalsifikar,

    N. billi jitqies li r-riklamar jista' jaġixxi bħala katalizzatur b’saħħtu għall-ġlieda kontra l-istereotipi u l-preġudizzji bbażati fuq ir-razziżmu, is-sessiżmu u l-ksenofobija,

    O. billi jitqies li r-riklamar bosta drabi jikkomunika messaġġi diskriminatorji u/jew derogatorji li jipperpetwaw preġudizji rigward is-sess, u b’hekk idgħajfu l-istrateġiji għall-ugwaljanza li għandhom l-għan li jeliminaw l-inugwaljanzi,

    Evalwazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv eżistenti

    1. Isostni li d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali tipprovdi qafas legali essenziali għall-ġlieda kontra reklamar qarrieqi u aggressiv, fir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji u l-konsumaturi; jirrikonoxxi li għalkemm għadu mhuwiex possibbli li ssir evalwazzjoni komprensiva, diġà jidhru ħafna diffikultajiet bl-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni (speċjalment rigward il-forom ġodda, aktar mifruxa tar-reklamar), kif juru s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kontra miżuri nazzjonali eżistenti li marru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, li jistgħu jqajmu dubju dwar l-effikaċja tad-Direttiva;

    2.  Jenfasizza li differenzi ta' interpretazzjoni u ta’ implementazzjoni fuq livell nazzjonali ma wasslux għal-livell mixtieq ta' armonizzazzjoni, ħolqu nuqqas ta’ ċertezza legali u dgħajfu l-kummerċ transkonfinali fis-suq uniku;

    3.  Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna, tiċċara u ssaħħaħ il-linji gwida tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali fuq bażi regolari ħafna u tiżgura li jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-UE, u jitlob lill-Istati Membri jqisu kemm jista’ jkun dawk il-linji gwida;

    4.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffinalizza u tippubblika f’Novembru 2010 bażi ta’ data tal-miżuri nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, il-każistika applikabbli u dokumenti oħra relevanti;

    5.  Ifakkar li l-ambitu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali huwa limitat għar-relazzjonijiet bejn in-negozju u l-konsumatur filwaqt li d-Direttiva dwar Riklamar Qarrieqi u Komparattiv tittratta r-relazzjonijiet bejn in-negozjii; jenfasizza li ċerti entitajiet ma jaqgħux taħt l-ambitu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u lanqas tad-Direttiva dwar Riklamar Qarrieqi u Komparattiv, bħal ma huma l-NGOs jew il-gruppi ta’ interess; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tagħmel analiżi separata tal-impatt ta’ prattiki tar-reklamar qarrieqa indirizzati lejn dawk il-kriterji li milli jidher mhumiex koperti bl-ebda mid-Direttivi; jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejniethom u jipprovdu soluzzjonijiet adegwati għal dawk il-kategoriji li ġew suġġetti għal prattiki ta’ reklamar qarrieqa bejn il-fruntieri ġewwa l-UE;

    6.  Jilqa' l-ispezzjonijiet konġunti mill-Istati Membri ("Sweep"); jitlob li jsiru aktar investigazzjonijiet ta' dan it-tip u li jitwessa’ l-ambitu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet konġunti u tipprepara, jekk ikun meħtieġ, aktar passi bil-għan li ttejjeb is-suq intern għall-konsumaturi;

    7.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali bil-mezzi u r-riżorsi finanzjarji, umani u teknoloġiċi meħtieġa għall-azzjoni effikaċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiffaċilita, fuq il-bażi tal-esperjenza tan-netwerk tal-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur,il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u ttejjeb l-effikaċja tal-kontroll tagħhom;

    8.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprepara analiżi fuq l-obbligi u l-funzjonijiet ta’ kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur u taqsam magħhom l-aħjar prattiki sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-ħidma tagħhom;

    9.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 biex jinkludi l-iffalsifikar u l-prodotti illegali, u biex issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri skont dak ir-Regolament, sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi konnessa mar-riklamar illegali;

    10. Iħeġġeġ il-prattika ta' awtoregolamentazzjoni bħala żieda dinamika, flessibbli u responsabbli għall-qafas leġiżlattiv eżistenti; jissuġġerixxi li l-Istati Membri li għad m'għandhomx entitajiet awtoregolatorji għandhom jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ tali entitajiet, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki minn Stati Membri oħra, u/jew li jirrikonoxxuhom b'mod formali;

    11. Jenfasizza, madankollu, il-limiti tal-awtoregolamentazzjoni, li f’kwalunkwe każ ma tistax tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni, partikularment fir-rigward tat-twaqqif ta’ regoli sabiex tiġi protetta d-data personali tal-konsumaturi u l-penalitajiet applikabbli jekk tali regoli ma jkunux rispettati;

    12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet ta' mġiba nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-mezzi tax-xandir u mat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-effikaċja tal-korpi awtoregolatorji nazzjonali;

    13. Jenfasizza r-responsabilità fir-rigward tas-soċjetà dovuta għall-impatt u l-portata ta’ riklamar mifrux u mxerred, u jisħaq fuq ir-rwol tal-kumpaniji tar-riklamar fit-trawwim ta' kultura ta' sensibilizzazzjoni u responsabilità korporattiva;

    14. Iħeġġeġ il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati varji involuti fl-iżviluppi leġiżlattivi;

    15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw b’mezzi xierqa li l-mezzi tax-xandir u l-professjonisti tar-reklamar jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità umana u li jopponu x-xbihat direttament jew indirettament diskriminatorji jew sterjotipizzanti jew kull inċitament għall-mibegħda msejsa fuq sess, razza, oriġini etnika, età, twemmin reliġjuż jew xort' oħra, orjentament sesswali, diżabbiltà u pożizzjoni soċjali;

    16. Jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva biex jagħmlu dan immedjatament; jistenna b’interess il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u jenfasizza l-ħtieġa li jitqies l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda (pereżempju t-televixin minn fuq l-internet (IPTV));

    Problemi li jinħolqu minħabba l-iżvilupp tal-Internet u t-teknoloġiji ġodda

    17. Jikkundanna l-iżvilupp ta’ riklamar ‘moħbi’ fuq l-internet li mhux kopert mid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (relazzjonijiet bejn il-konsumaturi), fil-forma tal-kummenti li jittellgħu fuq netwerks soċjali, forums jew blogs, li l-kontenut tagħhom bilkemm jintagħraf minn dawk li huma sempliċiment opinjoni; iqis li għaldaqstant hemm riskju li l-konsumaturi se jagħmlu deċiżjonijiet ħżiena dovuti għall-fatt li jaħsbu li l-informazzjoni li fuqha huma jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom ġejja minn sorsi oġġettivi; jikkundanna każijiet fejn ċerti operaturi kummerċjali jiffinanzjaw b’mod dirett jew indirett kwalunkwe azzjoni biex jitħeġġeġ it-tixrid ta’ messaġġi jew kummenti li jidhru li jkunu qed joriġinaw mill-konsumaturi nfushom meta fil-verità dawn ikunu messaġġi ta’ natura kummerċjali jew tar-reklamar, u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali f’dan ir-rigward.

    18. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jħeġġu biex ikun hemm osservaturi/moderaturi tal-forums li jkunu attenti għall-perikli tar-reklamar moħbi, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kampanji tal-informazzjoni mmirati biex iwissu lill-konsumaturi dwar dawn il-forom ‘moħbija’ ta’ reklamar;

    19. Jinnota li l-kampanja fil-livell Ewropew kontra r-riklamar moħbi hija ta’ importanza kbira għat-tindif tas-suq u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur, minħabba li għal xi professjonisti dan huwa mezz li bih jgħawwġu r-regoli tal-kompetizzjoni u artifiċjalment jagħtu valur aktar għoli, mingħajr ma jiswielhom xejn, lill-kumpanija tagħhom jew jagħtu isem ħażin b'mod inġust lil kompetitur;

    20. Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar l-użu regolari tar-riklamar komportamentali u tal-iżvilupp tal-prattiki ta’ reklamar intrużiv (bħall-qari tal-kontenut tal-emails, l-użu tan-netwerks soċjali u tal-ġeolokalizzazzjoni, u r-riklamar immirat mill-ġdid) li jikkostitwixxu attakki fuq il-privatezza tal-konsumaturi;

    21. Jenfasizza r-riskju li jinħoloq meta l-istess kumpanija sservi ta' fornitur tas-servizz kif ukoll ta’ kumpanija li tbigħ ir-riklamar (għax jikber il-potenzjal li ssir referenza inkroċjata tad-data miġbura matul kull wieħed minn dawn l-attivitajiet); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li livelli differenti ta’ ġbir tad-data jinżammu separati;

    22. Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b'mod ċar, li jinqara faċilment u konċiż, dwar l-ipproċessar u użu tad-data dwarhom u jħeġġeġ lil min jirreklama jaħdem biex ikun hemm użu standard ta' fakultà li permezz tagħha l-konsumatur ikun jista' jagħżel b'mod faċli jekk ikunx inkluż jew le; jinnota li din id-data personali għandha tinżamm u tintuża biss bl-approvazzjoni espliċita tal-konsumatur,

    23. Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumatur jiġi mgħarraf sew meta huwa jaċċetta r-riklami bi skambju għal skontijiet li jirriżultaw minn tekniki ta' reklamar komportamentali;

    24. Jenfasizza l-bżonn li jiġu inkorporati kwestjonijiet ta’ privatezza bħala standard għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi tal-ġejjieni li jinvolvu d-data personali; iqis li l-iżviluppaturi ta’ teknoloġija ġdida għandhom, mill-bidu nett tal-proċess ta’ żvilupp, jinkorporaw sigurtà u protezzjoni tad-data b’konformità mal-ogħla standards u b’referenza għal “Privacy by Design” (l-iżvilupp ta' teknoloġija b’kunċett intrinsiku ta' privatezza);

    25. Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi varji (leġiżlattivi jew le) u tiżgura l-possibilitajiet tekniċi fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex timplimenta b’mod effettiv il-miżuri li ġejjin:

    –   twettaq studju komprensiv dwar prattiki ta’ riklamar ġodda li jinvolvu komunikazzjoni onlajn jew apparat mobbli; tirrapporta r-riżultati tal-istudju lill-Parlament;

    –   tipprojbixxi kemm jista’ jkun malajr li b’mod sistematiku u indiskriminat jintbagħtu messaġġi ta' riklamar fuq it-telefowns ċellulari lill-utenti kollha f’żona ta' kopertura ta' riklami permezz tat-teknoloġija Bluetooth mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel;

    –   tiżgura li t-tekniki ta’ riklamar jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ korrispondenza privata u l-leġiżlazzjoni li tapplika f’dan il-qasam; tipprojbixxi kemm jista’ jkun malajr il-qari tal-kontenut ta’ emails privati minn terzi persuni, partikularment għal skopijiet kummerċjali jew ta’ riklamar;

    –   teħtieġ kemm jista’ jkun malajr li riklami mqassma bl-emails ikunu jinkludu link awtomatika li tippermetti li wieħed jirrifjuta kwalunkwe riklamar ulterjuri;

    –   tiżgura kemm jista’ jkun malajr li jiġu applikati tekniki li jippermettu li l-cookies ta’ ttraċċar għal skopijiet ta’ reklamar, li jkunu suġġetti għal kunsens minn qabel, liberu u espliċitu, jintgħarfu minn cookies oħra;

    –   tiżgura li l-użu ta’ “default settings” fis-sistemi ta' kompjuters mibjugħa lill-pubbliku u fis-servizzi ta' netwerking soċjali huwa stabbilit b’mod sistematiku skont l-aktar kriterji stretti tal-protezzjoni tad-data (‘privacy by design’);

    –   tiżviluppa sistema tal-UE ta’ ttikettar tas-siti fuq il-mudell tal-proġett “European Privacy Seal”, li tiċċertifika l-konformità tas-sit mal-liġi tal-ħarsien tad-data; iqis li din l-investigazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dettaljata tal-impatt u għandha tevita d-duplikazzjoni tas-sistemi eżistenti ta’ tikkettar;

    –   tagħti attenzjoni partikulari, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tar-riklamar nazzjonali u/jew il-korpi awtoregolatorji, għar-riklamar qarrieqi, inkluż dak onlajn, f’setturi speċifiċi bħalma huwa l-bejgħ ta' prodotti tal-ikel, il-farmaċewtiċi u l-kura medika, fejn hemm ċans li, apparti l-interessi ekonomiċi tagħhom, tkun affettwata minn konsegwenzi potenzjalment serji s-saħħa tal-konsumaturi;

    –   tirrevedi s-sistema ta’ responsabilitià limitata għas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika biex ikun żgurat li l-bejgħ ta’ marki reġistrati bħala kliem sinifikanti għar-riklamar mill-magni tat-tiftix ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-proprjetarju tal-marka konċernata;

    Il-ħarsien ta' gruppi vulnerabbli

    26. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji analiżi dettaljata tal-impatt tar-riklamar qarrieqi u aggressiv fuq il-konsumaturi vulnerabbli, partikolarment it-tfal u l-adoloxxenti u tiggarantixxi sal-2012 l-applikazzjoni xierqa tal-liġijiet relevanti dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-adoloxxenti;

    27. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq bi prijorità studju ddettaljat dwar l-effetti soċjopsikoloġiċi preċiżi tar-reklamar minħabba t-tekniki rfinati l-ġodda li qed jintużaw;

    28. Jenfasizza li t-tfal u l-adoloxxenti huma kategoriji ta’ nies speċjalment vulnerabbli minħabba li huma aktar riċettivi u kurjużi, għandhom nuqqas ta’ maturità, rieda libera limitata u potenzjal kbir li jiġu influwenzati, speċjalment permezz tal-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni u teknoloġiji ġodda;

    29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu protezzjoni akbar għall-konsumaturi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, sabiex jinkoraġġixxu l-midja jillimitaw ir-riklamar fuq it-televiżjoni indirizzat għat-tfal matul il-programmi segwiti partikularment mit-tfal (bħalma huma programmi edukattivi, cartoons, eċċ), ladarba miżuri simili diġà qed jiġu implimentati f’xi Stati Membri;

    30. Jitlob li l-oqsma kollha ta’ interess speċifiku għat-tfal ma jintużawx għal riklamar immirat;

    31.  Jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabilità tal-konsumaturi għall-mimetiżmu, li jista’ jwassal għal attitudnijiet komportamentali inapproprijati, vjolenza, tensjonijiet, diżappunti, ansjetà, vizzji dannużi (tipjip, teħid ta’ drogi), diżordnijiet alimentari bħalma huma l-anorexia nervosa u l-bulimija, u disturbi tal-ekwilibriju mentali; jistieden lill-aġenziji tar-reklamar u lill-professjonisti tal-mezzi tax-xandir jikkunsidraw mill-ġdid il-promozzjoni tal-mudelli estremament magħluba (irġiel jew nisa) ħalli jevitaw li jagħtu messaġġi dannużi dwar id-dehra, l-imperfezzjonijiet fil-ġisem, l-età u l-piż, filwaqt li jitqiesu l-influwenza u l-impatt tar-reklamar fuq it-tfal u ż-żgħażagħ;

    Il-garanzija tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dinjità umana fir-reklamar

    32. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex jiżguraw li l-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità umana, mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, ir-reliġjon, il-kundanni, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali;

    33. Huwa tal-fehma li r-reklamar jista’ jkun għodda effiċjenti fit-tnissil tad-dubju fl-isterjotipi u l-konfrontazzjoni tagħhom, u bħala lieva kontra r-razziżmu, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni, li huma tant essenzjali fis-soċjetajiet multikulturali tal-lum il-ġurnata; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-professjonijisti tar-reklamar isaħħu l-attivitajiet ta' taħriġ u ta' edukazzjoni b'mod li jintgħelbu l-isterjotipi, tkun ikkumbattuta d-diskriminazzjoni u promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-aktar minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri b’mod partikolari jintroduċu u jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib mal-iskejjel eżistenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, komunikazzjoni u reklamar, ħalli jgħinuhom jagħtu taħriġ tajjeb għall-forza tax-xogħol futura tas-settur;

    34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka komparattiva u d-dokumentazzjoni fost l-Istati Membri dwar ix-xbiha tal-mara li qed tiġi pprojettata mill-kontenut tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, li tkun tidentifika l-prattiki tajbin għal reklamar effikaċi u favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsolidaw ir-rwol u jinkuraġġixxu l-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-utenti u/jew tal-konsumaturi li huma responsabbli mill-evalwazzjoni tal-impatt tar-reklamar fuq il-perspettivi dwar is-sessi u oħrajn;

    36. Jisħaq fuq il-fatt li r-reklamar bosta drabi jikkomunika messaġġi diskriminatorji u/jew nieqsa mid-dinjità msejsin fuq il-forom kollha ta' sterjotipar sesswali li jxekklu l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-soċjetà ċivili u lill-korpi tal-awtoregolamentazzjoni tar-reklamar jikkooperaw mill-qrib biex jissieltu kontra tali prattiki, b’mod speċjali billi jużaw għodod effikaċi li jiggarantixxu r-rispett lejn id-dinjità umana u dak li hu xieraq min-naħa tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar;

    37. Jisħaq fuq il-fatt li, ladarba r-reklamar tal-prodotti għall-konsumatur huwa assoċjat direttament mal-istampa, mal-mezzi tax-xandir tar-radju u dawk televiżivi, li minnhom jagħmel parti inseparabbli, u indirettament mal-industrija ċinematografika u mas-sensiliet televiżivi fil-forma ta’ tqegħid tal-prodotti, jista’ jkun li r-reklamar affidabbli u l-promozzjoni ta’ mudelli pożittivi jista’ jkollhom influwenza tajba fuq il-perċezzjoni li jkollha s-soċjetà tal-kwestjonijiet bħalma huma r-rwoli tas-sessi, u x-xbiha tal-ġisem uman u n-normalità; jinkoraġġixxi f'kulmin jirreklama aktar kostruttività fir-reklami, ħalli jkun promoss rwol pożittiv għan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, fuq ix-xogħol, fil-familja u fil-ħajja pubblika;

    Edukazzjoni/informazzjoni għall-partijiet interessati differenti

    38. Jenfasizza kemm hi essenzjali t-trasparenza u l-informazzjoni tal-konsumatur fir-riklamar u l-ħtieġa li l-konsumaturi jiżviluppaw approċċ kritiku lejn il-midja rigward il-kwalità tal-kontenut;

    39. Jitlob lill-Kummissjoni:

    –   tinkludi, fit-tabelli tas-swieq tal-konsumaturi, xi indikaturi addizzjonali relatati mar-riklamar (kif ukoll id-data li diġà hija inkluża dwar ir-riklamar qarrieqi u falz); jiġbed l-attenzjoni, madankollu, f’dan ir-rigward għat-termini tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010[14] li tistipula li ż-żieda ta' aktar indikaturi tista’ tkun utli meta l-ħames indikaturi bażiċi u l-metodoloġija assoċjata jkunu ġew żviluppati għal livell għoli biżżejjed;

    –   tfassal kampanji ta’ tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam tar-riklamar, b’mod partikolari rigward l-użu li jsir mid-data personali tagħhom, u tiżviluppa għodda pedagoġiċi li jinfurmawhom dwar it-tekniki ta’ ħarsien tal-ħajja privata tagħhom fuq l-Internet u dak li jistgħu jagħmlu sabiex iwaqqfu kwalunkwe sitwazzjoni li tnaqqas mill-privatezza jew id-dinjità tagħhom;

    –   tiżviluppa programm edukattiv tal-UE, imfassal biex jgħallem lit-tfal joqogħdu attenti mir-riklamar, fuq il-mudell tal-inizjattiva tar-Renju Unit "Media Smart";

    –   teħtieġ kemm jista’ jkun malajr id-dħul ta’ kliem li jista’ jinqara b’mod ċar “riklam komportamentali” fir-reklamar onlajn relevanti, kif ukoll window li tiġbor fiha l-ispjegazzjoni bażika ta’ din il-prattika;

    40. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi abbozz ta’ linji gwida komuni għall-SMEs u għall-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet nazzjonali u/jew korpi awtoregolatorji jipprovdu servizzi ta’ konsultazzjoni għall-SMEs u imexxu kampanji ta' tagħrif biex titqajjem kuxjenza fost l-SMEs dwar l-obbligi legali tagħhom fil-qasam tar-riklamar;

    41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Dan ir-rapport jeżamina l-prassi kummerċjali żleali fil-qasam tar-riklamar kif definit mid-Direttiva Prattiċi Kummerċjali Żleali (DPKŻ) u jiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' prattiki u teknoloġiji ġodda ta' riklamar. Ir-rapport ma jindirizzax ir-relazzjonijiet B2B, koperti partikolarment mid-Direttiva 2006/114/KE.

    Ir-Rapporteur, bit-tama li tevita approċċ soċjofilosofiku għas-suġġett, hi favur strateġija speċifika u mmirata.

    Ir-riklamar huwa għodda għall-benefiċċju għas-suq intern, bħala “lubrikant" tal-attività ekonomika (jistimula l-kompetizzjoni, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-kreattività) u għall-konsumaturi (id-diversità tal-għażla, prezzijiet aktar baxxi). Huwa settur ekonomiku importanti: ir-riklamar onlajn waħdu jammonta għal aktar minn EUR 14-il biljun fis-suq Ewropew.

    Madankollu, ir-riklamar m'għandux jiġi idealizzat: il-prattiki żleali, l-invażjoni tal-ispazju pubbliku (pereżempju l-kartelluni) u privat (pereżempju l-emails mhux mitluba), l-immirar fuq persuni vulnerabbli (pereżempju t-tfal jew persuni mdejna ħafnai), li joħolqu barrieri potenzjali għad-dħul fis-suq (fejn l-ispejjeż meħtieġa fir-riklamar ikun għoli wisq), id-distorsjoni tas-suq intern (xiri ta' oġġetti / servizzi li l-konsumaturi ma jkunux jixtru normalment).

    Evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Ir-Rapporteur jenfasizza l-problemi tal-implimentazzjoni tad-DPKŻ u jitlob:

    - lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali r-riżorsi umani, finanzjarji u teknoloġiċi meħtieġa;

    - lill-Kummissjoni biex taġġorna regolarment il-linji gwida tagħha għall-implimentazzjoni tad-DPKŻ.

    Huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-prattiki żleali fir-riklamar onlajn, kif jirriżulta mis-suċċess tas-“Sweep” (kontrolli simultanji u sistematiċi tas-siti mill-Istati Membri), li s’issa saru fi tliet setturi (biljetti tal-ajru, ringtones u apparat elettroniku). Ir-Rapporteur jipproponi li jiżdied l-ambitu u r-regolarità tagħhom.

    Ir-Rapporteur iħeġġeġ ukoll ir-regolamentazzjoni konġunta, li tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati varji mal-iżviluppi leġiżlattivi, biex b'hekk jitjiebu l-effikaċja u l-applikabilità tal-miżuri.

    Fil-qasam awdjoviżiv, ir-rapporteur jinnota li sa llum 12-il Stat Membru għadhom ma implimentawx id-DSMA. Jidhirlu li huwa xieraq li r-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jkun jinkludi analiżi tal-impatt tat-teknoloġiji ġodda (pereżempju t-televiżjoni permezz ta’ indirizz IP).

    Awto-regolamentazzjoni

    L-awtoregolamentazzjoni hija komuni ferm fil-qasam tar-riklamar, għalkemm l-importanza tagħha tvarja skont it-tradizzjonijiet nazzjonali. Dan huwa approċċ dinamiku u flessibbli li jwassal għall-indirizzar ta’ żviluppi rapidi fis-settur tar-reklamar; huwa ibbażat fuq il-fatt li jiddaħħlu attitudnijiet responsabbli u jinxterdu prattiki tajbin. Hemm kodiċi ta' kondotta internazzjonali magħmula mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, li tistabbilixxi prinċipji bażiċi (bħad-deċenza), supplimentata mill-kodiċijiet speċifiċi (bħall-alkoħol). L-Istati Membri għandhom il-verżjoni tagħhom tal-koċidi, applikata mill-entitajiet nazzjonali ta’ awtoregolamentazzjoni.

    Ir-rapporteur jinkoraġġixxu l-awtoregolamentazzjoni li tankra tradizzjoni ta' awtodixxiplina u komunikazzjoni responsabbli, filwaqt li huwa konxju tal-limitazzjonijiet inerenti tagħha (pereżempju s-sanzjonijiet). L-awtoregolamentazzjoni tikkompleta l-leġiżlazzjoni iżda mhix sostitut.

    Kwistjonijiet li jitqajmu minħabba l-użu tat-teknoloġiji ġodda

    L-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prattiki ġodda tar-riklamar iġġenera bidliet kbar (l-internet, netwerks soċjali, fora, blogs, il-mobilità dejjem tikber tal-utenti u l-boom ta’ prodotti diġitali).

    L-internet huwa radikalment differenti mill-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni (l-anonimità, il-veloċità tal-interazzjonijiet, il-firxa kbira tad-distribuzzjoni, it-taħlita ta’ testi, vidjos, mużika, eċċ., id-diffikultà li jkun ikkontrollat mill-awtoritajiet nazzjonali) u sar mezz ewlieni ta’ riklamar.

    Ir-Rapporteur huwa tal-opinjoni li r-riklamar fuq l-Internet u fuq l-apparat portabbli jeħtieġu analiżi dettaljata, u jitlob lill-Kummissjoni biex isir studju dwar dawn il-prattiki l-ġodda.

    Ir-rapporteur jenfasizza l-kwistjoni tar-riklamar immirat, li jista’ jkollu diversi forom:

    - ir-riklamar kuntestwali, relatat mal-kontenut immedjat disponibbli għall-utent u l-kliem “ċavetta” (keywords) użati;

    - ir-riklamar personalizzat, relatat ma' karatteristiċi magħrufa tal-utent, bħall-età, is-sess, il-lokalità, eċċ.

    - ir-riklamar komportamentali, relatat ma' analiżi tal-imġiba tal-utent matul iż-żmien (siti li jżur, ix-xiri onlajn, eċċ.).

    Jekk il-personalizzazzjoni tar-riklamar mhuwiex fih innifsu problema (prodotti/servizzi proposti skont il-gosti tal-konsumatur, eċċ.), dan m'għandux iwassal għall-iżvilupp ta' riklamar intrużiv ibbażat fuq is-segwitu tal-konsumatur, u l-ksur tal-prinċipju tal-ħarsien tad-data u tal-ħajja privata.

    Għaldaqstant ir-rapporteur jipproponi dawn il-miżuri għall-ħarsien tal-konsumaturi:

    - li jkun projbit li jintbagħtu riklami mhux mixtieqa fuq telefowns ċellulari permezz tat-teknoloġija Bluetooth mingħajr kunsens minn qabel;

    - li l-konsumatur jiġi infurmat b’mod ċar, li jinqara faċilment, u konċiż dwar il-ġbir, l-ittrattar u l-użu tad-data tiegħu/dwaru;

    - li jkun faċli, fil-każ ta’ riklami mibgħuta bl-email, li wieħed jiċħad kwalunkwe riklami oħra permezz ta’ weblink diretta u effettiva;

    - li jkun projbit il-qari tal-kontenut tal-emails privati għal skopijiet ta’ riklamar (din il-prattika, imsejsa fuq teknika simili għal dik tal-filtri ta' kontra l-ispam, għandha skop aħħari totalment differenti);

    - li tkun żgurata s-separazzjoni tad-data miġbura minħabba l-forniment ta’ servizz, bħal pereżempju messaġġ elettroniku, u dik miġbura għal skopijiet ta’ riklamar;

    - li jiġi żgurat li l-konsumatur ġie infurmat dwar il-prattiki diskriminatorji li xi drabi jkunu r-riżultat tar-riklamar komportamentali (pereżempju Li jinbidel il-prezz skont il-profil tal-persuna li tkun qed tuża l-internet): it-trasparenza tal-prattika, dettalji dwar il-prezz oriġinali, eċċ;

    - li l-cookies ta’ riklamar, suġġetti għall-kunsens minn qabel tal-konsumatur, jkunu jintgħarfu minn cookies oħra;

    - li jiġu mħeġġa “default settings” tas-sistemi tal-ħarsien tal-ħajja privata fuq l-internet bl-ogħla standards (“privacy by design”);

    - li tinħoloq tikketta Komunitarja għas-siti tal-internet li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien tad-data, fuq il-mudell tal-proġett European Privacy Seal (tikketta volontarja trans-Ewropea li tiċċertifika l-konformità tal-prodotti jew tas-servizzi tal-informatika mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħarsien tad-data, appoġġata minn diversi entitajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri differenti);

    - li jiġi limitat ir-riklamar onlajn tal-alkoħol;

    - li ssir reviżjoni tas-sistema tar-responsabilitià limitata tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika biex ikun żgurat li l-bejgħ ta’ marki reġistrati bħala kliem “ċavetta” tar-riklamar mill-magni tat-tiftix ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-proprjetarju tal-marka konċernata (pereżempju każijiet ta’ siti li jużaw kelma “ċavetta” li tieħu lill-konsumaturi f’sit ta’ prodotti tal-marka foloz).

    Aspett ieħor tar-riklamar onlajn jinkludi forom ta' riklamar "moħbi" li jinvolvi biss il-konsumaturi, permezz tat-tixrid ta' kummenti fuq fora dwar prodott jew servizz (pereżempju s-sit TripAdvisor). Dawn il-kummenti jistgħu bi klikkjatura jirvinaw ir-reputazzjoni ta' kumpanija u jqarrqu lill-konsumaturi.

    Id-DPKŻ tkopri r-riklamar onlajn bħala parti mir-relazzjoni bejn il-kumpaniji (iddikjarati bħala tali jew li jagħmluha ta’ konsumaturi) u l-konsumaturi, u teskludi r-relazzjoni bejn il-konsumaturi. Għalkemm huwa diffiċli li tiddistingwi kumment mislut minn esperjenza personali minn kumment li jkun il-frott ta’ riklam, u għalkemm l-anonimità tal-interazzjoni tagħmilha diffiċli, din il-forma ta' riklamar falz taffettwa kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-kumpaniji involuti. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' siti tal-irkant fuq l-Internet ħoloq forma ġdida ta' riklamar fost il-konsumaturi li mhix koperti mid-DPKŻ u lanqas mid-definizzjoni tas-soltu tar-riklamar.

    Għalhekk ir-Rapporteur jipproponi l-iżvilupp fil-fora ta’ osservaturi / moderaturi konxji tar-riskji ta' riklamar moħbi, li jistgħu jwieġbu malajr jekk kumment ikun jidher dubjuż. Huwa importanti madankollu li jiġi stabbilit bilanċ bejn il-ħarsien tal-konsumatur u l-libertà tal-espressjoni onlajn. Fl-aħħarnett, ir-Rapporteur jindirizza l-kwistjoni ta' tekniki ta' riklamar permezz tan-netwerks soċjali.

    Fl-aħħar ir-rapporteur indirizza l-kwistjoni tat-tekniki tar-reklamar li jinvolvu netwerks soċjali. L-ammont kbir ta' informazzjoni skambjata bejn "il-ħbieb" fuq dawn is-siti spiss jintuża għar-riklamar (pereżempju "like" tal-Facebook: disseminazzjoni mal-lista tal-"ħbieb" li jagħżlu prodott, marka, eċċ. billi wieħed jikklikkja fuq buttuna "like" mqiegħda fuq sit kummerċjali msieħeb tas-sit Facebook).

    Protezzjoni ta' persuni vulnerabbli

    Il-persuni aktar vulnerabbli (tfal, adoloxxenti, persuni anzjani, eċċ) għandhom jingħataw ħarsien partikulari. Għaldaqstant ir-Rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-impatt tar-riklamar qarrieqi u aggressiv fuq il-konsumaturi vulnerabbli, u jfakkar li t-tfal ma għandhomx ikunu l-mira ta’ riklamar speċifiku, minħabba li huma jirrispondu aktar u huma aktar kurjużi, minħabba n-nuqqas ta' rieda ħielsa tagħhom, u minħabba l-potenzjal li jkunu faċilment influwenzati.

    Edukazzjoni, tagħrif u taħriġ tal-atturi differenti

    Ir-Rapporteur jinnota nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur fil-qasam tar-riklamar, u għalhekk jissuġġerixxi li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni u li tiżdied it-trasparenza (pereżempju li jiddaħħal il-kliem "riklamar komportamentali" fir-riklami konċernati, u kjarifika meta jissemmew il-kundizzjonijiet legali).

    Minħabba l-fatt li l-pubbliku ġenerali spiss ma jkunx konxju mill-kwistjonijiet dwar l-użu tad-data personali, jew tal-għodod li jkunu disponibbli għalih biex jittrattahom, ir-rapporteur jissuġġerixxi t-tnedija ta’ kampanji ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tar-riklamar, b'mod partikolari rigward l-użu ta' data personali (irrispettivament tkunx mogħtija b'mod volontarju jew miġbura awtomatikament). Jipproponi wkoll li jiġu żviluppati għodod edukattivi biex jinfurmaw lill-utenti dwar it-teknoloġiji tal-ġestjoni tat-"traċċi" mħollija fuq l-internet, u l-mezzi ta’ kif wieħed jista’ jħares il-ħajja privata tiegħu.

    Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi żviluppat approċċ kritiku lejn il-midja rigward il-kwalità tal-kontenut. Konsumatur aktar infurmat huwa konsumatur aktar b'saħħtu. Minħabba n-nuqqas ta' għarfien tar-riklamar, ir-rapporteur jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ programm edukattiv tal-UE fuq il-mudell tal-inizjattiva tar-Renju Unit “Smart Media” imniedi fl-2002 u kkupjat minn numru ta’ Stati Membri. Dan huwa programm edukattiv u mhux għal skop ta’ lukru, maħsub għat-tfal ta’ bejn 6 u 11-il sena, żviluppati fl-iskejjel flimkien mal-familji, biex tgħin lit-tfal jifhmu aħjar, jinterpretaw u b'hekk jikkontrollaw l-istrumenti tar-riklamar.

    Ir-Rapporteur tinnota li l-iżvilupp tal-Internet u tat-teknoloġiji diġitali ffaċilita u ddemokratizza l-aċċess għal tekniki ta' riklamar (pereżempju AdSense), iżda li l-użu ta' dawn it-tekniki sikwit isir mingħajr fehim xieraq tar-regolamenti tar-reklamar attwali. Għalhekk ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-edukazzjoni medjatika għall-SMEs, li qegħdin dejjem aktar jirriklamaw onlajn, u jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet u / jew aġenziji ta’ awtoregolamentazzjoni nazzjonali biex jagħmlu kampanji ta' tagħrif li jedukaw lill-SMEs dwar dawn is-suġġetti.

    OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (1.10.2010)

    għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

    dwar l-impatt tar-reklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur
    (2010/2052(INI))

    Rapporteur: Antigoni Papadopoulou

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jitlob lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, li jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar l-effett tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-riklamar fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

    1.  Jisħaq li r-reklamar bosta drabi jikkomunika messaġġi diskriminatorji u/jew nieqsa mid-dinjità msejsin fuq il-forom kollha ta' sterjotipiċizzazzjoni sesswali li mbagħad ixxekkel l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-soċjetà ċivili u lill-korp tal-awtoregolazzjoni tar-reklamar ħalli jikkooperaw mill-qrib għalbiex jissieltu tali prattiki, b’mod speċjali billi jużaw għodod effettivi li jiggarantixxu r-rispett lejn id-dinjità umana u dak li hu xieraq min-naħa tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar; jikkunsidra li hu neċessarju għall-Istati Membri kollha li għadhom ma għamluhiex, li jwaqqfu korp ta' għassa fuq ir-reklamar ħalli jkun żgurat li l-komunikazzjoni tal-messaġġi ssir b'mod responsabbli u b'konformità mal-prinċipji tal-UE;

    2.  Jaċċentwa l-eżistenza ta’ ċerti reklami li juru jew tipi varji ta’ vjolenza jew sterjotipi ta’ nisa bħala oġġetti, jittrasformaw il-feminilità f’oġġett tal-konsum, jumiljaw lin-nisa u jwaqqgħulhom id-dinjità u jiżvalutawlhom ir-rwol fondamentali tagħhom fis-soċjetà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji Ewropej ta’ tqajjim ta' kuxjenza, l-aktar fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, kontra l-isfruttament tal-ġisem tal-mara u tar-raġel u t-tixrid ta’ messaġġi sessisti, biex b’hekk ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda tixrid ta' kontenut li jiġġustifika, jittrivjalizza jew jinċita l-vjolenza kontra n-nisa; jistieden lill-Istati Membri ħalli, għal dan l-iskop, jippremjaw lill-aġenziji tar-reklamar u lil kulmin jagħmel ir-reklami talli jottemperaw ruħhom kompletament ma' dawn il-linji gwida, billi ngħidu aħna jikkummissjonawhom jieħdu ħsieb kampanji ta’ tqajjim ta' kuxjenza nazzjonali u Ewropej;

    3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw b’mezzi xierqa li l-mezzi tax-xandir u l-professjonisti tar-reklamar jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità umana u li jopponu x-xbihat direttament jew indirettament diskriminatorji jew sterjotipizzanti jew kull inċitament għall-mibegħda msejsa fuq sess, razza, oriġini etnika, età, twemmin reliġjuż jew xort' oħra, orjentament sesswali, diżabbiltà u pożizzjoni soċjali;

    4.  Jinnota u jiddeplora l-fatt li r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni għandhom tendenza li jagħtu messaġġi żvijjanti billi jinqdew bi xbihat virtwali li jiġbduk u li jippropagaw l-idea tal-perfezzjoni, li jimponu l-uniformità, jiżirgħu ż-żerriegħa tar-rivalità fost il-popolazzjoni femminili, jippromwovu role models li m'għandhom l-ebda xebh mar-realtà anzi għandhom influwenza negattiva fuq l-awtostima u l-awtorispett tan-nisa, l-irġiel u ż-żgħażagħ; jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabilità tal-konsumaturi għall-mimetiżmu, li jista’ jwassal għal attitudnijiet komportamentali mhux xierqa, vjolenza, tensjonijiet, diżappunti, ansjetà, vizzji dannużi (tipjip, teħid ta’ drogi), diżordnijiet alimentari bħalma huma l-anorexia nervosa u l-bulimija, u disturbi tal-ekwilibriju mentali; jistieden lill-aġenziji tar-reklamar u lill-professjonisti tal-mezzi tax-xandir jikkunsidraw mill-ġdid il-promozzjoni tal-mudelli estremament mgħaddmin (irġiel jew nisa) ħalli jevitaw li jagħtu messaġġi dannużi dwar id-dehra, l-imperfezzjonijiet fil-ġisem, l-età, il-piż, filwaqt li jqis l-influwenza u l-impatt tar-reklamar fuq it-tfal u ż-żgħażagħ;

    5.  Jistieden lill-mezzi tax-xandir jużaw l-ilsien b’mod mhux sessista fil-programmi li jagħmlu, jiżguraw li n-nisa jipparteċipaw b’mod attiv u jkunu rappreżentati b’mod bilanċjat, u jiżguraw li jkun hemm xbihat diversi taż-żewġ sessi, li jmorru lil hinn mill-kunċetti ġenerali tal-ġmiel u l-isterjotipi sessisti tar-rwoli mwettqin f’oqsma differenti tal-ħajja, b’mod partikolari fejn il-kontenut ikun immirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ;

    6.  Jisħaq li, ladarba r-reklamar tal-beni għall-konsumatur huwa assoċjat direttament mal-istampa, mal-mezzi tax-xandir radjofoniċi u televiżivi, li minnhom jagħmel parti inseparabbli, u indirettament mal-industrija ċinematografika u mas-sensiliet televiżivi fil-forma ta’ product placement, jista’ jkun li r-reklamar affidabbli u l-promozzjoni ta’ role models f’saħħithom jista’ jkollhom influwenza pożittiva fuq il-perċezzjoni li jkollha s-soċjetà tal-kwestjonijiet bħalma huma r-rwoli tas-sessi, u x-xbiha tal-ġisem uman u n-normalità; jinkoraġġixxi f'kulmin jirreklama aktar kostruttività fir-reklami, ħalli jkun promoss rwol pożittiv għan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, fuq il-lant tax-xogħol, fil-familja u fil-ħajja pubblika;

    7.  B'mod simili, jisħaq li l-attivitajiet politiċi, soċjali u kulturali li jippromwovu jew huma mmirati lejn in-nisa, kif ukoll dawk li jinkoraġġixxu t-tisħiħ tan-nisa, għandhom ikunu mxerrdin fuq bażi ugwali;

    8.  Huwa tal-fehma li r-reklamar jista’ jkun għodda effiċjenti fit-tnissil tad-dubju fl-isterjotipi u l-konfrontazzjoni tagħhom, u bħala lieva kontra r-razziżmu, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni, li huma tant essenzjali fis-soċjetajiet multikulturali tal-lum il-ġurnata; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-professjonijisti tar-reklamar jsaħħu l-attivitajiet ta' taħriġ u ta' edukazzjoni b'mod li jintgħelbu l-isterjotipi, tkun ikkumbattuta d-diskriminazzjoni u promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-aktar minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri b’mod partikolari jintroduċu u jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib mal-iskejjel eżistenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, komunikazzjoni u reklamar, ħalli jgħinuhom jagħtu taħriġ tajjeb għall-forza lavorattiva futura tas-settur;

    9.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu kwoti jew miżuri pożittivi oħrajn fil-mezzi pubbliċi tax-xandir flimkien ma’ objettivi għat-titjib tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tan-nisa;

    10. Jaċċentwa li huwa importanti li jkun hemm l-inkoraġġiment ta’ djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-korpi regolatorji u l-ispeċjalisti tar-reklamar;

    11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka u d-dokumentazzjoni fost l-Istati Membri dwar ix-xbiha tal-mara li qed tiġi pprojettata mill-kontenut tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, li tkun tidentifika l-prattiki tajbin għal reklamar effikaċi u favur ugwaljanza bejn is-sessi;

    12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonsolidaw ir-rwol u jinkoraġġixxu l-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-utenti u/jew konsumaturi responsabbli mill-valutazzjoni tal-impatt tar-reklamar fuq il-perċezzjoni tas-sessi u bnadi oħrajn;

    13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi premju ta’ kull sena għall-kwalità għar-reklami li jkunu ppromwovew bl-akbar effikaċja r-rispett għad-dinjità, ir-rwol u x-xbiha tal-mara meta tintwera;

    14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw it-twettiq tal-kodiċijiet nazzjonali ta' mġiba f'dak li għandu x'jaqsam mal-mezzi tax-xandir u mat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw l-effikaċja tal-korpi nazzjonali ta’ awtoregolamentazzjoni.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    29.9.2010

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    20

    3

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Silvia Costa, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Iratxe García Pérez, Jolanta Emilia Hibner, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Philippe Juvin, Nicole Kiil-Nielsen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Barbara Matera, Antonyia Parvanova, Frédérique Ries, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Anna Záborská

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Christa Klaß, Elisabeth Morin-Chartier, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli

    Substitute(s) under Rule 187(2) Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali skont l-Artikolu 187(2)

    Julie Girling, Gesine Meissner

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    8.11.2010

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    30

    1

    2

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Hans-Peter Mayer, Robert Rochefort, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Simon Busuttil, Cornelis de Jong, Frank Engel, Constance Le Grip, Claude Moraes, Pier Antonio Panzeri, Sylvana Rapti, Olle Schmidt, Marc Tarabella, Anja Weisgerber

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Margrete Auken, Jan Březina, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai