RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni
29.11.2010 - (COM(2009)0322 – C7‑0055/2009 – 2009/0098(COD)) - ***I
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Agustín Díaz de Mera García Consuegra
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni
(COM(2009)0322 – C7‑0055/2009 – 2009/0098(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0322),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), l-Artikolu 63(3)(b) u l-Artikolu 66 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0055/2009),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa" (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3), l-Artikolu 74 u l-Artikolu 79(2), punt ċ) tat-Trattat FUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-342/2010),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinsab hawnhekk;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
EMENDI TAL-PARLAMENT [1]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 79(2) ċ) u l-Artikolu 74 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[2],
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004[3] jistipula l-obbligu li jiġu stabbiliti forom ta' kooperazzjoni fost l-uffiċjali ta' komunikazzjoni tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri, l-għanijiet ta' tali kooperazzjoni, il-funzjonjiet u l-kwalifiki xierqa ta' tali uffiċjali ta' kollegament, kif ukoll ir-responsabiltajiet fil-konfront tal-pajjiż ospitanti u l-Istat Membru li jibgħat.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE[4] stabbiliet netwerk ta' informazzjoni protetta b'konnessjoni mal-internet għas-servizzi tal-Istati Membri li għandhom l-inkarigu tal-ġestjoni tal-flussi migratorji (ICONet) għal skambju ta' informazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari, dħul u immigrazzjoni illegali u treġġigħ lura ta' residenti illegali. L-elementi tal-iskambju tal-informazzjoni għandhom jinkludu n-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004[5] stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-"aġenzija FRONTEX"). L-aġenzija FRONTEX għandha l-kompitu li tipprepara analiżi tar-riskju kemm ġenerali kif ukoll magħmul apposta li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
(4) L-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni għandhom jiġbru l-informazzjoni li tikkonċerna l-immigrazzjoni illegali għall-użu jew fuq livell operattiv jew fuq livell strateġiku, jew it-tnejn li huma. Tali informazzjoni tista' sostanzjalment tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-aġenzija FRONTEX relatati mal-analiżi tar-riskju, u għal dan l-iskop għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni eqreb bejn in-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni u l-aġenzija FRONTEX.
(5) L-Istati membri kollha għandhom ikunu f'pożizzjoni li jsejħu laqgħat, meta jkun xieraq, bejn l-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni stazzjonati f'pajjiż terz partikolari jew f'reġjun, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-aġenzija FRONTEX għandhom jipparteċipaw f'dawk il-laqgħat. Korpi u awtoritajiet oħra, bħalma huma l- Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), jistgħu jiġu mistiedna wkoll.
(6) Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] tistabbilixxi mill-perjodu tal-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 il-Fond għall-Fruntieri Esterni bħala parti mill-programm Ġenerali "Programm Qafas dwar is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi Migratorji", sabiex jikkontribwixxi għat-tisħiħ taż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja u jiġi applikat il-prinċipju ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri. Ir-riżorsi disponibbli ta' dan il-Fond jistgħu jintużaw sabiex isaħħu l-attivitajiet organizzati mis-servizzi konsolari u oħrajn tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi u sabiex jiġi sostnut ir-rinforz tal-kapaċità operattiva tan-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni, u b'hekk tiġi promossa kooperazzjoni iktar effikaċi permezz ta' dawn in-netwerks, bejn l-Istati Membri.
(7) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiġu infurmati b'mod regolari dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali tal-kollegament tal-immigrazzjoni f'reġjuni speċifiċi u/jew pajjiżi ta' interess partikolari tal-Unjoni, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni f'dawk ir-reġjuni u/jew pajjiżi, fi kwistjonjiet li għandhom x'jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali. L-għażla ta' reġjuni speċifiċi u/jew pajjiżi ta' interess partikolari għall-Unjoni għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi migratorji oġġettivi, bħal statistiċi dwar l-immigrazzjoni illegali u analiżi tar-riskju ppreparati mill-aġenzija FRONTEX, u għandha tkun konformi mal-politika ġenerali tar-relazzjonjiet esterni tal-UE.
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 għandu, għalhekk, jiġi emendat f'dan is-sens.
(9) Peress li l-għan tal-azzjoni proposta, prinċipalment l-adattament tad-dispożizzjonjiet tal-Unjoni preżenti dwar il-ħolqien u l-funzjonament tan-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni sabiex jieħdu inkonsiderazzjoni t-tibdil fid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll l-esperjenza prattika miksuba f'dan il-kuntest, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu jinkisbu aħjar fuq livell ta' Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà hekk kif stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jikseb dak l-għan.
(10) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jsegwi l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(11) Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal)Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 li jikkonċerna t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonjiet tal-acquis ta' Schengen[7].
(12) L-Irlanda qed tieħu sehem f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u matt-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 li jikkonċerna t-talba tal-Irlanda sabiex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonjiet tal-acquis ta' Schengen[8].
(13) F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhux marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jissejjes fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex se timplimentah fid-dritt nazzjonali tagħha.
(14) F'dak li jirrigwarda lill-Islanda u lin-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjoni tal-acquis ta' Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[9] li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999[10] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.
(15) F'dak li jirrigwarda lill-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen[11] li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija konġuntament mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[12].
(16) F'dak li jirrigwarda lil-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija konġuntament mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[13].
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda
Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 qed jiġi emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-pargrafu 1, titħassar it-tieni sentenza;
(b) jiżdied il-paragragu li ġej:
"3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi (1) u (2) għandhom ikunu disponibbli fuq netwerk ta' informazzjoni u ta' koordinament protetta b'konnessjoni mal-internet għas-Servizzi tal-Istati Membri li għandhom l-inkarigu tal-Ġestjoni tal-Flussi Migratorji stabbiliti bid-Deċiżjoni 2005/267/KE* (minn hawn 'il quddiem imsejħa "ICONet") taħt it-taqsima ddedikata għan-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi din l-informazzjoni lill-Kunsill.
__________________
* ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.";
(2) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 1, t-tieni inċiż jiġi sostitwit b'li ġej:
"– informazzjoni ta' skambju u esperjenza prattika, b'mod partikolari f'laqgħat u permezz tal-ICONet,
– skambju ta' informazzjoni, meta jkun xieraq, dwar l-esperjenza rigward l-aċċess għall-protezzjoni ta' dawk li jfittxu asil,";
(b) il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b'li ġej:
"2. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-aġenzija FRONTEX stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2007/2004* għandhom id-dritt jipparteċipaw fil-laqgħat organizzati fl-ambitu tal-qafas tan-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni, għalkemm, jekk ikun meħtieġ minn kunsiderazzjonjiet operattivi, il-laqgħat jistgħu jsiru fl-assenza ta' dawn ir-rappreżentanti. Korpi u awtoritajiet oħra jistgħu jiġu mistiedna, kif xieraq.
__________________
* ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.";
(c) fil-pargrafu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:
"Tali laqgħat jistgħu wkoll isiru fuq inizjattiva ta' Stati Membri oħra.";
(3) L-Artikolu 6 jiġi sostitwit b'li ġej:
"Artikolu 6
1. L-Istat Membru li għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew, jekk dan l-Istat Membru mhuwiex rappreżentat fil-pajjiż jew fir-reġjun, l-Istat Membru li qiegħed iservi bħala aġent President, fl-aħħar ta' kull semestru għandu jipprepara rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali għall-kollegament dwar l-immigrazzjoni f'reġjuni speċifiċi u/jew pajjiżi ta' interess partikolari għall-Unjoni Ewropea, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni f'dawk ir-reġjuni u/jew pajjiżi, fi kwistjonjiet li għandhom x'jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali, u jqis l-aspetti rilevanti kollha, inklużi d-drittijiet tal-bniedem. L-għażla, ta' reġjuni speċifiċi u/jew pajjiżi ta' interess partikolari għall-Unjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandha tkun ibbażata fuq indikaturi migratorji oġġettivi, bħal statistiċi dwar l-immigrazzjoni illegali, l-analiżi tar-riskju u informazzjoni/rapporti relevanti oħra ppreparati mill-aġenzija FRONTEX u mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u għandha tqis il-politika ġenerali tar-relazzjonjiet esterni tal-UE.
2. Tali rapporti għandhom ikunu mfassla skont il-mudell stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/687/KE tad-29 ta' Settembru 2005 dwar il-format għar-rendikont dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali tal-kollegamenti tal-immigrazzjoni u dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ospitant fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali* u għandhom jindikaw il-kriterji ta' għażla relevanti.
3. Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapporti msemmijin hawn fuq, filwaqt li tqis aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fejn dan ikun rilevanti, tipprovdi sommarju fattwali u, fejn hu xieraq, rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kull sena, dwar l-iżvilupp tan-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni.
__________________
* ĠU L 264, 8.10.2005, p. 8.".
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
- [1] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [2] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ...
- [3] ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1.
- [4] ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.
- [5] ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.
- [6] ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.
- [7] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
- [8] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.
- [9] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
- [10] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
- [11] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
- [12] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
- [13] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.
NOTA SPJEGATTIVA
Meta r-Regolament, li fl-istat attwali huwa suġġett għal emendi, ġie adottat fid-19 ta' Frar 2004, l-aġenzija FRONTEX kienet għadha ma ġietx formalment stabbilita. L-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri saret 8 xhur aktar tard, eżattament fis-26 ta' Ottubru 2004.
Fuq il-bażi tal-kompetenzi mogħtija mir-Regolament tagħha, l-aġenzija Frontex hija inkarigati li twettaq analiżi tar-riskju skont l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; tiffaċilita l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi; tikkoopera wkoll mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, pereżempju permezz ta' qsim ta' esperjenzi dwar il-kwistjonijiet ta' kontroll tal-fruntieri, it-taħriġ tal-gwardji tal-fruntieri, l-iskambju ta' informazzjoni operattiva u l-operazzjonijiet konġunti.
Ir-Regolament inizjali Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004 li jiddefinixxi l-uffiċjali ta' kollegament bħala r-'rappreżentanti ta' wieħed mill-Istati Membri, li jinsabu f'pajjiż terz mis-servizz għall-immigrazzjoni jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn biex jistabbilixxu u jżommu kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż li bagħtu biex jikkontribwixxi fil-prevenzjoni u fil-ġlieda tal-immigrazzjoni illegali, ir-ritorn ta' immigranti illegali u l-immaniġġjar tal-migrazzjoni legali.'
Jirriżulta evidenti li skont il-kompetenzi tagħhom, l-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni li jinsabu fil-pajjiżi terzi jkunu jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għat-twettiq tal-għanijiet tal-aġenzija FRONTEX, speċjalment meta nqisu li l-aġenzija ma għandhiex rappreżentanza barra mit-territorju tal-Unjoni.
Il-proposta għal emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 għandha l-għan li l-aġenzija FRONTEX tibbenefika mill-għarfien u mill-esperjenzi tal-uffiċjali ta' kollegament tal-immigrazzjoni u viċeversa, fatt li ma kienx previst fir-Regolament inizjali.
Il-proposta għal emenda għandha dawn l-għanijiet li ġejjin: il-kompetenzi tal-aġenti ta' kollegament u tal-aġenzija FRONTEX jintużaw għal interess reċiproku; jinkiseb benefiċċju mill-informazzjoni miġbura min-netwerks tal-uffiċjali ta' kollegament u li tinqasam permezz tal-ICONet (Netwerk ta' Informazzjoni u ta' Koordinament għas-servizzi tal-Istati Membri li għandhom l-inkarigu tal-ġestjoni tal-flussi migratorji); jingħata aċċess għall-Fond għall-Fruntieri Esterni bil-għan li jissaħħaħ il-ħolqien ta' netwerks ta' uffiċjali ta' kollegament u jiġi ffaċilitat l-operat tagħhom kif ukoll, fl-aħħar nett, jingħata kontribut lis-sistema ta' preżentazzjoni tar-rapporti semestrali.
Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, l-Artikolu 3, 4 u 6 tar-Regolament Nru 377/2004 għandhom jiġu emendati.
Il-bażijiet ġuridiċi proposti huma l-Artikolu 79(2) ċ) u l-Artikolu 74 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din il-bażi timplika l-applikazzjoni tas-sistema b''ġeometrija varjabbli' għal dak li għandu x'jaqsam mal-pożizzjoni tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tad-Danimarka fir-rigward tal-Protokoll ta' Schengen. Barra minn hekk, ġew eżaminati l-konsegwenzi tal-emenda proposta fir-rigward tal-protokolli ffirmati f'dan qasam mill-Islanda, min-Norveġja, mill-Isvizzera u mil-Liechtenstein.
L-emendi proposti huma xierqa u meħtieġa. Iż-żminijiet iebsa li qiegħda tgħaddi minnhom l-Unjoni Ewropea jeżiġu ġestjoni xierqa tal-flussi tal-immigrazzjoni. Din għandha tinftiehem taħt iż-żewġ aspetti tagħha: il-ġestjoni tal-immigrazzjoni regolari u l-ġestjoni tal-immigrazzjoni irregolari jew klandestina.
L-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jimpenjaw ruħhom li jiggarantixxu li fil-futur l-użu tat-terminoloġija semantika u ġuridika adegwata u kompatibbli mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, li l-objettiv tagħha huwa li tissostitwixxi "immigrazzjoni illegali" b'"immigrazzjoni irregolari".
PROĊEDURA
Titolu |
Il-ħolqien ta' netwerk ta' uffiċjali ta' kollegament inkarigati bl-immigrazzjoni |
|||||||
Referenzi |
COM(2009)0322 – C7-0055/2009 – 2009/0098(COD) |
|||||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
8.7.2009 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 14.7.2009 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Agustín Díaz de Mera García Consuegra 29.9.2009 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
29.9.2009 |
5.11.2009 |
1.12.2009 |
7.4.2010 |
||||
|
26.10.2010 |
25.11.2010 |
|
|
||||
Data tal-adozzjoni |
25.11.2010 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
46 3 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Roberta Angelilli, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in 't Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Birgit Sippel, Renate Sommer, Rui Tavares, Wim van de Camp, Axel Voss, Manfred Weber, Renate Weber, Tatjana Ždanoka |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Anne Delvaux, Ioan Enciu, Evelyne Gebhardt, Ana Gomes, Stanimir Ilchev, Ádám Kósa, Petru Constantin Luhan, Marie-Christine Vergiat, Cecilia Wikström |
|||||||
Data tat-tressiq |
29.11.2010 |
|||||||