RAPPORT dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

1.12.2010 - (2009/2161 (INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur għal opinjoni: Kinga Gál


Proċedura : 2009/2161(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0344/2010
Testi mressqa :
A7-0344/2010
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona

(2009/2161 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari t-tieni u mir-raba’ sas-seba’ inċiżi,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(3) it-tieni inċiż, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, kif ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea (COM(2010)0573),

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet relatati kollha u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-korpi speċjalizzati ta’ monitoraġġ, fil-qasam tad-drittijiet fundamentali,

–    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QTĠ) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–    wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea[1],

–    wara li kkunsidra l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini,

–    wara li kkunsidra l-attività u r-rapporti annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

–    wara li kkunsidra r-rapporti tal-NGOs dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–    wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku organizzat mill-Parlament Ewropew fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2010 dwar l-impatt tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-iżvilupp ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja Ewropea (AFSJ),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2004-2008)[2],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0344/2010),

A.  billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jibbaża l-Unjoni fuq komunità ta’ valuri indiviżibbli u universali ta’ rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l- ugwaljanza, is-solidarjetà, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-persuni kollha li jgħixu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk li jagħmlu parti minn minoranzi; billi s-salvagwardja u l-promozzjoni b’mod effettiv tad-drittijiet għandhom ikunu objettiv ġenerali tal-politiki Ewropej kollha, inkluż id-dimensjoni esterna tagħhom, u kundizzjoni essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi, il-valuri u l-prinċipji relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali u l-ġid tal-popli,

B.  billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ħoloq sitwazzjoni ġdida fl-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem biex b’hekk il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (‘il-Karta’) issir legalment vinkolanti u valuri bażiċi jinbidlu fi drittijiet konkreti; billi mill-adozzjoni tagħha l-Karta saret sors ta’ inspirazzjoni għall-każistika tal-qrati Ewropej; billi l-Kummissjoni ppubblikat rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Karta, filwaqt li l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali bbażati fuq il-Karta għandhom jiġu koperti permezz tar-rapporti annwali tal-FRA,

C.  billi għandha tiġi żviluppata, promossa u msaħħa kultura reali tad-drittijiet fundamentali kemm fl-istituzzjonijiet tal-UE u kemm fl-Istati Membri, b’mod partikolari meta japplikaw u jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni kemm internament kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi,

D.  billi, skont ir-Regoli ta' proċedura tiegħu, il-Parlament Ewropew jista' jindirizza, jeżamina u jivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq bażi annwali u jagħmel rakkomandazzjonijiet,

L-istruttura l-ġdida tad-drittijiet fundamentali wara t-Trattat ta' Lisbona

1.        Jenfasizza li l-protezzjoni u l-promozzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu l-qalba tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-UE u kundizzjoni essenzjali tal-konsolidazzjoni taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja Ewropea u jeħtieġu azzjonijiet f’diversi livelli (livell internazzjonali, Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali); jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol li jista’ jkollhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni konkreta u fil-promozzjoni ta’ dawn id-drittijiet; għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri biex jibnu fuq il-qafas istituzzjonali u legali ġdid li nħoloq mit-Trattat ta’ Lisbona sabiex ifasslu politika interna komprensiva dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-Unjoni li tiżgura mekkaniżmi effikaċi ta’ kontabilità kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-UE biex jiġi indirizzati l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

2.        Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjonijiet tiegħu, kif ukoll għall-mistoqsijiet orali b’dibattitu tiegħu u s-sejbiet minn żjarat fl-2009 dwar każijiet konkreti ta’ drittijiet fundamentali, bħalma huma dwar l-privatezza, id-dinjità personali u l-protezzjoni tad-data, il-projbizzjoni tat-tortura, il-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà tal-istampa u l-midja, in-nondiskriminazzjoni, l-użu ta’ lingwi ta’ minoranzi, dwar is-sitwazzjoni tar-Roma u l-moviment ħieles, dwar in-nisa tar- Roma, dwar id-diskriminazzjoni kontra ż-żwieġ jew fi sħubija ċivili bejn persuni tal-istess sess, dwar il-minorenni, iċ-ċentri ta’ detenzjoni għall-immigranti u dwar l-allegat detenzjoni illegali ta’ priġunieti skont il-programm ta’ rendizzjoni tas-CIA; jenfasizza li dawn ir-riżoluzzjonijiet kollha jirriflettu l-valuri integrati fil-Karta, juru l-impenn ċar tagħha favur il-protezzjoni ta’ kuljum tad-drittijiet fundamentali, u jibagħtu messaġġi politiċi lill-individwi kollha fl-UE, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll is-sħab internazzjonali;

3.        Jiddispjaċih li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma segwew l-ebda rakkomandazzjoni li hemm fir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2007 dwar l-allegat użu tal-pajjiżi Ewropej mis-CIA għall-ġarr u ż-żamma illegali ta’ priġunieri[3] u lanqas ma qasmu l-informazzjoni mal-Parlament Ewropew dwar id-diskussjonijiet bejn l-UE u l-Istati Unit fuq dan is-suġġett;

4.        Iqis neċessarju li ssir riflessjoni dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-perjodu wara t-Trattat ta' Lisbona u, f'dan il-kuntest, għandu l-ħsieb li din ir-riżoluzzjoni tiċċara r-rwol li kull istituzzjoni u mekkaniżmu għandu jkollhom fl-istruttura Ewropea l-ġdida tad-drittijiet fundamentali;

5.        Itenni li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009 biddel b’mod fundamentali d-dehra tal-UE, li għandha tistabbilixxi dejjem iktar lilha nnifisha bħala komunità ta’ valuri u prinċipji komuni; b’hekk jilqa’ s-sistema l-ġdida b’aktar minn livell wieħed tal-UE ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li titnissel minn sorsi multipli u tiġi infurzata permezz ta’ diversi mekkaniżmi, inkluż il-Karta li hija legalment vinkolanti; id-drittijiet garantiti bil-QEDB, li r-rikonoxximent tagħha joħroġ mill-obbligu tal-Unjoni li taċċedi għall-KEDB; u d-drittijiet ibbażati fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri u l-interpretazzjoni tagħhom skont il-ġurisprudenza tal-QEDB u l-QTĠ;

6.        Jafferma mill-ġdid li l-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati u tirrapreżenta l-kodifikazzjoni l-iktar moderna tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li toffri bilanċ tajjeb bejn id-drittijiet u s-solidarjetà u tinkludi fiha kemm drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll drittijiet ‘tat-tielet ġenerazzjoni’ (jiġifieri d-drittijiet ta’ amministrazzjoni tajba, il-libertà tal-informazzjoni, ambjent b’saħħtu u protezzjoni tal-konsumatur); iqis li l-UE għandha tiżviluppa qafas regolatorju biex tipproteġi lil persuni minn abbużi tad-drittijiet fundamentali min-negozji;

7.        Jenfasizza li l-inkorporazzjoni tal-Karta fil-liġi primarja tal-UE, filwaqt li ma testendix il-kompetenzi tal-Unjoni u hi konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 51 tagħha, toħloq responsabilitajiet ġodda għall-istituzzjonijiet ta’ implimentazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, u li d-dispożizzjonijiet tal-Karta għalhekk saru infurzabbli direttament mill-qrati Ewropej u nazzjonali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżidu l-koerenza fost il-korpi varji tagħhom responsabbli għas-sorveljanza u l-implimentazzjoni, bl-għan li jkun hemm applikazzjoni effettiva tal-qafas komprensiv stabbilit u biex jiġi rinforzat mekkaniżmu ta’ monitoraġġ madwar l-UE kollha, kif ukoll sistema ta’ twissija bikrija bħar-Reviżjoni Perjodika Universali;

8.        Ifakkar li r-rispett tal-valuri ċentrali tal-UE u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu bażi komuni fir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi, u jenfasizza li l-UE hi marbuta mal-Karta wkoll f’dan ir-rigward; ifakkar f’dan ir-rigward li l-promozzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt timxi id f’id mar-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jenfasizza l-fatt li, fl-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jista’ joffri biss opportunità li tiżdied il-koerenza u l-effikaċja fl-isfera tal-isforzi tal-politika esterna biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jekk ikun maqbul approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-istruttura, ir-riżorsi u l-attivitajiet; jenfasizza li l-Unjoni għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; f’dan ir-rigward, jitlob li l-UE tiżgura l-effikaċja tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali u biex tqis il-prinċipji tal-Karta meta tidħol fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll biex iżżomm il-koerenza bejn il-politika interna u esterna tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

9.        Jafferma mill-ġdid li l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB se tikkostitwixxi l-livell minimu ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Ewropa u tipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-possibilità ta’ tressiq ta’ lment quddiem il-QEDB fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta minn min-naħa ta’ istituzzjoni tal-UE jew ta’ Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, li jaqa’ fil-mandat tal-KEDB; u li l-każistika tal-QEDB għalhekk ser tipprovdu kontribut għall-azzjoni attwali u futura tal-UE għar-rispett għal, u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali fl-oqsma tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern, minbarra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam;

10.      Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa biex jesprimu l-impenn politiku ċar tagħhom u r-rieda tagħhom biex jappoġġaw il-proċess ta’ adeżjoni filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-konsultazzjonijiet interni tagħha, kif ukoll in-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa, billi ssib soluzzjonijiet adegwati għall-kwistjonijiet tekniċi ewlenin sabiex jitlesta l-proċess ta' adeżjoni fi żmien raġonevoli u sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

11.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-adezjoni għall-KEDB u tar-rekwiżiti kollha li jridu jiġu ssodisfati mill-applikanti, billi jiżviluppaw linji gwida dwar l-applikazzjoni adegwata u l-effetti ta’ dan il-mekkaniżmu addizzjonali sabiex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jintuża b’mod effiċjenti u effikaċi, kif ukoll billi jiġi inkluż taħriġ tal-ħaddiema professjonisti rilevanti kollha;

12.      Jilqa’, barra minn hekk, l-obbligi ġenerali ġodda maħluqa bit-Trattat ta’ Lisbona tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tal-promozzjoni tal-protezzjoni u l-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u biex tiġi żviluppata politika komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ persuni, kif ukoll ir-referenza espliċita tiegħu għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, li tirrifletti valur fundamentali ieħor tal-Unjoni; jilqa’ l-fatt li l-Unjoni kisbet personalità legali li tippermettilha taċċedi għat-trattati internazzjonali, it-titjib tal-protezzjoni ġudizzjarja bl-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-QTĠ għal oqsma ta’ relevanza ovvja għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħalma huma l-oqsma tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja fil-liġi kriminali, it-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropew, speċjalment fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u r-rwol ikbar taċ-ċittadini Ewropej, li issa ingħataw is-setgħa li jniedu leġiżlazzjoni tal-UE permezz tal-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini, u l-obbligu biex jiżamm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetŕ ċivili (L-Artikolu 11(2) TUE);

13.      Jitlob implimentazzjoni sħiħa u konsistenti b’konformità mal-liġi internazzjonali u Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem tal-Programm ta’ Stokkolma, li jaqleb l-obbligi u l-prinċipji li joħorġu mit-Trattat għall-prattika billi jistabbilixxi l-linji gwida strateġiċi għaż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

Istituzzjonijiet li qed jimplimentaw l-istruttura l-ġdida tad-drittijiet fundamentali

14.      Iqis li l-istituzzjonijiet Ewropej ta’ sikwit aġixxew b’mod parallel fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u għalhekk jitlob li ssir riflessjoni dwar azzjonijiet li saru u għal titjib fil-kooperazzjoni bejn dawk l-istituzzjonijiet, bħal kooperazzjoni interistituzzjonali stabbilita għall-monitoraġġ annwali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, sabiex kull istituzzjoni tkun tista’ tikkontribwixxi għar-reaaporti tal-istituzzjonijiet l-oħra;

15.      Jinnota l-ħolqien ta’ portafoll ġdid fil-Kummissjoni għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza bħala indikazzjoni tal-impenn tagħha biex iżżid l-isforzi fil-qasam tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali u bħala reazzjoni pożittiva għat-talbiet ripetuti tal-Parlament f’dan ir-rigward; diviżjoni bħal din bejn il-ġustizzja u s-sigurtà m’għandhiex tirrinforza d-dikotomija żbaljata bejn il-ħtieġa biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem tal-bnedmin kollha u l-ħtieġa biex tiġi assigurata l-garanzija tas-sigurtà tagħhom; il-Kummissarju l-ġdid għandu jagħti attenzjoni partikulari lill-politiki tal-UE biex jikkumbattu l-imigrazzjoni irregolari u t-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ mill-Kulleġġ tal-Kummissarji huwa kruċjali biex jippermetti lill-Kummissarju l-ġdid ikun ta’ importanza kbira;

16.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-2013 s-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza sabiex tagħti imbuttatura lid-dibattitu dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u tinforma liċ-ċittadini tal-UE bid-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari d-drittijiet il-ġodda li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona;

17.      Jistenna azzjonijiet konkreti mill-Kummissarju l-ġdid responsabbli, b’konformità mal-intenzjonijiet diġà ddikjarati: partikolarment u bl-aktar mod importanti, jilqa’ l-impenn li tiġi introdotta valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-proposti leġiżlattivi ġodda kollha; li jissorvelja l-proċess leġiżlattiv sabiex jiżgura li t-testi emerġenti finali jkunu konformi mal-Karta; u li japplika politika ta’ ‘tolleranza żero’ fir-rigward ta’ ksur tal-Karta, billi jitwettqu investigazzjonijiet komprensivi u filwaqt li jniedi proċedimenti ta’ ksur meta l-Istati Membri jiksru l-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE; u biex jiġi assigurat li ċ-ċittadini tal-UE jkunu informati b’mod xieraq dwar l-istruttura tad-drittijiet fundamentali ġodda; jitlob li jkun hemm segwitu għall-Komunikazzjoni tal-2003 dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[4] biex jiġi definit mod trasparenti u koerenti biex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex isir użu rilevanti tal-Artikolu 7 tal-istess Trattat abbażi tal-istruttura l-ġdida tad-drittijiet fundamentali;

18.      Ifakkar lill-Kummissjoni tissorvelja l-proposti leġiżlattivi ġodda kollha biex tara li jkunu konformi mal-Karta, u biex tivverifika l-istrumenti eżistenti f’dan ir-rigward; jissuġġerixxi li l-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-Kummissjoni għandhom jindikaw b’mod ċar jekk dawn il-proposti jikkonformawx mal-Karta, sabiex din il-kunsiderazzjoni ssir parti integrali tal-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi; ifakkar lill-Kummissjoni fil-kompitu espliċitu tagħha biex tinvolvi l-partijiet konċernati permezz ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa sabiex jiġu assigurati l-koerenza u t-trasparenza fl-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 11(3) TUE); jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-Pjattaforma tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali bħala riżorsa sinifikanti biex jiġi ssodisfat dan il-kompitu;

19.      Ifakkar lill-Kummissjoni biex twettaq investigazzjonijiet oġġettivi u tibda proċedimenti ta’ ksur, biex b’hekk jiġu evitati standards doppji, kull meta Stat Membru, fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jikser id-drittijiet imħaddna f’din il-Karta; barra minn hekk, ifakkar lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu fatti affidabbli u tiġbor l-informazzjoni wkoll minn sorsi mhux governattivi, kif ukoll titlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u korpi oħra tad-drittijiet tal-bniedem biex jagħtu l-kontribut tagħhom;

20.      Jissuġġerixxi li l-proċeduri ta’ ksur u tad-drittijiet fundamentali jiġu kkumplimentati bi proċedura li permezz tagħha politiki nazzjonali u prattiki kkontestati, li jaqgħu fi ħdan il-mandat tal-liġi tal-UE u d-drittijiet fundamentali (u billi jiġu applikati eċċezzjonijiet u/jew derogi għad-drittijiet u libertajiet Ewropej) iridu immedjatament jiġu ffriżati sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar it-tnedija formali tal-proċeduri ta’ ksur u/jew drittijiet fundamentali u tilħaq deċiżjoni formali dwar il-leġittimità u l-kompatibilità mal-liġi Ewropea u d-drittijiet fundamentali;

21.      Jiġbed l-attenzjoni għall-qawmien riċenti ta’ nazzjonaliżmu, ksenofobija u diskriminazzjoni f’uħud mill-Istati Membri u jenfasizza r-rwol ċentrali li l-Kummissjoni għandha tieħu sabiex tevita u tiġġieled dan il-ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali;

22.      Jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza annwali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità mal-Karta, u jinnota li r-rapporti ta’ monitoraġġ tagħha għandu jkun fihom valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-drittijiet iggarantiti, valutazzjoni tal-kwistjonijiet l-aktar kontenzjużi u s-sitwazzjoni tal-gruppi l-iktar vulnerabbli fl-Unjoni, lakuni eżistenti fil-protezzjoni, xejriet ewlenin u problemi strutturali fil-livell nazzjonali u tal-UE, bil-ħsieb li jiġu proposti inizjattivi u miżuri konkreti, u jirrakkomanda t-tixrid ta’ prattika tajba fost l-Istati Membri;

23.      Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea billi tirreferi fost l-oħrajn għall-approċċ tagħha ta’ prevenzjoni fl-implimentazzjoni effettiva, l-importanza tat-taħriġ intern dwar id-drittijiet fundamentali, u l-kontroll sistematiku tal-aspett tad-drittijiet fundamentali tal-evalwazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni mill-Bord tal-Evalwazzjoni tal-Impatt, kif ukoll il-miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati mfassla għad-diversi sitwazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward; barra minn hekk, jilqa’ l-enfasi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq rigward l-importanza tal-kriterji politiċi għall-adezjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen tal-1993 li kien jesiġi pajjiżi kandidati li jkollhom istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi; il-preservazzjoni ta’ dan il-kriterju tkun tappoġġja l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri futuri;

24.      Jistieden lill-Kummissjoni tinforza l-valuri u l-prinċipji mħaddna fit-Trattat u l-Karta kif ukoll l-istrateġija stipulata fil-Programm ta’ Stokkolma permezz ta’ proposti leġiżlattivi konkreti filwaqt li tikkunsidra l-ġurisprudenza tal-QEDB meta tkun qed twettaq dawn l-attivitajiet; barra minn hekk, jitlob il-'Lisbonizzazzjoni' tal-acquis attwali fil-qasam tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u t-tisħiħ tar-responsabilità demokratika fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

25.      Jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ ħidma bejn l-Kummissarji responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza u l-Intern u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament, billi l-Kummissarji jiġu mistiedna b’mod regolari għall-skambju ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet u żviluppi attwali relatati mad-drittijiet fundamentali;

26.      Jenfasizza li l-Parlament Ewropew ukoll għandu jsaħħaħ il-valutazzjoni awtonoma tal-impatt dwar id-drittijiet fundamentali f’relazzjoni mal-proposti u l-emendi leġiżlattivi taħt eżami fil-proċess leġiżlattiv biex issir aktar sistematika, l-aktar billi jkabbru l-possibilitajiet attwalment previsti bir-Regola 36 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament dwar ir-rispett għall-Karta u biex titlob għall-opinjonijiet tas-Servizz Legali dwar kwistjonijiet legali rigward kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali fl-UE;

27.      Jistieden lill-Kunsill jadatta għall-bidliet meħtieġa bit-Trattat u jikkonforma mal-Karta meta jkun qed jilleġiżla; għalhekk jilqa’ t-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħidma permanenti tal-Kunsill dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni u jenfasizza l-importanza li dan il-korp il-ġdid ikollu mandat wiesa’ biex jinkludi kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali mal-UE u l-Istati Membri rilevanti u jipprovdi forum għal skambju ta’ opinjonijiet tal-Kunsill dwar kwistjonijiet interni tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ħidma ma’ dan il-kor il-ġdid sabiex il-ħidma ta' dan il-korp il-ġdid tkun trasparenti u effiċjenti, ukoll b’rabta mal-Parlament Ewropew;

28.      Jafferma mill-ġdid il-ftehim interistituzzjonali Approċċ Komuni għall-Valutazzjoni tal-Impatt[5] imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea, li tiddikjara li l-Parlament u l-Kunsill huma responsabbli biex jivvalutaw l-impatt tal-emendi tagħhom stess;

29.      Jistieden lill-Kunsill jassigura li l-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni (FREMP) ikollu mandat wiesa’ li jkun jista’ jinkludi, pereżempju s-setgħa li jiddiskuti u jwieġeb b’mod uffiċjali għar-rapporti tal-FRA (barra mir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi, proċeduri u miżuri speċjali tat-trattat tan-NU), li jivvaluta l-impatt estern tad-drittijiet tal-bniedem tal-istrumenti u l-politiki tal-UE, f’koordinazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), li jassigura koordinazzjoni mal-aġenziji bla mandat tad-drittijiet tal-bniedem iżda b’impatt tad-drittijiet tal-bniedem (pereżempju l-EIB jew il-FRONTEX), li jeżamina l-firma, ir-ratifikazzjoni u l-konformità tal-UE u tal-Istati Membri mal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u li jipprovdi forum għall-iskambji tal-Kunsill dwar kwistjonijiet interni tad-dritttijiet tal-bniedem;

30.      Jitlob għar-rispett tad-dritt tiegħu għal skrutinju demokratiku abbażi tat-trattati; jinsisti dwar in-neċessità li jissaħħu t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex tkun żviluppata kooperazzjoni interistituzzjonali iktar effikaċi, inkluża r-responsabbiltà dwar il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali; jenfasizza r-rwol tiegħu fis-segwitu tar-riżoluzzjonijiet tiegħu relatati mad-drittijiet fundamentali fl-UE u r-rwol tiegħu fl-evalwazzjoni tax-xogħol li jsir minn istituzzjonijiet oħra tal-UE f’termini tal-azzjonijiet tagħhom jew in-nuqqas ta’ azzjoni meta jivvalutaw l-iżviluppi fil-qasam (eż. permezz ta’ rapporti annwali), b’kombinazzjoni ma’ messaġġi politiċi b’approċċ ibbażat fuq il-fatti; jenfasizza d-dritt tiegħu, skont l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, biex ikun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

31.      Jafferma mill-ġdid il-fatt tar-rwol imkabbar tal-QTĠ fir-rigward tal-iżgurar li l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji u l-Istati Membri kollha li jkunu qed jimplementaw il-liġi tal-UE jirrispettaw il-Karta kif xieraq, u jinnota li dan se jagħti lok sabiex il-QTĠ ssaħħaħ u tkompli tiżviluppa l-każistika tagħha dwar id-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-bżonn ta’ kooperazzjoni stabbilita bejn il-qrati nazzjonali, il-QTĠ u l-QEDB sabiex jitkattar l-iżvilupp ta’ sistema koerenti ta’ każistika f’dan il-qasam;

32.      Jenfasizza r-rwol tal-FRA fl-osservazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni u l-implikazzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona f’dan il-qasam, billi tipprovdi analiżi, għajnuna u għarfien espert, kompitu li jeħtieġ il-kwalità, l-oġġettività, l-imparzjalità effikaċi u t-trasparenza; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi u ssaħħaħ il-mandat tal-FRA sabiex iġġib xogħolha konformi mar-rekwiżiti l-ġodda bbażati fuq it-Trattat ta' Lisbona u l-Karta, jindika li, fi żmien il-mandat rivedut, ir-rwol ta’ monitoraġġ tal-FRA għandu jiġi estiż għall-pajjiżi għall-adeżjoni; għalhekk huma meħtieġa riżorsi xierqa għaż-żieda fil-kompiti wara l-implimentazzjoni tal-Karta; itenni t-talba tiegħu li jkun assoċjat b’mod sħiħ fir-reviżjoni tal-programm multiannwali tal-FRA; jilqa’ l-inklużjoni ta’ Anness fir-rapport annwali tal-FRA, li jindika r-ratifika mill-Istati Membri ta’ strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

33.      Jenfasizza li l-kompitu ewlieni tal-FRA huwa li tipprovdi lill-istituzzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet b’fatti u data dwar il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali u li, għal dan il-għan, tiġbor u tanalizza informazzjoni u data, kif ukoll tqajjem kuxjenza billi twettaq riċerka u stħarriġ xjentifiċi bbażati fuq metodoloġiji ta’ reqqa, tippubblika rapporti tematiċi u annwali, tinnetwerkja u tippromwovi d-djalogu mas-soċjetà ċivili; jilqa’ r-rapport annwali 2009 tagħha kif ukoll l-approċċ tagħha fejn tipprovdi ħarsa ġenerali komparattiva u tiġbed l-attenzjoni għall-prattiki tajbin fis-27 Stat Membru;

34.      Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jużaw id-data u l-fatti pprovduti mill-FRA matul l-istadju preparatorju ta’ attività leġiżlattiva, fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u/jew ta’ sorveljanza u li jkunu f’kooperazzjoni kostanti u mill-qrib mal-FRA, filwaqt li jinvolvu l-Pjattaforma tal-NGO tagħha;

35.      Jistieden lill-aġenziji Ewropej kollha, biex iżommu l-impenn tagħhom għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u biex jintegraw l-approċċ tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħhom; barra minn hekk jitlob li l-UE tiżgura r-responsabbiltà legali sħiħa tal-aġenziji tagħha f’dan ir-rigward;

36.      Huwa tal-opinjoni li l-FRONTEX għandha tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata mal-aġenziji li jittrattaw id-drittijiet fundamentali jew migranti jew l-ażil u l-UNHCR, sabiex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa’ l-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-FRONTEX u l-FRA ffirmat fl-2010;

37.      Jenfasizza l-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom obbligi kondiviżi fil-qasam tal-implimentazzjoni u/jew l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem u dawk fundamentali, fl-isferi ta’ responsabilità rispettivi tagħhom, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u li din ir-responsabilità u l-kompetenza kondiviżi jirrappreżentaw opportunità u obbligu min-naħa tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza r-rwol imkabbar tal-parlamenti nazzjonali pprovdut bit-Trattat ta’ Lisbona u jappoġġa l-istabbiliment ta’ djalogu formali kontinwu bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

38.      Ifakkar lill-Istati Membri fid-dmir tagħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni, bħala gwardjan tal-trattati, b’fatti u data affidabbli, meta tintalab;

39.      Jenfasizza l-importanza tal-korpi ġudizzjarji fl-Istati Membri, li għandhom rwol ewlieni fl-infurzar tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali, u għalhekk iħeġġeġ li jiġi appoġġjat aċċess faċli għall-qrati u l-proċeduri b’limitu ta’ ħin raġonevoli bħala mezz biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu sforz fir-rigward tat-taħriġ kontinwu tal-imħallfin nazzjonali dwar il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aspetti ġodda f’dan il-qasam wara t-Trattat ta’ Lisbona;

40.      Jemmen li l-azzjoni tal-UE m’għandhiex tindirizza biss il-ksur tad-drittijiet fundamentali wara li jkunu twettqu, iżda għandha tfittex li tipprevenihom; konsegwentement jitlob li ssir riflessjoni dwar mekkaniżmi biex ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali fl-UE u fl-Istati Membri tagħha jiġu identifikati kmieni, dwar iffriżar temporanju tal-miżuri li jikkostitwixxu tali ksur, dwar proċeduri legali aċċellerati biex jiġi determinat jekk miżura hix kuntrarja għad-drittijiet fundamentali tal-UE u għal sanzjonijiet fil-każ li dawn il-miżuri jkunu madankollu implimentati kuntrarju għal-liġi tal-UE;

41.      Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirdoppjaw l-isforzi tagħhom bl-għan li jinfurmaw sew u jqajmu l-kuxjenza pubblika, minħabba li d-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu protetti aħjar jekk l-individwi nfushom ikunu konxji mid-drittijiet tagħhom u l-mekkaniżmi disponibbli għall-protezzjoni tagħhom; jitlob użu attiv tal-korpi ċivili u l-NGOs relevanti għaż-żamma ta' relazzjoni ta' ħidma kontinwa ma' dawn il-korpi fl-implimentazzjoni tal-istruttura l-ġdida tad-drittijiet fundamentali u meta tkun qed tittieħed azzjoni dwar każijiet speċifiċi;

42.      Jafferma mill-ġdid id-dritt tagħha li kull sena toħroġ rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, li jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali mal-istituzzjonijiet tal-UE, aġenziji jew Stati Membri jekk ikun meħtieġ;

Kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-istruttura l-ġdida tad-drittijiet fundamentali

43.      Jissuġġerixxi li jinstabu modijiet għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE biex issir kooperazzjoni aħjar mal-organizzazzjonijiet internazzjonali impenjati favur il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, u li jsir użu aħjar u direzzjonat b’mod aktar effikaċi tar-riżultati tal-esperjenza f’dan il-qasam;

44.      Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE, fl-interessi ta' konsistenza u sinerġija ikbar fil-livell Ewropew, u jissuġġerixxi li jsir użu aħjar tal-kompetenzi tal-mekkaniżmi, l-istandards u r-riżultati ta' sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa, biex b'hekk jiġi evitat xogħol doppju; jafferma mill-ġdid il-bżonn li l-Unjoni tkun involuta iktar fil-ħidma tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem u għall-UE biex tqis ħafna aktar dak ix-xogħol meta timplimenta l-politiki fil-qasam tal-libertajiet, il-ġustizzja u s-sigurtà;

45.      Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiffirmaw u jirratifikaw il-konvenzjonijiet ċentrali dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-protokolli fakultattivi addizzjonali: fosthom, il-Karta Soċjali Ewropea (riveduta), il-Konvenzjoni dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar ta' Persuni, il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll il-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u l-Membri tal-Familji tagħhom, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-kriminalità organizzata u ż-żewġ protokolli tagħha kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu, il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà; barra minn hekk, jissuġġerixxi li, fil-proċess leġiżlattiv Ewropew, jitqiesu iktar id-dokumenti internazzjonali u ssir iktar referenza għalihom;

46.      Jenfasizza l-bżonn ta’ attenzjoni proporzjonata għall-mekkaniżmi ta’ sorveljanza varji tan-Nazzjonijiet Uniti u għas-sejbiet tal-korpi tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u jissuġġerixxi li jiġu segwiti mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom b’relevanza għall-Istati Membri; jinnota l-importanza tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jirrakkomanda kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti; u jilqa’ l-ftuħ, fi Brussell, tal-ewwel Uffiċċju Reġjonali Ewropew tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem;

47.      Jenfasizza r-rwol importanti u l-ħidma attiva tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), tar-Rappreżentanti Speċjali tal-OSKE għal-Libertà tal-Midja u Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u tal-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali;

48.      Jistieden lill-Istati Membri li qegħdin fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jassiguraw garanziji proċedurali għad-drittijiet fil-proċess ta’ tqegħid fil-lista u t-tneħħija minnha tal-allegati gruppi jew persuni terroristi, kif meħtieġ mill-każistika rilevanti tal-QTĠ;

L-iktar sfidi urġenti tal-era l-ġdida

49.      Jenfasizza li l-istruttura l-ġdida se titkejjel skont kemm jiġu indirizzati b’mod effikaċi l-kwistjonijiet l-iktar urġenti u l-ksur l-aktar rikorrenti mill-istituzzjonijiet responsabbli, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE, anki b’rabta mar-relazzjonijiet esterni tagħha;

50.      Ifakkar, għalhekk, fir-riżoluzzjonijiet u d-dibattiti u s-sejbiet minn missjonijiet fl-2009 dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali, li wrew li hemm ħafna kwistjonijiet pendenti u każijiet speċifiċi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, li jirrikjedu passi konkreti urġenti, strateġiji ta’ nofs it-terminu u soluzzjonijiet fit-tul kif ukoll segwitu mill-istituzzjonijiet tal-UE; bħal pereżempju:

–         il-protezzjoni tal-erba’ libertajiet fundamentali bħala l-kisbiet bażiċi tal-UE, b’attenzjoni speċifika għal-libertà tal-moviment taċ-ċittadini tal-UE,

–         il-garanzija tad-drittijiet tal-persuni kollha preżenti fit-territorju tal-UE irrispettivament miċ-ċittadinanza,

–         l-assigurazzjoni taċ-ċertezza legali u l-eżistenza ta’ kontrolli xierqa u bilanċi ta’ sistema demokratika soda,

–         il-garanzija tal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, inklużi l-ġbir, l-ipproċessar, it-trasferiment u l-ħażna ta’ data finanzjarja u personali, kemm fl-UE kif ukoll barra, skont il-prinċipji ta’ skop, ħtieġa u proporzjonalità u d-drittijiet ta’ rettifika u appell, u l-promozzjoni tal-bilanċ tajjeb bejn il-libertajiet individwali u s-sigurtà kollettiva, li qed jiġu mhedda b’forom ġodda ta’ terroriżmu u kriminalità organizzata,

–         il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin – speċjalment in-nisa u t-tfal – billi dan jikkostitwixxi forma ta’ skjavitù; jinnota li minkejja l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali u l-impenji tal-politika matul ħafna snin, madwar mitt elf persuna huma stmati li ġew ittraffikati fl-UE jew fiż-żona tal-UE kull sena u jenfasizza l-ħtieġa għal urġenza akbar biex ikun indirizzat dan ir-reat, inkluż permezz tad-Direttiva ġdida proposta tal-UE li tinkludi l-ħatra ssuġġerita ta’ rapporteurs nazzjonali biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-politika kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell nazzjonali,

–         il-protezzjoni tad-drittijiet tar-refuġjati u l-migranti, billi tassigura li l-ġestjoni min-naħa tal-UE tal-flussi tal-migrazzjoni u tan-negozjati dwar il-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi għad-dħul mill-ġdid fil-pajjiż ma jpoġġix tali individwi fir-riskju tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

–         il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi ta’ vjolenza, reati, gwerer u drittijiet tal-bniedem, qasam tal-politika fejn hemm bżonn ta’ leġiżlazzjoni għall-UE kollha, mingħajr ma jbiddel id-direzzjoni tal-attenzjoni u r-riżorsi li jmorru biex jipprevjenu u jikkumbattu l-kriminali u t-terroristi u biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji; jenfasizza l-konsultazzjoni pubblika tal-UE dwar it-titjib tad-drittijiet tal-vittmi tar-reati u tal-vjolenza mnedija fil-bidu tal-2010 u jistenna b’ħeġġa l-proposta ta’ segwitu tal-Kummissjoni għall-miżuri prattiċi biex jiġu megħjuna l-vittmi matul il-proċess tal-ġustizzja; ifakkar l-inizjattiva tal-Istati Membri għal ordni ta’ protezzjoni Ewropea bil-ħsieb li tiżdied il-protezzjoni li tingħata lill-vittmi li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri tal-UE iżda jħeġġeġ kjarifika legali tad-dispożizzjonijiet tagħha,

–         l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal permezz ta’ miżuri prattiċi kontra l-abbuż tat-tfal, l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal, biex jiġi promoss użu iktar sikur tal-Internet u biex jiġu eliminati t-tħaddim tat-tfal u l-faqar tat-tfal, filwaqt li titqies l-istima li 10-20% tat-tfal fl-Ewropa jkunu abbużati sesswalment matul tfulithom, li r-riċerka turi li t-tfal vittmi murija fil-pornografija qegħdin ikunu iżgħar u li ċ-ċirkostanzi ekonomiċi globali attwali jheddu li jitfgħu aktar tfal fil-forza tax-xogħol u/jew fil-faqar,

–         il-promozzjoni ta’ politiki tal-UE dwar l-ażil u l-immigrazzjoni skont il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-trattati, fil-Karta u fl-ECHR,

–         l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, li għadhom ibatu minn diskriminazzjoni fil-ħajja tagħhom soċjali, professjonali u kulturali,

–         il-projbizzjoni u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-Artikolu 21 tal-Karta, fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż il-profilar etniku, filwaqt li jitqiesu r-responsabbiltajiet legali u l-kompetenzi stabbiliti;

–         il-protezzjoni tad-diversità tal-lingwi, bħala wirt kulturali tal-Ewropa, inklużi l-lingwi tal-minoranzi,

–         il-projbizzjoni ta’ sanzjonijiet minħabba l-użu ta’ lingwa differenti mil-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru,

–         il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali,

–         it-tfassil ta’ strateġija fil-livell tal-UE bbażata fuq l-azzjoni li trawwem l-inklużjoni tar-Roma u l-integrazzjoni tal-kwistjoni fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UE,

–         it-twaqqif ta’ qafas għall-UE kolllha dwar id-drittijiet proċedurali għal dawk suspettati fi proċeduri kriminali,

–         il-garanzija u l-promozzjoni tal-libertà tal-istampa fl-Unjoni Ewropea, li sejra għall-agħar sena wara l-oħra, l-aktar fatti ta’ min jagħti kashom huma l-konċentrazzjoni tal-midja, il-pressjoni eżerċitata fuq il-ġurnalisti u fuq xogħolhom u t-taħrik tal-ġurnalisti għal ebda raġuni reali jew serja,

–         l-evalwazzjoni tal-ftehimiet eżistenti tal-UE dwar id-dħul mill-ġdid fil-pajjiż u l-valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet fundamentali tal-politika tal-UE dwar ftehimiet dwar id-dħul mill-ġdid fil-pajjiż,

–         il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali tan-nies l-aktar vulnerabbli permezz tal-edukazzjoni u azzjoni pożittiva, inklużi dawk fil-ħabs jew li qabel kienu priġunieri, u dawk li qegħdin iservu sentenzi alternattivi, flimkien ma’ kwalunkwe miżura oħra li trawwem ir-riabilitazzjoni soċjali tagħhom,

–         id-dritt ta’ edukazzjoni għal kulħadd,

–         il-protezzjoni tal-migranti, b’mod partikolari ta’ dawk li jfittxu l-ażil;

–         l-inkoraġġiment ta’ soċjetà ċivili biex jiġi promoss dibattitu trasparenti u regolari dwar id-drittijiet fundamentali, u biex jiġi żgurat li dawn ikunu protetti kemm jista’ jkun fil-wisa’,

–         il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ razziżmu, ksenofobija u antiSemitiżmu,

–         il-promozzjoni għal fehim akbar interkulturali u bejn nies bi twemmin differenti, bl-għan li jitjieb il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea,

–         il-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti irregolari fl-UE,

–         il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja u l-istampa, u l-fluss liberu ta’ informazzjoni,

–         il-protezzjoni tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon minn kwalunkwe vjolazzjoni, peress li dan hu dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Karta, li tinkludi l-libertà li wieħed juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu fil-pubbliku jew fil-privat;

o

o         o

51.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

OPINJONI TA' MINORANZA

Dan ir-rapport jonqos milli jipprovdi reazzjoni għall-perikli li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha l-konsegwenza li l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu jista’ jkollha l-ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe att legali mill-UE. Imħallfin fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja l-Lussemburgu avżawna minn qabel li dan il-pass jagħmilha impossibbli biex l-ordni legali Ewropea, fil-forma eżistenti tagħha, tiffunzjona sew. Barra minn hekk, il-President tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem ammetta b’mod espliċita waqt żjara mill-Kumitat LIBE fil-15 ta’ Ġunju 2010 li ma kienx imħallef newtrali iżda mxaqleb lejn l-attiviżmu politiku, billi qal li ‘eżamina każijiet li tressqu minn min qed ifittex ażil iżjed fid-dettall minn każijiet oħra minħabba li persuni bħal dawn kien ħaqqhom protezzjoni żejda’. L-għoti ta’ trattament preferenzjali lil kategorija partikolari ta’ ilmentatur mhuwiex imġiba xierqa għal imħallef. Barra minn hekk, mhuwiex aċċettabbli li l-UE tiġi ġġudikata minn ‘qorti tad-drittijiet tal-bniedem’ li l-membri tagħha jinkludu mħallef mit-Turkija, pajjiż li qed jokkupa parti mill-UE b'mod militari u ma jirrispettax id-drittijiet tal-bniedem kif xieraq. Fl-aħħar, sejħa għal ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Minoranzi tikkostitwixxi indħil mhux aċċettabbli fis-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Alexander Alvaro, Roberta Angelilli, Vilija Blinkevičiūtė, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Renate Sommer, Rui Tavares, Valdemar Tomaševski, Wim van de Camp, Axel Voss, Manfred Weber, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Ana Gomes, Ádám Kósa, Petru Constantin Luhan, Marie-Christine Vergiat