Proċedura : 2010/0106(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0345/2010

Testi mressqa :

A7-0345/2010

Dibattiti :

PV 13/12/2010 - 16
CRE 13/12/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0464

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 169kWORD 92k
1.12.2010
PE 448.824v01-00 A7-0345/2010

dwar proposta għal-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi

(11324/2010 – C7‑0391/2010 – 2010/0106(NLE))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Nathalie Griesbeck

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi

(11324/2010 – C7‑0391/2010 – 2010/0106(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill (11324/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi (10304/2010),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0391/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0345/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.


NOTA SPJEGATTIVA

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru fl-2004, u wara għal 27 Stat Membru fl-2007, kienet opportunità sabiex l-Unjoni Ewropea toħloq qafas ġdid ta' kooperazzjoni mal-ġirien tagħha fil-Lvant u fin-Nofsinhar; l-Unjoni Ewropea b'hekk impenjat ruħha f'politika tal-viċinat imkabbar li tasal sal-pajjiżi tar-reġjun tal-Kawkasu ta' Isfel u bl-għan li jkollha relazzjonijiet aktar fil-fond mal-pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntieri esterni tal-UE, li tippromwovi s-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp tagħhom, u tevita li jitfaċċaw firdiet ġodda fuq il-kontinent Ewropew.

L-Ewropa b'hekk kienet qed tagħti sinjal ta' interess dejjem akbar fil-pajjiżi tal-Kawkasu ta' Isfel u llum għandha tkompli l-impenn tagħha lejn il-pajjiżi ta' dan ir-reġjun minħabba li din hija żona qrib il-fruntieri ġodda tagħha li teħtieġ is-sigurtà. Il-Kawkasu ta' Isfel għandu importanza strateġika għall-Unjoni Ewropea u din tista' tgħin lil dan ir-reġjun sabiex jiżviluppa mil-lat ekonomiku u kummerċjali. Iżda fuq kollox l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea trid tiddistingwi ruħha permezz ta' inkorraġiment ibbażat fuq il-prinċipji ta' governanza tajba u r-rispett assolut tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol attiv fir-reġjun tal-Kawkasu ta' Isfel, hekk kif tfakkar ir-Riżoluzzjoni 2009/2216(INI) adottata mill-Parlament Ewropew f'Mejju 2010, u għandha tfassal strateġija ta' tisħiħ tal-istabilità u l-prosperità u tgħin biex jitwittu l-konflitti f'dan ir-reġjun.

Barra minn hekk, il-proċess tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Kawkasu ta' Isfel, u speċjalment mal-Ġeorġja, ikun jista' jikkontribwixxi sabiex jittejbu t-twettiq tal-ġustizzja u l-livell tar-rispett tal-libertajiet. Iż-żewġ ftehimiet li saru reċentement mal-Ġeorġja, wieħed dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jkunu fil-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni, u wieħed dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, se jikkontribwixxu bis-sħiħ għal dawn l-objettivi.

* *

Ir-Rapporteur b'hekk qed tapprova l-konklużjoni ta' dawn iż-żewġ ftehimiet interdipendenti u paralleli mal-Ġeorġja; żewġ ftehimiet li se jestendu ż-żona ta' libertà u sigurtà hekk li din tmur lilhinn mill-Unjoni Ewropea biex tinkludi lill-pajjiżi ġirien.

Dawn iż-żewġ ftehimiet huma l-ewwelnett stadju importanti ħafna u pass 'il quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja. Fil-fatt, hemm rieda ċara ħafna li jkun hemm rapprochement bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, li ntweriet f'dawn l-aħħar snin b'serje sħiħa ta' atti politiki maġġuri li jinkludu t-tisħiħ ta' kooperazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, l-adeżjoni tal-Ġeorġja mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja huwa għalhekk pass 'il quddiem inkurraġġanti meta wieħed iqis l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ġeorġja u għalhekk se jikkostitwixxi sinjal qawwi min-naħa tal-Unjoni Ewropea . Dan se jiffavorixxi t-twaqqif ta' relazzjonijiet ta' ħbiberija, l-istabilità, is-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini.

Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet jirrapreżentaw ukoll interess minn perspettiva reġjunali u se jikko0ntribwixxu għall-isforzi tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħrajn fir-reġjun. Għall-Ġeorġja dawn se jikkostitwixxu wkoll progress u inkoraġġiment sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-ġirien tagħha u mal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet se jinkuraġġixxu lill-Ġeorġja sabiex timplimenta r-riformi meħtieġa fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Ir-Rapporteur temmen li, fi spirtu ta’ impenn u ta’ appoġġ komuni, l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja jistgħu jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali b'mod effettiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili billi jitħeġġew kuntatti u vvjaġġar iktar faċli ta' persuni bejn iż-żewġ partijiet kontraenti.

B'mod partikulari, il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi se jiffaċilita l-kuntatti persunali bejn iċ-ċittadini li hija kundizzjoni determinanti sabiex tiżgura l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali u xjentifiċi, kif ukoll relazzjonijiet oħrajn. It-tneħħija tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja timmarka stadju importanti fid-direzzjoni tal-integrazzjoni Ewropea tagħhom. Reġim ta' faċilitazzjoni ta' viżi jkollu importanza kbira fil-ħajja tan-nies għax isaħħaħ il-kuntatti bejn il-popli u jikkonkretizza l-idea tal-moviment ħieles, li huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali fl-Ewropa.

Rigward l-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ ftehimiet:

Ir-Rapporteur tqis li kampanji ta' informazzjoni jidher li huma fil-fatt neċessarji fil-Ġeorġja sabiex il-popolazzjoni tiġi infurmata dwar is-sitwazzjoni ġdida u tibbenefika mill-possibiltajiet ġodda li jirrizultaw minnha. Barra minn hekk, il-bidliet li se jseħħu fil-politika għall-viżi għandhom ukoll jidhru kemm jista' jkun malajr fuq is-siti tal-internet tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Ir-Rapporteur tirrakkomanda wkoll lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Kumitat Ewropew inkarigat biex isegwi l-applikazzjoni ta' dawn il-ftehimiet, sabiex wara li dawn jiġu implimentati, jidentifikaw kwalunkwe ostakoli jew restrizzjonijiet asimmetriċi eventwali għall-applikazzjoni tajba tagħhom u għar-reċiproċità tal-proċeduri, kemm fil-livell tas-servizzi konsulari, kif ukoll fuq il-fruntieri.

Fl-aħħarnett, ir-Rapporteur jiddispjaċiha li l-Parlament Ewropew ma kienx involut u infurmat biżżejjed f'dak li jirrigwarda t-tnedija u l-iżviluppi tan-negozjati sabiex jiġu ffirmati ftehimiet bħal dawn. Bħala rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-Ewropa l-Parlament jista' jikkontribwixxi b'mod deċisiv għat-tisħiħ tar-responsabiltà fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-UE, kif ukoll għall-kontroll demokratiku. Ir-Rappporteur tistenna mill-Kummissjoni Ewropea li din tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet skont l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet.

* *


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin  (7.10.2010)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi

(11324/2010 - C7-0391/2010 - 2010/0106(NLE))

Rapporteur: Krzysztof Lisek

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-mandat politiku dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi għal żjajjar qosra lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi tissemma' fil-programm tal-Aja ta’ Novembru 2004.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)(1), il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li għandhom jibdew in-negozjati dwar ir-riammissjoni u l-faċilitazzjoni tal-viżi mal-pajjiżi tal-PEV.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga tas-7 ta' Mejju 2009 li tistabbilixxi s-Sħubija tal-Lvant stipulat l-objettiv fit-tul tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, proċess gradwali li għandu jkun akkumpanjat minn titjib fil-kundizzjonijiet tas-sigurtà għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni irregolari.

Id-deċiżjoni proposta tqis u tirrifletti l-qafas eżistenti għall-kooperazzjoni mal-Ġeorġja, b’mod partikolari l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li beda jopera fl-1 ta’ Lulju 1999, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn l-UE u l-Ġeorġja (approvat fl-14 ta’ Novembru 2006), kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Praga msemmija hawn fuq.

Id-direttivi għan-negozjar għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viżi mal-Ġeorġja ġew adottati mill-Kunsill fis-27 ta’ Novembru 2008. In-negozjati saru tul l-2009 u t-test miftiehem ġie inizjalat fil-25 ta’ Novembru 2009. Sa mill-1 ta’ Ġunju 2006, iċ-ċittadini kollha tal-UE ġew eżentati mir-rekwiżiti tal-viżi meta jivvjaġġaw sa 90 jum f'Ġeorġja.

Id-deċiżjoni proposta dwar il-konklużjoni tal-ftehim tinkludi elementi standard tal-ftehimiet tal-UE dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u tistabbilixxi t-tul ta’ żmien massimu għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-viżi, il-miżati u l-eżenzjonijiet minnhom, id-dokumentazzjoni meħtieġa u l-eżenzjonijiet, kif ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjooni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-faċilitazzjoni għall-membri tal-familji, b’risposta għal talbiet speċifiċi mill-Ġeorġja, sabiex titjieb il-mobilità ta’ għadd akbar ta’ persuni li għandhom rabtiet familjari ma’ ċittadini tal-Ġeorġja li jirrisjedu b’mod legali fit-territorji tal-Istati Membri tal-UE. Id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għar-Renju Unit, l-Irlanda u r-Renju tad-Danimarka, li huma mistiedna jikkonkludu ftehimiet tal-faċilitazzjoni bilaterali tal-viżi, bħalma huma mistiedna l-pajjiżi li mhumiex Membri tal-UE iżda li huma firmatarji tal-Ftehim ta' Schengen.

It-titjib tal-mobilità se jiffaċilita l-kuntatti bejn il-persuni, li hu element essenzjali għall-iżvilupp ta’ rbit ekonomiku, umanitarju, kulturali u rbit ieħor. Għaldaqstant huwa importanti ħafna għar-realizzazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, meta wieħed iqis li l-għan fuq medda twila ta’ żmien hu l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-viżi.

*******

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Frieda Brepoels, Andrzej Grzyb, Heidi Hautala, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Adrian Severin, Ernst Strasser

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikolaos Chountis, Marietje Schaake, Helmut Scholz

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Vergiat

(1)

COM(2006)0726.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sonia Alfano, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Salvatore Iacolino, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Valdemar Tomaševski, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Edit Bauer, Andrew Henry William Brons, Anna Maria Corazza Bildt, Nadja Hirsch, Monika Hohlmeier, Franziska Keller, Ádám Kósa, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Petru Constantin Luhan, Mariya Nedelcheva, Joanna Senyszyn, Cecilia Wikström

Avviż legali - Politika tal-privatezza