Proċedura : 2010/0108(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0346/2010

Testi mressqa :

A7-0346/2010

Dibattiti :

PV 13/12/2010 - 16
CRE 13/12/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0472

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 160kWORD 93k
1.12.2010
PE 448.825v02-00 A7-0346/2010

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

(15507/2010 – C7‑0392/2010 – 2010/0108(NLE))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Nathalie Griesbeck

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

(15507/2010 – C7‑0392/2010 – 2010/0108(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill (15507/2010),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (14654/2010),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 79(3) kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0392/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7‑0346/2010),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukol lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.


NOTA SPJEGATTIVA

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru fl-2004 u wara għal 27 Stat Membru fl-2007 kienet okkazzjoni sabiex l-Unjoni Ewropea toħloq qafas ġdid ta' kooperazzjoni mal-ġirien tagħha fil-lvant u fin-nosinhar; l-Unjoni Ewropea b'hekk impenjat ruħha f'politika tal-viċinat imkabbar li tasal sal-pajjiżi tar-reġjun tal-Kawkasu ta' Isfel u li jkollha l-għan li jkollha relazzjonijiet aktar fil-fond mal-pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntieri esterni tal-UE, li tippromwovi s-sigurtà tagħhom, l-istabilità u l-iżvilupp tagħhom, u tevita li jitfaċċaw firdiet ġodda fuq il-kontinent Ewropew.

L-Ewropa b'hekk kienet qed tagħti sinjal ta' interess dejjem akbar fil-pajjiżi tal-Kawkasu ta' Isfel u llum għandha tkompli l-impenn tagħha lejn il-pajjiżi ta' dan ir-reġjun minħabba li din hija żona li teħtieġ sigurtà qrib il-fruntieri ġodda tagħha. Il-Kawkasu ta' Isfel għandu importanza strateġika għall-Unjoni Ewropea u din tista' tgħin lil dan ir-reġjun sabiex jiżviluppa fil-livell ekonomiku u kummerċjali. Iżda fuq kollox l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea trid tiddistingwi ruħha permezz ta' inkorraġiment ibbażat fuq il-prinċipji ta' governanza tajba u r-rispett assolut tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol attiv fir-reġjun tal-Kawkasu ta' Isfel, hekk kif tfakkar ir-Riżolluzzjoni 2009/2216(INI) adottata mill-Parlament Ewropew f'Mejju 2010, u għandha tfassal strateġija ta' tisħiħ tal-istabbilità, il-prosperità u tgħin biex jitwittu l-konflitti f'dan ir-reġjun.

Barra minn hekk, il-proċess tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Kawkasu ta' Isfel, u speċjalment mal-Ġeorġja, ikun jista' jikkontribwixxi sabiex jittejbu t-twettiq tal-ġustizzja u l-livell tar-rispett tal-libertajiet. Iż-żewġ ftehimiet li saru reċentement mal-Ġeorġja: wieħed dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jkunu fil-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni, u wieħed dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, se jikkontribwixxu bis-sħiħ għal dawn l-objettivi.

* *

Ir-Rapporteur b'hekk qed tapprova l-konklużjoni ta' dawn iż-żewġ ftehimiet interdipendenti u parralleli mal-Ġeorġja; żewġ ftehimiet li se jestendu ż-żona ta' libertà u sigurtà hekk li din tmur lil hinn mill-Unjoni Ewropea biex tinkludi lill-pajjiżi ġirien.

Dawn iż-żewġ ftehimiet huma l-ewwel nett stadju importanti ħafna, pass 'il quddiem, fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja. Filfatt, hemm rieda ċara ħafna li jkun hemm rapprochement bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea li esprimiet ruħha f'dawn l-aħħar snin f'serje sħiħa ta' atti politiki kbar li jinkludu t-tisħiħ ta' koperazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, l-adeżjoni tal-Ġeorġja mal-Kunsill tal-Ewropa jew il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja huwa għalhekk pass 'il quddiem inkurraġġanti meta wieħed iqis l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ġeorġja u għalhekk se jkun sinjal qawwi min-naħa tal-Unjoni Ewropea . Dan se jiffavorixxi t-twaqqif ta' relazzjonijiet ta' ħbiberija, l-istabilità, is-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini.

Barra minn hekk, jirrapreżentaw ukoll interess minn perspettiva reġjonali u se jkunu ta' appoġġ għall-isforzi tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħrajn fir-reġjun. Għall-Ġeorġja dan jikkostitwixxi wkoll progress u inkoraġġiment sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-ġirien tagħha u mal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet jinkuraġġixxu lill-Ġeorġja sabiex timplimenta r-riformi meħtieġa fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Ir-Rapporteur jemmen fi spirtu ta’ impenn u ta’ appoġġ komuni, l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja jistgħu jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni illegali b'mod effettiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili billi jitħeġġew kuntatti u vvjaġġar iktar faċli tan-nies bejn iż-żewġ partijiet kontraenti.

B'mod partikulari, il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi se jiffaċilita l-kuntatti persunali bejn iċ-ċittadini li hija kundizzjoni determinanti sabiex tiżgura l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u relazzjonijiet oħrajn. It-tneħħija tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja timmarka stadju importanti fid-direzzjoni tal-integrazzjoni Ewropea tagħhom. Reġim ta' faċilitazzjoni ta' viżi jkollu importanza kbira fil-ħajja tan-nies għax isaħħaħ il-kuntatti bejn il-popli u jikkonkretizza l-idea tal-moviment ħieles, li huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali fl-Ewropa.

Rigward l-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ ftehimiet:

Ir-Rapporteur tqis li kampanji ta' informazzjoni jidher li huma filfatt neċessarji fil-Ġeorġja sabiex il-popolazzjoni tiġi infurmata dwar is-sitwazzjoni ġdida u tibbenefika mill-possibiltajiet ġodda li jirrizultaw minnha. Barra minn hekk, il-bidliet li se jseħħu fil-politika għall-viżi għandhom ukoll jidhru kemm jista' jkun malajr fuq is-siti tal-internet tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Ir-Rapporteur tirrakkomanda wkoll lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Kumitat Ewropew inkarigat biex isegwi l-applikazzjoni ta' dawn il-ftehimiet sabiex jidentifikaw, wara li jiġu implimentati, l-ostakli jew kwalunkwe restrizzjoni asimetrika eventwali li jkunu jistgħu jaħdmu kontra l-applikazzjoni tajba tagħhom u r-reċiproċità tal-proċeduri, kemm fil-livell tas-servizzi konsulari, kif ukoll fil-livell tal-qsim tal-fruntieri.

Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur jiddispjaċiha li l-Parlament Ewropew ma kienx involut u infurmat biżżejjed f'dak li jirrigwarda t-tnedija u l-iżviluppi tan-negozjati sabiex jiġu ffirmati ftehimiet bħal dawn. Bħala rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-Ewropa l-Parlament jista' jikkontribwixxi b'mod deċisiv għat-tisħiħ tar-responsabiltà fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-UE, kif ukoll għall-kontroll demokratiku. Ir-Rappporteur tistenna mill-Kummissjoni Ewropea li din tipprovdi informazzjoni lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet skont l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet.

* *


OPINJONI TAL-MINORANZA

imressqa skont l-Artikolu 52(3) tar-Regoli ta' Proċedura minn

Tatjana Ždanoka f’isem il-Grupp Verts/ALE

Rui Tavares f’isem il-Grupp GUE/NGL

Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu jiżgura li l-ftehim dwar ir-riammissjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja jkun konformi għal kollox mal-liġi Ewropea u dik internazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali u l-asil. Dan il-ftehim m'għandux jiġi konkluż qabel ma ssir valutazzjoni xierqa tal-ftehimiet ta' riammissjoni eżistenti.

Aħna vvutajna kontra l-ftehim attwali għaliex:

-     għandu l-għan li jirritorna n-nies lejn pajjiż fejn, skont l-Appell Globali 2010-2011 tal-UNHRC, madwar 212 000 persuna ġew spostati internament għal iktar minn 16-il sena, qed jgħixu bi bżonn ta' kenn u mezzi biex isiru awtosuffiċjenti, fejn il-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq is-sess hija komuni ħafna fil-partijiet kollha tas-soċjetà u t-trattament ħażin mill-pulizija huwa ttollerat;

-    japplika wkoll għall-ex residenti tal-Abkhazia u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li m'għandhom l-ebda rabta de facto mal-Ġeorġja;

-    ma jinkludix salvagwardji stretti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-garanzija ta' standards għoljin ta' lqugħ, li huma dgħajfa ħafna fil-Ġeorġja;

-    fih ammont kbir ta' lakuni u ambigwitajiet li jistgħu jiġu ċċarati fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li fih, sfortunatament, il-PE m'għandu l-ebda vuċi, u dan ikun kompletament leġittimu fir-rigward tal-kompetenzi ġodda tiegħu.

-    ma jiggarantix b'mod adegwat il-protezzjoni tad-data personali: data tista' tingħata lil "entitajiet oħra", mingħajr il-ħtieġa tal-kunsens tal-persuna.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

(15507/2010 - C7-0392/2010 - 2010/0108(NLE))

Rapporteur: Krzysztof Lisek

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)(1), il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li għandhom jinbdew negozjati dwar ir-riammissjoni u l-faċilitazzjoni tal-viża mal-pajjiżi tal-PEV.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta’ Praga tas-7 ta’ Mejju 2009 li tistabbilixxi s-Sħubija tal-Lvant, enfasizzat l-importanza tal-promozzjoni tal-mobilità taċ-ċittadini f’ambjent sigur, permezz ta’ ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u dwar ir-riammissjoni. Id-dikjarazzjoni tistabbilixxi l-liberalizzazzjoni tal-viża bħala l-objettiv fuq medda twila ta’ żmien, li għandu jkun akkumpanjat minn titjib fil-kundizzjonijiet tas-sigurtà biex jiġu miġġielda l-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni irregolari.

Id-deċiżjoni proposta tqis u tirrifletti l-qafas eżistenti għall-kooperazzjoni mal-Ġeorġja, b’mod partikolari l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li beda jopera fl-1 ta’ Lulju 1999, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn l-UE u l-Ġeorġja (approvat fl-14 ta’ Novembru 2006), kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Praga msemmija hawn fuq.

L-awtorizzazzjoni formali għan-negozjati dwar il-ftehim ta' riammissjoni mal-Ġeorġja ġie adottat fis-27 ta’ Novembru 2008 u t-test miftiehem ġie inizjalat fil-25 ta’ Novembru 2009.

Id-deċiżjoni proposta għall-konklużjoni tal-ftehim tinkludi sensiela ta’ elementi standard inklużi fil-ftehimiet ta' riammissjoni konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi. L-obbligi ta’ riammissjoni huma stipulati b’mod kompletament reċiproku u jinkludu ċittadini, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat, filwaqt li jistabbilixxu wkoll il-prerekwiżiti għall-obbligu ta’ riammissjoni fir-rigward ta' dawn it-tnejn tal-aħħar. Il-ftehim jistipula l-arranġamenti għall-applikazzjoni prattika tal-ftehim, inklużi t-twaqqif ta' Kumitat Konġunt għar-Riammissjoni, il-kundizzjonijiet għall-proċedura aċċellerata, klawżoli dwar il-kostijiet, il-ħarsien tad-data u r-relazzjoni ma' obbligi internazzjoni oħrajn. Il-ftehim japplika għat-territorji tal-Ġeorġja u l-UE, bl-esklużjoni tal-Irlanda u d-Danimarka, filwaqt li r-Renju Unit wera x-xewqa tiegħu li jkun parti għal dan il-ftehim.

Il-Ġeorġja rratifikat għadd ta’ konvenzjonijiet internazzjonali relevanti, fosthom il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati u l-Protokoll tal-1967. Il-Ġeorġja hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. Barra minn hekk il-Ġeorġja hija pajjiż sieħeb fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, imsejsa fuq impenji favur il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u n-negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġdid u mtejjeb bejn l-UE u l-Ġeorġja tnedew fil-15 ta’ Lulju 2010. Barra minn hekk, id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Ġeorġja ġie stabbilit u t-tielet sensiela tad-djalogu saret fid-9 ta’ Lulju 2010 f’atmosfera ta’ ħbiberija, miftuħa u kostruttiva.

Meta tikkunsidra l-elementi msemmija hawn fuq, ir-Rapporteur għal opinjoni għaldaqstant temmen li jeżisti qafas sod biżżejjed fil-Ġeorġja sabiex ikun żgurat li d-drittijiet ta' dawk il-persuni indirizzati skont il-ftehim se jiġu rispettati. Il-ftehim ta’ riammissjoni għandu jiġi konkluż fil-ħin u għandu jidħol fis-seħħ fl-istess żmien mal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, minħabba li ż-żewġ ftehimiet huma marbuta.

*******

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Iintern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

(1)

COM(2006)0726.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sonia Alfano, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Salvatore Iacolino, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Nuno Melo, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Valdemar Tomaševski, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Edit Bauer, Andrew Henry William Brons, Anna Maria Corazza Bildt, Nadja Hirsch, Monika Hohlmeier, Franziska Keller, Ádám Kósa, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Petru Constantin Luhan, Mariya Nedelcheva, Joanna Senyszyn, Cecilia Wikström

Avviż legali - Politika tal-privatezza