Proċedura : 2010/2251(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0357/2010

Testi mressqa :

A7-0357/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0459

RAPPORT     
PDF 176kWORD 113k
6.12.2010
PE 452.648v02-00 A7-0357/2010

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

(COM(2010)0613 – C7‑0345/2010 – 2010/2251(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Barbara Matera

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

(COM(2010)0613 – C7-0345/2010 – 2010/2251(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0613 – C7 0345/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(1) (il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-00357/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.  billi Spanja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 350 sensja f'143 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 13 (Manifattura ta' tessuti) fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

2.  Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6   Jinnota madankollu li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li l-funzjonament u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess tar-rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta' eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xxx

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (applikazzjoni EGF/2010/009 ES/Tessuti tal-Comunidad Valenciana minn Spanja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (1), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Fit-22 ta' Marzu 2010, Spanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG fir-rigward tas-sensji f'143 intrapriżi li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 13 (Manifattura ta' tessuti) f''reġjun NUTS II wieħed, il-Comunidad Valenciana (ES52) u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sas-17 ta' Ġunju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 2 059 466.

(5)      Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 059 466 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Ghall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, mislut minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta’ qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur Spanja sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Din hi s-seba' u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 2 059 466 mill-FEAG għal Spanja. Tikkonċerna 544 sensja (350 minnhom indikati għall-għajnuna) f'143 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 13, jiġifieri "Manifattura ta' tessuti" fil-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mit-13 ta' April 2009 sat-12 ta' Jannar 2010.

Din l-applikazzjoni, li tirrigwarda l-każ EGF/2010/009 ES/Tessuti Comunidad Valenciana, tressqet lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2010 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sal-1 ta' Lulju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Art. 2 (b) tar-Regolament FEAG - li jeħtieġ li jkun hemm tal-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa’ xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess taqsima tan-NACE Reviżjoni 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru – u tressqet sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (Artikolu 5 tar-Regolament).

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a), l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-impriżi li keċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ mmaniġġjar u ta' kontroll.

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-appikazzjoni.

Sabiex jiġi mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba ta’ trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 43/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 2 059 466 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Il-Programm Qafas għall-Kompetittivitа u l-Innovazzjoni — Il-Programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-Rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tkompli tidentifika għejun alternattivi ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-fondi mhux użati tal-FSE, f’konformità mat-talbiet li spiss saru mill-Parlament Ewropew.   

Madankollu, hija tqis li d-direzzjoni li ttieħdet f’dawn l-aħħar każijiet (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet serji li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat sittax-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-Għajnuna Teknika, għal ammont totali ta’ EUR 54 878 360 li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 26 732 196 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inkluża din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 418 389 444 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Il-Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment(3) sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressa fl-ittra mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

DEC 43/2010 tad-29 ta’ Ottubru 2010


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)59710

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2010/2010/009 ES/Tessuti minn Spanja tal-Comunidad Valenciana (COM(2010)0613 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ EGF/2010/009 ES/Comunidad Valenciana Textile u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija b’konformità mal-Artikolu 2b tar-Regolament FEAG u tinkludi 350 mill-544 sensja mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ta' 9 xhur bejn it-13 ta’ April 2009 u t-12 ta’ Jannar 2010 f’143 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 13 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' tessuti) fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana;

B)  Billi l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni kkawżaw żieda sostanzjali fl-importazzjoni tat-tessuti fl-UE matul il-perjodu 2004-2008 u tnaqqis ta’ 15% fid-domanda għat-tessuti Spanjoli bejn l-2005 u l-2008; billi r-reċessjoni fis-settur ġiet aggravata aktar bil-kriżi finanzjarja u ekonomika li wasslet għal tnaqqis ta’ 17% fil-produzzjoni tat-tessuti fl-2008 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2007;

C)  Billi l-mudell ta’ attività fil-Comunidad Valenciana huwa kkaratterizzat bil-preżenza għolja ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jispeċjalizzaw l-aktar fil-manifattura tal-għamara, żraben, tessuti, ċeramika u ġugarelli; billi, madankollu, is-settur tas-servizzi jirrappreżenta 60% tal-impjiegi totali f’dn ir-reġjun;

D)  Billi l-għadd ta’ sensji fis-settur tat-tessuti tal-Comunidad Valenciana żied b’40.61% f’sentejn (2008-2009); billi l-għadd ta’ dawn is-sensji għandu impatt qawwi fuq il-livell lokali minħabba l-konċentrazzjoni tas-settur f’numru żgħir ta’ nħawi minħabba li l-attività tal-manifattura tat-tessuti tinsab f’distretti industrijali fejn dan is-settur jiddomina;

E)  Billi 61.7% tal-ħaddiema kkonċernati huma rġiel u 22.5% ta’ dawk ikkonċernati għandhom ’il fuq minn 55 sena;

F)  Billi erbgħa mill-ħaddiema kkonċernati għandhom diżabilità;

G)  Billi 52.1% tal-ħaddiema kkonċernati jħaddmu l-magni; billi 36.2% tal-ħaddiema kkonċernati huma ħaddiema tekniċi, skrivani u ħaddiema tal-artiġjanat u ta’ sengħa relatata;

H)  Billi 79.9% tal-ħaddiema kkonċernati għandhom biss edukazzjoni bażika (sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja); billi 17.4% għandhom edukazzjoni sekondarja jew terzjarja;

I)  Billi l-miżura ta’ taħriġ għall-aġġornament tal-ħiliet se ssir fuq bażi volontarja f’14-il xahar ta’ taħriġ part-time bi ħlas;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament FEAG huma ssodisfati;

2.  Ifakkar fl-applikazzjoni EGF/2009/014 ES/Comunidad Valenciana li kienet tkopri 1 916 mill-2 425 sensja fl-istess reġjun u fl-istess settur fi Spanja fl-2008/2009 fid-Diviżjoni 23 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta’ prodotti minerali mhux metalliċi oħra) kif ukoll fl-applikazzjoni EGF/2009/014 ES/Comunidad Valenciana – Ġebla Naturali li kienet tikkonċerna 528 sensja fl-istess reġjun;

3.  Jikkonkludi li jinħtieġ approċċ integrat biex jindirizza l-isfidi li r-reġjun Comunidad Valenciana qiegħed iħabbat wiċċu magħhom fir-rigward tat-telf tal-impjiegi fis-settur tal-manifattura, u li l-miżuri tal-FEAG jistgħu jkunu biss parti minnu;

4.  Jiddispjaċih għall-bidu tard tal-miżuri (sena u xahrejn wara l-ewwel sensji); ifakkar lill-Istati Membri dwar l-importanza li jittieħdu miżuri immedjati fis-suq tax-xogħol li jkunu paralleli mal-applikazzjoni tagħhom għall-FEAG;

5.  Huwa interessat li jisma’ dwar l-istrument innovattiv online maħsub biex jgħin individwalment lill-ħaddiema sensjati b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni fit-tiftix tagħhom għal impjieg ġdid;

6.  Jilqa’ l-korsijiet ta’ taħriġ maħsuba biex jikkoreġu n-nuqqas ta’ adegwatezza bejn l-esperjenza professjonali tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tal-impriżi lokali fis-settur ikkonċernat jew ’il barra minnu.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Lajos Bokros, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Lucas Hartong, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig, Georgios Stavrakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Mulder

Avviż legali - Politika tal-privatezza