Proċedura : 2010/2252(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0358/2010

Testi mressqa :

A7-0358/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0458

RAPPORT     
PDF 176kWORD 112k
6.12.2010
PE 452.647v02-00 A7-0358/2010

dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda

(COM(2010)0615 – C7‑0346/2010 – 2010/2252(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Barbara Matera

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (COM(2010)0615 – C7‑0346/2010 – 2010/2252(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0615 – C7‑0346/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda(1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament tal-FEAG),

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0358/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.  billi Spanja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 1154 sensja f'593 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 47 (Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjun NUTS II ta' Aragón,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

2.  Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista’ jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6   Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta' appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, janalizza l-kriterji ta' eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/016 ES/Aragón Retail trade from Spain)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea(3),

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Fis-6 ta' Mejju 2010 Spanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG fir-rigward tas-sensji f'593 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 47 (Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjun NUTS II ta' Aragón (ES24) u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sal-1 ta' Lulju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 1 560 000.

(5)      Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 560 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi

Ghall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

              OJ C […], […], p. […].


NOTA SPJEGATTIVA

I. Il-kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006 dwar dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, mislut minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta’ qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur Spanja sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Din hi s-sitta u għoxrin applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 1 560 000 mill-FEAG għal Spanja. Tikkonċerna 1 154 sensja f'593 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Taqsima 47, jiġifieri "Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi" fil-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Ġunju 2009 sat-28 ta' Frar 2010.

Din l-applikazzjoni, li tirrigwarda l-każ EGF/2010/016 ES/Aragón Retail trade, tressqet lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2010 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sal-1 ta' Lulju 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEAG, li jeħtieġ li jkun hemm tal-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa’ xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess taqsima tan-NACE Reviżjoni 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru, u tressqet sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (Artikolu 5 tar-Regolament).

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a), l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-impriżi li keċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ mmaniġġjar u ta' kontroll.

Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-appikazzjoni.

Sabiex jiġi mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba ta’ trasferiment lill-Awtorità Baġitarja (DEC 41/2010) għall-ammont globali ta’ EUR 1 560 000 mir-riserva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji u mil-linja baġitarja “Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' Intraprenditorjat u Innovazzjoni” (01 04 04) fi ħlasijiet għal-linji baġitarji tal-FEAG (04 05 01).

Ir-RapportEUR tilqa' b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni qiegħda tkompli tidentifika għejun alternattivi ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-fondi mhux użati tal-FSE, f’konformità mat-talbiet li spiss saru mill-Parlament Ewropew.

Madankollu, tqis li d-direzzjoni li ttieħdet f’dawn l-aħħar każijiet (linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ tal-imprenditorija u l-innovazzjoni) mhix sodisfaċenti minħabba n-nuqqasijiet serji li tiltaqa’ magħhom il-Kummissjoni meta timplimenta programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika dawn l-approprjazzjonijiet għandhom fil-fatt jiżdiedu. Għaldaqstant hija tistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforz tagħha biex tidentifika linji baġitarji aktar xierqa għall-ħlasijiet fil-ġejjieni.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

Fl-2010 l-Awtorità Baġitarja diġà approvat sittax-il proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u trasferiment għall-Għajnuna Teknika, għal ammont totali ta’ EUR 54 878 360 li, meta jingħaddu mal-ammont addizzjonali ta’ EUR 26 732 196 li jikkonċerna l-proposti l-oħra li qed jiġu diskussi (inkluża din preżenti), iħallu ammont ta' EUR 418 389 444 disponibbli sal-aħħar tal-2010.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment(3) sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet speċifiċi fil-baġit 2010, kif mitlub mill-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressa fl-ittra mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett xieraq għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

DEC 41/2010 tad-29 ta’ Ottubru 2010


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/jm

D(2010)59693

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2010/016 ES/kummerċ Aragón Retail (COM(2010)615 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEAG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-każ EGF/2010/016 ES/Aragón kummerċ bl-imnut u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija konformi mal-Artikolu 2b tar-Regolament tal-FEAG u tinkludi 1 154 sensja li ġraw matul il-perjodu ta' referenza ta' 9 xhur bejn l-1 ta' Ġunju 2009 u t-28 ta’ Frar 2010 f’593 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 47 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi) fir-reġjun NUTS II ta' Aragón;

B)  Billi l-awtoritajiet Spanjoli jressqu l-argument li l-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslet għal tnaqqis fil-bejgħ minħabba nuqqas ta' kunfidenza tal-konsumaturi flimkien ma' żieda filqgħad; billi dan i-tnaqqis kien abar fi Spapnja milli kien fl-Ewropa kollha kemm hi;

C)  Billi l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għall-kollass f’daqqa waħda tal-ekonomija dinjija b’impatt enormi fuq ħafna setturi; billi mill-2000 sal-2007 -għadd ta' negozji u impjiegi fis-settur tal-kummerċ bl-imnut fi Spanja kiber mkull sens, u għaldaqstant ma kienx mistenni t-tnaqqis qawwi tad-domanda kkawżat mil-kriżi;

D)  Billi l-kotra tal-partijiet tal-komunità awtornoma ta' Aragón għandha densità ta' popolazzjoni anqas mill-medja tal-UE (112 abitant kull km2) u billi s-sensji għandhom impatt ħażin ħafna fuq dan ir-reġjun u jistagħu jipperikolaw l-isforzi magħmula biex il-popolazzjoni tibqa' fit-territorju;

E)  billi l-ekonomija ta' Aragón tradizzjonalment kienet tibbaża fuq iċ-ċereali u t-trobbija tan-nagħaġ u f'dawn l-aħħar għoxrin/tletin sena ġiet ittarsformata bit-tkabbir tas-settur industrijali, is-servizzi u -l-kummerċ, u warajhom it-turiżmu, b'mod partikolari t-turiżmu tal-isports tax-xitwa; billi l-ispinta industrijali lokali kienet akkumpanjata minn espansjoni qawwija tas-settur tas-servizzi bid-distribuzzjoni, fejn iċ-ċentri l-ġodda tax-xiri u tar-rikreazzjoni bbażati f'Zaragoza saru sorsi importanti ta' impjiegi;

F)  Billi, fir-reġjun awtonomu ta' Aragón, ir-rata tal-qgħad telgħet minn 6.2% fit-tielet kwart tal-2008 għal 12% fit-tielet kwart tal-2009, u billi fi Frar 2010 il-qgħad fis-settur tas-servizzi rrappreżenta 56% tal-qgħad totali fir-reġjun;

G)  Billi 73% tal-ħaddiema fil-mira huma nisa u bili 78% ta' dawk fil-mira huma bejn l-etajiet ta' 25 u 54 sena u 15% bejn l-etajiet ta' 15-il sena u 24 sena;

H)  Billi 73.9% tal-ħaddiema fil-mira (għajr dawk tal-"Galerias Primero" li għandhom klassifikazzjoni proprja imma simili) huma ħaddiema tal-bejgħ fil-ħwienet u fis-swieq jew inkella ħaddiema artiġjanali jew ta' snajja' relatati; billi 14.4% tal-ħadiema fil-mira kienu impjegati f'xogħol elementari;

I)  Billi mhija disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-livell ta' edukazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati;

J)  Billi l-esperjenza ta' Spanja b'każijiet tal-FEAG turi li l-ħaddiema ssensjati mhux kollha se jipparteċipaw fil-miżuri offruti; billi, għalhekk, l-għadd ta' parteċipanti attivi jista' jkun biss stima, u billi l-pjan finanzjarju huwa kkalkulat sknt din l-istima; billi , b'dan, Spanja tevita li jkollha tirrifondi ammonti kbar ta' kontribuzzjonijiet tal-UE li ma jkunux intużaw;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont ir-Regolament tal-FEAG huma ssodisfati;

2.  Jinnota li l-għadd totali ta' parteċipanti fil-miżuri proposti huwa stima bbażata fuq l-esperjenzi bl-applikazzjonijiet preċedenti;

3.  Jiddispjaċih għall-bidu tard tal-miżuri (11-il xahar wara l-ewwel sensji); ifakkar lill-Istati Membri dwar l-importanza li jittieħdu miżuri immedjati tas-suq tax-xogħol b'mod parallel mal-applikazzjoni tagħhom għall-FEAG;

4.  Ikun interessat isir jaf jekk il-miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid iwasslux għaċ-ċertifikazzjoni tal-esperjenza professjonali jew għal diplomi addizzjonali li jiddokumentaw il-ħiliet miksuba;

5.  Jilqa' l-miżura li tipprovdi tutorat ta' tliet xhur wara r-reintegrazzjoni fix-xogħol, biex ma tħallix li jqumu problemi possibbli fl-impjiegi l-ġodda;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi analiżi fil-fond rigward is-suċċess tal-miżuri differenti ta' inċentiv u wkoll bi tqabbil ma' applikazzjonijiet oħra minn Stati Membri oħra għal informazzjoni dwar liema miżuri jaħdmu f'liema kundizzjonijiet;

7.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali li qablu mat-tressiq ta' din l-applikazzjoni għal miżuri tal-FEAG u li kienu attivament involuti fit-tfassil tal-applikazzjoni.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Lajos Bokros, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Lucas Hartong, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig, Georgios Stavrakakis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Mulder

Avviż legali - Politika tal-privatezza