RAPPORT dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009
15.12.2010 - (2010/2137(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Derk Jan Eppink
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (COM(2010)0282) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li huwa mehmuż mar-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (SEC(2010)0666),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament KE dwar il-Merġers)[2],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti[3] (il-Komunikazzjoni Bankarja),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2008 dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa[4] (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità[5] (il-Komunikazzjoni dwar Assi Indeboliti),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2009 dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat[6] (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar), b’dawn l-aħħar erba' Komunikazzjonijiet minn issa ’l quddiem imsemmija flimkien bħala “l-erba’ Komunikazzjonijiet għas-settur finanzjarju”,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali[7] (il-Qafas Temporanju),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Frar 2009 bit-titolu “Linji gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti”[8],
– wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat[9], l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat[10] u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali[11] (il-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent[12],
– wara li kkunsidra t-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għar-Rebbiegħa 2009 (COM(2009)0164), għall-Ħarifa 2009 (COM(2009)661) u għar-Rebbiegħa 2010 (COM(2010)0255),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti tal-Politika dwar il-Kompetizzjoni għall-2006 u l-2007[13] u tat-2 ta’ Frar dwar ir-Rapport tal-Politika dwar il-Kompetizzjoni għall-2008[14],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa[15],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-Parlament tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta’ poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea[16],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7–0374/2010),
A. billi ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ta’ dawn l-aħħar sentejn qajmu l-ħtieġa għal miżuri eċċezzjonali; billi l-isforzi tal-Kummissjoni għenu sabiex jiġu stabilizzati s-swieq finanzjarji filwaqt li fl-istess ħin tiġi mħarsa l-integrità tas-Suq Uniku,
B. billi, fi żminijiet ta’ kriżi, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja, jerġgħu jiġu stabbiliti l-flussi tal-kreditu u tiġi rriformata s-sistema finanzjarja biex is-swieq jaħdmu sewwa, u billi r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom għalhekk jiġu applikati b'mod flessibbli imma strett,
C. billi l-protezzjoniżmu u n-nuqqas ta’ infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni jservu biss biex japprofondixxu l-kriżi u jtawluha,
D. billi l-politika tal-kompetizzjoni hija għodda essenzjali biex tgħin lill-UE jkollha suq intern dinamiku, effiċjenti u innovattiv, u biex tkun kompetittiva fix-xena dinjija, kif ukoll biex tegħleb il-kriżi finanzjarja,
E. billi l-iżbilanċi tal-baġit li qed jikbru u l-livelli tad-djun pubbliċi li qed jogħlew f'bosta Stati Membri jistgħu jkomplu jżommu lura l-pass tal-irkupru ekonomiku u tat-tkabbir ekonomiku għal snin sħaħ,
F. billi l-gvernijiet tal-Istati Membri, bħala reazzjoni għall-kriżi ekonomika, taw ammont konsiderevoli ta’ għajnuna statali fil-forma, pereżempju, ta’ skemi ta’ garanzija, skemi ta’ rikapitalizzazzjoni u forom komplementari ta’ għajnuna f’likwidità fuq iffinanzjar bankarju; billi dawn il-miżuri pprovdew lill-banek b’sors sinifikattiv ta’ ffinanzjar u ta’ assigurazzjoni kontra r-riskji li normalment is-settur finanzjarju jiffaċċja,
G. billi l-analiżijiet empiriċi jissuġġerixxu li din l-għajnuna statali ġġenerat għadd ta’ effetti u distorsjonijiet, bħalma huwa tnaqqis tal-marġni tal-bonds privati, li jeħtieġ li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-għajnuna jew meta r-regoli eċċezzjonali fis-seħħ jiġġeddu għal żmien itwal,
H. billi l-governanza fiskali hija fattur importanti għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-kompetizzjoni, u għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern,
I. billi l-kompetizzjoni għadha mhix perfetta fis-settur tal-enerġija, fil-produzzjoni agrikola u f'setturi oħrajn,
J. billi l-iżvilupp b'suċċess tal-SMEs f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa huwa wieħed mill-aktar prekondizzjonijiet essenzjali biex tingħeleb b'mod effikaċi l-kriżi finanzjarja,
Kummenti ġenerali
1. Jilqa’ r-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009;
2. Huwa sodisfatt jinnota li l-Kummissjoni mal-ewwel irreaġixxiet għall-kriżi; jifraħ lill-Kummissjoni għall-użu effettiv tagħha tal-miżuri dwar il-politika tal-kompetizzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali;
3. Ikompli jappoġġa rwol aktar attiv għall-Parlament fit-tfassil tal-politika tal-kompetizzjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ rwol ta’ koleġiżlazzjoni; jitlob li l-Parlament jiġi infurmat regolarment b'kull inizjattiva f'dan il-qasam;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex għal darb’oħra, bħala l-unika awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni fl-UE kollha, tirrapporta fid-dettall u kull sena lill-Parlament dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u biex tispjega kull diverġenza mir-rakkomandazzjonijiet li jkun għamel il-Parlament; jinnota li t-tweġiba mill-Kummissjoni għar-Rapport tal-Kompetizzjoni tal-Parlament għall-2008 hija sempliċi sommarju tal-azzjonijiet li ttieħdu, u ma tipprovdi l-ebda għarfien dwar l-effikaċja tal-miżuri;
5. Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni tal-UE bbażata fuq il-prinċipji ta' swieq miftuħa u kundizzjonijiet ugwali fis-setturi kollha hija l-pedament ta' suq intern ta' suċċess u prekundizzjoni għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien;
6. Jenfasizza s-sejħiet tiegħu għall-konsistenza bejn il-politiki u l-prijoritajiet kollha tal-UE inklużi fl-istrateġija 2020 tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li dan huwa ta' importanza speċjali fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni;
7. Jisħaq fuq l-importanza tas-servizzi ta' interess ġenerali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tal-pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-qafas provdut mit-Trattat ta' Lisbona meta tkun qiegħda tikkonkludi l-ħidma tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE dwar is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u jitlob biex ikun involut mill-qrib fis-segwitu tal-Kummissjoni għall-konsultazzjoni miftuħa dwar ir-regoli tal-għajnuna statali għas-Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu regoli tal-kompetizzjoni ċari li jkunu ta' għajnuna u utli għall-SMEs;
9. Jirrimarka li l-SMEs huma partikolarment importanti għall-ekonomija Ewropea kollha kemm hi; jenfasizza, barra minn hekk, il-potenzjal kbir ta' innovazzjoni tal-SMEs u jtenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi kapitolu ddedikat li jiffoka fuq kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta u mhux diskriminatorja għall-SMEs;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn nies esperti indipendenti u affidabbli għall-valutazzjonijiet u l-istudji meħtieġa għall-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni; iħeġġiġha tippubblika r-riżultati tagħhom;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li ‘fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur’, jiġi implimentat f'leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-ġejjieni;
12. Jitlob li l-Kummissjoni fir-rapport annwali tagħha tesponi b'aktar qawwa l-vantaġġi tal-kompetizzjoni għall-konsumaturi;
13. Jilqa' b'interess ir-Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament tal-Kunsill 1/2003, ippreżentat mill-Kummissjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u, filwaqt li jaqbel li huwa pedament fil-proċess tal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u tal-koordinament tal-azzjoni mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali, jinnota l-ħtieġa li jingħelbu d-differenzi ta' opinjoni rigward it-twaqqif tal-prijoritajiet, l-aspetti importanti tal-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni u l-funzjonament tas-sistemi ta' kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effikaċi;
14. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' sinerġiji bejn il-politika tal-kompetizzjoni u dik tal-ħarsien tal-konsumatur, inkluż permezz tal-ħolqien ta' forma ta' rimedju kollettiv Ewropew għall-vittmi individwali tal-vjolazzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 li tistipula li l-kumpens għandu jitħallas biss lill-grupp ta' persuni identifikat jew lil persuni nnominati minnhom għad-danni li jkunu effettivament batew; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-modi kif mekkaniżmu bħal dan ikun jista' jiġi inkorporat fis-sistema legali nazzjonali eżistenti;
15. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust u jenfasizza li l-proposta leġiżlattiva pendenti fir-rigward tiegħu għandha tinkludi l-kontenut tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper: Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni, mingħajr ma ddgħajjifha b'mod li ma jkunx meħtieġ, biex tiffaċilita talbiet individwali u kollettivi għal kumpens effettiv għal danni li jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-antitrust tal-UE; leġiżlazzjoni bħal din għandha tkun ta' natura transsettorjali, tevita l-eċċessi tas-sistema tal-Amerika ta' Fuq u tiġi adottata bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni);
16. Jenfasizza li appoġġa t-talba tal-Kummissjoni biex jiġu allokati aktar riżorsi għall-persunal tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni fil-baġit tal-2011; jitlob li jiġi mgħarraf dwar kif ikunu ntużaw ir-riżorsi addizzjonali; ifakkar fit-talba tiegħu biex persunal attwali tal-Kummissjoni jerġa' jiġi assenjat lill-kompetenzi ewlenin tal-Kummissjoni;
17. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' politika tal-kompetizzjoni li jkollha suċċess u l-funzjonament bla restrizzjonijiet tas-suq intern huma prekondizzjonijiet essenzjali għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea;
18. Jenfasizza li l-isforzi attwali favur il-konsolidament fiskali u l-irkupru sostenibbli għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex isir progress biex ikun hemm kundizzjonijiet fiskali aktar ugwali; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tassazzjoni ambjentali (tal-karbonju, tar-riżorsi) tipprovdi soluzzjoni xierqa għax tindirizza prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent u li huma 'input' fil-produzzjoni industrijali u għax ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq uniku;
19. Iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u r-rinforz ta' standards miftuħa u tal-interoperabilità biex jiġi evitat li jkun hemm irbit teknoloġiku tal-konsumaturi u tal-klijenti ma' minoranza ta' parteċipanti fis-suq;
Kapitolu ta’ Approfondiment: Il-Politika tal-Kompetizzjoni u l-Kriżi Finanzjarja u Ekonomika
20. Jilqa’ r-regoli temporanji dwar l-għajuna mill-Istat bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, li huma l-erba’ Komunikazzjonijiet għas-settur finanzjarju u l-Qafas Temporanju dirett lejn is-setturi l-oħra; jinnota l-estensjoni għal sena oħra tal-applikazzjoni tal-miżuri temporanji dwar l-għajnuna statali;
21. Huwa mħasseb dwar il-fatt li dawn il-miżuri, li huma temporanji fin-natura, finalment jistgħu ma jirriżultawx daqstant temporanji; jisħaq fuq il-ħtieġa li jieqfu l-miżuri u l-eżenzjonijiet temporanji mill-aktar fis, b'mod partikolari fis-settur awtomotiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi ċarezza dwar il-kriterji ta’ tmiem gradwali li se jintużaw biex tittieħed deċiżjoni dwar l-estensjoni possibbli tagħhom;
22. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tqis jekk il-qafas temporanju eżistenti hux qiegħed jagħti kontribut reali biex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet fl-Unjoni kollha u jekk l-applikazzjoni b'diskrezzjoni tal-qafas hijiex qiegħda tagħti l-aħjar riżultat f'dan ir-rigward;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji valutazzjoni dettaljata tad-deċiżjonijiet adottati fil-qafas tal-applikazzjoni tal-miżuri temporanji dwar l-għajnuna statali bi tweġiba għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, filwaqt li tqis l-ambitu u l-grad ta' trasparenza u konsistenza tal-miżuri differenti li huma bbażati fuq il-qafas, u biex tehmeż din il-valutazzjoni mar-rapport annwali li jmiss tagħha dwar il-kompetizzjoni;
24. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika, fl-2010, rapport komprensiv dwar l-effikaċja tal-għajnuna statali mogħtija għall-'irkupru aħdar' u l-għajnuna statali għall-ħarsien tal-ambjent;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li terġa' tinġieb fl-istat li kienet fih il-pożizzjoni kompetittiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji li ma rrikorrewx għar-regoli temporanji dwar l-għajnuna statali;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-banek iħallsu lura l-għajnuna statali hekk kif jirkupra s-settur finanzjajru, biex b'hekk jiżguraw kompetizzjoni ġusta fis-suq intern u kundizzjonijiet ta' ħruġ ugwali għal kulħadd;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-miżuri vinkolanti ta’ ristrutturar marbuta ma’ effetti potenzjali ta’ distorsjoni li jirriżultaw f’differenzi fil-kundizzjonijiet tal-ħlas lura bejn l-Istati Membri;
28. Jenfasizza madankollu li l-konsolidament li għaddej bħalissa fis-settur bankarju fil-fatt żied is-sehem tas-suq ta' bosta istituzzjonijiet finanzjarji kbar, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni żżomm għajnejha fuq is-settur biex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji Ewropej, anke bi pjanijiet ta' ristrutturar li jeħtieġu s-separazzjoni ta' attivitajiet bankarji f'każijiet meta d-depożiti tal-konsumaturi jkunu ntużaw għal sussidji trasversali għal attivitajiet bankarji ta' investiment li jinvolvu riskju ikbar;
Eżami tar-regoli temporanji tal-għajnuna statali adottati b'reazzjoni għall-kriżi
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi studju li juri l-impatt tal-miżuri ta' għajnuna statali fuq l-ekonomija;
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament analiżi dettaljata tal-impatti li l-għajnuna statali kellha fuq il-kompetizzjoni matul il-kriżi;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara valutazzjoni tal-impatt komprensiva bħal din, timplimenta miżuri korrettivi fejn ikun meħtieġ biex tiżgura kundizzjonijiet ugwali fis-suq uniku;
32. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata tal-konsegwenzi tal-mekkaniżmi riveduti tal-għajnuna statali adottati b'reazzjoni għall-kriżi, fir-rigward tal-kompetizzjoni u ż-żamma ta' kundizzjonijiet ugwali fl-UE, ir-riformi finanzjarji u l-ħolqien tal-impjiegi;
33. Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod attiv mal-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-valutazzjoni tar-regoli temporanji stabbiliti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika billi jipprovdu rapporti f'waqthom u dettaljati dwar l-implimentazzjoni u l-effikaċja tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' kif jaħdmu u tfassal studju dwar l-impatt tal-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi fuq l-Unjoni Ewropea;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura livell massimu ta' trasparenza u tikkonforma strettament mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl-approvazzjoni tal-għajnuna statali u fl-adozzjoni ta' miżuri ta' ċessjoni;
35. Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi studju li jistħarreġ l-impatt li jista' jkollha l-għajnuna tal-BĊE fir-rigward tal-likwidità għal dik li hi distorsjoni tal-kompetizzjoni;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-massa monetarja M3 fir-rigward tal-għajnuna statali li ġiet approvata biex jiġi evitat li jkun hemm kapitalizzazzjoni żejda mhux intenzjonata tal-kumpaniji, xi ħaġa li sussegwentement tgħawweġ il-kompetizzjoni;
Il-kontroll tal-għajnuna statali
37. Jinnota li l-politika dwar l-għajnuna statali hija parti integrali mill-politika tal-kompetizzjoni u li l-kontroll tal-għajnuna statali jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha li jkunu qed iwettqu attivitajiet fis-suq uniku Ewropew;
38. Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-għajnuna statali sabiex jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ta’ appoġġ ma jintużawx biex jipproteġu l-industriji nazzjonali b’mod li jagħmel ħsara lis-suq intern u lill-konsumaturi Ewropej;
39. Iqis li huwa essenzjali li meta ssir l-evalwazzjoni ta’ jekk l-għajnuna statali tkunx kompatibbli mat-Trattat, jinstab bilanċ ġust bejn l-effetti negattivi tal-għajnuna statali fuq il-kompetizzjoni u l-finanzi pubbliċi u l-effetti pożittivi tagħha f’termini ta’ interessi komuni;
40. Jitlob għall-ħolqien ta’ kriterji ċari għaċ-ċessjonijiet, fil-kunsiderazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-kumpaniji kkonċernati fi żmien medju, jiġifieri fuq it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi kif ukoll rigward it-tnaqqis fis-sehem ta' dawn il-kumpaniji fis-suq dinji;
41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tispezzjona bir-reqqa s-sistemi li hemm fis-seħħ f’ċerti Stati Membri li jikkonċernaw għajnuna fiskali statali, biex jeżaminaw in-natura nondiskriminatorja u trasparenti tagħhom;
42. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkostitwixxi u ssaħħaħ l-unità tagħha għall-għajnuna fiskali statali;
43. Iqis li sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tidentifika aħjar is-sistemi ta' kompetizzjoni fiskali li jagħmlu ħsara, huwa essenzjali li d-deċiżjoni dwar in-notifikazzjoni awtomatika tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa meħuda fl-2002 mill-grupp ta' ħidma għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE għat-tassazzjoni tan-negozji (dokument tal-Kunsill 11077/02) jiġu implimentati għalkollox mill-Istati Membri;
44. Jinnota bi tħassib li l-irkupru ta’ għajnuna illegali mill-Istati jibqa’ proċess twil u kumpless; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tissikka l-proċeduri u tibqa’ tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li jiksru l-liġi ripetutament;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina kemm allokazzjoni ġeneruża wisq ta' permessi b'xejn ta' EUA (Kwoti ta' Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea) f'ċerti setturi tista' tgħawweġ il-kompetizzjoni, meta jitqies li dawn il-permessi, li l-effiċjenza tagħhom naqset minn meta naqset ir-rata tal-attività ekonomika, iġġeneraw profitti mhux mistennija għal ċerti kumpaniji filwaqt li naqqsu l-inċentivi li jagħtu s-sehem tagħhom fit-tranżizzjoni għal ekonomija ekoeffiċjenti;
46. Jenfasizza li l-għajnuna statali għandha primarjament tkun indirizzata biex tippromwovi proġetti b'interess komuni fl-Unjoni bħall-introduzzjoni tal-infrastrutturi tal-broadband u tal-enerġija;
47. Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar in-netwerks tal-broadband li jkopru l-għajnuna statali għal netwerks bażiċi tal-broadband (servizzi broadband ADSL, bil-cable, mobbli, mingħajr fili jew bis-satellita) u l-appoġġ għan-netwerks NGA ta' veloċità għolja ħafna (fl-istadju attwali, netwerks ibbażati fuq il-fajbers jew netwerks bil-cable avvanzati u aġġornati) u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu u jippromwovu l-aħjar prattiki u jżidu l-kompetizzjoni;
48. Jistieden lill-Kummissjoni – filwaqt li tqis li hi meħtieġa t-tlestija tas-suq intern għall-modalitajiet kollha ta’ trasport – tippubblika rapport b’titwila lejn l-għajnuna statali kollha offruta lis-settur tat-trasport pubbliku;
49. Itenni l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna statali għall-ħarsien ambjentali fil-qasam tat-trasport, li jgħinu biex tingħata spinta lis-sostenibilità tal-qasam tat-trasport Ewropew; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ttejjeb il-karatteristika msejsa fuq l-inċentiv tal-għajnuna statali awtorizzata fil-qasam tat-trasport;
Antitrust
50. Jilqa' l-pożizzjoni soda li ħadet il-Kummissjoni dwar l-imġiba antikompetittiva f’dawn l-aħħar snin;
51. Jilqa' bi pjaċir l-estensjoni tar-Regolament tal-Eżenzjoni Ġenerali Vertikali, peress li dan jiżgura bilanċ bejn il-manifatturi u d-distributuri; jirrimarka madankollu li l-Kummissjoni ma qisitx biżżejjed iċ-ċirkostanzi speċifiċi relatati mal-bejgħ fuq l-internet, b'mod partikolari fir-rigward tal-Aġenda Diġitali u fid-dawl tal-isforzi attwali tagħha biex tlesti għalkollox is-suq intern għall-kummerċ elettroniku;
52. Jirrimarka b'mod partikolari li, fid-dawl tal-miżuri ta' sorveljanza tas-suq segwiti bħalissa mill-Kummissjoni, l-ammissibilità skont il-leġiżlazzjoni antitrust tal-akkwisti konġunti minn distributuri kbar li joperaw fil-livell internazzjonali hija dibattibbli;
53. Jinnota madankollu li fil-prattika n-nuqqas ta' konformità ma' restrizzjonijiet temporanji tal-klawsoli tal-kompetizzjoni bl-ebda mod mhuwa rari, u jitlob lill-Kummissjoni toqgħod partikolarment attenta għal prattiki inaċċettabbli ta' dan it-tip;
54. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-qafas regolatorju integrat tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-użu tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni bħala għodda biex jiġi evitat li jkun hemm abbuż tal-IPRs;
55. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE, biex tqis kif jixraq id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u għal dan il-għan tadotta l-miżuri neċessarji biex jintlaħaq dan l-objettiv;
56. Ifakkar li l-kartelli jirrappreżentaw ksur mill-iktar serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni; jemmen li dan il-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni jmur kontra l-interessi taċ-ċittadini tal-UE peress li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet orħos;
57. Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex fl-inizjattivi tagħha ttejjeb il-koordinazzjoni bejn l-approċċ skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u ieħor skont il-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur;
58. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta' miżuri orjentati lejn l-aġir u l-konsegwenzi ta' dawn il-miżuri għall-klijenti u l-konsumaturi;
59. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta tivvaluta abbużi possibbli minn pożizzjonijiet dominanti, u ssib li l-pożizzjoni dominanti ma ġietx abbużata, tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-hekk imsejjaħ “trickle down economics”, fejn il-popolazzjoni suppost li tgawdi indirettament minn benefiċċji magħmula lin-negozji;
60. Jemmen li l-użu tal-istrument tal-multi li dejjem qed ikomplu jogħlew bħala l-uniku strument antitrust jista’ jkun goff wisq, l-aktar meta jitqies it-telf potenzjali ta’ impjiegi li jista' jirriżulta mill-inkapaċità li jsiru ħlasijiet, u jitlob li tiġi żviluppata firxa usa' ta' strumenti aktar sofistikati, li jkopru kwistjonijiet bħar-responsabilità individwali, it-trasparenza u r-responsabilità tal-kumpaniji, proċeduri iqsar, id-dritt għad-difiża u għal proċess ġust, il-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-operazzjoni effikaċi tal-applikazzjonijiet għall-klemenza (b'mod partikolari biex tingħeleb l-interferenza kkawżata mill-proċessi ta' skoperta fl-Istati Uniti), il-programmi ta' konformità korporattiva u l-iżvilupp ta' standards Ewropej; jippreferi l-approċċ "tal-inċentiv u l-kastig", b'pieni li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;
61. Jitlob lill-Kummissjoni mill-ġdid biex, jekk dan ikun f'loku, tinkorpora l-bażi għall-kalkolu ta' multi u l-prinċipji l-ġodda dwar il-multi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2003;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi investigazzjoni ġenerali rigward il-prezzijiet tal-minerali tal-ħadid;
Kontroll tal-merġers
63. Jenfasizza, aktar minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi, l-importanza li jiġu identifikati oqsma fejn tista' titnaqqas il-burokrazija żejda u fejn tista' tintlaħaq aktar konverġenza bejn ir-regoli nazzjonali u tal-UE applikabbli;
64. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika attwali ma tiġġustifikax l-illaxkar tal-politiki tal-UE dwar il-kontroll tal-merġers;
65. Jenfasizza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-merġers għandha tiġi vvalutata mill-perspettiva tas-suq intern kollu kemm hu;
Żviluppi settorjali
66. Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja l-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti bażiċi wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008 (paragrafu 40) u, fejn ikun xieraq, tindirizza l-ispekulazzjoni;
67. Jirrikonoxxi li l-konċentrazzjoni għolja fis-suq u n-nuqqas ta' trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi jistgħu jfixklu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni u jaffettwaw b'mod negattiv l-industrija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina s-swieq tal-prodotti bażiċi, bħal dawk tal-minerali tal-ħadid u b'mod partikolari tal-erbatax-il materja prima importanti identifikati mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit kemm dawn is-swieq jirrikjedu aktar trasparenza u kompetizzjoni, billi wħud minn dawn il-prodotti bażiċi huma ta' importanza fundamentali għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji ekoeffiċjenti (bħal pannelli fotovoltajċi u l-batteriji tal-joni tal-litju);
68. Jafferma li t-trasparenza hija prerekwiżit essenzjali biex is-swieq finanzjarji jaħdmu sew; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu li tista' biex tiżgura li d-data dwar is-swieq finanzjarji tkun żvelata f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE u, f'dan ir-rigward, jilqa' bi pjaċir l-inizjattivi biex jiġi evitat li jkun hemm abbuż tal-kodiċi ISIN u RIC għall-identifikazzjoni tat-titoli;
69. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja s-SEPA (Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro) biex jiġi żgurat li s-sistema ta' pagamenti tkun aċċessibbli, mhux diskriminatorja, trasparenti u effiċjenti u ma tfixkel bl-ebda mod il-kompetizzjoni; jitlob li jkun hemm sorveljanza mill-qrib tal-aspetti tas-sistema li jaffettwaw il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE;
70. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-pagamenti bil-kards, bi qbil mal-prinċipji tas-SEPA, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-pagamenti transkonfinali u jiġi mmassimizzat il-potenzjal tas-suq intern; jitlob li jkun hemm sorveljanza sistematika tal-iżviluppi f'dawn is-swieq u li r-rapporti annwali dwar il-kompetizzjoni jinkludu indikaturi ta' progress f'dan ir-rigward;
71. Jemmen li l-ksur tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni fis-suq tal-karti ta' pagament ikollu effetti negattivi fuq il-konsumaturi; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha kontra imposti ogħla mis-soltu ta' skambju multilaterali transkonfinali li jwasslu għal prezzijiet ogħla tal-prodotti għall-konsumaturi;
72. Jiddispjaċih li l-konsumaturi tal-enerġija fl-UE qegħdin ikomplu jbatu minħabba d-distorsjoni fis-suq tal-enerġija; jenfasizza li l-kompetizzjoni reali fis-swieq tal-enerġija twassal għal aktar innovazzjoni, għal provvista tal-enerġija aktar sikura u bi prezzijiet raġonevoli u għal anqas impatt fuq l-ambjent; josserva li ostakli persistenti fis-settur tal-enerġija jinkludu interkonnessjoni insuffiċjenti, nuqqas ta' trasparenza fis-sistema ta' trażmissjoni li biha l-operaturi jallokaw l-enerġija lill-produtturi, u definizzjonijiet differenti tal-kategoriji ta' riċevituri tas-servizz fost l-Istati Membri;
73. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija mill-Istati Membri u tivvaluta l-effikaċja tiegħu għall-ħolqien ta' suq intern li jiffunzjona; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda inkjesta oħra dwar is-settur tal-enerġija jekk din il-valutazzjoni tasal għal konklużjoni negattiva;
74. Jenfasizza l-importanza partikolari tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni biex ikun hemm innovazzjoni, jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-ekonomija diġitali u tiġi żviluppata s-soċjetà tal-għarfien; iqis li huwa tal-akbar importanza li tiġi żgurata l-interoperabilità, li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tan-netwerks u li jinżammu s-swieq miftuħa biex l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-bażi tal-mertu tal-prodotti tagħhom;
75. Ifakkar li l-konverġenza diġitali u l-importanza li kulma tmur qed tikber tal-interoperabilità u tal-istandards huma kwistjonijiet ewlenin għall-ICTs fl-ambjent globali li kulma jmur qed isir dejjem aktar interkonness; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li tiġi żgurata b'mod kontinwu l-kompetizzjoni ħielsa fil-qasam tal-ICT hekk kif prodotti u servizzi diġitali ġodda jidhru fis-suq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-linji gwida imminenti dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali;
76. Jappoġġa l-miżuri tal-Kummissjoni li jinkoraġġixxu l-provvista ta' kopertura adegwata tal-broadband bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd għaċ-ċittadini Ewropej kollha u jistedinha tirdoppja l-isforzi tagħha biex iżżomm taħt kontroll it-tariffi tar-roaming transkonfinali għall-komunikazzjoni elettronika u biex tinkludi dettalji tal-progress f'dan ir-rigward fir-rapporti annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni;
77. Jenfasizza r-rwol ġdid u importanti tal-politika tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq diġitali u tirreaġixxi malajr fejn meħtieġ biex iżżomm il-pjattaformi diġitali miftuħin kemm jista' jkun billi tapplika b'mod strett ir-regoli tal-kompetizzjoni;
78. Jenfasizza l-importanza li jiġi promoss suq diġitali intern; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu promossi l-fiduċja tal-konsumaturi fis-servizzi online u l-aċċessibilità tagħhom, b'mod partikolari billi jittejbu d-drittijiet tal-konsumaturi u l-ħarsien tal-informazzjoni privata u jitneħħew l-ostakoli li għad fadal għall-kummerċ u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali online;
79. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fis-settur tat-telekomunikazzjoni jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha, sabiex titneħħa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri ulterjuri jekk ir-riżultati mistennija, jiġifieri prezzijiet orħos għall-konsumaturi, ma jintlaħqux;
80. Jinnota r-Regolament (KE) Nru 544/2009 dwar it-tariffi tar-roaming intra-Komunitarju, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2010, biex b'hekk ġab lill-konsumaturi benefiċċji fil-forma ta' tnaqqis fil-prezzijiet għas-servizzi tar-roaming bil-vuċi jew bl-SMS; jirrimarka, madankollu, li l-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming għadha ma żviluppatx biżżejjed u li għad baqa' problemi strutturali; jitlob lill-Kummissjoni biex fl-eżami tagħha tal-2011 tipprevedi l-għażla li jitneħħew għalkollox id-drittijiet għar-roaming intra-UE;
81. Jiddispjaċih dwar il-każijiet ta' rkanti mhux trasparenti ta' frekwenzi mobbli ġodda tar-raba' ġenerazzjoni f'xi Stati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja mill-qrib ħafna l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan ir-rigward u tobbliga lill-Istati Membri jwettqu analiżi bir-reqqa tal-impatt tad-deċiżjonijiet dwar l-ispettru fuq il-kompetizzjoni u tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-eżiti antikompetittivi bi qbil mad-Direttiva GSM emendata, biex b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti fis-suq u għal dawk ġodda fis-suq;
82. Jirrikonoxxi l-Komunikazzjoni riveduta dwar ix-Xandir ta' Lulju 2009 li tafferma mill-ġdid il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-ambitu, il-finanzjament u l-organizzazzjoni tax-xandir tas-servizz pubbliku filwaqt li tirrikonoxxi r-responsabilità tal-Kummissjoni li tikkontrolla l-iżbalji ċari, u jistieden lill-Istati Membri jżommu bilanċ fost is-servizzi tal-midja diġitali offruti u biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta, u b'hekk jinżamm ambjent medjatiku dinamiku fil-kuntest onlajn;
83. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali lis-settur tal-posta u tħaffef il-progress tagħhom;
84. Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni akbar bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, biex jiżviluppaw mudell komuni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti tal-ikel – abbażi ta' skambju kontinwu ta' informazzjoni, l-identifikazzjoni bikrija ta' oqsma problematiċi u t-tqassim effiċjenti tal-kompiti bejn il-membri tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni – ladarba s-swieq tal-oġġetti tal-ikel x'aktarx huma limitati għal-livell nazzjonali u għandhom bosta karatteristiki legali, ekonomiċi u kulturali differenti;
85. Jenfasizza li din il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira lejn l-iżvilupp ta' approċċ koerenti f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, għall-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta u prestazzjoni ottimali tal-katina tal-provvista tal-oġġetti tal-ikel għall-ġid tal-konsumaturi;
86. Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tas-sorveljanza attwali tas-suq kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tinvestiga operazzjonijiet internazzjonali ta' xiri konġunt billi l-vantaġġi ta' prezz li jiġġeneraw minħabba l-qawwa tagħhom fis-suq mhumiex qed jingħaddew lill-konsumaturi fil-forma ta' prezzijiet orħos bl-imnut;
87. Ifakkar li l-Grupp ta' Livell Għoli, stabbilit f'Ottubru 2009 wara l-kriżi li heżżet lill-produtturi tal-ħalib, ippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li jikkonċernaw b'mod partikolari r-relazzjonijiet kuntrattwali u s-saħħa tal-produtturi fin-negozjati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi immedjatament biex tixpruna l-progress b'mod li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE;
88. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'koperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tħares aktar mill-qrib lejn il-kompetizzjoni fis-settur agroindustrijali f’termini ta’ trasparenza u evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur; jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi studju li jiffoka b'mod partikolari fuq l-effetti li għandhom il-fornituri ewlenin tal-ikel u d-distributuri bl-ingrossa fuq is-saħħa tas-suq, li jippermettulhom jinfluwenzaw il-funzjonament tas-suq tal-ikel;
89. Itenni f'dan ir-rigward it-talbiet preċedenti tiegħu għal inkjesti speċifiċi għas-settur fir-rigward tar-reklamar fuq l-internet, is-'search engines' u l-industriji tal-ikel; jitlob li ssir inkjesta dwar il-konċentrazzjonijiet tal-midja, fosthom il-mezzi kollha għad-distribuzzjoni tal-kontenut, bħall-istampa, it-televiżjoni u r-radju, u l-internet; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-kompetizzjoni fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u tal-karozzi;
90. Iqis li l-kompetizzjoni fis-settur tal-produzzjoni agrikola hija prekondizzjoni għal prezzijiet irħas għall-konsumaturi fil-pajjiżi Ewropej, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħares aktar mill-qrib lejn il-kompetizzjoni fis-settur agroindustrijali f’termini ta’ appoġġ, trasparenza u evoluzzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur;
91. Jiddeplora n-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku, u jitlob lill-Kummissjoni ġġib 'il quddiem l-ikkompletar tas-suq intern tal-mediċini, pereżempju billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tingħata rwol akbar fil-każ ta' mediċini approvati ċentralment; jitlob lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-abbużi possibbli permezz tal-prattiki sistematiċi tat-tiġmigħ tal-privattivi li jdewmu d-dħul fis-suq tal-mediċini ġeneriċi u jirrestrinġu l-aċċess tal-pazjenti għal mediċini bi prezzijiet li jifilħu għalihom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri punittivi bi tweġiba għall-kampanji ta' informazzjoni qarrieqa kontra l-mediċini ġeneriċi;
92. Huwa tal-fehma li l-kompetizzjoni fil-qasam tas-saħħa tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa, u b'hekk il-pazjenti Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja l-qasam tas-saħħa u, b'mod partikolari, il-kompetizzjoni bejn l-isptarijiet statali u dawk privati; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga b'aktar reqqa l-każijiet fejn sptarijiet privati f'pajjiżi fejn il-qasam tas-saħħa ġie lliberalizzat jilmentaw minn sussidji inkroċjati favur sptarijiet statali;
93. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq u tkun immonitorjata l-kompetizzjoni ġusta intermodali u intramodali biex jinħolqu strutturi tariffarji u politiki ta' pprezzar trasparenti u ċari;
94. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-modalitajiet differenti ta’ trasport tal-assistenza sostanzjali mogħtija fl-aħħar snin lill-industrija awtomotiva, fost setturi oħrajn;
95. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward l-allokazzjoni u l-użu effikaċi tal-islots, sabiex jiġi ggarantit li teżisti kompetizzjoni vera fil-qasam tal-avjazzjoni;
96. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni tal-każijiet li fihom il-linji tal-ajru "low cost" ilhom jibbenefikaw mill-għajnuna statali vis‑à‑vis linji oħrajn permezz ta’ kondizzjonijiet speċjali mogħtija lilhom meta jagħmlu użu minn ċerti ajruporti, għal aktar mill-perjodu ta' tliet snin preskritt għall-għajnuna inizjali għall-kumpaniji tal-ajru;
97. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm limitu, kif jixraq, għas-sehem mis-suq tal-konsorzji marittimi tal-linji tal-kontejners u li jeħtieġ ikun hemm kondiviżjoni tal-vantaġġi operazzjonali – kemm għas-servizzi marittimi kif ukoll għal dawk tal-hinterland – skont ir-regoli ġenerali tal-UE dwar il-kompetizzjoni ġusta u soġġett għall-kondizzjonijiet imniżżlin fir-Regolament (KE) Nru 906/2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tkun żgurata l-koperazzjoni operazzjonali bil-għan li jkun hemm il-provvista konġunta tas-servizzi tal-linji tal-bastimenti merkantili, bl-iskop tas-salvagwardja tal-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija;
98. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-ikkompletar tas-suq intern għat-trasport u l-kompetizzjoni aktar ġusta fil-qasam tat-trasport, filwaqt li jqisu b'mod xieraq l-objettivi l-oħrajn tal-politika tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma s-servizzi tat-trasport u l-mobilità li jkunu jaħdmu tajjeb, l-objettivi tal-politika fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent, u l-miri tal-UE għall-2020 dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u d-dipendenza miż-żejt;
99. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu opportunitajiet indaqs kemm għad-diversi modalitajiet ta’ trasport kif ukoll għall-kumpaniji pubbliċi u privati f’kull modalità;
100. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aktar trasparenza fir-relazzjoni bejn l-Istat u l-kumpaniji ferrovjarji pubbliċi, inklużi s-sussidjarji tagħhom għat-trasport stradali, kif ukoll fit-trasferiment ta' fondi;
101. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn it-tassazzjoni, l-imposti, il-finanzjament u l-ħlas ta’ drittijiet infrastruttuali u sistemi ta’ VAT għall-modi ta’ trasport differenti u għall-Istati Membri individwali u għall-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni intermodali u intramodali, u tistipula, f’din il-ħarsa ġenerali, l-effett tal-ammont illimitat u obbligatorju ċċarġjat għall-użu tal-ferroviji meta jitqabbel mal-ammont mhux obbligatorju u limitat iċċarġjat għall-użu tal-infrastruttura stradali;
102. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-abolizzjoni tat-taxxa kummerċjali għal impriża ferrovjarja ma' uffiċċju reġistrat fi Stat Membru hijiex konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni meta tkun akkumpanjata mill-introduzzjoni simultanja ta' dazju b'rata fissa fuq il-vetturi ferrovjarji;
103. Jistieden lill-Kummissjoni, hi u tgħarbel il-leġiżlazzjoni dwar jeddijiet il-passiġġieri u r-rimborżi għad-dewmien, tiggarantixxi skemi ġusti u ekwi ta' kumpens għad-dewmien fil-modi kollha ta' trasport u t-twaqqif ta’ korpi indipendenti ta’ arbitraġġ bejn l-operaturi u l-klijenti;
104. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-settur tat-trasport stradali liberalizzat billi jkun hemm garanziji li r-regoli soċjali, ambjentali u ta’ sigurtà jkunu applikati b'mod xieraq, billi tingħata attenzjoni speċjali lill-ftuħ ta' dan is-suq kemm għal prattiki ta' kabotaġġ kif ukoll ta' dumping;
105. Jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tikkompleta s-suq intern tat-trasport ferrovjarju permezz tal-ftuħ tas-swieq nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri; jerġa' jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-perjodu tranżitorji, tipproponi klawsola ta' reċiproċità għal dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jiftħu swieqhom qabel iż-żmien;
106. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ostakli indiretti għall-kompetizzjoni li joriġinaw mid-disparitajiet, fil-qasam tat-trasport, fir-regoli dwar is-sikurezza, l-interoperabilità u l-approvazzjoni tat-tip;
107. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu ħsieb jiżguraw, permezz tad-deċiżjonijiet li jittieħdu kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-UE, l-implimentazzjoni koeżiva u armonizzata tar-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-qasam ferrovjarju; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' koeżjoni bejn l-awtoritajiet (regolaturi) superviżorji ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej tal-kompetizzjoni;
108. Jappoġġa b'mod sod il-ħolqien ta' privattiva tal-UE u mekkaniżmu wieħed għall-UE kollha kemm hi għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar il-privattivi biex jiġu trattati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mid-dispożizzjonijiet preżenti dwar il-privattivi;
109. Jenfasizza li l-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika, il-privattivi u l-industriji kulturali jikkontribwixxu immensament għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex isibu soluzzjoni malajr għall-kwistjonijiet pendenti li jirrigwardaw is-sistema tal-privattiv uniku tal-UE; għal din ir-raġuni jilqa' bi pjaċir, kif stipulat fl-Inizjattiva Ewlenija tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tal-Ewropa 2020, l-objettiv li l-ewwel privattivi tal-UE jingħataw fl-2014;
110. Itenni li l-kompetittività tal-UE tiddependi ħafna mill-kapaċità ta' innovazzjoni, mir-riċerka u l-faċilitajiet ta' żvilupp u mir-rabta bejn l-innovazzjoni u l-proċess tal-manifattura;
111. Jenfasizza s-sehem ewlieni li għandha r-riċerka fit-titjib tal-kompetittività Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-mira ta' 3% għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp tintlaħaq;
°
° °
112. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
- [2] ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
- [3] ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.
- [4] ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.
- [5] ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.
- [6] ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.
- [7] ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.
- [8] ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7.
- [9] ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13.
- [10] ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3.
- [11] ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1.
- [12] ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.
- [13] Testi adottati, P6_TA(2009)0099.
- [14] Testi adottati P7_TA(2010)0050.
- [15] Testi adottati, P6_TA(2009)0191.
- [16] ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (9.11.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009
(2010/2137(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Silvana Koch-Mehrin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni tal-UE bbażata fuq il-prinċipji ta' swieq miftuħa u kundizzjonijiet ugwali fis-setturi kollha hija l-pedament ta' suq intern ta' suċċess u kundizzjoni għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni rapida u korretta tat-tielet pakkett tal-enerġija mill-Istati Membri skont l-iskeda ta' żmien, u biex tivvaluta l-effikaċja tiegħu sabiex joħloq suq intern li jaħdem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda inkjesta oħra dwar is-settur tal-enerġija jekk dik il-valutazzjoni tasal għal konklużjoni negattiva; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex f'dan il-każ tippreżenta miżuri addizzjonali li jiżguraw kundizzjonijiet tas-suq kompetittivi;
3. Jenfasizza li l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura Ewropea tal-enerġija hija objettiv essenzjali tal-politika tal-enerġija u jilqa' bi pjaċir għalhekk il-fatt li l-'Istrateġija tal-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020' tiffoka primarjament fuq l-infrastruttura intelliġenti u moderna biex ikun hemm netwerks integrati u moderni fl-UE kollha, peress li dan itejjeb il-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-enerġija, iżid l-għażla għall-konsumaturi u n-numru tal-fornituri u jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw l-investimenti ewlenin u jlestu s-suq intern tal-enerġija;
4. Jirrikonoxxi li l-konċentrazzjoni għolja fis-suq u n-nuqqas ta' trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi jistgħu jfixklu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni u jaffettwaw b'mod negattiv l-industrija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex tanalizza s-swieq tal-prodotti bażiċi, bħal dawk tal-minerali tal-ħadid u b'mod partikolari tal-erbatax-il materja prima identifikati mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit kemm dawn is-swieq jirrikjedu aktar trasparenza u kompetizzjoni;
5. Jenfasizza s-sejħiet tiegħu għall-konsistenza bejn il-politiki u l-prijoritajiet kollha tal-UE inklużi fl-istrateġija 2020 tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi; jisħaq li dan huwa ta' importanza speċjali fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni;
6. Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tat-tieni pakkett tas-suq intern mhuwiex lest għalkollox, xi ħaġa li b'hekk tfixkel il-potenzjal sħiħ tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u l-kompetizzjoni effikaċi;
7. Jirreferi għall-fatt li suq li jaħdem sew ikun ta' inċentiv għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;
8. Jenfasizza li l-kriżi riċenti tal-gass uriet li l-aċċess għall-infrastruttura tal-gass fl-Ewropa huwa rekwiżit għall-integrazzjoni tas-suq u li l-iżvilupp tal-kompetizzjoni għandu rwol kruċjali biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu s-sigurtà tal-provvista billi jippromwovu l-investimenti fil-kapaċità tat-trasport u billi jżidu n-numru tal-fornituri fis-suq u jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fornituri tradizzjonali;
9. Jirrimarka li prezzijiet irregolati tal-enerġija għandhom effett negattiv u għadhom fattur ta' tħassib ewlieni għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, xi ħaġa li tista' twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tinfluwenza b'mod negattiv l-investimenti u l-inċentivi għall-effiċjenza tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi dwar kemm il-mekkaniżmi tal-kontroll tal-prezzijiet jinfluwenzaw il-kompetizzjoni u l-investimenti fis-settur tal-enerġija;
10. Jinnota li l-ispekulazzjoni tal-prodotti bażiċi jista' jkollha effett ta' distorsjoni fuq is-swieq u l-kompetizzjoni; jilqa' bi pjaċir il-ħsieb ta' Franza li tindirizza din il-kwistjoni fil-kuntest tal-Presidenza tagħha tal-G-20; jinnota li dan għandu wkoll imur lil hinn mill-prodott agrikoli u jinkludi l-metalli;
11. Ifakkar li l-konverġenza diġitali u l-importanza li kulma jmur qed tikber tal-interoperabilità u tal-istandards huma kwistjonijiet ewlenin għall-ICTs fl-ambjent globali li kulma jmur qed isir dejjem aktar interkonness; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li tiġi żgura b'mod kontinwu l-kompetizzjoni ħielsa fil-qasam tal-ICT hekk kif prodotti u servizzi diġitali ġodda jidhru fis-suq; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-linji gwida imminenti dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-politiki tal-akkwisti pubbliċi biex jistimulaw il-kompetizzjoni billi, pereżempju, jinkludu kriterji ambjentali u soċjali fis-sejħiet għall-offerti;
13. Jiddikjara li l-kompetittività tal-UE tippedendi ħafna fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni, fuq ir-riċerka u l-faċilitajiet ta' żvilupp u fuq ir-rabta bejn l-innovazzjoni u l-proċess tal-manifattura;
14. Itenni s-sejħiet preċedenti tal-Parlament għal inkjesti settorjali dwar il-konċentrazzjonijiet fil-midja, li jkunu jkopru l-forom kollha tad-distribuzzjoni tal-kontenut, bħall-midja stampata, it-televiżjoni, ir-radju u l-Internet;
15. Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar il-broadband fir-rigward tal-għajnuna statali għal netwerks bażiċi tal-broadband (servizzi broadband ADSL, bil-cable, mobbli, mingħajr fili jew bis-satellita) u l-appoġġ għan-netwerks NGA ta' veloċità għolja ħafna (fl-istadju attwali, netwerks ibbażati fuq il-fajbers jew netwerks bil-cable avvanzati u aġġornati) u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ixerrdu u jippromwovu l-aħjar prattiki u jżidu l-kompetizzjoni;
16. Jinnota r-Regolament (KE) Nru 544/2009 dwar it-tariffi tar-roaming intra-Komunitarju, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2010 biex b'hekk ġab lill-konsumaturi benefiċċji fil-forma ta' tnaqqis fil-prezzijiet għas-servizzi ta' roaming bil-vuċi jew bl-SMS; jirrimarka, madankollu, li l-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming għadha ma żviluppatx biżżejjed u li għad baqa' problemi strutturali; jitlob lill-Kummissjoni biex fl-eżami tagħha tal-2011 tipprevedi l-għażla li jitneħħew għalkollox id-drittijiet għar-roaming intra-UE;
17. Jenfasizza l-importanza li jiġi promoss suq diġitali intern; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu promossi l-fiduċja tal-konsumaturi fis-servizzi online u l-aċċessibilità tagħhom, b'mod partikolari billi jittejbu d-drittijiet tal-konsumaturi, titħares l-informazzjoni privata u jitneħħew l-ostakoli li għad fadal għall-kummerċ u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali online;
18. Jiddispjaċih dwar il-każijiet ta' rkanti mhux trasparenti ta' frekwenzi mobbli ġodda tar-raba' ġenerazzjoni f'xi Stati Membri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja mill-qrib ħafna l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan ir-rigward u biex tobbliga lill-Istati Membri jwettqu analiżi bir-reqqa tal-impatt tad-deċiżjonijiet dwar l-ispettru fuq il-kompetizzjoni u biex tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-eżiti antikompetittivi bi qbil mad-Direttiva GSM emendata, biex b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti fis-suq u għal dawk ġodda fis-suq;
19. Jirrikonoxxi l-Komunikazzjoni riveduta dwar ix-Xandir ta' Lulju 2009 li tafferma mill-ġdid il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-ambitu, il-finanzjament u l-organizzazzjoni tax-xandir tas-servizz pubbliku filwaqt li tirrikonoxxi r-responsabilità tal-Kummissjoni li tikkontrolla l-iżbalji ċari, u jistieden lill-Istati Membri biex iżommu bilanċ fost is-servizzi tal-midja diġitali offruti, biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u b'hekk jinżamm ambjent medjatiku dinamiku fil-kuntest online;
20. Jenfasizza r-rwol ġdid u importanti tal-politika tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq diġitali u tirreaġixxi malajr fejn meħtieġ biex iżżomm il-pjattaformi diġitali miftuħin kemm jista' jkun billi tapplika b'mod strett ir-regoli tal-kompetizzjoni;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-qafas regolatorju integrat tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-użu tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni bħala għodda biex jiġi evitat li jkun hemm abbuż tal-IPRs;
22. Jenfasizza li l-innovazzjoni xjentifika u teknoloġika, il-privattivi u l-industriji kulturali jikkontribwixxu immensament għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex isibu soluzzjoni malajr għall-kwistjonijiet pendenti fis-sistema tal-privattiv uniku tal-UE; għal din ir-raġuni jilqa' bi pjaċir, kif stipulat fl-Inizjattiva Ewlenija Unjoni għall-Innovazzjoni tal-Ewropea 2020, l-objettiv li l-ewwel privattivi tal-UE jingħataw fl-2014;
23. Jenfasizza r-rwol ewlieni tar-riċerka fit-titjib tal-kompetittività Ewropea; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-mira ta' 3% għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp tintlaħaq;
24. Jirrimarka li l-SMEs huma partikolarment importanti għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi; jenfasizza barra minn hekk il-potenzjal kbir ta' innovazzjoni tal-SMEs u jtenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi kapitolu ddedikat li jiffoka fuq kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta u mhux diskriminatorja għall-SMEs.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.11.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
44 2 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Fiona Hall, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
António Fernando Correia De Campos, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Silvana Koch-Mehrin, Ivari Padar, Vladko Todorov Panayotov, Peter Skinner, Silvia-Adriana Ţicău, Catherine Trautmann |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (24.11.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009
(2010/2137(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Cristian Silviu Buşoi
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jifraħ lill-Kummissjoni għall-mod kif tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni b'mod flessibbli imma sod biex ittaffi l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-ażjendi u l-konsumaturi u biex tistabbilizza l-ekonomija Ewropea;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-banek iħallsu lura l-għajnuna mill-istat hekk kif jirkupra s-settur finanzjajru, biex b'hekk jiżguraw kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ugwali ta' ħruġ fi ħdan is-Suq Intern; jenfasizza li fit-tul jeħtieġ li l-għajnuna mill-Istat provviżorja titwaqqaf kompletament, b'mod speċjali fis-settur tal-karozzi;
3. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta' miżuri orjentati lejn l-aġir u l-konsegwenzi ta' dawn il-miżuri għall-klijenti u l-konsumaturi;
4. Jitlob li l-Kummissjoni fir-rapport annwali tagħha tesponi b'aktar qawwa l-vantaġġi tal-kompetizzjoni għall-konsumaturi;
5. Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' sinerġiji bejn il-poltika tal-kompetizzjoni u dik tal-ħarsien tal-konsumatur, inkluż permezz tal-ħolqien ta' forma ta' rimedju kollettiv Ewropew għall-vittmi individwali tal-vjolazzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, ibbażata fuq il-prinċipju ta' parteċipazzjoni fakultattiva (opt-in) u waqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu li tistipula li l-kumpens għandu jitħallas biss lill-grupp ta' persuni identifikat jew lil persuni nnominati minnhom għad-danni li jkunu effettivament batew; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-modi kif tali mekkaniżmu jkun jista' jiġi inkorporat fis-sistema legali nazzjonali eżistenti;
6. Jilqa' bi pjaċir l-estensjoni tar-regolament tal-eżenzjoni blokk ġenerali fuq il-ftehimiet vertikali, peress li dan jiżgura bilanċ bejn il-manifatturi u d-distributuri; jinnota madankollu li fil-prattika n-nuqqas ta' konformità ma' restrizzjonijiet temporanji tal-klawsoli tal-kompetizzjoni bl-ebda mod mhuwa rari, u jitlob lill-Kummissjoni toqgħod partikolarment attenta għal prattiċi inaċċettabbli ta' dan it-tip;
7. jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni akbar bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, biex jiżviluppaw mudell komuni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti tal-ikel – abbażi ta' skambju kontinwu ta' informazzjoni, l-identifikazzjoni bikrija ta' oqsma problematiċi u t-tqassim effiċjenti tal-kompiti bejn il-membri tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni – ladarba s-swieq tal-oġġetti tal-ikel x'aktarx huma limitati għal-livell nazzjonali u għandhom bosta karatteristiċi legali, ekonomiċi u kulturali differenti;
8. Jenfasizza li din il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira lejn l-iżvilupp ta' approċċ koerenti f'dak li jirrigwarda l-protezzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, għall-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta u prestazzjoni ottimali tal-katina tal-provvista tal-oġġetti tal-ikel għall-ġid tal-konsumaturi;
9. Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tas-sorveljanza attwali tas-suq kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tinvestiga operazzjonijiet internazzjonali ta' xiri konġunt minħabba li l-vantaġġi ta' prezz li jiġġeneraw minħabba l-qawwa tagħhom fis-suq mhumiex qed jingħaddew lill-konsumaturi fil-forma ta' prezzijiet orħos bl-imnut;
10. Jitlob lill-Kummissjoni mill-ġdid biex, jekk dan ikun f'loku, tinkorpora l-bażi għall-kalkolu ta' multi u l-prinċipji l-ġodda dwar il-multi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2003;
11. Ifakkar fil-ħtieġa ta' suq intern tal-enerġija li jħalli lill-konsumaturi jixtru l-enerġija bi prezzijiet li jifilħu għalihom u jenfasizza t-talba biex tinġieb 'il quddiem l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett tas-suq intern tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fużjonijiet ma jaħdmux kontra l-vantaġġi għall-konsumatur li jkunu ġejjin mil-liberalizzazzjoni tas-suq; jinnota l-urġenza li jiġu ttrattati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati minn tariffi rregolati tal-enerġija;
12. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea taħdem biex tikkompleta s-suq intern tat-trasport ferrovjarju permezz tal-liberalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali tat-trasport tal-persuni; jerġa' jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-perjodu tranżizzjonali, tipproponi klawsola ta' reċiproċità għal dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jiftħu swieqhom qabel iż-żmien;
13. Jiddeplora n-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku, u jitlob lill-Kummissjoni biex iġġib 'il quddiem l-ikkompletar tas-suq intern tal-mediċini, pereżempju billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tingħata rwol akbar fil-każ ta' mediċini approvati ċentralment; jitlob lill-Kummissjoni biex tiġġieled kontra l-abbużi possibbli permezz tal-prattiċi sistematiċi tat-tiġmigħ tal-brevetti li jirritardjaw id-dħul fis-suq tal-mediċini ġeneriċi u jirrestrinġu l-aċċess tal-pazjenti għal mediċini bi prezzijiet li jifilħu għalihom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri punittivi f'każijiet ta' kampanji ta' informazzjoni qarrieqa kontra l-mediċini ġeneriċi;
14. Huwa tal-fehma li l-kompetizjoni fil-qasam tas-saħħa jista' jtejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa, u b'hekk il-pazjenti fl-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja l-qasam tas-saħħa, b'mod speċjali l-kompetizzjoni bejn l-isptarijiet statali u dawk privati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga b'aktar reqqa l-każijiet fejn sptarijiet privati f'pajjiżi fejn il-qasam tas-saħħa ġie lliberalizzat jilmentaw minn sussidji inkroċjati favur sptarijiet statali;
15. Jappoġġa b'mod sod il-ħolqien ta' privattiva tal-UE u mekkaniżmu wieħed għall-UE kollha kemm hi għar-riżoluzzjoni ta' tilwim dwar il-brevetti biex jiġu trattati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mid-dispożizzjonijiet preżenti dwar il-privattivi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fis-settur tat-telekomunikazzjoni jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha biex jeliminaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri ulterjuri jekk ir-riżultati mistennija, jiġifieri prezzijiet orħos għall-konsumaturi, ma jintlaħqux.
17. Jemmen li ksur tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni fis-suq tal-karti ta' pagament ikollu effetti negattivi fuq il-konsumaturi; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha kontra imposti ogħla mis-soltu ta' skambju multilaterali transkonfinali li jwasslu għal prezzijiet ogħla tal-prodotti għall-konsumaturi;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.11.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 14 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Cristian Silviu Buşoi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Eva-Britt Svensson, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Constance Le Grip, Claude Moraes, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Marc Tarabella, Wim van de Camp, Anja Weisgerber |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (10.11.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-Politika ta’ Kompetizzjoni 2009
(2010/2137(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Michael Cramer
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-ikkompletar tas-suq intern għat-trasport u kompetizzjoni aktar ġusta fil-qasam tat-trasport filwaqt li jirrispettaw l-objettivi l-oħrajn tal-politika tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma s-servizzi tat-trasport u l-mobilità li jkunu jaħdmu tajjeb, l-objettivi tal-politika fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent, u l-miri tal-UE għall-2020 dwar l-emissjonijiet tad-CO2 u d-dipendenza miż-żejt;
2. Jisħaq dwar in-neċessità li jitlesta s-suq liberu għall-modalitajiet kollha ta’ trasport, ħalli jkun assigurat is-suq intern mingħajr konfini, fejn il-moviment liberu tal-beni u tas-servizzi jkun iggarantit u fejn ikun hemm regoli ċari u faċilment eżegwibbli li tippermettu l-kompetizzjoni libera u ġusta;
3. Jistieden lill-Kummissjoni – filwaqt li żżomm quddiem għajnejn li hi meħtieġa t-tlestija tas-suq intern għall-modalitajiet kollha ta’ trasport – tippubblika rapport b’titwila lejn l-assistenza statali kollha offruta lit-trasport pubbliku;
4. Jenfasizza l-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslet għal għadd kbir ta' fallimenti u ta' nuqqas ta' suċċess ta' negozji, anke fost l-SMEs u l-VSEs fil-qasam tat-trasport, li l-pjanijiet ta' reazzjoni għall-kriżi kienu primarjament pjanijiet nazzjonali u li l-koordinament f'livell Ewropew seħħ tard u kien ineffikaċi; iqis li hu ta’ dispjaċir li ma kienx hemm mekkaniżmu Ewropew, fil-forma ta' barometru kull xahar għall-kumpanniji tat-trasport, biex ikunu antiċipati u evitati aħjar l-effetti tal-kriżi ekonomika; jinnota li l-miżuri biex il-kumpanniji tat-trasport jiġu megħjuna jlaħħqu mal-problemi ta' likwidità u mal-ispejjeż addizzjonali temporanji setgħu tressqu f'livell Ewropew sabiex tkun evitata s-sovrapożizzjoni tal-pjanijiet nazzjonali, u bla ma jiġu pperikolati l-arranġamenti kollha dwar l-għajnuna mill-istat jew il-ħtieġa għal kompetizzjoni ġusta;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu opportunitajiet indaqs kemm għall-varji modalitajiet ta’ trasport u kemm għall-kumpanniji pubbliċi u privati f’kull modalità;
6. Itenni l-appoġġ tiegħu għal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ambjentali fil-qasam tat-trasport, li jgħinu biex tingħata spinta lis-sostenibilità tal-qasam tat-trasport Ewropew; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni ttejjeb il-karatteristika msejsa fuq l-inċentiv tal-għajnuniet mill-istat awtorizzati fil-qasam tat-trasport;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq u tkun immonitorjata l-kompetizzjoni ġusta intermodali u intramodali biex jinħolqu strutturi tariffarji u politiki ta' pprezzar trasparenti u ċari;
8. Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja r-rispett tar-regoli soċjali, ambjentali u tas-sigurtà, pereżempju bejn il-varji modalitajiet tat-trasport tal-merkanzija - fit-toroq, fl-ilmijiet navigabbli, bl-ajru u bil-ferrovija - u bejn titjiriet fuq distanzi qosra u t-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal;
9. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq aktar trasparenza fir-relazzjoni bejn l-Istat u l-kumpanniji ferrovjarji pubbliċi, inklużi s-sussidjarji tagħhom għat-trasport stradali, kif ukoll fit-trasferiment ta' fondi;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn it-tassazzjoni, l-imposti, il-finanzjament u l-ħlas ta’ drittijiet infrastruttuali u sistemi ta’ VAT għall-modi ta’ trasport differenti u għall-Istati Membri individwali u għall-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni intermodali u intramodali, u tistipula f’din il-ħarsa ġenerali l-effett tal-ammont illimitat u obbligatorju ċċarġjat għall-użu tal-ferroviji meta mqabbel mal-ammont mhux obbligatorju u limitat iċċarġjat għall-użu tal-infrastruttura stradali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-abolizzjoni tat-taxxa fuq il-kummerċ għall–impriżi ferrovjarji b’sede reġistrata fi Stat Membru tkun kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fejn din tkun akkumpannjata mill-introduzzjoni simultanja ta’ imposta b'rata unika fuq ir-rolling stock, billi l-impriżi mhux nazzjonali b'hekk ikollhom iħallsu mhux l-imposta fuq ir-rolling st’ck imma wkoll – kuntrarjament għall-impriżi domestiċi – it-taxxa fuq il-kummerċ kontinwat, u din is-sitwazzjoni tmur kontra l-kompetizzjoni ġusta;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, hi u tgħarbel il-leġiżlazzjoni dwar jeddijiet il-passiġġieri u r-rimborżi għad-dewmien, li tiggarantixxi skemi ġusti u ekwi ta' kumpens għad-dewmien fil-modi kollha ta' trasport u t-twaqqif ta’ korpi indipendenti ta’ arbitraġġ bejn l-operaturi u l-klijenti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-modalitajiet differenti ta’ trasport tal-assistenza sostanzjali mogħtija fl-aħħar snin lill-industrija awtomobilistika;
14. Jisħaq dwar il-ħtieġa li tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-settur tat-trasport stradali liberalizzat billi jkun hemm garanziji li r-regoli soċjali, ambjentali u ta’ sigurtà jkunu applikati b'mod xieraq - billi tingħata attenzjoni speċjali lill-ftuħ ta' dan is-suq għall-prattiki ta' kabotaġġ u dumping;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tilleġiżla kontra d-diskriminazzjoni mġarrba mill-qasam marittimu b’riżultat tar-regolamenti tad-dwana u regolamenti burokratiċi oħra imposti fuq il-qasam mill-Istati Membri, anke għall-kummerċ intern tal-UE, iżda li mhumiex fis-seħħ għal modalitajiet oħra ta' trasport;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni tal-każijiet li fihom il-linji tal-ajru "low cost" huma/kienu avvantaġġjati a paragun tal-linji l-oħrajn, permezz ta’ kondizzjonijiet speċjali mogħtija lilhom meta jagħmlu użu minn ċerti ajruporti, għal aktar mill-perjodu ta' tliet snin preskritt għall-għajnuna inizjali għall-kumpanniji tal-ajru;
17. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mod li bih l-arranġament li jinvolvi l-assistenza statali f’'ċerti każijiet, imsejjes fuq il-prinċipju tal-'first time, last time', jista' jiġi applikat f’ċerti każijiet;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward l-allokazzjoni u l-użu effikaċi tal-islots, sabiex jiġi ggarantit li teżisti kompetizzjoni vera fil-qasam tal-avjazzjoni;
19. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut l-Ewwel Pakkett Ferrovjarju, u jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni lill-Istati Membri u lill-kumpaniji ferrovjarji tagħhom milli jipprevjenu jew jostruwixxu d-dħul ta' kumpaniji oħrajn fis-swieq tagħhom tas-servizzi ferrovjarji, l-aktar waqt li huma stess jipparteċipaw fil-ftuħ ta' swieq oħra (reċiproċità);
20. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ostakli indiretti għall-kompetizzjoni li joriġinaw mid-disparità, fil-qasam tat-trasport, fir-regoli dwar is-sikurezza, l-interoperabilità u l-approvazzjoni tat-tip;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu viġilanti biex jiżguraw, permezz tad-deċiżjonijiet li jittieħdu kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell tal-UE, l-implimentazzjoni koeżiva u armonizzata fil-qasam ferrovjarju tar-regoli tal-liġi dwar il-kompetizzjoni; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' koeżjoni bejn l-awtoritajiet (regolaturi) superviżorji ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej tal-kompetizzjoni;
22. Jissottlinja l-ħtieġa li jkun hemm limitu, kif xieraq, għas-sehem mis-suq tal-konsorzji marittimi tal-linji tal-kontejners u li jeħtieġ ikun hemm kondiviżjoni tal-vantaġġi operazzjonali – kemm għas-servizzi marittimi kemm għal dawk tal-hinterland – skont ir-regoli ġenerali tal-UE dwar il-kompetizzjoni ġusta u soġġett għall-kondizzjonijiet imniżżlin fir-Regolament (KE) Nru 906/2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa li tkun żgurata l-koperazzjoni operazzjonali bil-għan li jkun hemm il-provvista konġunta tas-servizzi tal-linji tal-bastimenti merkantili, bl-iskop tas-salvagwardja tal-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat lill-portijiet għall-bini ta' infrastruttura tal-portijiet, bl-għan li tittejjeb iċ-ċertezza legali;
24. Jistieden lill-Kummissjoni – wara li jitqies it-Trattat ta’ Lisbona, il-kompetenzi konsolidati l-ġodda u l-potenzjal ekonomiku tat-turiżmu għall-UE - tiffaċilita l-koperazzjoni proattiva bejn l-impriżi tat-turiżmu u t-teħid tal-miżuri neċessarji ħalli tkun żgurata l-kompetittività dinjija tad-destinazzjonijiet ta' eċċellenza tal-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.11.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
27 3 7 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Jaromír Kohlíček, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hella Ranner, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada |
|||||
Sostitut(i)preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Philip Bradbourn, Spyros Danellis, Isabelle Durant, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Vilja Savisaar-Toomast, Joachim Zeller |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
1.12.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 0 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Sophie Auconie, Sari Essayah, Robert Goebbels, Carl Haglund, Thomas Händel, Sophia in ‘t Veld, Thomas Mann |
|||||
Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Timothy Kirkhope, Edvard Kožušník |
|||||