RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja: l-analiżi ta' nofs it-term tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u t-triq 'il quddiem
15.12.2010 - (2010/2101(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Michèle Striffler
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja: l-analiżi ta' nofs it-term tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u t-triq 'il quddiem
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja ffirmat fit-18 ta' Diċembru 2007 mill-Presidenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi pjan ta' azzjoni li fih miżuri konkreti għall-implimentazzjoni tal-kunsens (SEC(2008)1991),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ddedikat għall-għajnuna umanitarja,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 ta' l-20 ta' Ġunju 1996 dwar l-għajnuna umanitarja[1],
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali tat-23 ta' Diċembru 2009, aġġornati f'Diċembru 2009, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE tal-5 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili[2],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE tat-8 ta' Novembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE tat-23 ta' Ottubru 2001 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2007 li jistiednu lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mill-mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u biex issaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra d-dokument konġunt ta' Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u ta' Kristalina Georgieva, membru tal-Kummissjoni Ewropea, dwar it-tagħlimiet mir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt id-diżastru ta' Ħaiti,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2003, bit-titolu "L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: L-għażla għall-multilateraliżmu" (COM(2003)0526), li titlob li jkun hemm tisħiħ u integrazzjoni sistematika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NU, permezz ta’ djalogu politiku sistematiku, koperazzjoni akbar fuq il-post, immaniġġjar u prevenzjoni aħjar tal-kriżijiet, u sħubijiet strateġiċi bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet magħżula tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2008, dwar "It-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri" (COM(2008)0130) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar "it-Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri"[4],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2009 dwar l-Istrateġija tal-UE ta' Sostenn għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri fil-Pajjiżi fil-Fażi ta' Żvilupp" (COM(2009)0084),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2010, dwar l-"Għajnuna Umanitarja tal-Ikel" (COM(2010)0126),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija operattiva 2010 tad-DĠ ECHO,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Michel Barnier intitolat ''Għal Korp Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili: EuropeAid", ippubblikat f'Mejju 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Anċillari tagħhom tal-1977,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati adottata f'Lulju 1951,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokoll fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal fil-kunflitti armati, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari li tistabbilixxi impenn tal-Komunità Ewropea li tirrispondi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza alimentari u għall-ħtiġijiet alimentari oħra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iffirmata f'Londra fit-13 ta' April 1999[5],
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar u għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi f'operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastri, adottat fl-1994,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva "Donatur umanitarju tajjeb" (GHD), approvati fi Stokkolma fis-17 ta' Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra l-prinċipji fil-qasam tas-sħubija approvati fl-2007 mill-Global Humanitarian Platform (GHP) bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet umanitarji,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-użu ta' riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru (Linji gwida ta' Oslo), riveduti fis-27 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-linji gwida ta' Marzu 2003 dwar l-użu ta' riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili biex jiġu appoġġati l-operazzjonijiet umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi (Linji Gwida MCDA),
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Azzjoni ta' Hyogo, adottat fil-konferenza dinjija dwar il-Prevenzjoni tad-Diżastri li saret f'Kobe, (prefettura ta' Hyogo, il-Ġappun), mit-18 sat-22 ta' Jannar 2005,
– wara li kkunsidra r-Rieżami tar-Reazzjoni Umanitarja kkummissjonat mill-Koordinatur tal-Għajnuna ta’ Emerġenza u s-Sotto Segretarju għall-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f’Awissu 2005,
– wara li kkunsidra l-indiċi ta' reazzjoni umanitarja tal-2010 stabbilit mill-organizazzjoni DARA (Development Assistance Research Associates), li janalizza u jikklassifika l-mod kif il-pajjiżi donaturi prinċipali jirrispondu għall-bżonnijiet tal-persuni milquta mid-diżastri, kunflitti u emerġenzi,
– wara li kkunsidra l-Programm Internazzjonali ta' liġijiet, regoli u prinċipji applikabbli għall-azzjonijiet internazzjonali f'każ ta' diżastru (il-"linji gwida IDRL"), adottati waqt it-30 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar fl-2007 f'Ġinevra, u l-impenn konġunt tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex isostnuhom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 dwar Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti[7],
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar “It-twaqqif ta’ kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE” (2010/2096(INI)),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-kriżi umanitarja fis-Somalja mressqa mill-Onerevoli Oreste Rossi skont l-Artikolu 120 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-għoti ta' għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0375/2010),
A. billi jfakkar il-viżjoni komuni tal-għajnuna umanitarja kif imħaddna mill-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja li jenfasizza r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tikkoopera mill-qrib f’dan il-qasam bil-għan li tottimizza l-effikaċja tagħha, li tiddefendi u tippromwovi l-prinċipji umanitarji fundamentali ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza u li tistinka bil-qawwa favur ir-rispett tad-dritt internazzjonali umanitarju,
B. billi l-impenji li jirriżultaw mill-kunsens japplikaw kemm għall-Istati Membri u kemm għall-Kummissjoni, u billi l-azzjonijiet elenkati fil-pjan ta’ azzjoni jridu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikunu implimentati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li jaġixxu flimkien,
C. billi kien hemm żieda esponenzjali tal-għadd u tal-kobor tad-diżastri naturali dovuti partikolarment għall-impatt tal-azzjonijiet tat-tibdil fil-bażi tal-klima magħmula mill-bniedem u billi l-pajjiżi industrijali iġorru fuqhom responsabilità storika, billi jqis l-inċidenza tal-kriżijiet kumplessi li hija marbuta ma’ għadd ta’ fatturi inklużi n-natura dejjem tinbidel tal-konflitti, il-governanza ħażina u sitwazzjonijiet fraġli, l-aggravazzjoni tal-ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u t-tnaqqis tal-ispazju umanitarju,
D. billi l-provvediment tal-għajnuna kulma jmur qed isir dejjem aktar diffiċli u perikoluż, billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-persunal tal-għajnuna umanitarja qiegħed jikber u billi, fl-2008, ġew maqtula 122 ħaddiem tal-għajnuna umanitarja,
E. billi għandha tingħata aktar attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma n-nisa, it-tfal u l-persuni li ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom, u billi l-aggravar tal-inċidenza tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenzi sesswali huwa problema kbira fil-kuntesti umanitarji fejn l-istupru sistematiku huwa kultant użat bħala arma tal-gwerra,
F. billi l-involviment dejjem ikbar ta' atturi mhux umanitarji fir-reazzjoni għall-kriżijiet umanitarji tikkawża riskju gravi ta' konfużjoni tar-rwoli bejn atturi militari u umanitarji u tħawwad il-limiti tal-għajnuna umanitarja newtrali, imparzjali u indipendenti,
G. billi t-traġedji reċenti f'Ħaiti u fil-Pakistan għal darb'oħra wrew il-bżonn li jissaħħew l-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tegħleb id-diżastri (għajnuna umanitarja u l-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili), mill-perspettiva tal-effikaċja, il-ħeffa, il-koordinament u l-viżibbiltà, u billi dawn id-diżastri enfasizzaw għal darb’oħra l-ħtieġa li tinħoloq kapaċità Ewropea ta’ reazzjoni rapida,
H. billi l-kuntest umanitarju globali mar għall-agħar, billi l-isfidi u l-bżonnijiet umanitarji huma enormi u billi jeħtieġ li ssir ħidma fuq it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-kunsens u tal-pjan ta' azzjoni tiegħu, kif ukoll il-koordinament u l-qsim tal-piż fid-dinja kollha filwaqt li jitqiesu r-responsabilitajiet reġjonali tal-pajjiżi li għandhom il-kapaċità li jkunu kontributuri ewlenin tal-għajnuna umanitarja,
I. billi l-baġit tal-Kummissjoni għal diżastri umanitarji, u speċifikament dak tad-Direttorat Ġenerali ECHO, mhux biss ġie ffriżat imma matul dawn l-aħħar ħames snin naqas ftit f'termini reali,
Il-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja u l-pjan ta' azzjoni tiegħu
1. Jiddispjaċih li l-Kunsens Ewropew għadu mhux magħruf lil hinn mill-imsieħba umanitarji u jitlob li jsir taħriġ speċifiku dwaru partikolarment fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għad-diplomatiċi mill-Istati Membri u l-atturi militari;
2. Jiddispjaċih tan-nuqqas ta' involviment tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-kunsens u jqis li r-rwol tal-grupp ta' ħidma dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna alimentari fi ħdan il-Kunsill (Cohafa) għandu jissaħħaħ bil-għan li jiżgura segwitu aħjar ta' din l-implimentazzjoni tal-kunsens – pereżempju billi jiġu organizzati sessjonijiet speċifiċi dwar l-integrar tal-kunsens fl-istrateġiji umanitarji nazzjonali jew billi jitressaq rapport annwali tal-attività – u bil-għan li japplika l-mandat tiegħu ta' difiża tal-għajnuna umanitarja aktar attiva fil-konfront tal-gruppi ta' ħidma l-oħra tal-Kunsill u tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), filwaqt li tkompli ssir konċentrazzjoni fuq il-koordinazzjoni effettiva u ta’ malajr;
3. Jinkoraġġixxi d-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi jippromwovu b’mod attiv it-tixrid u l-implimentazzjoni tal-kunsens u tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu fost ir-rappreżentanti tal-Istati Membri;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li jsir skambju annwali tal-aħjar prattiki mal-Parlamenti Nazzjonali tal-UE dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-impenji tal-Kunsens;
5. Jirrakkomanda żieda fil-finanzjament tal-għajnuna umanitarja minħabba l-multiplikazzjoni taż-żoni ta' intervent u jitlob lill-awtorità tal-baġit tittrasferixxi direttament l-ammont kollu, jew parti minnu, tar-riserva ta' emerġenza lill-baġit inizjali tad-DĠ ECHO; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi konkretizzat l-objettiv iffissat mill-OKŻE u l-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp li jintlaħaq 0,7% tad-DGN sal-2015;
6. Jitlob ukoll li jitfasslu baġits realistiċi, fejn l-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet għad-diżastri naturali jew għall-azzjoni umanitarja ssir fuq il-bażi tal-esperjenza ripetuta tal-infiq li jkun sar fis-snin ta’ qabel;
7. Iħeġġeġ li jsiru sforzi addizzjonali ħalli jitħaffef il-finanzjament tal-operazzjonijiet wara li jkun seħħ diżastru naturali jew xi diżastru ieħor u ħalli jiġu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-awtorizzazzjoni għall-implimentazzjoni baġitarja; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-servizzi tal-Kummissjoni jaħdmu f’kollaborazzjoni mill-qrib mas-SEAE, ħalli l-finanzjament inizjali rapidu tal-operazzjonijiet isir possibbli;
8. Ifakkar kemm hu importanti li tinżamm reazzjoni ġenerali bbilanċjata filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-'kriżijiet minsija';
9. Jitlob li ssir żieda fil-finanzjament u jiġu żviluppati kapaċitajiet u riżorsi bil-għan li jkun żgurat li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili jibqgħu purament kompiti ċivili;
10. Jappoġġja r-rwol essenzjali mwettaq min-NOHA (l-ewwel netwerk ta’ universitajiet li joffru taħriġ fl-għajnuna umanitarja f'livell Ewropew) fil-promozzjoni ta' għarfien akbar tal-kuntest dinji tas-sitwazzjoni umanitarja u, partikolarment, fil-politika Ewropea b’reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Ewropej żgħażagħ;
Il-prinċipji umanitarji, id-dritt internazzjonali umanitarju u l-protezzjoni tal-ispazju umanitarju
11. Jerġa' jafferma l-prinċipji u l-objettivi tal-għajnuna umanitarja li jinsabu fil-Kunsens; ifakkar li l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea mhijiex strument ta' ġestjoni ta' kriżi, u jiddispjaċih biż-żieda fil-politiċizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja u l-konsegwenzi tagħha fuq ir-rispett tal-ispazju umanitarju;
12. Hu tal-fehma li l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, prevista fit-Trattat ta’ Lisbona, trid tirrispetta l-prinċipji affermati u l-impenji mogħtija fil-kunsens dwar l-għajnuna umanitarja, u jqis li l-Unjoni, fid-dawl tal-piż politiku tagħha u l-influwenza tagħha bħala d-donatriċi internazzjonali ewlenija, għandha tippromwovi l-prinċipji umanitarji bil-ħila kollha tagħha;
13. Jistieden ukoll lill-perunal militari u ċivili, u lill-ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja involuti fir-reazzjoni għad-diżastri jew f’operazzjonijiet umanitarji, biex jaġixxu skont il-prinċipji tan-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni, li saret f'Diċembru 2009, tal-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tad-dritt internazzjonali umanitarju (DUI) u jqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom rwol politiku kbir x'jiżvolġu fl-implimentazzjoni tagħhom; jittama, ukoll, li fl-SEAE jiġi pprovdut taħriġ speċifiku fid-dritt umanitarju internazzjonali;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-fondi supplementari jkunu allokati għal attivitajiet ta' promozzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' tixrid fuq il-post ma' dawk li jġorru arma, maż-żgħażagħ, mal-klassi politika u mas-soċjetà ċivili;
16. Ifakkar li l-prinċipji u l-prattiki t-tajba fil-qasam tal-għajnuna umanitarja adottati f’Ġunju 2003 jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-għoti ta’ rendikonti u t-twettiq regolari ta' evalwazzjonijiet dwar ir-reazzjonijiet internazzjonali għall-kriżijiet umanitarji, inklużi dwar l-effikaċja tad-donaturi, u jenfasizza li dawn l-evalwazzjonijiet iridu jkunu s-suġġett ta' konsultazzjoni aktar wiesgħa, partikolarment mal-atturi umanitarji;
Qafas komuni għall-għoti tal-għajnuna
· Il-kwalità tal-għajnuna
17. Ifakkar li l-għoti tal-għajnuna għandu jkun ibbażat esklussivament fuq il-bżonnijiet identifikati u il-grad ta' vulnerabilità u li l-kwalità u l-kwantità tal-għajnuna huma qabel kollox iddeterminati minn evalwazzjoni inizjali, li għadu jrid jitjieb, b'mod partikolari fil-livell tal-applikazzjoni tal-kriterji ta' vulnerabbiltà, speċjalment fir-rigward tan-nisa, it-tfal u l-gruppi ta’ persuni b’dażabilità;
18. Ifakkar li l-involviment ġenwin u kontinwu – u jekk tkun possibbli, il-parteċipazzjoni – tal-benefiċjarji fil-ġestjoni tal-għajnuna huwa waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-kwalità tar-reazzjonijiet umanitarji, partikolarment fil-każ ta’ kriżijiet li jdumu għaddejjin għal żmien twil;
19. Jinsisti li l-għajnuna tal-UE fil-każ ta’ xi diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem għandha timmira li tgħin lill-ekonomija lokali, bħal pereżempju billi kemm jista’ jkun jinxtraw affarijiet tal-ikel prodotti lokalment jew reġjonalment, u billi jiġu pprovduti l-materjali meħtieġa għall-bdiewa;
20. Jappella għal armonizzazzjoni tal-metodi użati mid-diversi atturi u jinkoraġġixxi lill-Uffiċċju għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) ikompli xogħlu bil-għan li jiddefinixxi qafas metodoloġiku komuni li jqiegħed bħala prijorità l-intervent effettiv u ta’ malajr u jinvolvi b’mod permanenti, sa fejn ikun possibbli, il-partijiet interessati lokali, inklużi l-partijiet interessati mhux statali;
21. Jinkoraġġixxi bil-qawwa t-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissjoni fl-oqsma settorjali bħan-nutrizzjoni, il-protezzjoni, l-ugwaljanza bjen in-nisa u l-irġiel u l-vjolenza sesswali, ir-refuġjati, il-persuni spostati f’pajjiżhom u jappella għall-integrazzjoni sistematika tad-dimensjoni tan-nisa u l-irġiel u tas-saħħa riproduttiva fir-reazzjoni umanitarja fil-qasam tas-sevizzi tas-saħħa tal-ewwel sokkors;
22. Jistieden lill-Kunsill jelabora d-dettalji ta’ kif għandha tittieħed azzjoni fuq ir-rakkomandazzjoni li hemm fir-rapport Barnier li r-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE għandhom jiġu utilizzati, fuq bażi mhux esklussiva, bħala bażijiet ta’ appoġġ biex ikun iffaċilitat l-ippożizzjonar minn qabel ta’ prodotti u loġistika vitali, ħaġa li tkun tagħmilha aktar faċli biex jiġu użati r-riżorsi umani u materjali Ewropej fil-każ ta’ intervent umanitarju urġenti barra mill-Unjoni Ewropea;
23. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli bil-ħsieb tagħha dwar l-impatt negattiv potenzjali tal-għajnuna umanitarja fuq iż-żoni fejn tingħata – partikolarment id-destabbilizzazzjoni possibbli tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali u l-impatt fuq l-ambjent naturali – u jistedinha tfassal strateġiji xierqa biex tagħmilha possibbli li dan l-impatt jitqies sa mill-istadju tad-disinjar tal-proġetti;
· Id-diversità u l-kwalità tas-sħubiji
24. Jappella għar-rispett tad-diversità tal-atturi involuti b’mod attiv fil-qafas tal-finanzjament u tal-implimentazzjoni tal-programmi umanitarji internazzjonali – in-Nazzjonijiet Uniti, il-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi – u jinkoraġġixxi x-xogħol ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi lokali; jitlob li jkun hemm koordinament u skambju xierqa tat-tagħrif bejn l-atturi kollha involuti;
25. Jitlob lill-korpi governattivi kollha jirrispettaw ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG) fil-ġbir ta’ fondi permezz tad-donazzjonijiet privati;
26. Jappoġġa t-tkomplija tar-riformi umanitarji fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u jappella għat-tisħiħ tas-sistema tal-koordinaturi umanitarji, għal trasparenza u flessibbiltà akbar, għal approċċ immexxi iktar skont il-benefiċċjarji, għal iktar flessibbiltà fl-użu tal-'pooled funds' u għal ċertu numru ta' provvedimenti ta' titjib tal-approċċ permezz ta' 'cluster' (responsabbiltà settorjali), ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istħarriġ dwar l-interventi umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti u filwaqt li jissaħħew il-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni, b'mod partikolari fil-livell tal-koordinament mal-istrutturi lokali u l-atturi mhux statali, tal-kunsiderazzjoni tal-aspetti intersettorjali u tal-koordinament bejn il-'clusters';
· Il-koordinament fil-livell internazzjonali u Ewropew
27. Jerġa' jafferma r-rwol ċentrali li tiżvolġi n-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-OCHA, fil-koordinament tal-azzjoni umanitarja internazzjonali;
28. Jilqa' favorevolment l-inizjattivi li jiggarantixxu koerenza akbar tad-diversi strumenti Ewropej ta' reazzjoni għall-kriżijiet u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-għajnuna umanitarja ngħaqdet mal-protezzjoni ċivili fi ħdan l-istess direttorat ġenerali; jinsisti, madankollu, biex il-mandati, ir-rwoli u r-riżorsi rispettivi tagħhom jibqgħu separati formalment;
29. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu regoli preċiżi u trasparenti għall-kooperazzjoni u l-koordinament bejn is-SEAE u l-Kummissjoni għall-ġestjoni ta' kriżijiet kbar ħafna barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u jaħdmu b’mod attiv rigward il-viżibilità tal-UE ta’ dawk ir-riżorsi u l-kapaċitajiet użati fuq il-post;
30. Ifakkar li l-istrateġija esterna tal-Unjoni Ewropea f'dak li jikkonċerna d-drittijiet tat-tfal għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji definiti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment fl-Artikoli 3, 16, 18, 23, 25, 26 u 29 tagħha, kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha;
L-użu tal-mezzi u kapaċitajiet militari u tal-protezzjoni ċivili
31. Jerġa' jafferma li d-distinzjoni bejn il-mandati tal-atturi militari u umanitarji, b'mod partikolari fiż-żoni milquta minn diżastri naturali u suxxettibbli għal kunflitti armati, għandha tibqa' ċara ħafna u li huwa essenzjali li l-mezzi u l-kapaċitajiet militari jintużaw esklussivament f'każijiet limitati ferm u bħala l-aħħar għażla bħala appoġġ tal-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja b'konformità mal-linji gwida ta-Nazzjonijiet Uniti (il-Linji Gwida MCDA u l-Linji Gwida ta' Oslo)[9];
32. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili jridu jitqiesu bħala kompiti purament ċivili u, għalhekk, iridu jiġu implimentati bħala tali;
33. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għall-ispeċifiċità tal-għajnuna umanitarja fi ħdan il-politika esterna tal-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-forzi armati tagħhom jirrispettaw u japplikaw il-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti; iqis barra minn hekk li jeħtieġ djalogu bejn l-atturi militari u umanitarji bil-għan li jiġi favorit fehim reċiproku;
34. Jerġa' jafferma li r-rikors għall-mezzi tal-protezzjoni ċivili waqt kriżijiet umanitarji għandu jissejjes fuq il-bżonnijiet u jkun komplementari u koerenti mal-għajnuna umanitarja, u jirrimarka li, fil-każ tad-diżastri naturali, dawn il-mezzi jistgħu jikkontribwixxu b’ċertu mod għall-azzjonijiet umanitarji, jekk ikunu utilizzati skont il-prinċipji li jirrigwardaw dan is-suġġett tal-kumitat permanenti interorganizzattiv (IASC);
35. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi ambizzjużi bil-għan li tistabbilixxi forza Ewropea tal-protezzjoni ċivili, ibbażata fuq ottimizzazzjoni tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili attwali u fuq ġbir komuni tal-mezzi nazzjonali eżistenti li ma jikkawżax spejjeż addizzjonali kbar, u filwaqt li tiġi ispirata minn modi ppruvati fil-qafas tal-azzjonijiet preparatorji; il-finanzjament tal-forza tal-protezzjoni ċivili jrid ikun addizzjonali għall-finanzjament intenzjonat għall-emerġenzi umanitarji;
36. Iqis li l-forza Ewropea tal-protezzjoni ċivili tista’ tinkludi impenn minn ċerti Stati Membri li volontarjament jagħmlu disponibbli moduli essenzjali ta’ protezzjoni ċivili, determinati minn qabel u li jkunu lesti li jintervjenu immedjatament għal operazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu kkoordinati miċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC), u jqis barra minn hekk li l-parti l-kbira ta’ dawn il-moduli, li diġà huma disponibbli fil-livell nazzjonali, ikunu jibqgħu taħt il-kontroll tagħhom u li l-iskjerament ta’ dawn il-moduli fuq il-bażi ta’ tlestija għal dak li jista’ jinqala’ jkun jifforma n-nukleu tal-protezzjoni ċivili tal-Unjoni biex tirreaġixxi għad-diżastri kemm barra kif ukoll ġewwa l-fruntieri tagħha;
Il-kontinwità tal-għajnuna
· It-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima
37. Jilqa' l-adozzjoni, fi Frar 2009, ta' strateġija Ewropea ġdida għas-sostenn tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastru fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ħalli flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi benefiċjarji tiżviluppa programmi fil-qasam tal-kapaċita ta’ prevenzjoni tad-diżastri u ta’ ġestjoni tar-reazzjoni, u jappella għall-implimentazzjoni rapida ta' din l-istrateġija;
38. Jitlob li jsir sforz sinifikanti bil-għan li d-dimensjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri tiġi integrata b'mod iktar sistematiku fil-politiki tal-għajnuna għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja;
39. Jirrakkomanda żieda sinifikanti tal-ammonti allokati għal din id-dimensjoni u jinsisti fuq l-importanza li l-finanzjamenti jinżammu fuq skala żgħira bil-għan li jiġi garantit approċċ aktar rispettuż tal-kuntest u pussess lokali tal-proġetti;
40. Jitlob li l-aġenda marbuta mal-adattament għat-tibdil fil-klima tkun ikkoordinata aħjar mal-attivitajiet tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri;
· Ir-rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp
41. Jiddispjaċih li l-progress konkret fil-qasam tal-kollegament tal-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp huwa dejjem limitat minkejja t-tkattir tal-impenji politiċi matul dawn l-aħħar snin;
42. Jisħaq fuq kemm hu importanti li ssir tranżizzjoni f’waqtha mill-emerġenza għall-iżvilupp, ibbażata fuq kriterji speċifiċi u valutazzjoni tal-ħtiġijiet immexxija bir-reqqa kollha;
43. Jitlob għal aktar riżorsi bil-għan li tkun żgurata l-kontinwità tal-għajnuna u li r-riflessjoni torjenta ruħha lejn il-flessibbiltà u l-komplementarjetà tal-faċilitajiet finanzjarji eżistenti waqt il-fażijiet ta' tranżizzjoni mill-emerġenza għall-iżvilupp;
44. Jappella għal titjib tad-djalogu u tal-koordinament bejn l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-aġenziji ta' żvilupp fiż-żoni ta' invervent u fi ħdan is-servizzi korrispondenti fil-livell tal-istituzzonijiet Ewropej u tal-Istati Membri;
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA).
- [1] ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.
- [2] ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.
- [3] ĠU L 173, 3.7.2007, p. 19.
- [4] Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2008)0304.
- [5] ĠU L 163, 4.7.2000, p. 37.
- [6] ĠU C 282, 6.11.2008, p. 273.
- [7] Testi Adottati ta' din d-data, P7_TA(2010)0015.
- [8] Testi Adottati ta' din id-data, P7_TA(2010)0235.
- [9] Linji Gwida MCDA: linji gwida dwar l-użu ta' riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili biex jiġu appoġġati l-operazzjonijiet umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi; Marzu 2003.
Linji Gwida ta' Oslo: linji gwida dwar l-użu tar-riżorsi militari u tal-protezzjoni ċivili barranin fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' sokkors f'każ ta' diżastru; Novembru 2007.
NOTA SPJEGATTIVA
L-Unjoni Ewropea, li tgħaqqad flimkien il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, hija l-ewwel donatur ta' għajnuna umanitarja fid-dinja. Il-kontribut tagħha jirrappreżenta aktar minn 40 % tal-assistenza umanitarja internazzjonali uffiċjali. Permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO), fl-2009 l-Kummissjoni Ewropea pprovdiet għajnuna umanitarja lil madwar 115 miljun ruħ f'aktar minn 70 pajjiż b'kontribut totali ta' 950 miljun euro. Permezz tal-politika umanitarja tagħha, l-Unjoni Ewropea turi konkretament l-impenn tagħha favur il-popolazzjonijiet ta' pajjiżi terzi li għandhom bżonn l-għajnuna f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà estrema.
Il-Kunsens umanitarju, iffirmat fit-18 ta' Diċembru 2007 mill-Presidenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, jirrappreżenta pass 'il quddiem notevoli. Dan jorbot lill-Unjoni Ewropea tikkoopera bil-qrib f'dan il-qasam fid-dawl ta' viżjoni komuni tal-għajnuna umanitarja. Il-Kunsens jenfasizza r-rieda tal-Unjoni Ewropea biex tikkoopera mill-qrib f'dan il-qasam bil-għan li tottimizza l-effikaċja tagħha, tiddefendi u tippromwovi l-prinċipji umanitarji fundamentali ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza u li tistinka bil-qawwa favur ir-rispett tad-Dritt Internazzjonalu Umanitarju. L-impenji li joħorġu mill-Kunsens japplikaw kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni Ewropea. Bil-għan li tiġi favorita l-implimentazzjoni tal-Kunsens Umanitarju, tħejja pjan ta' azzjoni mqassam fuq perjodu ta' 5 snin u ġie adottat f'Mejju 2008. L-azzjoni nru 33 tal-pjan tipprevedi speċifikament ir-rieżami intermedju tal-pjan ta' azzjoni, analiżi li hija ttrattat f'dan ir-rapport.
L-ewwel nett, jeħtieġ li jingħad li din l-analiżi mhijix faċli, minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni speċifika dwar l-azzjonijiet li saru u dawk li fadal isiru. L-analiżi tar-riżultati tal-pjan ta' azzjoni tbati wkoll mill-assenza ta' indikaturi speċifiċi f'ċerti setturi. Aħna u nħejju dan ir-rapport, ħareġ li l-Kunsens Umanitarju għadu mhux magħruf lil hinn mill-atturi umanitarji u għalhekk jeħtieġ li jsir sforz sinifikanti bil-għan li tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-Kunsens u biex isir iktar magħruf fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet l-oħra u l-atturi militari. Lil hinn mill-eżerċizzju formali, dan ir-rapport iħallina nerġgħu nikkunsidraw l-attwalità tal-għajnuna umanitarja kif ukoll il-punti essenzjali tal-kunsens li jidhrulna fundamentali.
· Il-Kunsens Ewropew f'kuntest li qiegħed jinbidel malajr
Matul dawn l-aħħar snin, il-kuntest umanitarju nbidel radikalment u dan jagħmel saħansitra aktar rilevanti applikazzjoni rigoruża u msaħħa tal-kunsens umanitarju. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-evoluzzjoni tal-kuntest, jeħtieġ li l-ewwel nett tissemma ż-żieda sinifikanti tal-għadd u tal-kobor tad-diżastri naturali dovuti partikolarment għall-impatt tat-tibdil fil-klima. B'konsegwenza ta' dan, jeħtieġ għaldaqstant li jissaħħew l-isforzi fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u li jiġi previst - lil hinn minn għoti ta' għajnuna fil-pront - sostenn għall-kapaċitajiet tal-komunitajiet stess fil-qasam tat-tħejjija għad-diżastri. L-impenji politiċi jeżistu - l-istrateġija tal-UE f'dan is-sens u l-pjan ta' azzjoni ta' Hyogo - iżda għad hemm lakuni f'dik li hi l-implimentazzjoni. Dan ifisser li t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-pajjiżi għandu jiġi integrat fil-politiki tal-għajnuna għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja.
Ma' dan jeħtieġ li nżidu t-tkattir tal-kriżijiet kumplessi, partikolarment tal-kunflitti interni, u l-evoluzzjoni tan-natura tal-kunflitti li spiss iġibu magħhom spostamenti massivi tal-popolazzjoni (rifuġjati, persuni spostati f'pajjiżhom) u vjolenza feroċi fir-rigward tal-popolazzjoni. Il-ksur tad-Dritt Internazzjonali Umanitarju qiegħed dejjem jiżdied u s-sitwazzjoni fil-post qiegħda tmur għall-agħar. Aspett partikolarment xokkanti tal-ksur tad-Dritt Internazzjonali Umanitarju jirrigwarda l-fatt li l-vjolenza sesswali qiegħda dejjem aktar spiss tintuża bħala arma tal-gwerra. Sforzi importanti għandhom jiffukaw fuq l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ġeneru u l-protezzjoni kontra l-vjolenzi sesswali f'kuntesti umanitarji.
Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-atturi umanitarji li jkollhom aċċess għall-popolazzjonijiet f'każ ta' kriżijiet huma xi kultant imxekkla u nistgħu niddeploraw b'mod globali żieda fit-tnaqqis tal-ispazju umanitarju. Id-difiża tal-protezzjoni tal-ispazju umanitarju għandha tkompli bla heda.
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-persuni spostati bil-forza (persuni spostati f'pajjiżhom u rifuġjati). Skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, fl-aħħar tal-2009 fid-dinja kien hemm 43.3 miljun persuna spostata bil-forza. Barra minn hekk, skont l-UNICEF, 'il fuq minn 22 000 tifel u tifla ta' età inqas minn 5 snin imutu kuljum partikolarment minħabba nutrizzjoni ħażina u kunflitti armati u 'l fuq minn miljun orfnu u tifel jew tifla separati mill-familja tagħhom
F'dan l-aħħar snin qed nassistu għal żieda fl-involviment ta' atturi mhux umanitarji (militari, protezzjoni ċivili, eċċ.) fir-reazzjoni għall-kriżijiet umanitarji. Jekk dan l-involviment jista' jkun pożittiv f'xi każijiet ta' reazzjoni għal diżastri naturali kbar, dawn jistgħu joħolqu problemi fil-każijiet ta' kriżijiet kumplessi b'riskju kbir ta' konfużjoni bejn l-aġenda politika u dik umanitarja. Il-kollegament ċivili-miltari sar madankollu realità inevitabbli speċjalment bil-multiplikazzjoni ta' "missjonijiet integrati" taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti li l-għan tagħhom huwa l-implimentazzjoni ta' strateġija globali. Din il-konfużjoni tar-rwoli bejn forzi militari u atturi umanitarji tikkontribwixxi għal żieda fl-insigurtà tal-persunal umanitarju u tal-popolazzjonijiet milquta. Huwa fundamentali li l-atturi politiċi, militari jew umanitarji li jikkondividu l-istess ambjent operattiv jitgħallmu jsiru jafu lil xulxin aħjar u jiddjalogaw billi jirrispettaw u ma jikkompromettux ir-rwoli u l-mandati ta' kull attur.
Id-diżastri umanitarji reċenti li ġraw f'Ħaiti u fil-Pakistan għal darb'oħra wrew il-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE ta' reazzjoni għad-diżastri f'termi ta' effikaċja, koordinament u viżibbiltà. Ir-rapport għalhekk jitkellem favur il-ħolqien ta' kapaċità Ewropea ta' reazzjoni rapida (forza Ewropea tal-protezzjoni ċivili), idea mnedija minn Michel Barnien wara t-tsunami fl-Asja u msemmija bosta drabi mill-Parlament Ewropew. Din il-kapaċità għandha tkun ottimizzazzjoni tal-istrumenti disponibbli li b'hekk jiggwadanjaw effikaċja u viżibbiltà, billi l-objettiv huwa li naslu għall-mobilitazzzjoni immedjata tal-mezzi kollha meħtieġa, permezz ta' koordinament imsaħħaħ. Huwa ċar ħafna li l-użu ta' din il-kapaċità għandu jkun ibbażat fuq il-bżonnijiet u tkun komplementari u koerenti mal-għajnuna umanitarja. Ir-rikors għall-mezzi tal-protezzjoni ċivili għandu jkun konformi mal-Linji Gwida Internazzjonali kif ifformulati fil-Kunsens Ewropew.
· L-evoluzzjoni tal-kuntest istituzzjonali umanitarju fil-livell Ewropew
Mill-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni, seħħ xi tibdil istituzzjonali fil-livell tal-Unjoni Ewropea pereżempju bit-twaqqif fil-bidu tal-2009 tal-grupp ta' ħidma dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna alimentari fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (COHAFA). Il-COHAFA sar forum rilevanti u strument supplementari li jsaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tal-politika umanitarja Ewropew bi skambji regolari fuq livell politiku. Madankollu, ir-rwol tiegħu ssaħħaħ f'termini ta' applikazzjoni tal-prinċipji u tal-prattiki tajba umanitarji, ta' koordinament u ta' implimentazzjoni tal-Kunsens.
Nosservaw ukoll it-tagħqid tal-portafolji tal-protezzjoni ċivili mal-għajnuna umanitarja fi ħdan id-DĠ ECHA u dan se jikkontribwixxi biex isaħħaħħ il-koordinament u l-koerenza globali tal-istrumenti ta' ġestjoni ta' kriżi f'każ ta' diżastru. Jekk ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon dan it-tagħqid, jeħtieġ madankollu tinżamm distinzjoni ċari tar-rwoli, tal-mandati u tal-linji tal-baġit tad-diversi strumenti bil-għan li jinżammu l-identitajiet tagħhom u l-ispeċifiċitajiet rispettivi tagħhom.
Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-azzjoni umanitarja tal-Unjoni hija minn issa 'l quddiem regolata mill-Artikolu 214 tat-TFUE li jistabbilixxi politika li tassew tittratta l-għajnuna umanitarja tal-UE. Din hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea. B'hekk ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 dwar l-għajnuna umanitarja, li daħal fis-seħħ fl-1996, se jkollu l-bażi ġuridika tiegħu waqt ir-reviżjoni tiegħu skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni.
It-Trattat ta' Lisbona introduċa wkoll is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mautl l-2010 bosta diskussjonijiet irrigwardaw it-twaqqif tiegħu. Il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament, matul in-negozjati, ingħaqad biex jiddefendi l-indipendenza tad-DĠ ECHO biex dan ma jkunx parti mis-SAEA u biex b'hekk tiġi evitata kull strumentalizzazzjoni possibbli tal-għajnuna umanitarja. F'dam il-kuntest partikolari, il-qsim tal-kompiti bejn Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE u Kristalina Georgieva, il-Kummissarju Ewropew inkarigata mill-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Reazzjoni għall-Kriżijiet, għandu jiġi ċċarat.
· L-isfidi x'nilqgħu u t-triq li għandna nsegwu
Il-Kunsens huwa l-ewwel dokument komuni dwar il-politika tal-għajnuna umanitarja mill-adozzjoni tar-Regolament dwar l-għajnuna umanitarja fl-1996. Il-kunsens umanitarju huwa strument fundamentali li jżomm ir-rilevanza kollha tiegħu speċjalment f'kuntest umanitarju li qiegħed jinbidel malajr. Ir-Rapporteur tqis li l-isfidi umanitarji jistgħu jsibu r-reazzjoni għalihom f'applikazzjoni rigoruża tal-kunsens umanitarju u tal-pjan ta' azzjoni tiegħu.
Ir-reviżjoni intermedja tal-Pjan ta' Azzjoni tirrappreżenta opportunità unika biex tissaħħaħ l-azzjoni f'oqsma li jistħoqqilhom aktar attenzjoni bħal:
o il-promozzjoni tal-prinċipji umanitarji u tad-Dritt Internazzjonali Umanitarju.
o il-kwistjonijiet marbuta mal-kwalità, mal-koordinament u mal-koerenza fil-qafas tal-għoti tal-għajnuna umanitarja tal-UE
o il-kjarifika tal-użu tal-mezzi u kapaċitajiet militari u tal-protezzjoni ċivili bi qbil mal-Kunsens umanitarju u l-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti
it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tisħiħ tal-kollegament tal-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.12.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Santiago Fisas Ayxela, Martin Kastler, Judith Sargentini, Patrizia Toia |
|||||