RAPPORT dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel

16.12.2010 - (2010/2112(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Daciana Octavia Sârbu

Proċedura : 2010/2112(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0376/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel

(2010/2112(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar[4],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali, SEC(2010)1058,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[5],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata 'Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel',

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li jinkludu li sal-2015 jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-popolazzjoni dinjija li tbati minħabba l-ġuħ meta mqabbel mal-1990,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7‑0376/2010),

A. billi l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Ewropa, il-fatt li l-konsumaturi jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli, u s-salvagwardja tad-dħul tal-bdiewa ilhom l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) mindu bdiet u għadhom l-objettivi ewlenin tal-UE sal-lum,

B.  billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija u billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel laqtet l-agħar lill-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli,

C. billi l-volatilità tal-prezzijiet fl-agrikoltura hija fin-natura tagħha permanenti, peress li l-prezzijiet jirrispondu sproporzjonatament għal varjazzjonijiet żgħar fil-livell ta' produzzjoni, ta’ spiss bħala riżultat tal-ispekulazzjoni,

D. billi waqt laqgħa reċenti tal-Kumitat għas-Sigurtà tal-Ikel Dinji fil-FAO, l-UE saħqet fuq il-problema tal-volatilità estrema tal-prezzijiet u l-Panel ta’ Esperti ta’ Livell Għoli l-ġdid ġie mitlub li jirrapporta dwar il-kawżi u l-miżuri fir-rigward taċ-ċaqliq fil-prezzijiet,

E.  billi fenomeni klimatiċi u oħrajn jistgħu jwasslu lil xi pajjiżi biex jadottaw politiki protezzjonisti, kif ġara fil-każ tal-projbizzjoni reċenti fuq l-esportazzjoni tal-qamħ li ġiet imposta fuq l-Ukraina mir-Russja, li flimkien jesportaw madwar 30% tal-qamħ dinji,

F.  billi l-produzzjoni dinjija tal-ikel tista’ tiġi ostakolata b’mod regolari minn firxa ta’ fatturi inklużi l-impatt tal-annimali li jagħmlu l-ħsara u tal-mard, id-disponibilità tar-riżorsi naturali u d-diżastri naturali, kif ġara fl-2010 minħabba n-nixfa u n-nirien li damu ħafna fir-Russja u l-għargħar enormi fil-Pakistan,

G. billi t-tibdil fil-klima se jirriżulta f’każijiet aktar frekwenti ta’ tali diżastri naturali, u b’hekk tiġi pperikolata s-sigurtà tal-ikel,

H. billi l-isfida hija li jiġi prodott 'aktar minn anqas', b’enfasi fuq il-produzzjoni sostenibbli minħabba pressjoni fuq ir-riżorsi naturali,

I.   billi l-UE hija l-akbar importatur nett ta' prodotti agrikoli, u tiddependi żżejjed mill-importazzjonijiet tal-proteini, ta' prodotti oljużi u tal-qamħirrum għas-settur tagħha tat-trobbija tal-annimali, kif ukoll tal-frott u l-ħaxix, mhux l-anqas għax il-produtturi tagħna mhumiex permessi li jużaw l-istess metodi ta’ produzzjoni għal tali prodotti,

J.   billi skont l-FAO, it-tkabbir stmat fil-popolazzjoni dinjija minn 7 biljun ruħ għal 9.1 biljun ruħ se jeħtieġ żieda ta' 70% fil-provvista tal-ikel sas-sena 2050,

K. billi l-karestija u l-faqar għadhom jeżistu fl-Unjoni Ewropea; billi 79 miljun ruħ fl-UE għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar (60 % tad-dħul medju tal-pajjiż li fih tgħix il-persuna); u billi fix-xitwa li għaddiet 16-il miljun ċittadin tal-UE ngħataw għajnuna alimentari minn istituzzjonijiet tal-karità,

L.  billi s-sigurtà tal-ikel ma tfissirx biss id-disponibilità ta' provvisti tal-ikel, iżda skont l-FAO tinkludi wkoll id-dritt għall-ikel u l-aċċessibilità għal nutriment tajjeb għas-saħħa għal kulħadd; billi, billi ssir dejjem aktar kompetittiva, l-Ewropa tista' tikkontribwixxi għas-sigurtà dinjija tal-ikel,

M. billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel għall-ifqar membri tas-soċjetà kien aggravat mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija,

N. billi d-dħul tal-bdiewa naqas b’mod drammatiku fl-2009 wara deċennju ta’ staġnar tad-dħul, l-aktar minħabba kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u spejjeż dejjem jiżdiedu tal-produzzjoni; billi d-dħul agrikolu huwa aktar baxx b’mod sinifikanti (b’estimu ta’ 40 % għal kull unità tax-xogħol) mill-bqija tal-ekonomija, u billi d-dħul għal kull abitant f’żoni rurali huwa ferm aktar baxx (b’madwar 50 %) minn f’żoni urbani,

O. billi l-bdiewa jirċievu sehem li gradwalment dejjem qed jonqos tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li s-sehem tal-industrija tal-ikel żdied; billi katina tal-provvista li tiffunzjona kif suppost hija prerekwiżit neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jieħdu qligħ ġust għall-prodotti tagħhom,

P.  billi matul il-katina sħiħa tal-produzzjoni, tal-provvista u tal-konsum tal-ikel, sa 50% tal-ikel prodott fl-UE qed jintrema,

Q. billi 7% biss tal-bdiewa fl-UE huma taħt l-età ta’ 35 sena,

R.  billi s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-Ewropa u teħtieġ koerenza u koordinament bejn diversi oqsma politiċi settorjali fil-livell tal-UE, jiġifieri l-PAK, il-politika dwar l-enerġija, il-programmi ta' riċerka, il-politiki kummerċjali u dwar l-iżvilupp, u r-regolament finanzjarju,

1.  Jisħaq fuq il-fatt li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha u ambjent rurali sostenibbli u li jkun qed jiżviluppa, żgurat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali sabiex tingħeleb l-isfida tas-sigurtà tal-ikel;

2.  Jafferma li l-UE għandha l-ogħla standards tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel fid-dinja b’enfasi qawwija fuq is-sikurezza tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u s-sostenibilità ambjentali tal-agrikoltura;

3.  Huwa tal-fehma li jeħtiġilna nużaw il-forom kollha ta' biedja biex inkunu nistgħu nitimgħu lill-Ewropa u lil pajjiżi terzi;

Is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja

4.  Jemmen li d-dritt għas-sigurtà tal-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u jinkiseb biss meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomiku għal ikel xieraq, sikur (fir-rigward tas-saħħa) u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;

5.  Jiddikjara li l-UE għandha d-dmir li titma' liċ-ċittadini tagħha u li t-tkomplija tal-attività tal-biedja fl-UE hija importanti ferm f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni rigward id-dħul tal-biedja li qed jonqos fl-UE, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u l-volatilità tal-prezijiet, li għandhom impatt negattiv fuq il-ħila tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni; jenfasizza l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-bdiewa Ewropej biex jissodisfaw l-ogħla standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel, tal-benesseri tal-annimali u tax-xogħol fid-dinja; jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa għandhom jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u talli jipprovdu l-prodotti lis-soċjetà; jenfasizza li l-ikel minn pajjiżi terzi li jidħol fl-UE jrid jissodisfa l-istess standards għoljin, biex il-produtturi Ewropej ma jbatux mil-lat tal-kompetittività;

6.  Jirrikonoxxi li l-garanzija ta’ provvista tal-ikel adegwata hija komponent essenzjali tas-sigurtà tal-ikel, imma jirrikonoxxi wkoll li l-aċċess għall-ikel u kemm wieħed jista’ jaffordja l-ikel jeħtieġu li tingħata attenzjoni għat-twaqqif ta’ standard ta' għajxien xieraq, partikolarment għal min m'għandux biżżejjed riżorsi ekonomiċi, li spiss ikunu tfal, anzjani, migranti, refuġjati u persuni qegħda;

7.  Jappoġġja l-formula Sigurtà tal-Ikel - Nutriment - Kwalità – Qrubija – Innovazzjoni - Produttività; jemmen li biex dan iseħħ il-PAK futura għandha tieħu nota tal-aspettattivi tan-nies li għandha tkun kemm politika agrikola kif ukoll politika dwar l-ikel immirati biex jipprovdu informazzjoni pubblika dwar id-dieta b’saħħitha;

8.  Iqis li l-UE għandha toħloq kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' nutrizzjoni bħal 'School Fruit' u 'School Milk' fl-Istati Membri, kif ukoll appoġġ aħjar għall-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-oriġini ta' prodotti u nutrizzjoni, meta jitqies il-fatt li għażliet infurmati dwar id-dieta jistgħu jipprevjenu l-mard u jnaqqsu l-piż kbir fuq l-infiq soċjali fl-Ewropa; u jitlob li jsiru aktar programmi ta' appoġġ rigward id-dieta, li għandu jkollhom piż amministrattiv inqas, kif ukoll li jiżdied il-baġit għal dawk il-programmi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattiċità ta' dawn il-programmi;

9.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm tal-UE 'Il-Persuni l-Aktar Imċaħħda'; ifakkar li permezz tal-Liġi tagħha dwar il-Farms, l-Istati Uniti talloka appoġġ sinifikanti lill-Programm Supplimentari ta' Għajnuna għan-Nutriment (SNAP), li jiġġenera dħul sostanzjali għas-settur u għall-ekonomija b'mod ġenerali, minbarra li jissodisfa ftit mill-ħtiġijiet alimentari tal-ifqar nies tagħha;

10. Huwa konxju mill-isfida kbira li jġib it-tibdil fil-klima għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel, speċjalment permezz ta' żieda fil-frekwenza u fl-iskala ta' fenomeni klimatiċi, bħan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien u l-maltempati; jisħaq fuq l-isfida dejjem tikber tal-iskarsezza tal-ilma u l-impatt tagħha fuq il-produzzjoni tal-ikel; jisħaq fuq il-bżonn li l-immaniġġjar tal-ilma u t-tibdil fil-klima jiġu ttrattati b'urġenza;

11. Ifakkar li s-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel għandhom rabta b’saħħitha ħafna; jagħraf li l-ispejjeż enerġetiċi huma fattur ewlieni fid-determinazzjoni tal-livell tal-profitabilità tal-agrikoltura, li huwa s-settur li jiddependi l-aktar miż-żejt; jinkoraġġixxi miżuri li jkunu ta' inċentiv għall-bdiewa li jsiru aktar effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u jiżviluppaw sorsi alternattivi ta' provvista ta' enerġija; ifakkar li jinħtieġ appoġġ aktar konsistenti għar-riċerka u l-iżvilupp u għal servizzi ta' konsulenza;

12. Iqis, madankollu, li l-isforzi akbar biex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u biex jintlaħqu l-miri 2020 iridu jqisu l-impatt fuq il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; jisħaq fuq il-bilanċ delikat involut biex tingħeleb l-isfida ikel/fjuwil;

13. Jinnota li l-livell ta' dipendenza minn importazzjonijiet ta' proteini u ta' prodotti oljużi minn pajjiżi terzi, li għandu konsegwenzi negattivi għall-industrija alimentari u agrikola, b'mod partikolari għas-settur tat-trobbija tal-annimali meta l-prezzijiet tal-annimali jogħlew f'daqqa;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni teknika għall-problema ta' preżenza f'livell baxx ta' materjal ĠM f'importazzjonijiet ta' materjal mhux ĠM u sabiex tipproponi proċess ta' approvazzjoni aktar rapidu fl-UE għall-importazzjoni ta' varjanti ta' għalf ĠM ġaladarba jkun approvat li hu sikur, filwaqt li tikkunsidra wkoll il-possibilità li tawtorizza l-użu ta' metodi ta' produzzjoni li jintużaw f'pajjiżi terzi;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess għat-tagħrif dwar l-eżitu tal-kontrolli fuq is-sigurtà tal-ikel bil-għan li tiżdied it-trasparenza fuq livell Ewropew;

16. Huwa preokkupat dwar il-ħolqien tal-fenomenu tal-akkapparrar tal-art u l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-futur tal-agrikoltura u tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga din is-sitwazzjoni b'relazzjoni mad-dritt taż-żamma tal-art u r-riżorsi naturali;

17. Jagħmel l-osservazzjoni li minħabba l-prezz għoli tal-għalf is-sitwazzjoni tal-farms għat-trobbija tal-annimali fl-UE marret għall-agħar; jitlob għalhekk li jsir użu speċifiku tal-istrumenti disponibbli skont ir-Regolament tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni (KE) Nru 1234/2007 sabiex jiġi stabbilizzat is-suq u tiġi evitata kriżi;

18. Jemmen li l-kisbiet fil-produzzjoni li jsiru fl-Istati Membri ġodda se jżidu l-ammont ta' art disponibbli u jipprovdu opportunità biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-proteini u prodotti oljużi fl-UE;

19. Jinnota li s-sikurezza alimentari ma tistax tkun żgurata jekk ma jkunx disponibbli aċċess ħieles għal riżorsi ġenetiċi tal-ikel u l-agrikoltura; jirrikonoxxi t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-FAO bħala strument importanti għall-preservazzjoni tal-bijodiveristà agrikola biex b'hekk jiġu evitati l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;

20. Jenfasizza li l-inċentivi għall-għelejjel tal-enerġija sostenibbli li bħalissa qed jiġu ppjanati ma għandhom bl-ebda mod jikkompromettu s-sigurtà tal-ikel għall-pubbliku;

21. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw programmi li jkun fihom miżuri agrikoli konkreti mmirati biex itaffu u jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa t-tnedija ta' kampanja ta' informazzjoni għall-konsumaturi rigward l-isforzi li jsiru min-naħa tal-bdiewa u s-settur agrikolu f'dawk li huma ħarsien ambjentali u sigurtà tal-ikel;

L-agrikoltura, is-swieq finanzjarji u l-volatilità tal-prezzijiet

23. Jemmen li s-swieq finanzjarji u agrikoli llum huma aktar interkonnessi minn qatt qabel; iqis li reazzjoni Ewropea waħedha m'għadhiex biżżejjed u li l-Ewropa għandha taġixxi flimkien ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-volatilità tal-prezzijiet u tas-sigurtà tal-ikel; japprova l-azzjoni li ttieħdet għal dan il-għan mill-Presidenza tal-G20;

24. Jenfasizza l-problemi li jiffaċċjaw il-bdiewa fi żminijiet ta' volatilità estrema tas-suq u tal-prezzijiet; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa biex jippruvaw jippjanaw minn qabel fi żminijiet ta' volatilità estrema; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi b'urġenza miżuri permanenti u b'saħħithom biex jindirizzaw il-volatilità fis-swieq agrikoli; jemmen li dan ikun fattur ewlieni sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea;

25. Jinnota li l-indiċi tal-prezzijiet fis-swieq finanzjarji għal prodotti agrikoli primarji qatt ma kien daqshekk instabbli; isemmi bħala eżempju ż-żieda reċenti tal-prezz tal-kuntratti għall-qamħ, li żdied b'70% f'xahrejn, filwaqt li l-volum tal-kummerċ tagħhom irdoppja u aktar fis-suq tal-prodotti bażiċi ta' Pariġi;

26. Jenfasizza l-fatt li dawn il-fenomeni huma biss parzjalment ikkawżati mill-prinċipji fundamentali tas-suq bħad-domanda u l-provvista u fil-biċċa l-kbira huma r-riżultat ta' spekulazzjoni; jinnota li l-imġiba spekulattiva kkaġunat madwar 50% taż-żidiet reċenti tal-prezzijiet; japprova l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel rigward ir-rwol ta' investituri istituzzjonali kbar, bħall-fondi spekulattivi, il-fondi tal-pensjonijiet u l-banek tal-investiment – li kollha ġeneralment ma tantx ikollhom interess fis-swieq agrikoli – fil-mod li bih jaffettwaw l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi permezz taċ-ċaqliq tagħhom fis-swieq tad-derivattivi;

27. Jappoġġja, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istrumenti finanzjarji, li għandha tipprevedi kummerċ aktar trasparneti u limiti minimi għall-operaturi li jitħallew jagħmlu l-kummerċ f'dawn is-swieq; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-fenomeni klimatiċi; fl-istess ħin, l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded lil impriżi agikoli li jkunu effiċjenti;

28. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali; jixtieq li jinħolqu salvagwardji kontra l-volatilità estrema tal-prezzijiet bħala għodda ta' reazzjoni rapida għall-kriżijiet; jixtieq jara koordinazzjoni rigward leġiżlazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi, bħall-Istati Uniti, sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal spekulaturi li japprofittaw ruħhom b'mod inġust mid-differenzi bejn is-sistemi regolatorji varji;

29. Huwa favur azzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tiġi ttrattata l-problema tal-ispekulazzjoni, anke permezz ta' mandat maħruġ għar-regolaturi u għall-korpi ta' sorveljanza biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni; jemmen li d-derivattivi tal-prodotti bażiċi huma differenti minn derivattivi finanzjarji oħra u li tal-ewwel għandhom jiġu ttrattati biss minn negozjanti li għandhom interessi leġittimi li jipproteġu l-merkanzija agrikola mir-riskji kif ukoll minn kategoriji oħra ta' persuni marbuta direttament mal-produzzjoni agrikola vera; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozju ta' derivattivi ta' prodotti bażiċi tal-ikel ikun limitat kemm jista' jkun għal investituri marbuta direttament mas-swieq agrikoli;

30. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konċentrazzjoni b'effetti wiesgħa ħafna li seħħet fil-kummerċ taċ-ċereali li bħala riżultat tagħha n-negozji konċernati kapaċi jinfluwenzaw il-prezzijiet tas-suq; jinnota li dan jista' jżid il-volatilità tal-prezzijiet billi n-negozjanti taċ-ċereali għandhom interess li jkun hemm ċaqliq fil-prezz minħabba t-tranżazzjonijiet spekulattivi tagħhom; iqis li dan juri wkoll il-bżonn ta' stokkijiet ta' intervent jew għal xi salvagwardja oħra biex jippromwovu l-istabilità tal-prezzijiet u jiddefendu l-interessi tal-bdiewa u l-konsumaturi;

31. Jenfasizza li mhux possibbli li tittieħed azzjoni effikaċi kontra caċliq kbir ta' prezzijiet mingħajr stokkijiet ta' intervent jew stokkijiet strateġiċi; iqis għalhekk li r-rwol ta' strumenti ta' intervent fis-suq irid jisseddaq fil-PAK tal-futur;

32. Jenfasizza li aktar trasparenza u ekwità fil-katina tal-provvista tal-ikel huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat profitt ġust għall-bdiewa, qligħ u pprezzar ġusti fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel u settur agrikolu vijabbli li jipprovdi sikurezza alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti tanġibbli u effettivi biex jindirizzaw din il-kwistjoni;

33. Jiġbed l-attenzjoni li, meta affaċċjati bil-volatilità tal-prezzijiet, il-pajjiżi bi dħul baxx u b'defiċit alimentari (LIFDC) x'aktarx li jkunu aktar vulnerabbli;

Stokkijiet dinjija tal-ikel għas-sigurtà dinjija tal-ikel

34. Jinnota li attwalment il-provvista dinjija totali tal-ikel mhijiex insuffiċjenti u li fil-fatt huma l-inaċċessibilità u l-prezzijiet għoljin li jċaħħdu lil bosta nies mis-sigurtà tal-ikel;

35. Jinnota, madankollu, li l-istokkijiet dinjija tal-ikel huma ħafna aktar limitati milli fl-imgħoddi, billi naqsu għal-livell rekord ta' 12-il ġimgħa ta' riżervi dinjija tal-ikel matul il-kriżi tal-ikel tal-2007; jiġbed l-attenzjoni li l-produzzjoni dinjija tal-ikel hija dejjem aktar vulnerabbli għal fenomeni meteoroloġiċi estremi marbuta mat-tibdil fil-klima, għal pressjoni globali li qed tiżdied fuq l-art bħala riżultat tal-urbanizzazzjoni, u għal għadd akbar ta' pesti u mard li jistgħu jikkawżaw nuqqasijiet tal-ikel għal għarrieda u imprevedibbli;

36. Iqis, għalhekk, li sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel (kemm stokkijiet ta' emerġenza biex inaqqsu l-ġuħ, kif ukoll stokkijiet użati biex jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti ta' konsum) tkun ta' benefiċċju billi tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji meta l-prezzijiet jogħlew f'daqqa, tilqa' għall-protezzjoniżmu rikorrenti u ttaffi l-pressjoni fuq is-swieq dinjija tal-ikel; iqis li dawn l-istokkijiet għandhom ikunu mmaniġġjati minn korp komuni taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti, jew mill-FAO, u għandha tintuża b'mod sħiħ l-esperjenza miksuba mill-Programmi Dinjija tal-Ikel tal-FAO u tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza twettaq studju u tirrapporta lill-Parlament dwar l-aktar mod effikaċi biex dan isir; jistieden ukoll lill-Kummissjoni jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' din is-sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel;

37. Ifakkar li l-UE sal-lum irreaġiet b'għajnuna u flus, anke permezz tal-Faċilità tal-Ikel; jixtieq li jsiru rapporti dwar l-effikaċja ta' din il-faċilità, anke fir-rigward tal-progress fil-ġlieda kontra l-kawżi u s-sintomi, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li jiddaħħal strument li jgħin fil-ġlieda kontra l-karestija fid-dinja;

38. Itenni l-importanza tal-iżviluppi tal-agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tal-UE lis-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq;

39. Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-konklużjonijiet tas-Samit tal-2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG), filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pajjiżi żviluppati għadhom 'il bogħod wisq milli jissodisfaw l-impenji mogħtija f'dik li hi assistenza uffiċjali għall-iżvilupp;

40. Ifaħħar l-inizjattiva li ħa l-Bank Dinji, waqt is-Samit tal-2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), biex iżid is-sostenn tiegħu lis-settur agrikolu bil-għan li jiġu stimolati d-dħul finanzjarju, l-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel, partikolarment fiż-żoni bi dħul baxx;

PAK ġdida bħala reazzjoni għall-isfidi

41. Itenni l-pożizzjoni stabbilita f'dan ir-rapport dwar il-futur tal-PAK wara l-2013; itenni l-impenn tiegħu favur politika agrikola u ta' żvilupp rurali li tkun b'saħħitha u li tiżgura s-sigurtà tal-ikel għal kulħadd, iżżomm il-vitalità tal-Ewropa rurali, tagħmel l-agrikoltura aktar kompetittiva, tiżgura l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni agrikola madwar l-UE kollha, tappoġġja l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi, u jkollha sehem fl-affaċċjar ta' sfidi dinjija kbar, bħat-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni u għad-deburokratizzazzjoni tal-PAK biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' implimentazzjoni għall-benefiċjarji;

42. Jenfasizza r-rwol li għandu jkollhom il-bdiewa żgħażagħ fil-PAK futura; jiġbed l-attenzjoni li 7% biss tal-bdiewa Ewropej għandhom anqas minn 35 sena, u fl-istess ħin li mhux anqas minn 4.5 miljun bidwi se jirtiraw fl-10 snin li ġejjin; jiffavorixxi t-tisħiħ ta' miżuri ta' benefiċċju għal bdiewa żgħażagħ bħall-primjums ta' installazzjoni, rati tal-interess sussidjati fuq self u inċentivi oħra li ġew implimentati mill-Istati Membri permezz tal-baġits tagħhom għall-iżvilupp rurali; itenni s-sustanza tal-emenda baġitarja tiegħu dwar il-programm ta' skambju għaż-żgħażagħ u jixtieq li dan jiġi implimentat bħala proġett pilota; jitlob ukoll li jitneħħew l-ostakoli amministrattivi kollha li ma jħallux iż-żgħażagħ jidħlu għax-xogħol tal-biedja;

43. Jemmen li r-riċeka u l-innovazzjoni huma kruċjali sabiex tiġi ffaċċjata l-isfida tas-sigurtà tal-ikel biż-żieda tal-produzzjoni filwaqt li jintużaw anqas riżorsi; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tat-taħriġ professjonali, l-aċċess għall-edukazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-aħjar prattiki fis-settur tal-biedja; itenni l-ħtieġa ta' approċċ koordinat bejn il-PAK u politiki oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprofittaw ruħhom għalkollox mill-opportunitajiet offruti mis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika bil-għan li jtejbu l-produttività filwaqt li jirrispettaw il-kriterji tal-effiċjenza enerġetika u tas-sostenibilità;

45. Jinnota li kull sena l-ammont ta' art disponibbli għall-produzzjoni agrikola qed jonqos minħabba t-tibdil fil-klima u l-urbanizzazzjoni; jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel fl-UE tista' tiżdied billi jitkabbar ikel fuq art affettwata mit-tibdil fil-klima, art mhix maħduma jew art abbandunata;

46. Jixtieq jenfasizza b'mod partikolari l-importanza tad-diversità fl-agrikoltura Ewropea u tal-iżgurar tal-koeżistenza ta' mudelli agrikoli differenti, inkluża l-biedja fuq skala żgħira li toħloq impjiegi f'partijiet rurali tal-UE, kif ukoll dik tad-diversità u tal-kwalità tal-ikel, inklużi prodotti ta' impriżi agrikoli żgħar u prodotti mhux industrijali f'katini żgħar tal-provvista, u tan-nutriment madwar l-Ewropa kollha, bil-għan li jitħeġġeġ l-iżvilupp taż-żoni rurali u li jitħares il-wirt tas-setturi reġjonali tal-ikel u tal-inbid;

47. Jinnota li l-prattiki agrikoli tradizzjonali lokali, il-farms immexxijja minn familji, il-biedja fuq skala żgħira, u l-biedja organika, jistgħu jagħtu kontribut siewi lis-sigurtà tal-ikel, għaliex spiss jirrappreżentaw l-aktar modi effikaċi biex tintuża l-art permezz ta' metodi żviluppati speċifikament f'reġjuni individwali fuq perjodi twal ta' żmien u jippermettu li tiġi stabbilita rabta profonda bejn il-prodott u ż-aona li minnha joriġina u li tirrappreżenta l-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawk it-tipi ta' agrikoltura jikkoeżistu ma' farms moderni sostenibbli, li jikkombinaw produttività għolja ma' użu tal-art sostenibbli;

48. Jenfasizza wkoll li suddiviżjoni eċċessiva ta' raba' f'xi Stati Membri hija ostakolu għall-produttvità agrikola u li jeħtieġ jittieħdu passi li jinkuraġġixxu l-amalgamazzjoni ta' impriżi agrikoli żgħar;

49. Jenfasizza l-ħtieġa li titħares id-diversità tal-agrikoltura fl-UE, u jirrikonoxxi l-fatt li s-swieq lokali li jbigħu prodotti agrikoli friski u mkabbra lokalment huma ambjentalment sostenibbli u jgħinu biex jappoġġjaw il-komunitajiet tal-biedja stabbiliti; jisħaq fuq l-importanza tal-agrikoltura f'żoni anqas vantaġġjati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-diversi mudelli agrikoli Ewropej fil-proposti futuri tagħha dwar il-PAK, inkluża l-konsiderazzjoni tal-possibilità li jinħolqu inċentivi finanzjarji speċjali u skemi ta' identifikazzjoni;

50. Il-ħtieġa li tiġi implimentata PAK aktar ġusta, li għandha tiżgura distribuzzjoni bilanċjata ta' appoġġ lill-bdiewa, kemm fi ħdan kif ukoll bejn l-Istati Membri kollha, koeżjoni territorjali akbar, u t-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-esportazzjoni, b'mod parallel mat-tneħħija gradwali tal-forom kollha ta' sussidji għall-esportazzjoni mis-sħab kummerċjali tal-UE u l-impożizzjoni ta' dixxiplina fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b'effett ekwivalenti;

51. Jirrikonoxxi li riformi tal-PAK jnaqqsu b'mod sinifikanti l-impatt tal-produzzjoni agrikola tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hekk li tista' tgħid li kważi ġew eliminati r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni; jitlob li l-UE tirrikonoxxi l-importanza tal-appoġġ għas-setturi agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari billi tiżgura li l-agrikola tingħata prijorità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fil-baġit ta' għajnuna estera tal-UE għall-iżvilupp;

52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Is-sigurtà tal-ikel hija dritt tal-bniedem. Tinkiseb meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku, soċjali u ekonomiku għal biżżejjed ikel sikur u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa. Illum is-settur agrikolu jrid jissodisfa l-ħtieġa dejjem tiżdied tal-popolazzjoni għal biżżejjed ikel sikur, minkejja l-ostakoli ta' riżorsi naturali limitati, prezzijiet għoljin tal-enerġija, u t-tibdil fil-klima.

Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-NU (FAO), il-produzzjoni tal-ikel trid tiżdied b'tal-anas 70 fil-mija biex tissodisfa d-domanda li qed tikber ta' popolazzjoni dinjija li sal-2050 għandha taqbeż id-9 biljun ruħ. Barra minn hekk, madwar 900 miljun ruħ fid-dinja kollha huma bil-ġuħ b'mod kroniku minħabba l-faqar estrem, filwaqt li sa 2 biljun ruħ m'għandhomx sigurtà tal-ikel vera u għal perjodu twil ta' żmien minħabba livelli ta' faqar li jvarjaw. Fl-Ewropa, 16% taċ-ċittadini għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar. Minkejja li jidher li l-provvisti huma biżżejjed, proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tad-dinja ma jistax jaffordja l-ikel bażiku li jeħtieġ; l-aċċessibilità għall-ikel għadha kwistjoni ewlenija li trid tiġi affrontata.

Għalhekk, is-sigurtà tal-ikel għadha teħtieġ Politika Agrikola Komuni b'saħħitha. L-għanijiet ewlenin tal-PAK kienu: li tiżdied il-produttività agrikola; li l-bdiewa jiġu megħjuna jilħqu standard ta' għajxien ġust; li tistabbilizza s-swieq; u li tiżgura provvista sikura ta' ikel għall-but ta' kulħadd. Iżda s-suċċess tagħha wassal għal produzzjoni żejda u bilanċi żejda mhux previsti li fixklu s-suq u qajmu preokkupazzjonijiet ambjentali.

Permezz ta' riformi suċċessivi, il-PAK saret politika bbażata fuq is-suq, diżassoċjata u li tirrispetta l-ambjent, u li tinkludi komponent sinifikanti ta' żvilupp rurali. Il-PAK l-ġdida għandha ttejjeb is-sigurtà tal-ikel billi żżid il-produttività, filwaqt li simultanjament tinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-ikel ambjentalment sostenibbli.

Fl-UE, madwar 80 miljun ruħ għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar u ħafna minhom huma megħjuna permezz tal-programmi ta' għajnuna alimentari. Huwa importanti li jkun żgurat li l-ikel ikun aċċessibbli għall-kategoriji soċjali kollha ta' nies; f'dan ir-rigward, huwa essenzjali li jinżamm u jiġi estiż il-programm għall-persuni l-aktar imċaħħda.

Is-sigurtà tal-ikel bħala għan ma jistax jintlaħaq bla ma jiġu affrontati tnejn mill-aktar kwistjonijiet importanti tal-lum: il-volatilità tas-swieq u tal-prezzijiet (influwenzata b'mod qawwi mill-ispekulazzjoni fis-swieq tal-prodotti bażiċi) u l-istokkijiet tal-ikel li qed jonqsu.

Ir-Rapporteur tinnota li l-volatilità reċenti u estrema tal-prezzijiet kienet biss parzjalment ikkawżata mill-evoluzzjonijiet veri tas-swieq u hija l-aktar ir-riżultat tal-ispekulazzjoni. Ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel jenfasizza r-rwol ta' investituri istituzzjonali kbar, bħall-fondi spekulattivi, il-fondi tal-pensjonijiet u l-banek tal-investiment - li kollha ġeneralment ma tantx ikollhom interess fis-swieq agrikoli - fil-mod li bih jaffettwaw l-indiċijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi permezz taċ-ċaqliq tagħhom fis-swieq tad-derivattivi.

Nappoġġja, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istrumenti finanzjarji, li għandha tipprevedi aktar trasparenza tal-iskambji u limiti minimi għall-operaturi li jistgħu jagħmlu l-kummerċ f'dawn is-swieq. L-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-fenomeni klimatiċi; fl-istess ħin, l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded lil impriżi agrikoli li jkunu effiċjenti.

Ir-Rapporteur tilqa' wkoll f'dan ir-rigward, il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea għal regolament dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji kummerċjali u jittama li jiddaħħlu fis-seħħ aktar strumenti kontra l-volatilità estrema tal-prezzijiet bħala parti mill-PAK l-ġdida wara l-2013.

Barra minn hekk, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istokkijiet dinjija tal-ikel ta' bażi huma ħafna aktar limitati milli fl-imgħoddi, billi naqsu għal-livell rekord ta' 12-il ġimgħa ta' stokkijiet dinjija tal-ikel matul il-kriżi tal-ikel tal-2007. Fl-istess ħin, il-produzzjoni dinjija tal-ikel hija dejjem aktar vulnerabbli għal fenomeni meteoroloġiċi estremi marbuta mat-tibdil fil-klima, li jistgħu jikkawżaw nuqqasijiet tal-ikel għal għarrieda u imprevedibbli.

Ir-Rapporteur tqis għalhekk, li sistema ta' sigurtà dinjija ta' stokkijiet tal-ikel tkun ta' benefiċċju, billi tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji meta l-prezzijiet jogħlew f'daqqa, tilqa' għall-protezzjoniżmu rikorrenti u tiftaħ is-swieq dinjija tal-ikel. Dawn l-istokkijiet għandhom ikunu mmaniġġjati minn korp komuni taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u għandha tintuża b'mod sħiħ l-esperjenza miksuba mill-Programmi Dinjija tal-Ikel tal-FAO u tan-NU. Għalhekk, ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' din is-sistema dinjija ta' stokkijiet tal-ikel.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-PAK l-ġdida li għandha tidħol fis-seħħ wara l-2013 tittratta b'mod ċar u inekwivokabbli s-sigurtà tal-ikel u sfidi oħrajn, partikolarment it-tibdil fil-klima, il-kriżi ekonomika u ż-żamma tal-bilanċ territorjali fl-UE. Ir-Rapporteur ittenni l-appoġġ tagħha għat-test li adottajna dwar il-futur tal-PAK (Rapport Lyon) u tixtieq ukoll tisħaq fuq xi punti ewlenin.

L-ewwel u qabel kollox, ir-Rapporteur tappoġġja l-importanza tad-diversità fl-agrikoltura fl-Ewropa kollha. Jeħtieġ li nippromwovu mhux biss il-kompetittività, iżda anke l-agrikoltura tradizzjonali, il-biedja fuq skala żgħira, il-biedja organika u d-distribuzzjoni lokali. Dawn il-mudelli ta' agrikoltura jagħtu kontribut vitali lis-sigurtà tal-ikel għaliex spiss jirrappreżentaw il-mod l-aktar effikaċi ta' użu tal-art f'reġjuni ġeografiċi diversi tal-UE permezz tal-użu ta' metodi li ġew żviluppati speċifikament f'reġjuni distinti fuq perjodi twal ta' żmien. Ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-mudelli agrikoli fil-proposti futuri tagħha dwar il-PAK u tistudja l-possibilità li jinħolqu inċentivi finanzjarji speċjali.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta' popolazzjoni rurali li qed tixjieħ, nemmen li huwa importanti ħafna li jiġi ggarantit l-aċċess għall-art u l-kreditu għall-bdiewa żgħażagħ. Fl-UE, 7% biss tal-bdiewa għandhom anqas minn 40 sena u fi żmien 10 snin, 4.5 miljun bidwi se jirtiraw. Huwa għalhekk vitali li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jidħlu fis-settur agrikolu permezz ta' programmi ġodda u aċċess aħjar għall-kreditu.

L-UE għandha miri ambizzjużi fir-rigward tal-enerġija; 20% ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika sal-2020 u 10% enerġija rinnovabbli fil-fjuwil għat-trasport sal-2020. Dawn il-miri ħeġġew il-kultivazzjoni tal-bijofjuwils fuq skala kbira, iżda l-produzzjoni tal-bijofjuwil tikkompeti mal-produzzjoni tal-ikel għall-art, u dan jista' jkollu impatt potenzjalment negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel. L-integrazzjoni mtejba tal-produzzjoni tal-enerġija u tal-ikel tista' tnaqqas il-kompetizzjoni għal art disponibbli, kif jista' jnaqqasha wkoll l-iżvilupp ta' bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni.

Huwa essenzjali li l-finanzjament tal-PAK jirrifletti l-viżjoni u l-għanijiet politiċi ambizzjużi tagħha. Biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u jiġu affrontati l-effetti tat-tibdil fil-klima, biex jiġi żgurat il-bilanċ territorjali, jinżammu prezzijiet tal-ikel raġonevoli u dħul deċenti għall-bdiewa, il-baġit għall-PAK għandu, tal-anqas, jinżamm fil-livell attwali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (30.11.2010)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel
(2010/2112(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sergio Berlato

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jerġa' jafferma li d-dritt għall-ikel huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tal-Istati Membri kollha għas-sovranità tal-ikel u għas-sigurtà tal-ikel jirrappreżentaw qasam fundamentali għall-Unjoni Ewropea u li huma meħtieġa sforzi kontinwi bil-għan li jkun żgurat li dawk id-drittijiet jiġu garantiti f'livell tal-UE u dinji meta wieħed iqis li kuljum 25 000 ruħ imutu bil-ġuħ jew imutu minn mard relatat mal-ġuħ u li, skont id-data tal-FAO, żieda fil-popolazzjoni tad-dinja minn 7 għal 9.1 biljun ruħ se toħloq il-ħtieġa ta' żieda ta' 70% fil-provvista tal-ikel sal-2050;

2.  Jagħraf li s-sigurtà tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel huma żewġ kunċetti kumplementari u jenfasizza li r-rispett għas-sovranità tal-ikel jikkostitwixxi kontribut importanti għall-garanzija tas-sigurtà tal-ikel, li dejjem tmur id f'id mas-salvagwardja ta' standards għolja ta' sikurezza tal-ikel;

3.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel mhux biss għall-Istati Membri imma wkoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Unjoni Ewropea timpenja ruħha biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu livell adegwat ta' awtosuffiċjenza tal-ikel permezz ta' produzzjoni aktar diversa tal-ikel, bil-ħsieb li jeħilsu lilhom infushom mid-dipendenza tagħhom mill-monokultura (kafè, kawkaw, banana, eċċ.), li spiss hija intensiva u toħloq livell għoli ta' tniġġis, filwaqt li ġġegħilhom jimpurtaw kważi l-ikel kollu li għandhom bżonn;

4.  Jesprimi tħassib kbir għall-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti li, minkejja li involviet tnaqqis tar-riżorsi finanzjarji fis-setturi kollha tal-ekonomija b'riperkussjonijiet gravi għall-katina tal-ikel, ma għandhiex twassal għal tnaqqis tal-viġilanza fuq is-sikurezza tal-prodotti tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-programmi attwali biex tkun iggarantita s-sikurezza tal-ikel fi ħdan l-Istati Membri;

5.  Jenfasizza li l-prodotti tal-ikel għandhom ikunu ekonomikament aċċessibbli għall-konsumaturi u li l-produtturi jridu jirċievu prezzijiet xierqa għall-prodotti tagħhom, jikkundanna l-formazzjoni ta' ftehimiet min-naħa tas-setturi tad-distribuzzjoni fuq skala kbira u jitlob l-adozzjoni ta' miżuri biex dawn il-prattiki jieqfu u biex tiġi żgurata t-trasparenza fil-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel għall-konsumaturi finali u għall-produtturi tal-ikel;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-tnaqqis fid-diversità tal-ispeċijiet u l-varjetajiet tal-pjanti kkultivati u t-tnaqqir tal-bażi ġenetika li minnha tiddependi n-nutrizzjoni tal-bniedem u tal-annimali; iħeġġeġ li tittieħed azzjoni għall-promozzjoni tal-użu effikaċi tal-varjetajiet agrikoli tradizzjonali speċifiċi għal ċerti reġjuni u jinkoraġġixxi l-produzzjoni sostenibbli fuq skala żgħira u medja marbuta mas-swieq lokali u reġjonali u mal-konsum;

7.  Jinsab imħasseb li l-2008, is-sena tal-kriżi globali tal-ikel, kienet ukoll l-aktar sena li fiha ġie prodott qamħ fl-istorja tad-dinja;

8.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-konklużjonijiet tas-Samit tal-2010 tan-Nazjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG), filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-pajjiżi żviluppati għadhom 'il bogħod wisq milli jissodisfaw l-impenji mogħtija f'dik li hi assistenza uffiċjali għall-iżvilupp;

9.  Ifaħħar l-inizjattiva li ħa l-Bank Dinji, waqt is-Samit tal-2010 tan-Nazjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), biex iżid is-sostenn tiegħu lis-settur agrikolu bil-għan li jiġu stimolati d-dħul finanzjarju, l-impjiegi u s-sigurtà tal-ikel, partikolarment fiż-żoni bi dħul baxx;

10. Jitlob li jittejbu u jissaħħew il-kontrolli tas-sikurezza tal-ikel fl-Unjoni u japprova l-konklużjonijiet tar-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti (COM(2010)0441), li fih jintalab li tiġi kkunsidrata l-opportunità li jiġu implimentati, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, numru ta' azzjonijiet sabiex l-informazzjoni dwar il-kontrolli tinġabar, tiġi analizzata u preżentata b'mod iktar effiċjenti u komprensiv, bil-għan li l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni jitħallew joffru liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea l-garanziji kollha dwar l-effikaċja ta' sistemi ta' kontroll;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess għat-tagħrif dwar l-eżitu tal-kontrolli bil-għan li tiżdied it-trasparenza fuq livell Ewropew;

12. Jisħaq fuq il-fatt li biex tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel, is-settur agrikolu jrid bilfors jiddependi minn risorsi ta' ilma biżżejjed ta' kwalità tajba, u b'hekk għandu l-obbligu jimplimenta prattiki agrikoli tajba biex jaderixxi mal-ogħla standards kemm fil-kwantità u kemm fil-kwalità tal-ilma;

13. Jenfasizza, fid-dawl taż-żieda prevista tad-domanda globali għall-ikel u tal-pressjoni konsegwenti fuq ir-riżorsi naturali, il-bżonn li l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-ikel ikunu ssodisfatti filwaqt li tkun żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità u jiġu ttrattati b'urġenza l-problemi ambjentali bħad-degrad tal-ħamrija, it-telf ta' bijodiversità, eċċ.;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa t-tnedija ta' kampanja ta' informazzjoni għall-konsumaturi rigward l-isforzi li jsiru min-naħa tal-bdiewa u s-settur agrikolu f'dawk li huma ħarsien ambjentali u sigurtà tal-ikel;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu r-riċerka, partikolarment dwar ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bijofjuwils, l-użu effiċjenti tal-iskart tal-biedja, fertilizzanti li jirrispettaw l-ambjent u teknoloġiji tal-biedja ġodda, filwaqt li jitnaqqas l-impatt tal-użu tal-art u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fir-rigward tal-inizjattivi għall-ħarsien ambjentali;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprofittaw ruħhom għalkollox mill-opportunitajiet offruti mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika bil-għan li jtejbu l-produttività, filwaqt li jirrispettaw il-kriterji tal-effiċjenza enerġetika u tas-sostenibilità;

17. Jitlob li jittieħdu miżuri għat-titjib tat-taħriġ għaż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol f'oqsma bħalma huma l-istandards tas-sikurezza tal-ikel tal-UE u għall-ħolqien ta' opportunitajiet tax-xogħol għal dawk li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa, fejn l-objettiv prinċipali hu li jkunu inkoraġġuti l-impjiegi f'dan is-settur;

18. Iqis li hija ħaġa essenzjali li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport tal-ikel u tiġi promossa l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel tradizzjonali lokali;

19. Jinnota li l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju huma l-pedament għall-iżvilupp u t-tkabbir fl-Istati Membri u fl-Unjoni; jisħaq fuq kemm hu importanti li jiġi stimolat l-investiment fl-attività produttiva u li jkun hemm aċċess għall-kreditu;

20. Jenfasizza li l-inċentivi għall-għelejjel tal-enerġija sostenibbli li bħalissa qed jiġu ppjanati ma għandhom bl-ebda mod jikkompromettu s-sigurtà tal-ikel għall-pubbliku;

21. Jenfasizza li l-oligopoliji taż-żrieragħ għandhom effetti devastanti fuq is-sostenibilità tal-biedja ta' skala żgħira, billi jrawmu d-dipendenza fuq għadd limitat ta’ korporazzjonijiet għax-xiri taż-żrieragħ u l-fertilizzanti speċjalizzati;

22. Jinnota b'dispjaċir li f’ħafna każijiet ir-regoli tal-UE jpoġġu piż żejjed fuq il-kondiviżjoni taż-żrieragħ u l-varjetajiet tradizzjonali u jxekklu t-tradizzjonijiet antiki tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattiki tal-biedja;

23. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni mifruxa ma’ kullimkien meħuda minn eluf ta’ bdiewa, gruppi ambjentali, xjenzjati u ċittadini għall-konservazzjoni u l-propagazzjoni in situ ta' materjal ġenetiku lokali; barra minn hekk ifakkar li d-diversità taż-żrieragħ adattati għall-kundizzjonijiet lokali hija prerekwiżit meħtieġ għas-sigurtà tal-ikel, speċjalment quddiem it-tibdil tal-klima;

24. Jindika l-awspikabilità li jkun hemm attenzjoni fuq is-sostenn u ż-żieda tar-reżiljenza ta' sistemi ta' biedja organika u fuq skala zgħira li jipproduċu għall-konsum lokali u reġjonali;

25. Jisħaq fuq l-importanza tal-prattiki tal-biedja organika bil-ħsieb li jkun hawn sigurtà tal-ikel aħjar fid-dinja kollha;

26. Jappella biex jiddaħħal sostenn speċifiku għall-agrikoltura urbana peress li din se ġġib magħha benefiċċji multipli għas-sigurtà tal-ikel, l-impjiegi, l-edukazzjoni ambjentali, ir-rikreazzjoni u l-klima urbana;

27. Jitlob li l-għajnuna pubblika għall-biedja ssir b’tali mod li tingħata bil-kundizzjoni li l-prattiki jkunu jirrispettaw il-bijodiversità u jħarsu l-art;

28. Jemmen li, biex ikun żgurat adattament effikaċi għall-isfidi tat-tibdil tal-klima u l-konsegwenzi tiegħu, partikolarment żieda fil-kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi u fit-tfaċċar f’daqqa ta’ pesti, jeħtieġ li jkun hemm diversità wiesgħa ħafna ta’ għelejjel u razez li jkunu adattati lokalment u l-isforzi biex din id-diversità ġenetika tinżamm kif inhi jridu jiġu intensifikati;

29. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw programmi li jkun fihom miżuri agrikoli konkreti mmirati biex itaffu u jadattaw għall-effetti tat-tibdil tal-klima;

30. Jisħaq li, bil-għan li s-sigurtà tal-ikel tinżamm kif inhi u tiġi segwita l-Istrateġija UE 2020, iridu jiġu inkoraġġuti l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-innovazzjoni fil-biedja fir-rigward tas-sostenibilità;

31. Hu tal-fehma li l-politika agrikola komuni (PAK) wara l-2013 għandha tippremja kif suppost lill-bdiewa tal-UE għall-isforzi tagħhom biex jipprovdu provvista tal-ikel ta' kwalità għolja filwaqt li jiżguraw l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi naturali;

32. Iqis li l-politika agrikola komuni (PAK) teħtieġ tagħti wisq aktar appoġġ sostanzjali lill-bdiewa lokali u reġjonali, u b’hekk tinkoraġġixxi l-bijodiversità u l-biedja organika, li jipprovdu ħafna benefiċċji kemm lill-konsumatur u kemm lill-ambjent;

33. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu tagħrif u edukazzjoni oġġettivi għall-konsumaturi rigward ikel li hu staġonali u reġjonali; iqis li dan ikun jappoġġa l-biedja u jippreserva pajsaġġi kkoltivati tajjeb fiż-żona lokali, kif ukoll jevita rotot twal tal-forniment u emissjonijiet bla bżonn ta' dijossidu tal-karbonju u jiggarantixxi ikel frisk u ta' kwalità għolja għall-konsumaturi;

34. Ifakkar li l-ikel huwa riżorsa prezzjuża u limitata li għandha impatt konsiderevoli fuq is-saħħa, l-ambjent u l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi lill-Unjoni politika tal-ikel komprensiva li, minflok approċċ settorjali, iġġib flimkien taħt l-umbrella ta’ politika komprensiva unika aspetti li bħalissa huma meqjusa b’mod frammentarju;

35.      Iqis li l-EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) tiżvolġi rwol mill-akbar xi twettaq fil-valutazzjoni u n-notifika tar-riskji kollha assoċjati mal-katina tal-ikel bħala parti minn ġabra ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu s-saħħa u l-benesseri tal-pubbliku; jittama li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu korpi nazzjonali korrispondenti biex jikkollaboraw mal-EFSA.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Sergio Berlato, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Nick Griffin, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Gilles Pargneaux, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marisa Matias, Judith A. Merkies, Bill Newton Dunn, James Nicholson, Alojz Peterle, Rovana Plumb, Bart Staes, Csaba Sándor Tabajdi, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Sergio Gutiérrez Prieto, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, Stéphane Le Foll, Mairead McGuinness, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alejandro Cercas, Spyros Danellis, Bas Eickhout, Marian Harkin, Giovanni La Via, Véronique Mathieu, Maria do Céu Patrão Neves, Daciana Octavia Sârbu, Dimitar Stoyanov, Artur Zasada, Milan Zver

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Heide Rühle