RAPPORT dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema

16.12.2010 - (2009/2214 (INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Michael Gahler


Proċedura : 2009/2214(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0377/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema

(2009/2214 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta' Diċembru 1982 u li ilha fis-seħħ mis-16 ta' Novembru 1994,

–   wara li kkunsidra l-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Blata Kontinentali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Popli Indiġeni tat-13 ta’ Settembru 2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Iistabbiliment ta' Kunsill tal-Artiku (KA), iffirmat fid-19 ta' Settembru 1996,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari r-Raba’ Parti tiegħu u l-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Koperazzjoni fir-Reġjun Barents-Ewro-Artiku ffirmat f’Kirkenes fil-11 ta’ Jannar 1993,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku (COM(2008)0763),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-governanza tal-Artiku[1],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku tat-8 ta' Diċembru 2009[2] u dwar l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku tat-8 ta' Diċembru 2008[3],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ilulissat adottata fit-28 ta’ Mejju 2008 fil-Konferenza tal-Oċean Artiku,

–   wara li kkunsidra t-Tratta bejn in-Norveġja, l-istati Uniti tal-Amerika, id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Ġappun, il-Pajjiżi Baxxi, il-Gran Brettanja, l-Irlanda , id-Dominji Brittaniċi ta' Barra u l-Isvezja dwar Spitsbergen/Svalbard tad-9 ta' Frar 1920,

–   wara li kkunsidra l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sħubijiet tagħha, kif ukoll l-Ispazji Komuni UE/Russja,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija UE-Greenland, 2007-2012,

–   wara li kkunsidra l-Ħames, is-Sitt u s-Sebgħa Programmi ta' Qafas tal-UE għar-riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottata fis-27 ta’ Ġunju 1989,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nordika Sami f’Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 61/295 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Settembru 2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill 6/12 tat-28 ta’ Settembru 2007, 6/36 tal-14 ta’ Diċembru 2007, 9/7 tal-24 ta’ Diċembru 2008, 12/13 tal-1 ta’ Ottubru 2009 u 15/7 tal-5 ta’ Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-istrateġja tal-Finlandja għar-Reġjun Artiku adottata fl-4 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Svediż dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)0763[4],

–   wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tad-Danimarka u Greenland għall-Artiku fi żmien ta' tranżizzjoni ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Gvern Norveġiż għat-Tramuntana Estrema tal-2007, u s-segwitu tagħha ta' Marzu 2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Nordregio 2009:2, "Strong, Specific and Promising – Towards a Vision for the Northern Sparsely Populated Areas in 2020",

–   wara li kkunsidra l-programm ta' Kooperazzjoni Artika tal-Kunsill tal-Ministri Nordiku 2009-2011, il-programm tal-Kunsill Barents Euro-Artiku (BEAC) u l-Programm ta' Presidenzi tal-KA,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Kanadiża għat-Tramunatana ta' Awissu 2009 u d-dikjarazzjoni ta' segwitu dwar il-Politika Barranija għall-Artiku tal-Kanada tal -20 ta' Awissu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Att Kanadiż sabiex jemenda l-Att għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Ilmiet tal-Artiku ta' Awissu 2009,

–   wara li kkunsidra l-istrateġja għas-sigurtà nazzjonali Russa sal-2020 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva Presidenzjali għas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana u d-Direttiva Presidenzjali tas-Sigurtà Interna tad-9 ta' Jannar 2009,

–   wara li kkunsidra l-Att għall-Iżvilupp Responsabbli tal-Enerġija Artika tal-Istati Uniti tal- 2010,

–   wara li kkunsidra l-Att dwar Riċerka dwar it-Tixrid taż-Żejt tal-Istati Uniti tal-2009,

–   wara li kkunsidra l-Att ta' Implimentazzjoni dwar Evalwazzjoni tat-Trasport Artiku ta' Merkanzija Marittima tal-Istati Uniti tal-2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monako ta' Novembru 2008,

–   waar li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adotatta waqt l-Ewwel Forum Parlamentari tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fi Brussell fis-26 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tad-Disa' Konferenza tal-Membri Parlamentari tar-Reġjun tal-Artiku tal-15 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku ġdid imminenti tan-NATO, li se jkun approvat mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fis-Samit ta’ Lisbona f’Novembru 2010, u l-implikazzjonijiet tiegħu vis-à-vis il-prospetti tas-sigurtà fir-reġjun Artiku, b’mod partikolari l-aspetti militari tat-Tramuntana Estrema,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0377/2010),

A. billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi l-ewwel pass formali fir-reazzjoni għat-talba tal-Parlament Ewropew għall-formulazzjoni ta' politika tal-UE għall-Artiku; billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet tal-Artiku għandhom jiġu rikonoxxuti bħala pass ieħor lejn definizzjoni ta’ politika tal-UE għall-Artiku,

B.  billi l-Parlament Ewropew kien parteċipant attiv fil-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-Parlamentari Artiċi permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Isvizzera, l-Islanda u n-Norveġja għal perjodu ta’ madwar għoxrin sena, li laħqu l-qofol tagħhom bil-Konferenza sħiħa tal-Parlamentari tal-Artiku ospitata fi Brussell f’Settembru 2010,

C. billi d-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja huma pajjiżi Artiċi u kemm il-Finlandja kif ukoll l-Isvezja jinsabu parzjalment fiċ-Ċirku Artiku; billi l-uniku poplu indiġenu tal-UE, il-poplu Sami, jgħix fir-reġjuni Artiċi tal-Finlandja u tal-Isvezja kif ukoll tan-Norveġja u tar-Russja,

D. billi l-applikazjoni tal-Islanda sabiex tissieħeb fl-UE se żżid l-bżonn li l-UE tqis r-reġjun Artiku fil-perspettiva ġeopolitika tagħha,

E.  billi n-Norveġja, sieħba affidabbli, hija assoċjata mal-UE permezz tal-Ftehim taż-ŻEE,

F.  billi kien hemm impenn tal-UE dejjiemi fl-Artiku permezz tal-involviment tagħha fil-Politika Komuni tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mar-Russja, in-Norveġja u l-Islanda inkluża t-Tieqa Artika tagħha, fil-kooperazzjoni ta’ Barents u b’mod partikolari fil-Kunsill Barents-Euro-Artiku, l-implikazzjonijiet tal-partnerjat strateġiku mal-Kanada, l-Istati Uniti u r-Russja, u l-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc attiv fil-KA,

G. billi l-formulazzjoni gradwali tal-politika tal-UE għall-Artiku għandha tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-oqsfa legali internazzjonali, multilaterali u bilaterali eżistenti bħalma huwa s-sett ta' regoli komprensivi stipulati fl-UNCLOS u bosta ftehimiet settorjali, bilaterali u multilaterali li diġà jirregolaw ċerti kwistjonijiet importanti tal-Artiku;

H. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu kontribut maġġuri fir-riċerka fl-Artiku, u billi l-programmi l-UE, inkluż is-Seba’ Programm Qafas attwali, jappoġġjaw proġetti tar-riċerka maġġuri fir-reġjun,

I.   billi huwa stmat li parti waħda minn kull ħamsa tar-riżorsi dinjin ta’ idrokarbonju li għadhom ma ġewx skoperti jinsabu fir-reġjun tal-Artiku, għalkemm hija meħtieġa riċerka aktar estensiva biex tistabbilixxi b’mod aktar preċiż kemm hemm gass u żejt fir-reġjun u kemm huwa vijabbli ekonomikament li jiġu sfruttati dawn ir-riżervi,

J.   billi jeżisti interess qawwi globali wkoll f’riżorsi oħra Artiċi rinnovabbli u mhux rinnovabbli bħal minerali, foresti, ħut u pajsaġġi verġni għat-turiżmu,

K. billi l-interess dejjem akbar fir-reġjun Artiku ta’ atturi oħrajn mhux mill-Artiku bħalma huma ċ-Ċina - kif juri l-ikkomissjonar miċ-Ċina tal-ewwel vapur għall-qtugħ tas-silġ - l-allokazzjoni tagħhom ta’ finanzjament għal riċerka polari u, mhux anqas minn hekk, l-applikazzjonijiet mill-Korea t’Isfel, iċ-Ċina, l-Italja, l-UE, il-Ġappun u Singapore għall-istejtus ta’ osservaturi permanenti fil-KA, jindika apprezzament ġeopolitiku differenti tal-Artiku fuq skala kbira,

L.  billi l-awtogovernanza stabbilita reċentement fi Greenland rigward oqsma ta’ politika relevanti li jinkludu l-leġiżlazzjoni u r-riżorsi ambjentali u l-aġġornament reċenti tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u Greenland wasslet għal żieda fl-interess fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi fi Greenland u l-blata Kontinentali tagħha,

M. billi l-effetti tat-tibdil fil-klima li joriġinaw l-aktar minn barra l-Artiku u l-globalizzazzjoni tal-ekonomija dinjija se jkollhom impatt fuq ir-reġjun; billi b’mod partikolari l-irtirar tas-silġ fil-baħar, kif ukoll il-potenzjal għar-riżorsi u l-użu possibbli ta’ teknoloġiji ġodda, aktarx li se jkollu effetti u riperkussjonijiet ambjentali mhux prevedibbli f'partijiet oħra tal-pjaneta kif ukoll żieda fit-trasport ta' merkanzija marittimu b’mod paritikolari bejn l-Ewropa, l-Ażja u l-Amerika ta’ Fuq, fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali, l-aktar il-gass, iż-żejt u minerali oħrajn, iżda wkoll riżorsi naturali bħalma huma l-ħut, u l-esplorazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi marittimi, żieda fl-attivitajiet ta’ estrazzjoni u ta’ qtugh ta’ sigar u żieda fit-turiżmu u attivitajiet ta’ riċerka; billi dawk l-effetti se jipproduċu sfidi ġodda iżda wkoll opportunitajiet ġodda fl-Artiku u bnadi oħra,

N. billi t-tibdil fil-klima huwa ġestit minn metodi ta’ monitoraġġ, mitigazzjoni u adattazzjoni; billi l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli bl-użu ta’ riżorsi naturali u bil-bini ta’ infrastrutturi ġodda hija ġestita minn proċessi ta’ ppjanar strateġiku,

I.   L-EU u l-Artiku

1.  Ifakkar li tliet Stati Membri tal-UE – id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja – huma Stati Artiċi; jirrikonoxxi li l-UE s'issa m'għandha l-ebda kosta mal-Oċean Artiku; jerġa' jafferma l-interess leġittimu tal-UE u ta' pajjiżi terzi oħrajn bħala partijiet interessati bis-saħħa tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-impenn tagħha għal politiki ambjentali, klimatiċi u oħrajn u l-finanzjament, l-attivitajiet ta' riċerka u l-interessi ekonomiċi tagħha, inkluż it-tbaħħir u l-isfruttament tar-riżorsi naturali; barra minn hekk ifakkar li l-UE għandha żoni kbar ta' art fl-Artiku fil-Finlandja u fl-Isvezja li huma abitati mill-uniku grupp ta' popolazzjoni indiġena fl-Ewropa, is-Sami;

2.  Iqis li permezz tal-Istati Membri Nordiċi u l-pajjiżi kandidati, l-UE hija affettwata mill-politiki Artiċi u bl-istess mod għandha impatt fuq il-politiki Artiċi, u tirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja f’diversi sħubiji tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, politika komuni tal-UE mar-Russja, man-Norveġja u mal-Islanda;

3.  Jenfasizza li ċerti politiki li huma relevanti għall-Artiku huma ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni, bħalma hija l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd, filwaqt li politiki oħrajn huma maqsumin ma' Stati Membri oħrajn;

4.  Jenfasizza li l-UE hija impenjata li tfassal ir-rispons ta’ politika tagħha fl-Artiku fuq il-bażi tal-aħjar għarfien u fehim xjentifiku disponibbli tal-proċessi li jaffettwaw l-Artiku, u għal dan diġà qed tiddedika sforzi kbar fir-riċerka biex tiġġenera evidenza xjentifika soda biex tgħin fit-tfassil tal-politika;

5.  Billi huwa konxju tal-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-ambjent fraġli tal-Artiku, jenfasizza l-importanza tal-istabilità ġenerali u l-paċi fir-reġjun; jenfasizza li l-UE għandha ssegwi politiki li jiżguraw li l-miżuri biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali jikkunsidraw l-interessi tal-abitanti tar-reġjun Artiku, inklużi l-popli indiġeni tiegħu, għall-protezzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun; jenfasizza s-similarità tal-approċċ, l-analiżi u l-prijoritajiet bejn il-Komununikazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti ta’ politika fl-Istati Artiċi; jenfasizza l-bżonn li jiġu segwiti politiki li jirrispettaw l-interess f'ġestjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fuq l-art u fil-baħar, rinnovabbli u mhux tar-reġjun Artiku, li min-naħa tagħhom jipprovdu riżorsi importanti għall-Ewropa u huma sors maġġuri ta’ dħul ekonomiku għall-abitanti tar-reġjun;

6.  Jenfasizza l-fatt li adeżjoni futura tal-Islanda mal-UE tbiddel l-Unjoni f'entità tal-kosta Artika, filwaqt li jinnota li l-istatus tal-Islanda bħala pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE jenfasizza l-ħtieġa għal politika Artika koordinata fil-livell tal-UE u huwa opportunità strateġika għall-UE biex ikollha rwol aktar attiv u tikkontribwixxi għal governanza multilaterali fir-Reġjun Artiku; iqis li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE tikkonsolida aktar il-preżenza tal-UE fil-Kunsill Artiku;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-interazzjoni mal-komunitajiet Artiċi u tal-appoġġ ta’ programmi fil-bini tal-kapaċitajiet sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet indiġeni u lokali fir-reġjun u jiġi akkwistat aktar fehim tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-kulturi ta’ dawn il-komunitajiet; jistieden lill-UE biex tippromwovi djalogu aktar b’saħħtu mal-popli indiġeni u l-abitanti lokali Artiċi;

8   Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika tal-UE maqgħuda u koordinata dwar ir-reġjun Artiku, fejn il-prijoritajiet tal-UE u l-isfidi potenzjali u l-istrateġija jkunu definiti b’mod ċar;

Rotot ġodda ta' trasport dinjin

9.  Jenfasizza l-importanza maġġuri tas-sikurezza u s-sigurtà ta’ rotot ġodda tat-trasport dinjin permezz tal-baħar fl-Artiku, b’mod partikolari għall-UE u l-ekonomiji tal-Istati Membri, meta dawn il-pajjiżi jikkontrollaw 40% tat-trasport kummerċjali bil-baħar tad-dinja; jilqa’ x-xogħol magħmul mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fuq Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu u x-xogħol tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-KA, partikolarment it-Taskforce għat-Tfittix u Salvataġġ (SAR); jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw b’mod attiv il-libertà tal-ibħra u d-dritt tal-passaġġ liberu mill-mogħdijiet internazzjonali tal-ilma;

10. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ ferroviji u kurituri għat-trasport ġodda fiż-Żona Barents-Ewro-Artiku tat-Trasport (Beata) biex jiġi ffaċilitat il-bżonn li qed jikber għal kummerċ internazzjonali, xogħol fil-minjieri u żvilupp ekonomiku ieħor, kif ukoll konnessjonijiet bl-ajru fit-Tamuntana Estrema; jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward għas-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana l-Ġdida dwar it-Trasport u l-Loġistika;

11. Jissuġġerixxi li nazzjonijiet tat-trasport marittimu mhux Artiċi importanti li jużaw l-Oċean Artiku għandhom jiġu inklużi fir-riżultati tal-Inizjattiva ta’ Ħidma ta’ Tiftix u Salvataġġ tal-KA; għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill, flimkien mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima (EMSA), jikkoordinaw il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri f’dak il-qasam partikolari fl-IMO, il-KA u organizzazzjonijiet oħra;

12. Jindika li minkejja l-isforzi dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu tista’ tinstab soluzzjoni aktar mgħaġġla għall-kwistjoni tas-sikurezza tat-trasport marittimu Artiku permezz ta’ koordinazzjoni u armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u jistieden lill-EMSA biex tittratta kemm tista' t-trasport marittimu Artiku;

13. Jilqa’ inizjattivi oħrajn ta’ kooperazzjoni rigward sikurezza u sigurtà fit-trasport marittimu fl-Artiku u aċċess aħjar għad-diversi rotot tal-baħar tat-Tramuntana; jenfasizza li dan jikkonċerna mhux biss it-traffiku kummerċjali iżda wkoll volum kbir u li qed jikber ta' trasport marittimu tat-turisti li jġorr ċittadini tal-UE; jitlob li ssir aktar riċerka dwar l-effett li t-tibdil fil-klima għandu fuq in-navigazzjoni fl-Artiku u fuq ir-rotot tat-tbaħħir; jitlob bl-istess mod li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt taż-żieda fin-navigazzjoni u fl-attivitajiet kummerċjali, inklużi attivitajiet lil hinn mill-kosta, fuq l-ambjent Artiku u fuq l-abitanti tiegħu;

14. Jistieden lill-Istati fir-reġjun biex jassiguraw li kwalunkwe rotot tat-trasport attwali – u dawk li jistgħu jitfaċċjaw fil-futur – ikunu miftuħa għat-trasport marittimu internazzjonali u li jżommu lura milli jintroduċu piżijiet unilaterali u arbitrarji, kemm finanzjarji kif ukoll amministrattivi, li jistgħu jfixklu t-trasport marittimu fl-Artiku, minbarra l-miżuri maqbula internazzjonalment immirati biex tiżdied is-sigurtà jew għall-protezzjoni tal-ambjent;

Ir-riżorsi naturali

15. Huwa konxju tal-bżonn tar-riżorsi għal popolazzjoni dinjija li dejjem qed tikber u jirrikonoxxi ż-żieda fl-interess fihom, kif ukoll id-drittijiet sovrani taħt il-liġi internazzjonali tal-Istati Artiċi; jirrakkomanda li kwalunkwe parti involuta tieħu passi sabiex tiżgura l-aktar standards għoljin ta’ sikurezza, u standards soċjali u ambjentali fl-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali;

16. Jenfasizza l-fatt li l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) kif ukoll il-proċessi tal-valutazzjoni tal-impatt strateġiku u soċjali se jkunu għodod ċentrali fil-ġestjoni ta' proġetti u programmi konkreti fl-Artiku; jiġbed l-attenzjoni għad-Direttiva 2001/42/KE[5] dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (SEA) u għall-fatt li l-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja rratifikaw il-Konvenzjoni UNECE dwar l-EIA f’Kuntest Transkonfinali (il-Konvenzjoni Espoo), li se tipprovdi bażi tajba għall-promozzjoni attiva tal-proċeduri tal-istima tal-impatt fl-Artiku; jirreferi f’dan ir-rigward wkoll għall-Istqarrija Bergen maħruġa mil-Laqgħa Ministerjali tal-Kummissjoni OSPAR tat-23 u l-24 ta’ Settembru 2010;

17. Jistieden lill-Istati fir-reġjun biex isolvu kull konflitt attwali jew futur dwar l-aċċess għal riżorsi naturali fl-Artiku permezz ta’ djalogu kostruttiv, possibilment fi ħdan l-KA, li tikkostitwixxi forum tajjeb għal diskussjoni bħal din; jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Limiti tal-Blata Kontinentali (CLCS) biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti bejn l-Istati Artiċi dwar id-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom;

18. Jindika b’mod partikolari r-responsabilità tal-Istati Artiċi biex jiġi żgurat li l-kumpaniji taż-żejt li jippjanaw li jkunu involuti fit-tħaffir għaż-żejt fil-baħar ġewwa l-fruntieri marittimi rispettivi tagħhom ikollhom it-teknoloġija u l-ħila esperta tas-sikurezza meħtieġa u li huma mħejjija finanzjarjament biex jipprevjenu u jirrispondu għad-diżastri tar-riggijiet taż-żejt u t-tixrid taż-żejt; jinnota li l-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-fraġilità ekoloġika kbira tar-reġjun Artiku jeżiġu li l-kumpaniji taż-żejt involuti jiżviluppaw ħila esperta speċjali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tat-tixrid taż-żejt fir-reġjun;

19. Jilqa’ l-ftehim ġdid ta’ delimitazzjoni[6] bejn in-Norveġja u r-Russja, b’mod partikolari r-rieda espressa favur koperazzjoni aktar mill-qrib rigward l-ġestjoni konġunta tar-riżorsi, u l-ġestjoni konġunta kontinwa tal-istokk tal-ħut tal-Baħar Barents, inklużi dispożizzjonijiet rigward sostenibilità; iqis b’mod partikolari l-kooperazzjoni bilaterali bejn in-Norveġja u r-Russja bħala xempju ta’ applikazzjoni konġunta tal-aqwa standards tekniċi disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fit-tfittxija għaż-żejt u l-gass fil-Baħar Barents; jindika b’mod partikolari l-importanza tal-iżvilupp kontroversjali ta’ teknoloġiji ġodda żviluppati speċjalment għall-ambjent Artiku, bħat-teknoloġija tal-installazzjoni taħt qiegħ il-baħar;

20. Huwa konxju tal-interpretazzjonijiet differenti tat-Trattat ta' Svalbard/Spitsbergen fir-rigward tal-applikabilità tiegħu għall-blata kontinentali u ż-żoni marittimi ta' Svalbard/Spitsbergen u, meta titqies l-aċċessibilità relattivament tajba tar-riżorsi fil-blata kontinentali, jilqa' ftehim dwar l-istatus legali tal-blata li jirrikonoxxi d-drittijiet u d-dmirijiet legali tal-istati tal-blata kostali; huwa fiduċjuż li kwalunkwe tilwim li jista’ jinqala’ se jiġi ttrattat b’mod kostruttiv;

21. Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE bħala l-konsumatur prinċipali tar-riżorsi naturali tal-Artiku, kif ukoll fl-involviment tal-parteċipanti ekonomiċi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli timpenja ruħha fis-sedqa tal-kooperazzjoni u t-trasfriment tat-teknoloġija sabiex tiżgura l-ogħla standards u proċeduri amministrattivi adegwati, sabiex tiġi stabbilità bażi xjentifika soda għat-tendenzi futuri u l-bżonnijiet ta’ governanza tar-riżorsi Artiċi, bħalma huwa s-sajd, ix-xogħol tal-minjieri, il-forestrija u t-turiżmu u sabiex tagħmel użu sħiħ mill-kompetenzi ta’ regolazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward; peress li l-attivitajiet ekonomiċi fl-Artiku se jiżdiedu, jistieden lill-UE tippromowovi l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fih;

22. Jinsisti li qabel jinfetaħ sajd kummerċjali fir-reġjun tal-Artiku, iridu jitwettqu valutazzjonjiet xjentifiċi tal-istokkijiet li jkunu affidabbli u ta' prekawzjoni biex jiġu ddeterminati l-livelli ta' sajd li jippreservaw l-istokkijiet ta' ħut immirati u ma jwasslux għall-eżawriment ta' speċi oħrajn jew għal ħsara serja għall-ambjent tal-baħar, u li kwalunkwe sajd fl-ibħra miftuħa għandu jiġi rregolat minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd li tirrispetta l-pariri xjentifiċi u jkollha programm sod ta' kontroll u ta' sorveljanza biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri ta' ġestjoni, filwaqt li s-sajd fiż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi (ŻEE) għandu jissodisfa l-istess standards;

23. Iqis li l-ħolqien u l-infurzar ta’ żoni tal-baħar protetti ta’ daqs u diversità suffiċjenti huma għodda importanti fil-konservazzjoni tal-ambjent marittimu;

It-tibdil fil-klima u l-effetti tat-tniġġis fuq l-Artiku

24. Jirrikonoxxi li l-UE, bħal żoni żviluppati oħrajn fid-dinja, tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-tibdil fil-klima u għalhekk għandha responsabbiltà speċjali u għandu jkollha rwol prinċipali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

25. Jirrikonoxxi li l-aħjar protezzjoni għall-Artiku jkun ftehim ambizzjuż fuq perjodu ta’ żmien twil u dwar il-klima globali, iżda jirrealizza li t-tisħin rapidu tal-Artiku jagħmilha neċessarja li, barra minn hekk, jaħdem fuq miżuri oħra possibbli fuq perjodu ta’ żmien qasir biex jiġi limitat it-tisħin tal-Artiku;

26. Iqis l-Artiku bħala reġjun sensittiv fejn l-effetti tat-tibdil fil-klima huma viżibbli b'mod speċjali, hekk li għandhom riperkussjonijiet fuq reġjuni oħrajn tad-dinja; jappoġġa għalhekk il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar żieda fil-kooperazzjoni mal-UNFCCC u man-Netwerks ta' Sostenn għall-Osservazzjoni tal-Artiku (SAON) u l-isforzi biex tinħoloq is-Sistema ta' Osservazzjoni Integrata ta' Svalbard (SIOS) u l-komponenti Artiċi tal-Osservatorju Multidixxiplinarju Ewropew ta' Qiegħ il-Baħar (EMSO), peress li dawn l-inizjattivi jiżguraw kontribut Ewropew uniku biex ikun hemm fehim tat-tibdil fil-klima u fl-ambjent fir-reġjun tal-Artiku;

27. Jirrikonoxxi l-impatt sproporzjonalment kbir ta' tisħin tal-Artiku kkawżat mill-emissjonijiet ta' karbonju iswed mill-UE u minn reġjuni oħra fl-emisfera tat-Tramuntana, u jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed fil-qafas regolatorju relevanti tal-UNECE u tal-UE, bħall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Medda Wiegħa u d-Direttiva tal-Limiti Massimi Nazzjonali tal-Emissjonijiet;

28. Jilqa’ għalhekk il-projbizzjoni tal-użu u l-ġarr ta’ żejt tal-fjuwil tqil fuq vapuri li joperaw fiż-Żona tal-Antartiku, approvata mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO (MEPC), li għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2011; jenfasizza li projbizzjoni simili tista’ tkun xierqa fl-ibħra Artiċi biex tnaqqas ir-riskji lill-ambjent f’każ ta’ aċċidenti

29. Jappoġġja kooperazzjoni ikbar ma’ stati Artiċi u dawk li mhumiex dwar l-iżvilupp ta’ Netwerks ta' Sostenn għall-Osservazzjoni tal-Artiku (SAON) u jħeġġeġ l-Aġenzija Ewropea Ambjentali biex tkompli bil-ħidma siewja tagħha u biex tippromwovi l-kooperazzjoni permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) billi tuża l-prinċipji gwida tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS);

30. Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-UE u n-nazzjonijiet ċirkumpolari fit-tnaqqis tat-tniġġis fir-reġjun tal-Artiku kkawżat minn trasport fuq distanzi twal, bħal pereżempju t-trasport marittimu; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea bħar-Regolament (KE) Nru 1907/2006[7]; jindika l-fatt li l-bidliet klimatiċi fl-Artiku se jkollhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni kostali tal-Ewropa u mkejjen oħrajn u fuq setturi dipendenti fuq il-klima fl-Ewropa bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli, it-trobbija ta’ merħliet tar-renni, il-kaċċa, it-turiżmu u t-trasport;

Żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli

31. Jirrikonoxxi li l-effetti tas-silġ li qed jinħall u t-temperaturi aktar moderati qed joħolqu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun Artiku; jirrikonoxxi x-xewqa tal-gvernijiet tar-reġjun Artiku bi drittijiet u responsabilitajiet sovrani li jkomplu jfittxu żvilupp ekonomiku sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu n-natura sensittiva ħafna tal-ekosistemi tal-Artiku, meta titqies l-esperjenza tagħhom fl-użu u l-iżvilupp tar-riżorsi tar-reġjun b’mod sostenibbli; jirrakkomanda li jiġu applikati l-prinċipji ta' ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema biex jiġi kkonsolidat l-għarfien ekoloġiku xjentifiku mal-valuri u l-ħtiġijiet soċjali;

32. Jenfasizza li huwa importanti li l-UE flimkien ma' rappreżentanti tar-reġjuni fiż-żona jiddiskutu l-importanza tal-Fondi Strutturali għall-iżvilupp u l-koperazzjoni sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali futuri bil-ħsieb li jsir progress u biex ikun jista’ jiġi sfruttat il-potenzjali tal-iżvilupp taż-żona;

33. Huwa tal-opinjoni li sabiex jiġi identifikat il-potenzjal speċifiku ta’ kull post u biex jiġu żviluppati strateġiji adegwati ta’ soluzzjoni dwar differenzi reġjunali, ikun jeħieġ proċess inklussiv bil-għajnuna tal-livelli nazzjonali u tal-UE; jemmen li s-sħubiji u d-djalogu bejn il-livelli kkonċernati ta’ awtorità jassiguraw li l-politiki jistgħu jiġu implimentati fil-livell l-aktar effettiv;

34. Jinnota l-pożizzjoni speċjali u jagħraf id-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Artiku u jindika b’mod partikulari s-sitwazzjoni legali u politika tal-popli indiġeni fl-Istati Artiċi u fir-rappreżentanza tagħhom fil-Kunsill Artiku; jitlob li jkun hemm involviment akbar tal-popli indiġeni fit-tfassil tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri speċjali biex jiġu salvagwardati l-kultura, il-lingwa u d-drittijiet tal-art tal-popli indiġeni kif definit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO; jitlob li jkun hemm djalogu regolari bejn ir-rappreżentanti tal-popli indiġeni u l-istituzzjonijiet tal-UE u jistieden barra minn hekk lill-UE tqis il-ħtiġijiet speċjali ta' żoni periferali skarsament popolati f'termini ta' żvilupp reġjonali, għajxien u edukazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati attivitajiet li jippromwovu l-kultura, il-lingwa u d-drawwiet tal-popli indiġeni;

35. Jinnota li l-ekonomiji tal-popli indiġeni jiddependu ħafna fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u għalhekk it-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu u d-dritt tal-poplu indiġenu għal ambjent naturali mhux imniġġes huma wkoll kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem;

36. Jilqa’ l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-poplu indiġenu u tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

37. Jilqa’ t-tlestija b’suċċess mill-Mekkaniżmu Espert tar-rapport ta’ progress tiegħu dwar l-istudju fuq il-popli indiġeni u d-dritt li jipparteċipaw fit-tfassil tad-deċiżjonijiet;

38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri Artiċi biex jimpenjaw ruħhom fin-negozjati li jwasslu għal Konvenzjoni ġdida ratifikata dwar is-Sami Nordiċi;

39. Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi b’mod attiv id-drittijiet tal-kultura u l-lingwa tal-poplu Finno-Ugric fir-Russja tat-Tramuntana;

40. Jieħu nota tal-iżviluppi legali reċenti rigward il-projbizzjoni ta’ prodotti tal-foki, b’mod partikolari l-azzjoni miġjuba għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009[8] (Kawża T-18/10, Inuit Tapiriit Kanatami vs il-Parlament u l-Kunsill) pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali; jinnota l-proċedura ta’ konsultazzjoni taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) mitluba mill-Kanada u n-Norveġja; jesprimi t-tama tiegħu li nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet jista' jingħeleb skont is-sentenzi tal-ECJ u r-riżultat tal-proċeduri tad-WTO;

41. Huwa konxju mill-interess dejjem jiżdied fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi; f’dak ir-rigward jindika l-ħtieġa għal approċċi wiesgħa b’bażi li tħaddan l-ekosistema kollha li aktarx ikunu kapaċi jittrattaw l-isfidi multipli li jiffaċċja l-Artiku relatati mat-tibdil fil-klima, it-trasport marittimu, perikli u kontaminanti ambjentali, is-sajd u attivitajiet oħra tal-bniedem, skont il-Politika Marittima Integrata tal-UE jew il-Pjan ta’ Ġestjoni Integrat tan-Norveġja għall-Baħar Barents u żoni tal-baħar tal-Gżejjer Lofoten; jirrakkomanda lill-Istati Membri biex japprovaw il-Linji gwida tal-Kunsill Artiku dwar iż-Żejt u l-Gass Offshore tal-2009;

II. Il-Governanza

42. Jirrikonoxxi l-istituzzjonijiet u l-qafas wiesa' ta’ liġijiet u ftehimiet internazzjonali li jirregolaw oqsma ta’ importanza fl-Artiku bħalma huma UNCLOS (inklużi l-prinċipji bażiċi tal-libertà tan-navigazzjoni u ta’ mogħdija innoċenti), l-IMO, il-Konvenzjoni OSPAR[9], il-Kumitat tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC), CITES[10] u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, kif ukoll il-ftehimiet u l-oqsfabilaterali numerużi attwali, flimkien mar-regolamenti nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Artiki; għalhekk jasal għall-konklużjoni li r-reġjun Artiku ma jistax jitqies bħala vakum legali iżda żona b’għodod ta’ governanza żviluppati tajjeb; madankollu jindika l-fatt li minħabba l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ekonomiku li qed jiżdied, dawk ir-regoli eżistenti jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar, imsaħħa u implimentati mill-partijiet kollha konċernati;

43. Jenfasizza li, minkejja li l-Istati għandhom rwol prinċipali fit-tmexxija tal-Artiku, atturi oħra – bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali, persuni indiġeni u lokali u awtoritajiet ta’ taħt l-istat – għandhom rwoli importanti wkoll; jindika li huwa importanti li tiżdied il-fiduċja fost dawk b’interessi leġittimi fir-reġjun billi jittieħed approċċ partiċipattiv u jintuża d-djalogu bħala mezz ta’ żvilupp ta’ viżjoni komuni għall-Artiku;

44. Jemmen li l-impressjoni mogħtija minn osservaturi oħrajn għall-hekk imsejħa ġirja għall-Artiku ma tgħinx biex isseddaq fehim kostruttiv u koooperazzjoni fir-reġjun; jindika li l-Istati tal-Artiku bosta drabi ddikjaraw li l-impenn tagħhom favur risoluzzjoni u f’xi każijiet ħadmu biex isolvu konflitti ta’ interess possibbli skont prinċipji tal-liġi internazzjonali;

45. Jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-KA bħala l-aqwa forum reġjunali għall-kooperazzjoni għar-reġjun kollu tal-Artiku; jafferma l-impenn tiegħu li ma jappoġġax arranġamenti li jeskludu kwalunkwe Stati Membri Artiċi tal-UE, pajjiżi kandidati Artiċi jew stati Artiċi taż-ŻEE/EFTA; jirrikonoxxi l-ħidma konkreta magħmula mill-gruppi ta' ħidma tal-KA bl-involviment tal-osservaturi u jistieden lill-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE biex ikompli jimpenjaw ruħhom attivament fil-gruppi ta' ħidma rilevanti kollha kulmeta jkun possibbli; huwa favur li tissaħħaħ il-bażi legali u ekonomika tal-KA;

46. Jirrikonoxxi li l-isfidi li qiegħed jaffaċċja l-Artiku huma globali u għandhom għalhekk jinkludu lill-parteċipanti rilevanti kollha;

47. Jilqa’ r-riżultati tar-rapporti prinċipali li l-gruppi ta’ ħidma tal-KA ipprovdew fl-aħħar snin dwar iż-żejt u l-gass Artiku, l-impatti tat-tisħin u l-ħtiġijiet ta’ rispons ta’ emerġenza;

48. Jilqa’ l-livell tal-organizzazzjoni politika tal-interessi indiġeni fil-Parlamenti tas-Sami u mbagħad saru l-Kunsill tas-Sami fl-Ewropa tat-Tramuntana u l-koperazzjoni fost diversi organizzazzjonijiet indiġeni fuq bażi ċirkumpolari u jirrikonoxxi r-rwol uniku tal-KA rigward l-involviment tal-popli indiġeni; jirrikonoxxi d-drittijiet tal-popli indiġeni tal-Artiku kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-EIDHR għall-benefiċċju tal-għoti tal-poter lill-poplu indiġenu Artiku;

49. Jilqa' l-kooperazzjoni wiesgħa dwar kwistjonijiet bħalma huma l-protezzjoni tal-ambjent marittimu Artiku (il-Grupp ta' Ħidma PAME), mhux biss fil-livell reġjunali imma wkoll fil-livell bilaterali u internazzjonali; rigward dan jinterpreta x-xogħol magħmul fuq l-SAR fil-KA bħala l-ewwel pass lejn mekkaniżmi li jieħdu wkoll deċiżjonijiet vinkolanti;

50. Jilqa’ l-evalwazzjoni kontinwa tal-KA tal-ambitu u l-istruttura tal-ħidma tiegħu u jinsab fiduċjuż li se jkompli jwessa’ l-bażi għal proċessi li jsawru d-deċiżjonijiet biex jinkludu atturi li mhumiex fil-KA;

51. Jesprimi t-tama tiegħu li l-KA jkompli jiżviluppa aktar ix-xogħol importanti tiegħu u jwessa' l-bażi tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex jinkludu atturi oħra tal-Artiku li qed ikabbru l-preżenza taħghom fir-reġjun Artiku u b’hekk jinvolvi l-għarfien u l-kompetenzi tagħhom u jagħti kunsiderazzjoni lill-interessi leġittimi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin, l-importanza akbar b’mod sinifikanti tal-interessi tal-Istati Artiċi għandha tiġi enfasizzata; jilqa’ l-proċedura interna fi ħdan il-KA rigward reviżjoni tal-istejtus ta’ osservaturi u tal-futur possibbli tal-ambitu tal-kompiti tal-KA;

52. Huwa tal-opinjoni li KA msaħħaħ għandu jkollu rwol ta' tmexxija fil-kooperazzjoni dwar l-Artiku u għalhekk jilqa' kapaċitajiet imtejba politikament u amministrattivament tal-KA, pereżempju s-segretarjat permanenti li qiegħed jiġi diskuss bħalissa, qsim aktar ugwali tal-ispejjeż, laqgħat ministerjali aktar frekwenti u Samit Artiku Annwali fl-Ogħla Livell, kif propost mill-Ministru għall-affarijiet Barranin tal-Istat membru tal-UE, il-Finlandja, li hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Artiku; jilqa' wkoll involviment akbar tad-Deputati tal-Artiku biex tiġi enfasizzata d-dimensjoni parlamentari u biex wieħed ikun żgur li jiġu inklużi parteċipanti rilevanti mhux Artiċi; barra minn hekk jinsisti li laqgħat kontinwi ta’ livell għoli bejn qalba aktar ġewwinija ta’ Stati jwasslu biss biex idgħajfu l-istejtus u l-irwol tal-KA kollu kemm hu; jixtieq li l-KA jżomm l-approċċ tiegħu miftuħ u inklussiv u b’hekk jibqa’ miftuħ għal dawk kollha interessati;

53. Iqis id-Dimensjoni tat-Tramuntana bħala punt fokali għall-koperazzjoni reġjunali fl-Ewropa tat-Tramuntana; jinnota li l-erba’ sħab, jiġifieri l-UE, l-Islanda, in-Norveġja u l-Federazzjoni Russa, kif ukoll il-Kunsill Artiku, il-Kunsill Barents-Ewro-Artiku, il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), il-Bank Ewropew ta’ Investiment (EIB), il-Bank Nordiku ta’ Investiment (NIB) u l-Bank Dinji (IBRD), huma parteċipanti fid-Dimensjoni tat-Tramuntana u li kemm il-Kanada u wkoll l-Istati Uniti għandhom stejtus ta’ osservatur fid-Dimensjoni tat-Tramuntana; jenfasizza l-ħtieġa ta' allinjament mill-qrib bejn il-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u l-politika għall-Artiku tal-UE li qed tevolvi; jinnota t-Tieqa Artika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana; jenfasizza l-esperjenza siewja tas-sħubijiet tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, b'mod partikolari s-Sħubija l-ġdida tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika u l-benefiċċji tagħha għall-kooperazzjoni fl-Artiku;

54. Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għal stejtus ta’ osservatur permanenti għall-UE fil-KA; jirrikonoxxi li l-Istati Membri tal-UE huma involuti fil-ħidma tal-KA permezz tad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali (bħall-IMO, l-OSPAR, l-NEAFC u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma) u jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza fil-politiki kollha tal-UE għall-Artiku; jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżomm lill-Parlament informat kif dovut dwar laqgħat u xogħol fil-KA u l-Gruppi ta’ Ħidma tiegħu; jenfasizza sadanittant li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma diġà preżenti bħala membri jew osservaturi f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn b’relevanza għall-Artiku, bħalma huma l-IMO, l-OSPAR, l-NEAFC u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u għalhekk għandhom jiffokaw b’mod aktar koerenti fuq ix-xogħol f’dawn l-organizzazzjonijiet; jenfasizza f'dan ir-rigward b'mod partikolari l-ħtieġa ta' koerenza fil-politiki kollha tal-UE fir-rigward tal-Artiku; iħeġġeġ lill-KA biex jinvolvi wkoll is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala osservaturi ad hoc;

55. Iqis il-Kunsill Barents-Ewro-Artiku (BEAC) bħala hub importanti għall-koperazzjoni bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, ir-Russja, l-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea; jinnota x-xogħol tal-BEAC fl-oqsma tas-saħħa u kwistjonijiet soċjali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-enerġija, tal-kultura u tat-turiżmu; jinnota r-rwol konsultattiv tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Popli Indiġeni (WGIP) fi ħdan il-BEAC;

III. Konklużjonijiet u talbiet

56. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa l-Grupp Inter-Servizzi eżistenti fi struttura permanenti fost is-servizzi sabiex tiżgura approċċ għall-politiki li jkun koerenti, koordinat u integrat fl-oqsma kollha ta’ politiki kruċjali li huma relevanti għall-Artiku, bħalma huma l-ambjent, l-enerġija, it-trasport u s-sajd; jirrakkomanda li jassenja t-tmexxija konġunta ta’ din l-istruttura lill-EEAS u lid-DG MARE, dan tal-aħħar jagħmilha ta’ koordinatur trasversali fi ħdan il-Kummissjoni; jirrakkomanda wkoll f'dan is-sens il-ħolqien ta’ unità Artika fl-EEAS;

57. Jitlob lill-Kummissjoni, biex waqt in-negozjati ta’ ftehim bilaterali, jiġi kkunsidrat il-fatt li l-ekosistema Artika sensittiva għandha tiġi protetta, l-interessi tal-popolazzjoni Artika, inklużi l-gruppi ta’ popolazzjoni indiġena tagħha, għandhom jiġu mħarsa u r-riżorsi naturali tal-Artiku għandhom jintużaw b’mod sostenibbli, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiġi ggwidata minn dawn il-prinċipji b’rabta mal-attivitajiet kollha;

58. Jenfasizza l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-kontributuri prinċipali għar-riċerka relevanti tal-Artiku, il-kooperazzjonai reġjunali u l-iżvilupp ta’ teknoloġija relevanti għar-reġjun u lilhinn minnu, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilitajiet sabiex jiġu żviluppati inizjattivi ta’ kofinanzjament ċirkopolari u koprogrammazzjoni sabiex jiffavorixxu kooperazzjoni aktar effettiva bejn esperti mill-pajjiżi involuti; jitlob lill-UE tippromwovi attivitajiet ta’ koperazzjoni mal-USA, mal-Kanada, man-Norveġja, mal-Islanda, mal-Groenlandja u mar-Russja fil-qasam tar-riċerka multidixxiplinarja tal-Artiku, biex b'hekk jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ finanzjament koordinat; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq mezz biex taħdem direttament ma’ Stati Membri Artiċi, organizzazzjonijiet indiġeni u istituti Artiċi ta’ riċerka sabiex jgħinu fl-informazzjoni lill-UE dwar kwistjonijiet relevanti, suġġetti importanti ta’ riċerka, u kwistjonijiet li jikkonċernaw lil dawk li qed jgħixu u jaħdmu fl-Artiku biex jgħinu t-twaqqif ta’ attivitajiet futuri ta’ riċerka;

59. L-opinjoni tiegħu hi li l-UE għandha tiżviluppa aktar il-kapaċitajiet tagħha u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora u tirrapporta dwar it-twaqqif kif ukoll il-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet tal-UE fl-Artiku bħalma hu l-finanzjament ta’ programm ta’ riċerka konġunta multilaterali ċirkopolari li jipprevedi kooperazzjoni eħfef u anqas burokratika u proġetti konġunti tal-komuniutà tar-riċerka; jitlob lill-Kummissjoni tesplora bħala prijorità ewlenija t-twaqqif ta' Ċentru ta' Informazzjoni tal-UE dwar l-Artiku bħala impriża konġunta f'netwerk, filwaqt li tqis proposti adattati; jinnota l-proposta mill-Università ta' Lapland f'dan ir-rigward; iqis li ċentru bħal dan jeħtieġ li jkun kapaċi kemm li jorganizza avviċinament permanenti mill-UE lejn il-parteċipanti ewlenin rilevanti għall-Artiku kif ukoll li jidderieġi l-informazzjoni u s-servizzi Artiċi lejn l-Istituzzjonijiet u l-partijiet interessati tal-UE;

60. Jenfasizza li sabiex jiġu determinati b’mod oġġettiv in-natura u r-rata tal-bidliet li jseħħu fl-ambjent naturali tal-Artiku, huwa vitali li t-tims internazzjonali tax-xjentisti jingħataw aċċess sħiħ biex titwettaq ir-riċerka f’dan il-qasam partikolarment sensittiv tal-pjaneta tagħna; jindika li l-UE qed iżżid il-preżenza u l-involviment tagħha, partikolarment fis-settur Ewropew tal-Artika, billi tibni infrastruttura konġunta għar-riċerka u żżid in-numri ta’ programmi tar-riċerka mwettqa fl-Artiku; jappoġġa b'mod partikolari t-timijiet ta' riċerka magħmula minn xjentisti minn ħafna oqsma differenti u li jirrappreżentaw il-pajjiżi kollha involuti; jilqa' l-kooperazzjoni li ta' spiss tkun tajba u miftuħa fir-riċerka u huwa tal-opinjoni li din ir-riċerka għandha tkun miftuħa, xi ħaġa li tkun fl-interess tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi u li tippermetti li din tkun disponibbli għall-użu minnha;

61. Jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-objettiv tal-Koperazzjoni Ewropea Territorjali tal-UE, bħala valur ċar miżjud Ewropew, b’mod partikolari l-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali ta’ Kolartic u Karelia kif ukoll il-programm tas-CBC tal-Baċin tal-Baħar Baltiku, li jinkludi r-reġjun ta’ Barents; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora kif Programm imsaħħaħ tal-Periferija tat-Tramuntana jista’ jkollu impatt simili fuq Strateġija Artika fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

62. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi biex jinħolqu malajr u b'mod effiċjenti l-osservatorji SIOS u EMSO bħala kontributuri uniċi għal fehim u ħarsien aħjar tal-ambjent Artiku;

63. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti dwar kif il-Proġett Galileo jew progetti bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà li jista' jkollhom impatt fuq l-Artiku jistgħu jiġu żviluppati sabiex ikun hemm navigazzjoni aktar sikura u ta’ malajr fl-ibħra tal-Artiku u b’hekk isir investiment fis-sikurezza u l-aċċessibilità tal-Passaġġ tat-Tramunatana-Lvant b’mod partikolari, sabiex jikkontribiwixxu għal predittibilità aħjar tal-moviment tas-silġ, kif ukoll immappjar aħjar ta’ qiegħ il-baħar Artiku u fehim tal-proċessi ġeodinamiċi prinċipali fil-qasam, li huma ta’ importanza maġġuri għall-ġeodinamika tad-Dinja u għaċ-ċiklu tal-ilma fir-reġjuni polari u sabiex jittejjeb l-għarfien tagħna dwar ekosistemi uniċi;

64. Jitlob lill-gvernijiet kollha fir-reġjun Artiku, speċjalment dak tar-Russja, biex jadottaw u japprovaw id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2007;

65. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-ftehimiet prinċipali kollha rigward id-drittijiet tal-popli indiġeni, bħall-Konvenzjoni 169 tal-ILO;

66. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipproponu, bħala parti mill-ħidma li għadha għaddejja tal-IMO dwar Kodiċi Polari mandatorju għat-trasport marittimu, li l-emissjonijiet ta’ nugrufun u żejt tal-fjuwil tqil għandhom ikunu regolati b’mod speċifiku; fil-każ li tali negozjati ma jħallux frott, jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar regoli għall-vapuri li jidħlu fil-portijiet tal-UE wara jew qabel vjaġġi minn ġo ibħra Artiċi, bil-għan li jiġi impost reġim strett li jillimita l-emissjonijiet ta’ nugrufun u l-użu u l-ġarr ta’ żejt tal-fjuwil tqil;

0

0 0

67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati tar-reġjun tal-Artiku.

  • [1]  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 41.
  • [2]  L-2985 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin.
  • [3]  L-2914 laqgħa tal-Kunsill.
  • [4]  2009/10:UU4.
  • [5]  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.
  • [6]  Iffirmat fil-15 ta' Settembru 2010.
  • [7]  ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.
  • [8]  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36.
  • [9]  Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fil-Grigal tal-Atlantiku.
  • [10]  Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi Pperikolati ta' Fawna u Flora Selvaġġi.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Daħla

Ir-Reġjun Artiku qiegħed jiġbed dejjem aktar u aktr attenzjoni minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima, l-ixprun prinċipali tal-iżviluppi. L-effetti tagħha huma ta' skala akbar minn dawk f'reġjuni oħra tad-dinja. Fl-istess ħin, dawk l-effetti qed jeffettwaw reġjuni oħra fid-dinja bil-għoli tal-livelli tal-baħar min-naħa, u bil-konsegwenzi fuq klimi reġjunali aġġaċenti min-naħa l-oħra.

B'hekk l-Ewropa mhux biss tassumi ċerta responsabbiltà, billi hija waħda mill-kontributuri għat-tniġġis u l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra, iżda għandha wkoll interess partikolari fl-Artiku billi se jkollha tiffaċċja l-konsegwenzi tal-bidla li qed isseħħ hemmhekk, minn kwistjonijiet ta' bidliet ambjentali u klimatiċi, sa ġeopġoltiki tar-rotto tat-tbaħħir u s-sikurezza tal-provvista tar-riżorsi.

II. Għaliex l-UE għandha bżonn Politika għall-Artiku li tkun sostenibbli u koerenti

Tlieta Stati Membri tal-UE huma wkoll Membri tal-Kunsill tal-Artiku, filwaqt li l-Islanda applikat għas-sħubija fl-UE. Barra minn hekk, in-Norveġja u l-Islanda huma interkonnessi mill-qrib mal-politiki tal-UE permezz ta' ftehim maż-ŻEE , u l-UE għandha wkoll Ftehim ta' Partnerjat ma' Greenland li mhix parti mill-UE,

Minkejja li ma tagħmilx parti mil-linja kostali tal-Artiku, l-UE diġà hija protagonista fl-Artiku f'għadd ta' oqsma relevanti. Uħud mill-kompetenzi tal-UE biex tirregola kwistjonijiet rigward l-Artiku huma maqsuma u komplimentari, oħrajn bħas-sajd huma esklussivi[1]. Ta' min wieħed jinnota li t-Trattat ta' Lisbona biddel il-proċeduri interni tal-UE lejn involviment aqwa tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur. Ħarsa aktar mill-qrib turi li l-Artiku se jkun ta' importanza maġġuri għal għadd ta' raġunijuiet.

Bħal f'imkejjen oħrajn, huwa t-tibdil fil-klima li jagħti l-akbar spinta għall-bidla fl-Artiku. Hemm qbil ġenerali li l-Artiku huwa reġjun li jkun affettwat l-aktar kmieni u b'aktar qawwa bit-tibdil fil-klima u t-tniġġis li joriginaw fil-partijiet industrijalizzati jew żviluppati fid-dinja. Din il-kwsitjioni jeħtieġ li tiġi ttrattata fil-livell globali għaliex il-kawżi tagħha jinsabu barra l-Artiku u wara jaffettaw id-dinja kollha wkoll.

L-UE diġà tinsab fuq quddiem nett rigward riċerka u politiki dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima fil-kuntest internazzjonali u dan se jkompli fil-futur. Minkejja l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-UE jeħtieġ li tirrikonoxxi l-bżonn ta' adattament għall-bidliet li ma jistgħux jiġu evitati, kif ukoll ta' evalvazzjoni razzjonali tar-riskji, it-theddidiet, l-isfidi u l-opportunitajiet li dawk il-bidliet jinvolvu.

Popolazzjoni dinjija li qed tikber tkun teħtieġ il-ġestjoni sostenibbli u responsabbli tar-riżorsi disponibbli u meħtieġa. Dan japplika kemm rigward riżorsi ħajjin bħall-ħut li jikkontribwixxu biex jitimgħu l-popolazjoni dinjija, imma wkoll rigward riżorsi mhux ħajjin bħall-gass u ż-żejt jew il-minerali. Rigward dan, il-perċezzjoni tal-Artiku bħal post pristin u mhux minsus li jeħtieġ biss li jiġi ppriservat mhijiex korretta. L-Artiku mhux bħall-Antartiku għaliex huwa abitat u għandu tradizzjoni li jagħmel użu mir-riżorsi tiegħu. B'mod partikolari, il-popolazzjoni indiġena tat-tramuntana għandha grajja twila ta' użu sostenibbli ta' dawk ir-risorsi u tiċħad espliċitament l-idea ta' "għajxien ġewwa mużew" iżda pjuttost tesprimi rieda favur l-iżvilupp.

Billi t-tkabbir ta' ekonomiji ġodda qed jirriżulta fi bżonn akbar ta' riżorsi, enerġija u minerali, l-UE għandha interess naturali li tiżgura s-sikurezza tal-provvista tar-riżorsi u l-enerġija meħtieġa għall-popolazzjoni u l-industrija tal-Ewropa.

Xi sħab fl-Artiku diġà huma kontributuri maġġuri għal dik li hi provvista tal-enerġija, materja prima kif ukoll ħut għall-Ewropa. Il-varjetà kbira ta' riżorsi, il-potenzjal għal enerġija rinnobabbli prodott tar-riħ jew il-mewġ, u d-diversità imprezzabbli tal-bijosfera Artika, jistgħu jiġu żviluppati u protetti biss b'approċċ ollistiku u sostenibbli bbażat fuq l-ekosistema kif imfisser fil-Politika Marittima Integrata tal-UE jew fil-pjanijiuet ta' ġestjoni integrata, bħal pereżempju dawk tan-Norveġja fil-Baħar Barents.

Billi huwa stmat li kważi parti waħda minn full ħamsa tar-riżorsi tal-idrokarbonju jinsabu fl-Artiku, dawn ir-risorsi jistgħu ikunu ta' importanza partikolari għall-UE sakemm l-objettiv ta' ekonomija b'użu baxx tal-karbonju jintlaħaq. B'mod partikolari l-gass naturali, jew LNG, għandu l-aktar emissjonijiet baxxi ta' CO2 minn fost il-forom kollha tradizzjonoli ta' enerġija u jista' jipprovdi parti maġġuri tat-taħlita ta' enerġija u b'hekk iservi ta' pont lejn ekonomija b'użu baxx ta' karbonju.[2]

Bħala konsumatur prinċipali ta' dawk il-prodotti, l-Ewropa għandha tagħmilha ċara li tappoġġa biss dawk l-attivitajiet li jitmexxew skont l-ogħla standards ambjentali, ta' sikurezza u amministrattivi li hemm disponibbli, u b'hekk isseddaq kooperazzjoni hekk li l-aħjar prattiki jistgħu faċilment jiġu applikati f'postijiet oħrajn.

Il-prinċipju li ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema tkun tista' tiżgura li l-aspetti u l-interessi inklużi fil-ġestjoni ta' ċertu reġjun, fejn hemm flimkien attivitajiet bħal sajd, tbaħħir, esplojtazzjoni tar-riżorsi ġeoloġiċi u attivitajiet oħrajn, ikunu bilanċjati mal-interess fil-priservazzjoni u protezzjoni tal-ekosistema.

Punt ieħor maġġuri ta' interess għall-UE u l-Istati Membri huwa l-iżvilupp ta' rotot godda dinjin ta' kummerċ. Il-kummerċ diġà beda jesplora l-possibiltajiet ġodda. Is-sajf li għadda l-kumpanija Ġermaniża ta' tbaħħir Beluga ttestjat il-possibiltajiet ekonomiċi billi bagħtet żewk vapuri bil-kontejners mill-Ażja għall-Ewropa. L-iżvilupp ta' rotot tal-baħar fit-tramuntana jħaffu l-kummerċ bejn l-Ewropa, l-Ażja u l-Amerika ta' Fuq u b'hekk jiffrankaw l-enerġija, l-emissjonijiet u l-ispejjeż, barr milli jagħmluhom ukoll aktar sikuri billi jevitaw l-ibħra miżgħuda pirati u r-riskji ekonomiċi inklużi meta jintużaw rotot tal-baħar tradizzjonali[3].

Jkun vitali għall-iżvilupp ta' dawn ir-rotot tal-baħar il-predittibilità kemm f'termini ta' sikurezza u ġarr marittimu u f'termini legali u politiċi. Minkejja li l-kundizzjonijiet jibqgħu ħorox fl-Artiku, it-titjib fit-teknoloġiji tan-navigazzjoni u t-tbaħħir jippermettu użu aħjar ta' din ir-rotta. Dawn l-investimenti fl-immappjar, l-osservazzjoni tas-silġ fil-baħar, il-komunikazzjoni u l-istrutturi ta' tfittix u salvataġġ u oħrajn simili se jiddeterminaw kemm din ir-rotta tkun tista' tintuża fid-deċenji li ġejjin. L-interess ta' pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Korea ta' Isfel u Singapor jenfasizzaw l-importanza dejjem akbar li tingħata lil dawn ir-rotot tal-baħar.

L-UE, l-Istati Membri tagħha u n-negozji Ewropej għandhom ikunu involuti attivament fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' dawn ir-rotot tal-baħar mhux biss għaliex se jkunu ta' importanza maġġuri għan-negozji Ewropej, iżda b'mod partikolari għaliex l-UE qiegħda f'pożizzjoni unika li tista' toffri wħud mill-għodod meħtieġa biex jiżviluppaw din ir-rotta, kif muri mill-kopertura u l-affidibilità akbar li s-Sistema Galileo tista' toffri meta mqabbla mas-Sistemi GPS eżistenti.

Meta wieħed iżomm f'moħħu l-interessi u l-pożizzjoni leġittimi diġà msemmija tal-UE f'termini ta' finanzjament ta' riċerka, tbaħħir u enerġija għall-konsumatur, u meta titqies l-importanza ekonomika tal-UE, l-Ewropa għandha ħafna x'toffri rigward il-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun Artiku.

III. Il-Pożizzjoni tal-UE fir-Reġun Artiku - Ġeopolitiki u Governanza

Huwa importanza li wieħed jifhem u jevalwa s-sitwazzjoni politika u legali tal-Artiku qabel ma jsiru suġġerimenti dwar kif l-aħjar li jistgħu jiġu ttratati riskji u sfidi.

Ir-reġjun Artiku ma hux vakum legali jew politiku kif jassumu ċerti osservaturi. Barra minn hekk bħala prinċipju huwa baħar imdawwar bi stati li għandhom ŻEE wiesgħa li fuqhom jappilka r-reġim leġali tagħhom. Hemm għadd kbir ħafna ta' ftehimiet bilaterali u multilaterali fil-livell nazzjonali u reġjunali. Barra minn hekk, għadd ta' trattati, organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali jirregolaw setturi ta' relevanza għall-Artiku.

Meta jitqiesu dawn il-fatti joħroġ ċar li l-idea ta' Trattat tal-Artiku, imfassal fuq it-Trattat tal-kontinent tal-Artiku, u għalhekk art u mhux ilma, li mhix abitata u hija mingħajr klejms, meta mqabbel ma' abitat ikkontrollat minn stati fl-Artiku, mhux biss mhux appoġġat mill-popli u l-istati tal-Artiku, imma lanqas ma jkun mod xieraq biex jiġu ttrattati l-isfidi fl-Artiku.

Li wieħed jibda mill-bidu nett u jinjora l-qafas legali diġà eżistetni, kemm rigward projezzjoni kif ukoll preservazzjoni, u li wieħed jidħol għal Proċess tan-NU tul deċenju sħiħ bil-prospettiva xejn ċara li jinkiseb ftehim ftit jew wisq internazzjonali dwar l-Artiku, ikollu r-riżultat li ma' jiġux ittrattati kwistjonijiet urġenti u prattiċi fl-Artiku.

L-istati kollha stqarru li se jsegwu l-Liġi Internazzjonali Pubblika għas-soluzzjoni tat-tilwimiet u barra minn hekk issottomettew jew se jissottomettu l-klejms rispettivi tagħhom għat-twessigħ taż-żona tal-blata kontinentali lill-Kummissjoni relevanti tan-NU. Għalhekk, jekk wieħed iħares lejn il-mappa legali tal-Artiku toħroġ bħala ħaġa ovvja li kważi ż-żona kollha qiegħda jew se tkun fi ħdan iż-ŻEE (żona ekonomika esklussiva) ta' wieħed mill-partijiet. Hemm biss żoni zgħar ħafna li huma suġġetti għal klejms konkorrenti u, kif intqal hawn fuq, il-partijiet kollha ddikjaraw li lesti jsolvu l-kwistjonijiet skont il-liġi internazzjonali. Il-ftehim ta' delimitazzjoni bejn ir-Russja u n-Norveġja li ġie konkluż fil-15 ta' Settembru 2010 sa issa jagħti stampa ta' dan. Din iż-żona kbira ħafna tista' titneħħa mill-mappa ta' klejms konkorrenti.

Mappa dwar is-Sitwazzjoni Legali fl-Oċean Artiku:

Ħarsa lejn il-mappa tagħti l-impressjoni li l-biċċa kbira tal-Artiku "jappartjeni" lill-istati littorali. madankllu skont UNCLOS l-istess kollha għandhom ċerti drittijiet bħalma huma d-dritt ta' "free and innocent passage" f'dawn l-ibħra. Barra minn hekk, hemm liġijiet internazzjonali oħra li japplikaw.

L-UE tinsab involuta b'xi mod jew ieħor f'bosta fora ta' kooperazzjoni internazzjonali fir-reġjun, b'mod parikolari bħala membru ta-Kunsill Barents-Euro-Arctiku u bħala osservatur ad hoc fil-Kunsill tal-Artiku. Flimkien mal-politika tagħha ta' Dimensjoni tat-Tramuntana u l-finanzjament estensiv tar-riċerka Artika, l-UE hija diġà protagonista rikonoxxuta fl-Artiku.

L-importanza strateġika importanti tal-Artiku hija mmexxija minn diversi proċessi tranżnazzjnali u nazzjonali: pereżempju, dibattiti dwar tisħin globali u l-prospetti ta' Artiku mingħajr silġ fis-sajf fi żmien 20, 30 sena, il-konroll fuq iż-żejt u d-depożiti tal-ġass fl-Artiku u l-potenzjal ta' opportunitajiet kummerċjali oħrajn li ppreżentaw r-rotot ġodda tal-baħar; u, mhux anqas minn hekk, atti politiċi simboliċi bħad-deċiżjoni Russa li tpoġġi bandiera f'qiegħ il-baħar tal-Pol tat-Tramuntana fl-2007.

It-tmien stati tal-Artiku, li huma membri permanenti tal-Kunsill tal-Artiku - l-organizzazzjoni ċentrali internazzjonali u intergovernamentali tar-reġjun - iħarsu lejn UNCLOS bħala l-uniku reġim komprensiv u multilaterali li japplika għall-Artiku u opponew l-idea li jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-Artiku mfassal fuq it-Trattat tal-Antariku tal-1959. L-istati tal-Artiku jridu li jkollhom rwol privileġġat fl-amministrazzjoni tar-reġjun, li huma jinterpretaw bħala konsistenti mal-UNCLOS, abbażi tal-pożizzjoni ġeografika, drittijiet sovrani u interessi ekonomiċi u politiċi.

Id-Danimarka, l-Isveżja u l-Fillandja huma tliet Stati Membri tal-UE fil-KA, filwaqt li d-Danimarka huwa l-uniku stat tal-Oċean Artiku li huwa membru tal-UE. Madankollu qiegħed jaġixxi f'isem Greenland li ħarġet mill-UE fl-1985. Hija kwistjoni pendenti jekk Greenland tinfiridx mid-Danimarka abbażi tal-klawżola rigward indipendenza li hemm fl-Att ta' Governanza Awtonoma jekk ir-riżorsi naturali rikki tagħha jiġu żviluppati fid-deċenji li ġejjin.

L-istampa ġeografika tinbidel b'mod konsiderevoli kieku n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE tal-Islanda jirnexxu. Is-sħubija tal-islanda ssaħħaħ ukoll il-preżenza tal-UE fir-reġjun.

Stati membri tal-Kunsill tal-Artiku attwalment qegħdin jirrevedu u jiddiskutu l-istejtus u d-drittijiet tal-osservaturi, kif ukoll kif il-Kunslll għandu jkompli jaħdem. Bil-każ tal-grupp ta' ħidma dwar "Search and Rescue", il-KA għall-ewwel darba se jistabbilixxi u jadotta regoli vinkolanti u b'hekk jgħaddi minn korp purament għat-tfassil ta' deċiżjonijiet għal korp li jieħu deċiżjonijiet, kif ikkummentaw xi wħud. Jekk dan ikun il-każ, l-UE jkun jeħtiġilha tevalwa s-sitwazzjoni u tiżgura li l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha, b'mod partikulari dwar kwistjonijiet bħal tbaħħir u sajd, ikunu rappreżentati kif dovut u d-drittijiet tagħha skont ftehimiet internazzjonali jkunu kkunsidrati.

Filwaqt li jintqal dan kollu, u meta niftakru fil-kontribuzzjoni tal-UE u l-Istati Membri mogħtija diġà llum f'riċerka, finanzjament, l-impatt tagħha permezz ta' leġizlazzjoni dwar l-ambjent, il-klima, is-sajd u oħrajn, kif ukoll il-possibilitajiet għall-kooperazzjoni fil-futur dwar kwistjonijiet bħalma huma l-immapppjar u s-sikurezza marittima, l-iżvilupp ekonomiku u affarijiet simili, wieħed jista' jikkonkludi li l-UE għandha ħafna x'tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli fl-Artiku, reġjun li se jkun ta' importanza maġġuri għal dinja li trid tadatta ruħha għat-tibdil fil-klima, it-tkabbir fil-popolazzjoni u l-iskarsità tar-riżorsi.

  • [1]  Għal dehra ġenerali komprensiva tal-kompetenzi legali tal-UE li jirrigwardaw l-Artiku u għal evalwazzjoni dettaljata tas-settur: Timo Koivurova et al ‘EU Competences affecting the Arctic’, studju kommisjonat mill-EP.
  • [2]  Għal stampa ġenerali tal-evalwazzjoni tar-riżorsi tal-Artiku ara Valur Ingimundarson ‘The geopolitics of Arctic Natural Resources’, studju kommisjonat mill-PE.
  • [3]  Ara l-analiżi f'Moe/ Oystein ‘Opening of new Arctic Shipping Routes’, studju kommissjonat mill-PE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

0

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Anneli Jäätteenmäki, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Charles Tannock, Inese Vaidere, Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Hélène Flautre, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Liisa Jaakonsaari, Elisabeth Jeggle, Metin Kazak, Konrad Szymański, Indrek Tarand, Traian Ungureanu, Janusz Władysław Zemke