RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli

27.1.2011 - (16440/1/2010 – C7-0425/2010 – 2009/0059(COD)) - ***II

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Helmut Scholz


Proċedura : 2009/0059(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0005/2011

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli

(16440/1/2010 – C7-0425/2010 – 2009/0059(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (16440/1/2010 – C7-0425/2010),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009)0197),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0005/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

FIT-TIENI QARI[2]*

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207(2) u 209(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[3],

Billi:

(1)       Mill-2007, il-Komunità ssemplifikat il-kooperazzjoni ġeografika tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Asja, l-Asja Ċentrali u l-Amerika Latina u mal-Iraq, l-Iran, il-Jemen u l-Afrika t’Isfel taħt ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[4].

(2)       L-għan primarju u dominanti tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 hu l-qerda tal-faqar permezz tat-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju. L-iskop tal-kooperazzjoni għall-programmi ġeografiċi mal-pajjiżi, territorji u reġjuni li qed jiżviluppaw li huma stabbiliti taħt dak ir-Regolament hu, barra minn hekk, limitat b’mod materjali għal miżuri ta' finanzjament maħsubin biex jissodisfaw il-kriterji għal Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (kriterji tal-ODA) stabbiliti mill-Kumitat tal-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ("OKŻE/DAC").

(3)       Huwa fl-interess tal-Unjoni li tkompli tintensifika r-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ikkonċernati, li huma sħab u atturi bilaterali importanti fil-fora multilaterali u fil-governanza globali. Ma’ dawk il-pajjiżi l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' rabtiet diversifikati, b’mod partikolari f’oqsma bħal skambji ekonomiċi, kummerċjali, akkademiċi, ta’ negozji u xjentifiċi. Hi għalhekk għandha bżonn strument finanzjarju li jippermetti l-finanzjament ta’ miżuri bħal dawn, li fil-prinċipju, ma jikkwalifikawx bħala ODA skont il-kriterji tal-ODA iżda li għandhom importanza deċiżiva f'termini tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet u li jagħtu kontribut importanti għall-promozzjoni tal-progress tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati.

(4)       Għal dak il-għan, erba’ Azzjonijiet Preparatorji ġew stabbiliti fil-proċeduri tal-baġit tal-2007 u l-2008 sabiex tinbeda tali koperazzjoni msaħħa skont il-punt (b) tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5]. Dawk l-erba’ Azzjonijiet Preparatorji huma: skambji ta’ negozji u xjentifiċi mal-Indja; skambji ta’ negozji u xjentifiċi maċ-Ċina; kooperazzjoni mal-grupp ta’ pajjiżi bi dħul medju fl-Asja; u kooperazzjoni mal-grupp ta’ pajjiżi bi dħul medju fl-Amerika Latina. Taħt dak l-Artikolu, il-proċedura legislattiva konsegwenti għall-Azzjonijiet Preparatorji, għandha tiġi konkluża qabel it-tmiem tat-tielet sena finanzjarja.

(5)       L-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1934/2006[6] huma adattati bħala mezz għall-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu ġeografiku tar-Regolament (KE) Nru 1934/2006 u li jiġi pprovdut pakkett finanzjarju sabiex ikopri l-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(6)       Bit-twessigħ tal-ambitu ġeografiku tar-Regolament (KE) Nru 1934/2006, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati huma koperti b'żewġ strumenti differenti tal-finanzjament tal-azzjoni esterna. Għandu jkun żgurat li ż-żewġ strumenti ta' finanzjament jibqgħu għal kollox separati minn xulxin. Il-miżuri li jissodisfaw il-kriterji ODA se jiġu ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, waqt li r-Regolament (KE) Nru 1934/2006 se jkopri biss il-miżuri li, fil-prinċipju, ma jissodisfawx dawn il-kriterji. Hemm bżonn ukoll li jkun żgurat li dawk il-pajjiżi li qabel kienu koperti bir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 – il-pajjiżi u r-reġjuni industrijalizzati kif ukoll pajjiżi u reġjuni oħrajn bi dħul għoli – ma jiġux żvantaġġati, speċjalment mil-lat finanzjarju, bit-twessigħ tal-ambitu ġeografiku ta' dak ir-Regolament.

(7)       Minħabba li l-kriżi ekonomika ħolqot tensjoni baġitarja estrema fl-Unjoni kollha, u li t-twessigħ propost jikkonċerna pajjiżi li f'ċerti każijiet laħqu livell ta' kompetittività komparabbli ma' dak tal-Unjoni u livell ta' għajxien medju qrib dak ta' ċerti Stati Membri, il-kooperazzjoni tal-UE għandha tieħu kont tal-isforzi li jsiru min-naħa tal-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna biex jikkonformaw mal-ftehimiet internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u biex jipparteċipaw fl-objettivi ġenerali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra.

(8)       Ir-rieżami tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji ta’ azzjoni esterna identifika inkonsistenzi fid-dispożizzjonijiet li jeskludu spejjeż relatati ma’ taxxi, dazji jew ħlasijiet oħra bħala ineliġibbli. Għal raġunijiet ta' konsistenza, qed jiġi propost li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu armonizzati mal-istrumenti l-oħra.

(8a)     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' programmi ta' kooperazzjoni multiannwali, peress li dawn il-programmi jissupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 u huma ta' applikazzjoni ġenerali. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż ma' esperti.

(9)       Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)       it-titolu tar-Regolament għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi u t-territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli, u mal-pajjżi li qed jiżviluppaw li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, għal attivitajiet apparti l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.".

(2)       l-Artikoli 1 sa 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"Artikolu 1

Objettiv

1.        Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli” għandhom jinkludu l-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u “pajjiżi li qed jiżviluppaw” għandhom jinkludu l-pajjiżi li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u li huma elenkati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. Minn hawn 'il quddiem, dawn huma flimkien imsejħa "pajjiżi sħab".

Il-finanzjament mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jsostni kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika, kulturali u akkademika mal-pajjiżi sħab fl-oqsma kollha stipulati fl-Artikolu 4, li jaqgħu fi ħdan l-isferi ta' kompetenza tagħha. Dan ir-Regolament għandu jservi biex jiffinanzja l-miżuri li, fil-prinċipju, ma jissodisfawx il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (kriterji tal-ODA) stabbiliti mill-Kumitat tal-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ("OKŻE/DAC").

2.        L-għan primarju ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab għandu jkun li jipprovdi rispons speċifiku għall-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet u li jkun hemm impenn akbar magħhom fuq bażi bilaterali, reġjonali jew multilaterali sabiex jinħoloq ambjent aktar favorevoli u trasparenti għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab skont il-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulata fit-Trattat. Fost affarijiet oħra, dan jirreferi għall-promozzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, kif ukoll xogħol deċenti, governanza tajba u l-preżervazzjoni tal-ambjent, sabiex jingħata kontribut għall-progress u l-proċess ta’ żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab.

Artikolu 2

Ambitu

1.        Il-kooperazzjoni għandha tkun immirata biex jiġu involuti l-pajjiżi sħab sabiex jissaħħu d-djalogu u riavviċinament u sabiex jaqsmu u jippromwovu strutturi u valuri politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali simili. L-Unjoni għandu jkollha wkoll l-intenzjoni li żżid il-kooperazzjoni u l-iskambji mas-sħab u l-atturi bilaterali stabbiliti jew dejjem iżjed importanti fil-fora multilaterali u fil-governanza globali. Il-kooperazzjoni tkopri wkoll sħab li magħhom l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta’ rabtiet u tal-valuri tagħha kif stipulati fit-Trattat.

2.        F'ċirkostanzi debitament ġustifikati u sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effettività tal-finanzjamenti mill-Unjoni u sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi meta tkun qed tadotta l-programmi ta' azzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 6 li pajjiżi mhux elenkati fl-Annessi huma eliġibbli għal miżuri taħt dan ir-Regolament, fejn il-proġett jew il-programm li għandu jiġi implimentat huwa ta' natura reġjonali jew transkonfinali. Għandhom isiru dispożizzjonijiet għal dan fil-programmi ta' kooperazzjoni multiannwali msemmija fl-Artikolu 5.

3.        Il-Kummissjoni għandha temenda l-listi fl-Annessi I u II b'segwitu għal rieżamijiet regolari tal-OKŻE/DAC tal-lista tagħha ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

4.        Għall-finanzjamenti mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament, għandha tingħata attenzjoni partikolari fejn xieraq għall-konformità tal-pajjiżi sħab mal-istandards tax-xogħol fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u għall-isforzi tagħhom biex jipprovaw inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra.

5.        Fir-rigward tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi rispettata b’mod strett il-koerenza politika mal-miżuri ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw**.

Artikolu 3

Prinċipji Ġenerali

1.        L-Unjoni hija msejsa fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt u tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-impenn għal dawn il-prinċipji fil-pajjiżi sħab permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni.

2.        Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiġi segwit, fejn hu xieraq, approċċ differenzjat fit-tfassil tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab biex jittieħed kont tal-kuntesti ekonomiċi, soċjali u politiċi tagħhom kif ukoll tal-interessi, l-istrateġiji u l-prijoritajiet speċifiċi tal-Unjoni.

3.        Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti ma' u jkopru l-oqsma ta' kooperazzjoni stipulati, partikolarment, fl-istrumenti, ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjanijiet ta' azzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab, kif ukoll l-oqsma li jappartjenu għall-interessi u l-prijoritajiet speċifiċi tal-Unjoni.

4.        Għall-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha timmira li tiżgura koerenza mal-oqsmal- oħra tal-azzjoni esterna tagħha kif ukoll mal-linji politiċi rilevanti l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikulari l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan għandu jiġi żgurat bil-formulazzjoni ta’ linji politiċi, ippjanar strateġiku u l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri.

5.        Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jikkumplimentaw, u jġibu valur miżjud lill-isforzi meħuda mill-Istati Membri u l-korpi pubbliċi tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet kummerċjali u skambji kulturali, akkademiċi u xjentifiċi.

6.        Il-Kummissjoni għandha tinforma u għandu jkollha skambji ta' opinjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew.

Artikolu 4

Oqsma ta' kooperazzjoni

Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jappoġġa l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni skont l-Artikolu 1 u għandu jkun konsistenti mal-iskop, l-ambitu, l-objettivi u l-prinċipji ġenerali globali ta' dan ir-Regolament. Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jkopri l-azzjonijiet li, fil-prinċipju, ma jissodisfawx il-kriterji tal-ODA, u li jistgħu jinkludu dimensjoni reġjonali, fl-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin:

(1)       il-promozzjoni ta' kooperazzjoni, sħubiji u intrapriżi konġunti bejn atturi ekonomiċi, soċjali, kulturali, akkademiċi u xjentifiċi fl-Unjoni u l-pajjiżi sħab;

(2)       l-istimolar ta' kummerċ bilaterali, flussi ta' investiment u sħubiji ekonomiċi, waqt li tingħata attenzjoni għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(3)       il-promozzjoni ta' djalogi bejn l-atturi politiċi, ekonomiċi , soċjali u kulturali u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra fis-setturi rilevanti fl-Unjoni u fil-pajjiżi sħab;

(4)       il-promozzjoni ta' rabtiet bejn persuna u oħra, programmi ta' edukazzjoni u taħriġ u skambji intelletwali u t-tisħiħ ta' fehim reċiproku bejn kulturi, b’mod partikulari fil-livell tal-familji, inklużi miżuri li jiżguraw u jżidu l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-programm Erasmus Mundus u l-parteċipazzjoni fil-fieri tal-edukazzjoni Ewropej;

(5)       il-promozzjoni ta' proġetti ta' kooperazzjoni f'oqsma bħar-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-isport u l-kultura, l-enerġija (b’mod partikulari, l-enerġija li tiġġedded), it-trasport, kwistjonijiet ambjentali (inkluż it-tibdil fil-klima), id-dwana, kwistjonijiet finanzjarji, legali u tad-drittijiet tal-bniedem, u kwalunkwe kwistjoni oħra ta' interess reċiproku bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab;

(6)       it-tisħiħ tal-għarfien dwar u l-apprezzament tal-Unjoni Ewropea u tal-viżibbiltà tagħha fil-pajjiżi sħab;

(7)       l-appoġġ għal inizjattivi speċifiċi, inkluż xogħol ta' riċerka, studji, skemi pilota jew proġetti konġunti destinati li jirrispondu b'manjiera effettiva u flessibbli għall-objettivi ta' kooperazzjoni li joħorġu minn żviluppi fir-relazzjoni bilaterali tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab jew li jimmiraw li jipprovdu impetu għal aktar tisħiħ u twessigħ tar-relazzjonijiet bilaterali magħhom.

_______________

*         ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

**       ĠU L 354, 31.12.2008, p. 62.";

(3)       fl-Artikolu 5, il-paragrafi (2) u (3) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"2.       Il-programmi ta' kooperazzjoni multiannwali m'għandhomx ikopru aktar mill-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jistabbilixxu l-interessi u l-prijoritajiet speċifiċi, l-objettivi ġenerali u r-riżultati mistennija tal-Unjoni. B'mod partikulari, fir-rigward ta’ Erasmus Mundus, il-programmi għandhom jimmiraw għall-iktar kopertura ġeografika bilanċjata possibbli. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll l-oqsma magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni u jiddiskrivu fil-qosor l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tal-fondi, globalment, għal kull qasam ta' prijorità u għal kull pajjiż sieħeb jew grupp ta' pajjiżi sħab għall-perijodu kkonċernat. Fejn xieraq dan jista' jiġi indikat b'massimu u minimu. Il-programmi ta' kooperazzjoni multiannwali għandhom jiġu rieżaminati f'nofs it-terminu, jew ad hoc jekk ikun meħtieġ.

3.        Il-programmi ta' kooperazzjoni multiannwali u kull rieżami tagħhom għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 14a u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14b u 14c.";

(4)       L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)       il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"1.       Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' azzjoni annwali bbażati fuq il-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali msemmija fl-Artikolu 5 u għandha tittrażmettihom b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.";

(b)       il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"3.      Il-programmi ta' azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. M'hemmx bżonn li tintuża din il-proċedura għal emendi għall-programmi ta' azzjoni, bħal dawk li jagħmlu aġġustamenti tekniċi, jestendu l-perjodu ta' implimentazzjoni, jassenjaw mill-ġdid fondi bejn l-operazzjonijiet ippjanati fi ħdan il-baġit mbassar, jew iżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b'anqas minn 20% tal-baġit inizjali, sakemm dawn l-emendi jkunu konsistenti mal-objettivi inizjali stipulati fil-programmi ta' azzjoni.";

(5)       l-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)       l-ewwel paragrafu jsir il-paragrafu 1;

(b)       il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

"(e)      Il-korpi konġunti stabbiliti mill-pajjiżi u mir-reġjuni sħab u mill-Unjoni;

(f)        L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, safejn dawn jimplimentaw il-miżuri ta' appoġġ speċifikati fl-Artikolu 9;";

(c)       għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"2.       Il-miżuri koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja*, mir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà** jew mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, u li huma eliġibbli għall-finanzjament taħthom m'għandhomx ikunu ffinanzjati skont dan ir-Regolament.

3.        Il-finanzjament mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament m'għandux jintuża sabiex la jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' armi jew ta’ munizzjon, u lanqas operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

_______________

*         ĠU L 163, 2.7.1996. p. 1.

**       ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.";

(6)       fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"3.       Il-finanzjament mill-Unjoni m'għandux, bħala prinċipju, jintuża biex jitħallsu taxxi, dazji jew imposti fil-pajjiżi sħab.";

(7)       l-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)       il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"1.       Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri nfiq assoċjat mal-preparazzjoni, is-segwitu, il-monitoraġġ, il-verifika u l-attivitajiet ta' evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-kisba tal-objettivi tiegħu, u kwalunkwe nfiq ta' assistenza amministrattiva jew teknika li l-Kummissjoni, inklużi d-Delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi sħab, jista' jkollha tħallas għall-ġestjoni ta' operazzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament.";

(b)       il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"3.       Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' appoġġ mhux koperti mill-programmi ta' kooperazzjoni multiannwali u għandha tittrażmettihom b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.";

(8)       l-Artikolu 12 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)       it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni";

(b)       il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

"1.       Kwalunkwe ftehim li jirriżulta minn dan ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea*, u (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn** u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)***.

2.        Il-ftehimiet għandhom espressament jintitolaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sabiex iwettqu verifiki, inklużi verifiki tad-dokumenti jew verifiki fuq il-post ta' kwalunkwe kuntrattur jew subkuntrattur li jkun irċieva fondi tal-Unjoni. Huma għandhom ukoll jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skont ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/1996.

_______________

*         ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

**       ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

***     ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.";

(9)       L-Artikoli 13 u 14 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

"Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.        Il-Kummissjoni għandha tevalwa regolarment l-azzjonijiet u l-programmi ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, fejn hu xieraq jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti, biex taċċerta jekk l-objettivi ntlaħqux u biex tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu operazzjonijet futuri. Ir-riżultati għandhom jerġgħu jintużaw għad-disinn ta' programmi u l-allokazzjoni ta' riżorsi.

2.        Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni."

3.        Il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet interessati rilevanti, inklużi atturi mhux Statali, fil-fażi ta' evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Unjoni prevista taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Rapport annwali

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li jkun sar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dettaljat dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jistipula r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit u jippreżenta l-azzjonijiet u l-programmi kollha ffinanzjati u, safejn ikun possibbli, jistipula l-eżiti u l-impatti ewlenin tal-azzjonijiet u l-programmi ta' kooperazzjoni.";

(9a)    għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 14a

Eżerċitar tad-delega

1.        Is-setgħa li tadotta l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 5 għandha tkun ikkonferita fuq il-Kummissjoni għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.        Malli tadotta att ddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

3.        Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14b u 14c.

Artikolu 14b

Revoka tad-delega

1.        Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5 tista' tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi kwalunkwe ħin.

2.        L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta' setgħa għandha tagħmel ħilitha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħa ddelegata li tista' tkun soġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.        Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. M'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14c

Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati

1.        Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien perjodu ta' xahrejn mid-data tan-notifika.

           Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.        Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.

           L-att iddelegat jista’ jkun ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.        Jekk jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att iddelegat fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att iddelegat.";

(9b)    L-Artikolu 15 għandu jitħassar.

(10)     l-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finanzjarji

L-ammont finanzjarju ta’ referenza għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu mill-2007 sal-2013 għandu jkun ta’ EUR 172 miljun għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I u EUR 176 miljun għall-pajjiżi elenkati fl-Anness II. L-approprjazzjonijiet annwali għall-perjodu 2010-2013 se jkunu deċiżi mill-awtorità baġitarja bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità baġitarja informazzjoni dettaljata fuq il-linji kollha tal-baġit u l-approprjazzjonijiet annwali li għandhom jintużaw għall-finanzjament tal-miżuri skont dan ir-Regolament. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju. Għandu jkun hemm attenzjoni biex il-pajjiżi u r-reġjuni industrijalizzati, kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji l-oħrajn bi dħul għoli elenkati fl-Anness I ma jiġux żvantaġġati bl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-pajjiżi sħab elenkati fl-Anness II.

L-approprjazzjonijiet ipprogrammati biex jintużaw skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 ma għandhomx jintużaw għal dan l-iskop.";

(11)     fl-Anness, it-titolu għandu jiġi sostitwit b' dan li ġej:

“ANNESS I – Lista tal-pajjiżi u t-territorji industrijalizzati u l-pajjiżi u t-territorji l-oħrajn bi dħul għoli koperti minn dan ir-Regolament”;

(12)     għandu jiżdied Anness II ġdid, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                                        Għall-Kunsill

Il-President                                                             Il-President

ANNESS

"ANNESS II

Lista ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw koperti minn dan ir-Regolament

L-Amerika Latina

1. L-Arġentina

2. Il-Bolivja

3. Il-Brażil

4. Iċ-Ċilì

5. Il-Kolombja

6. Il-Kosta Rika

7. Kuba

8. L-Ekwador

9. El Salvador

10. Il-Gwatemala

11. Il-Ħonduras

12. Il-Messiku

13. In-Nikaragwa

14. Il-Panama

15. Il-Paragwaj

16. Il-Peru

17. L-Urugwaj

18. Il-Venezwela

L-Asja

19. L-Afganistan

20. Il-Bangladexx

21. Il-Butan

22. Il-Burma/Mjanmar

23. Il-Kambodja

24. Iċ-Ċina

25. L-Indja

26. L-Indoneżja

27. Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

28. Il-Laos

29. Il-Malasja

30. Il-Maldive

31. Il-Mongolja

32. In-Nepal

33. Il-Pakistan

34. Il-Filippini

35. Is-Sri Lanka

36. It-Tajlandja

37. Il-Vjetnam

L-Asja Ċentrali

38. Il-Każakistan

39. Ir-Repubblika Kirgiża

40. It-Taġikistan

41. It-Turkmenistan

42. L-Uzbekistan

Il-Lvant Nofsani

43. L-Iran

44. L-Iraq

45. Il-Jemen

L-Afrika t'Isfel

46. L-Afrika t’Isfel"

  • [1]  Testi adottati, 21.10.2010, P7_TA(2010)0381.
  • [2] *          Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
  • [3]           Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 (għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta' Diċembru 2010 (għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).
  • [4]           ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
  • [5]           ĠU L 248, 16.9.2002, p.1.
  • [6]           ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.

NOTA SPJEGATTIVA

L-ewwel qari fil-Parlament

Il-pożizzjoni tal-ewwel qari fil-Parlament fir-rigward tal-Istrument għall-Pajjiżi Industrijalizzati ġiet adottata nhar il-21 ta' Ottubru 2010 b'maġġoranza enormi (586-27-10), biex b'hekk ġiet kompletament appoġġata l-linja komuni ta' applikazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE.

Speċifikament, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-arranġamenti eżistenti dwar il-komitoloġija tħassru u l-implimentazzjoni tal-atti leġiżlattivi bażiċi (f'dan il-każ, l-istrumenti ta' finanzjament) trid titwettaq permezz ta' "atti ddelegati" (Artikolu 290 TFUE) u "atti ta' implimentazzjoni" (Artikolu 291 TFUE). Il-kriterji tal-Artikolu 290 huma obbligatorji, li jfisser li jekk jiġu sodisfatti (bħal fil-każ tal-istrumenti ta' finanzjament estern), ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' ftehim politiku jew kwalunkwe "arranġamenti speċjali", għax dan imur kontra t-Trattat.

Bħala koleġiżlaturi, il-Parlament u l-Kunsill jiddeċiedu b'mod konġunt l-objettiv, il-kontenut, l-ambitu u d-dewmien tad-delega li jagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290, li permezz tiegħu l-Kummissjoni jkollha r-responsabilità għall-atti ddelegati taħt il-kontroll dirett tal-Parlament u l-Kunsill, u t-tnejn li huma għandhom iċ-ċans jopponu miżura jew jirrevokaw id-delega.

It-tieni qari fil-Parlament

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari nhar l-10 ta' Diċembru 2010, imma ħalla barra emendi ewlenin tal-Parlament. Speċifikament - allavolja l-Kunsill aċċetta l-qbil sostanzjali li ntlaħaq taħt il-Presidenza Spanjola - ċaħad l-emendi tal-Parlament fir-rigward tal-proċeduri applikabbli għall-adozzjoni ta' dokumenti ta' programmazzjoni u fir-rigward tal-finanzjament.

Għaldaqstant, l-emendi inklużi f'din ir-rakkomandazzjoni huma mmirati biex jerġgħu jinkorporaw il-pożizzjoni adottata mill-Parlament fl-ewwel qari, sabiex jiżguraw li l-Parlament jiġi ttrattat bħala ndaqs għall-Kunsill/l-Istati Membri u li l-istruttura ta' programmazzjoni tal-Istrument għall-Pajjiżi Industrijalizzati tirrikonoxxi l-bidliet li introduċa t-Trattat ta' Lisbona.

PROĊEDURA

Titolu

Stabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi industrijalizzati (emenda tar-Regolament (KE) Nru 1934/2006)

Referenzi

16440/1/2010 – C7-0425/2010 – 2009/0059(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

21.10.2010                     T7-0381/2010

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2009)0197 - C7-0101/2009

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

16.12.2010

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

16.12.2010

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Helmut Scholz

17.1.2011

 

 

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Mário David, Jörg Leichtfried, Miloslav Ransdorf, Michael Theurer

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Patrice Tirolien

Data tat-tressiq

27.1.2011