ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp

27.1.2011 - (16442/1/2010 – C7‑0426/2010 – 2009/0060A(COD)) - ***II

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Gay Mitchell

Proċedura : 2009/0060A(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0006/2011
Testi mressqa :
A7-0006/2011
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(16442/1/2010 – C7‑0426/2010 – 2009/0060A(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (16442/1/2010 – C7-0426/2010),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009) 0194),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0006/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

FIT-TIENI QARI[2]*

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru No 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(1) tiegħu,

Wara li kkunsudraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[3] ,

Billi:

(1)         Sabiex jitjiebu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-għajnuna esterna tal-Komunità, fl-2006 ġie stabbilit qafas ġdid li jsostni l-ippjanar u l-provvista ta' attivitajiet ta' għajnuna. Dan jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)[4], ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija[5], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli[6], ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà[7], ir-Regolament (KE) Nru 300/2007 tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari[8], ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja[9], u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006[10].

(2)         Fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 ħarġu xi inkosistenzi fir-rigward tal-eżenzjoni għall-prinċipju tan-nuqqas ta' eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma' taxxi, dazji u ħlasijiet oħrajn. Fid-dawl ta' dan, hu propost li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti ta' dak ir-Regolament sabiex ikun konformi mal-istrumenti l-oħrajn.

(3)         Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Dokumenti Strateġiċi Ġeografiċi, il-Programmi Indikattivi Multiannwali u d-Dokumenti Strateġiċi għall-programmi tematiċi, peress li jisupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u huma ta' applikazzjoni ġenerali. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ preparazzjoni tagħha, inkluż fuq livell espert.

(4)         Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(5)         Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)      Fl-Artikolu 17(2),it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Istruzzjonijiet ulterjuri dwar l-allokazzjoni tal-ammont totali fost il-benefiċjarji għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni permezz ta' atti delegati b'konformità mal-Artikolu 35 u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.";

(2)      L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

               "Artikolu 21

           L-adozzjoni ta' dokumenti ta' strateġija ġeografika u tal-programmi indikattivi multiannwali

Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi multiannwali msemmija fl-Artikoli 19 u 20, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 20(1), kif ukoll il-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti delegati b'konformità mal-Artikoli 35 u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.";

(3)       L-Artikolu 22(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3.    Il-programmi ta’ azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”;

(4)      Fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

"3.    Meta l-ispiża ta’ dawn il-miżuri tkun taqbeż l-EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tadottahom filwaqt li tqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal miżuri speċjali taħt l-EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-miżuri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

4.      L-emendi tal-miżuri speċjali, bħal dawk li jwettqu adattamenti tekniċi, li jestendu l-perjodu ta' implimentazzjoni, li jassenjaw mill-ġdid il-fondi fil-baġit proviżorju, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b'ammont li ma jaqbiżx l-20 % tal-baġit inizjali, sakemm dawn l-emendi ma jkollhomx effett fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom jiġu komunikati fi żmien xahar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(5)       L-Artikolu 25(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.       Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Unjoni m'għandhiex tintuża għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.".

(6)      Fl-Artikolu 33, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

"1.    Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ u reviżjoni tal-programmi tagħha b'mod regolari, u tevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni ta' linji politiċi u programmi ġeografiċi u tematiċi, u ta' linji politiċi settorali u l-effettività ta' programmar, fejn hu xieraq permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti, sabiex jiġi aċċertat jekk l-objettivi intlaħqux u tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu mtejba operazzjonijiet futuri. Il-proposti mill-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali jew il-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti għandhom jitqiesu. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-setturi soċjali u għall-progress li sar lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

2.      Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni. Ir-riżultati għandhom jerġgħu jidħlu bħala informazzjoni fit-tfassil tal-programmi u fl-allokazzjoni tar-riżorsi.";

(7)      L-Artikolu 34(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.    Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati, u sa fejn hu possibbli, dwar ir-riżultati ewlenin u l-impatti tal-assistenza. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.";

(8)      L-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.      Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 21 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.      Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.      Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.

Artikolu 35a

Revoka tad-delega

1.      Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 21 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.      L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta' setgħa għandha tagħmel ħilitha sabiex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħa delegata li tista' tkun soġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.      Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35b

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.      Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn.

2.      Jekk, meta jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.

L-att delegat jista' jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.      Jekk jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma jidħolx fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]  Testi adottati tal-21.10.2010, P7_TA(2010)0379.
  • [2] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
  • [3]           Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta' Diċembru (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
  • [4]           ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.
  • [5]           ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.
  • [6]           ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.
  • [7]           ĠU L 327, 24.11.2006, p.1.
  • [8]           ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1.
  • [9]           ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.
  • [10]           ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

NOTA SPJEGATTIVA

Kuntest: x'hemm x'nitilfu?

Il-qalba tar-rakkomandazzjoni leġiżlattivi li qed jipproponi r-Rapporteur ma tikkonċernax is-sustanza tar-Regolament dwar l-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI). L-objettiv prinċipali tagħha hu li tipproteġi l-prerrogattivi demokratiċi tal-Parlament kif previst mit-Trattat ta' Lisbona: Bħala koleġiżlatur, il-Parlament għandu jkun kapaċi jikkontrolla, b’parità mal-Kunsill, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi dwar fejn u kif l-għajnuna għall-iżvilupp tintefaq.

F’termini tekniċi, numru ta’ deċiżjonijiet li normalment jittieħdu mill-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tal-att bażiku, jissodisfaw il-kriterji ta’ “atti delegati” (l-Artikolu 290 tat-TFUE). Dan jagħti liż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva l-possibilità li joġġezzjonaw għal ċerti abbozzi ta’ deċiżjonijiet proposti mill-Kummissjoni, jew saħansitra li jirrevokaw id-delega. Ir-rapporteur huwa konvint li dan jikkostitwixxi inċentiv b'saħħtu biex il-Kummissjoni tqis b’mod dovut is-suġġerimenti tal-Parlament fl-ipprogrammar ta’ għajnuna tal-UE f’termini ta’ allokazzjoni ta’ fondi u prijoritajiet settorjali. L-għoti ta’ poteri reali ta' skrutinju u ta' superviżjoni lill-Parlament Ewropew, kif it-Trattat ta’ Lisbona b’mod ċar jipprova jagħmel, jikkostitwixxi kontribut maġġuri biex jonqos sew l-iżbilanċ demokratiku fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea

Għal din ir-raġuni bosta emendi proċedurali proposti fl-ewwel qari għandhom il-għan li jiżguraw li l-proċedura tal-atti delegati tkun inkluża b’mod xieraq fir-regolament DCI, b’konformità mal-ittra u l-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona. L-istess emendi ġew ukoll proposti fir-rapport mill-kollega Charles Goerens dwar il-Miżuri ta' Akkumpanjament marbutin mal-Banana (A7- 0285/2010), li hija emenda għad-DCI.

Peress li l-proċedura tal-atti delegati tapplika wkoll għall-ipprogrammar tal-istrumenti l-oħra ta’ ffinanzjar fil-qasam tal-azzjoni esterna, li attwalment qed jiġu rieżaminati – l-Istrument għall-Istabilità, l-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Istrument għall-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati – il-kumitati parlamentari responsabbli għal dawn l-istrumenti (AFET u INTA) ressqu emendi identiċi għall-ewwel qari fil-Parlament.

A7- 0285/2010),Il-pożizzjoni tal-kumitati tagħna dwar l-atti delegati hija konsistenti mal-analiżi tas-servizz legali tal-Parlament, u hija konformi għal kollox mal-pożizzjoni politika tal-Parlament, espressa mill-Konferenza tal-Presidenti fid-9 ta’ Settembru 2010: “(I)n-negozjaturi tal-Parlament għandhom dejjem jinsistu fuq l-inklużjoni ta' atti delegati fid-deċiżjonijiet kollha li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 290 TFUE – b'mod partikolari fejn jidħlu l-objettivi, l-għażla tal-prijoritajiet, riżultati mistennija u allokazzjonijiet finanzjarji f'termini wiesgħa – sabiex jiġu ppreservati l-prerogattivi tal-Parlament f'dawn l-oqsma”.

Ir-rapporteur jinnota li l-kriterji tal-Artikolu 290 huma obbligatorji, li jfisser li jekk jiġu sodisfatti (kif inhu l-każ fl-istrumenti finanzjarji esterni), ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ negozjar politiku jew ta’ xi “arranġamenti speċjali”, peress li dan ikun kuntrarju għat-Trattat.

Għall-Parlament, in-negozjati interistituzzjonali dwar l-istrumenti ta’ ffinanzjar esterni huma għalhekk mhux biss dwar il-fatt li jiġi żgurat kontroll parlamentari effettiv, u konsegwentement kontroll demokratiku, fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Huma jikkonċernaw fundamentalment ir-rispett mill-istituzzjonijiet kollha tat-Trattat. U ta’ min jikkunsidra li r-riżultat tan-negozjati dwar l-użu tal-atti delegati għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni se jistabbilixxi preċedent b’saħħtu għan-negozjati tal-leġiżlazzjoni futuri dwar l-istrumenti finanzjarji kollha. Jekk nitilfu din il-battalja, ikollna nistennew Trattat ġdid sabiex fl-aħħar niksbu l-poteri li t-Trattat ta’ Lisbona qed jagħtina issa.

Il-proċedura

Wara l-adozzjoni formali tal-pożizzjoni fl-ewwel qari fid-DEVE, bdew negozjati interistituzzjonali fi Frar 2010 dwar il-kwistjoni orizzjontali tal-atti delegati fl-istrumenti ta’ ffinanzjar esterni. Minħabba ċ-ċaħda kategorika tal-Kunsill biex jikkonċedi lill-Parlament ir-rwol proprju tiegħu fl-operazzjoni tal-istrumenti finanzjarji kif previst fl-Artikolu 290 TFUE, mingħajr ma għamel proposti alternattivi biex jakkomoda l-aspirazzjoni leġittima tal-Parlament għal skrutinju demokratiku xieraq tal-implimentazzjoni tal-istrumenti, ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Fil-21 ta’ Ottubru 2010 l-Parlament ikkonkluda l-ewwel qari tiegħu billi adotta riżoluzzjonijiet leġiżlattivi dwar l-istrumenti esterni kollha ta’ finanzjament, b’maġġoranza kbira li tappoġġa l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ atti delegati.

Fl-10 ta' Diċembru 2010 l-Kunsill formalment adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar tlieta mill-erba' strumenti, inkluż id-DCI. Fil-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill jiċħad l-emendi kollha fl-ewwel qari li jipprovaw jintroduċu atti delegati fl-istrumenti, mingħajr ma jagħmel proposti għal proċedura alternattiva. Fir-rigward tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-DCI xi emendi tekniċi biss proposti mill-Parlament ġew aċċettati mill-Kunsill.

Il-Kunsill jistieden lill-Parlament biex qabel it-tmiem tal-2010 (jiġifieri mingħajr ebda negozjar) jadotta l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, ħaġa li – kif il-Kunsill jaf sew – ma tkunx possibbli mingħajr ma jiġu injorati kompletament il-proċeduri interni tal-Parlament. Il-Kunsill ukoll ma kkonsultax lill-Parlament biex jiddetermina b’mod konġunt il-mument l-aktar propizju biex jittrażmetti l-pożizzjoni tiegħu, kif kien ikun meħtieġ skont l-Artikolu 20 tal-ftehim dwar kooperazzjoni interistituzzjonali tajba fil-qasam tal-kodeċiżjoni.

-o0o-

Peress li t-tentattivi kollha biex isir progress fuq id-dossiers waqt it-trilogi u l-kuntatti tal-livell tekniku fallew, ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li l-Parlament għandu jadotta u jtenni kemm jista' jkun malajr il-pożizzjoni tiegħu rigward l-atti delegati fit-tieni qari. Minħabba n-nuqqas ta’ proposta alternattiva mill-koleġiżlatur u l-bżonn li tittieħed azzjoni rapida fl-interess tal-benefiċjarji, il-Parlament għandu jerġa’ jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu tal-ewwel qari mingħajr ma wieħed jidħol, f’dan l-istadju, f’dibattitu ġdid dwar l-emendi individwali.

Fl-istess ħin, il-Kunsill għandu jintalab jirreaġixxi kemm jista’ jkun malajr għall-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari sabiex jiżgura li tkun tista’ tinstab soluzzjoni u li jkunu jistgħu jiġi liberati l-fondi kemm jista’ jkun malajr.

Bħala konklużjoni, u fid-dawl tal-argumenti legali u politiċi spjegati hawn fuq, ir-rapporteur jirrakkomanda li l-emendi kollha mill-ewwel qari li ma kinux aċċettati mill-Kunsill jerġgħu jiddaħħlu mill-ġdid.

PROĊEDURA

Titolu

Strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (emenda ta' regolament (KE) Nru 1905/2006)

Referenzi

16442/1/2010 – C7-0426/2010 – 2009/0060A(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

21.10.2010                     T7-0379/2010

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2009)0194 - C7-0043/2009

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

16.12.2010

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

16.12.2010

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Gay Mitchell

25.1.2011

 

 

Riżultat tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Martin Kastler, Csaba Őry, Patrizia Toia