Proċedura : 2010/2123(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0015/2011

Testi mressqa :

A7-0015/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2011 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0029

RAPPORT     
PDF 183kWORD 80k
31.1.2011
PE 454.685v02-00 A7-0015/2011

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Tamás Deutsch

(2010/2123(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Francesco Enrico Speroni

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Tamás Deutsch

(2010/2123(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Tamás Deutsch, imressqa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Ungerija fid-9 ta’ Ġunju 2010, u mħabbra fis-seduta plenarja tat-8 ta’ Lulju 2010,

–   wara li sema' lil Tamás Deutsch bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986 u tal-21 ta' Ottubru 2008(1),

–   wara li kkunsidra t-Taqsima 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-istatut ġuridiku tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, Taqsima 5(1) tal-ATT LV tal-1990 dwar l-istatut ġuridiku tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ungeriż u t-Taqsima 12(1) tal-Att LVII tal-2004,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0015/2011),

A. billi tmexxew proċedimenti kriminali minn ċittadin Ungeriż kontra Tamás Deutsch, Membru tal-Parlament Ewropew, li huwa akkużat fil-Qorti tat-tieni u t-tielet Distrett ta' Budapest b’malafama skont it-Taqsima 179(2)(b-c) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż,

B.  billi, b'konformità mal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu jgawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess mill-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta' pajjiżhom, u billi Membru ma jistax jirrikorri għall-immunità meta jinqabad iwettaq reat u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed jew waħda mill-Membri tiegħu,

C. billi, skont it-Taqsima 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-istatut ġuridiku tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, Membru tal-Parlament Ewropew jingħata l-istess immunità bħal Membru tal-Parlament Ungeriż,

D. billi, skont it-Taqsima 5(1) tal-ATT LV tal-1990 dwar l-istatut ġuridiku tal-Membri tal-Parlament Ungeriż, il-proċedimenti kriminali kontra Membru jistgħu jitniedu jew jiġu segwiti biss bil-kunsens minn qabel tal-Parlament Ungeriż u skont it-Taqsima 12(1) tal-Att LVII tal-2004 l-Parlament Ewropew għandu jiddeċiedi dwar is-sospensjoni tal-immunità ta’ Membru tal-Parlament Ewropew,

E.  billi, is-Sur Deutsch huwa akkużat bir-reat ta’ malafama li allegatament twettaq permezz ta’ stqarrijiet li saru; dwar il-prosekutur, matul il-programm tar-radju mxandar fil-25 ta’ Marzu 2010 li għalih kien mistieden fil-kapaċità tiegħu ta’ politiku u Membru tal-Parlament Ewropew,

F.  billi, hu xieraq għalhekk li jingħad li s-Sur Deutsch esprima opinjonijiet fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

1.  Jeddiċiedi li ma jneħħix l-immunità ta’ Tamás Deutsch;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Ungerija.

(1)

Il-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, il-kaz 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391 u l-Każijiet Konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente, li għadhom ma ġewx rappurtati fir-Rapporti tal-Qorti Ewropea.


NOTA SPJEGATTIVA

I. FATTI

Fis-seduta tal-8 ta' Lulju 2010, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li fil-9 ta' Ġunju 2010 kien irċieva ittra mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi li titlob t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Tamás Deutsch.

Il-President għadda t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2).

Il-Qorti tat-2 u t-3 Distrett ta' Budapest talbet lill-Parlament Ewropew għat-tneħħija tal-immunità tal-Membru tiegħu, Tamás Deutsch, li kontrih tmexxew proċedimenti kriminali quddiem din il-Qorti. Fil-proċedimenti pendenti fil-Qorti ta’ Budapest, Tamás Deutsch akkużat bl-offiża kriminali ta’ malafama skont it-Taqsima 179(2)(b-c) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż.

Il-każ kontra Tamás Deutsch huwa li matul il-programm tar-radju “Ejja niddiskutuha” (Megbeszéljük) imxandar fuq l-istazzjon tar-radju "Klubradio" fil-25 ta’ Marzu 2010, Tamás Deutsch esprima għadd ta’ stqarrijiet dwar il-passat tal-prosekutur li allegatament ma kinux veri u li tqiesu minnu bħala malafama. Il-prosekutur mexxa l-proċedimenti kriminali kontra Tamás Deutsch kif xieraq.

II.       IL-LEĠIŻLAZZJONI U KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-IMMUNITÀ TAL-MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965 jgħidu li:

Artikolu 8:

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9:

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.        fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom;

b.        fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

2. Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew tinsab fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità:

1.        Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.

2.        Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

(...)

Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità:

1.        Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.        Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.        Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor.

(...)

6.        F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7         Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)’

III. KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI U ĠUSTIFIKAZZJONI GĦAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

Fid-dawl ta' dak imressaq hawn fuq, it-talba mill-Qorti tat-2 u t-3 Distrett ta’ Budapest għandha tiġi ttrattata bħala talba għal deċiżjoni biex il-Parlament Ewropew ineħħi l-immunità tas-Sur Tamás Deutsch sabiex ikun jista' jiġi suġġett għal responsabbiltà kriminali, kif huwa possibbli skont il-liġi Ungeriża.

Sa fejn għandha x'taqsam l-applikabbiltà tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, għandu jiġi rrimarkat li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Tamás Deutsch jirreferu għall-opinjonijiet espressi fil-qadi ta' dmirijietu bħala membru tal-Parlament Ewropew.

Fir-rigward tal-Artikolu 9, meta jitqies li l-akkużi kontra Tamás Deutsch jirreferu għal reat li allegatament twettaq fl-Ungerija, li tagħha kellu ċittadinanza fil-mument materjali, l-unika parti applikabbli hija dik li "waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom: a) igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom’.

Għandu jiġi argumentat li hemm rabta bejn l-attività politika tas-Sur Deutsch u l-istqarrijiet li għamel fuq il-programm tar-radju. Fil-fatt, fl-istqarrijiet tiegħu rappurtati fir-rikors imressaq mill-prosekutur, is-Sur Deutsch ikkumenta biss fuq fatti pubbliċi bbażati fuq dokumenti li ġew pubblikati fis-Sajf tal-2002 fil-gazzetta Népszabadaság. Il-prosekutur sostna li dawn id-dokumenti kienu foloz peress li l-kontenut tagħhom ma jaqbilx mal-verità u li hu informa lill-istampa bil-kontradizzjonijiet fid-dokumenti fil-gazzetta Magyar Nemzet fit-22 ta’ Awwissu 2002 u baqa’ jagħmel hekk minn dak iż-żmien ’l hawn. Għandu jiġi osservat ukoll li l-kummenti kienu marbuta mal-ħajja politika Ungeriża u, kif stqarr is-Sur Deutsch, irreferew ukoll għal kwistjonijiet marbuta mal-Unjoni Ewropea peress li l-prosekutur ikkontesta għal kariga importanti tal-UE. Għandu jiġi konkluż għalhekk li bil-kummenti tiegħu kien qed jaqdi d-dmir tiegħu bħala Membru tal-Parlament peress li esprima l-opinjoni tiegħu dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku għall-kostitwenti tiegħu.

Fil-qasir, is-Sur Deutsch kien qed jadi dmiru bħala Membru tal-Parlament. Li wieħed jipprova jsikket Membri tal-Parlament milli jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta' interess u ta' tħassib pubbliku leġittimu billi jinfetħu proċedimenti legali m’huwiex aċċettabbli f'soċjetà demokratika, u jikser l-Artikolu 9 tal-Protokoll, li għandu l-għan li jipproteġi l-libertà ta’ espressjoni tal-Membri fil-qadi ta' dmirijiethom fl-interess tal-Parlament bħala Istituzzjoni.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tad-dokumenti disponibbli, għandu jiġi konkluż li l-immunità tas-Sur Tamás Deutsch ma għandhiex tiġi revokata.

IV. KONKLUŻJONI

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-Membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew ma għandux ineħħi l-immunità parlamentari ta' Tamás Deutsch.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Marielle Gallo, Klaus-Heiner Lehne, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sajjad Karim, Eva Lichtenberger

Avviż legali - Politika tal-privatezza