Proċedura : 2010/2102(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0027/2011

Testi mressqa :

A7-0027/2011

Dibattiti :

PV 07/03/2011 - 25
CRE 07/03/2011 - 25

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2011 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0082

RAPPORT     
PDF 259kWORD 244k
4.2.2011
PE 450.735v01-00 A7-0027/2011

dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp - kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali

(2010/2102(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Eva Joly

Rapporteur għal opinjoni (*):

Sirpa Pietikäinen, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

(*) Kumitat Assoċjat - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp - kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali

(2010/2102(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(1),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp - Kooperazzjoni ma' Pajjiżi li qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa (COM(2010)0163),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 25 ta’ Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp(2), u wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f’Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi (2005) u l-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni (2008) li permezz tagħhom il-ħarba ta’ kapital u l-flussi finanzjarji illeċiti ġew identifikati b’mod espliċitu bħala ostaklu maġġuri għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku għall-iżvilupp,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta’ nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f'Settembru 2010(3),

–   wara li kkunsidra s-samit tal-G20 li sar f’Seoul fil-11 u t-12 ta’ Novembru 2010, u l-inizjattiva biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, varata mill-Ministeru Ġermaniż għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, magħrufa bħala l-‘Patt Fiskali Internazzjonali’ (ITC),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar it-Tassazzjoni fi Pretorja fid-29 ta' Awwissu 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20 f'Londra tat-2 u t-3 ta' April 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja maħruġa wara l-Laqgħa Għolja tal-G20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009 u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009 dwarha(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta' Londra tat-2 ta' April 2009(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 rigward informazzjoni dwar oqsma operattivi(6),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-Gvern Norveġiż "Ir-Rifuġji Fiskali u l-Iżvilupp", Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0027/2011),

A. billi t-tisħiħ tas-sistema tat-taxxa hu waħda mill-isfidi prinċipali li qed jaffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

B.  billi t-tassazzjoni tista’ tkun għajn affidabbli u sostenibbli ta' żvilupp finanzjarju jekk ikun hemm reġim ta’ tassazzjoni progressiva, amministrazzjoni effikaċi u effiċjenti tat-taxxi biex jiġi promossa ir-rispett għall-obbligi tat-taxxa, u użu trasparenti u bl-obbligu ta’ rendikont tad-dħul pubbliku,

C.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw sfidi importanti biex iżidu d-dħul mit-taxxa minħabba riżorsi umani u finanzjarji insuffiċjenti biex jiġbru t-taxxi, kapaċità amministrattiva dgħajfa, korruzzjoni, nuqqas ta' leġittimità tas-sistema politika, distribuzzjoni inugwali tad-dħul u governanza tat-taxxa batuta,

D.  billi s-suriet ewlenin ta' flussi finanzjarji illeċiti u ta' ħarba ta' kapital jinkludu b'mod speċjali: l-ipprezzar ħażin tat-trasferimenti bejn il-pajjiżi biex jiġbdu l-investiment dirett barrani, ir-round-tripping, id-dħul doppju mill-istess sors (double-dipping), il-movimenti ta' flus kontanti bil-massa, protokolli ta' investimenti opaki u żvantaġġużi u l-kuntrabandu,

E.  billi ċ-ċentri finanzjarji offshore u r-rifuġji fiskali jiffaċilitaw ħarba illeċita tal-kapital ta' US$1 triljun fis-sena; billi dawn il-flussi monetarji illegali ħerġin ’il barra huma madwar għaxar darbiet l-ammont tal-flus għall-għajnuna li jingħataw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-titfija tal-faqar u għall-iżvilupp ekonomiku,

F.   billi r-rifuġji fiskali, li joffru regoli ta' segretezza u domiċilji fittizji kkombinati ma’ skemi ta' "taxxa żero"sabiex jattiraw il-kapital u d-dħul li suppost kellu jiġi intaxxat f'pajjiżi oħra, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali dannuża,

G.  billi l-kompetizzjoni fiskali rriżulat fil-fatt li l-piż fiskali mar fuq il-ħaddiema u l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx u ġiegħlet li jsir tnaqqis dannuż fis-servizzi pubbliċi fil-pajjiżi fqar,

H.  billi r-round-tripping, l-inċentivi fiskali u l-kompetizzjoni fiskali bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw spiss iwasslu għal riżultati negattivi li huma evidenti meta l-pajjiżi qed "ibigħu" s-sistemi fiskali tagħhom, u meta l-kumpaniji qed "jixtru" f’dawn is-sistemi, f'suq fejn hija prevalenti kompetizzjoni analoga għal dik ta' bejn il-kumpaniji,

I.   billi l-frodi fiskali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw twassal għal telf annwali tad-dħul fiskali li jikkorrispondi għal għaxar darbiet l-ammont tal-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-pajjiżi żviluppati,

J.   billi l-possibilità li tissaħħaħ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi tkompli tintlaqat ukoll mill-kuntest globali talliberalizzazzjoni tas-swieq internazzjonali, li jinvolvi s-sostituzzjoni tad-dħul doganali b’riżorsi domerstiċi oħra; billi r-riċerka tal-FMI turi li filwaqt li l-pajjiżi sinjuri rnexxielhom jibbilanċjaw it-tnaqqis tat-taxxi kummerċjali bħala sors ewlieni tad-dħul b'sorsi oħra ta' dħul, partikolarment il-VAT, l-ifqar pajjiżi fl-aħjar każi ssostitwixxew madwar 30% tat-taxxi kummerċjali mitlufa(7),

K.  billi l-“istħarriġ komparattiv” immexxi mill-Patt Fiskali Internazzjonali juri li hemm bżonn ta’ aktar koordinament tad-donaturi fil-qasam tat-tassazzjoni u l-iżvilupp,

L.  billi l-eżistenza ta' settur kbir informali fl-ekonomija qed iżomm lura l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi,

M.  billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jitilfu l-opportunità offruta mill-kwantità kbira ta' prodotti bażiċi billi mhux qed jirċievu sehem diċenti mid-drittijiet dovuti minerali li huma ġustifikati,

N.  billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw lanqas biss jiksbu l-livell fiskali minimu li jkun meħtieġ biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi u l-impenji internazzjonali bħat-tnaqqis tal-faqar,

O.  billi t-taxxa tipprovdi sors ta' dħul li hu potenzjalment iktar stabbli u sostenibbli mill-flussi tal-għajnuna u tinkoraġġixxi s-sieda tal-pajjiżi rispettivi b'mod aħjar,

P.   billi r-rappurtar fuq bażi konsolidata spiss jagħmilha diffiċli li jiġu identifikati l-kumpaniji li għandhom jiġu intaxxati u li jiġi determinat il-livell fiskali korrett minħabba l-istrutturi korporattivi kumplessi tagħhom u d-distribution tal-attività ekonomika ta’ bejniethom,

Q.  billi l-hekk imsejħa fondi opportunistiċi (vulture funds), li spiss ikunu bbażati fir-rifuġji fiskali, qed jixtru dejjem b'iktar frekwenza d-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bi skont kbir u wara jfittxuhom bil-qorti għall-ammont oriġinali tad-dejn (spiss bl-interessi u t-tariffi tal-multa) u meta jagħmlu dan, jirristrinġu sostanzjalment il-grad sa liema l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jaġixxu permezz tad-dħul fiskali addizzjonali tagħhom,

R.  billi m'hemm l-ebda liġi li tagħmel limitu għall-ammont ta' profitti li jista' jiġbor fond opportunistiku permezz ta' kawża kontra l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jinġabar id-dejn oriġinali u billi m'hemm l-ebda struttura regolatorja li tiżvela min huma l-fondi opportunistiċi u wkoll kemm ħallsu għal dan id-dejn li qabel kien stmat bħala bla valur,

S.  billi f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jeżistu rati korporattivi multipli tat-taxxa fuq id-dħul ibbażati mhux biss fuq id-dħul u d-dividenti, imma wkoll fuq is-setturi tal-negozju, jiġifieri l-allokazzjoni settorjali tar-riżorsi hija mgħawġa minħabba d-differenzi fir-rati tat-taxxa,

T.  billi l-konformità fiskali għandha tiġi definita bħala li wieħed jipprova jħallas fil-post xieraq, fil-ħin xieraq, fejn "xieraq" tfisser li s-sustanza ekonomika tat-transazzjonijiet li jsiru tkun tikkoinċidi mal-post u l-forma li fihom jiġu rrappurtati għall-finijiet tat-tassazzjoni,

I.         L-importanza tat-tassazzjoni biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li sistemi fiskali effiċjenti u ġusti huma kruċjali għat-tnaqqis tal-faqar, il-governanza tajba u l-bini tal-istat;

2.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxi favur l-iżvilupp u jara l-ħtieġa ta' qafas regolatorju maħsub biex jappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali fit-taxxi, it-trasparenza, l-iżviluppp tas-settur pubbliku u privat u t-tkabbir ekonomiku;

3.  Jenfasizza li l-proporzjonijiet bejn it-taxxa u l-PGD fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ivarjaw bejn l-10% u l-20% meta jitqabblu mal-proporzjon ta' bejn il-25% u l-40% fil-pajjiżi żviluppati; jiddispjaċih li s'issa ngħata ftit wisq appoġġ mid-donaturi lill-għajnuna relatata mat-taxxa; f'dan il-kuntest, jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi appoġġ imsaħħaħ għall-assistenza għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riformi fiskali u għat-tisħiħ tal-amministrazzjonijiet fiskali fir-rigward tal-FEŻ għall-Istati tal-AKP, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-PEV u l-Istrument ta' Sħubija, u appoġġ għall-korpi superviżorji, il-parlamenti u l-atturi mhux statali nazzjonali;

4.  Jinnota li għandha ssir iktar enfasi fuq l-isforzi biex titwettaq ħidma biex jinbnew il-kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn jiġu megħjuna jagħmlu użu effettiv tal-iskambju ta' informazzjoni u jikkumbattu b'mod effettiv l-evażjoni fiskali bil-leġiżlazzjoni interna proprja tagħhom;

Id-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu d-dħul mit-taxxa

5.  Jinnota bi tħassib li s-sistema fiskali f'ħafna pajjiżi fqar għadha kkaratterizzata minn bażijiet tat-taxxa estremament stretti, eżenzjonijiet fiskali għall-elit, vaganzi fiskali korporattivi li jipprovdu inċentiv qawwi għall-evitar tat-taxxa, peress li l-intrapriżi intaxxati jistgħu jidħlu f'relazzjonijiet ekonomiċi ma' dawk eżenti biex iċaqilqu l-profitti tagħhom, dħul massiv minn riżorsi naturali li ħadd ma jkun jaf bih u flussi ta' kapital illeċiti kbar relatati ma' evażjoni fiskali massiva;

6.  Jenfasizza li d-dħul fiskali m'għandux jitqies bħala alternattiva għall-għajnuna barranija, iżda bħala parti integrali tad-dħul pubbliku li jiffaċilita l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi;

7.  Jinnota li sistemi effiċjenti, progressivi u ekwi tat-taxxa huma kruċjali għall-iżvilupp minħabba li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-provvista ta' beni u servizzi pubbliċi u għall-kostruzzjoni tal-istat u l-governanza tajba, li l-mira tal-pajjiżi fqar għandha tkun li l-awtosuffiċjenza tat-taxxi tieħu post id-dipendenza mill-għajnuna barranija, u li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, madankollu, qed ixekklu lil dawn il-miri fl-iżvilupp;

8.  Jiddeplora l-fatt li r-rifuġji fiskali jdgħajfu l-governanza demokratika, iwasslu biex ir-reati ekonomiċi jrendu aktar qligħ, iħeġġu r-rent seeking u jżidu d-distribuzzjoni inekwa tad-dħul mit-taxxa; iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u l-korruzzjoni prijorità assoluta tal-aġenda fl-istituzzjonijiet internazzjonali tal-finanzi u tal-iżvilupp;

9.  Ifakkar li l-evażjoni fiskali tirrappreżenta telf finanzjarju konsiderevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-miżuri għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u l-evażjoni fiskali huma waħda mill-prijoritajiet tal-UE bil-għan li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw għajnuna effikaċi biex jiksbu aċċess għad-dħul fiskali tagħhom; ifakkar fil-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri adegwati f’dak ir-rigward fil-livell Ewropew u internazzjonali, bi qbil mal-impenji mogħtija, b’mod partikolari mill-G20;

10. Ifakkar li, filwaqt li l-impatt pożittiv tal-FSE se jinħass biss fuq perjodu twil jew medju, it-telf ta' dħul huwa konsegwenza immedjata tat-tnaqqis fit-tariffi doganali;

11. Jenfasizza li trid tingħata aktar attenzjoni lid-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu d-dħul domestiku f’kuntest globali, peress li eżenzjonijiet multipli jingħataw lil kumpanijiet domestiċi u barranin kbar bil-għan li jiġu attirati l-investimenti; jistieden lill-UE tgħin tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu sistemi fiskali li jagħmluha possibbli għalihom li jibbenefikaw mill-proċess tal-globalizzazzjoni;

12. Jisħaq fuq il-fatt li l-ifqar pajjiżi qed ikollhom diffikulatjiet biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali li jirriżulta mill-kuntest dinji attwali tal-liberalizzazzjoni kummerċjali, billi jissostitwuhom b'tipi oħra ta' riżorsi domestiċi, billi fl-aħjar sitwazzjoni ġew sostitwiti madwar 30 % tat-taxxi kummerċjali li ntilfu;

13. Jisħaq li r-rifuġji fiskali, peress li jżidu l-kompetizzjoni fuq il-kapital mobbli, ftit ftit inaqqru s-sovranità li għandhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għad-dħul fiskali mill-kapital bħala mezz biex titwessa' l-bażi fiskali, filwaqt li dawn diġà għandhom bażi fiskali idjeq mill-pajjiż sinjuri;

14. Ifakkar li l-asimetrija tal-informazzjoni, li tirriżulta mir-regoli ta' segretezza tar-rifuġji fiskali, tnaqqas l-effiċenza tas-swieq finanzjarji internazzjonali, peress li din wasslet għal premji tar-riskju ogħla u b'hekk spejjeż akbar tas-self kemm għall-pajjiżi s-sinjuri kif ukoll għal dawk fqar;

15. Jagħraf li t-titjib kwalitattiv u kwantitattiv fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jħalli l-frott fuq żmien twil. jistieden lill-Unjoni Ewropea żżomm l-offerta tagħha ta’ għajnuna fil-forom kollha tagħha sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jidhrilhom li tkun meħtieġa biex tiffinanzja l-iżvilupp tagħhom stess;

II.       Appoġġ għal sistemi fiskali effikaċi, effiċjenti, ġusti u sostenibbli

16. Itenni li l-governanza tajba u l-kwalità tal-istituzzjonijiet jirrappreżentaw il-mutur l-aktar importanti għall-prosperità ekonomika; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-awtoritajiet fiskali, lill-ġudikatura u lill-aġenziji ta’ kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jibnu sistema fiskali progressiva u sostenibbli li eventwalment iġġib 'divident ta' governanza' permezz ta' leġittimità u obbligu ta’ rendikont akbar, u tintegra b'mod effikaċi l-prinċipji ta' governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-għajnuna tagħhom għat-taxxa u jiġġieldu kontra t-tixħim imwettaq minn kumpaniji ddomiċiljati fil-ġurisdizzjoni tagħhom imma li għandhom operazzjonijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess baġitarju, u b'hekk tħeġġeġ relazzjoni armonjuża u tippromwovi trasparenza ikbar f'dan il-proċess;

17. Jirrimarka li l-governanza tajba fil-qasam fiskali ma tistax tiġi esportata jew imposta minn barra, u li huwa f'idejn kull pajjiż li jiddetermina l-politika fiskali tiegħu; f'dak il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali biex ma jkunux ta’ tfixkil, u jikkooperaw ma’ kull pajjiż li jiddeċiedi favur żieda fit-taxxa, b’mod konsistenti u ġust, li jkollha riperkussjoni fuq il-kumpaniji barranin li jkunu preżenti fit-territorju tiegħu, partikolarment dawk fl-oqsma tal-estrazzjoni tar-riżorsi primarji, li hija għajn ta' rikkezza ewlenija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawsola ta' governanza fiskali, inkluż is-superviżjoni tal-implimentazzjoni tagħha, fil-ftehimiet rilevanti bejn pajjiżi terzi u l-UE;

19. Jinnota li t-tnaqqis fir-riżorsi doganali li seħħ partikolarment b’riżultat tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-Unjoni Ewropea qiegħed ikollu impatt negattiv fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli immedjatament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f’dak il-kuntest, u bħala kumpens għal dan it-telf, jistieden lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala parti ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija bil-għan li jsir titjib fis-sistemi fiskali nazzjonali tagħhom, jagħtu prijorità lit-taxxi diretti progressivi fuq it-taxxi indiretti, speċjalment dawk li huma imposti fuq il-konsum, li, min-natura tagħhom, jolqtu l-aktar severament lill-popolazzjonijiet bi dħul baxx;

20. Jitlob l-implimentazzjoni sistematika, fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE), ta' miżuri li jappoġġaw ir-riformi fiskali, speċjalment fil-forma kemm ta' għajnuna materjali (sistemi tal-informatika) u ta’ għajnuna organizzattiva (taħriġ legali u fiskali tal-persunal tal-awtoritajiet tat-taxxa), jekk mitlub minn pajjiż li qed jiżviluppa; jenfasizza l-bżonn li jsir sforz partikulari mal-pajjiżi Afrikani li għadhom ma jibbenefikawx minn għajnuna fit-tul fir-rigward kwistjonijiet ta’ tassazzjoni;

21. Itenni mill-ġdid il-ħtieġa li jissaħħaħ il-grad ta’ koerenza bejn il-politika ta' żvilupp u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar li, filwaqt li l-kriżi setgħet ħarrxet il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, u kkawżat tnaqqis fil-flussi ta' kapital lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali, inklużi l-Istati Membri tagħha, għadha l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp u fl-2009 kienet responsabbli għal EUR 49 biljun minn din l-għajnuna, jiġifieri 56% tat-total dinji; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta' sistema fiskali effikaċi għandu jkun prijorità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex titnaqqas id-dipendenza tagħhom mill-għajnuna esterna u minn flussi finanzjarji esterni, imprevedibbli, oħra;

22. Jitlob li jkun hemm koerenza bejn l-appoġġ finanzjarju tal-UE u l-għoti ta' aċċess għas-swieq tal-UE lil pajjiżi partikolari u biex ikun infurzat il-livell ta' kooperazzjoni tagħhom fir-rigwart tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam fiskali;

23. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva reġjonali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam fiskali li tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddiskutu r-rwol tat-taxxa fil-bini tal-istat u fl-iżvilupp tal-kapaċità u biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar l-amministrazzjoni fiskali;

24. Ifakkar li l-isfida ewlenija għall-pajjiżi l-fqar hi li jwessgħu l-bażi tat-taxxa; jindika li fost fatturi oħra t-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali wassal għall-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-konsum (VAT jew taxxi fuq l-enerġija); jikkunsidra li anke jekk il-VAT tista' tippermetti li l-bażi għat-taxxa fl-ekonomiji bl-ikbar setturi informali titwessa', in-natura mhux diskriminatorja tal-VAT l-agħar li tolqot huwa l-fqar; jemmen li l-għajnuna għall-iżvilupp li tagħti l-UE għandha tpoġġi bħala prijorità l-inizjattivi li jtejbu l-effikaċja u t-trasparenza tas-sistemi fiskali, pereżempju billi jiġu investigati modi kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jwessgħu il-bażi tat-taxxa tagħhom/il-fluss tad-dħul mit-taxxa tagħhom permezz ta’ tassazzjoni diretta u indiretta;

25. Ifakkar li l-objettiv ta’ espansjoni tal-kummerċ mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi; jinnota li t-tneħħija tad-dazju doganali tikkawża telf inevitabbli ta' dħul doganali, u għalhekk għandha tkun soġġetta għal superviżjoni aktar stretta, aktar progressiva u li tmur id f'id mal-implimentazzjoni ta' riformi fiskali li jippermettu l-kisba ta’ forom ta’ dħul alternattivi li jikkumpensaw għal dan in-nuqqas (VAT, taxxa fuq il-proprjetà, taxxa fuq id-dħul);

26. Jinnota bi tħassib li biljuni ta' dollari fis-sena ħallew il-kontinent Afrikan bejn l-1991 u l-2004; b'mod partikolari, jissottolinja li dawn il-flussi 'l barra huma stmata li jammontaw għal 7.6% tal-PGD annwali tar-reġjun, ħaġa li tagħmel il-pajjiżi Afrikani kredituri netti tal-pajjiżi donaturi; iqis li l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u l-ħelsien mid-dejn provdut mill-pajjiżi żviluppati se jkun effettiv biss jekk jittieħdu b'mod ugwali miżuri konkreti mill-G20, l-OECD u l-UE biex ikun żgurat li l-bażi fiskali potenzjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhux qed iġġarrab ħsara mill-evażjoni fiskali; jinkoraġġixxi f'dan il-kuntest lin-NU u lill-OECD, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Forum Afrikan tal-Amministrazzjoni Fiskali, biex ikomplu bil-ħidma tagħhom f'dan il-qasam;

27. Jinsisti li l-mezzi xierqa biex jinstabu sorsi alternattivi ta' ġbir ta' dħul għandhom jappoġġaw, u mhux jiskoraġġixxu, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-ħolqien ta’ intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, filwaqt li jsaħħu s-sjieda u l-iżvilupp lokali;

28. Jenfasizza li l-ispejjeż amministrattivi, speċjalment għal sistema tal-VAT ta' rata multipla, jistgħu jkunu għoljin wisq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-awtoritajiet fiskali tagħhom mhumiex mgħammra bir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa, u għalhekk għandhom jiġu skrutinizzati bir-reqqa; jemmen li f'każi bħal dawn it-taxxi tas-sisa għandhom ikunu selettivi ħafna, fejn ikunu mmirati fuq ftit prodotti prinċipalment għar-raġuni li l-komsum tagħhom jinvolvi esternalitajiet negattivi fuq is-soċjetà, li d-domanda għalihom normalment mhix waħda elastika (it-tabakk, l-alkoħol, eċċ.); jitlob, fil-każ ta' limitazzjoni, ukoll li jiġu identifikati u intaxxati dawk il-kumpaniji li jistgħu jaqgħu taħt dħul fiskali miżjud (pereżempju dawk involuti fl-estrazzjoni tal-materja prima);

29. Jisħaq li rekwiżit importanti sabiex tiżdied it-tassazzjoni diretta għandu jkun li s-settur informali jiddaħħal fis-settur formali u li jitjieb l-ambjent tan-negozju;

30. Jenfasizza li, fil-kuntest globali tal-kompetizzjoni fiskali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jottjenu parti akbar mid-dħul mit-taxxa tagħhom mill-kapital u ftit għandhom possibilità li jiġbru taxxi alternattivi; jinnota li t-tnaqqis fid-dħul mit-taxxa minħabba dik il-kompetizzjoni għandu jiġi indirizzat billi titwessa' l-bażi tat-taxxa jew billi wieħed jastjeni minn dik il-kompetizzjoni għalkollox jekk ikun konvenjenti u jekk fatturi oħra bħall-governanza tajba, is-sigurtà legali u l-evitar tan-nazzjonalizzazzjoni jintefgħu f’periklu fil-proċess tal-kompetizzjoni għall-investiment dirett barrani; jirrimarka li l-pajjiżi bi dħul baxx għandhom bżonn il-kapaċità li jinnegozjaw b'mod effikaċi mal-korporazzjonijiet multinazzjonali sabiex jiżguraw sehem ekwu mill-profitti tal-korporazzjonijiet u jfakkar li dawn għandu jkollhom spazju politiku adegwat biex jimponu l-kontrolli kapitali peress li d-dritt li jinġabar u jerġa' jitqassam id-dħul mit-taxxi huwa kriterju ewlieni għas-sovranità u l-leġittimità tal-istati u għalhekk prerekwiżit għall-governanza tajba;

31. Jinnota li l-Gvern Franċiż ikkommissjona riċerka dwar it-tema tal-inċentivi politiċi għat-tassazzjoni, imma għad hemm bżonn ta’ iktar; jistaqsi għalhekk lill-Kummissjoni tistudja jekk approċċi differenti għat-trasferiment tal-għajnuna, eż. għotjiet minflok selfiet, jistgħux jgħinu biex jiġu limitati jew impaċija l-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq it-tkattir tad-dħul, u jekk l-appoġġ baġitarju u t-titjib relatat fit-trasparenza u l-effikaċja tal-ġestjoni tal-infiq pubbliku jikkontribwixxux biż-żmien fuq perjodu twil biex iċ-ċittadini jkollhom rieda akbar li jħallsu t-taxxa;

32. Jinnota li ngħatat ftit wisq attenzjoni lejn kif il-gvernijiet jistgħu jużaw il-politiki fiskali biex inaqqsu l-inugwaljanzi fid-dħul u bil-benessri milli jiġu minimizzati d-differenzi eżistenti tal-ġeneru fir-responsabilitajiet fiskali;

33. Jitlob għal konċentrazzjoni fuq il-prinċipji tan-newtralità, l-ugwaljanza u s-sempliċità fir-rigward tas-sistemi fiskali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom jintlaħqu permezz ta’:

(a) taxxa li ma tieħux sehem ikbar mid-dħul tal-persuni fqar imma proporzjon ikbar mid-dħul ta' min iħallas it-taxxa jew mill-ġid hekk kif jikber;

(b) taxxa li ma tiddiskriminax fuq il-bażi tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, it-tip ta' unità domestika, iċ-ċittadinanza jew l-istatus ċivili;

(c) sistema fiskali ċara, sempliċi u trasparenti li teskludi tipi differenti ta' interpretazzjonijiet mhux mixtieqa tal-liġijiet fiskali bil-għan li jinkiseb tnaqqis massiv tat-taxxa minn fuq l-infiq soċjali;

(d) trattament identiku għall-finijiet fiskali ta' profitt veru u telf veru minn kwalunkwe sors partikolari ta' dħul, jiġifieri li l-profitt ikun taxxabbli u t-telf ikun deduċibbli;

(e) livell ta' tassazzjoni li jkun marbut b'mod robust ma' stadji differenti tal-iżvilupp ekonomiku;

(f) l-unifikazzjoni ta' rati tat-taxxa multipli fuq id-dħul tal-kumpaniji billi r-rati tat-taxxa fuq id-dħul jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-volum tal-kummerċ aktar milli fuq is-setturi tal-kummerċ;

34. Iqis li hu meħtieġ li l-OECD tfassal linji gwida ġodda dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, mezz essenzjali biex jiġi evitat li ċerti kumpaniji multinazzjonali jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn il-pajjiżi li għandhom l-aktar sistemi fiskali favorevoli u biex jiġi żgurat li jħallsu t-taxxi tagħhom fil-pajjiżi – inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw – fejn ikunu fil-fatt iġġeneraw il-profitti tagħhom;

35. Jikkunsidra li hija indispensabbli sistema ta' taxxa b’rata baxxa għal dħul baxx u medju, ibbażata fuq it-twessigħ tal-bażi fiskali, u li tkun teskludi kwalunkwe eżenzjoni u preferenza fiskali diskrezzjonali, inkluż fir-rigward tal-industriji tal-estrazzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' investiment pubbliku fi proġetti li għandhom impatt lokali pożittiv fil-livell ekonomiku, soċjali, u ambjentali, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' kwalunkwe opportunità għal xi forma ta' dumping fiskali;

III.      Il-ħidma għal ambjent fiskali internazzjonali trasparenti, kooperattiv u ġust

L-ipprezzar kummerċjali ħażin

36. Jisħaq fuq il-fatt li l-ipprezzar kummerċjali ħażin hu wieħed mill-muturi l-aktar prominenti tal-flussi finanzjarji illeċiti; jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-għarfien espert pubbliku mtejjeb dwar kwistjonijiet bħal dawn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u taħdem fuq proposti konkreti biex tiżgura li l-G20, l-OECD, in-NU u d-WTO jikkunsidraw sett aktar estensiv ta' indikaturi u metodi biex jiġi affrontat l-ipprezzar kummerċjali ħażin, li fosthom hemm "il-metodi ta' qligħ kumparabbli" tal-Istati Uniti li wrew indikazzjoni ta' riżultati tajbin biex jiġi identifikat l-ipprezzar inkorrett ta' tranżazzjonijiet;

37. Jitlob li tittieħed azzjoni kontra l-manipulazzjoni illeġittima tal-prezzijiet tat-trasferimenti (transfer price manipulation) u li jsir rieżami tar-regoli fiskali dinjija li jmorru lilhinn mill-metodu tal-profitti kumparabbli, fil-każ li hemm alternattivi oħra iktar promettenti li jindirizzaw b'mod iktar effikaċi l-problema tal-ipprezzar ħażin; jisħaq li l-UE, il-G20, l-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b'mod ġenerali għandhom jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq approċċi li jistrieħu fuq l-hekk imsejjaħ prinċipju tad-distakkament (arm’s length principle) li jiddikjara li t-tranżazzjonijiet fiskalment relevanti għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jsiru bejn intrapriżi indipendenti;

38. Iħeġġeġ lill-UE tiddefendi fi ħdan il-G20 u l-OECD l-prinċipju tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet fiskali fuq il-linji tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni ta' Riżervi fuq id-Dħul, bħala mod kif jitrażżnu l-flussi finanzjarji illeċiti fil-ġurisdizzjonijiet ta' segretezza;

39. Jitlob l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li d-dħul minnha jmur biex itejjeb it-tħaddim tas-suq billi titnaqqas l-ispekulazzjoni u jgħin biex jiġu ffinanzjati l-beni pubbliċi globali bħalma huma l-iżvilupp u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi; iqis li din it-taxxa għandha tkun stabbilita fuq bażi wiesgħa kemm jista’ jkun iżda li, jekk dan ma jkunx possibbli, it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha tiġi introdotta, bħala l-ewwel pass, fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr studju ta’ fattibilità li jqis il-kundizzjonijiet ugwali globali u, jekk ikun xieraq, biex tippreżenta proposti leġiżlattivi konkreti;

40. Jipproponi li dispożizzjoni speċifika relatata mal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tiddaħħal fir-reviżjoni tal-ftehim ta' Cotonou;

41. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu miżuri simili fil-programmi ta' assistenza bilaterali tagħhom;

L-industriji estrattivi

42. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' inizjattivi għall-promozzjoni ta' aktar trasparenza fir-renti mir-riżorsi naturali inter alia permezz tal-Konvenzjoni tal-OECD għal kontra l-Korruzzjoni u l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; jilqa' l-adozzjoni tal-Emendi dwar il-Minerali minn Inħawi f'Kunflitt tal-Kongo u dwar it-Trasparenza li saru għall-Liġi ta' Riforma tar-Regolament Finanzjarju u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva leġiżlattiva fuq l-istess linji mingħajr ma tnaqqas ir-responsabilità tal-gvernijiet fid-dinja li qed tiżviluppa, u mingħajr ma tpoġġi piż burokratiku żejjed fuq il-kumpaniji, peress li din il-ħaġa diġà ġiet ikkritikata mill-partijiet interessati fid-dinja li qed tiżviluppa u tista' tkun ħaġa kontraproduttiva;

43. Jisħaq li l-isfruttar tar-riżorsi naturali għandu jitkompla sabiex pajjiż jiġi megħjun jilħaq l-għanijiet soċjali u ekonomiċi iktar wiesgħa tiegħu li, għall-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dan ifisser li tiġi deskritta b’mod ġenerali viżjoni, jekk dan ikun mixtieq flimkien mal-partijiet interessati internazzjonali u mal-esperti, dwar kif is-settur tar-riżorsi jidħol fil-futur ekonomiku tal-pajjiż; iqis li għal xi pajjiżi l-aħjar użu tal-kwalitajiet tar-riżorsi jista' jkun li dawn jitħallew fl-art biex jintużaw fil-futur filwaqt li għal oħrajn, dan jista' jkun li jiġu estratti malajr, bħala għajn intermedjarju ta' dħul domestiku, sabiex jiġi ġġenerat dħul biex isostni l-investiment meħtieġ għat-tkabbir u sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet umani urġenti;

44. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu sħab ugwali fid-diskussjoni u fl-adozzjoni ta' inizjattivi ġodda fis-settur tal-estrazzjoni tar-riżorsi; jisħaq li l-arranġamenti ġodda f'dan il-qasam għandhom jieħdu l-forma ta' standards internazzjonali ġeneralizzati sabiex ikun evitat il-ħolqien ta' tgħaqqid flimkien ta' biċċiet ta' regolamenti, ħaġa li tkun kontraproduttiva mill-perspettiva tal-gvernijiet, tal-amministrazzjoni fiskali u tal-kumpaniji internazzjonali;

45. Jisħaq li l-proposti tal-Kummissjoni u inizjattivi trasparenti mhux governattivi għas-settur tal-industriji tal-estrazzjoni, eż. il-Karta tar-Riżorsi Naturali, il-Prinċipji tal-Ekwatur u l-Linji Gwida għall-Investituri u għall-Kumpaniji minn 'Critical Resource', fil-fatt huma favur in-negozju; dawn jipproduċu sigurtà legali u sħubijiet sostenibbli fuq żmien twil u jservu ta' salvagwardji kontra r-rinazzjonalizzazzjoni, il-ftuħ mill-ġdid ta’ negozjati u l-espulsjoni; jinnota li hemm problemi li għandhom jiġu indirizzati wkoll, pereżempju l-fatt li n-negozji jista' jkun li jkollhom jiżvelaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, ħaġa li tpoġġihom fi żvantaġġ kompetittiv, jew li xi ftehimiet mal-gvernijiet huma bbażati fuq il-fatt li informazzjoni tinżamm sigrieta;

46. Jinnota li r-renti mir-riżorsi dejjem għandhom jitqiesu bħala mezz intermedjarju sabiex jiżdied id-dħul domestiku; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li s-suċċess fit-tassazzjoni tar-riżorsi spiss iġib avvanzi f'taxxi diretti, bħat-taxxi tad-dħul għall-kumpaniji, u dħul mhux fiskali, bħat-tariffi tad-drittijiet;

47. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li numru kbir ta' stati li għandhom renti akbar, li jibbenefikaw minn renti abbundanti mir-riżorsi, partikolarment dawk miż-żejt u l-minerali, għandhom ftit inċentiv biex ikunu obbligati jagħtu rendikont, biex iwieġbu jew biex ikunu effiċenti; itenni li mekkaniżmi ta' kontrol istituzzjonali u demokratiku b'saħħithom huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp dwar il-formolazzjoni ta' kuntratti bejn kumpaniji multinazzjonali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet ta' sfruttar tar-riżori;

48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom iktar mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi, permezz tad-disponibilità tal-finanzi u l-parteċipazzjoni fil-korp governattiv tagħha;

49. Ifakkar li l-kwalità tar-rappurtar finanzjarju hi kruċjali biex l-evażjoni fiskali tiġi miġġielda b'mod effikaċi; Iqis li r-rappurtar fuq il-bażi ta’ kull pajjiż għalih huwa tal-akbar importanza għall-industriji estrattivi, imma jfakkar li jkun ta’ ġid ukoll għall-investituri fis-setturi kollha, u b’hekk isir jikkontribwixxi għall-governanza tajba globalment; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-inklużjoni ta' rekwiżit fl-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà li l-korporazzjonijiet multinazzjonali kollha jirrappurtaw id-dħul tagħhom u t-taxxa li ħallsu abbażi ta' kull pajjiż individwalment; ifakkar li din it-talba hija konsistenti mal-bżonn li tittejjeb ir-responsabilità soċjali korporattivi tal-intrapriżi multinazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra r-rappurtar pajjiż b'pajjiż fir-riforma tagħha tad-direttivi dwar il-kontabilità;

50. Jitlob l-introduzzjoni ta’ obbligi ta’ rrappurtar finanzjarju pajjiż pajjiż għall-kumpaniji transkonfinali, inklużi l-profitti qabel u wara t-taxxa, bl-għan li tiżdied it-trasparenza u jiżdied ukoll l-aċċess għal data relevanti għall-amministraturi fiskali; huwa tal-fehma li, sabiex jiġi żgurat li s-setturi kollha u l-kumpaniji kollha jkunu koperti b'mod uniformi, l-UE għandha tintroduċi l-prinċipju bħala parti mir-reviżjonijiet li ġejjin tad-direttiva dwar it-trasparenza u d-direttivi ta' kontabilità tal-UE, filwaqt li fil-livell internazzjonali l-Kummissjoni għandha tagħmel pressjoni fuq il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà biex jiżviluppa malajr l-istandard komprensiv korrispondenti; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika tagħha u dwar id-diskussjonijiet tagħha mal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà fi żmien is-sitt xhur li ġejjin;

51. Jenfasizza l-importanza ta' rappurtar fuq il-bażi ta’ kull pajjiż għalih u jirrikjedi li n-negozjati f'dan il-qasam jiġu intensifikati:

(a)  il-gvernijiet u l-gruppi internazzjonali (inklużi l-G20 u n-Nazzjonijiet Uniti) għandhom jappoġġaw standard ta' rappurtar finanzjarju fuq il-bażi ta’ kull pajjiż għalih, u għandhom jirrikjedu formalment lill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà biex jadottah;

(b)  l-OECD għandha tkompli l-istudju tagħha dwar il-fattibilità tar-rappurtar fuq il-bażi ta’ kull pajjiż għalih u għandha tirraporta lura kemm lill-G20 kif ukoll lin-NU matul l-2011;

(c)  il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għandu jadotta standard ġdid li jinkludi r-rappurtar fuq il-bażi ta’ kull pajjiż għalih;

(d)  is-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir fil-futur għandhom jużaw l-informazzjoni żvelata skont ir-rappurtar fuq il-bażi ta' kull pajjiż biex jirresponsabilizzaw il-gvernijiet u l-kumpaniji multinazzjonali;

Titjib tal-koordinament tad-donaturi

52. Jieħu nota tar-riżultati tal-"Istħarriġ Komparattiv" tal-Patt Fiskali Internazzjonali, li juru li hemm bżonn aktar koordinament tad-donaturi fil-qasam tat-tassazzjoni u l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu inizjattivia fuq din il-linja u tintensifika l-appoġġ tagħha għal inizjattivi multilaterali u reġjonali, bħall-Forum Afrikan għall-Amministrazzjoni Fiskali u ċ-Ċentru Inter-Amerikan tal-Amministrazzjonijiet Fiskali;

It-titjib tal-arkitettura internazzjonali għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali

53. Jisħaq fuq il-fatt li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mhux se jirnexxielha telimina l-faqar globali jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri ambizzjużi fi ħdan il-G20, l-OECD u l-UE biex jirreprimu r-rifuġji fiskali u l-istrutturi fiskali ta' ħsara;

54. Jinnota li, mis-Samit tal-G20 tat-2 ta' April 2009 ’l hawn, iċ-ċentri finanzjarji offshore impenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-istandards tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni; jinnota, madankollu, li l-istrutturi ta' ħsara tar-rifuġji fiskali għadhom jeżistu; jitlob għal darb'oħra li tittieħed azzjoni barra mill-qafas tal-OECD biex jiġu miġġielda r-rifuġji fiskali minħabba n-nuqqasijiet varji tagħhom; f'dan ir-rigward, itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-istandards internazzjonali tal-OECD jirrikjedu l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba imma li ma hemm l-ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni fuq il-linji tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni ta' Riżervi fuq id-Dħul; jikkritika bl-istess mod il-fatt li l-OECD tippermetti lill-gvernijiet jaħarbu l-lista s-sewda tagħha sempliċimenti billi jwiegħdu li se jaderixxu ruħhom mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma tiżgura li dawn il-prinċipji effettivement jiġu pprattikati; iqis ukoll li r-rekwiżit li jikkonkludu ftehimiet ma’ 12-il pajjiż ieħor bil-għan li jitneħħew minn fuq il-lista s-sewda huwa wieħed arbitrarju peress li ma jirreferi għall-ebda indikatur kwalitattiv għal valutazzjoni oġġettiva tal-konformità mal-prattiki tal-governanza tajba;

55. Jenfasizza li fis-sena jintilfu sa EUR 800 biljun mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba r-rifuġji fiskali u l-flussi finanzjarji illeġittimi; jinnota li trasparenza ikbar fil-proċess finanzjarju tista' tkun pass deċiżiv lejn it-taffija tal-faqar u l-ħolqien ta' ġid sinifikanti;

56. Iqis li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għandu jseħħ fiċ-ċirkostanzi kollha; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni sabiex il-koopereazzjoni bejn l-Istati Membri tiġi estiża biex tkopri t-taxxi ta' kwalunkwe tip, jiġi abolit s-sigriet bankarju u jiġi stabbilit l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bħala regola ġenerali;

57. Jilqa' l-fatt li xi Stati Membri huma firmatarji tal-Konvenzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD dwar l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Fiskali, u jħeġġeġ lis-17-il Stat Membru li m'għamlux dan biex jiffirmaw il-Konvenzjoni;

58. Jistieden lill-UE żżid l-azzjoni tagħha u tieħu miżuri konkreti, bħal sanzjonijiet, kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħarba illeċita tal-kapital; jitlob lill-Kunsill jeżamina l-possibilità li jkun hemm mekkaniżmu multilaterali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fiskali b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet Fiskali;

59. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta kriterji aktar stretti għall-identifikazzjoni tar-rifuġji fiskali u taħdem biex jintlaħaq ftehim multilaterali dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fiskali li jkun vinkolanti internazzjonalment, inkluż għat-trusts u għall-fondazzjonijiet, u li jipprevedi kontromiżuri fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħruġ illeċitu ta’ fondi u l-ħarba illeċita ta' kapital, minħabba li dawn ġew identifikati bħala ostakolu ewlieni għall-mobilizzazzjoni ta' dħul domestiku għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni b’mod partikolari lejn ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (8) u lejn il-miżuri rakkomandati għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali;

60. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effett sfortunat tat-trattati fiskali fuq id-distribuzzjoni tad-dħul mit-taxxa; jinnota li l-metodu biex jiġu assenjat id-dritt għal taxxa bbażata fuq il-prinċipju tad-domiċilju minflok il-pajjiż sors jgħin biex ir-rifuġji fiskali jsiru postijiet aktar vantaġġużi; iqis li t-trattati fiskali għandhom jerġgħu jiġu eżaminati għal kemm huma ġusti, li timplika l-possibilità li d-dritt primarju għal taxxa fil-pajjiż sors jingħata fejn qed jitwettqu l-attivitajiet reali;

61. Jiddeplora l-fatt li l-G20 għandu ma pproponiex kalendarju ċar u mekkaniżmu konkret ta' sanzjoni biex jagħmel il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali waħda effettiva; jitlob li tiġi adottata konvenzjoni internazzjonali bl-iskop li jiġu eliminati l-istrutturi fiskali ta' ħsara li tkun tinkludi sanzjonijiet kemm għall-ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi u kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali; iħeġġeġ lill-UE tadotta miżuri simili għall-Att tal-Istati Uniti biex jitwaqqaf l-abbuż tar-rifuġji fiskali (Stop Tax Haven Abuse Act) u tqis il-possibilità tat-tneħħija tal-liċenzja bankarja lill-istituzzjonijiet finazjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali;

62. Iqis li l-UE għandha wkoll tiżgura l-konsistenza fl-implimentazzjoni fil-livell tal-UE u dak internazzjonali ta' standards fil-qasam tas-superviżjoni ta' prudenza, it-tassazzjoni u l-ħasil tal-flus;

63. Jitlob li l-istrutturi tal-fondi opportunistiċi jiġu żvelati internazzjonalment sabiex dawn jiġu identifikati u sabiex l-attivitajiet tagħhom jiġu pprojbiti;

64. Jitlob il-ħolqien, fil-qafas tal-FSE, ta' mekkaniżmu ta' kontroll indipendenti biex jevalwa l-impatt fiskali nett tat-tneħħija tad-dazji doganali u fl-istess ħin tal-progress miksub fir-rigward tar-riformi fiskali pajjiż pajjiż; jitlob l-introduzzjoni ta' klawsola li tipprovdi għal reviżjoni globali obbligatorja tal-FSE kollha fi żmien tlieta sa ħames snin u li tagħti lok għal modifiki ta' kull ftehim fl-interess tal-qerda tal-faqar, l-iżvilpp sostenibbli u l-integrazzjoni reġjonali; jitlob reviżjoni obbligatorja tal-progress ta' kull pajjiż individwali fl-implimentazzjoni tar-riformi fiskali b'konformità mal-aħħar aġġornamenti tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kaptial tal-OECD;

65. Jisħaq li l-amministrazzjonijiet fiskali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn jikooperaw jekk ma jagħmlux parti mill-Ministeri tal-Finanzi rispettivi, speċjalment dwar il-politika fiskali u baġitarja, b'modi li ma jistimulawx ir-rivalità u l-għira imma li jħeġġu r-relazzjonijiet tajba u l-governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali;

66. Jitlob li jiġu stabbiliti jew (fil-każ li dawn diġà huma stabbiliti) li jittejbu istituzzjonalment l-hekk imsejħa awtoritajiet tad-dħul (semi)awtonomi (ADA), permezz ta' sistemi adegwati ta' spezzjonijiet u bilanċi, sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet tat-taxxa jiġu abbużati minn deċiżjonijiet politiċi li jservi l-interessi proprji u jiġi żgurat li ma jintużawx bħala għajn privata ta' dħul jew bħala strument biex jiġu intimidati opponenti politiċi;

67. Jenfasizza f'dan il-kontest li l-istatus għoli u l-awtonomija maniġerjali tal-awtoritajiet tad-dħul awtonomi għandhom jiġu bbilanċjati permezz ta' arranġamenti ta' governanza pluralistika li jiżguraw:

(a) li awtorità tad-dħul awtonoma jkollha baġit iggarantit li ma jistax jinbidel mill-gvern;

(b) li l-istatus, ir-responsabilitajiet u l-poteri tagħha jkunu mnaqqxa fil-liġi u jkunu jistgħu jiġu mħarsa mill-pulizija u mill-qrati;

(c) li jsiru ħatriet għall-bord superviżorju (li għandu jiġi stabbilit) minn varjeta ta' aġenti pubbliċi (ministeri differenti, negozji u assoċjazzjonijiet ta' avukati);

(d) li l-ħatriet għall-bord superviżorju jkollhom mandat twil u ta' tul ta’ żmien fiss;

(e) u li l-persunal maniġerjali u operattiv ikun responsabbli biss quddiem il-bord superviżorju;

68. Iqis li l-iżvilupp ta' sistema fiskali effikaċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun is-sinsla tal-finanzi pubbliċi tagħhom; iqis li l-politika ġdida ta' investiment tal-UE fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit ambjent aħjar, aktar favorevoli għal investiment privat barrani u nazzjonali u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal għajnuna internazzjonli aktar effikaċi; ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE għandha tiffoka fuq l-iżvilupp tal-SMEs, inkluż permezz tal-mikrokreditu, u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-effikaċità tas-servizzi pubbliċi, is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u t-trasferiment tal-għarfien favur it-tkabbir;

69. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0020.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0089.

(3)

Testi adottati P7_TA-PROV(2010)0210.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2009)0028.

(5)

Testi adottati, P6_TA(2009)0330.

(6)

ĠU C 282E, 6.11.2008, p.323.

(7)

Pereżempju, ara l-istudju ta’ Baunsgaard & Keen (2005), ikkwotat fir-rapport tal-FMI tal-15 ta’ Frar 2005, bit-titolu ‘Dealing with the Revenue Consequences of Trade Reform’ (‘It-Trattament tal-Konsegwenzi tad-Dħul tar-Riforma Kummerċjali), li fih il-FMI jikkonkludi li ‘many low-income countries and some middle-income countries have had difficulty in replacing trade tax revenues’ (‘ħafna pajjiżi bi dħul baxx u xi pajjiżi bi dħul medju kellhom diffikoltà biex jissostitwixxu d-dħul mit-taxxi kummerċjali’)..

(8)

Testi adottati, P6_TA(2009)0325.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

F'April 2009, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni dwar il-‘Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa’, bl-intenzjoni li tniedi dibattitu dwar azzjonijiet konkreti li jistgħu jittieħdu għal promozzjoni aħjar tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa (trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni fiskali ġusta). Barra minn hekk il-Kummissjoni ħarġet dokument ta' ħidma ‘It-Taxxa u l-Iżvilupp - kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa’.

L-għan tad-dokument tal-Kummissjoni hu li jittejbu s-sinerġiji bejn il-politiki dwar it-taxxa u l-iżvilupp, biex isiru aktar effikaċi, billi jiġu identifikati d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-mobilizzazzjoni tad-dħul permezz tat-tassazzjoni, inklużi l-fatturi domestiċi u internazzjonali, waqt li jissuġġerixxi xi modi kif l-UE tista' tagħmel aktar u tagħmel użu aħjar tal-fondi u l-istrumenti eżistenti tagħha.

Barra minn hekk, fi Frar 2010, il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni dwar l-istess kwistjoni.

1. Kummenti dwar id-dokument tal-Kummissjoni

Aspetti pożittivi:

Kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u governanza fiskali

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi b'mod ċar ir-rabta bejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-governanza fiskali. It-tassazzjoni hi essenzjali biex tipprovdi l-bażi għal sistema demokratika responsabbli u reattiva.

Il-prinċipju tas-sjieda tal-istrateġiji tal-iżvilupp

L-UE impenjat ruħha għall-prinċipju tas-sjieda tal-istrateġiji tal-iżvilupp, u tirrikonoxxi r-responsabilità primarja tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw innifishom li jtejbu s-sistemi ta' dħul tagħhom, skont iċ-ċirkustanzi u l-għażliet ekonomiċi u politiċi proprji tagħhom.

Impenn għall-appoġġ tas-sistemi fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-Kummissjoni hi intenzjonata li timpenja l-istrumenti tal-UE biex tipprovdi appoġġ imsaħħaħ fit-tfassil tas-sistemi fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri billi tingħata aktar attenzjoni għall-integrazzjoni effikaċi tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-kwistjonijiet fiskali fl-ipprogrammar, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni.

Standard ta' rappurtar finanzjarju abbażi ta' kull pajjiż individwalment

Il-Kummissjoni tappoġġa l-istandard ta' rappurtar finanzjarju abbażi ta' kull pajjiż individwalment għall-kumpaniji multinazzjonali bħala għodda biex jiġu identifikati l-prattiki tal-evitar u l-evażjoni fiskali internazzjonali. Hu importanti wkoll li jiġi enfasizzat il-fatt li Komunikazzjoni dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva tikkunsidra kif tiġi żviluppata sistema għall-iżvelar obbligatorju tal-informazzjoni dwar il-governanza fil-kontijiet annwali.

Djalogu u kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet tat-taxxa

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tintensifika l-proċess ta' djalogu u kooperazzjoni internazzjonali fil-kwistjonijiet tat-taxxa, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-forums internazzjonali rilevanti.

Ftehimiet dwar l-Iskambju ta' Informazzjoni Fiskali

Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu konklużi u implimentati Ftehimiet dwar l-Iskambju ta' Informazzjoni Fiskali, anke permezz ta' mekkaniżmu multilaterali, billi tirreferi għall-mudell tad-Direttiva tal-UE dwar it-tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul, abbażi tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

Aspetti negattivi:

Introjtu doganali

Dan id-dokument ma jindirizzax l-impatt negattiv fuq il-pajjiżi bi dħul baxx tal-liberalizzazzjoni kummerċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-introjtu doganali. Waqt li jerġa' jasserixxi l-ħtieġa li l-bażi tar-riżorsi tinbidel mit-tariffi komuni esterni għal tipi ta' tassazzjoni oħra, jargumenta favur l-intensifikazzjoni tal-integrazzjoni reġjonali, permezz ta' liberalizzazzjoni kummerċjali ulterjuri. B'dan il-mod, il-Kummissjoni qed tiċħad kompletament id-diffikultajiet imqajma mit-tagħwir tal-introjti doganali speċjalment għall-pajjiżi l-fqar, li skont l-istudji tal-Fond Monetarju Internazzjonali, fl-aħjar tal-każi, issostitwixxew madwar 30 % tat-taxxi kummerċjali li tilfu. Hemm ukoll nuqqas ta' proposti għall-espansjoni tal-bażi għat-taxxa, bl-intenzjoni li tiġi żgurata sistema fiskali ġusta u progressiva.

Id-difetti attwali tal-OECD

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tħeġġeġ u tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw u jimplimentaw l-istandards internazzjonali fil-qasam tat-taxxa, mingħajr ma tressaq kritika jew osservazzjonijiet dwar id-difetti attwali tagħhom fil-kuntest tal-OECD. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li l-Kodiċi ta' Kondotta tal-OECD jippermetti lill-gvernijiet jaħarbu mil-lista s-sewda tagħha sempliċiment billi jwegħdu li jaderixxu mal-prinċipji tal-iskambju ta' informazzjoni, li jbiddluh f'sempliċi ‘Dikjarazzjoni ta' Prinċipji’, iktar milli xi ħaġa implimentata effettivament.

Adozzjoni u implimentazzjoni tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti

Waqt li tappoġġa l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Kummissjoni ssemmi l-ħtieġa li tiġi investigata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta (arm's-length principle), waqt li ma tipproponi l-ebda metodoloġija oħra.

Tagħwir tad-dħul mit-taxxa

Sfortunatament, m'hemm l-ebda referenza għat-tagħwir tad-dħul mit-taxxa li jirriżulta mill-kompetizzjoni fiskali bejn il-pajjiżi f'ekonomija globalizzata.

Xi passi meħtieġa

A. Il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali

1. Il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali hi prijorità kruċjali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Fil-fatt, ir-rifuġji fiskali jikkontribwixxu billi jdgħajfu l-kwalità tal-istituzzjonijiet u s-sistema politika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Iwasslu biex ir-reati ekonomiċi jrendu aktar qligħ, iħeġġu ir-rent seeking u jżidu d-distribuzzjoni inekwa tad-dħul mit-taxxa.

i) Is-segretezza li jipprattikaw ir-rifuġji fiskali toħloq asimetrija ta' informazzjoni bejn l-investituri, u konsegwentement tnaqqas l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji internazzjonali. Din is-sitwazzjoni twassal għal premiums ogħla għar-riskji u għaldaqstant iżżid l-ispejjeż tas-self kemm għall-pajjiżi sinjuri u kemm għal dawk foqra.

ii) It-trattati fiskali jgħinu biex ir-rifuġji fiskali jsiru aktar vantaġġużi. Hemm netwerk kbir ta' trattati fiskali intenzjonati biex tingħeleb il-problema potenzjali ta' tassazzjoni doppja li tirriżulta mill-prinċipju li, skont id-dritt fiskali internazzjonali, kemm il-pajjiż fejn is-sid għandu d-domiċilju jew ikun reġistrat (il-prinċipju domiċiljari) u l-pajjiż fejn id-dħul ikun inqala' (il-prinċipju tal-istat sors) għandhom id-dritt li jintaxxaw il-qligħ kapitali. Fil-każ tar-rifuġji fiskali, fejn l-entitajiet legali sempliċiment jirreġistraw f'ġurisdizzjoni għall-faċilitajiet fiskali, l-implimentazzjoni tal-prinċipju domiċiljari toħloq diviżjoni inugwali tad-dħul mit-taxxa, peress li ftit ħafna mill-attività ekonomika sseħħ tassew fir-rifuġju fiskali. Fiċ-ċirkustanzi ta' dan it-tip, il-prinċipji ta' ġustizzja jissuġġerixxu li d-dritt ta' tassazzjoni għandu jkun tal-pajjiż sors.

iii) Waqt li ħafna trattati fiskali bejn il-membri tal-OECD u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qiesu l-effett tal-prinċipju domiċiljari fuq id-distribuzzjoni tat-taxxi billi jagħtu d-dritt lill-pajjiż sors li jimponi taxxa minn ras il-għajn sa ammont speċifikat (din is-sistema, għalhekk, tiżgura li anke l-pajjiż sors jirċievi sehem tad-dħul mit-taxxa), it-trattati fiskali stabbiliti bejn ir-rifuġji fiskali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-oħra ma jipprovdu l-ebda dispożizzjoni għal tali taxxa minn ras il-għajn.

iv) It-trattati fiskali bejn ir-rifuġji fiskali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' spiss jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti fil-bażi għat-taxxa ta' dawn tal-aħħar, waqt li finanzi pubbliċi dgħajfin huma waħda mill-isfidi prinċipali f'għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw. Barra minn hekk, it-trattati fiskali mhumiex se jaffettwaw l-istrutturi ta' ħsara li jeżistu fir-rifuġji fiskali (bħall-użu tar-regoli dwar is-segretezza u domiċilji fittizji). Għalhekk, hu importanti li jiġi żgurat li t-trattati fiskali mhumiex se jrażżnu azzjoni ulterjuri kontra r-rifuġji fiskali u għandhom jiġu riveduti skont dan.

B. L-ipprezzar kummerċjali ħażin

L-ipprezzar inkorrett ta' tranżazzjonijiet intragruppi bil-għan li l-profitti jiġu ttrasferiti minn ġurisdizzjonijiet b'rata għolja ta' taxxa għal ġurisdizzjonijiet b'rata baxxa ta' taxxa, hu wieħed mill-muturi l-aktar prominenti tal-flussi finanzjarji illeċiti. Jikkostitwixxi problema ewlenija kemm għall-pajjiżi sinjuri u kemm għal dawk fqar: iwassal għal tagħwiġ kompetittiv estensiv bejn il-kumpaniji nazzjonali u multinazzjonali, u jista' jikkawża telf sustanzjali tad-dħul mit-taxxa. Għalkemm jeżistu linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti mill-intrapriżi multinazzjonali, għad hemm lok għat-titjib tagħhom.

C. Id-dgħjufijiet tal-arkitettura internazzjonali għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali

Waqt li għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-effetti ta' ħsara tar-rifuġji fiskali (l-OECD, l-FMI, il-FATF, l-FSF, in-NU), l-ebda minn dawn l-organizzazzjonijiet m'għandhom mandat dirett speċifikament lejn ir-rifuġji fiskali. Il-kollaborazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam hi diretta prinċipalment lejn il-ħasil tal-flus u lejn it-twaqqif ta' trattati fiskali li jinkludu d-dritt li tinkiseb informazzjoni minn stati oħra dwar kwistjonijiet fiskali speċifiċi. Barra minn hekk, il-qafas internazzjonali jbati minn diversi dgħjufijiet fundamentali:

· il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma esklużi minn numru ta' inizjattivi (bħal fil-każ tal-OECD u l-FATF);

· l-ebda mill-inizjattivi mhuma adattati biex jegħlbu l-problemi prinċipali relatati mal-flussi finanzjarji illeċiti, fosthom in-nuqqas ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar is-sjieda u perċezzjoni tal-ipprezzar tat-trasferimenti fil-kumpaniji;

· il-parteċipazzjoni sħiħa fid-diversi forums u inizjattivi ta' spiss tirrikjedi livell ta' kompetenza u kapaċità li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw m'għandhomx.

D. Is-‘saħta tar-riżorsi naturali’

Firxa wiesgħa ta' pajjiżi li jistgħu jitlaqqmu stati ‘rentier’ (għax igawdu minn renti abbundanti mir-riżorsi naturali, partikolarment dawk miż-żejt u l-minerali) li m'għandhomx bżonn jintaxxaw liċ-ċittadini tagħhom għandhom it-tendenza li:

· ikunu indipendenti miċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi, u għaldaqstant ma jagħtux kashom;

· ftit ikollhom inċentivi biex jippromwovu żvilupp ekonomiku estensiv;

· jużaw id-dħul miż-żejt biex jikkorrompu l-oppożizzjoni u jiffinanzjaw sigurtà interna repressiva;

· ftit ikollhom inċentivi biex jistabbilixxu burokraziji effikaċi biex jiġbru u jimmaniġġjaw it-taxxi.

Ittieħdu inizjattivi għall-promozzjoni ta' aktar trasparenza fir-rigward tal-infiq tar-renti mir-riżorsi naturali, inklużi inizjattivi innovattivi bħall-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI). Hemm bżonn li l-inizjattivi ta' dan it-tip jiġu appoġġati, waqt li hemm bżonn li l-kumpaniji korporattivi transnazzjonali jiżvelaw il-qligħ u t-taxxi mħallsa abbażi ta' ‘kull pajjiż individwalment’ sabiex ikun possibbli li jitqabbel dak li jħallsu f'kull pajjiż li qed jiżviluppa fejn joperaw. Ir-rapportar abbażi ta' ‘kull pajjiż individwalment’ jimxi id f'id mal-appoġġ tal-kumpaniji multinazzjonali għar-responsabilità soċjali korporattiva.

E. Il-globalizzazzjoni u l-problemi fiskali

Il-globalizzazzjoni tintensifika l-problemi fiskali, peress li jkun hemm aktar diffikulta biex jiġi intaxxat il-kapital li jkun internazzjonalment mobbli. Din il-problema hi partikolarment relatata mat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali mill-kumpaniji reġistrati fir-rifuġji fiskali. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkollhom l-ispazju politiku meħtieġ biex jimponu kontrolli fuq il-kapital u miżuri oħra biex tiġi evitata l-ispekulazzjoni u żgurata l-istabilità finanzjarja.

Twessigħ tal-bażi għat-taxxa

It-twessigħ tal-bażi hu prijorità kruċjali biex il-pajjiżi l-fqar ikunu jistgħu jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju(1). F'dawn l-aħħar għoxrin sena, ir-riformi fiskali fid-dinja kollha raw bidla minn dipendenza fuq it-taxxi kummerċjali u l-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-konsum fuq bażi estensiva (il-VAT). Problema waħda li għandha tiġi indirizzata hi d-deklin relattiv tat-taxxi kummerċjali (bħala riżultata tal-liberalizzazzjoni tarriffarja) u l-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-konsum bħall-VAT jew it-taxxi fuq l-enerġija. Għalkemm it-tassazzjoni indiretta hi mod prattiku biex isir progress fuq it-twessigħ tal-bażi għat-taxxa fl-ekonomiji b'settur informali kbir, il-VAT mhix strument ideali peress li tikkonsisti f'sistema ta' tassazzjoni rigressiva. Barra minn hekk, il-VAT għandha l-iżvantaġġ li hi aktar diffiċli biex tinġabar mit-taxxi kummerċjali li ssostitwixxiet. Ir-riforma fiskali għandha tkun indirizzata lejn l-iżvilupp tat-tassazzjoni diretta, waqt li tiżgura li l-intrapriżi multinazzjonali jħallsu sehem ġust ta' taxxi.

‘Sjieda’ tal-istrateġija dwar it-tassazzjoni

It-tassazzjoni mhux biss kwistjoni teknika li tista' tiġi ttrasferita minn kuntest għall-ieħor mingħajr ma jitqiesu l-awtoritajiet lokali. L-approċċ tad-donatur irid ikun sensittiv għall-ambjent soċjoekonomiku speċifiku ta' kull pajjiż.

Koordinazzjoni aħjar bejn id-donaturi

Id-donaturi jistgħu jagħmlu aktar biex jappoġġaw l-isforzi biex jiżdied id-dħul fil-pajjiżi sħab b'mod li hemm ċans tajjeb li jtejbu l-governanza. Studju mmexxi mill-FMI fl-2005 juri li mill-USD 7.1 biljun li fl-2005 ntefqu f'għajnuna bilaterali għall-amministrazzjoni governattiva, il-politika ekonomika u l-immaniġġjar finanzjarju tas-settur pubbliku, 1.7% biss marru f'assistenza relatata mat-taxxi. Iċ-ċifri għall-2004, l-2003 u l-2002 kienu 2.7%, 2.2% u 3.5% rispettivament(2). Barra minn hekk, hemm bżonn li l-impatt tal-modalitajiet ta' għajnuna differenti fuq ir-responsabilità u t-taxxa domestiċi jiġi rifless aħjar.

(1)

Waqt li t-taxxa fuq id-dħul personali tiġġenera madwar 7% tal-PDG fil-pajjiżi żviluppati - u titħallas minn madwar 45% tal-popolazzjoni, in-numru korrispondenti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hu 2% biss tal-PDG - imħallas minn inqas mill-5% tal-popolazzjoni.

(2)

Sorsi: ‘Il-Governanza, it-Tassazzjoni u r-Respnsabilità: kwistjonijiet u prattiki’, OECD 2008.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (22.11.2010)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar it-taxxa u l-iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali

(2010/2102(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Sirpa Pietikäinen

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxi favur l-iżvilupp u jara l-ħtieġa ta' qafas regolatorju maħsub biex jappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali fit-taxxi, it-trasparenza, l-iżviluppp tas-settur pubbliku u privat u t-tkabbir ekonomiku;

2.  Ifakkar li l-governanza tajba fil-qasam fiskali ma tistax tiġi esportata jew imposta minn barra, u li huwa f'idejn kull pajjiż li jiddetermina l-politika fiskali tiegħu; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali biex ma jkunux ta’ tfixkil u jikkooperaw ma’ kull pajjiż li jiddeċiedi li jżid it-taxxa, b’mod konsistenti u ġust, li jkollha riperkussjoni fuq il-kumpaniji barranin li jkunu preżenti fit-territorju tiegħu, partikolarment fl-oqsma tal-estrazzjoni tar-riżorsi primarji, li huma għajn ta' rikkezza ewlenija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jinnota li t-tnaqqis tar-riżorsi doganali, l-aktar b’riżultat tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-Unjoni Ewropea, qiegħed ikollu impatt negattiv fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli immedjatament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’dan il-kuntest, u bħala kumpens għal dan it-telf, jistieden lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex, fil-qafas ta’ għajnuna eventwali bil-għan li jkun hemm titjib fis-sistemi fiskali nazzjonali, jagħtu prijorità lit-taxxi diretti progressivi fuq it-taxxi indiretti, speċjalment dawk li jaġixxu fuq il-konsum, li, min-natura tagħhom, jolqtu l-aktar severament lill-popolazzjonijiet bi dħul baxx;

4.  Jinnota li sistemi effiċjenti, progressivi u ekwi tat-taxxa huma kruċjali għall-iżvilupp minħabba li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-provvista ta' beni u servizzi pubbliċi u għall-kostruzzjoni tal-istat u l-governanza tajba, li l-mira ta' pajjiżi fqar għandha tkun li l-awtosuffiċjenza tat-taxxi tieħu post id-dipendenza fuq l-għajnuna barranija, u li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, madankollu, qed itellfu dawn il-miri tal-iżvilupp;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta kriterji aktar stretti għall-identifikazzjoni tar-rifuġji fiskali u taħdem biex jintlaħaq ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni fiskali li jkun vinkolanti internazzjonalment, multilaterali u awtomatiku, inkluż għat-trusts u għall-fondazzjonijiet, u li jipprevedi kontromiżuri fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħruġ illegali ta’ fondi u t-trasferiment illegali ta' kapital, minħabba li dawn ġew identifikati bħala ostakolu ewlieni għall-mobilizzazzjoni ta' dħul domestiku għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, għar-rapport P6 - TA(2009)0325 u l-miżuri rakkomandati għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali;

6.  Jitlob l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li d-dħul minnha jmur biex itejjeb it-tħaddim tas-suq billi titnaqqas l-ispekulazzjoni u jgħin biex jiġu ffinanzjati l-beni pubbliċi globali bħalma huma l-iżvilupp u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi; iqis li din it-taxxa għandha tkun stabbilita fuq bażi wiesgħa kemm jista’ jkun iżda li, jekk dan ma jkunx possibbli, it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha tiġi introdotta, bħala l-ewwel pass, fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr studju ta’ fattibilità li jqis il-kundizzjonijiet ugwali globali u, jekk ikun xieraq, biex tippreżenta proposti leġiżlattivi konkreti;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva reġjonali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam fiskali li tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddiskutu r-rwol tat-taxxa fil-bini tal-istat u fl-iżvilupp tal-kapaċità u biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar l-amministrazzjoni fiskali;

8.  Huwa konxju li t-titjib kwalitattiv u kwantitattiv tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jħalli l-frott fuq żmien fit-tul. Jistieden lill-Unjoni Ewropea żżomm l-offerta tagħha ta’ għajnuna fil-forom kollha tagħha sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jidhrilhom li tkun meħtieġa biex jiffinanzjaw l-iżvilupp tagħhom;

9.  Isejjaħ biex ikun hemm koerenza bejn l-appoġġ finanzjarju tal-UE u l-għoti ta' aċċess għas-swieq tal-UE lil pajjiżi partikolari u biex ikun infurzat il-livell ta' kooperazzjoni tagħhom mal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam fiskali;

10. Jipproponi li dispożizzjoni speċifika relatata mal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tiddaħħal fir-reviżjoni tal-ftehim ta' Cotonou;

11. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu miżuri simili fil-programmi ta' assistenza bilaterali tagħhom;

12. Jitlob l-introduzzjoni ta’ obbligi ta’ rrappurtar finanzjarju pajjiż pajjiż għall-kumpaniji transkonfinali, inklużi l-profitti qabel u wara t-taxxa, bl-għan li tiżdied it-trasparenza u jiżdied ukoll l-aċċess għal data relevanti mill-amministraturi fiskali. Huwa tal-fehma li, sabiex jiġi żgurat li s-setturi kollha u l-kumpaniji kollha jkunu koperti b'mod uniformi, l-UE għandha tintroduċi l-prinċipju bħala parti mir-reviżjonijiet li ġejjin tad-direttiva dwar it-trasparenza u d-direttivi ta' kontabilità tal-UE, filwaqt li fil-livell internazzjonali l-Kummissjoni għandha tagħmel pressjoni fuq il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà biex jiżviluppa malajr l-istandard komprensiv korrispondenti. Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika tagħha u dwar id-diskussjonijiet tagħha mal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà fi żmien is-sitt xhur li ġejjin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Godfrey Bloom, Sharon Bowles, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Markus Ferber, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Herbert Dorfmann, Sari Essayah, Robert Goebbels, Sophia in ‘t Veld, Syed Kamall, Arturs Krišjānis Kariņš, Sirpa Pietikäinen, Bernhard Rapkay, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Knut Fleckenstein


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (3.12.2010)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar it-taxxa u l-iżvilupp: kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali

(2010/2102(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marielle De Sarnez

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-objettiv ta’ espansjoni tal-kummerċ mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi; jinnota li t-tneħħija tad-dazju doganali tikkawża telf inevitabbli ta' dħul doganali, u għalhekk għandha tkun soġġetta għal superviżjoni aktar stretta, aktar progressiva u li tmur id f'id mal-implimentazzjoni ta' riformi fiskali li jippermettu l-kisba ta’ forom ta’ dħul alternattivi li jikkumpensaw għal dan in-nuqqas (VAT, taxxa fuq il-proprjetà, taxxa fuq id-dħul);

2.  Jitlob l-implimentazzjoni sistematika, fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE), ta' miżuri li jappoġġaw ir-riformi fiskali, speċjalment fil-forma kemm ta' għajnuna materjali (sistemi tal-informatika) u ta’ għajnuna organizzattiva (taħriġ legali u fiskali tal-persunal tal-awtoritajiet tat-taxxa), jekk mitlub minn pajjiż li qed jiżviluppa; jenfasizza l-bżonn li jsir sforz partikulari mal-pajjiżi Afrikani li għadhom ma jibbenefikawx minn għajnuna fit-tul fir-rigward kwistjonijiet ta’ tassazzjoni;

3.  Itenni mill-ġdid il-ħtieġa li jissaħħaħ il-grad ta’ koerenza bejn il-politika ta' żvilupp u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar li filwaqt li l-kriżi żiedet bil-qawwa l-volatilità tal-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi, u kkawżat tnaqqis fil-flussi ta' kapital lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali, inklużi l-Istati Membri tagħha, għadha l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp u fl-2009 kienet responsabbli għal EUR 49 biljun ta' din l-għajnuna, jiġifieri 56% tat-total dinji; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta' sistema fiskali effikaċi għandu jkun prijorità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex titnaqqas id-dipendenza tagħhom fil-konfront tal-għajnuna esterna u l-flussi finanzjarji esterni imprevedibbli oħrajn;

4.  Jenfasizza li d-dħul fiskali m'għandux jitqies bħala alternattiva għall-għajnuna esterna iżda bħala parti integrali tad-dħul pubbliku li jiffaċilita l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi;

5.  Ifakkar li l-evażjoni fiskali tirrappreżenta telf finanzjarju konsiderevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-miżuri kontra r-rifuġji fiskali u l-evażjoni fiskali huma waħda mill-prijoritajiet tal-UE bl-għan li tgħin b'mod effikaċi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiksbu aċċess għad-dħul fiskali tagħhom; ifakkar fil-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri adegwati f’dan ir-rigward fil-livell Ewropew u internazzjonali, bi qbil mal-impenji mogħtija, b’mod partikolari mill-G20;

6.  Iqis neċċessarju li l-OECD tfassal linji gwida ġodda dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, mezz essenzjali biex jiġi evitat li ċerti organizzazzjonijiet multinazzjonali jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn il-pajjiżi li għandhom l-oktar sistemi fiskali favorevoli u ġġegħelhom iħallsu t-taxxi tagħhom fil-pajjiżi – inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw – fejn ikunu ġġeneraw il-profitti tagħhom;

7.  Jikkunsidra li hija essenzjali sistema ta' taxxa b’rata baxxa għal dħul baxx u medju, ibbażata fuq it-twessigħ tal-bażi fiskali, u li tkun teskludi kwalunkwe eżenzjoni u preferenza fiskali diskrezzjonali, speċjalment fir-rigward tal-industriji tal-estrazzjoni; jenfasizza l-bżonn ta' investiment pubbliku fi proġetti li għandhom impatt lokali pożittiv fil-livell ekonomiku, soċjali, u ambjentali, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' kwalunkwe opportunità għal xi forma ta' dumping fiskali;

8.  Iqis li l-iżvilupp ta' sistema fiskali effikaċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun is-sinsla tal-finanzi pubbliċi tagħhom; iqis li l-politika ġdida ta' investiment tal-UE fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit ambjent aħjar, aktar favorevoli għal investiment privat barrani u nazzjonali u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal għajnuna internazzjonli aktar effikaċi; ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE għandha tiffoka fuq l-iżvilupp tal-SMEs, inkluż permezz tal-mikrokreditu, u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-effikaċità tas-servizzi pubbliċi, is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u t-trasferiment tal-għarfien favur it-tkabbir;

9.  Ifakkar li, filwaqt li l-impatt pożittiv tal-FSE se jinħass biss fuq perjodu twil jew medju, it-telf ta' dħul huwa konsegwenza immedjata tat-tnaqqis fit-tariffi doganali;

10.      Jitlob il-ħolqien, fil-qafas tal-FSE, ta' mekkaniżmu ta' kontroll indipendenti biex jevalwa l-impatt fiskali nett tat-tneħħija tad-dazji doganali u fl-istess ħin tal-progress miksub fir-rigward tar-riformi fiskali pajjiż pajjiż; jitlob l-introduzzjoni ta' klawsola li tipprovdi għal reviżjoni globali obbligatorja tal-FSE kollha wara tlieta sa ħames snin u li tagħti lok għal modifiki ta' kull ftehim fl-interess tal-qerda tal-faqar, l-iżvilpp sostenibbli u l-integrazzjoni reġjonali; jitlob reviżjoni obbligatorja tal-progress ta' kull pajjiż individwali fl-implimentazzjoni tar-riformi fiskali b'konformità mal-aħħar aġġornamenti tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kaptial tal-OECD.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Harlem Désir, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Małgorzata Handzlik, Salvatore Iacolino, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Jörg Leichtfried, Carl Schlyter, Michael Theurer, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Markus Pieper, Giommaria Uggias


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni final

+:

–:

0:

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Martin Kastler, Wolf Klinz, Csaba Őry, Patrizia Toia

Avviż legali - Politika tal-privatezza