Proċedura : 2010/2110(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0030/2011

Testi mressqa :

A7-0030/2011

Dibattiti :

PV 07/03/2011 - 26
CRE 07/03/2011 - 26

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2011 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0083

RAPPORT     
PDF 233kWORD 213k
8.2.2011
PE 450.614v02-00 A7-0030/2011

dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali

(2010/2110(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Georgios Papastamkos

Rapporteur għal opinjoni (*):

Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali

(2010/2110(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Tielet Parti, Titolu III u l-Ħames Parti, Titoli II u V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-prinċipji relatati mar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali stipulati fl-Artikolu 13 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-ftehimiet tad-WTO, u b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-Agrikoltura li ġie nnegozjat waqt ir-Rawnd ta’ Urugwaj u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni adottata fir-raba’ Konferenza Ministerjali li saret f’Doha mid-9 sal-14 ta’ Novembru 2001, id-Deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-1 ta’ Awwissu 2004 u d-Dikjarazzjoni adottata fis-sitt Konferenza Ministerjali li saret f’Ħong Kong mit-13 sat-18 ta’ Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta’ Doħa wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ħong Kong(1),

–   wara li kkunsidra l-abbozzi ta’ modalitajiet riveduti għall-agrikoltura li ġew iċċirkulati fis-6 ta’ Diċembru 2008 mill-president min-naħa tad-WTO li ppresieda n-negozjati dwar l-agrikoltura,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tal-15 ta’ Mejju 2009 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea rigward l-importazzjoni taċ-ċanga ġejja minn annimali li ma jkunux ġew ittrattati b’ċerti ormoni li jinkoraġġixxu t-tkabbir u rigward id-dazji ogħla applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-Komunitajiet Ewropej,

–   wara li kkunsidra s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku li ntlaħqed fil-15 ta’ Lulju 2009 bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea għat-tilwima bit-titolu ‘Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jolqtu l-Approvazzjoni u l-Marketing tal-Prodotti Bijoteknoloġiċi’,

–   wara li kkunsidra l-ftehim li ġie inizjalat fil-15 ta’ Diċembru 2009 bejn l-UE u l-pajjiżi Latino-Amerikani li jistipola l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni aħħarija tat-tilwimiet pendenti dwar ir-reġim tal-importazzjoni tal-UE għall-banana (Ftehim ta' Ġinevra),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar il-prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni, fis-17 ta’ Diċembru 2009, tan-negozjati bejn l-UE u l-Marokk dwar ftehim li jirrigwarda miżuri ta’ liberalizzazzjoni fuq prodotti agrikoli u tas-sajd,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni, fl-1 ta’ Marzu 2010, tan-negozjati bejn l-UE, il-Perù u l-Kolombja dwar l-iffirmar ta’ Ftehim bejn Bosta Partijiet,

–   wara li kkunsidra s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku li ntlaħqed fit-18 ta’ Marzu 2010 bejn ir-Repubblika Arġentina u l-Unjoni Ewropea għat-tilwima bit-titolu ‘Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri li jolqtu l-Approvazzjoni u l-Marketing tal-Prodotti Bijoteknoloġiċi’,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar ‘Il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: liema strateġija għandna nsegwu?(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni, fid-19 ta’ Marzu 2010, tan-negozjati bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali dwar il-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(4),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel iffirmat fis-6 ta’ Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Mercosur għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Kanada għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Indja għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Ukraina għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu ‘Bilanċ tan-Negozjati Agrikoli tad-WTO wara l-Falliment tat-Taħdidiet tal-2008’, ta’ Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-gwida bit-titolu ‘Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Ftehim TRIPs: 10 Snin Wara. Pjan direzzjonali għad-detenturi tal-IĠ tal-UE biex jakkwistaw ħarsien f'Membri oħra tad-WTO', li ġiet ikkummissjonata mill-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ta-15 ta' Settembru 2010 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontrapartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (COM(2010)0484),

–   wara li kkunsidra l-kwistjoni tal-liberalizzazzjoni tad-dmirijiet għall-Pakistan, prevista fl-Artikolu 1 tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi preferenzi kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza għall-Pakistan (COM(2010)0552),

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU,

–   li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7–0030/2011),

A. billi l-UE għadha bil-wisq l-akbar importatriċi ta’ prodotti agrikoli fid-dinja, fejn l-importazzjonijiet kważi rduppjaw fil-valur f’dawn l-aħħar għaxar snin u issa jiffurmaw kważi 20% tal-importazzjonijiet kollha tad-dinja,

B.  billi s-sehem tal-UE mill-esportazzjonijiet agrikoli globali qed jonqos bħala riżultat tat-tkabbir aktar mgħaġġel ta’ sħab kummerċjali agrikoli ewlenin oħra; billi l-prodotti finali ffurmaw 68% tal-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE fl-2007-2009, filwaqt li l-prodotti intermedji u l-kommoditajiet irrappreżentaw 23% u 9% rispettivament; billi, barra minn hekk, il-prezzijiet tas-suq dinji huma fattur mid-diffikultajiet li l-UE qed tesperjenza fl-esportazzjoni tal-prodotti tagħha, minħabba li, in ġenerali, il-prezzijiet huma baxxi u l-Unjoni għandha spejjeż tal-produzzjoni ogħla,

C. billi l-iżbilanċ tal-kummerċ agrikolu tal-UE laħaq l-ogħla livell rekord ta' €7 biljun fl-2008; billi l-iżbilanċ kummerċjali tal-UE mal-Mercosur, pereżempju, aktar milli rdoppja mill-2000 ’il hawn u l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli mill-Mercosur li jidħlu l-UE issa għandhom il-valur ta’ €19-il biljun, meta mqabbla mal-valur ta’ €1 biljun ta’ esportazzjonijiet,

D. billi l-UE hija l-akbar importatriċi fid-dinja fir-rigward tal-prodotti agrikoli mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn timporta aktar mill-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, l-Awstralja u n-New Zealand kollha f’daqqa; billi madwar 71% tal-importazzjonijiet agrikoli totali joriġinaw mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala riżultat tal-inizjattiva Kollox ħlief Armi (EBA) għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), is-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SĠP), u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE),

E.  billi l-abbozzi ta’ modalitajiet dwar l-agrikoltura li ħarġet id-WTO fl-2008 jkunu jeħtieġu li l-UE tagħmel konċessjonijiet jerġa’ akbar minn dawk stabbiliti fl-offerta, li diġà hija waħda sostanzjali, magħmula mill-UE f’Ottubru 2005,

F.  billi l-applikazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp (PCD) għall-agrikoltura u l-kummerċ se tħalli effett ukoll fuq il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju 1 (l-eradikazzjoni tal-faqar estrem u l-ġuħ) u 8 (is-sħubija globali għall-iżvilupp), inkluż permezz tad-dispożizzjonijiet għal regoli kummerċjali u aċċess għas-suq aktar ġusti,

G. billi l-UE diġà naqqset drastikament l-appoġġ domestiku tagħha li jgħawweġ il-kummerċ, mhux bħas-sħab kummerċjali ewlenin, b’mod partikolari l-Istati Uniti, li żammet u f’xi każijiet saħħet l-istrumenti tagħha skont il-Liġi tal-Biedja (Farm Bill) tal-2008,

H. billi l-UE b’mod unilaterali għamlet tnaqqis sostanzjali fir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tagħha, fejn is-sehem tagħhom mill-baġit tal-PAK niżel minn 29,5% fl-1993 għal biss 1,2% fl-2009, u bil-proporzjon tal-valur tal-esportazzjonijiet agrikoli li għalih ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni li jitħallsu waqgħu minn 25% fl-1992 għal biss 0.9% fl-2009; billi xi sħab kummerċjali ewlenin qed ikomplu jagħmlu użu konsiderevoli minn suriet oħra ta’ inċentivi għall-esportazzjoni,

I.   billi, fil-qafas tat-tilwima tal-‘ormoni taċ-ċanga’, l-Istati Uniti qed tkompli timponi sanzjonijiet fuq l-UE u kienet anke ħabbret li se jieħdu sistema rotattiva biex ikopru prodotti agrikoli oħra tal-UE, bil-għan li l-impatt tagħhom jiżdied (leġiżlazzjoni ‘karużell’); billi skont il-Memorandum ta' Qbil (MtQ) l-UE tagħti kwota tariffarja ta' importazzjoni mingħajr dazju ta' 20 000 tunnellata ċanga,

J.   billi l-Istati Uniti sfidat, fi ħdan id-WTO, ir-regoli tal-UE li jirregolaw l-iġjene u l-ikkummerċjar tat-tjur,

K. billi soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku intlaħqet mal-Kanada u l-Arġentina dwar it-‘tilwima tal-OĠM’; billi l-Istati Uniti għamlet talba ta’ ritaljazzjoni ġenerali,

L.  billi d-deċiżjoni mogħtija mill-panel tad-WTO dwar iz-zokkor kienet waħda mill-muturi prinċipali tar-riforma taz-zokkor tal-UE tal-2006 u għadha qed ikollha impatt ewlieni fuq il-kummerċ taż-żokkor; billi l-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor tirrispetta l-impenji tal-kummerċ tal-UE kollha; billi fi żmien tliet snin l-UE nbidlet mit-tieni l-akbar esportatriċi taz-zokkor għat-tieni l-akbar importatriċi netta, b’mod ewlieni għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (LDC u l-pajjiżi tal-AKP),

M. billi r-riforma taz-zokkor tal-2006 laħqet l-objettivi ta’ żieda fil-kompetittività, tnaqqis fil-prezzijiet taz-zokkor u tnaqqis fil-kwota tal-produzzjoni taz-zokkor b’madwar 30%; billi, madankollu, wasslet għall-għeluq ta’ 83 fabbrika minn total ta’ 189 fl-UE ta’ 27, it-telfa ta’ ’l fuq minn 16 500 impjieg dirett f’żoni rurali, u t-tmiem tal-kultivazzjoni tal-pitravi taz-zokkor għal madwar 140 000 bidwi,

N. billi s-suq dinji taz-zokkor huwa wieħed mill-aktar swieq tal-prodotti agrikoli volatili u jinsab iddominat minn pajjiż wieħed (il-Brażil); billi l-produzzjoni taz-zokkor tal-UE tipprovdi provvista affidabbli lis-suq dinji u tiżgura provvista interna regolari ta’ prodotti sostenibbli u ta’ kwalità għolja lill-utenti Ewropej,

O. billi l-UE qed tippromwovi produzzjoni sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli, permezz ta’ rekwiżiti li jridu jiġu applikati sa tmiem l-2010; billi l-UE diġà timporta aktar minn 25% tal-konsum tal-fjuwil bijoetanol tagħha, bl-esklużjoni tal-bijoetanol importat fil-forma ta’ taħlitiet bil-għan li jiġu evitati d-dazji tal-importazzjoni; billi l-Kummissjoni għandha bżonn tiżgura li jkun hemm bilanċ bejn il-produzzjoni interna tal-bijoetanol u l-importazzjonijiet bi qbil mal-Artikolu 23(5)(a) tad-Direttiva tal-Enerġija Rinnovabbli (Direttiva 2009/28/KE(5)),

P.  billi r-Raba’ Sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk se ssir f’Novembru 2010; billi tniedet konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni possibbli tad-Direttiva tal-Prodotti tat-Tabakk (Direttiva 2001/37/KE(6)); billi ħafna membri tad-WTO qajmu l-kwistjoni tal-konformità mal-Ftehima TBT tal-Liġi Kanadiża C-32, li tinvolvi b’mod effettiv il-projbizzjoni tal-prodotti kollha tat-tabakk imħallat tradizzjonali, barra dawk li jużaw biss it-tabakk tal-Virġinja, l-unika varjetà prodotta fil-Kanada u użata fil-manifattura tal-prodotti tat-tabakk Kanadiż,

Q. billi l-UE trid toħloq bilanċ fil-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali bejn il-liberalizzazzjoni tas-suq u l-protezzjoni għas-setturi ekonomiċi u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi,

R.  billi l-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE ma' pajjiżi terzi jridu jipproteġu s-setturi tal-UE li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet – b’mod partikolari s-setturi tal-frott u l-ħaxix, tal-bhejjem u taċ-ċereali, li fihom id-dħul waqa’ b’mod sostanzjali – u, fl-istess ħin, joffrulhom opportunitajiet tal-esportazzjoni ġenwini,

S.  billi l-bdiewa lokali ż-żgħar, li jagħtu kontribut sinifikanti lis-sigurtà tal-ikel fir-reġjuni tagħhom, ma jridux jiġu affettwati b’mod negattiv mill-konklużjoni tal-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali tal-UE,

T.  billi l-UE trid tfittex li tiżgura mmonitorjar aħjar tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali meta tikkonkludi ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali,

U. billi l-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ għall-konklużjoni tal-ftehimiet tal-kummerċ innegozjati mill-Kummissjoni,

Konsistenza bejn il-politika agrikola u l-politika kummerċjali komuni tal-UE

1.  Iqis li s-settur agrikolu tal-UE għandu valur miżjud ċar għall-ekonomija Ewropea u għandu rwol strateġiku xi jwettaq fl-istrateġija UE 2020 biex jinstab tarf tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed tiffaċċja l-UE; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki tal-UE tal-agrikoltura, tal-kummerċ u tal-iżvilupp;

2.  Jenfasizza li l-politika tal-kummerċ estern m’għandhiex tipperikola l-abilità tal-UE li żżomm settur agrikolu b’saħħtu u tiżgura s-sigurtà tal-ikel fi sfond ta’ volatilità akbar tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefendi, fil-fora kollha, u b’mod partikolari fid-WTO, ir-rwol multifunzjonali tal-agrikoltura tal-UE, inkluż ir-rwol vitali li għandha biex tipprovdi l-impjieg f’żoni rurali u biex issostni l-vitalità tagħhom, u l-mudell agroalimentari Ewropew li huwa komponent strateġiku tal-ekonomija tal-Ewropa;

3.  Jikkundanna l-approċċ tal-Kummissjoni, li wisq ta’ spiss tagħmel konċessjonijiet fuq l-agrikoltura bil-għan li tottjeni aċċess imtejjeb għas-suq f’pajjiżi terzi għall-prodotti industrijali u s-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni biex tieqaf tpoġġi l-interessi agrikoli wara l-interessi tas-settur industrijali u tas-servizzi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi approċċ li jġib bilanċ bejn il-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet, filwaqt li, għal kull settur agrikolu jitqiesu l-iżvilupp ta’ negozjati ta’ kummerċ multilaterali u bilaterali, kif ukoll l-istandards ambjentali, soċjali, tal-benessri tal-annimali u ta’ sikurezza tal-UE u rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jenfasizza li, fir-rigward tas-settur agrikolu, il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjonijiet tal-impatt li jridu jixxandru qabel ma jinbdew in-negozjati u aġġornamenti proposti ħalli jqisu pożizzjonijiet ġodda li joħorġu min-negozjati; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm proċess xieraq u trasparenti biex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari fil-Parlament u l-Kummissjoni; ifakkar li kunsill konsultattiv domestiku kien inkluż fil-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel u jinnota li dan jista’ jkun preċedent għall-involviment ta’ partijiet interessati fi ftehimiet tal-kummerċ ħieles;

6.  Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt iridu jqisu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull prodott, bħas-suq taċ-ċanga, filwaqt li titqies is-segmentazzjoni tas-suq; jisħaq fuq il-fatt li valutazzjonijiet tal-impatt preċedenti pprovdew biss figuri globali; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati filwaqt li jitqiesu l-effetti fuq setturi speċifiċi tas-suq li joħorġu mill-ftuħ tas-swieq agrikoli tal-UE għall-blokk tal-kummerċ tal-Mercosur;

7.  Huwa tal-opinjoni li m’għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet biex jinfetaħ aktar is-suq tal-UE għall-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli mingħajr ma jiġi żgurat li l-bdiewa tal-UE jkunu kkumpensati għat-telf tagħhom;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpens finanzjarju ma jistax ipatti għall-impatti negattivi tal-qtugħ tal-kontinwità tal-produzzjoni agrikola tal-UE, li tiggarantixxi s-sikurezza u l-kwalità tal-ikel u hija essenzjali għall-prosperità taż-żoni rurali tal-UE u l-ħarsien tal-pajsaġġi rurali kontra t-theddida tal-abbandun tal-art u l-ispopolament rurali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jinżammu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-bdiewa tal-UE jibqgħu vijabbli u jirċievu dħul ġust fl-Istati Membri kollha, b’hekk jitneħħa x-xkiel għar-revitalizzazzjoni tal-biedja fl-Ewropa, fid-dawl tar-rwol ewlieni li kellu l-PAK fl-istruttura tal-UE;

9.  Ifakkar li l-produtturi tal-UE huma obbligati li jissodisfaw l-ogħla standards f’dawk li huma kwalità, iġjene tal-prodotti, metodi ta’ produzzjoni sostenibbli, saħħa tal-pjanti, saħħa u benessri tal-annimali, traċċabilità, kontroll tar-residwu tal-pestiċidi, mediċina veterinarja u addittivi;

10. Huwa konvint li l-metodi ta’ produzzjoni ta’ pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jridu jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej bl-istess garanziji f’termini ta’ saħħa, sikurezza tal-ikel, benessri tal-annimali, żvilupp sostenibbli u standards soċjali minimi bħal dawk meħtieġa mill-produtturi tal-UE; jenfasizza li dan huwa l-uniku mod li bih jiġi żgurat li l-produtturi tal-UE jkunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell ma’ pajjiżi terzi, u jinsisti fuq il-ħtieġa li fil-fruntieri jsiru kontrolli aktar stretti tal-importazzjoni u biex jiżdiedu l-kontrolli fuq il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq li jsiru mill-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel f’pajjiżi li jkunu qed jesportaw lejn l-UE sabiex tiġi ggarantita l-konformità mal-istandards tal-UE;

11. Jenfasizza l-ħtieġa, fir-rigward tal-importazzjonijiet, ta’ konformità stretta mar-regoli tal-oriġini u mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kummerċ triangolari;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi b’mod proattiv l-interessi agrikoli offensivi tal-UE u biex issir aktar faċli għall-prodotti tal-UE li jiksbu aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi, minħabba l-potenzjal wiesa’ ta’ esportazzjoni u ta’ stabilizzazzjoni tas-suq dinji tal-prodotti agroalimentari ta' kwalità għolja tal-UE; jenfasizza, inter alia, il-ħtieġa li l-programmi ta' promozzjoni jiġu intensifikati, inkluż permezz ta' żieda fil-persentaġġ tal-kofinanzjament tal-UE; jinnota li dawn il-miżuri huma kompatibbli mad-WTO, peress li jaqgħu fil-‘kaxxa l-ħadra’;

13. Jinnota li r-reġjuni l-aktar periferiċi (OR) huma parti integrali tal-UE u li ftehimiet tal-kummerċ japplikaw fis-sħuħija tagħhom għal tali reġjuni; jenfasizza li tariffi doganali aktar baxxi joħolqu theddida għall-ekonomiji fraġli tar-reġjuni l-aktar periferiċi , li huma bbażati b’mod ewlieni fuq il-biedja u jipproduċu prodotti simili għal dawk prodotti minn, fost l-oħrajn, pajjiżi msieħba tal-Amerika Latina; jinnota li, skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, il-politiki tal-UE jistgħu jitfasslu b’mod speċifiku għaċ-ċirkustanzi ġeografiċi u ekonomiċi speċifiċi ta’ reġjuni bħal dawn; b’hekk jitlob lill-Kummissjoni biex matul in-negozjati tqis is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni l-aktar periferiċi, sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp tagħhom ma jiġix ostakolat;

L-agrikoltura fis-sistema ta’ kummerċ multilaterali

L-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (ADŻ)

14. Iqis li, fi sforz biex ikun żgurat riżultat ta' suċċess għad-DDA, l-UE għamlet offerta estremament ġeneruża fuq l-agrikoltura, li ma tistax tiżdied, imma dan għadu sal-lum il-ġurnata ma ġiex reċiprokat minn livell ekwivalenti ta' ambizzjoni minn pajjiżi żviluppati u minn pajjiżi li qed jiżviluppaw avvanzati oħrajn;

15. Ifakkar li r-riforma tal-PAK tal-2003 u l-"Kontroll tas-Saħħa" tal-2008 wrew is-serjetà tal-impenji tal-UE favur riforma billi antiċipaw ir-rirżultati probabbli tar-Rawnd ta' Doha, filwaqt li għadna nistennew konċessjonijiet ekwivalenti mis-sħab kummerċjali tal-UE;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma strettament mal-mandat tagħha ta’ negozjar mill-Kunsill, li jistabbilixxi r-riforma l-aktar riċenti tal-PAK bħala l-limitu tal-azzjoni tagħha, kemm-il darba jiġu ottenuti konċessjonijiet ekwivalenti mis-sħab kummerċjali tagħha; jitlobha żżomm lura milli tagħmel xi proposta li tkun tiddetermina minn qabel id-deċiżjonijiet li jridu jsiru dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2013;

17. Jisħaq fuq ir-rwol ta’ tħassib mhux kummerċjali (NTC) fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA); huwa tal-opinjoni li, fin-negozjati tas-settur agrikolu, irid jintlaħaq bilanċ bejn id-dimensjoni ekonomika tal-kummerċ u l-valuri mhux ekonomiċi, bħal ma huma l-valuri soċjali, it-tħassib ambjentali, is-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-benessri tal-annimali;

18. Jiddeplora l-assenza ta' progress fir-rigward tal-istabbiliment ta’ reġistru multilaterali għall-imbejjed u l-ispirti kif ukoll fir-rigward tal-estensjoni tal-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli kollha; ifakkar li dawn l-elementi huma sine qua non għalbiex joħroġ riżultat ibbilanċjat għan-negozjati agrikoli; jisħaq fuq il-bżonn li jitħeġġu b’mod usa’ fil-livell multilaterali u bilaterali l-prinċipji li jsejsu l-politika tal-kwalità tal-prodott agrikolu tal-UE;

19. Ifakkar li l-UE diġà naqqset b’mod sinifikanti l-appoġġ domestiku tagħha li jgħawweġ il-kummerċ u jitlob mis-sħab kummerċjali l-oħra li jagħmlu impenn sod li jagħmlu l-istess;

20. Ifakkar fl-impenn li sar mill-membri tad-WTO waqt il-Konferenza Ministerjali ta’ Ħong Kong li jaslu għall-eliminazzjoni ta’ kull sura ta’ sussidji tal-esportazzjoni f’paralleliżmu sħiħ mal-impożizzjoni tad-dixxiplini fuq il-miżuri kollha tal-esportazzjoni b’effett ekwivalenti, notevolment il-krediti tal-esportazzjoni, intrapriżi kummerċjali agrikoli tal-istat u l-regolazzjoni tal-għajnuna f’sura ta’ ikel;

21. Iqis li t-tnaqqis ġenerali fit-tariffi tad-dwana għandu jkun ivvalutat fid-dawl tal-offerta tal-UE rigward il-pilastri tal-appoġġ domestiku u tal-kompetizzjoni tal-esportazzjoni, u għandu jiddepenti mill-possibilità li tinżamm il-klawżola tas-Salvagwardja Speċjali, minn eżenzjoni speċifika mid-dixxiplini tas-simplifikazzjoni tat-tariffi u minn flessibilità adegwata fil-formula għat-tnaqqis fit-tariffi u fin-nomina ta’ prodotti sensittivi; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu propost għan-nomina ta’ prodotti sensittivi huwa mdgħajjef b’mod fatali mill-obbligu li tintlaħaq espansjoni sinifikanti tal-kwota tariffarja;

22. Jisħaq fuq il-bżonn li l-prinċipju ‘impriża waħda’ jinżamm fin-negozjati tal-ADŻ tad-WTO; jenfasizza li, għal xi żmien issa, kien hemm tendenza li n-negozjati jiffukaw fuq firxa limitata ta’ oqsma ta’ negozjar, inkluża l-agrikoltura, li l-UE għandha interessi difensivi ewlenin fiha, b’relattivament anqas progress magħmul f’oqsma ta’ nnegozjar oħrajn, u dan qed jhedded li jfixkel il-pożizzjoni ta’ nnegozjar tal-UE; barra minn hekk jinnota li dan qed jagħmilha diffiċli li jitqies ir-Rawnd fis-sħuħija tiegħu;

23. Jerġa' jafferma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom b'mod leġittimu jitħallew jgħaddu politiki li joħolqu valur miżjud domestiku;

24. Jenfasizza li l-volatilità tal-prezzijiet aggravat il-problemi tal-malnutrizzjoni mad-dinja kollha, kif tosserva l-FAO, u li liberalizzazzjoni akbar tal-kummerċ dinji fil-prodotti agrikoli, li ġiet inkuraġġita minn ftehimiet tad-WTO, sa issa ma rnexxilhiex tagħmilha possibbli li tiġi kkontrollata t-theddida tal-ġuħ fid-dinja; jenfasizza li l-UE għandha wkoll id-dmir li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fid-dinja;

Riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO

25. Jinnota l-fatt li l-ftehim dwar il-kummerċ fil-banana jsolvi 20 sena tal-aktar tilwima tad-WTO teknikament kumplessa, politikament sensittiva u sinifikanti, jikkostitwixxi pass importanti lejn il-konsolidament ta' sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u li fl-istess ħin jista’ jagħmel kontribut deċiżiv għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet marbuta ma' prodotti tropikali u preferenzi fin-negozjati tad-WTO;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżoluzzjoni tat-tilwima tal-‘ormoni taċ-ċnga’ se tippermetti s-sospensjoni tas-sanzjonijiet fuq il-prodotti tal-UE, filwaqt jiġi ggarantit li l-importazzjonijiet taċ-ċanga għal ġo l-UE se jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-UE;

27. Iqis, fir-rigward tat-tilwima dwar it-‘tjur klorinati’, li l-importazzjoni ta’ prodotti bħal dawn għal ġol-UE tmur kuntrarju għad-domanda pubblika fl-UE għal prodotti sikuri u għall-prinċipji li jsejsu l-mudell tal-ikel Ewropew;

28. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod vigoruż tiddefendi r-reġim tal-UE għall-awtorizzazzjoni u l-ikkummerċjar tal-OĠM fl-isfond tal-isfidi fid-WTO;

L-agrikoltura fir-relazzjonijiet kummerċjali plurilaterali, interreġjonali u bilaterali

29. Jemmen li l-konklużjoni ta’ negozjati multilaterali hija prijorità li l-UE trid tfittex li twettaq; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali jridu jikkomplementaw il-proċessi multilaterali fis-sura ta’ rispett għal kundizzjonijiet indaqs tax-xogħol, regoli ambjentali komuni u standards tas-sikurezza tal-ikel li diġà huma fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea u jevitaw li jiġu inkoraġġiti biss programmi ta’ żviluopp sostenibbli. ifakkar li l-UE għandha interessi offensivi sostanzjali fl-agrikoltura, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti pproċessati ta’ kwalità għolja; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali ma’ sħab kummerċjali maġġuri jistgħu jippromwovu b’suċċess l-interessi ta’ esportazzjoni tal-industrija agroalimentari tal-UE, filwaqt li jipprovdu benefiċċji ekonomiċi sostanzjali;

30.  Jitlob biex l-importazzjonijiet agrikoli fl-UE jipprovdu lill-konsumatur Ewropew bl-istess garanziji f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumatur, benessri tal-annimali, protezzjoni ambjentali u standards soċjali minimi bħal dawk provduti mill-metodi ta’ produzzjoni Ewropej, u jitfa’ attenzjoni fuq il-pożizzjoni soda tal-Parlament dwar din il-kwistjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi klawżoli fil-ftehimiet tal-kummerċ bilaterali li jobbligaw il-pajjiżi terzi biex jikkonformaw mal-istess kundizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji li huma imposti fuq il-produttur Ewropew; iqis li tali ftehimiet iridu jipprevedu tal-anqas għal konformità mal-obbligi u l-istandards internazzjonali;

31. Jenfasizza li bil-għan li jiġi evitat li ‘jsir ħlas darbtejn’ – l-ewwel fil-livell bilaterali u mbagħad f’dak multilaterali – irid jiġi appoġġjat il-kunċett ta’ ‘ftehim ta’ but wieħed’, li skont dan il-kunċett il-konċessjonijiet fil-ftehimiet bilaterali se jkunu konnessi mal-eżitu finali tan-negozjati ta’ Doha;

32. Jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni stretta tar-regoli preferenzjali tal-oriġini; jitlob rieżami tal-preferenzi kummerċjali kollha mogħtija mill-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi emerġenti li huma membri tal-G-20;

33. Huwa tal-opinjoni li għandhom jitwaqqfu limiti li jevitaw il-prattiki irregolari fil-kummerċ agroalimentari bħal ma huma l-kummerċ triangolari meta pajjiż jesporta l-produzzjoni tiegħu lejn l-UE, filwaqt li jieħu vantaġġ mill-preferenzi tal-aċċess għas-suq tal-UE, u mbagħad jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu stess billi jimporta l-prodotti minn barra; iqis li, sabiex jiġu evitati tali irregolaritajiet, il-konċessjonijiet tal-aċċess għas-suq tal-UE offruti mill-UE fil-ftehimiet tal-kummerċ konklużi ma’ pajjiżi terzi m’għandhomx jaqbżu l-produzzjoni attwali u l-kapaċitajiet tal-esportazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati;

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefendi b’saħħa l-inklużjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) bħala parti essenzjali tal-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA); jiddispjaċih li, fil-qafas tan-negozjati li ġew konklużi dan l-aħħar jew li għadhom għaddejjin bħalissa, hija biss ‘lista qasira’ ta’ IĠ li għandha tiġi mħarsa minn sħabna fil-kummerċ; jinnota li, b’konformità mal-istrateġija tal-Ewropa Globali, il-ftehimiet bilaterali jridu jiżguraw protezzjoni internazzjonali mkabbra għal indikazzjonijiet ġeografiċi permezz ta’ dispozżizzjonijiet tad-WTO+; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm proċess xieraq u trasparenti biex jiġu kkonsultati l-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari fil-Parlament u l-Kummissjoni;

35. Ifakkar li l-Ftehim tal-Kummerċ Ħieles mal-Korea t’Isfel ippermetta li jiġu rikonoxxuti numri sinifikanti ta’ Indikaturi Ġeografiċi; jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex dan ikun previst fil-ftehimiet tal-kummerċ futur; jinnota li l-protezzjoni u r-rikonoxximent tal-Indikaturi Ġeografiċi f’pajjiżi terzi huma potenzjalment ta’ valur kbir għas-settur agroalimentari tal-UE;

36. Jinnota li, skont il-Kummissjoni, il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) UE-Korea t’Isfel ikun iserraħ lill-esportaturi tal-UE mill-piż ta’ €380 miljun f’dazji kull sena, billi jelimina d-dazju minn fuq 99% tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE;

37. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet tal-kummerċ ma jfixklux is-sistema tal-UE tal-prezzijiet ta’ entrata tal-frott u l-ħxejjex, filwaqt li żżomm kif inhuma l-iskedi attwali tal-importazzjonijiet; iħeġġeġ madankollu lill-Kummissjoni biex tagħmel il-bidliet neċessarji biex ittejjeb il-funzjonament tas-sistema kemm jista’ jkun malajr;

38. Jenfasizza, b’mod partikolari, li s-sistema kumplessa tal-prezzijiet tad-dħul li tapplika għall-importazzjonijiet tat-tadam mill-Marokk qed toħloq il-problemi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel il-bidliet relevanti mingħajr dewmien;

39. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-ftehim UE-Marokk; juri li, filwaqt li s-swieq Ewropej infetħu kważi għal kollox għal importazzjonijiet mill-Marokk, ċerti prodotti agrikoli għadhom suġġetti għal kwoti tal-esportazzjonijiet mill-UE, inklużi prodotti importanti bħal ma huwa l-frott mill-familja tat-tuffieħ;

40. Jiddispjaċih li, fin-negożjati dwar il-kapitlu agrikolu tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Marokk, ma ngħatat l-ebda garanzija fir-rigward tal-konformità mal-kwoti tal-importazzjoni preferenzjali jew mal-prezzijiet ta’ dħul li japplikaw għall-esportazzjonijiet Marokkini;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha rigward is-settur taz-zokkor tal-UE u fin-negozzjati kummerċjali bilaterali u multilaterali twaqqaf il-konċessjonijiet sistematiċi li hemm fuq iz-zokkor; jinnota f’dan il-kuntest l-inizjattivi tas-settur taz-zokkor li żiedu l-kompetittività tiegħu filwaqt li jtejbu s-sostenibilità ambjentali tiegħu u jikkontribwixxu għall-aġenda tal-UE dwar l-iżvilupp permezz tal-preferenzi mogħtija lill-pajjiżi tal-AKP u dawk l-anqas żviluppati;

42. Jirrimarka li kwalunkwe konċessjoni bilaterali addizzjonali tal-UE għal aċċess għas-suq taz-zokkor mogħtija lil pajjiżi terzi (pereżempju lill-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Ukraina) se tkun destabbilizzanti għas-suq taz-zokkor tal-UE u se tikkawża erożjoni tal-preferenzi għal-LDCs u għall-pajjiżi tal-AKP; aktar u aktar jinsab imħasseb mill-fatt li konċessjonijiet bħal dawn, meta mogħtija lil pajjiżi li huma importaturi netti, jinkoraġġixxu mekkaniżmi ta’ tpartit; jistieden lill-Kummissjoni tkompli teskludi z-zokkor u l-prodotti derivati miz-zokkor, inkluż l-etanol, mill-ambitu tan-negozjati bilaterali;

43. Jiddeplora l-proposta reċenti tal-Kummissjoni li toffri lill-Pakistan kwota ta’ rati ta’ tariffi tad-dazju b’żero talli tesporta lejn l-UE 100 000 tunnellata ta’ etanol fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin; jenfasizza li din il-proposta, b’kuntrarju għall-intenzjonijiet iddikjarati tagħha, mhux se tipprovdi assistenza diretta u immedjata lill-poplu Pakistani li qed isofri mix-xita tal-monsun; iqis ukoll li din il-proposta hija detrimentali għall-industrija tal-enerġija rinnovabbli naxxenti u sensittiva tal-UE u għalhekk mhux konsistenti mal-politiki tal-UE dwar il-bidla fil-klima, l-enerġija u l-iżvilupp rurali, u lanqas man-negozjati tal-kummerċ multilaterali tal-UE;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tgħasses kontra ċ-ċirkumvenzjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq l-etanol, peress li issa qed jidħlu fl-UE kwantitajiet dejjem jiżdiedu ta’ etanol fis-sura ta’ taħlitiet b’taxxa tal-importazzjoni baxxa ħafna;

45. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm konċessjonijiet tat-tariffi simetriċi fil-ftehimiet taż-żoni tal-kummerċ ħieles konklużi mill-UE ma’ pajjiżi b’kapaċitajiet tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni agrikoli sinifikanti, eż. il-Mercosur;

46. Jinnota l-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur – ftehim tal-akbar importanza, li jkun jaffettwa 700 miljun ruħ u jkun il-ftehim bireġjonali l-aktar ambizzjuż tad-dinja – u għalhekk jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut mill-qrib fl-istadji kollha tan-negozjati;

47. Iqis li hija ħaġa inaċċettabbli li l-Kummissjoni reġgħet fetħet in-negozjati mal-Mercosur mingħajr ma għamlet disponibbli b’mod pubbliku valutazzjoni dettaljata tal-impatt u mingħajr ma daħlet f’dibattitu politiku kif għandu jkun mal-Kunsill u l-Parlament; jitlob għal studju dwar l-impatt ta’ dawn in-negozjati fuq is-setturi u r-reġjuni agrikoli Ewropej li jrid isir u diskuss qabel ma jkun hemm skambju ta’ kwalunkwe proposta tat-tariffi bejn l-UE u l-Mercosur; jinnota li, minħabba l-implikazzjonijiet agrikoli tan-negozjati, huwa neċessarju li tiġi stabbilita rabta mar-Rawnd ta’ Doħa; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex ma tikkonkludix in-negozjati mal-Mercosur qabel ma jkun ingħalaq ir-rawnd tad-WTO kif ġie stipulat fil-mandat tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Kunsill u l-Parlament infurmati kif suppost dwar l-iżviluppi tan-negozjati mal-Mercosur u biex fil-futur tinforma lill-Kunsill u l-Parlament qabel jibdew negozjati tal-kummerċ bħal dawn;

48. Jinsab imħasseb serjament dwar l-impatti fuq is-settur agrikolu sħiħ tal-UE ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni li possibilment mal-Mercosur, minħabba t-talba magħmula mill-Mercosur f’Marzu 2006 għal aċċess għas-suq agrikolu tal-UE, li marret konsiderevolment lil hemm mill-offerta, li diġà hija waħda sostanzjali, magħmula mill-UE fl-2004; għalhekk iqis li huwa neċessarju li jiġu eżaminati mill-ġdid il-konċessjonijiet sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-bdiewa tagħna;

49. Iqis li l-pożizzjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma tqisitx fin-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur ibbażata fuq il-mandat miftiehem mill-Kunsill fl-1999; għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tissospendi n-negozjati sakemm jiġi adottat mandat ġdid li jqis il-pożizzjoni tal-Istati Membri l-ġodda;

50. Jinnota li l-impriżi tal-biedja fil-pajjiżi tal-Mercosur għandhom spejjeż tal-produzzjoni wisq inqas, inklużi l-art, ix-xogħol u spejjeż kapitali oħra, u li l-produtturi tal-Mercosur ma jridux jissodisfaw l-istess standards bħall-produtturi tal-UE fir-rigward tal-ambjent, il-benessri tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel u l-miżuri fitosanitarji; jenfasizza li r-riżultat ibbilanċjat għaż-żewġ partijiet irid jintlaħaq billi jiġi żgurat li n-negozjati jqisu fid-dettall kollu l-konsegwenzi u l-impatti, b'mod partikolari fuq l-isfidi ambjentali u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-konsegwenzi ta' tali ftehim għas-settur agrikolu;

51. Hu tal-fehma li l-livell tal-integrazzjoni tas-suq fl-unjoni doganali tal-Mercosur bħalissa mhijiex biżżejjed biex tiggarantixxi ċirkolazzjoni adegwata tal-prodotti importati fi ħdan ir-reġjun; huwa tal-opinjoni li ftehim mingħajr dispożizzjonijiet li jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni sħiħa u effettiva ta’ prodotti fiż-żona tal-Mercosur ma joffri l-ebda dividend reali;

52. Jiddispjaċih dwar il-konċessjonijiet tat-tariffi reċentament mogħtija mill-Kummissjoni lill-pajjiżi li jesportaw il-banana lejn l-UE; jitlob għal reviżjoni tal-għajnuna li jirċievu l-produtturi Ewropej taħt il-programmi ta’ għajnuna għar-reġjuni l-aktar periferiċi (POSEI) sabiex dawn il-produtturi jiġu kkumpensati għall-effetti li dan it-tnaqqis fit-tariffi se jkollu fuq il-prezzijiet fis-suq tal-UE; jemmen li l-interessi tal-produtturi tal-Komunità u tal-produtturi tal-AKP jridu jiġu meqjusa f’negozjati simili futuri, ħalli dawn is-setturi, li jipprovdu għadd kbir ta' impjiegi, ma jiġux imdgħajfa;

53. Jisħaq fuq il-fatt li serje ta’ rapporti mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tenfasizza l-fatt li ċ-ċanga Brażiljana għaddejja minn sitwazzjoni fejn mhix tissodisfa l-istandards tal-produttur u tal-konsumatur tal-UE f’dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-ikel, l-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-annimali, is-saħħa u l-kontrolli tal-mard tal-annimali;

54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja r-rapporti varji ppubblikati mill-Aġenzija għas-Sorveljanza tas-Saħħa Nazzjonali Brażiljana (Anvisa) dwar l-użu kbir fil-Brażil ta’ pestiċidi li huma pprojbiti fl-UE u f’ħafna partijiet oħrajn tad-dinja, li jenfasizzaw ir-riskji gravi tas-saħħa li joħorġu minn din il-prattika;

55. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-politika li qed timplimenta l-Arġentina, bi ksur tal-obbligi tad-WTO, bil-għan li tagħmel restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-ikel li jkunu qed jikkompetu mal-produzzjoni domestika; jirrimarka li dawk il-miżuri jeżistu meta hemm ukoll is-sistema mhix awtomatika tal-liċenzjar tal-importazzjoni, li diġà qed ikollha impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex ikun żgurat li dawk il-miżuri, li jmorru kontra l-ispirtu tan-negozjar ta’ ftehim UE-Mercosur, jitwaqqfu b’mod effikaċi;

56. Jinsab imħasseb dwar il-konċessjonijiet magħmula għall-frott u l-ħxejjex fil-ftehimiet Euro-Mediterranji; isostni, f’dan ir-rigward, li l-kumplimentarjetà bejn l-istaġuni tat-tkabbir fil-pajjiżi Mediterranji t’isfel u ta’ fuq għandha tibqa’ għall-Mediterran il-fattur gwida fil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ agrikolu fl-Unjoni;

57. Jenfasizza li, filwaqt li l-prodotti tat-tabakk iridu jiġu rregolati minn qafas regolatorju riġidu, ir-regolazzjoni tal-ingredjenti fil-prodotti tat-tabakk fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali trid issegwi approċċ proporzjonat, ibbażat fuq ir-riskji li jirrifletti evidenza xjentifika; iwissi kontra kwalunkwe projbizzjoni mhux ibbażata fuq ix-xjenza ta’ kwalunkwe ingredjent, li twassal b’mod effettiv għall-projbizzjoni tal-prodotti Ewropej tat-tabakk imħallat b’mod tradizzjonali, għax din ikollha riperkussjonijiet soċjoekonomiċi severi għall-produtturi tat-tabakk tal-UE (ta’ varjetajiet orjentali u Burley), mingħajr xi benefiċċju għas-saħħa pubblika;

58. Jitlob lill-Kummissjoni, fin-negozjati dwar il-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE, inklużi dawk mal-Kanada u l-Ukraina, biex tqis l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, biex tibqa’ miftuħa u biex tinforma lill-Parlament b’mod regolari dwar il-progress tan-negozjati; jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma infurmatx lill-Parlament dwar in-negozjati għal ftehim tal-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kanada anki jekk dawn in-negozjati bdew f’Ottubru 2009; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament u l-kumitati responsabbli b’informazzjoni dettaljata dwar kull rawnd ta’ negozjati ulterjuri; jinsab ukoll imħasseb dwar konċessjonijiet possibbli mill-Kummissjoni fin-negozjati, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ftuħ ta’ swieq, l-OMĠ, il-ħalib, il-protezzjoni tal-propjetà intellettwali u t-tikkettar tal-oriġini, u jitlob lill-Kummissjoni biex ma tagħmel l-ebda konċessjoni li jista' jkollha impatt negattiv fuq l-agrikoltura Ewropea;

59. Jinsab imħasseb dwar il-prospett ta’ konċessjonijiet fuq iċ-ċereali fin-negozjati mal-Ukraina, minħabba l-fatt li l-produzzjoni Ukraina hija kompetittiva ħafna u wkoll minħabba li l-Ukraina diġà hija l-utenta prinċipali tal-kwoti taċ-ċereali b’tariffi mnaqqsa (qamħ u xgħir) offruti lill-pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ħalli f’dan is-settur tillimita l-offerta tagħha;

60. Isostni mill-ġdid l-importanza li għandu l-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp ekonomiku u għat-tafja tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE tgħin lill-pajjiżi tal-AKP jadattaw irwieħhom għall-kompetizzjoni globali li qed tiżdied;

61. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis kif suppost din ir-riżoluzzjoni meta tfassal u timplimenta l-istrateġija futura tagħha tal-kummerċ;

62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 293E , 2.12.2006, p. 155.

(2)

Testi adottati, P7_TA (2009)0110

(3)

Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0088.

(4)

Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0286.

(5)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(6)

ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.


NOTA SPJEGATTIVA

Fi żmien meta l-UE qed tirrifletti fuq il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni (AKP) tagħha, l-iżgurar ta’ konsistenza bejn il-politika agrikola u l-politika tal-kummerċ barrani jsir jerġa’ aktar kruċjali.

Il-PAK tikkostitwixxi simbolu tal-integrazzjoni Ewropea, li jirrappreżenta waħda mis-suriet l-aktar żviluppati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell supranazzjonali tal-UE. Ir-riformi suċċessivi tal-PAK seħħew fid-dawl tad-diversi pressjonijiet interni u esterni. In-negozjati kummerċjali multilaterali u d-dixxiplini tad-WTO dwar il-politiki agrikoli kienu mutur ewlieni tar-riforma tal-PAK. Il-pressjonijiet interni tal-UE lejn l-orjentament tas-suq tal-PAK u l-enfasi akbar li qed titqiegħed fuq politiki Ewropej oħra, huma wkoll riflessi fil-politika tal-kummerċ estern tal-UE, fejn l-istrateġija ta’ negozjar tal-Kummissjoni tikkonsisti filli toffri ftuħ tas-suq agrikolu biex min-naħa l-oħra tara aċċess imtejjeb għas-suq għall-prodotti industrijali u s-servizzi Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

L-agrikoltura u l-kummerċ huma żewġ aġendi ta’ politika li huma minsuġa flimkien. Id-dinamiki taż-żewġ attivitajiet ekonomiċi jinfluwenzaw u, b’mod qawwi, huma influwenzati minn sfondi regolatorji fil-livell multilaterali, interreġjonali, reġjonali, u bilaterali. Dawn l-isfondi regolatorji mhumiex statiċi; joħolqu ġerarkiji u jevolvu permezz tan-negozjati. Id-diversità regolattiva, interessi kummerċjali diverġenti, tensjonijiet u tilwim kummerċjali jirriflettu l-kumplessità tal-politiki agrikoli domestiċi u l-kummerċ internazzjonali.

Peress li l-agrikoltura mhijiex sempliċement attività ekonomika, imma l-politiki agrikoli u tal-ikel għandhom iservu objettivi fundamentali, bħalma huma s-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel, l-isfida prinċipali tikkonsisti filli b’mod effettiv jiġu akkomodati l-preokkupazzjonijiet kummerċjali u dawk mhux kummerċjali. Din l-akkomodazzjoni, li tiddependenti mil-livell ta’ integrazzjoni fost il-komponenti kostitwenti ta’ sistema legali (li tvarja, fil-livell l-aktar baxx, mid-diversità kompleta, permezz ta’ rikonoxximent reċiproku, sal-uniformità), tippreżenta inqas diffikultajiet fi ħdan l-UE milli fil-livell multilaterali. Fid-WTO, l-integrazzjoni negattiva bħala ftuħ tas-suq permezz tal-iżmantellar tal-ostakoli għall-kummerċ, mhijiex akkumpanjata biżżejjed minn integrazzjoni pożittiva permezz tal-konverġenza regolatorja. Madankollu, il-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (Ftehim SFS) u l-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (Ftehim OTK) jistgħu jitqiesu bħala pass lejn filosofija regolatorja ġdida.

L-agrikoltura ġiet integrata fil-qafas tad-WTO mill-Ftehim dwar l-Agrikoltura (FdA) tar-Rawnd tal- Urugwaj, bl-objettiv għal medda twila ta' żmien li ‘tiġi stabbilita sistema ta’ kummerċ agrikolu ġusta u orjentata lejn is-suq’, ‘li tirriżulta fil-korrezzjoni u l-prevenzjoni ta' restrizzjonijiet u tgħawwiġ fis-swieq agrikoli dinjija'.

Diffikoltà maġġuri fin-negozjati agrikoli tar-Rawnd ta’ Doha hija li dawn in-noegozjati jinvolvu gruppi ta’ pajjiżi li jkollhom mudelli agrikoli u interessi differenti ħafna. Il-preokkupazzjonijiet mhux kummerċjali tal-UE u Membri oħra fir-rigward tal-mudelli agrikoli multifunzjonali mhumiex meqjusa kif għandu jkun. Matul dawn in-negozjati, l-UE għal żmien twil kienet - u sa ċertu punt għadha - tiddefendi ruħha fir-rigward tal-agrikoltura. Madankollu, jeħtieġ li jsiru ċerti osservazzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti kunċetti żbaljati, li jonqsu milli jqisu kemm verament inbidlet il-PAK mill-bidu nett tagħha s’issa.

L-UE hija l-akbar importatriċi fid-dinja fir-rigward tal-prodotti agrikoli mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn timporta aktar mill-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, l-Awstralja u n-New Zealand kollha f’daqqa; Il-pressjoni li għaddejja bħalissa biex is-suq tal-UE jkompli jinfetaħ aktar ġejja prinċipalment minn esportaturi agrikoli kompetittivi. L-għoti ta’ aċċess imtejjeb lil dawn il-pajjiżi mhux biss għandu impatt potenzjalment detrimentali fuq il-produtturi agrikoli tal-UE, imma wkoll fuq dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-aktar jinsabu fil-bżonn, u li l-marġini preferenzjali tagħhom ħa jitnaqqar.

Barra minn hekk, l-UE, mhux bħal sħab ewlenin oħra, naqqset sostanzjalment l-appoġġ tagħha li jgħawweġ il-kummerċ, billi ddiżakkoppjat l-għajnuniet diretti mill-produzzjoni, u permezz ta’ ċaqliqa ġenerali lejn intervent ta’ xibka ta’ sikurezza, li ħallewha bi strumenti anqas effettivi biex tlaħħaq mal-volatilità tas-suq li qiegħda tiżdied. L-UE għamlet ukoll offerta sostanzjali li tneħħi ftit ftit is-sussidji tal-esportazzjoni tagħha - li diġà ġew imnaqqsa drastikament - kemm-il darba jiġu imposti dixxiplini ekwivalenti fuq suriet oħra ta' inċentivi għall-esportazzjoni, u speċjalment il-krediti tal-esportazzjoni u l-garanziji (użati b'mod partikolari mill-Istati Uniti), l-intrapriżi kummerċjali agrikoli tal-istat (użati b'mod partikolari mill-Awstralja, in-New Zealand u l-Kanada), u l-għajnuna f’sura ta’ ikel (użata fuq skala wiesgħa fl-Istati Uniti).

Fil-qafas tad-WTO, l-UE kienet ukoll 'akkużata' f'każijiet ewlenin ta' riżoluzzjoni ta' tilwim, jiġifieri l-każijiet tal-‘OĠM', l-‘Indikazzjonijiet Ġeografiċi’, l-'Ormoni taċ-Ċanga' u t-‘Tjur Klorurati’. Fil-każ tal-‘Ormoni taċ-Ċanga’, minkejja l-leġittimità tat-tħassib tal-UE dwar is-saħħa pubblika, u n-natura mhix diskriminatorja tal-miżura tagħha, kien allegat li ma kien hemm l-ebda relazzjoni razzjonali bejn il-valutazzjoni tar-riskju u l-mezzi biex dan il-għan jintlaħaq.

Kien argumentat li l-‘attiviżmu judizzjarju’ tal-‘organi ġudizzjarji’ tad-WTO fir-riżoluzzjoni ta’ ċerti tilwimiet jippreżenta sfida profonda għal-leġittimità tad-WTO mill-perspettiva tad-demokrazija. Għandu jiġi nnutat li l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO hu meqjus b’mod ġenerali bħala l-eżitu sistematiku l-aktar importanti tar-Rawnd tal-Urugwaj, li jimmarka ċaqliqa ta’ paradigma legali mdaħħla permezz ta’ ġudizzju obbligatorja u eżiti vinkolanti.

L-istabbiliment tad-WTO wessa’ l-ambitu tal-kwistjonijiet regolatorji, li jaffettwaw b’mod dirett il-liġi u l-politiki domestiċi, filwaqt li l-konċentrazzjoni tal-attenzjoni tiġi mċaqilqa minn barrieri li jinsabu 'mal-fruntiera' għal barrieri li jeżistu ‘’il ġewwa mill-fruntiera’. Din iċ-ċaqliqa tisfida l-ambitu li għandhom il-Membri tad-WTO biex jeżerċitaw awtorità leġiżlattiva u jistabbilixxu standards (tas-saħħar pubblika, tal-ħarsien tal-ambjent, tas-sigurtà tal-ikel) li potenzjalment jirrestrinġu l-kummerċ. Il-Ftehimiet tad-WTO jidentifikaw l-objettivi, li jistgħu jiġu segwiti b'mod leġittimu mill-Membri tad-WTO (eż. l-Artikolu XX tal-Ftehimiet GATT, SPS u TBT). Skont il-Ftehim SPS, l-istandards domestiċi huma preżunti li huma kompatibbli mad-WTO jekk huma bbażati fuq standards internazzjonali (kif ifformulat eż. fil-Codex Alimentarius), filwaqt li standards stabbiliti f’livell ogħla mil-livell internazzjonali jeħtieġ li jiġu ġġustifikati xjentifikament permezz ta’ valutazzjoni tar-riskju.

Minħabba l-istaġnar fin-negozjati kummerċjali multilaterali, l-UE segwiet in-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali u interreġjonali, bħala kumplementari għall-qafas multilaterali u mhux bħala sostitut għalih. Xi wħud jistgħu jargumentaw li l-konklużjoni ta’ dan it-tip ta’ ftehimiet se jħalli lis-sħab fil-kummerċ jitilfu l-interess tagħhom fi ftehim tad-WTO jekk jottjeni l-aċċess mixtieq fi swieq li jkunu qed jimmiraw għalihom. Huma jaraw ukoll riskju fil-proliferazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet li se jdgħajjef is-sistema tal-kummerċ multilaterali billi joħolqu blokki ta’ kummerċ li jikkompetu bejniethom. Oħrajn jistgħu ma jaqblux mal-fatt li dawn il-ftehimiet joffru opportunità, li mhix disponibbli bħalissa fil-qafas tad-WTO, li jsir negozjar ta' klawżoli ta' żvilupp sostenibbli u klawżoli oħra u li l-konċessjonijiet jiġu soġġetti għar-rispett għall-istandards soċjali u ambjentali. Il-preferenza għal ftehimiet bilaterali tista’ tkun dovuta sempliċement għall-fatt li għandhom karattru anqas kumpless u għat-twemmin li l-interessi jiġu servuti aħjar permezz ta' approċċ selettiv tas-sħab fil-kummerċ. Bħalissa, hemm il-‘kompetizzjoni’ bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar min se jidħol l-ewwel - u taħt liema kundizzjonijiet - fis-swieq il-ġodda ewlenin.

Hemm ħtieġa ċara li l-UE, fil-qafas ta’ dawn in-negozjati, tiżgura approċċ aktar ibbilanċjat fost is-setturi differenti u li tippromwovi l-interessi agrikoli Ewropej, kemm dawk difensivi u kemm dawk offensivi. Il-koerenza bejn il-PAK u l-politika tal-kummerċ estern tal-UE għandha tiżgura l-preservazzjoni tal-mudell agrikolu Ewropew, kif ukoll kundizzjonijiet indaqs għall-produtturi tal-UE fis-suq dinji.

Ir-rwol multifunzjonali tas-settur agrikolu Ewropew jista’ jservi bħala katalist għal paradigmi ġodda, peress li jwassal beni pubbliċi ta’ importanza ewlenija għas-soċjetajiet, li l-forniment tagħhom ma jistax jiġi assigurat permezz tas-suq: is-sigurtà, is-sikurezza u l-kwalità tal-ikel bi prezz li jilħqu kull ċittadin tal-UE. Hemm żieda globali fid-domanda għall-ikel fuq l-isfond ta’ spejjeż ogħla tal-produzzjoni, volatilità severa fis-swieq agrikoli, anqas art, anqas ilma u kontribut imnaqqas tal-enerġija. PAK b’saħħitha hija fundamentali wkoll għall-preservazzjoni, is-sostenibilità ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali tal-UE kontra t-theddida tal-abbandun tal-art u l-ispopolament rurali.

Il-ġeografija ekonomika tal-PAK hija interkonnessa ma’ objettivi oħra tas-soċjetà u tal-politika. Is-settur agrikolu tal-Ewropa għandu valur miżjud ċar u għandu rwol ewlieni xi jwettaq fl-istrateġija ‘UE 2020’ biex jinstab tarf tal-isfidi soċjoekonomiċi u ambjentali li qed tiffaċċja l-UE, kemm internament u kemm bħala entità influwenti globali ewlenija; Il-politika tal-kummerċ tal-UE se twettaq rwol determinanti fir-rigward ta’ jekk l-agrikoltura hix se tkompli tagħmel kontribut pożittiv sħiħ għal dawn l-objettivi. Il-politika tal-kummerċ m’għandhiex iddgħajjef id-dinamika tas-settur agrikolu tal-UE. Għall-kuntrarju, il-politika tal-kummerċ u l-politika agrikola jistgħu u jridu jkunu ta' appoġġ għal xulxin.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (8.12.2010)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali

(2010/2110(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Godelieve Quisthoudt-Rowohl

(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jistieden lill-Kummissjoni żżom strettament mal-mandat tagħha għan-negozjati fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li jistabbilixxi r-riforma diġà kkompletata tal-PAK bħala l-limitu tal-azzjoni tagħha, sakemm mis-sħab kummerċjali tagħha jinkisbu konċessjonijiet indaqs; ifakkar fl-impenn tal-UE dwar l-eliminazzjoni tas-sussidji tal-esportazzjoni bil-kundizzjoni stretta li jkun hemm mossa parallela mis-sħab kummerċjali tagħha rigward is-sussidji tal-esportazzjoni, kif ukoll ta' kull miżura tal-esportazzjoni b'effett ekwivalenti;

2.  Ifakkar li r-riforma tal-PAK tal-2003 u l-"Kontroll tas-Saħħa" tal-2008 wrew is-serjetà tal-impenji tal-UE favur riforma billi antiċipaw ir-rirżultati probabbli tar-Rawnd ta' Doha, filwaqt li għadna nistennew konċessjonijiet ekwivalenti mis-sħab kummerċjali tal-UE;

3.  Jinnota l-fatt li l-ftehim dwar il-kummerċ fil-banana jirrisolvi għoxrin sena tat-tilwima tad-WTO teknikament l-aktar kumplessa, politikament l-aktar sensittiva u l-aktar waħda sinifikanti, jikkostitwixxi pass importanti lejn il-konsolidament ta' sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u li fl-istess ħin jista’ jagħmel kontribut deċiżiv għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet marbuta ma' prodotti tropikali u preferenzi fin-negozjati tad-WTO; jemmen li l-interessi tal-produtturi tal-Komunità u tal-produtturi tal-AKP jridu jiġu meqjusa f’negozjati simili futuri, ħalli dawn is-setturi, li jipprovdu għadd kbir ta' impjiegi, ma jiġux imdgħajfa;

4.  Jinnota li r-reġjuni l-aktar imbiegħda huma parti integrali mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu koperti għalkollox mill-ftehimiet tal-kummerċ; jenfasizza li l-ekonomiji fraġli bbażati fuq is-settur agrikolu f’dawn ir-reġjuni u l-produzzjonijiet tagħhom jinsabu f’kompetizzjoni ma’ prodotti ġejjin mill-produtturi Latinamerikani li jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-tariffi tad-dwana; jirrimarka li l-Artikolu 349 TFUE jipprevedi li l-politiki Komunitarji jiġu mfassla skont ir-realtajiet ġeografiċi u ekonomiċi ta’ dawk ir-reġjuni; jistieden lill-Kummissjoni biex waqt in-negozjati tqis l-interessi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda ħalli l-iżvilupp ta’ dawk ir-reġjuni ma jkunx affettwat;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha rigward is-settur taz-zokkor tal-UE u fin-negozzjati kummerċjali bilaterali u multilaterali twaqqaf il-konċessjonijiet sistematiċi li hemm fuq iz-zokkor; jinnota f’dan il-kuntest l-inizjattivi tas-settur taz-zokkor li żiedu l-kompetittività tiegħu filwaqt li tejjeb is-sostenibilità ambjentali tiegħu u kkontribwixxa għall-aġenda tal-UE dwar l-iżvilupp permezz tal-preferenzi mogħtija lill-AKP u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ħalli, bil-għan li ssalvagwardja l-interessi tal-konsumaturi billi tipprovdi lill-konsumaturi tagħrif affidabbli u relevanti dwar il-prodotti, tissokta taħdem favur protezzjoni aktar effikaċi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) fid-WTO billi testendi għall-IĠ kollha l-livell ogħla ta’ protezzjoni li hemm disponibbli fil-preżent għall-inbejjed u l-ispirti (l-Artikolu 23 tal-ftehim TRIPS), u billi tistabbilixxi sistema ta' notifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

7.  Jistieden lill-Kumissjoni żżomm pożizzjoni jerġa’ aktar qawwija dwar l-inklużjoni tal-IĠ fl-ambitu tal-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u fin-negozjati kummerċjali bilaterali;

8.  Jemmen li l-konklużjoni ta’ negozjati multilaterali hija prijorità li l-UE trid tfittex li twettaq; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali jridu jikkomplementaw il-proċessi multilaterali fis-sura ta’ rispett għal kundizzjonijiet indaqs tax-xogħol, regoli ambjentali komuni u standards tas-sikurezza tal-ikel li diġà huma fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea u jevitaw li jiġu inkoraġġiti biss programmi ta’ żviluopp sostenibbli. ifakkar li l-UE għandha interessi offensivi sostanzjali fl-agrikoltura, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti pproċessati ta’ kwalità għolja; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali bilaterali ma’ sħab kummerċjali maġġuri jistgħu jippromwovu b’suċċess l-interessi ta’ esportazzjoni tal-industrija agroalimentari tal-UE, filwaqt li jipprovdu benefiċċji ekonomiċi sostanzjali;

9.  Jinnota l-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur – ftehim tal-akbar importanza, li jkun jaffettwa 700 miljun ruħ u jkun il-ftehim bireġjonali l-aktar ambizzjuż tad-dinja – u għalhekk jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut mill-qrib fl-istadji kollha tan-negozjati; jenfasizza li eżitu bbilanċjat għaż-żewġ partijiet irid jintlaħaq billi jiġi żgurat li n-negozjati jqisu fid-dettall kollu l-konsegwenzi u l-impatti tiegħu, b'mod partikolari fuq l-isfidi ambjentali u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-konsegwenzi ta' tali ftehim għas-settur agrikolu;

10. Jenfasizza li l-prodotti kollha kkummerċjati fi ħdan l-UE, domestiċi jew importati, iridu jkomplu jkunu konformi mal-istess rekwiżiti stretti tas-sikurezza tal-ikel; fil-każ tal-istandards tal-benesseri tal-annimali u l-istandards ambjentali, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu li tista’ biex tippromwovi l-fehim komuni mal-pajjiżi terzi fejn l-istandards imorru lilhinn mir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll biex fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali tagħha tinkludi dispożizzjonijiet għall-adozzjoni u l-infurzar tal-istandards internazzjonali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lis-sħab kummerċjali tal-UE fl-isforzi tagħhom li għadhom għaddejjin biex itejbu l-istandards soċjali u ambjentali tagħhom ħalli ma jitħalliex li jseħħ tnaqqis tal-kompetittività tal-UE fil-produzzjoni agrikola dinjija u ħalli jintlaħqu standards konsistenti u komprensivi f’dawn l-oqsma;

12. Jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni stretta tar-regoli preferenzjali tal-oriġini; jitlob rieżami tal-preferenzi kummerċjali kollha mogħtija mill-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi emerġenti li huma membri tal-G-20;

13. Isostni mill-ġdid l-importanza li għandu l-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp ekonomiku u għat-tafja tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-UE tgħin lill-pajjiżi tal-AKP jadattaw irwieħhom għall-kompetizzjoni globali li qed tiżdied;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li l-politika kummerċjali twettaq rwol fl-affrontar tal-isfidi tas-sigurtà tal-ikel u tas-sovranità tal-ikel; jitlob li ssir sorveljanza msaħħa tal-effetti tal-iskemi tal-agrofjuwils fuq is-sigurtà tal-ikel u koordinazzjoni tal-miżuri ta’ restrizzjoni tal-esportazzjoni biex tiġi evitata l-aggravazzjoni ta' kwalunkwe kriżi tal-ikel futura;

15. Jinsab imħasseb dwar il-prospett ta’ konċessjonijiet fuq iċ-ċereali fin-negozjati mal-Ukraina, minħabba l-fatt li l-produzzjoni Ukraina hija kompetittiva ħafna u wkoll minħabba li l-Ukraina diġà hija l-utenta prinċipali tal-kwoti taċ-ċereali b’tariffi mnaqqsa (qamħ u xgħir) offruti lill-pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ħalli f’dan is-settur tillimita l-offerta tagħha;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Harlem Désir, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Ryszard Czarnecki, Małgorzata Handzlik, Salvatore Iacolino, Maria Eleni Koppa, Jörg Leichtfried, Michael Theurer, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giommaria Uggias


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (9.12.2010)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali

(2010/2110 (INI))

Rapporteur: Patrizia Toia

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  jirrimarka li l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid hekk: "L-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-applikazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp (PCD) għall-agrikoltura u l-kummerċ se tħalli effett ukoll fuq il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju 1 (l-eradikazzjoni tal-faqar estrem u l-ġuħ) u 8 (is-sħubija globali għall-iżvilupp), inkluż permezz tad-dispożizzjonijiet għal regoli kummerċjali u aċċess għas-suq aktar ġusti;

3.  Jenfasizza li l-volatilità tal-prezzijiet aggravat il-problemi tal-malnutrizzjoni mad-dinja kollha, kif tosserva l-FAO, u li liberalizzazzjoni akbar tal-kummerċ dinji fil-prodotti agrikoli, li ġiet inkuraġġita minn ftehimiet tad-WTO, sa issa ma rnexxilhiex tagħmilha possibbli li tiġi kkontrollata t-theddida tal-ġuħ fid-dinja; jenfasizza li l-UE għandha wkoll id-dmir li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fid-dinja;

4.  Jilqa’ t-tnaqqis progressiv tas-sussidji tal-esportazzjoni u jittama li n-negozjati tad-DOHA jiġu konklużi dalwaqt;

5.  Jinnota li s-sussidji tal-esportazzjoni fil-passat ippermettew id-dumping ta’ prodotti tal-UE li ma jiswewx ħafna flus fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’distorsjoni tal-kompetizzjoni mal-produtturi lokali u b’periklu għall-kapaċità produttiva tagħhom;

6.  Itenni t-tħassib dwar l-istrateġija kummerċjali tal-UE ('Ewropa Globali: Nikkompetu fid-dinja') li tiffoka fuq il-kompetizzjoni u l-aċċess għas-suq għall-prodotti tal-UE u li tonqos li tipprovdi approċċ li jiffavorixxi l-iżvilupp; iħeġġeġ għall-bżonn ta’ aktar konċentrazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ żvilupp fin-negozjati tal-FSEs li għaddejjin;

7.  Jerġa' jafferma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom b'mod leġittimu jitħallew jgħaddu politiki li joħolqu valur miżjud domestiku; jinnota li huwa li stmat li USD 10 biljun jinħolqu għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jekk it-tariffi tal-importazzjoni fuq il-prodotti agrikoli tal-pajjiżi tal-OKŻE jonqsu bin-nofs; iqis li s-sistema kummerċjali attwali tal-UE, li tintaxxa l-materja prima inqas mill-prodotti proċessati, mhix konformi mal-industrijalizzazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi tnaqqis kontinwu ta’ tariffi fuq l-importazzjoni agrikola mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġi promoss il-ħolqien sostnut tal-ġid u jiġu pprovduti opportunitajiet reali ta' aċċess għas-suq għal dawk il-pajjiżi;

8.  Iħeġġeġ biex tiġi adottata perspettiva aktar globali fid-diskussjonijiet dwar il-PAK ta’ wara l-2013, li tespandi l-opportunitajiet għall-aċċess għas-suq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tippermettilhom li joperaw b’mod kompetittiv fis-swieq nazzjonali u reġjonali tagħhom;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għat-trasparenza u r-responsabilità meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt u meta tikkonsulta mal-partijiet interessati u, b’mod partikolari, il-bżonn ta’ djalogu regolari mal-kumitati rilevanti tal-Parlament, inkluż il-Kumitat għall-Iżvilupp.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxela, Martin Kastler, Judith Sargentini, Patrizia Toia


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Stéphane Le Foll, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Pilar Ayuso, Salvatore Caronna, Giovanni La Via, Astrid Lulling, Milan Zver

Avviż legali - Politika tal-privatezza