RAPPORT dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea

8.2.2011 - (2010/2162(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Rovana Plumb
Rapporteurs għal opinjoni(*):
Gabriele Zimmer, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Proċedura : 2010/2162(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0031/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea

(2010/2162(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsira l-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pekin u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati waqt ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju definiti min-Nazzjonijiet Uniti fl-2000, b'mod partikolari l-Mira 1 (li jinqerdu l-faqar estrem u l-ġuħ) u l-Mira 3 (li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1558(2007) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-femminizzazzjoni tal-faqar,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)[2],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali[3],

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Ottubru 2007 dwar ir-Reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing - Indikaturi fir-rigward tan-Nisa u l-Faqar (13947/07),

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-Implimentazzjoni tal-għanijiet ta' Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola (COM(2008)0638),

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010 (COM(2009)0694),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport mill-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010 (COM(2009)0694),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010-2015 (COM(2010)0491),

–   wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010-2015 (SEC(2010)1079) u (SEC(2010)1080),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-24 ta' Marzu 2010 'it-Tieni Sondaġġ dwar il-Kwalità tal-Ħajja Ewropea: il-ħajja tal-familja u x-xogħol',

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi indaqs għall-irġiel u n-nisa[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati ta' pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 u rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f'soċjetà li qed tixjieħ[10],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji[11],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0000/2010),

A. billi, skont d-Deċiżjoni 1098/2008/KE msemmija hawn fuq, l-attivitajiet fil-qafas tas-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kellhom iqisu r-riskji u d-dimensjonijiet differenti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali esperjenzati min-nisa u mill-irġiel; billi 85 miljun Ewropew jgħixu taħt il-linja tal-faqar u 17% min-nisa kollha fis-27 pajjiż tal-UE huma klassifikati li jgħixu fil-faqar, billi, barra minn hekk, fl-aħħar 10 snin l-ammont ta' nisa li jgħixu fil-faqar żdied b'mod sproporzjonat meta mqabbel mal-ammont ta' rġiel, billi l-faqar tal-ġenituri spiss iwassal għall-faqar tat-tfal u lit-tfal jaffettwahom serjament aktar tard fil-ħajja,

B.  billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċa kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali maġġuri li partikolarment tpoġġi fi żvantaġġ lin-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja personali tagħhom, peress li għandhom ċans akbar li jkunu f'impjieg inċert, huma aktar esposti għar-riskju ta' sensja u li anqas għandhom ċans li jkollhom kopertura tas-sigurtà soċjali; billi, barra minn hekk, fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika, il-persuni li diġà huma fir-riskju li jiftaqru, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, isiru aktar vulnerabbli, speċjalment gruppi li diġà jiffaċċaw żvantaġġi numerużi,

C. .     billi l-miżuri ta' awsterità li qed jiġu implimentati fl-UE kollha se jkollhom impatt partikolarment ta' ħsara fuq in-nisa, li jiddominaw is-settur pubbliku kemm bħala impjegati u bħala benefiċjarji tas-servizzi,

D. billi l-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-ħames miri li jistgħu jitkejlu tal-Kummissjoni proposti għall-UE 2020; billi l-Linja Gwida Integrata 10 tal-Istrateġija Ewropa 2020 (il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar) se tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' politiki nazzjonali biex jipproteġu n-nisa, b'mod partikolari, mir-riskju tal-faqar, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tad-dħul għall-familji b'ġenitur wieħed jew għan-nisa anzjani,

E.  billi n-nisa huma tradizzjonalment f'riskju akbar ta' faqar – speċjalment l-ommijiet li jrabbu waħedhom u n-nisa ta' età 'l fuq minn 65 sena, li spiss jirċievu pensjonijiet bil-kemm 'il fuq mil-livell minimu ta' sussistenza għal diversi raġunijiet bħal, pereżempju, meta jkunu għamlu perjodu weqfin mix-xogħol jew waqfu jaħdmu biex jassumu r-responsabilitajiet tal-familja, jew ikunu ħadmu fl-impriża tar-raġel tagħhom, partikolarment fis-setturi tan-negozju u l-biedja, mingħajr rimunerazzjoni u mingħajr affiljazzjoni fis-sigurtà soċjali; billi l-parti l-kbira tal-politiki timmira lejn l-appoġġ tal-familji bit-tfal, filwaqt li sa 35% tan-nuklei familjari jikkonsistu f'persuna singola, li fil-maġġoranza tal-każijiet hija mara,

F.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija arma għall-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa, peress li għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir ekonomiku u twassal għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol, li min-naħa tiegħu għandu bosta benefiċċji soċjali u ekonomiċi,

G.  billi r-rata tal-impjieg tan-nisa hija f'medja ta' 59.1%; billi mill-2000 'il quddiem, il-qabża medja fil-pagi bejn il-ġeneri baqgħet sinifikanti (18% fl-UE in ġenerali u sa aktar minn 30% f'xi Stati Membri fl-2010) u l-prinċipju tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali stabbiliti fit-trattati Ewropej, billi s-suq tax-xogħol segregat skont il-ġeneru għandu konsegwenzi diretti fuq in-nisa,

H.  billi f'16-il Stat Membru r-riskju ta' faqar estrem fost in-nisa jaqbeż sew ir-riskju ta' faqar estrem fost l-irġiel,

I.   billi l-impjieg innifsu ma jikkostitwixxix protezzjoni adegwata kontra l-faqar estrem; billi, prinċipalment bħala konsegwenza tas-segregazzjoni fil-post tax-xogħol, aktar nisa milli rġiel jaħdmu f'impjiegi bi ħlas aktar baxx, filwaqt li spiss jagħti l-każ li l-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali waħedhom lanqas ma joffru l-ebda protezzjoni kontra l-faqar estrem,

J.   billi aktar ma jkun twil il-perjodu ta' ħajja fil-faqar bi dħul partikolarment baxx, aktar ikun kbir ir-riskju li wieħed jaqa' fi stat ta' privazzjoni ekonomika u l-esklużjoni soċjali permanenti; billi, għalhekk, il-miżuri biex jikkumbattu l-faqar ma għandhomx jimmiraw sempliċement biex jgħinu lil dawk li diġà jgħixu fi privazzjoni ekonomika estrema, iżda għandhom ukoll jippruvaw jipprevjenu u jindirizzaw fil-pront fatturi li jwasslu liċ-ċittadini u partikolarment lin-nisa għal privazzjoni ekonomika u soċjali estrema,

K. billi hemm disparitajiet konsiderevoli bejn l-età u l-ġeneru fl-ammont ta' ħin li wieħed jiddedika għax-xogħol mhux imħallas u għall-involviment kwotidjan fl-attivitajiet ta' kura; billi n-nisa b'mod partikolari jġorru l-ikbar piż ta' xogħol mhux imħallas,

L.  billi l-aċċess universali għas-servizzi ta' appoġġ bi prezzijiet aċċessibbli u ta' kwalità, bħall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u faċilitajiet għall-anzjani u persuni dipendenti oħra, huwa importanti għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol u bħala mezz biex ikun evitat u jitnaqqas il-faqar,

M. billi l-anzjani jiffaċċaw riskju ogħla ta' faqar mill-popolazzjoni ġenerali, u jilħqu rata ta' madwar 19% tal-persuni ta' 65 sena u aktar fl-2008 fis-27 Stat tal-UE; billi n-nisa aktar anzjani jinsabu f'pożizzjoni partikolarment prekarja, peress id-dritt tagħhom għal dħul minn pensjoni spiss huwa derivat mill-istat ċivili tagħhom (benefiċċji favur il-konjuġi jew pensjoni ta' superstitu) u peress li rarament għandhom dritt għal pensjoni adegwata tagħhom stess, minħabba waqfiet fil-karriera, inugwaljanza fil-paga u fatturi oħrajn, u li, b'konsegwenza, in-nisa jinsabu aktar spiss mill-irġiel f'sitwazzjonijiet ta' faqar estrem u persistenti (22% tan-nisa ta' età ta' 65 sena u aktar huma f'riskju ta' faqar, meta mqabbel mas-16% tal-irġiel),

N. billi t-tqala taffettwa l-opportunitajiet ta' xogħol u ta' edukazzjoni għan-nisa aktar mill-irġiel, pereżempju fejn sitwazzjonijiet ta' tqala mhux ippjanata jġiegħlu n-nisa jtemmu l-edukazzjoni tagħhom kmieni,

O. billi n-nisa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, huma aktar spiss parti mill-ekonomija informali mill-irġiel, peress li ma jkunux irreġistrati fis-suq uffiċjali tax-xogħol jew ikollhom kuntratti ta' xogħol għal żmien qasir, ħaġa li tiġġenera problemi partikolari fir-rigward tad-drittijiet soċjali tan-nisa, inklużi d-drittijiet matul it-tqala, il-lif tal-maternità u għat-treddigħ, il-ksib ta' drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali,

P.  billi l-faqar huwa fattur assoċjat mar-riskju akbar ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li huwa ostaklu maġġuri għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi, peress li l-vjolenza domestika spiss twassal għat-telf tal-impjiegi, problemi tas-saħħa u telf tad-dar, tista' wkoll tikkostrinġi lin-nisa f'ċiklu ta' faqar; billi, barra minn hekk, it-traffikar tal-bnedmin huwa forma moderna ta' skjavitù li taffettwa lin-nisa u lit-tfajliet fi skala kbira u tikkostitwixxi fattur sinifikanti li huwa kemm konsegwenza tal-faqar u li wkoll jikkontribwixxi għalih,

Q. billi l-vjolenza kontra n-nisa, fil-forom kollha tagħha, hija waħda mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar mifruxa, li ma tafx limiti ġeografiċi, ekonomiċi jew soċjali; billi hija problema akuta fl-Unjoni, fejn madwar 20-25% tan-nisa jġarrbu vjolenza fiżika, u iktar minn 10% vjolenza sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom,

R.  billi n-nisa b'diżabilità jsofru diskriminazzjoni fi ħdan l-ambjent familjari u f'dak edukattiv, l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom huma limitati u l-benefiċċji soċjali li jirċievu fil-maġġoranza tal-każi ma joħorġuhomx mill-faqar billi jeħtieġ li l-Istati Membri għalhekk jipprovdu lin-nisa b'diżabilità l-assistenza speċjalizzata li għandhom bżonn sabiex igawdu drittijiethom u jipproponu miżuri biex jintegraw lil dawn in-nisa permezz ta' programm addizzjonali ta' appoġġ;

S.  billi n-nisa kulma jmur aktar qed jerfgħu l-piż tal-faqar, in-nisa huma aktar esposti għar-riskju ta' faqar, speċjaliment fil-każ ta' kategoriji ta' nisa bi bżonnijiet speċjali, bħan-nisa b'diżabilità, in-nisa anzjani u l-ġenituri li jrabbu wild waħedhom (partikolarment l-ommijiet mingħajr sieħeb u n-nisa romol b'ulied dipendenti) u l-kategoriji l-aktar f'riskju ta' esklużjoni, bħan-nisa Rom, li skont it-tradizzjonijiet tagħhom ix-xogħol tad-dar u ta' kura huwa assenjat lilhom b'mod esklużiv u għalhekk jinqatgħu qabel iż-żmien mill-edukazzjoni u mill-impjiegi u n-nisa immigrati; billi hemm il-ħtieġa ta' kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet bħalma hi paga deċenti, lif tal-maternità u ambjent tax-xogħol li jkun ħieles mid-diskriminazzjoni, li huma essenzjali għal dawn in-nisa,

T.  billi l-programm Progress huwa maħsub biex jappoġġa l-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex jippromwovi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tal-UE; billi dan il-programm huwa għodda tal-akbar importanza fil-ġlieda kontra l-femminilizzazzjoni tal-faqar,

U. billi t-tul ta' ħajja mistenni għan-nisa huwa sitt snin iktar mill-irġiel, skont l-istatistika għall-UE-27 fl-2007 li turi li l-irġiel jgħixu sa 76 sena u n-nisa sa 82; billi dan għandu implikazzjonijiet importanti għall-faqar femminili, partikolarment peress li n-nisa għandhom diffikultà akbar biex ikollhom aċċess għas-sigurtà soċjali u s-sistemi tal-pensjoni;

Femminilizzazzjoni tal-faqar

1.  Iqis li l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar tan-nisa huma element importanti tal-prinċipju fundamentali tas-solidarjetà soċjali li l-Unjoni Ewropea hija marbuta miegħu, kif dispost mill-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jimplika l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-ġustizzja soċjali kif ukoll il-protezzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni;

2.  Jirrikonoxxi li l-"femminilizzazzjoni tal-faqar" tfisser li n-nisa għandhom inċidenza ogħla ta' faqar mill-irġiel, li l-faqar tagħhom huwa aktar akut minn dak tal-irġiel u li l-faqar fost in-nisa qiegħed jiżdied;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-indikatur 'riskju ta' faqar' tal-Eurostat, kważi 85 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-riskju tal-faqar fl-2008, u li skont l-indikatur 'privazzjoni materjali' huwa stmat li ċ-ċifra titla' għal 120 miljun; iqis li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-indikaturi tal-faqar tista' twassal għal ambigwitajiet rigward il-mira tat-tnaqqis ġenerali li sal-2020 ikunu ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni 20 miljun ruħ (tnaqqis ta' 23.5% skont l-indikatur 'riskju ta' faqar' tal-Eurostat, imma biss 16.7% sont l-indikatur 'privazzjoni materjali'); Jenfasizza li dawk li jgħixu fil-faqar huma fil-parti l-kbira nisa, sitwazzjoni li ġiet ikkawżata mill-qgħad, ix-xogħol każwali, salarji baxxi, pensjonijiet taħt il-livell minimu ta' sussistenza, u d-diffikultà mifruxa li jinkiseb aċċess għas-servizzi pubbliċi;

4.  Jenfasizza li l-inugwaljanza bejn il-ġeneri tostakola t-tnaqqis tal-faqar u tipperikola l-prospetti ta' żvilupp ekonomiku u uman;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-kunċett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-miżuri speċjali kollha li għandhom x'jaqsmu mal-impjiegi ħalli jtejbu l-aċċess għall-impjiegi, jevitaw li jkun hemm rappreżentanza żejda ta' nisa f'impjiegi prekarji, iżidu l-parteċipazzjoni sostenibbli u jippromwovu l-progress tan-nisa fis-settur tal-impjiegi, kif ukoll ħalli jnaqqsu s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol billi jsibu tarf tal-kawżi diretti u indiretti;

6.  Jindika li l-faqar fost in-nisa mhuwiex biss ir-riżultat tal-kriżi ekonomika li seħħet dan l-aħħar, imma l-konsegwenza ta' diversi fatturi, inklużi l-istereotipi, l-inugwaljanzi bejn il-pagi għaż-żewġ sessi, l-ostakli li hemm minħabba n-nuqqas ta' rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, il-medja itwal tat-tul tal-ħajja mistennija tan-nisa u, b'mod ġenerali, id-diversi tipi ta' diskriminazzjoni sesswali, li tagħha huma vittmi l-aktar lin-nisa;

7.  Ifakkar li l-Kummissjoni għażlet is-sena 2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, bil-għan li tafferma mill-ġdid u ssaħħaħ l-impenn politiku tal-Unjoni għat-temma ta' avvanz deċiżiv fil-ġlieda kontra l-faqar u tagħraf id-dritt fundamentali ta' dawk li qed jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali li jgħixu ħajja deċenti u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà;

8.  Ifakkar li s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010 kellha tkun mhux biss kampanja medjatika, iżda inizjattiva li tistimola iktar politiki multidimensjonali kontra l-faqar u indikaturi tal-faqar aktar avvanzati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali kritika tal-miżuri l-ġodda li ttieħdu mill-Istati Membri biex jegħlbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'dan il-kuntest;

9.  Jissuġġerixxi li hu meħtieġ li jiġi sostnut, kemm fil-livell Ewropew u kemm fil-livell nazzjonali, impenn sod li jkompli jsir aktar progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi, permezz ta' strateġiji li jkomplu jmexxu 'l quddiem il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-parità bejn in-nisa u l-irġiel, il-Patt għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-qafas ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi konkluż mill-imsieħba soċjali Ewropej;

10. Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-prerekwiżiti għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu kif dovut it-talbiet tal-Parlament li saru fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar inventarju tar-realtà soċjali[12], tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE[13], tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[14] u tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa[15] meta jkunu qed jiġu mfassla l-politiki u l-miżuri għall-istadju li jmiss tal-OMC dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali, l-Istrateġija tal-Inklużjoni Soċjali u l-inizjattiva ewlenija tal-'Ewropa 2020' għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha fi proċess parteċipattiv;

12. Jieħu nota tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jadottaw prospettiva speċifika għall-ġeneru bħala element prinċipali tal-politiki komuni u tal-programmi nazzjonali kollha biex jinqered il-faqar u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali;

13. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummisjoni dwar 'Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar'; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-dimensjoni tal-ġeneru f'din il-pjattaforma;

14. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrateġija Ewropea dwar l-inklużjoni u l-ħarsien soċjali, skont l-inizjattiva 'Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar' imsemmija hawn fuq, u żżid l-isforzi tagħha b'mod partikolari għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-ġenituri waħedhom sabiex ikunu jistgħu jgħixu b'dinjità;

15. Jikkritika l-fatt li l-proġetti ta' rkupru ekonomiku jikkonċernaw prinċipalment l-impjiegi fejn l-irġiel impjegati jikkostitwixxu maġġoranza; Jistieden lill-Istati Membri jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru mir-reċessjoni billi jippromwovu u jinċentivaw l-impjieg tan-nisa u jadottaw miżuri speċifiċi għal taħriġ inizjali u kontinwu, inklużjoni mmirata fis-suq tax-xogħol, sigħat flessibbli, ugwaljanza fil-pagi u r-rieżami tas-sistemi fiskali u tal-pensjoni, kif ukoll jadegwaw il-baġits bil-għan li jiggarantixxu l-ugwaljanza ta' aċċess għan-nefqa tas-settur pubbliku, kemm biex tiżdied il-kapaċità produttiva kif ukoll biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet soċjali tan-nisa;

16. Jirrimarka li, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika, il-qgħad u t-tbatija soċjali għadhom jiżdiedu f'numru ta' Stati Membri u jaffettwaw liż-żgħażagħ u lill-anzjani, lill-irġiel u lin-nisa u l-familji tagħhom b'mod differenti, u għalhekk jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom u jieħdu miżuri speċifiċi għall-qerda tal-faqar u biex jikkumbattu l-esklużjoni soċjali, partikolarment il-faqar fost in-nisa u l-impatt dirett tiegħu fuq il-ħajja tal-familja, għaliex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jaffettwaw mill-inqas wieħed minn kull sitt ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu enfasi speċifika fuq l-aktar gruppi vulnerabbli (familji b'ġenitur wieħed, familji bi tlett itfal jew aktar, persuni b'diżabilità, minoranzi etniċi, speċjalment ir-Rom, nies li jgħixu fil-mikroreġjuni l-aktar żvantaġġati, persuni b'kapaċità għax-xogħol imnaqqsa u żgħażagħ mingħajr esperjenza ta' xogħol); jemmen li l-aċċess għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà huma meħtieġa għal ħajja deċenti; jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jiżguraw li jittieħdu miżuri sabiex jinqered il-faqar tat-tfal u li t-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs fil-ħajja;

17. Jinnota li l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fid-deċennji reċenti tindika mhux biss impatt dirett akbar tar-reċessjoni fuq in-nisa innifishom iżda wkoll fuq in-nuklei familjari, li fihom id-dħul finanzjarju se jkun affettwat b'mod sinifikattiv mit-telf ta' impjieg tal-mara; jenfasizza li l-qgħad fost in-nisa jista' jkun mistenni jogħla b'mod sproporzjonat hekk jif jitħabbar tnaqqis fil-baġit tas-settur pubbliku, peress li n-nisa huma impjegati fis-setturi tal-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali b'mod sproporzjonat;

18. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-indikaturi fir-rigward tan-nisa u l-faqar żviluppati b'rabta mal-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Pekin bħala għodda għas-sorveljanza tal-impatt ta' politiki soċjali, ekonomiċi u tal-impjieg usa' dwar it-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw mezzi aktar xierqa għall-kejl tal-faqar fost in-nisa;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data u informazzjoni sistematiċi tal-ġeneri mhux aggregati fit-tfassil ta' rapporti nazzjonali u fir-Rapport Konġunt annwali dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu indikaturi individwali ġodda fir-rigward tan-nisa u l-faqar bħala għodda biex jiġi sorveljat l-impatt li jkollhom fuq in-nisa u l-faqar politiki usa' soċjali, ekonomiċi u tal-impjiegi;

21. Jenfasizza n-neċessità biex jiġi miftiehem segwitu għall-Karta tan-Nisa, b'konsultazzjoni wiesgħa mal-Parlament Ewropew, u b'kunsiderazzjoni tal-fehmiet tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, biex ikunu promossi mekkaniżmi li jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika;

22. Jiġbed attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jitkomplu ulterjorment ir-riċerki u l-analiżijiet rigward il-fenomenu tal-'femminilizzazzjoni tal-faqar'; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Eurofound jikkooperaw mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u biex jagħtu bidu għal riċerka mmirata sabiex jivvalutaw, fost ħwejjeġ oħra, l-effetti tal-kriżi dinjija fuq in-nisa;

23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-individwi kollha, speċjalment it-tfal u l-anzjani, jkollhom aċċess għall-kura bażika;

24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għall-mediċina preventiva u dijanjostika għal mard tipiku ta' nisa anzjani bħala strument għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

25. Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura medika ta' nisa immigrati minħabba mard kaġun ta' drawwiet alimentari u prattiċi ritwali; jistieden rispettivament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindikaw politiki tas-saħħa bil-għan li jiġġieldu u jipprevjenu prattiki ta' periklu għas-saħħa tan-nisa u li huma wkoll kawża ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali;

26. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tal-ġeneri u l-prinċipji tal-UE jiġu applikati fil-livelli kollha, lokali u nazzjonali;

27 Ifakkar li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandha ssir kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u kemm esternament, sabiex isir adempiment tal-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU sal-2015;

Ġlieda kontra l-faqar tan-nisa permezz tal-politiki tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali

28. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw programmi speċifiċi li jippromwovu l-inklużjoni attiva jew ir-reintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għal opportunitajiet speċifiċi għat-taħriġ tul il-ħajja bil-għan li jiġu provduti l-ħiliet u l-kwalifiki, bħal l-għoti ta' setgħa, trawwim ta' fiducja u tisħiħ tal-kapaċitajiet, neċessarji fid-dawl tal-Istrateġija UE 2020 li tenfasizza l-proġetti u l-programmi dwar trasformazzjoni ekoloġika, jiġifieri, is-settur rinnovabbli, l-impjiegi ħodor b'element xjentifiku u tekonoloġiku qawwi għal ekonomija sostenibbli ġdida; jitlob li, fl-interess li ma jiżdiedx in-nuqqas ta' sigurtà esperjenzat min-nisa fis-suq tax-xogħol, jitqiesu r-responsabilitajiet tal-familja meta jkunu qed jintgħażlu l-ħaddiema għas-sensja, filwaqt li dak li jkun iżomm quddiem għajnejh li f'ħafna sitwazzjonijiet in-nisa huma inkarigati mit-tfal;

29. Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi konsiderevoli li hemm bejn in-nisa f'żoni rurali u urbani fir-rigward tal-aċċess għat-taħriġ, l-impjiegi u l-kwalità tax-xogħol; jagħti importanza konsiderevoli lid-dritt li għandhom dawn ir-residenti kollha, partikolarment dawk l-aktar żgħar fl-età u l-aktar vulnerabbli, li jirċievu edukazzjoni kif għandha tkun, bit-taħriġ professjonali u l-istudji universitarji, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw lil dawn il-gruppi permezz ta' sistema effikaċi ta' politiki attivi u miżuri ta' taħriġ xierqa sabiex ikunu jistgħu jadegwaw ruħhom malajr għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol;

30. Jirrimarka li l-protezzjoni soċjali, il-politiki tas-suq u l-politika soċjali jagħtu kontribut importanti għat-tnaqqis tal-intensità u t-tul tar-reċessjoni billi jistabbilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum, u li s-sistema tal-protezzjoni soċjali hija stabbilizzant kemm rigward id-dħul u kemm rigward l-infiq;

31. Iqis lill-politika tal-impjiegi attiva (eżempju t-taħriġ waqt ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali) importanti ħafna fil-prevenzjoni tal-faqar u proċess li fih l-imsieħba soċjali jiżvolġu rwol essenzjali; iqis barra minn hekk lil-politika tal-impjiegi proattiva (eżempju l-prattika professjonali għaż-żgħażagħ, workshops u postijiet tax-xogħol imħarsa) kruċjali fl-iżgurar tal-bilanċ tas-suq tax-xogħol u żżid l-aċċessibilità għalih, u ssostni l-impjiegi għall-gruppi żvantaġġati;

32. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju trasparenti għal forom atipiċi ta' impjieg sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol kif suppost u paga deċenti, ladarba s-sejbien ta' impjieg huwa mutur għall-ġlieda kontra l-faqar;

33. Jikkunsidra li l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija element prinċipali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jenfasizza l-importanza li jiġi appoġġat il-ħolqien ta' impjiegi ġodda, ikunu ffaċilitati t-taħriġ u l-edukazzjoni għan-nisa li jgħixu fir-riskju tal-faqar u jissaħħaħ is-sejbien tax-xogħol;

34. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex joffru opportunitajiet aħjar għan-nisa fl-edukazzjoni, billi jwessgħu u jiddiversifikaw l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, filwaqt li jiġu kkumbattutu l-istereotipi dwar oqsma ta' studju bi predominanza femminili/maskili kif ukoll billi jiġu eliminati l-mudelli tradizzjonali tar-rwoli tal-ġeneri fil-kurrikuli tal-iskejjel;

35. Jirrikonoxxi l-konnessjoni diretta bejn l-inugwaljanza ekonomika u d-dipendenza femminili, kif ukoll l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, ir-responsabilitajiet tal-familja u l-kura ġenerali tal-familja, u jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-inugwaljanza fil-paga bejn iż-żewġ ġeneri għadha preżenti u tipproduċi effetti negattivi;

36. Jenfasizza li f'każ ta' qgħad ir-riskju li ma jerġgħux jiġu impjegati huwa ogħla għan-nisa, u li wkoll aktar hu probabbli li jkunu aktar żvantaġġati meta jiġu għal xi reklutaġġ, peress li aktar nisa jiġu impjegati fuq kuntratti insikuri jew part-time mingħajr ma jkunu għażlu hekk huma jew minħabba li l-paga inugwali qed tkompli taffettwa lin-nisa;

37 Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-Istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru 'L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE fl-2009' l-ħtieġa li jitnaqqas l-inugwaljanza fil-paga tan-nisa u tal-irġiel hija rikonoxxuta kullimkien fl-Ewropa;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jeliminaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi bħala parti mill-Istrateġija UE 2020; inkoraġġixxi bil-qawwa li t-tnaqqis ta' 1% fis-sena tal-inugwaljanza fil-paga bejn il-ġeneri jiġi stabbilit bħala objettiv, sabiex jinkiseb l-objettiv ta' tnaqqis ta' 10% sal-2020 u jiġi żgurat paga sħiħa lin-nisa tul il-lif statutorju tal-maternità kif rakkomandat mir-rapport leġiżlattiv tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010[16] dwar dan is-suġġett, peress li dan se jikkontribwixxi biex jelimina l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal azzjoni pożittiva biex tiżdied il-preżenza tan-nisa fl-entitajiet eżekuttivi politiċi, ekonomiċi u imprenditorjali;

39. Jinnota li l-aċċess tal-imprendituri nisa għall-kreditu huwa limitat, fatt li hu ostaklu maġġuri għall-iżvilupp professjonali u l-indipendenza ekonomika tagħhom, u li huwa f'kunflitt mal-prinċipju tat-trattament ugwali;

40. Jistieden lil dawk li jfasslu l-politika, kemm fil-livell tal-UE u nazzjonali, biex jibnu r-reazzjoni tal-politika tagħhom, li jimmiraw lejn limitazzjoni tar-riperkussjonijiet negattivi tal-kriżi ekonomika, fuq analiżi tas-suq tax-xogħol li tikkunsidra l-ġeneri u kif ukoll valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet sistemati tal-impatt fuq il-ġeneri;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-inizjattivi mmirati lejn rikonoxximent tal-ekonomija informali u l-kwantifikazzjoni tal-'ekonomija tal-ħajja', bl-użu ta' approċċi speċifiċi għall-ġeneri bi qbil mal-proġett 'Beyond GDP' mniedi mill-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu benefiċċji soċjali xierqa għan-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb l-anzjani, il-morda jew il-qraba b'diżabilità, u għan-nisa anzjani li jirċievu pensjonijiet partikolarment baxxi;

42 Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa kif rikjest mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008[17] (inizjattiva leġiżlattiva li titlob lill-Kummissjoni tressaq proposta xierqa sa tmiem l-2009);

43. Jenfasizza l-importanza kruċjali tar-riforma tal-politiki makroekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol, sabiex tkun iggarantita ġustizzja ekonomika u soċjali għan-nisa, biex jergħu jiġu kkunsidrati l-metodi użati biex jiddeterminaw ir-rata tal-faqar u biex jiġu żiluppati strateġiji għall-promozzjoni ta' distribuzzjoni ġusta tal-ġid, biex ikunu ggarantiti dħul minimu u pagi u pensjonijiet deċenti, biex jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità għolja għan-nisa, flimkien ma' drittijiet, sabiex in-nisa u t-tfajliet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi ta' standard għoli, u biex jitjieb il-forniment ta' servizzi tal-welfare u l-viċinat, inklużi crèches, kindergartens u forom oħra ta' edukazzjoni preskolastika, day centres, ċentri ta' divertiment tal-komunità u ċentri ta' appoġġ għall-familja u ċentri interġenerazzjonali, li għandhom ikunu bi ħlas raġonevoli u aċċessibbli għan-nisa u l-irġiel u fl-istess ħin għaż-żgħażagħ u l-anzjani u li jkunu kompatibbli mal-ħinijiet tax-xogħol full-time;

44. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri ta' konsulenza biex jiġi identifikat u kumbattut l-isfruttament tan-nisa li jaħdmu, li huwa waħda mill-kawżi prinċipali tal-faqar u l-eżklużjoni soċjali;

45. Jistieden lill-Istati Membri jqisu r-rieżami tas-sistemi ta' tassazzjoni u ta' protezzjoni soċjali bil-ħsieb li jiġu individwalizzati d-drittijiet għall-iskemi pensjonistiċi u tas-sigurtà soċjali biex jiġi eliminat il-'vantaġġ ta' min jaqla' l-għajxien tal-familja', jiggarantixxu drittijiet tal-pensjoni ugwali u jneħħu inċentivi li jaffettwaw b'mod negattiv il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà, bħat-tassazzjoni konġunta u għotjiet għall-kura tad-dipendenti li huma marbuta ma' nisa inattivi fis-suq tax-xogħol, bħala għodda biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-faqar, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni;

46. Jenfasizza l-effett pożittiv li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha fuq it-tkabbir ekonomiku; jinnota li bosta studji jikkalkolaw li kieku r-rati ta' impjieg, impjieg part-time u ta' produttività tan-nisa kienu l-istess bħal dawk tal-irġiel, il-PDG kien jiżdied bi 30%, li mhux biss ikun ta' benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi iżda jnaqqas ukoll ir-riskju li jgħaddu minnu ħafna nisa li jiftaqru;

47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw u jimplimentaw bħala kwistjoni ta' urġenza strateġija li tnaqqas bin-nofs il-faqar tat-tfal sal-2012 u tkisser l-ispirali tal-faqar b'mod ġenerali, minħabba r-riskju għoli li l-faqar persistenti jingħadda mill-ġenituri lit-tfal tagħhom, li jista' jfixkel konsiderevolment iċ-ċansijiet tat-tfal għal ħajja aħjar; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet tat-tfal individwali jkunu integrati fil-politiki u l-miżuri kollha tal-UE għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-passi meħuda biex jintemm il-faqar tat-tfal, għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' azzjonijiet prijoritarji, għat-tisħiħ tal-ġbir ta' data u għall-iżvilupp ulterjuri ta' indikaturi komuni fil-livell ta' UE; jemmen li f'dan il-kuntest huwa essenzjali jiġu ffaċilitati kemm id-dħul u kemm ir-ritorn tal-ġenituri waħedhom fis-suq tax-xogħol, kif ukoll arranġamenti ta' assistenza soċjali għall-familji b'ġenitur wieħed fid-dawl tal-problemi li jiffaċċjaw, filwaqt li jiġi żgurat ukoll appoġġ konkret għall-familji kbar; iqis li t-tfal li ġejjin minn familji foqra li fihom ma jkun hemm ħadd li jaħdem għandhom jirċievu attenzjoni u appoġġ speċjali, sabiex ikun evitat il-faqar fil-ġejjieni;

48. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt tar-reċessjoni ekonomika u jeżaminaw in-natura li qed tinbidel tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-effett ta' dan fuq il-gruppi vulnerabbli, u f'termini ta' faqar u esklużjoni soċjali;

49. Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom tal-immigrazzjoni bil-għan li jneħħu l-ostakli strutturali għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-migranti fis-suq tax-xogħol, jiġbru data dwar il-progress rigward id-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli u biex jivvalutaw l-impatt tat-tnaqqis fl-infiq rigward l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali;

50. Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2010 li jħalli f'idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu, f'kooperazzjoni mar-reġjuni, l-objettivi nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tan-numru ta' nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq il-bażi ta' wieħed jew iktar mit-tliet indikaturi maqbula mill-Kunsill; iqis li l-Istati Membri li qed jużaw biss l-indikatur ta' familja fejn ħadd m'għandu impjieg jistgħu sistematikament jittraskuraw problemi bħal faqar għalkemm wieħed ikollu xogħol, faqar f'termini ta' enerġija, il-faqar tal-ġenituri waħedhom, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jabbużawx mil-libertà li jagħżlu l-indikatur tagħhom bil-ħsieb li jilħqu objettivi kontra l-faqar li jkunu anqas ambizzjużi; jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li qed jiffaċċjaw miljuni ta' pensjonanti Ewropej li l-pensjonijiet tagħhom mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja u jkopru l-ħtiġijiet partikolari marbuta mal-età, speċjalment kaġun ukoll tal-prezz għoli tal-mediċini u tat-trattament mediku; jenfasizza li l-edukazzjoni skolastika u universitarja għall-gruppi l-iktar vulnerabbli għandha tkun objettiv prijoritarju li f'konnessjoni magħha kull Stat Membru jrid jistabbilixxi objettivi;

51. Jirrimarka li, peress li parteċipazzjoni ndaqs u sħiħa fil-ħajja ekonomika, politika u soċjali għandha tkun meqjusa bħala dritt individwali, il-politiki attivi tal-inklużjoni soċjali għandhom jużaw approċċ olistiku biex jeqirdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment billi jiżguraw aċċess sħiħ għal servizzi soċjali u servizzi ta' interess ġenerali (ekonomiku) ta' kwalità għal kulħadd;

52. Jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp ta' politiki xierqa ta' integrazzjoni tax-xogħol u ta' taħriġ fil-livell nazzjonali, flimkien ma' arranġamenti fiskali speċjali għall-familji b'ġenitur wieħed bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali;

53. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali u Ewropew biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tal-impjiegi u l-politiki tal-pagi;

54. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-qrib l-ostakli li hemm għall-parteċipazzjoni soċjali bħalma huma l-faqar fl-enerġija, l-esklużjoni finanzjarja u ostakli fl-aċċess għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);

55. Jenfasizza l-importanza ta' politiki ta' koordinament biex jiġu miġġielda l-qgħad u l-esklużjoni soċjali fil-livelli kollha ta' gvern sabiex il-faqar ikun miġġieled b'mod effikaċi;

56. Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ għall-immigrati u għal minoranzi etniċi, li jaġevola l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

Rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol min-nisa li jgħixu fil-faqar jew li huma esposti għar-riskju tal-faqar

57. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik privata, sabiex jagħmluha possibbli għan-nisa esposti għar-riskju tal-faqar li jkomplu l-karrieri tagħhom f'xogħol full-time, jew biex joffrulhom l-aċċess għal xogħol part-time jew arranġamenti flessibbli ta' xogħol, anki billi jużaw arranġamenti ta' xogħol part-time reversibbli waqt il-perjodi li tulhom jieħdu ħsieb persuni oħra;

58. Jitlob li l-impjiegi jkunu sostnuti u maħluqa b'mezzi li jkollhom objettivi speċifiċi (eż. l-offerta ta' impjiegi part-time jew impjiegi b'sigħat flessibbli għan-nisa li jkunu qed irabbu t-tfal) peress li l-qgħad huwa l-kawża l-aktar bażika tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; jappella, flimkien mal-miżuri relatati max-xogħol, għal politiki mmirati biex jiġu implimentati biex tissaħħaħ is-sistema tal-protezzjoni soċjali (eż. il-ħolqien ta' faċilitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal biex jgħinu lin-nisa jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol);

59. Jenfasizza li n-nisa ta' sikwit jinżammu milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol jew milli jaħdmu full-time min-nuqqas ta' aċċess għal servizzi ta' assistenza għall-persuni dipendenti bbażati fuq reġimi li jippermettu biżżejjed ħin ħieles u għażliet ta' xogħol flessibbli għaż-żewġ ġenituri;

60. Jistieden lill-Istati Membri jseddqu r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja permezz ta' miżuri konkreti, bħalma huma t-titjib tat-trasparenza tal-ħlas u l-proċeduri tar-reklutaġġ u l-ħlasijiet għall-assigurazzjoni, il-faċilitazzjoni ta' sigħat flessibbli ta' xogħol u l-bilanċ fl-ispejjeż tal-istat ta' ġenitur;

61. Jenfasizza li terz tal-familji b'ġenitur wieħed fl-Ewropa qed jgħixu fil-faqar;

62. Jinnota li x-xogħol part-time u l-impjieg ta' kwalità baxxa, li jaffettwaw l-aktar lin-nisa, jikkontribwixxu għaż-żieda fl-ammont ta' nisa fost il-ħaddiema foqra u din hija forma ta' esklużjoni soċjali; jenfasizza li l-aċċess għal impjieg ibbażat fuq il-prinċipju tal-flessigurtà huwa mod kif jiġi evitat u kkumbattut il-faqar;

63. Jistieden lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-proċedura msemmija hawn fuq li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu s-sensja ta' ħaddiema matul it-tqala jew il-maternità; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri attivi biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal fis-suq tax-xogħol, kif ukoll miżuri biex ikun żgurat li l-maternità ma taffettwax id-dritt tal-ħaddiema nisa għall-pensjonijiet u li l-iskala ta' dawk il-pensjonijiet ma tiġix affettwata mill-fatt li jkunu ħadu l-lif tal-maternità;

64. Ifakkar lill-Istati Membri li l-provvediment għall-indukrar tat-tfal adegwat huwa parti fundamentali mill-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; jiddispjaċih li l-objettivi tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-2002 dwar l-għoti ta' assistenza preskolastika tat-tfal għal tal-anqas 90% tat-tfal f'età bejn it-3 snin u l-età skolastika obbligatorja u tal-anqas 33% tat-tfal taħt l-età ta' 3 snin, li stabbilixxa objettivi sal-2010, altru mhumiex qed ikunu sodisfatti; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jġeddu u jonoraw l-impenji tagħhom għall-objettivi ta' Barċellona għall-għoti ta' assistenza tat-tfal aċċessibbli, li ma tqumx wisq flus u ta' kwalità għolja u għall-iżvilupp ta' objettivi ġodda għall-kura ta' persuni dipendenti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jtejbu l-aċċessibilità, partikolarment permezz ta' sostenn finanzjarju għall-indukrar tat-tfal, u jtejbu l-faċilitajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal u jipprovdu inċentivi lill-impriżi biex jistabbilixxu faċilitajiet fuq il-post tax-xogħol;

65. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri addizzjonali ta' appoġġ, speċjalment għan-nisa li jaħdmu li huma membri ta' familji b'ġenitur wieħed, jew billi jagħmluha possibbli biex jinstabu forom ta' impjieg b'ħinijiet flessibbli ta' xogħol sabiex dawn ikunu jistgħu jonoraw l-impenji familjari l-iktar estensivi tagħhom, jew inkella billi jipprovdu faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal li ma jqumux wisq flus u ta' kwalità;

66. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni mmirata biex jiżguraw li n-nisa li jinsabu f'ambjent żvantaġġat ikollhom aċċess ġust għas-sistemi ta' saħħa pubblika – b'mod partikolari għall-kura tas-saħħa primarja (inkluż il-protezzjoni tal-ommijiet u tat-tfal) kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – u wkoll kura tas-saħħa ġinekoloġika u ostetrika, akkomodazzjoni deċenti, ġustizzja, edukazzjoni, taħriġ, tagħlim tul il-ħajja, sport u kultura, għall-prevenzjoni ta' abbandun bikri mill-iskola u għall-iffaċilitar ta' tranżazzjoni bla xkiel mill-iskola għas-suq tax-xogħol;

67. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri adegwati għall-appoġġ ta' ommijiet żgħażagħ, li spiss jaffaċċjaw diffikultà biex isibu impjieg u li jgħixu fil-faqar minħabba l-livell ta' edukazzjoni baxx tagħhom u minħabba l-preġudizzji soċjali;

Ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa anzjani

68. Jisħaq li r-riskju li wieħed jaqa' fil-faqar huwa ikbar għan-nisa milli għall-irġiel, partikolarment fl-età kbira, meta s-sistema tas-sigurtà soċjali huma bbażati fuq il-prinċipju tal-impjieg imħallas kontinwu; jinnota li, f'xi każi, in-nisa ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit minħabba interruzzjonijiet fix-xogħol tagħhom u li jiġu penalizzati minħabba diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari minħabba l-inugwaljanza fil-paga, il-lif tal-maternità u x-xogħol part-time, jew b'riżultat ta' waqfien qasir jew għat-tul mix-xogħol biex jerfgħu r-responsabilitajiet familjari, jew minħabba li ħadmu fl-impriża tar-raġel, b'mod partikolari fis-setturi agrikoli u kummerċjali, mingħajr ħlas u mingħajr affiljazzjoni ta' sigurtà soċjali; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jagħtu rikonoxximent lit-trobbija tat-tfal u jiżguraw li dan il-perjodu jkun jgħodd għal pensjoni, u b'hekk in-nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjonijiet sħaħ; jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' pensjonijiet adegwati għan-nisa;

69. Iqis li n-nisa li huma akbar fl-età jistgħu jkunu l-vittmi ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-suq tax-xogħol, jew anke ta' diskriminazzjoni multipla, u li din il-problema trid tiġi indirizzata; jenfasizza li l-impjieg għandu jitqies bħala l-aqwa mezz biex jiġi miġġieled il-faqar fost in-nisa; jitlob li l-parteċipazzjoni tan-nisa ta' kull età fil-programmi tat-taħriġ tul il-ħajja tiġi ffaċilitata; jenfasizza li r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol u l-kontinwazzjoni tat-taħriġ tirrikjedi attenzjoni speċjali u appoġġ;

70. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw l-aċċess ġust għan-nisa għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni, b'kunsiderazzjoni tal-għomor itwal tan-nisa u sabiex jiżguraw li l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jiġi applikat b'mod konsistenti fl-iskema tal-assikurazzjoni tal-pensjoni sabiex titnaqqas id-diskrepanza tal-pensjonijiet bejn il-ġeneri;

71. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu assistenza tas-sigurtà soċjali adegwata għan-nisa responsabbli mill-kura tal-morda, tal-anzjani jew ta' membri tal-familji tagħhom, u għan-nisa anzjani li jirċievu pensjoni partikolarment baxxa.

Impatt tal-vjolenza tal-ġeneru fuq ir-riskju ta' faqar

72. Jinnota li l-vjolenza fuq in-nisa li taffettwa lill-vittmi u lil min iwettaqha, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, id-dħul jew il-pożizzjoni soċjali, għadha problema maġġuri fil-livell tal-Unjoni Ewropea, għandha impatt dejjem akbar fuq ir-riskju ta' emarġinazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali, u tista' tkun ostaklu għall-indipendenza ekonomika, is-saħħa u l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-edukazzjoni għan-nisa; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

73. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir, l-analiżi u l-istudju ta' fatturi li jikkontribwixxu għall-vjolenza domestika, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati minnufih politiki għall-prevenzjoni u t-trattament tal-konsegwenzi ta' din it-tip ta' vjolenza, bħal pereżempju l-għoti ta' kenn għan-nisa bla dar li huma vittmi ta' vjolenza domestika;

74. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi Ewropej għall-qerda tat-traffikar tal-bniedem u tal-isfruttament sesswali permezz ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u l-pulizija aktar mill-qrib; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa għat-tneħħija tal-attitudnijiet u prattiki komuni jew tradizzjonali ta' ħsara, inkluż il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, iż-żwiġijiet bikrija jew furzati u d-delitti tal-unur;

75. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu, fejn għadhom ma jeżistux, pjanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, jiżguraw il-monitoraġġ kontinwu u sistematiku tal-progress tal-miżuri, jiżguraw l-ogħla standards leġiżlattivi bil-għan li jikkumbattu l-vjolenza maskili kontra n-nisa u biex jipprovdu finanzjament adegwat għall-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza, bħala mod biex ikun evitat u jitnaqqas il-faqar;

76. Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li s-sejbien ta' soluzzjonijiet sinifikanti biex jiġi affaċċjat il-faqar tan-nisa jista' jkun mezz wieħed ta' tnaqqis tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, peress li n-nisa li jinsabu fil-faqar jinsabu f'riskju akbar ta' abbuż;

77. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu viżibilità akbar lill-impatt tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali fuq in-nisa u b'mod partikolari fir-rigward tal-identitajiet multipli tan-nisa, u biex jindikaw bħala prijoritajiet in-nisa b'diżabilità, minoranzi etniċi - speċjalment il-komunità Rom - it-tfal u l-immigrati;

78. Jenfasizza l-importanza tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-teħid ta' azzjoni bħala għajnuna għall-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk in-nisa li jkunu sofrew vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-użu ta' strumenti bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jew il-programm PROGRESS;

79.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi għall-ġeneru għall-indirizzar ta' kwistjonijiet li mhumiex direttament marbuta mad-dħul tal-faqar, iżda minflok għandhom rabta mal-kultura, mal-parteċipazzjoni soċjali u politika u man-netwerks soċjali;

Djalogu soċjali u soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa

80. Jenfasizza l-importanza ta' djalogu soċjali strutturat fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' titjieb fis-sistemi ta' parteċipazzjoni u ta' kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tan-nis, ma' NGOs u partijiet interessati rilevanti oħrajn u mas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali;

81. Iqis li djalogu soċjali ġenwin, għandu jkollu l-għan li jippermetti lill-membri tal-aktar gruppi żvantaġġati, flimkien mal-amministrazzjoni nazzjonali u tal-UE, jaqsmu l-opinjonijiet u jikkontribwixxu biex jingħeleb il-faqar estrem, filwaqt li jingħata eżempju konkret tal-aħjar prattika fil-livell Ewropew f'dan il-qasam.

82. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-allokazzjoni finanzjarja li tista' tintuża fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa u biex jingħelbu l-effetti ta' dan;

Garanzija ta' sostenn finanzjarju għall-ġlieda kontra l-faqar

83. Jenfasizza l-importanza tal-fondi strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, bħala għodda prinċipali biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu iktar azzjonijiet kofinanzjati biex jagħtu sostenn akbar lis-servizzi bħall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u tall-anzjani u għall-persuni dipendenti, anke permezz tal-verifika ta' forom ta' kooperazzjoni organizzattiva u finanzjarja pubblika u privata ġodda u ta' arranġamenti ġodda għal din il-kooperazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-użu ġust u adegwat tar-riżorsi allokati;

84. Jenfasizza li żieda adegwata tal-finanzjamenti u l-użu effikaċi tar-riżorsi tal-FSE għandhom jiġu żgurati sabiex jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-miżuri għat-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-għan li jitjieb l-aċċess għas-suq tax-xogħol u jiġi miġġieled il-qgħad, kif ukoll il-miżuri u l-attivitajiet skont l-Istrateġija dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-inizjattiva emblematika 'Ewropa 2020' dwar il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali favur persuni żvantaġġati u vulnerabbli, speċjalment in-nisa, inkluż dawk li huma affaċċjati b'kuntratti prekarji u mhux sikuri; jenfasizza li r-Regolamenti tal-FSE għandhom jiġu riveduti u mibdula biex jilħqu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, li jissaħħew it-trasparenza u l-viżibilità, li l-monitoraġġ tal-effetti soċjali tal-użu tal-fond jitwettaq bir-reqqa, u li għandha tingħata aktar enfasi fuq is-sostenibilità fit-tul tal-proġetti; jitlob, għaldaqstant, li jiġu allokati fondi b'mira speċifikata, fi ħdan il-qafas baġitarju l-ġdid, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu aktar kampanji ta' tagħrif dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE;

85. Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat il-kunċett legali ta' sjieda konġunta bil-għan li d-drittijiet tan-nisa fis-settur agrikolu jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ, li jirċievu protezzjoni xierqa tas-sigurtà soċjali u li x-xogħol tagħhom jiġi rikonoxxut; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li r-Regolament tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)[18] jiġi emendat biex jippermetti, kif jiġri bil-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li jittieħdu miżuri proattivi b'appoġġ għan-nisa fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, li kien fattibbli f'perjodi preċedenti, iżda mhux f'dak attwali, u li se jkollhom effetti ta' benefiċċju kbir għan-nisa f'żoni rurali;

86. Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni permezz tal-programm Progress u jitlob li azzjonijiet speċifiċi jiġu ffinanzjati permezz ta' dan il-programm sabiex issir sensibilizzazzjoni u jiġi promoss dibattitu dwar id-dimensjonijiet tal-faqar li jaffettwaw lin-nisa fl-UE;

87. Jilqa' l-istabbiliment ta' faċilità Ewropea ta' mikrofinanzi għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali; jitlob, f'dan il-qafas, li jkun hemm azzjonijiet imfassla, b'mod partikolari assistenza teknika u miżuri ta' sostenn, speċifikament orjentati biex jiżguraw aċċess u disponibilità miżjuda tal-mikrofinanzi għan-nisa li jaffaċċaw diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom bħala ħaddiema impjegati għal rashom jew jibdew l-mikroimpriżi tagħhom stess;

88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 204, 26.7.2006. p. 23.
  • [2]  ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.
  • [3]  ĠU L 87, 7.4.2010, p.1
  • [4]  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 130.
  • [5]  ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 21.
  • [6]  Testi adottati, P6_TA (2009) 0371.
  • [7]  Testi adottati, P7_TA(2010)0021.
  • [8]  Testi adottati, P7_TA(2010)0231.
  • [9]  Testi adottati, P7_TA(2010)0232.
  • [10]  Testi adottati, P7_TA(2010)0306.
  • [11]  Testi adottati, P7_TA(2010)0365.
  • [12]  ĠU C 282E, 6.11.2008, p. 463.
  • [13]  ĠU C 9E, 15.1.2010, p. 11.
  • [14]  Testi adottati, P6_TA(2009)0371.
  • [15]  Testi adottati, P7_TA(2010)0375.
  • [16]  Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (P7_TA(2010)0373).
  • [17]  ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 21.
  • [18]  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilipp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p.1.)

NOTA SPJEGATTIVA

Għalkemm il-faqar tan-nisa huwa realtà li ilha ħafna preżenti, huwa biss relattivament reċenti li l-kwistjoni bdiet tiġi trattata b'mod sistematiku. Il-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali attwali li taffettwa lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-bqija tad-dinja, qed tiġġenera sensiela ta' effetti negattivi speċifiċi li jinfluwenzaw direttament il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tan-nisa u posthom fis-soċjetà b'mod ġenerali. Dan il-kuntest poġġa fil-quċċatta tal-aġenda tal-Parlament Ewropew il-bżonn ta' approċċ ibbażat fuq il-ġeneru għall-faqar permezz tar-rapport dwar "l-aspett tal-faqar tan-nisa".

Fil-livell dinji, in-nisa huma ifqar mill-irġiel f'paragun. Din hija wkoll ir-realtà f'kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE, għalkemm jistgħu jiġu identifikati differenzi speċifiċi skont il-pajjiż. Kważi 17% tan-nisa Ewropej huma klassifikati li jgħixu fil-faqar; meta jitqiesu l-indikaturi relatati mas-suq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, il-kawżi strutturali tal-faqar għandhom effett sproporzjonat fuq in-nisa. Fl-istess ħin, wieħed jista' jgħid li l-kontribut tan-nisa għall-iżvilupp tal-familja, tas-soċjetà u tal-ekonomija jiġi regolarment stmat u mħallas inqas milli ħaqqu.

Il-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-ħames objettivi li jistgħu jitkejlu tal-Kummissjoni proposti għall-EU 2020 u għal dan il-għan in-numru ta' Ewropej li jgħixu taħt il-linji nazzjonali ta' faqar għandu jitnaqqas b'25% u b'hekk 20 miljun persuna jinqagħlu mill-faqar. F'dan il-kuntest huwa importanti ħafna li l-attivitajiet fil-qafas tas-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali jqisu r-riskji u d-dimensjonijiet differenti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali esperjenzati min-nisa u mill-irġiel.

Sabiex ikun hemm data ta' min joqgħod fuqha, l-iżvilupp tal-kapaċità statistika fi ħdan l-UE f'dan il-qasam huwa ta' importanza kbira. F'dan il-kuntest u filwaqt li jitfakkar l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Ottubru 2007, għandhom jitħeġġu l-identifikazzjoni, l-adozzjoni u s-sorveljanza mill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-indikaturi speċifiċi għall-ġeneru fil-qasam tal-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

Ftit aspetti prinċipali li jiddefinixxu l-"aspett tal-faqar tan-nisa" fl-Ewropa, kif ukoll fil-livell dinji, se jissemmew iktar 'il quddiem. L-ewwel, il-faqar għandu tliet dimensjonijiet "Ġ": dik tal-ġeneru, dik ġeografika u dik ġenerazzjonali. Għandu wkoll impatt differenti fuq in-nisa u l-irġiel, skont ir-rwol tagħhom u r-responsabilitajiet tagħhom fis-soċjetà, meta jitqiesu l-attitudnijiet u r-reazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi.

It-tieni, l-analiżi komprensiva hija neċessarja qabel ma jittieħdu miżuri ta' awsterità, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-aspetti tal-ġeneru. In-nisa fil-bidu ma kinux daqshekk affettwati b'mod sinifikanti mill-kriżi ekonomika (f'termini ta' impjieg) peress li s-setturi tal-ekonomija fejn dawn jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol huma servizzi pubbliċi (l-edukazzjoni, is-saħħa, eċċ.). Madankollu, din is-segregazzjoni professjonali tal-ġeneru tfisser li issa huma vittmi tar-"ristrutturar tas-settur pubbliku" u ta' "tnaqqis baġitarju", u qed jitilfu l-impjiegi tagħhom u jagħmlu xogħol bħall-indukrar tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità, eċċ.

It-tielet aspett: l-impatt tar-reċessjoni huwa sinifikanti iktar u iktar ta' dannu fil-każ tal-gruppi vulnerabbli li jaffaċċaw iktar minn żvantaġġ wieħed (in-nisa żgħar fl-età jew in-nisa anzjani, il-migranti u/jew in-nisa minn minoranzi etniċi, in-nisa li jrabbu t-tfal waħedhom, in-nisa fiż-żoni rurali, eċċ.).

Ir-raba' kwistjoni, b'mod ġenerali, il-gvernijiet jippromwovu miżuri kontra l-kriżi li jimmiraw primarjament is-setturi ekonomiċi li huma popolati, fil-maġġoranza tagħhom, mill-irġiel (l-industrija tal-bini, il-fabbriki tal-karozzi, eċċ.) filwaqt li s-setturi l-oħra tal-ekonomija, li jimpjegaw iktar nisa, huma "injorati" (il-bejgħ bl-imnut, is-servizzi, eċċ.).

Minn dan il-kuntest jidher ċar il-bżonn ta' soluzzjonijiet malajr u effiċjenti. Ir-rapport dwar il-faqar tan-nisa se jipprova jimmaġina parti minn dawn is-soluzzjonijiet. Filwaqt li nżommu f'moħħna l-valuri li fuqhom huwa bbażat il-proġett Ewropew, għandna nassumu li l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar tan-nisa, jekk mhux il-qerda tiegħu, huma parti importanti mill-prinċipju fundamentali tas-solidarjetà soċjali. Fl-istess ħin, il-"Karta Ewropea għad-Drittijiet tan-Nisa" timmira lejn it-titjib tad-drittijiet u l-opportunitajiet għan-nisa, filwaqt li tippromwovi l-mekkaniżmi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika, u huwa iktar mixtieq li jintlaħaq ftehim dwarha u li tiġi adottata.

Ir-rapporteur għażlet li tittratta l-kwistjoni tal-"aspett tal-faqar tan-nisa" billi tipproponi diversi oqsma ta' interess:

Femminilizzazzjoni tal-faqar

Il-faqar tan-nisa għadu moħbi wara statistika u skemi ta' sigurtà soċjali. Skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni tal-2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-faqar huwa wieħed mill-oqsma li fih għad hemm differenzi bejn il-ġeneri; filwaqt li n-nisa jaffaċċaw iktar esponiment għar-riskju tal-faqar u jesperjenza b'mod differenti l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari n-nisa anzjani b'riskju ta' faqar fl-2008 ta' 22% meta mqabbel ma' 16% għall-irġiel anzjani, il-ġenituri li jrabbu waħedhom b'riskju ta' faqar fl-2008 ta' 35% u kategoriji oħra ta' nisa bħan-nisa b'diżabilità u dawk minn minoranzi etniċi.

Skont l-istatistika, in-nisa jagħmlu żewġ terzi mill-popolazzjoni inattiva (63 miljun persuna bejn il-25 u l-64 sena) li tinkludi l-persuni impjegati part-time b'mod mhux volontarju li mhumiex reġistrati li mhux qed jaħdmu.

Wieħed għandu jissottolinja li huwa stmat li l-faqar tan-nisa jista' jkun għoli sa 36%, meta mqabbel ma' 11% għall-irġiel, jekk jiġi kkalkolat skont id-dħul individwali iktar milli skont id-dħul għal kull nukleu familjari. In-nisa Ewropej għandhom ukoll erba' darbiet iktar it-tendenza li jaħdmu part-time, li jkollhom kuntratti b'terminu fiss u huma spiss parti mill-ekonomija informali kkaratterizzata min-nuqqas ta' kuntratti ta' xogħol.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lin-neċessità li jitkomplew ir-riċerki u l-analiżi dwar il-fenomenu tal-"femminilizzazzjoni tal-faqar", filwaqt li jiġu valutati, fost ħwejjeġ oħra, l-effetti tal-kriżi globali fil-każ tan-nisa Ewropej, inklużi l-effetti fuq is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-rata tat-twelid, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-iskemi pensjonistiċi, is-servizzi soċjali ta' appoġġ, l-aċċess għan-nisa għad-deċiżjonijiet li jieħdu pożizzjoni, eċċ.

Ġlieda kontra l-faqar tan-nisa permezz tal-politiki tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali

Hu meqjus li l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija element prinċipali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, hu stmat li l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, ir-responsabilitajiet tal-familja u t-trobbija ġenerali ta' familja huma kawżi prinċipali li jwasslu għall-faqar tan-nisa.

Ir-riskju ta' faqar fost il-popolazzjoni attiva huwa ogħla għan-nisa milli għall-irġiel f'pajjiżi bħal Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja jew il-Latvja. Għan-nisa l-riskju tal-faqar fil-fażijiet attivi tal-ħajja jvarja minn 2% f'Malta għal 3% fir-Repubblika Ċeka u fid-Danimarka għal 10% fil-Latvja u l-Polonja u 12% fil-Greċja. Bħala konsegwenza n-nisa x'aktarx li iktar ikunu impjegati f'xogħlijiet fejn jitħallsu ftit, part-time jew temporanji u għandhom iktar probabilità mill-irġiel li jrabbu familja waħedhom, u għalhekk għandhom riskju partikolari ta' faqar[1].

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva qafas li tistabbilixxi l-prinċipju ta' dħul minimu adegwat fl-Unjoni Ewropea bħala mod kif jiġi miġġieled u jitnaqqas il-faqar, b'kunsiderazzjoni tal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali u b'kunsiderazzjoni xierqa tad-dimensjoni tal-ġeneru; L-Istati Membri għandhom jipprovdu skemi adegwati tad-dħul minimu sabiex il-kategoriji l-iktar vulnerabbli jinqalgħu mill-faqar, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li n-nisa huma wieħed mill-gruppi l-iktar affettwati.

L-għoti ta' drittijiet individwalizzati fl-iskemi pensjonistiċi u tas-sigurtà soċjali bħala għodda biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-faqar jista' jikkostitwixxi pass maġġuri 'l quddiem.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li l-inugwaljanza fil-paga bejn iż-żewġ ġeneri għadha preżenti u tipproduċi effetti estremament gravi. L-inugwaljanza fil-paga bejn il-ġeneri għandha diversi kawżi, inklużi l-istereotipizzazzjoni li jibda minn età bikrija.

Problema oħra li jaffaċċaw in-nisa hija l-hekk imsejjaħ "saqaf tal-ħġieġ" li jimpedixxi li dawn jaċċessaw pożizzjonijiet maniġerjali u tal-quċċata. Anke l-inċidenza ta' interruzzjonijiet mhux imħallsa mix-xogħol għat-trobbija tat-tfal jew għall-kura ta' qraba anzjani hija iktar frekwenti fost in-nisa, ħaġa li tista' twassal għall-faqar fl-età anzjana.

Hu evidenti li irrispettivement mill-grupp ta' età, in-nisa jaffaċċaw riskju ta' faqar ħafna ogħla minn l-irġiel wara separazzjoni mis-sieħeb tagħhom. Barra minn hekk, in-nisa fil-gruppi kollha l-iktar vulnerabbli bħall-persuni b'diżabilità, l-immigrati, il-minoranzi etniċi jew dawk li jgħixu f'żoni rurali huwa iktar probabbli li jesperjenzaw il-faqar.

Il-kriżi ekonomika x'aktarx li se jkollha l-effett li żżid ċ-ċifri tal-qgħad, partikolarment fost il-ħaddiema tas-settur pubbliku fejn in-nisa huma rrappreżentati ħafna. Il-pjanijiet għall-irkupru mir-reċessjoni għandhom iqisu d-dimensjoni tal-ġeneru u għandhom ikunu bbażati fuq data maqsuma skont il-ġeneru.

Il-finanzjament għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u għal korpi tal-ugwaljanza diġà qed jitnaqqas f'xi pajjiżi tal-UE bħall-Irlanda. In-nisa se jkollhom inqas postijiet fejn jirrikorru għall-assistenza.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tintegra sistematikament id-dimensjoni tal-ġeneru sabiex ittejjeb ir-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni ndaqs fis-suq tax-xogħol u tkisser il-mudelli ta' segregazzjoni fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tiżgura l-preżenza tan-nisa fil-pożizzjonijiet tal-quċċata permezz ta' kwoti speċifiċi fil-kompożizzjonijiet tal-bord maniġerjali u fil-politika.

Rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol min-nisa li jgħixu fil-faqar jew li huma esposti għar-riskju tal-faqar

Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja privata, sabiex ikun possibbli għan-nisa li jixtiequ jkomplu l-karrieri tagħhom jew li jaħdmu full-time, hija meqjusa bħala aspett prinċipali biex jintrażżnu l-effetti tal-faqar tan-nisa jew jitnaqqsu r-riskju li n-nisa huma esposti għalihom.

Huma meħtieġa wkoll miżuri addizzjonali ta' appoġġ, speċjalment għan-nisa li jaħdmu li huma membri ta' familji b'ġenitur wieħed, jew billi jagħmluha possibbli biex jinstabu forom ta' impjieg b'ħinijiet flessibbli ta' xogħol sabiex dawn ikunu jistgħu jonoraw l-impenji familjari l-iktar estensivi tagħhom, jew inkella billi jipprovdu faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni dipendenti.

Ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa anzjani

Qed jiġi enfasizzat il-fatt li r-riskju li wieħed jaqa' fil-faqar huwa ikbar għan-nisa milli għall-irġiel, partikolarment fl-età kbira. Ir-rata tal-faqar fost in-nisa anzjani hija ogħla minn dik għall-irġiel anzjani (il-medja tar-rata ta' nisa anzjani fir-riskju tal-faqar hija ta' 22% f'paragun ma' 16% għall-irġiel anzjani) speċjalment fl-Istati Membri fejn l-iskemi pensjonistiċi predominanti jorbtu l-benefiċċji mad-dħul u l-kontribuzzjonijiet matul il-ħajja. Skemi pensjonistiċi bħal dawn ipoġġu lil min jieħu ħsieb it-tfal jew qraba dipendenti fi żvantaġġ għaliex il-karriera tagħhom tiġi interrotta u għax ix-xogħol part-time inaqqas id-dħul tagħhom matul il-ħajja.

Għalhekk, hu neċessarju li tiġi provduta assistenza tas-sigurtà soċjali għan-nisa responsabbli mill-kura tal-morda, tal-anzjani jew ta' membri tal-familji tagħhom, u għan-nisa anzjani li jirċievu pensjoni partikolarment baxxa.

Impatt tal-vjolenza tal-ġeneru fuq ir-riskju ta' faqar

Skont ir-riċerki u l-istudji, in-nisa li esperjenzaw il-vjolenza huma f'riskju miżjud ta' faqar peress li l-vjolenza għandha konsegwenzi fuq is-saħħa tagħhom u tista' twassal għall-qgħad. Għandu jiġi enfasizzat li madwar 20-25% tan-nisa jġarrbu vjolenza fiżika u iktar minn 10% vjolenza sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom.

Il-vjolenza fuq in-nisa hija problema maġġuri li għandha bżonn li tiġi eliminata permezz ta' kull mezz disponibbli, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa.

Attenzjoni partikolari għandha tingħata biex titqies mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-vjolenza u l-faqar u hemm bżonn ta' iktar sforzi mmirati biex jeqirdu t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali permezz ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija iktar mill-qrib fil-livell tal-UE.

Djalogu soċjali u soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa

Għandu jiġi żviluppat djalogu soċjali ġenwin flimkien mal-amministrazzjoni nazzjonali u Ewropea sabiex jinxterdu l-prospettivi u sabiex isir kontribut biex jintgħeleb il-faqar estrem, filwaqt li jiġi provdut eżempju konkret tal-aħjar prattika fil-livell Ewropew f'dan il-qasam.

Attenzjoni partikolari għandha tingħata lix-xogħol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi filwaqt li jitqies ukoll l-appoġġ finanzjarju tagħhom li joriġina mill-Kummissjoni.

Garanzija ta' sostenn finanzjarju għall-ġlieda kontra l-faqar

Il-fondi strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, huma għodda li jgħinu lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Għandhom jiġu kofinanzjati programmi speċifiċi sabiex jiġu promossi l-inklużjoni attiva jew ir-reintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u taħriġ speċifiku fid-dawl tal-ħiliet u l-kwalifiki neċessarji għal impjiegi ħodor ġodda. Attenzjoni xierqa għandha tingħata wkoll lill-finanzjament tal-ħolqien ta' servizzi ta' appoġġ bħall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u tal-kura tal-anzjani.

  • [1]  Informazzjoni bbażata fuq rapport tal-Eurofound "Il-ħaddiema foqra fl-Ewropa", 15 ta' April 2010.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (10.11.2010)

għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea
(2010/2162(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*) : Gabriele Zimmer(*) Proċedura b'kumitati assoċjati - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-faqar tal-ġenituri spiss iwassal għall-faqar tat-tfal u lit-tfal jaffettwahom serjament aktar tard fil-ħajja,

B.   billi d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE hija ta' kważi 18% u l-prinċipju tal-istess ħlas għall-irġiel u għan-nisa huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi stabbiliti fit-trattati Ewropej,

C.  billi l-faqar estrem, it-traffikar tal-bnedmin, ir-reklutaġġ għall-prostituzzjoni u kull tip ieħor ta' sfruttament huma konnessi bejniethom mill-qrib,

1.   Jilqa' 'l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015)' tal-Kummissjoni;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu kif dovut it-talbiet tal-Parlament li saru fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar inventarju tar-realtà soċjali[1], tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE[2], tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[3] u tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà parteċipattiva fl-Ewropa meta jkunu qed jiġu mfassla l-politiki u l-miżuri għall-istadju li jmiss tal-OMC dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali, l-Istrateġija tal-Inklużjoni Soċjali u l-inizjattiva ewlenija tal-'Ewropa 2020' għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha fi proċess parteċipattiv;

3.   Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-kunċett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-miżuri speċjali kollha li għandhom x'jaqsmu mal-impjiegi ħalli jtejbu l-aċċess għall-impjiegi, jevitaw li jkun hemm rappreżentanza żejda ta' nisa f'impjiegi prekarji, iżidu l-parteċipazzjoni sostenibbli u jippromwovu l-progress tan-nisa fis-settur tal-impjiegi, kif ukoll ħalli jnaqqsu s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol billi jsibu tarf tal-kawżi diretti u indiretti;

4.   Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi konsiderevoli li hemm bejn in-nisa f'żoni rurali u urbani fir-rigward tal-aċċess għat-taħriġ, l-impjiegi u l-kwalità tax-xogħol; jgaħti importanza konsiderevoli lid-dritt li għandhom dawn ir-residenti kollha, partikolarment dawk l-aktar żgħar fl-età u l-aktar vulnerabbli, li jirċievu edukazzjoni kif għandha tkun, bit-taħriġ vokazzjonali u l-istudji universitarji, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw lil dawn il-gruppi permezz ta' sistema effettiva ta' politiki attivi u miżuri ta' taħriġ xierqa sabiex ikunu jistgħu jaġġustaw ruħhom malajr għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol;

5.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu li jwettqu politiki sostenibbli li jkunu jippermettu lil kulħadd, inklużi l-gruppi l-aktar dgħajfa u l-anqas iffavoriti, ikollu aċċess għas-suq tax-xogħol u jikseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tal-familja, filwaqt li jkun żgurat li jingħata appoġġ sħiħ għall-opportunitajiet indaqs u s-servizzi kollha meħtieġa għal dan, b'miżuri ta' appoġġ bħalma huma s-sigħat flessibbli tax-xogħol u l-indokrar tat-tfal li jkun aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd;

6.   Jirrimarka li, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika, il-qgħad u t-tbatija soċjali għadhom jiżdiedu f'numru ta' Stati Membri u jaffettwaw liż-żgħażagħ u lill-anzjani, lill-irġiel u lin-nisa u l-familji tagħhom b'mod differenti, u għalhekk jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom u jieħdu miżuri speċifiċi għall-qerda tal-faqar u jikkumbattu l-esklużjoni soċjali, għaliex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jaffettwaw mill-inqas wieħed minn kull sitt ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu enfasi speċifika fuq l-aktar gruppi vulnerabbli (familji b'ġenitur wieħed, familji bi tlitt itfal jew aktar, persuni b'diżabilità, minoranzi etniċi, speċjalment ir-Roma, nies li jgħixu fil-mikroreġjuni l-aktar żvantaġġati, persuni b'kapaċità għax-xogħol imnaqqsa u żgħażagħ mingħajr esperjenza ta' xogħol); jemmen li l-aċċess għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà huma meħtieġa għal ħajja deċenti; jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jiżguraw li jittieħdu miżuri sabiex jinqered il-faqar tat-tfal u li t-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs fil-ħajja;

7.   Peress li l-qgħad huwa l-aktar kawża bażika tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali fil-każ tan-nisa wkoll, jitlob li l-impjiegi jkunu sostnuti u maħluqa b'mezzi li jkollhom miri speċifiċi (eż. il-provvediment ta' impjiegi part-time jew impjiegi b'sigħat flessibbli għan-nisa li jkunu qed irabbu t-tfal) u, minbarra miżuri marbuta max-xogħol, jissuġġerixxi wkoll l-implimentazzjoni ta' politiki b'miri speċifiċi bil-għan li jsaħħu s-sistema tal-ħarsien soċjali (eż. il-ħolqien ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal biex in-nisa jkunu jistgħu jmorru lura fis-suq tax-xogħol);

8.   Jenfasizza li terz tal-familji b'ġenitur wieħed fl-Ewropa qed jgħixu fil-faqar;

9.   Jindika li l-faqar fost in-nisa mhuwiex biss ir-riżultat tal-kriżi ekonomika li seħħet dan l-aħħar, imma l-konsegwenza ta' diversi fatturi, inklużi l-istereotipi, id-distakk bejn il-pagi għaż-żewġ sessi, l-ostakli li hemm minħabba n-nuqqas ta' rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, il-medja itwal tal-istennija tal-ħajja tan-nisa u, b'mod ġenerali, id-diversi tipi ta' diskriminazzjoni sesswali, li tivvittimizza l-aktar lin-nisa;

10. Jenfasizza li f'każ ta' qgħad ir-riskju li ma jerġgħux jiġu impjegati huwa ogħla għan-nisa, u li wkoll aktar hu probabbli li jkunu aktar żvantaġġati meta jiġu għal xi reklutaġġ, peress li aktar nisa jiġu impjegati fuq kuntratti insikuri jew part-time mingħajr ma jkunu għażlu hekk huma jew minħabba li l-paga inugwali qed tkompli taffettwa lin-nisa;

11. Jenfasizza li n-nisa ta' sikwit jinżammu milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol jew milli jaħdmu full-time min-nuqqas ta' aċċess għal servizzi ta' indukrar għall-persuni dipendenti bbażati fuq reġimi li jippermettu biżżejjed ħin ħieles u għażliet ta' xogħol flessibbli għaż-żewġ ġenituri;

12. Jenfasizza li l-finanzjament għall-Fond Soċjali Ewropew m'għandux jiżdied;

13. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrateġija Ewropea dwar l-inklużjoni u l-ħarsien soċjali, skont l-inizjattiva 'Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar', u żżid l-isforzi tagħha b'mod partikolari għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-ġenituri waħedhom sabiex ikunu jistgħu jgħixu b'dinjità;

14. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu id-distakki li hemm bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa li b'konsegwenza tagħhom dawk li għandhom l-istess ħiliet u l-istess impjiegi jaqgħu lura f'dak li hu dħul u li jirriżultaw f'rata għolja ta' nisa li jesperjenzaw il-faqar meta jirtiraw jew jormlu;

15. Iqis li n-nisa li huma akbar fl-età jistgħu jkunu l-vittmi ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta fis-suq tax-xogħol, jew anke ta' diskriminazzjoni multipla, u li din il-problema trid tiġi indirizzata b'mod organizzat u determinat; jenfasizza li l-impjieg għandu jitqies bħala l-aqwa mezz biex jiġi miġġieled il-faqar fost in-nisa; jitlob li l-parteċipazzjoni tan-nisa ta' kull età fil-programmi tat-taħriġ ta' tul il-ħajja tiġi ffaċilitata; jenfasizza li r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol u l-kontinwazzjoni tat-taħriġ tirrikjedi attenzjoni speċjali u appoġġ;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżviluppaw u jimplimentaw bħala kwistjoni ta' urġenza strateġija li tnaqqas bin-nofs il-faqar tat-tfal sal-2012 u tkisser l-ispirali tal-faqar b'mod ġenerali, minħabba r-riskju għoli li l-faqar persistenti jingħadda mill-ġenituri lit-tfal tagħhom, li jista' jfixkel konsiderevolment iċ-ċansijiet tat-tfal għal ħajja aħjar; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet tat-tfal individwali jkunu integrati fil-politiki u l-miżuri kollha tal-UE għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-passi meħuda biex jintemm il-faqar tat-tfal, għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' azzjonijiet prijoritarji, għat-tisħiħ tal-ġbir ta' data u għall-iżvilupp ulterjuri ta' indikaturi komuni fil-livell ta' UE; jemmen li f'dan il-kuntest huwa essenzjali jiġu ffaċilitati kemm id-dħul u kemm ir-ritorn tal-ġenitoru waħedhom fis-suq tax-xogħol, kif ukoll arranġamenti ta' assistenza soċjali għall-familji b'ġenitur wieħed fid-dawl tal-problemi li jiffaċċjaw, filwaqt li jiġi żgurat ukoll appoġġ konkret għall-familji kbar; iqis li t-tfal li ġejjin minn familji foqra li fihom ma jkun hemm ħadd li jaħdem għandhom jirċievu attenzjoni u appoġġ speċjali, sabiex ikun evitat il-faqar fil-ġejjieni;

17. Jirrimarka li l-istudji internazzjonali juru li n-nisa huma rrappreżentati żżejjed fost il-fqar li jaħdmu fuq il-bażi tal-inugwaljanzi bejn is-sessi (segregazzjoni fl-impjiegi, diskriminazzjoni fil-pagi eċċ.), li din diskrepanza fil-pagi hija aggravata ulterjorment mir-responsabilitajiet tradizzjonali tan-nisa li jieħdu ħsieb lill-oħrajn, u li dawn iż-żewġ fatturi jikkawżaw ukoll żvantaġġ finanzjarju kbir għan-nisa fix-xjuħija (differenza fil-pensjonijiet u f'dak li jkunu ġemmgħu);

18. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu evalwazzjonijiet tal-impatt tar-reċessjoni ekonomika u jesploraw in-natura li qed tinbidel tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-effett ta' dan fuq il-gruppi vulnerabbli, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, jadottaw u jimmoniterjaw indikaturi speċifiċi tas-sessi fil-qasam tal-qirda tal-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali;

20. Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom tal-immigrazzjoni bil-għan li jneħħu l-ostakli strutturali għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-migranti fis-suq tax-xogħol; jiġbru data dwar il-progress rigward id-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli u biex jevalwaw l-impatt tat-tnaqqis fl-infiq rigward l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali;

21. Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2010 li jħalli f'idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu, f'kooperazzjoni mar-reġjuni, il-miri nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tan-numru ta' nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq il-bażi ta' wieħed jew iktar mit-tliet indikaturi maqbula mill-Kunsill; iqis li l-Istati Membri li qed jużaw biss l-indikatur ta' dar fejn ħadd m'għandu impjieg jistgħu sistematikament jittraskuraw problemi bħal faqar għalkemm wieħed ikollu xogħol, faqar f'termini ta' enerġija, il-faqar tal-ġenituri waħedhom, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jabbużawx mil-libertà li jagħżlu l-indikatur tagħhom bil-ħsieb li jilħqu miri kontra l-faqar li jkunu anqas ambizzjużi; jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li qed jiffaċċjaw miljuni ta' pensjonanti Ewropej li l-pensjonijiet tagħhom mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja u jkopru l-ħtiġijiet partikolari marbuta mal-età, speċjalment kaġun ukoll tal-prezz għoli tal-mediċini u tat-trattament mediku; jenfasizza li l-edukazzjoni skolastika u universitarja għall-gruppi l-iktar vulnerabbli għandha tkun mira prijoritarja li f'konnessjoni magħha kull Stat Membru jrid jistabbilixxi miri;

22. Ifakkar li l-Kummissjoni għażlet is-sena 2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, bil-għan li tafferma mill-ġdid u ssaħħaħ l-impenn politiku tal-Unjoni għat-temma ta' avvanz deċiżiv fil-ġlieda kontra l-faqar u tagħraf id-dritt fundamentali ta' dawk li qed jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali li jgħixu ħajja diċenti u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà;

23. Ifakkar li s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010 kellha tkun mhux biss kampanja tal-midja, iżda inizjattiva li tistimula iktar politiki multidimensjonali kontra l-faqar u indikaturi tal-faqar aktar avanzati; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali kritika tal-miżuri l-ġodda li ttieħdu mill-Istati Membri biex jgħelbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'dan il-kuntest;

24. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-indikatur tal-Eurostat rigward 'min jinsab fir-riskju tal-faqar', kważi 85 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-riskju tal-faqar fl-2008, u li skont l-indikatur 'privazzjoni materjali' huwa stmat li ċ-ċifra titla' għal 120 miljun; iqis li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-indikaturi tal-faqar tista' twassal għal ambigwitajiet rigward il-mira tat-tnaqqis ġenerali li sal-2020 ikunu ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni 20 miljun ruħ (tnaqqis ta' 23,5% skont l-indikatur tal-Eurostat rigward min jinsab fir-riskju tal-faqar, imma biss 16,7% sont l-indikatur 'privazzjoni materjali');

25. Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-istrumenti u jtejbu l-qafas leġiżlattiv meħtieġ biex jegħlbu d-disparità li hemm bejn il-pagi taż-żewġ sessi;

26. Jirrimarka li l-ħarsien soċjali, il-politiki tas-suq u l-politika soċjali jagħtu kontribut importanti għat-tnaqqis tal-intensità u d-dewma tar-reċessjoni billi jistabilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum, u li s-sistema ta' protezzjoni soċjali hija stabilizzant kemm rigward id-dħul u kemm rigward l-infiq.

27. Iqis politika tal-impjiegi attiva (eż. taħriġ waqt ix-xogħol, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ) importanti ħafna fil-prevenzjoni tal-faqar u proċess li fih is-sħab soċjali għandhom rwol essenzjali; iqis barra minn hekk li politika tal-impjiegi proattiva (eż. prattika professjonali għaż-żgħażagħ, workshops u postijiet tax-xogħol imħarsa) hija wkoll kruċjali fl-iżgurar tal-bilanċ tas-suq tax-xogħol u żżid l-aċċessibilità għalih, u ssostni l-impjiegi għall-gruppi żvantaġġati;

28. Jissuġġerixxi li hu meħtieġ li jiġi sostnut, kemm fil-livell Ewropew u kemm fil-livell nazzjonali, impenn sod li jkompli jsir aktar progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi, permezz ta' strateġiji li jkomplu jmexxu 'l quddiem il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-parità bejn in-nisa u l-irġiel, il-Patt għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-qafas ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi konkluż mis-sħab soċjali Ewropej;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju trasparenti għal forom atipiċi ta' impjieg sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol kif suppost u paga deċenti, ladarba s-sejbien ta' impjieg huwa mutur għall-ġlieda kontra l-faqar;

30. Jistieden lill-Istati Membri biex, fejn ikun meħtieġ, jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi tal-assistenza soċjali bil-għan li jiġu evitati l-inugwaljanzi konsiderevoli bejn il-livelli tal-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, u jqisu l-għażla li jintroduċu fatturi korrettivi li jkunu jqisu l-lakuni fil-kontribuzzjonijiet li jkunu ġejjin minn impjieg insikur jew minn responsabilitajiet materni;

31. Jenfasizza l-importanza ta' sigurtà soċjali u drittijiet tal-pensjoni li jkunu bbażati fuq l-individwu sabiex tkun iggarantita l-indipendenza ekonomika għan-nisa u għall-irġiel;

32. Jirrimarka li, peress li parteċipazzjoni indaqs u sħiħa fil-ħajja ekonomika, politika u soċjali għandha tkun meqjusa bħala dritt individwali, il-politiki attivi tal-inklużjoni soċjali għandhom jużaw approċċ olistiku biex jeqirdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment billi jiżguraw aċċess sħiħ għal servizzi soċjali u servizzi ta' interess ġenerali (ekonomiku) ta' kwalità għal kulħadd;

33. Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-prerekwiżiti għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali;

34. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-Istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru 'L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE fl-2009' l-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel hija rikonoxxuta kullimkien fl-Ewropa;

35. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri fuq livell Ewropew u nazzjonali biex jiġu rrikonċiljati l-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol bħala parti mill-isforzi biex jiġi miġġieled il-faqar u jittejjeb l-aċċess għal impjiegi deċenti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jtejbu l-faċilitajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal u jipprovdu inċentivi lill-impriżi biex jistabbilixxu faċilitajiet fuq il-post tax-xogħol;

36. Jistieden lill-Istati Membri jseddqu r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja permezz ta' miżuri konkreti, bħalma huma t-titjib tat-trasparenza tal-ħlas u l-proċeduri tar-reklutaġġ u l-ħlasijiet għall-assigurazzjoni, il-faċilitazzjoni ta' sigħat flessibbli ta' xogħol u l-bilanċ fl-ispejjeż tal-istat ta' ġenitur;

37. Jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp ta' politiki xierqa ta' integrazzjoni tax-xogħol u ta' taħriġ fil-livell nazzjonali, flimkien ma' arranġamenti speċjali tat-taxxa għall-familji b'ġenitur wieħed bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali;

38. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali u Ewropew biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tal-impjiegi u l-politiki tal-pagi;

39. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-qrib l-ostakli li hemm għall-parteċipazzjoni soċjali bħalma huma l-faqar fl-enerġija, l-esklużjoni finanzjarja u ostakli fl-aċċess għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);

40. Jenfasizza l-importanza ta' politiki ta' koordinament biex jiġu miġġielda l-qgħad u l-esklużjoni soċjali fil-livelli kollha ta' gvern sabiex il-faqar ikun miġġieled b'mod effettiv;

41. Ifakkar li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandha ssir kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u kemm esternament, sabiex ikun issodisfat l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU sal-2015;

42. Ifakkar lill-Istati Membri li l-provvediment għall-indukrar tat-tfal adegwat huwa parti fundamentali mill-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; għalhekk ifakkar lill-Istati Membri f'kemm hu importanti li jintlaħqu l-miri ta' Barċellona dwar l-indukrar tat-tfal, biex b'hekk in-nisa jkunu inkoraġġiti jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jitrawwem bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

43. Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ għall-immigranti u għal minoranzi etniċi, li jaġevola l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Marian Harkin, Roger Helmer, Stephen Hughes, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Jürgen Creutzmann, Tamás Deutsch, Julie Girling, Joe Higgins, Jelko Kacin, Jan Kozłowski, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.11.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Marian Harkin, Roger Helmer, Stephen Hughes, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Jürgen Creutzmann, Tamás Deutsch, Julie Girling, Joe Higgins, Jelko Kacin, Jan Kozłowski, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Nicole Kiil-Nielsen, Barbara Matera, Siiri Oviir, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Franziska Katharina Brantner, Anne Delvaux, Christa Klaß, Norica Nicolai, Antigoni Papadopoulou, Rovana Plumb, Joanna Senyszyn

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanimir Ilchev