RAPPORT dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE
8.2.2011 - (2010/2089(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Edite Estrela
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 168 u 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE’ (COM(2009)0567),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13)[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità mill-Komunità Ewropea[2],
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali intitolata ‘Is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE’,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2010 dwar ‘Ekwità u Saħħa fil-politiki kollha: Is-Solidarjetà fis-Saħħa’,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar it-tieni valutazzjoni konġunta mill-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali u l-Kummissjoni tal-impatt soċjali tal-kriżi ekonomika u tar-risponsi tal-politika,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ‘Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea’ (2006/C 146/01),
– wara li kkunsidra r-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar is-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa (WHO, 2008),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘Is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE’,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Frar 2007 dwar il-Promozzjoni ta’ Dieti Tajbin u Attività Fiżika: Dimensjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tal-Piż Żejjed, l-Obeżità u l-Mard[3]) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-White Paper dwar in-Nutriment, il-Piż Żejjed u kwistjonijiet ta’ Saħħa relatati mal-Obeżità[4],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 fuq il-White Paper intitolata ‘Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013’[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0032/2011),
A. billi l-universalità, l-aċċess għal kura ta’ kwalità għolja, l-ekwità u s-solidarjetà huma valuri u prinċipji komuni li jirrinforzaw is-sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri tal-UE,
B. billi, filwaqt li n-nies jgħixu, bħala medja, ħajjiet itwal u aktar b’saħħithom mill-ġenerazzjonijiet preċedenti, l-UE qed taffaċċja sfida importanti fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, b’mod partikolari d-differenzi kbar fis-saħħa fiżika u mentali li jeżistu u li qed jikbru bejn l-Istati Membri tal-UE u fihom,
C. billi d-differenza fl-istennija tal-ħajja mat-twelid bejn l-aktar gruppi soċjoekonomiċi baxxi u għoljin hija ta' 10 snin għall-irġiel u 6 snin għan-nisa,
D. billi d-dimensjoni tas-sessi f’termini tal-istennija tal-ħajja hija wkoll kwistjoni ewlenija li tkun indirizzata fil-kuntest tal-inugwaljanzi tas-saħħa,
E. billi, barra minn determinanti ġenetiċi, is-saħħa hija influwenzata fuq kollox mill-istili ta’ ħajja tan-nies, mill-aċċess tagħhom għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inklużi l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u mill-aċċess tagħhom għat-trattament ta’ mard fuq perjodi qosra u twal; billi gruppi soċjoekonomiċi aktar baxxi huma aktar suxxettibbli għal nutriment fqir u dipendenza fuq it-tabakk u l-alkoħol, li kollha huma fatturi prinċipali kontributorji f’ħafna mard u kundizzjonijiet, inklużi l-mard kardjovaskulari u l-kanser,
F. billi fl-Istati Membri kollha nstabu inugwaljanzi fis-saħħa bejn nies fi gruppi b’edukazzjoni, xogħol u dħul aktar baxxi u aktar għoljin,
G. billi teżisti evidenza ta’ dimensjoni ta’ sess fir-rati ta’ malnutrizzjoni li tissuġġerixxi li n-nisa jsofru aktar mill-malnutrizzjoni, u li din l-inugwaljanza hija aggravata aktar ’l isfel fl-iskala soċjoekonomika,
H. billi l-inugwaljanzi minħabba s-sessi u l-età fir-riċerka bijomedika u s-sottorappreżentanza tan-nisa fil-provi kliniċi jdgħajfu l-kura tal-pazjenti,
I. billi l-kejl komparattiv tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huwa l-ewwel pass fundamentali għal azzjoni effettiva,
J. billi r-rati ta’ morbożità huma ġeneralment ogħla fost dawk fi gruppi b’edukazzjoni, xogħol u dħul aktar baxxi u jinstabu wkoll inugwaljanzi sostanzjali fil-prevalenza ta’ diżabilità b’forom l-aktar speċifiċi u ta’ mard kroniku li ma jitteħidx l-aktar speċifiku, il-mard orali u forom ta’ mard mentali,
K. billi l-inċidenza tal-użu tat-tabakk fost in-nisa, l-aktar ix-xebbiet, qiegħed jiżdied b’rata mgħaġġla b’konsegwenzi devastanti għas-saħħa futura tagħhom; u billi, fil-każ tan-nisa, it-tipjip huwa aggravat bi żvantaġġi multipli,
L. billi l-Kummissjoni osservat li jeżisti diżlivell soċjali fl-istat tas-saħħa fl-Istati Membri kollha tal-UE (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 intitolata ‘Solidarjetà fis-Saħħa: it-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-settur tas-Saħħa fl-UE’); u billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiddefenixxi dan id-diżlivell soċjali bħala r-rabta bejn l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u l-inugwaljanzi fiż-żoni tas-saħħa u l-aċċess għall-kura tas-saħħa,
M. billi għadd ta’ proġetti u studji kkonfermaw li speċjalment l-ewwel sintomi tal-piż żejjed u l-obeżità huma kkaratterizzati minn disparitajiet bikrija konnessi mal-ambjent soċjoekonomiku u li l-ogħla rati ta’ inċidenza tal-piż żejjed u l-obeżita huma rreġistrati fil-gruppi soċjoekonomiċi aktar baxxi; billi din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal inugwaljanzi akbar ta’ saħħa u soċjoekonomiċi minħabba r-riskju dejjem jikber tal-mard relatat mal-obeżità,
N. billi minkejja l-progress soċjoekonomiku u ambjentali li wassal għal titjib ġenerali fl-istat tas-saħħa tan-nies matul perjodi twal ta’ żmien, għadd ta’ fatturi bħall-iġene, il-kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol, il-malnutrizzjoni, l-edukazzjoni, id-dħul, il-konsum tal-alkoħol u t-tipjip għadhom għandhom impatt dirett fuq l-inugwaljanzi tas-saħħa;
O. billi l-bidla fil-klima hija mistennija li tirriżulta f’għadd ta’ impatti potenzjali fuq is-saħħa minħabba l-frekwenza li żdiedet tal-ġrajjiet estremi tat-temp bħall-mewġiet tas-sħana u l-għargħar, minħabba xejriet li qed jinbidlu fil-mard li jittieħed, u minħabba espożizzjoni li żdiedet għar-radjazzjoni ultravjola; billi mhux il-pajjiżi kollha tal-UE huma ugwalment imħejjija biex jindirizzaw dawn l-isfidi,
P. billi l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa m’humiex biss ir-riżultat ta’ għadd ta’ fatturi relatati ekonomiċi, ambjentali u stili ta’ ħajja, iżda wkoll ta’ problemi relatati mal-aċċess għall-kura tas-saħħa,
Q. billi l-inugwaljanzi tas-saħħa huma wkoll marbutin mal-problemi fl-aċċessibilità tal-kura tas-saħħa, kemm għal raġunijiet ekonomiċi (mhux daqshekk għat-trattament prinċipali, li hu indirizzat tajjeb mill-Istati Membri, iżda aktarx għat-trattament ta’ kuljum bħall-kura tas-snien u tal-għajnejn) kif ukoll bħala riżultat ta’ tqassim ħażin tar-riżorsi mediċi f’ċerti żoni tal-UE,
R. billi l-iskarsezza ta’ professjonisti mediċi f’ċerti żoni tal-UE u l-fatt li jistgħu faċilment jiċċaqalqu għal żoni oħra tal-UE hija problema reali, u billi din is-sitwazzjoni qed tikkawża l-inugwaljanzi prinċipali rigward l-aċċess għall-kura tas-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti,
S. billi n-nies li jgħixu f’żoni remoti u fuq gżejjer jibqgħu b’aċċess limitat għall-kura tas-saħħa fil-pront u ta’ kwalità għolja,
T. billi pazjenti li jgħixu b’mard jew kundizzjonijiet kroniċi jiffurmaw grupp speċifiku li jsofri minn inugwaljanzi fl-aċċess għal dijanjosi u kura, servizzi soċjali u ta’ għajnuna oħra, u żvantaġġi inklużi pressjoni finanzjarja, aċċess fqir għal impjieg, diskriminazzjoni soċjali u stigma,
U. billi l-vjolenza kontra n-nisa hija fenomenu mifrux sew fil-pajjiżi kollha u fost il-klassijiet soċjali kollha u għandha effett drammatiku fuq is-saħħa fiżika u emottiva tan-nisa u tat-tfal,
V. billi l-infertilità hija kundizzjoni medika rikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li għandha impatt sinifikanti fuq is-saħħa tan-nisa, u billi l-Istħarriġ tal-Għarfien Nazzjonali tar-Renju Unit wera li aktar minn 94% tan-nisa li jsofru minn infertilità jsofru wkoll minn forom ta' dipressjoni,
W. billi hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ aċċess għat-trattament tal-fertilità,
X. billi, skont l-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, il-qgħad madwar is-27 Stat Membru tal-UE laħaq id-9.6% f’Settembru 2010, u billi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 wera tħassib li l-kriżi ekonomika u finanzjarja preżenti se taffettwa b’mod negattiv l-aċċess tan-nies għall-kura tas-saħħa u l-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri,
Y. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jaf ikollha impatt kbir fuq is-settur tal-kura tas-saħħa f’ħafna Stati Membri tal-UE, kemm fuq il-provvista kif ukoll fuq id-domanda,
Z. billi r-restrizzjonijiet dovuti għall-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, flimkien mal-konsegwenzi tal-isfida demografika li ġejja li l-Unjoni se jkollha tiffaċċja, tista’ ddgħajjef serjament is-sostenibilità finanzjarja u organizzattiva tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, b’hekk tfixkel l-aċċess ugwali għall-kura fit-territorji tagħhom,
AA. billi l-faqar flimkien ma’ forom oħra ta’ vulnerabilitajiet, bħat-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew il-fatt li wieħed jagħmel parti minn minoranza, ikomplu jżidu r-riskji ta’ inugwaljanzi tas-saħħa u viċi versa, il-mard jista’ jwassal għall-faqar u/jew l-esklużjoni soċjali,
AB. billi l-ewwel snin għandhom effetti tul il-ħajja fuq ħafna aspetti tas-saħħa u l-benesseri – mill-obeżità, il-mard tal-qalb u s-saħħa mentali, sal-edukazzjoni, il-kisba professjonali, l-istatus ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja,
AC. billi inugwaljanzi fis-saħħa għandhom implikazzjonijiet ekonomiċi sinifikanti għall-UE u għall-Istati Membri; billi telf relatat mal-inugwaljanzi tas-saħħa kien stmat li jiswa madwar 1.4% tal-PGD,
AD. billi aċċess ekwitabbli għall-kura tas-saħħa mhux garantit, mhux biss fil-prattika iżda wkoll fil-liġi, għall-migranti bla dokumenti f’ħafna pajjiżi tal-UE,
AE. billi fl-Istati Membri għadhom iqumu każijiet ta’ membri ta’ diversi gruppi soċjali (pereżempju, nies b’diżabilitajiet) li jiffaċċjaw ostakli għal aċċess ugwali għall-istabbilimenti tal-kura tas-saħħa, li jillimitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi tas-saħħa,
AF. billi, bil-popolazzjonijiet tagħhom, li kull ma jmorru jixjieħu, l-Istati Membri qed ikollhom jittrattaw problemi relatati mad-dipendenza u l-bżonn dejjem jikber għall-kura u t-trattament ġerjatriċi; billi bidla fl-approċċ għall-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa hija għalhekk meħtieġa; u billi l-inugwaljanzi rigward l-aċċess għall-kura tas-saħħa għan-nies xjuħ dejjem qed jiżdiedu,
1. Jilqa’ s-suġġeriment ewlieni magħmul mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata ‘Is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE’: (1) li d-distribuzzjoni aktar ekwitabbli tas-saħħa ssir parti mill-għanijiet globali tagħna għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku; (2) titjib fil-bażi tad-data u tal-għarfien (inklużi l-mekkaniżmi għall-kejl, l-immonitorjar, il-valutazzjoni u r-rappurtaġġ); (3) li jinbena l-impenn mas-soċjetà sħiħa biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa; (4) ħarsien tal-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli; u 5) li jiġi żviluppat il-konribut tal-politiki tal-UE għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa;
2. Jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti s-servizzi tal-kura tas-saħħa b’mod li jkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali; jindika l-ħtieġa biex jinżamm u jitjieb l-aċċess universali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u għall-kura tas-saħħa li kulħadd ikun jista’ jaffordja;
3. Jinnota l-importanza li jitjieb l-aċċess għas-servizzi tal-prevenzjoni tal-mard, tal-promozzjoni tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa primarja u speċjalizzata, u jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-gruppi soċjali differenti u l-gruppi tal-etajiet, u jenfasizza li dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu permezz tal-ottimizzazzjoni tal-infiq pubbliku għall-kura tas-saħħa preventiva u kurattiva u permezz tal-programmi fil-mira għal gruppi vulnerabbli;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibqgħu mexjin ’il quddiem bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, li fl-aħħar mill-aħħar jagħmluha possibbli biex jitnaqqsu wħud mill-inugwaljanzi relatati mal-kura tas-saħħa; barra minn hekk, fuq il-valuri universali tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiffukaw fuq il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli, inklużi gruppi migranti żvantaġġati u nies li huma parti minn minoranzi etniċi, tfal u adolexxenti, nies b’diżabilitajiet, b’fokus speċjali fuq il-mard mentali, pazjenti ddijanjostikati b’mard jew kundizzjonijiet kroniċi, nies anzjani, nies li jgħixu fil-faqar, u nies affettwati mid-dipendenza fuq l-alkoħol u d-drogi;
5. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-migranti bla dokumenti, jkunu intitolati għal u pprovduti b’aċċess ekwitabbli għall-kura tas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-fattibilità li tiġi appoġġata l-kura tas-saħħa għall-migranti irregolari billi jipprovdu definizzjoni bbażata fuq il-prinċipji komuni għall-elementi bażiċi tal-kura tas-saħħa kif definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
6. Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tan-nisa immigranti, b’riferiment partikolari għall-għoti ggarantit mis-sistemi tas-saħħa ta' servizzi xierqa ta’ medjazzjoni lingwistika; dawk is-sistemi għandhom jiżviluppaw inizjattivi ta' taħriġ li jippermettu lit-tobba u lill-professjonisti l-oħrajn jadottaw approċċ interkulturali msejjes fuq ir-rikonoxximent tad-diversità u s-sensibilitajiet tan-nies minn reġjunijiet ġeografiċi differenti u r-rispett lejn l-istess; għandha tingħata prijorità wkoll lil miżuri u kampanji ta’ informazzjoni maħsuba biex jissieltu kontra l-multilazzjoni ġenitali femminili, inklużi kastigi ħorox għal dawk li jipprattikawha;
7. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsibu malajr soluzzjonijiet kif wieħed jiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet abbażi tal-oriġini etnika, partikolarment f'ċerti Stati Membri fejn id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE ma ġietx implimentata u fejn in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi m'għandhomx jew għandhom ftit protezzjoni soċjali jew aċċess għall-kura tas-saħħa;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-aċċess għal pariri u informazzjoni legali ta’ kwalità għolja f’koordinament ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jgħinu lil membri ordinarji tal-pubbliku, inklużi l-migranti bla dokumenti, biex jitgħallmu aktar dwar id-drittijiet individwali tagħhom;
9. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-miżuri ta’ awsterità mwettqa mill-Istati Membri, b’mod partikolari mil-lat ta’ provvista, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-livell ta’ ffinanzjar għas-saħħa pubblika u l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u s-servizzi tal-kura fuq tul ta’ żmien twil bħala riżultat ta’ tnaqqis fil-baġits u inqas dħul mit-taxxi, filwaqt li d-domanda għas-saħħa u s-servizzi tal-kura fuq tul ta’ żmien twil jafu jiżdiedu bħala riżultat ta’ numru ta’ fatturi li jikkontribwixxu għad-deterjorament tal-istat tas-saħħa fost il-popolazzjoni in ġenerali;
10. Jenfasizza li inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE jirrappreżentaw piż sostanzjali fuq l-Istati Membri u s-sistemi tas-saħħa tagħhom u li l-funzjonar effettiv tas-suq intern u l-politiki pubbliċi b'saħħithom u, jekk ikun possibbli, ikkoordinati, jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib f'dan il-qasam;
11. Jenfasizza li fatturi soċjoekonomiċi bħalma huma l-obeżità, it-tipjip, eċċ., l-aċċessibilità għas-sistemi tal-kura tas-saħħa (mhedda bin-nuqqas ta' rimborż tal-ispejjeż tal-kura u tal-mediċini, prevenzjoni inadegwata u l-frammentazzjoni tad-demografija medika) u dijanjożi effettiva, għandhom jitqiesu bħala aspetti ewlenin ta' miżuri kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa u, barra minn hekk, l-aċċessibilità u l-affordibilità tat-trattament farmaċewtiku għandhom jitqiesu wkoll bħala aspett ewlieni tas-saħħa tan-nies individwali; għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li d-Direttiva dwar Trasparenza (89/105/KEE) qed tiġi implimentata kif suppost u li l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-Inkjesta dwar is-Settur Farmaċewtiku qed jiġu indirizzati kif suppost;
12. Jenfasizza li l-kura tas-saħħa mhijiex u m'għandhiex titqies bħala oġġett jew servizz ta' interess ġenerali;
13. Jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jevalwaw u jimplimentaw miżuri ġodda biex titjieb l-effettività tal-infiq għas-saħħa tagħhom, b’mod partikolari billi jkun hemm investiment fil-kura tas-saħħa preventiva sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż futuri fuq tul ta’ żmien twil u l-piżijiet soċjali, u biex jiġu ristrutturati s-sistemi tal-kura tas-saħħa sabiex jiġi pprovdut aċċess ekwitabbli għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja (b’mod partikolari l-kura medika bażika) mingħajr diskriminazzjoni fl-UE kollha, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-użu ta’ fondi Ewropej eżistenti biex jappoġġjaw aktar l-investiment fl-infrastruttura, fir-riċerka u fit-taħriġ tas-saħħa u biex jippromwovu u jtejbu l-prevenzjoni tal-mard;
14. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-aċċess ekwitabbli għall-kura tas-saħħa u l-opzjonijiet tat-trattamenti għal pazjenti aktar anzjani huma inklużi fil-politiki u l-programmi tas-saħħa tagħhom u biex l-aċċess adegwat għall-kura tas-saħħa u t-trattamenti għall-anzjani jagħmluh prijorità għall-“2012, is-Sena Ewropea tax-Xjuħija Attiva u Solidarjetà Interġenerazzjonali”; jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu inizjattivi sabiex jindirizzaw l-iżolament soċjali tal-pazjenti anzjani billi din għandha impatt sinifikanti fuq is-saħħa tal-pazjenti fuq tul ta’ żmien twil; jisħaq fuq il-bżonn għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jantiċipaw, permezz ta’ strateġija xierqa fit-tul, l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-proċess tax-xjuħija fuq il-popolazzjoni Ewropea, sabiex tiġi ggarantita s-sostenibilità finanzjarja u organizzattiva tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, kif ukoll it-twettiq ugwali u kontinwu tal-kura lill-pazjenti;
15. Jitlob lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jimmonitorjaw mill-qrib, fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali, is-saħħa u l-impatt soċjali tal-kriżi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem il-ġbir komuni tal-esperjenza b’konnessjoni mal-edukazzjoni tas-saħħa, mal-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha, mal-prevenzjoni, mad-djanjożi bikrija u mat-trattamenti xierqa, b’mod partikolari rigward ix-xorb alkoħoliku, it-tipjip, id-dieta u l-obeżità u d-drogi; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-attività fiżika, nutriment tajjeb u programmi tal-‘Iskejjel b’Saħħithom’ li għandhom it-tfal fil-mira tagħhom, b’mod partikolari f’żoni aktar żvantaġġati, u biex jitjiebu l-livelli tal-edukazzjoni personali, soċjali u tas-saħħa bil-għan li tiġi promossa l-imġiba aktar b’saħħitha u titħeġġeġ l-imġiba relatata ma’ stil ta’ ħajja pożittiva;
17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinvestu fl-infrastruttura tas-servizzi soċjali, edukattivi, ambjentali u tas-saħħa f’konformità mal-prinċipju ta’ ‘saħħa fil-politiki kollha’, filwaqt li jiġu kkoordinati miżuri rigward il-kwalifiki, it-taħriġ u l-mobilità tal-professjonisti tas-saħħa, b’hekk jiġu assigurati l-kapaċità u s-sostenibilità tal-infrastruttura u l-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali;
18. Jenfasizza li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa mhux se jingħelbu mingħajr strateġija komuni u globali għall-ħaddiema tas-saħħa Ewropej li tkun tinkludi politiki koordinati għall-ġestjoni tar-riżorsi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, standards minimi ta' kwalità u ta' sikurezza u reġistrazzjoni ta professjonisti;
19. Jitlob lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-informazzjoni dwar is-saħħa, stili ta’ ħajja b’saħħitha, il-kura tas-saħħa, opportunitajiet ta’ prevenzjoni, djanjożi bikrija tal-mard u trattamenti adattati tkun disponibbli f’forma u f’lingwi li jista’ jifhimhom kulħadd, billi jintużaw teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni ġodda, b’referenza partikolari għas-servizzi tas-saħħa onlajn;
20. Jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tat-telemediċina, li jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti d-disparitajiet ġeografiċi fl-aċċess għal ċerti tipi ta’ kura tas-saħħa, b’referenza partikolari għal kura speċjalizzata, b’mod partikolari fir-reġjuni mal-fruntiera;
21. Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu politiki pubbliċi li jfittxu li jiżguraw il-kundizzjonijiet tal-ħajja b’saħħitha għat-trabi, tfal u adolexxenti kollha, inklużi l-kura ta’ qabel il-konċezzjoni, il-kura materna u miżuri biex jiġu appoġġati l-ġenituri u b’mod aktar partikolari n-nisa tqal u li jreddgħu, biex jassiguraw bidu tal-ħajja b’saħħtu għat-trabi kollha u jiġi evitat l-iżvilupp ta’ aktar inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, b’hekk tiġi rikonoxxuta l-importanza li jkun hemm investiment fl-iżvilupp bikri tat-tfal u approċċi ta’ matul il-kors tal-ħajja;
22. Jitlob lill-Istati Membri biex jassiguraw li n-nisa tqal u t-tfal kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu intitolati għal u jirċievu b’mod effettiv il-protezzjoni soċjali kif definita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
23. Ifakkar fl-obbligu tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità biex jiġi garantit id-dritt tal-persuni b’diżabilità għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jinkiseb mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità; jinsisti li l-inklużjoni tad-diżabilità fl-indikaturi relevanti kollha li jkejlu s-saħħa huwa pass ewlieni biex jiġi sodisfatt dan l-obbligu;
24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jinkludu l-istatus tas-saħħa tan-nisa u l-kwistjoni tat-tixjiħ (nisa aktar anzjani) bħala fatturi fl-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru u biex jużaw l-ibbaġitjar tal-ġeneru fil-politiki, fil-programmi u fir-riċerka tas-saħħa tagħhom, mill-fażi tal-iżvilupp u tad-disinn sal-valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-programmi ta' qafas ta' riċerka ffinanzjati mill-UE u lill-aġenziji ta' finanzjament pubbliċi biex jinkludu valutazzjoni tal-impatt tas-sessi fil-politiki tagħhom u biex jipprevedu l-ġbir u l-analiżi ta' data speċifika għas-sessi u għall-età bil-għan li jidentifikaw differenzi ewlenin bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tas-saħħa, sabiex jappoġġaw il-bidla fil-politika, u biex jintroduċu u jiġbru għodda epidemoloġika biex janalizzaw il-kawżi tad-differenza fl-istennija tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa;
25. Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lin-nisa aċċess faċli għall-metodi ta’ kontraċezzjoni u d-dritt għal abort sikur;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri eżempji ta' prattika tajba u tal-aqwa prattika biex tinkoraġġixxi aktar uniformità fl-aċċess għat-trattament tal-fertilità;
27. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiffokaw fuq id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, l-aktar fil-prevenzjoni, il-projbizzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk ħatja mill-isterilizzazzjoni forzata tan-nisa u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;
28. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-vjolenza maskili kontra n-nisa bħala kwistjoni ta’ saħħa pubblika, tkun xi tkun il-forma li tieħu;
29. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa, fir-rigward tal-aċċess għat-teknoloġiji tar-riproduzzjoni assistita (ART), biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa abbażi tal-istatus taż-żwieġ, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini etniċi jew kulturali;
30. Jistieden lill-Istati Membri biex isegwu lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa billi jirrikonoxxu l-obeżità bħala marda kronika u b’hekk biex jipprovdu aċċess għall-programmi għall-prevenzjoni tal-obeżità u jiggarantixxu aċċess għal trattament b’evidenza ppruvata ta’ riżultat mediku pożittiv għall-persuni li jbatu mill-obeżità u li jeħtieġu trattament mediku, ukoll bil-għan li jiġi evitat il-bidu ta’ mard ulterjuri;
31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintegraw id-dimensjoni tas-sessi fil-kontroll tat-tabakk, kif rakkomandat mill-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, u biex jintroduċu kampanji kontra t-tipjip immirati għall-bniet u n-nisa;
32. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jappoġġaw ir-riċerka medika u farmaċewtika fil-mard li jolqtu primarjament lin-nisa, b’riferiment għall-fażijiet kollha ta’ ħajjithom u mhux biss is-snin tal-fażi riproduttiva;
33. Jistieden lill-Istati Membri jsolvu l-problemi tal-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum, per eżempju fl-oqsma tad-dentistrija u l-oftalmoloġija;
34. Jissuġġerixxi li l-UE u l-Istati Membri jdaħħlu politiki koerenti u miżuri ta' appoġġ immirati għan-nisa li ma jaħdmux jew li jkollhom impjieg f'setturi fejn ma jkunux koperti b'assikurazzjoni tas-saħħa personali, u jfittxu modi kif tali nisa jiġu pprovduti b’assikurazzjoni;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, biex tippromwovi l-aħjar prattiki fir-rigward tal-prezzijiet u r-rimborż tal-ispejjeż tal-mediċini, inklużi mudelli prattiċi għad-divrenzjar tal-prezzijiet tal-farmaċewtiċi biex tiġi ottimizzata sitwazzjoni fejn il-prezzijiet ikunu għall-but ta' kulħadd u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-mediċini;
36. Ifakkar li l-adozzjoni ta' privattiv Ewropew, b'arranġamenti lingwistiċi xierqa u sistema unifikata għas-soluzzjoni tat-tilwim, huma kruċjali sabiex l-ekonomija Ewropea terġa' tingħata l-ħajja;
37. Jieħu nota li x-xogħol li diġà sar mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti u r-riklamar, fost affarijiet oħra, għen biex jindirizza ċerti aspetti tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa tal-UE u f'dan il-kuntest jenfasizza li hu importanti li tiġi sorveljata b'mod strett l-informazzjoni li d-ditti farmaċewtiċi jagħtu lill-pazjenti, b'mod partikolari lill-iktar gruppi vulnerabbli u lil dawk li huma l-inqas infurmati sew, u l-ħtieġa ta' sistema effikaċi u indipendenti ta' farmakoviġilanza;
38. Jistieden lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi tas-saħħa tagħhom għall-ħtiġijiet tal-persuni l-aktar żvantaġġati billi jiżviluppaw metodi biex jiffissaw il-ħlasijiet mitluba mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jiżguraw aċċess għall-kura għall-pazjenti kollha;
39. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ħilitha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joffru rimborżi lill-pazjenti u biex jagħmlu dak kollu li hu neċessarju biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-mediċini għat-trattament ta' dawk il-kundizzjonijiet jew mard bħall-osteoporożi ta' wara l-menopawsa u l-Marda tal-Alzheimer, li mhumiex rimborżabbli f'ċerti Stati Membri, u biex jagħmlu dan b'urġenza;
40. Jenfasizza li, flimkien ma’ gvernijiet nazzjonali, awtoritajiet reġjonali f’ħafna pajjiżi għandhom rwol importanti fis-saħħa pubblika, fil-promozzjoni tas-saħħa, fil-prevenzjoni tal-mard u fl-għoti tas-servizzi tas-saħħa u għaldaqstant għandhom bżonn li jkunu involuti b’mod attiv; jinnota li l-gvernijiet reġjonali u lokali, u partijiet interessati oħra wkoll għandhom kontribuzzjoni importanti x’jagħmlu, inklużi fil-postijiet tax-xogħol u l-iskejjel; b’mod partikolari fir-rigward ta’ edukazzjoni tas-saħħa, il-promozzjoni tal-istili tal-ħajja b’saħħithom, il-prevenzjoni tal-mard effettiv u l-iskrining u d-dijanjożi bikrija ta’ mard;
41. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw “approċċ ta’ kura lokali” u biex jipprovdu kura tas-saħħa integrata, aċċessibbli f’livell lokali jew reġjonali, li tippermetti lill-pazjenti jkunu appoġġjati aħjar fl-ambjent lokali u soċjali tagħhom stess;
42. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jevalwaw mill-ġdid il-politiki tagħhom li għandhom impatt sinifikanti fuq l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bħat-tabakk, l-alkoħol, l-ikel, il-farmaċewtiċi kif ukoll l-għoti tas-servizz pubbliku tas-saħħa u l-kura tas-saħħa;
43. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw sħubijiet fir-reġjuni tal-fruntieri biex jaqsmu l-ispejjeż tal-infrastruttura u tal-persunal, filwaqt li jnaqqsu l-inugwaljanzi fir-rigward tas-saħħa, b'mod partikolari dwar l-aċċess għal tagħmir avvanzat;
44. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-effetti ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq valutazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-effikaċja tal-mediċini u tal-apparat mediku fis-suq intern, inklużi l-aċċess tal-pazjenti, l-innovazzjoni fi prodotti ġodda u l-prattiki mediċi, li huma wħud mill-elementi ewlenin li jaffettwaw l-ugwaljanza fis-settur tas-saħħa;
45. Iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (2008/0142 (COD)) għandha tiġi segwita b'valutazzjonijiet tal-impatt biex titkejjel bl-aktar mod preċiż possibbli l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u sabiex tiżgura li żżomm livell adegwat tal-protezzjoni tal-pubbliku u tissalvagwardja s-sikurezza tal-pazjenti, b'mod partikolari fis-sens tal-allokazzjoni ġeografika tar-riżorsi mediċi, kemm umani kif ukoll materjali;
46. Jinnota li kura tas-saħħa transkonfinali ta' kwalità għolja u effiċjenti titlob iktar trasparenza fl-informazzjoni għall-pubbliku, għall-pazjenti, għar-regolaturi u għall-fornituri tal-kura tas-saħħa dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-pazjenti, l-aċċess għar-rimedji u r-regolamentazzjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa;
47. Jiddeplora l-fatt li d-direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali ma ġietx akkumpanjata bi proposta leġiżlattiva dwar il-mobilità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, meta jitqies ir-riskju tal-"eżodu tal-imħuħ" fl-UE, xi ħaġa li żżid b'mod perikoluż l-inugwaljanzi ġeografiċi f'ċerti Stati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni ssib rimedju għal dan il-falliment, possibilment fil-kuntest tar-reviżjoni futura tad-direttiva dwar il-kwalifiki professjonali (2005/36/KE);
48. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar Kwalifiki Professjonali (2005/35/KE); fir-rigward tal-komplessità tal-kwalifiki mediċi, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex fil-valutazzjoni u fl-eżami tagħha tad-Direttiva tindirizza wħud mil-lakuni regolatorji li għandhom il-potenzjal li jpoġġi lill-pazjenti f’pożizzjoni vulnerabbli li tipperikola u tikkomprometti d-dritt tagħahom għal trattament sikur; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tikkonsidra jekk tagħmilx l-użu tar-reġistrazzjoni mas-Sistema IMI obbligatorju għall-awtoritajiet kompetenti u ttejjeb kemm l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqsmu b'mod proattiv l-informazzjoni dixxiplinarja dwar il-professjonisti tal-kura tas-saħħa billi joħolqu mekkaniżmu ta' twissija xierqa;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-proposta leġiżlattiva imminenti tagħha dwar il-kwalifiki professjonali, biex timxi 'l quddiem lejn mekkaniżmu msaħħaħ għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Istati Membri;
50. Jirrimarka li ż-żieda fl-innovazzjoni ta' spiss twassal għal aċċessibilità ikbar għat-trattament, xi ħaġa li hija partikolarment rilevanti għal komunitajiet iżolati jew rurali;
51. Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem, flimkien mal-Istati Membri, l-iżvilupp tas-servizzi tat-telemediċina bħala mezz biex jonqsu d-disparitajiet ġeografiċi fil-forniment tal-kura tas-saħħa kemm fil-livell reġjonali kif ukoll dak lokali;
52. Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħtu rikonoxximent akbar fl-Istrateġija Ewropa 2020 tal-fatt li s-saħħa fiżika u mentali u l-benessri huma ewlenin għall-ġlieda kontra l-esklużjoni, biex jiġu inklużi indikaturi komparattivi stratifikati minn status soċjoekonomiku u l-istat tas-saħħa pubblika fil-proċeduri għall-immonitorjar tal-istrateġija Ewropa 2020, u biex iqisu d-diskriminazzjoni abbażi tal-età, b’mod partikolari rigward il-provi kliniċi għal trattamenti adattati aktar għall-bżonnijiet tal-anzjani;
53. Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, id-dritt għal stil ta’ ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa u d-dritt għax-xogħol, ħalli jkun żgurat li n-nisa jkollhom vuċi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' politika tas-saħħa Ewropej u nazzjonali;
54. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex irawmu u jibnu l-kapaċità u l-iskambji internazzjonali u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati multisettorjali relevanti kollha fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki li jnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;
55. Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jimplimentaw approċċ konġunt għat-tfassil ta’ politika f’livell lokali, reġjonali u nazzjonali, b’hekk tkun taħdem lejn Approċċ ta’ Saħħa fil-Politiki Kollha (HiAP);
56. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw sett komuni ta’ indikaturi biex jiġu mmonitorjati l-inugwaljanzi tas-saħħa skont l-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku, il-lok ġeografiku kif ukoll ir-riskji marbuta mal-alkoħoliżmu u mal-vizzju tad-droga, u biex tiġi stabbilita metodoloġija ħalli tiġi vverifikata s-sitwazzjoni tas-saħħa fl-Istati Membri bil-għan li jiġu identifikati oqsma li jkollhom bżonn it-titjib u l-aħjar prattiki u tagħtihom prijorità;
57. Jenfasizza li l-inugwaljanzi tas-saħħa għandhom għeruqhom fl-inugwaljanzi soċjali rigward il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-mudelli ta’ mġiba soċjali marbutin mas-sess, ir-razza, l-istandards tal-edukazzjoni, l-impjiegi u d-distribuzzjoni inugwali mhux biss tad-dħul iżda wkoll tal-għajnuna medika, tal-prevenzjoni tal-mard u tas-servizzi ta’ promozzjoni tas-saħħa;
58. Jenfasizza li r-riskji tas-saħħa għall-membri ta’ kategoriji soċjali żvantaġġjati (l-ifqar) huma l-qofol tal-problema tal-inugwaljanzi tas-saħħa, meta wieħed iqis li dawn ir-riskji qed jaggravaw minħabba l-faqar flimkien ma’ vulnerabilitajiet oħra;
59. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ħidmiet biex jonqsu l-inugwaljanzi tas-saħħa u jitjieb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa fiżika u mentali jkun indirizzat bis-sħiħ u integrat fl-inizjattivi attwali tagħha, bħal ma huma s-Sħubija dwar ix-Xjuħija b’Saħħitha u Attiva u l-Pjattaforma tal-UE kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, u f’inizjattivi futuri dwar il-politiki tal-iżvilupp bikri tat-tfal u taż-żgħażagħ li jiffukaw fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi;
60. Jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-aġenziji tal-UE li għandhon rwol kbir fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari bejn il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet ta’ Għejxien u ta’ Xogħol, iċ-Ċentru Ewropew għall-Ħarsien u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol;
61. Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin lil-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni sabiex jiġu appoġġati proġetti biex jiġu indirizzati l-fatturi bażiċi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;
62. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mezzi biex jiġu ingaġġati u involuti l-partijiet interessati relevanti kollha fil-livell Ewropew biex jippromwovu l-aċċettazzjoni u t-tqassim ta’ prattiki tajba fl-isfera tas-saħħa pubblika;
63. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari, fost id-diversi determinanti tas-saħħa, ta’ dieta varjata u ta’ kwalità għolja, u f’dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu akbar mill-programmi effettivi stabbiliti taħt il-politika tal-CAP (tqassim bla ħlas ta’ ħalib u ta’ frott fl-iskejjel u ta’ ikel lill-gruppi l-aktar nieqsa mill-kumditajiet essenzjali);
64. Jistieden lill-Istati Membri joħolqu netwerk ta’ servizzi soċjali, ta’ saħħa u ta’ pariri speċifiċi, b’helplines telefoniċi ddedikati, għan-nisa, koppji u familji, bl-għan li jipprevjenu l-vjolenza domestika u li jagħtu assistenza professjonali kwalifikata u appoġġ għal dawk li jeħtiġuh b’kooperazzjoni ma' korpi oħrajn fil-qasam;
65. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti appoġġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-fondi strutturali biex jappoġġjaw proġetti li jikkontribwixxu ħalli jiġu indirizzati d-determinanti tas-saħħa u jonqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa; jitlob b’mod ulterjuri lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar tal-programm PROGRESS;
66. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jissuktawx bit-tnaqqis ta' bħalissa fl-infiq pubbliku fuq is-servizzi tas-saħħa li għandhom rwol ċentrali fl-għoti ta' livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għan-nisa u għall-irġiel;
67. Jitlob lill-Kummissjoni biex ikun integrat approċċ ibbażat fuq id-determinanti ekonomiċi u ambjentali tas-saħħa u fuq ‘ekwità u saħħa fil-politiki kollha’ meta jiġu żviluppati l-politiki interni u esterni kollha tal-UE, speċjalment bil-għan li jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, u b’mod partikolari saħħa materna tajba;
68. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jirrikonoxxu l-importanza tas-saħħa għas-soċjetà u biex iħarsu lil hinn minn approċċ marbut mal-PGD meta jitkejjlu l-iżviluppi tas-soċjetà, tal-komunità u tal-individwu;
69. Jitlob lill-Kunsill biex iħeġġeġ it-trattament tal-inugwaljanzi tas-saħħa bħala prijorità tal-politika fl-Istati Membri kollha, billi jitqiesu d-determinanti soċjali tas-saħħa u l-fatturi ta’ riskju relatati mal-istil ta’ ħajja bħal ma huma l-alkoħol, it-tabakk u n-nutriment, permezz ta’ azzjonijiet fl-oqsma tal-politika bħal ma huma l-politika dwar il-konsumaturi, l-impjieg, l-akkomodazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, l-agrikoltura u l-ikel, l-edukazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u r-riċerka, kif definiti bil-prinċipju “is-saħħa fil-politiki kollha”;
70. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tas-Saħħa Pubblika attwali u dik futura biex jiġu indirizzati d-determinanti soċjali tas-saħħa;
71. Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida biex jitjiebu l-mekkaniżmi ħalli jiġu mmonitorjati l-inugwaljanzi fis-saħħa mal-UE (bejn l-Istati Membri u fihom) billi jitjieb il-ġbir tad-data billi tinġabar informazzjoni aktar sistematika u komparabbli li tikkumplimenta data eżistenti dwar l-inugwaljanzi tas-saħħa u permezz ta’ mmonitorjar u analiżi regolari;
72. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-abbozzar ta’ proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jew kwalunkwe inizjattiva xierqa oħra tal-Komunità, bil-għan li tinkuraġġixxi u tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali jew reġjonali integrati mill-Istati Membri biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa;
73. Jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta, fir-rapporti ta’ progress tagħha, l-effettività tal-miżuri biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u t-titjib fis-saħħa li jirriżulta mill-politiki relatati mad-determinanti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tas-saħħa;
74. Jitlob lill-Kummissjoni biex tapplika l-approċċ ta’ Saħħa fil-Politiki Kollha (HiAP) għal tfassil ta’ politika fil-livell tal-UE u biex tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt effettivi li jieħdu inkonsiderazzjoni r-riżultati tal-ekwità fis-saħħa;
75. Jargumenta li swieq miftuħa, kompetittivi u li jiffunzjonaw sew jistgħu jistimulaw l-innovazzjoni, l-investiment u r-riċerka fis-settur tal-kura tas-saħħa, u jirrikonoxxi li dan għandu jkun akkumpanjat minn appoġġ finanzjarju b'saħħtu għar-riċerka pubblika biex ikunu żviluppati aktar mudelli tal-kura tas-saħħa effettivi u sostenibbli u biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u l-applikazzjoni tagħhom f'dan il-qasam (pereżempju t-telemediċina) u b’metodoloġija ta' evalwazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa komuni, li lkoll għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha, inklużi dawk minn ambjent soċjoekonomiku baxx, filwaqt li jitqies it-tixjiħ tal-popolazzjoni;
76. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġaw programmi pubbliċi ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni u jsaħħu d-djalogu mas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-NGOs rigward is-servizzi tas-saħħa u mediċi;
77. Iqis li jeħtieġ li hu essenzjali li jiżdied l-għadd ta' nisa li jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-politiki dwar is-saħħa, fl-ippjanar tal-programmi u fl-għoti ta' servizzi fil-qasam tas-saħħa;
78. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
- [2] ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
- [3] Testi adottati, P6_TA(2007)0019
- [4] Testi adottati, P6_TA(2008)0461
- [5] ĠU C 9 E, 15 ta' Jannar 2010, p. 56.
NOTA SPJEGATTIVA
Kollox ma’ kollox, is-saħħa u l-istennija tal-ħajja għadhom marbutin ma’ ċirkustanzi soċjali u l-faqar fit-tfulija. Minkejja t-titjib, id-differenza fl-eżiti tas-saħħa bejn dawk li jinsabu man-naħa ta’ fuq u man-naħa t’isfel tal-iskala soċjali tibqa’ kbira u f’ċerti oqsma tkompli titwessa’.
Inugwaljanzi ewlenin għadhom jeżistu bejn pajjiżi u reġjuni; per eżempju, l-istennija tal-ħajja mat-twelid għall-irġiel tvarja b’14.2 snin bejn l-Istati Membri tal-UE fl-2007, filwaqt li l-figura korrispondenti fost in-nisa kienet ta’ 8.3 snin (Eurostat, 2010).
L-istennija tal-ħajja ta’ persuni bl-età ta’ 65 fl-UE-27 turi li r-raġel medju seta’ jistenna li jgħix 16.8 snin addizzjonali fl-2006, filwaqt li l-figura korrispondenti għan-nisa kienet ta’ 20.4 snin. L-istennija tal-ħajja fost l-irġiel bl-età ta’ 65 varjat b’5.6 snin mal-Istati Membri fl-2007, bl-ogħla bi 18.4 snin fi Franza u bl-aktar baxx bi 12.8 snin fil-Latvja. Il-firxa għan-nisa kienet ftit akbar b’6.6 snin, minn 23.0 sena fi Franza għal 16.4 snin fil-Bulgarija (Eurostat, 2010).
Inugwaljanzi fis-saħħa huma problema li għandha bżonn tiġi ttrattata. Jibdew kmieni fil-ħajja u jippersistu mhux biss fix-xjuħija imma fil-ġenerazzjonijiet sussegwenti.
L-inugwaljanzi esperjenzati kmieni fil-ħajja fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-kura tas-saħħa kif ukoll dawk ibbażati fuq is-sess u l-isfond kulturali jista' jkollhom effett kritiku fuq l-istat ta' saħħa tal-persuni tul ħajjithom kollha. Ir-rabta tal-faqar ma’ vulnerabilitajiet oħrajn bħal ma huma t-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew li wieħed jagħmel parti minn minoranza tkompli żżid ir-riskji tas-saħħa, u viċe versa, is-saħħa marida tista’ twassal għal faqar u/jew esklużjoni soċjali.
Ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi fis-saħħa, f’ħafna każijiet, jistgħu jiġu evitati u huma inġusti għax huma konsegwenza ta’ differenzi fl-opportunitajiet, fl-aċċess għas-servizzi u riżorsi materjali, kif ukoll differenzi fl-għażliet tal-ħajja tal-individwi.
Inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huma kkaġunati minn differenzi bejn gruppi ta' popolazzjoni f'varjetà wiesgħa ta' fatturi li jaffettwaw is-saħħa, b’mod partikolari: il-kundizzjonijiet ta’ għixien; imġiba relatata mas-saħħa; edukazzjoni, impjieg u dħul; kura tas-saħħa, prevenzjoni ta' mard u servizzi li jippromwovu s-saħħa kif ukoll politiki pubbliċi li jinfluwenzaw il-kwantità, il-kwalità u d-distribuzzjoni ta' dawn il-fatturi. Qed tiġi rikonoxxuta aktar u aktar ir-rabta bejn id-determinanti soċjali u l-inugwaljanzi tas-saħħa. Dan ifisser li l-problemi soċjali qed jitqiesu b’mod aktar u aktar wiesgħa bħala problemi marbutin mal-problemi tas-saħħa li jeħtieġu rispons integrat.
Hemm bżonn ta’ opinjoni innovattiva tal-politika biex jiġu ttrattati l-inugwaljanzi tas-saħħa, speċjalment għal nies fi gruppi soċjo-ekonomiċi aktar baxxi.
Il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali issa seħħew. Hemm kważi 5 miljun persuna aktar bla xogħol milli fil-bidu tal-kriżi. Ħafna familji raw id-dħul tagħhom jonqos, numru konsiderevoli jinsab aktar espost għall-faqar u jinsabu mdejna żżejjed u ftit tilfu djarhom. Ħaddiema b’kuntratti fuq tul ta’ żmien qasir kienu fost l-ewwel li ġew milquta mir-reċessjoni. Il-migranti u ħaddiema żgħar u xjuħ, li għandhom l-akbar possibilità li jkunu f’pożizzjonijiet prekarji kienu affettwati b’mod speċjali, imma kategoriji ta’ ħaddiema li s’issa kienu protetti sew ukoll sabu ruħhom mingħajr xogħol.
Il-kriżi kellha impatt kbir fuq is-settur tal-kura tas-saħħa f’ħafna Stati Membri tal-UE, kemm fuq il-provvista kif ukoll fuq id-domanda. Min-naħa tal-provvista, il-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslet għal tnaqqis fil-livell ta’ ffinanzjar għas-saħħa u s-servizzi tal-kura fuq tul ta’ żmien twil bħala riżultat ta’ tnaqqis fil-baġits u inqas dħul mit-taxxi, filwaqt li d-domanda għas-saħħa u s-servizzi tal-kura fuq tul ta’ żmien twil żdiedu bħala riżultat ta’ numru ta’ fatturi li jikkontribwixxu għad-deterjorament tal-istat tas-saħħa fost il-popolazzjoni in ġenerali; Ħafna Stati Membri inkludew miżuri biex itaffu l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-settur tal-kura tas-saħħa fil-pakketti ta’ rkupru tagħhom billi investew fl-infastruttura tas-saħħa, ottimizzaw l-iffinanzjar għas-settur tal-kura tas-saħħa u rristrutturaw u rriorganizzaw is-sistema tal-kura tas-saħħa. Madankollu, l-azzjoni fuq l-inugwaljanzi tas-saħħa tvarja bil-kbir mal-Istati Membri kollha.
L-aċċess huwa kwistjoni ewlenija għas-servizzi pubbliċi kollha. It-titjib tal-aċċess għall-pariri legali ta’ kwalità tajba u għall-informazzjoni jgħin liċ-ċittadini biex jitgħallmu aktar dwar id-drittijiet individwali tagħhom. Il-ġbir u l-iskambju tal-evidenza dwar strateġiji, politiki u azzjonijiet effettivi se jgħinu biex jiġi integrat l-appoġġ mas-setturi tal-gvern u s-setturi differenti. Huwa essenzjali li t-tnaqqis fl-inugwaljanzi tas-saħħa jitqies bħala prijorità essenzjali fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika biex b’hekk jintuża Approċċ ta’ Saħħa fil-Politiki Kollha (HiAP) u jiġu żgurati valutazzjonijiet tal-impatt effettivi li jqisu r-riżultati tal-ekwità tas-saħħa.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (11.1.2011)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE
(2010/2089(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Emma McClarkin
SUĠĠERIMENTI
1. Jenfasizza li jeħtieġ approċċ koordinat f'bosta oqsma ta' politiki sabiex jindirizza l-kawżiet soċjoekonomiċi, ambjentali u ġeografiċi bażiċi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa; jenfasizza wkoll li n-nuqqas ta' edukazzjoni jista' jkun kawża gravi ta' inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;
2. Jenfasizza li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jeżistu kemm fost, kif ukoll ġewwa, l-Istati Membri;
3. Jirrikonoxxi li l-inugwaljanzi, fis-settur tas-saħħa, speċjalment fit-tul mistenni tal-ħajja, għandhom l-aktar impatt sinifikanti fuq il-gruppi soċjoekonomiċi l-aktar baxxi;
4. Jenfasizza l-eżistenza ta' diskriminazzjoni kontra persuni aktar anzjani fl-aċċess għall-kura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex janalizzaw ir-raġunijiet għal dan u jieħdu kwalunkwe miżuri possibbli biex jiġġieldu din id-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu s-solidarjetà interġenerazzjonali u l-aċċess għall-kura għal persuni anzjani prijorità għas-Sena Ewropea tas-Solidarjetà għal Xjuħija Attiva(2012) u sabiex jiżguraw li s-servizzi soċjali u mediċi lokali jkunu finanzjati adegwatament u appoġġjati mill-Istati Membri fit-territorji tagħhom kollha;
5. Jenfasizza l-ħtieġa ta' pjan prattiku biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fiż-żoni rurali, filwaqt li jitqiesu l-isfidi li joħloq it-tibdil demografiku;
6. Jenfasizza li inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jirrappreżentaw piż sostanzjali fuq l-Istati Membri u s-sistemi tas-saħħa tagħhom u li l-funjzonar effettiv tas-suq intern u politiki pubbliċi b'saħħithom u, jekk ikun possibbli, ikkoordinati, jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib f'dan il-qasam;
7. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw sħubijiet fir-reġjuni tal-fruntieri biex jaqsmu l-ispejjeż tal-infrastruttura u tal-persunal, filwaqt li jillimitaw l-inugwaljanzi territorjali fir-rigward tas-saħħa, b'mod partikolari għal aċċess ugwali għal tagħmir avvanzat;
8. Jenfasizza li fatturi soċjoekonomiċi bħalma huma l-obeżità, it-tipjip, eċċ., l-aċċessibilità għas-sistemi tal-kura tas-saħħa (mhedda bin-nuqqas ta' rimborż tal-ispejjeż tal-kura u tal-mediċini, prevenzjoni inadegwata, frammentazzjoni tad-demografija medika) u dijanjożi effettiva, għandhom jitqiesu bħala aspetti ewlenin ta' miżuri kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa u, barra minn hekk, l-aċċessibilità u l-affordibilità tat-trattament farmaċewtiku għandhom jitqiesu bħala aspett kruċjali tas-saħħa taċ-ċittadini individwali; għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li d-Direttiva dwar Trasparenza (89/105/KEE) qed tiġi implimentata kif suppost u li l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-Inkjesta dwar is-Settur Farmaċewtiku qed jiġu indirizzati kif suppost;
9. Jenfasizza li l-kura tas-saħħa mhijiex u m'għandhiex titqies bħala oġġett jew servizz ta' interess ġenerali;
10. Iqis li l-Istati Membri għandhom iħarsu lejn prattiki ta' dijanjożi bijkrija u programmi ta' kura preventiva bħala essenzjali għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u li dawn għandhom ikunu mħeġġa sabiex jiżviluppaw aktar dawn l-iskemi, kif ukoll sabiex jiżguraw li jkunu ffinanzjati kif xieraq;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, biex tippromwovi l-aħjar prattiki fir-rigward tal-prezzijiet u r-rimborż tal-mediċini, inklużi mudelli prattiċi għad-divrenzjar tal-prezzijiet tal-farmaċewtiċi biex tiġi ottimizzata sitwazzjoni fejn il-prezzijiet ikunu għall-but ta' kulħadd u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-mediċini;
12. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iżidu l-użu ta' mediċini ġeneriċi ta' kwalità u biex jinnegozjaw bl-aħjar mod possibbli l-prezzijiet tal-mediċini, jekk ikun xieraq b'kooperazzjoni fost l-Istati, biex l-aktar gruppi żvantaġġati jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal trattamenti ta' kwalità;
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi tas-saħħa tagħhom għall-ħtiġijiet tal-persuni l-aktar żvantaġġati billi jiżviluppaw metodi biex jiffissaw l-ħlasijiet mitluba mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jiżguraw aċċess għall-kura għall-pazjenti kollha;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li d-dejta miġbura dwar inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa tinqasam bejn l-Istati Membri u sabiex tħeġġeġ lil dawk interessati fil-livell nazzjonali biex jiskambjaw attivament l-aħjar prattiki ta' teknika;
15. Jenfasizza li l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha, permezz ta' sistema ta' indikaturi komparabbli li jkunu bbażata fuq fatturi demografiċi, ambjentali, soċjali u ekonomiċi u li jinkludu dawk diġà disponibbli (pereżempju, ECHI, WHO, OECD), tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri, il-ġbir tad-dejta u s-sorveljanza tas-settur tas-saħħa, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll f'dak nazzjonali, peress li jeżistu inugwaljanzi sinifikanti f'dak is-settur fl-Istati Membri (pereżempju differenzi ċari bejn il-bliet u r-reġjuni);
16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistudja l-effetti ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq valutazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-effikaċja tal-mediċini u tal-apparat mediku fis-suq intern, inklużi l-aċċess tal-pazjenti, l-innovazzjoni fi prodotti ġodda u l-prattiki mediċi, li huma wħud mill-elementi ewlenin li jaffettwaw l-ugwaljanza fis-settur tas-saħħa;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ħilitha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joffru rimborżi lill-pazjenti u biex jagħmlu dak kollu li hu essenzjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanza fl-aċċess għall-mediċini għat-trattament ta' dawk il-kundizzjonijiet jew mard bħall-osteoporożi ta' wara l-menopawsa u l-Marda tal-Alzheimer, li mhumiex rimborżabbli f'ċerti Stati Membri, u biex jagħmlu dan b'urġenza.
18. Iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (2008/0142 (COD)) għandha tiġi segwita b'valutazzjonijiet preċiżi tal-impatt biex jitkejlu bl-aktar mod effikaċi possibbli l-konsegwenzi tagħha fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u sabiex tiżgura li żżomm l-protezzjoni tal-pubbliku u tissalvagwardja s-sikurezza tal-pazjenti, b'mod partikolari fis-sens tal-allokazzjoni ġeografika tar-riżorsi mediċi, kemm umani kif ukoll materjali;
19. Jinnota li kura tas-saħħa transkonfinali ta' kwalità għolja u effiċjenti tirrikjedi iktar trasparenza fl-informazzjoni għall-pubbliku, għall-pazjenti, għar-regolaturi u għall-fornituri tal-kura tas-saħħa dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-pazjenti, l-aċċess għar-rimedji u r-regolamentazzjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa;
20. Jisħaq li politiki tal-konsumatur sodi u integrati, li jkunu jinkludu aspetti tas-saħħa pubblika bħall-prevenzjoni u l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa, u li jkollu bħala għan it-tnaqqis tad-determinanti tas-saħħa assoċjati mal-imġiba u d-drawwiet tal-konsumaturi, jista' jgħin ukoll għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;
21. Jenfasizza li waħda mill-kawżi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa hija l-eżistenza ta' żoni ġeografiċi li m'għandhomx biżżejjed professjonisti tal-kura tas-saħħa; jirrakkomanda għalhekk il-mobilità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea skont il-ħtiġijiet ġenwini tal-popolazzjoni;
22. Jiddispjaċih li d-direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali ma ġietx akkumpanjata bi proposta leġiżlattiva dwar il-mobilità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, meta jitqies ir-riskju tal-"eżodu tal-imħuħ" fl-UE, xi ħaġa li żżid b'mod perikoluż l-inugwaljanzi ġeografiċi f'ċerti Stati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex issib rimedju għal dan, possibilment fil-kuntest tar-reviżjoni futura tad-direttiva dwar il-kwalifiki professjonali (2005/36/KE);
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar Kwalifiki Professjonali (2005/35/KE); fir-rigward tal-komplessità tal-kwalifiki mediċi, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex fil-valutazzjoni u fl-eżami tagħha tad-Direttiva tindirizza wħud mil-lakuni regolatorji li għandhom il-potenzjal li jkunu ta' ħsara għall-pazjenti u jipperikolaw id-dritt ta' pazjent għal trattament sikur; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tikkonsidra jekk tagħmilx l-użu tar-reġistrazzjoni fis-Sistema IMI obbligatorju għall-awtoritajiet kompetenti u ttejjeb kemm l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqsmu b'mod proattiv l-informazzjoni dixxiplinarja dwar il-professjonisti tal-kura tas-saħħa billi joħolqu mekkaniżmu ta' twissija xierqa;
24. Jenfasizza li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa mhux se jingħelbu mingħajr strateġija komuni u globali għall-ħaddiema tas-saħħa Ewropej li tkun tinkludi politiki koordinati għall-ġestjoni tar-riżorsi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, standards minimi ta' kwalità u ta' sikurezza u reġistrazzjoni ta professjonisti;
25. Jenfasizza li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa f'xi setturi jistgħu jkunu attribwibbli għal nuqqas ta' persunal u ta' tagħmir mediku; jistieden lil-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħteġa biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u jiżguraw li s-settur tas-saħħa jkollu persunal u tagħmir adegwat;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-proposta leġiżlattiva imminenti tagħha dwar il-kwalifiki professjonali, biex timxi 'l quddiem lejn mekkaniżmu msaħħaħ għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Istati Membri;
27. Iħeġġeġ sabiex, fil-proposta leġiżlattiva imminenti dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, il-proċeduri amministrattivi għandhom isiru inqas kumplessi u l-problemi tat-tassazzjoni doppja għandhom jiġu solvuti;
28. Jargumenta li swieq miftuħa, kompetittivi u li jiffunzjonaw sew jistgħu jistimulaw l-innovazzjoni, l-investiment u r-riċerka fis-settur tal-kura tas-saħħa, u jirrikonoxxi li dan għandu jkun akkumpanjat b'appoġġ finanzjarju b'saħħtu għar-riċerka pubblika biex ikunu żviluppati aktar mudelli tal-kura tas-saħħa effettivi u jippromwovu teknoloġiji ġodda u l-applikazzjoni tagħhom f'dan il-qasam (pereżempju t-telemediċina) kif ukoll metidoloġija ta' evalwazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa komuni, li lkoll għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha, inklużi dawk minn ambjent soċjoekonomiku baxx, filwaqt li jitqies it-tixjiħ tal-popolazzjoni
29. Jirrimarka li ż-żieda fl-innovazzjoni ta' spiss twassal għal aċċessibilità ikbar għat-trattament, xi ħaġa li hija partikolarment rilevanti għal komunitajiet iżolati jew rurali;
30. Ifakkar li l-adozzjoni ta' privattiv Ewropew, b'arranġamenti lingwistiċi xierqa u sistema unifikata għas-soluzzjoni tat-tilwim, huma kruċjali sabiex l-ekonomija Ewropea terġa' tingħata l-ħajja;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-parteċipanti tal-ekonomija soċjali jkunu involuti attivament fil-miżuri meħuda f'dawn l-oqsma, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali;
32. Jieħu nota li x-xogħol li diġà sar mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur rigward sikurezza tal-prodotti u r-riklamar, fost affarijiet oħra, għen biex jindirizza ċerti aspetti tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa tal-UE u f'dan il-kuntest jenfasizza li hu importanti li tiġi sorveljata b'mod strett l-informazzjoni li d-ditti farmaċewtiċi jagħtu lill-pazjenti, b'mod partikolari lill-iktar gruppi vulnerabbli u lil dawk li huma l-inqas infurmati sew, u l-ħtieġa ta' sistema effikaċi u indipendenti ta' farmakoviġilanza.
33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi, flimkien mal-Istati Membri, kampanji fl-iskejjel biex jippromwovu s-saħħa u l-edukazzjoni tas-saħħa, u b'mod partikolari stili ta' ħajja li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa, flimkien ma' programmi ta' prevenzjoni u ta' skrining maħsuba għal gruppi speċifiċi;
34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kwistjoni tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa tiġi integrata għalkollox fl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.1.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 2 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Robert Rochefort, Heide Rühle, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Bernadette Vergnaud |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Cornelis de Jong, Frank Engel, Ashley Fox, Jean-Paul Gauzès, Liem Hoang Ngoc, María Irigoyen Pérez, Othmar Karas, Lena Kolarska-Bobińska, Constance Le Grip, Emma McClarkin, Antonyia Parvanova, Sylvana Rapti, Marek Siwiec |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2.12.2010)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubbliku u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE
(2010/2089(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sylvie Guillaume
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-politiki tas-saħħa,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE’[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’kull qasam,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
A. konxju mid-differenzi bijoloġiċi, soċjoekonomiċi u kulturali bejn l-irġiel u n-nisa u, għaldaqstant, id-differenzi fil-preokkupazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-problemi ta' saħħa rispettivi li jaffaċċjaw,
B. billi l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jidhru aktar spiss fost il-persuni vulnerabbli li huma dipendenti b’mod speċjali minn kura tas-saħħa pubblika ta’ kwalità tajba u li jiflaħ iħallas għaliha kulħadd,
C. billi n-nisa spiss isibu ruħhom f'sitwazzjonijiet prekarji marbuta mal-ġeneru, l-istil ta' ħajja, ir-reliġjon, l-età, l-istatus soċjali u l-kapaċità finanzjarja tagħhom,
D. billi l-inugwaljanzi minħabba l-ġeneru u l-età fir-riċerka bijomedika u s-sottorappreżentanza tan-nisa fil-provi kliniċi jdgħajfu l-kura tal-pazjenti,
E. billi n-nisa b'mod ġenerali, in-nisa xjuħ u x-xebbiet huma rappreżentati b’mod sproporzjonat fil-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, u billi x-xkiel għall-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa jistgħu jaggravaw l-istat vulnerabbli tagħhom u jikkompromettu l-eżiti tagħhom f'termini ta' saħħa,
F. billi l-inċidenza tal-użu tat-tabakk fost in-nisa, l-aktar ix-xebbiet, qiegħed jiżdied b’rata mgħaġġla b’konsegwenzi devastanti għas-saħħa futura tagħhom; u billi, fil-każ tan-nisa, it-tipjip huwa aggravat bi żvantaġġi multipli,
G. billi l-vjolenza kontra n-nisa hija fenomenu mifrux sew fil-pajjiżi kollha u fost il-klassijiet soċjali kollha u għandha effett drammatiku fuq is-saħħa fiżika u emottiva tan-nisa u tat-tfal,
H. billi ġeneralment in-nisa jgħixu aktar mill-irġiel iżda jbatu aktar minn mard kroniku, diżabilità u telfien tal-kwalità tal-ħajja matul l-aħħar snin,
I. billi aċċess ġust għas-servizzi tas-saħħa jnaqqas l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u huwa ġeneralment mifhum bħala aċċess ugwali għat-trattament għall-persuni kollha irrispettivament mid-dħul tagħhom,
J. billi f’bosta Stati Membri tal-UE[4] l-aċċess ġust għas-servizzi tas-saħħa mhuwiex iggarantit għal kulħadd, fil-prattika jew fid-dritt, speċjalment għall-migranti li ma jkollhomx dokumenti,
K. billi l-infertilità hija kundizzjoni medika rikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li għandha impatt sinifikanti fuq is-saħħa tan-nisa, u billi l-Istħarriġ tal-Għarfien Nazzjonali tar-Renju Unit wera li aktar minn 94% tan-nisa li jsofru minn infertilità jsofru wkoll minn forom ta' dipressjoni,
L. billi hemm inkonsistenza kbira bejn l-Istati Membri f’termini ta’ aċċess għat-trattament tal-fertilità,
1. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jinkludu l-istatus tas-saħħa tan-nisa u l-kwistjoni tat-tixjiħ (nisa aktar anzjani) bħala fatturi fl-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru u biex jużaw l-ibbaġitjar tal-ġeneru fil-politiki, fil-programmi u fir-riċerka tas-saħħa tagħhom, mill-fażi tal-iżvilupp u tad-disinn sal-valutazzjoni tal-impatt; jistieden lill-programmi ta' qafas ta' riċerka ffinanzjati mill-UE u lill-aġenziji ta' finanzjament pubbliċi biex jinkludu valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru fil-politiki tagħhom u biex jipprevedu l-ġbir u l-analiżi ta' data speċifika għall-ġeneru u għall-età biex jidentifikaw differenzi ewlenin bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tas-saħħa, biex jappoġġaw il-bidla fil-politika, u biex jintroduċu u jiġbru għodda epidemoloġika biex janalizzaw il-kawżi tad-differenza fl-istennija tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa;
2. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni għan-nisa b’diżabilità u nisa xjuħ, bil-ħsieb li jiggarantixxu d-dritt għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u għal kura ta' kwalità, irrispettivament miċ-ċirkostanzi ekonomiċi personali;
3. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw strateġiji maħsuba biex inaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, li jkunu joffru firxa wiesgħa ta' servizzi ta' kwalità għolja u aċċessibbli u li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u jiġġieldu kontra s-segregazzjoni ġeografika, biex tingħata għajnuna ħalli jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-aċċess adegwat għall-kura tas-saħħa lin-nisa aktar anzjani u dan għall-finijiet għas-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà Interġenerazzjonali fl-2012;
5. Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema ta' kura tas-saħħa mingħajr ħlas għal tfal li għandhom inqas minn sitt snin, bħala parti minn politika li tiggarantixxi aċċess għall-kura tas-saħħa għal kulħadd;
6. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' prevenzjoni u kuxjenza li jkunu maħsuba għall-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, u jenfasizza li l-miżuri preventivi u t-trattamenti riabilitattivi m'għandhomx ikunu diskriminatorji u għandhom ikunu aċċessibbli għalkollox, bil-ħsieb li jiġi inkoraġġit u jittejjeb l-aċċess, mingħajr limiti ta' età, għas-sejba u għad-djanjosi bikrija ta' kundizzjonijiet bħall-mard kardjovaskulari, il-kanċer tas-sider, ċervikali u ovarju, l-endometrjosi, il-mard tal-memorja, eċċ.;
7. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintegraw id-dimensjoni tal-ġeneru fil-kontroll tat-tabakk, kif rakkomandat mid-WHO-FCTC, u jintroduċu kampanji kontra t-tipjip immirati għall-bniet u n-nisa;
8. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jsaħħu l-istrumenti għall-prevenzjoni tal-mard tan-nisa, permezz ta’ kampanji informattivi speċifiċi, wiesgħin u regolari dwar in-natura, il-kawżi u r-riskji assoċjati tagħhom, li jindikaw il-ħtieġa ta' kontrolli sistematiċi tas-saħħa u l-benefiċċji tal-interventi bikrija;
9. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jappoġġaw ir-riċerka medika u farmaċewtika fil-mard li jolqtu primarjament lin-nisa, b’riferiment għall-fażijiet kollha ta’ ħajjithom u mhux biss is-snin tal-fażi riproduttiva;
10. Jistieden lill-Istati Membri jsolvu l-problemi tal-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum, fl-oqsma tad-dentistrija u l-oftalmoloġija, pereżempju;
11. Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lin-nisa aċċess faċli għall-metodi ta’ kontraċezzjoni u d-dritt għal abort sikur;
12. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu obbligatorji l-ġbir u l-analiżi ta' data kumparabbli disaggregata skont is-sessi u biex iwettqu studji epidemjoloġiċi u jiġbru u jipproduċu data komprensiva bbażata fuq indikaturi komuni u definiti b'mod strett biex jivvalutaw l-impatt tal-politiki u tal-programmi eżistenti dwar is-saħħa fuq is-saħħa tan-nisa;
13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-riċerka tas-saħħa ffokata fuq saħħet il-mara u l-ħtiġijiet ta' saħħet il-mara, l-iżvilupp tal-mard, il-prevenzjoni tagħhom, u jagħtu appoġġ għar-riċerka multidixxiplinarja fid-determinanti soċjoekonomiċi tas-saħħa matul il-ħajja ta’ mara; iħeġġeġ li jingħataw ir-riżorsi, u li jitqiegħed fokus aktar b'saħħtu fuq, il-kwestjoni ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ħtiġijiet tan-nisa, inkluż il-ġeneru bħala kriterju għall-finanzjament fir-riċerka kollha tal-UE;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri eżempji ta' prattika tajba u tal-aqwa prattika biex tinkoraġġixxi aktar konsistenza fl-aċċess għat-trattament tal-fertilità;
15. Jissuġġerixxi li l-UE u l-Istati Membri jdaħħlu politiki koerenti u miżuri ta' appoġġ għan-nisa li ma jaħdmux jew li jkollhom impjieg f'setturi fejn ma jkunux koperti b'assigurazzjoni tas-saħħa personali, u jfittxu modi kif jassigurawhom;
16. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu approċċ għal matul il-ħajja kollha għat-tixjiħ f'saħħtu ħalli jitnaqqas l-impatt tal-mard kroniku u tad-diżabilitajiet li huma ta' piż għall-kwalità tal-ħajja tan-nisa aktar anzjani;
17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsibu malajr soluzzjonijiet kif wieħed jiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet abbażi tal-oriġini etnika, partikolarment f'ċerti Stati Membri fejn id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE ma ġietx implimentata u fejn in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi m'għandhomx jew għandhom ftit protezzjoni soċjali jew aċċess għall-kura tas-saħħa;
18. Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tan-nisa immigranti, b’riferiment partikolari għall-għoti ggarantit mis-sistemi tas-saħħa ta' servizzi xierqa ta’ medjazzjoni lingwistika; dawk is-sistemi għandhom jiżviluppaw inizjattivi ta' taħriġ li jippermettu lit-tobba u lill-professjonisti l-oħrajn jadottaw approċċ interkulturali msejjes fuq ir-rikonoxximent tad-diversità u s-sensibilitajiet tan-nies minn reġjunijiet ġeografiċi differenti u r-rispett lejn l-istess; għandha tingħata prijorità wkoll lil miżuri u kampanji ta’ informazzjoni maħsuba biex jissieltu kontra l-multilazzjoni ġenitali femminili, inklużi kastigi ħorox għal dawk li jipprattikawha;
19. Jistieden lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom tas-saħħa għall-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar żvantaġġati billi jiżviluppaw strutturi ta’ prezzijiet u sistemi ta’ pagi għall-professjonisti tas-saħħa li jiggarantixxu l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-pazjenti kollha;
20. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki soċjali mmirati lejn l-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi minimi garantiti ta’ kura tas-saħħa għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru jew l-oriġini etnika;
21. Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għan-nisa kollha (inklużi, pereżempju, il-migranti nisa, ir-refuġjati u n-nisa f'żoni rurali) irrispettivament mill-età jew mill-istatus finanzjarju, soċjali, lingwistiku, ġeografiku, kulturali jew legali tagħhom; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi ħalli jirregolaw il-professjoni tal-medjatur kulturali fis-sistemi tas-saħħa pubblika;
22. Jistieden lill-Istati Membri joħolqu netwerk ta’ servizzi soċjali, ta’ saħħa u ta’ pariri speċifiċi, b’helplines telefoniċi ddedikati, għan-nisa, koppji u familji, bl-għan li jipprevjenu l-vjolenza domestika u li jagħtu assistenza professjonali kwalifikata u appoġġ għal dawk li jeħtiġuh b’kooperazzjoni ma' korpi oħrajn fil-qasam;
23. Iqis li jeħtieġ li hu essenzjali li jiżdied l-għadd ta' nisa li jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-politiki dwar is-saħħa, fl-ippjanar tal-programmi u fl-għoti ta' servizzi fil-qasam tas-saħħa;
24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-vjolenza maskili kontra n-nisa bħala kwistjoni ta’ saħħa pubblika, tkun xi tkun il-forma li tieħu;
25. Jikkunsidra li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa, iqisu l-mortalità materna fil-politiki tagħhom u jagħtu l-opportunità għal abort sikur kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha;
26. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiffokaw fuq id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, l-aktar fil-prevenzjoni, il-projbizzjoni u l-prosekuzzjoni tal-isterilizzazzjoni forzata tan-nisa, kif ukoll il-mutilazzjoni ġenitali femminili;
27. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jiżguraw li l-persuni vulnerabbli, u b’mod partikolari n-nisa tqal, it-tfal u l-anzjani kollha, ikunu intitolati bil-liġi għas-servizzi tas-saħħa u jkollhom aċċess ekwitabbli għalihom;
28. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa, fir-rigward tal-aċċess għat-teknoloġiji tar-riproduzzjoni assistita (ART), biex jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa abbażi tal-istatus taż-żwieġ, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini etniċi jew kulturali;
29. Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, id-dritt għal stil ta’ ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa u d-dritt għax-xogħol, ħalli jkun żgurat li n-nisa jkollhom vuċi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' politika tas-saħħa Ewropej u nazzjonali;
30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jissuktawx bit-tnaqqis ta' bħalissa fl-infiq pubbliku fuq is-servizzi tas-saħħa li għandhom rwol ċentrali fl-għoti ta' livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għan-nisa u għall-irġiel.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
30.11.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
14 6 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Češková, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Iratxe García Pérez, Philippe Juvin, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Anna Záborská |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Izaskun Bilbao Barandica, Vilija Blinkevičiūtė, Sylvie Guillaume, Norica Nicolai, Antigoni Papadopoulou, Sirpa Pietikäinen |
|||||
- [1] ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 56.
- [2] ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
- [3] COM(2009)0567.
- [4] Doctors of the World, Osservatorju Ewropew għall-Aċċess għall-Kura tas-Saħħa, Undocumented migrants’ access to health care, rapporti ta' stħarriġ għall-2007 u l-2009; HUMA, Law and practice, Access to health care for undocumented migrants and asylum seekers in 10 EU countries, 2009.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
25.1.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
52 1 7 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Nick Griffin, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philippe Juvin, Jiří Maštálka, Miroslav Mikolášik, Bill Newton Dunn, James Nicholson, Alojz Peterle, Michèle Rivasi, Csaba Sándor Tabajdi, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
|||||