Proċedura : 2010/2085(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0033/2011

Testi mressqa :

A7-0033/2011

Dibattiti :

PV 07/03/2011 - 22
CRE 07/03/2011 - 22

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2011 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0076

RAPPORT     
PDF 230kWORD 172k
24.2.2011
PE 452.795v03-00 A7-0033/2011

dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u s-sorveljanza tas-suq

(2010/2085(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Christel Schaldemose

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u s-sorveljanza tas-suq

(2010/2085(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93(2)

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE(3)

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2009 li tistabbilixxi l-linji gwida għall-immaniġġjar tas-Sistema tal-Informazzjoni Rapida tal-Komunità "RAPEX" stabbilita skont l-Artikolu 12 u tal-proċedura ta' notifika stabbilita skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti) (2010/15/KE)(4)

–   wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar il-sigurtà ġenerali tal-prodotti (COM(2008)0905),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu "Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti: Sommarju tal-azzjonijiet previsti", id-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tat-18 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali"Konformità mal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (Deċiżjoni 769/2008)" , DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija, tal-15 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Direzzjoni bit-titolu "Reviżjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (DSĠP), DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tal-25 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 2001/95/KE u d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, id-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tat-2 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu "Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti: L-identifikazzjoni tal-Kwestjonijiet Ewlenin", id-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tal-15 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-dokument informattiv ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO dwar is-Sorveljanza tas-Suq fl-Istati Membri, ippubblikat f'Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra d-dokument informattiv ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (DSĠP) u tas-Sorveljanza tas-Suq, ippubblikat f'Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-workshop dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti tas-Sorveljanza tas-Suq li sar fit-30 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra s-Samit trilaterali bejn l-UE, l-Istati Uniti u ċ-Ċina li seħħ f'Shanghai bejn il-25 u s-26 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0033/2011),

A. billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-prodotti kollha fis-suq tal-UE huma sikuri sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni fost l-oħrajn għall-konsumaturi,

B.  billi l-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (minn hawn 'il quddiem - QLĠ) ġie adottat f'Lulju 2008 u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar is-sorveljanza tas-suq ikun japplika mill-1 ta' Jannar 2010,

C. billi d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 2001/95/KE (minn hawn ’il quddiem - DSĠP) li tistabbilixxi fil-livell Komunitarju rekwiżiti dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti tal-konsumatur għandha tiġi riveduta u ssir konformi mal-QLĠ permezz ta’ integrazzjoni, b’mod partikolari r-Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq,

D. billi l-qafas leġiżlattiv dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq jikkonsisti minn tliet saffi ta' atti legali (DSĠP, QLĠ u d-direttivi dwar l-armonizzazzjoni speċifiċi għal settur), ħaġa li twassal għal inċertezzi u konfużjoni fis-suq intern,

E.  billi l-livell ta’ sorveljanza tas-suq ivarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri u xi wħud minnhom jonqsu milli jallokaw ir-riżorsi neċessarji biex is-suq ikun sorveljat b’mod effiċjenti u jinterpretaw “prodotti li joħolqu riskju serju” b’mod differenti, li jistgħu joħolqu ostakli għall-moviment ħieles tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern; ifixxklu l-kompetizzjoni u jipperikolaw is-sikurezza tal-konsumatur fi ħdan is-suq intern,

F.  billi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-azzjonijiet konġunti għas-sorveljanza tas-suq hija essenzjali u għandha għalhekk tissaħħaħ aktar u għandhom jiġu allokati riżorsi għaliha,

G. billi r-regolamenti, meta mqabbla ma' Direttivi, iġibu magħhom vantaġġi bħalma huma ċ-ċarezza, il-prevedibbiltà u l-effikaċja kif iddikjarat ukoll fir-Rapport Monti,

Is-Sorveljanza tas-Suq

Introduzzjoni

1.  Jemmen li l-qafas leġiżlattiv attwali għas-sorveljanza tas-suq ma jipprovdix koerenza suffiċjenti u għalhekk għandu jiġi rivedut u kkoordinat aktar;

2.  Jipproponi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas Ewropew komuni għas-sorveljanza tas-suq rigward il-prodotti kollha fis-suq intern jew li jidħlu fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol aktar attiv fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq Ewropew, tal-awtoritajiet doganali u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimmobbilizzaw riżorsi adegwati għal attivitajiet marbutin mas-sorveljanza tas-suq; jenfasizza li sistemi għas-sorveljanza tas-suq li ma jaħdmux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, jipperikolaw is-sikurezza tal-konsumaturi u huma ta’ ħsara għall-fiduċja taċ-ċittadin fis-suq intern; jenfasizza l-importanza tas-siġurtà tal-fruntieri esterni tas-suq uniku, b'mod partikolari tal-portijiet maġġuri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri kontra prodotti illegali minn pajjiżi terzi; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni sħiħa tal-punti minn fejn jidħlu l-prodotti fis-suq tal-UE, li tinkludi valutazzjoni tar-riżorsi meħtieġa biex ikun garantit kontroll adegwat;

4.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu pieni b’mod koordinat, inklużi multi kbar, għal operaturi ekonomiċi li jintroduċu deliberatament fis-suq uniku prodotti perikolużi jew mhux konformi; jipproponi li l-projbizzjoni tal-prodotti għandha tkun ippubblikata ta’ spiss kemm jista’ jkun sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-kontrolli fuq il-fruntieri u s-sorveljanza tas-suq u biex tiskuraġġixxi lill-operaturi tas-suq kriminali

5.  Jistieden lill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq u tal-awtoritajiet tad-dwana biex jikkofinanzjaw azzjonijiet ulterjuri konġunti għas-sorveljanza tas-suq;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; jitlob għal kooperazzjoni konġunta, il-ġbir tal-għarfien u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq; ifakkar fl-importanza li jkun hemm kooperazzjoni bejn id-dwana u l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq fuq il-fruntieri esterni biex iwettqu kontrolli xierqa fuq il-prodotti huma hu deħlin fil-Komunità; jirrikonoxxi l-kontribut importanti li għamel il-PROSAFE rigward il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti għas-sorveljanza tas-suq u l-iskambju ta’ prattiki ppruvati u ttestjati fil-qafas tad-DSĠP; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra taħt liema kundizzjonijiet PROSAFE jista' jservi bħala pjattaforma għal aktar koordinazzjoni bejn l-Istai Membri għal prodotti armonizzati u għal dawk li mhumiex; jikkunsidra li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita bażi legali u li jiġu allokati biżejjed riżorsi għal PROSAFE biex dan il-kompitu jkun jista' jitwettaq; jindika, madakollu, li l-koordinazzjoni permezz tal-PROSAFE hija ristretta mir-riżorsi limitati u mill-istruttura informali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkondividu ma’ Stati Membri oħra l-inkjesti u l-istudji relatati mas-sikurezza tal-prodotti. iqis li għandhom jiġu inklużi n-numri ta’ referenza tal-prodotti konċernati biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-prodott minn awtoritajiet oħra, li jistgħu jibbenefikaw mit-traduzzjoni u l-użu tal-informazzjoni provduta fl-istudji; jitlob lill-Istati Membri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jieħdu miżuri għas-sorveljanza tas-suq abbażi tar-riżultati ta’ testijiet jew studji li jkunu twettqu minn Stati Membri oħra sabiex jiġi evitat xogħol doppju;

8.  Jissuġġerixxi li għandhom jiġu stabbiliti uffiċċji għall-edukazzzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti eż. inklużi fil-Punti ta' Kuntatt tal-Prodotti, li jistgħu jiffaċilitaw it-taħriġ u t-trasferiment tal-informazzjoni minn industrija għal oħra;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Database tal-Informazzjoni dwar is-Sikurezza ta' Prodotti tal-Konsumatur pubbliċi, li tinkludi pjattaforma għall-ilmenti, possibbilment ibbażata fuq sistemi eżistenti nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li dan se jqajjem il-kuxjenza dwar prodotti perikolużi fil-pajjiżi tas-suq intern filwaqt li l-konsumaturi se jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar prodotti perikolużi, b'mod elettroniku; jemmem li d-database tista' titfassal billi jiġu żviluppati databases eżistenti bħas-Sistema għas-Sorveljanza tas-Suq Ewropew (ICSMA) jew id-Database dwar Korriment (IDB); jenfasizza l-ħtieġa li d-database jkollha bażi legali, u li rappurtar min-naħa tal-Istati Membri għandu jkun obbligatorju; jiltob għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ statistika dwar l-inċidenti bbażata duq din id-database, li minnha se jiġu ppubblikati rapporti annwali obbligatorji; jitlob biex id-database tkun aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità neċessarja għan-negożji;

10. Jirrimarka li l-globalizzazzjoni, iż-żieda fl-esternalizzazzjoni u t-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali jfissru li aktar prodotti qegħdin jiġu nnegozjati fis-swieq tad-dinja kollha; iqis li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn regolaturi globali u partijiet interessati oħra fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti tal-konsum hija importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa mill-katini kumplessi tal-provvista u l-volum akbar tal-kummerċ;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-kooperazzjoni internazzjonali fil-Caucus dwar is-Sikurezza tal-Prodotti tal-Konsumatur internazzjonali sabiex isir skambju ta’ prattiki ppruvati u ttestjati u b’mod konġunt tiġi evitata l-produzzjoni ta’ sustanzi perikolużi f’pajjiżi terzi maħsuba għall-esportazzjoni lejn is-suq uniku Ewropew;

Reviżjoni tad-DSĠP

Konformità bejn id-DSĠP u l-QLĠ – Regolament ġdid dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq

12. Isostni r-reviżjoni tad-DSĠP u tar-Regolament 765/2008/EC rigward d-definizzjonijiet u l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi kif definiti fid-Deċiżjoni 768/2008/EC, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, speċjalment għal SMEs; iqis li l-fatt li jkun hemm regolament uniku huwa l-uniku mod biex ikun hemm sistema unika għall-prodotti kollha; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema għas-sorveljanza tas-suq uniku għall-prodotti kollha, ibbażata fuq att legiżlattiv uniku li jkopri kemm id-DSĠP kif ukoll ir-Regolament 765/2009/KE; iqis li dan l-att leġiżlattiv ġdid għandu jinħoloq biex jikseb livell għoli ta' sikurezza tal-prodotti u ta' sorveljanza tas-suq, fejn se tiġi ċċarata l-bażi legali u se jitqiesu d-dispożizzjonjiet li ġew żviluppati aktar bis-sħiħ fiż-żewġ atti leġiżlattivi eżistenti;

13. Jitlob għal konformità bejn ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà fid-DSĠP u l-QLĠ sabiex tkun garantita sistema ta’ traċċabbiltà koerenti li tevita l-ħolqien ta’ burokrazija ġdida;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tiżviluppa kriterji aktar preċiżi għall-evalwazzjoni tas-sikurezza u r-riskji mnissla min-nuqqas ta' konformità tal-prodotti mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

Tibdiliet speċifiċi addizzjonali fid-DSĠP

15. Isibha problematika li prodotti operati minn fornituri tas-servizzi mhumiex koperti mid-DSĠP attwali, jiġifieri li r-rekwiżiti dwar is-sikurezza ġenerali japplikaw meta l-prodott qiegħed f'idejn il-konsumatur fuq il-proprjetà tal-fornitur tas-servizz, iżda ma japplikawx jekk l-istess prodott huwa operat mill-fornitur tas-servizz; jenfasizza l-bżonn li tittranġa din il-lakuna legali;

16. Jiltob għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-prodotti , b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi tal-Kummissjoni ta’ “leġiżlar aħjar” u “l-ewwel aħseb fiċ-ċokon” kif ippreżentat fil-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, u jħeġġeġ id-dispożizzjonijiet dwar il-Prodotti li Jimitaw l-Ikel biex ikunu inklużi fil-proposta riveduta;

17. Jitlob, sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ambitu l-aktar wiesa' ta' konsumaturi partikolarment vulnerabbli, għall-introduzzjoni ta' referenza għal persuni b'diżabbiltà (flimkien mar-referenzi għal tfal u anzjani li diġà huma preżenti);

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-obbligu li manifatturi għandhom iwettqu analiżi tar-riskju fil-fażi ta' diżinn tagħhom; iħeġġeġ il-prattika fejn riskji li jkunu ġew identifikati għandhom jiġu dokumentati u jsiru disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi;

Miżuri Komunitarji ta' Emerġenza

19. Jenfasizza l-ħtieġa għal qafas regolatorju aktar effettiv, li jippermetti interventi fil-pront u soluzzjonijiet affidabbli fit-tul, mingħajr ma’ jiġu delegati deċiżjonijiet politiċi lill-korpi jew lill-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni mingħajr sett ċar ta’ rekwiżiti essenzjali ta’ politika, kif jiġri fil-każ tal-leġiżlazzjoni armonizzata;

Traċċabbiltà

20. Jenfasizza li prodotti li joħolqu riskji serji għandhom jiġu rtirati jew jittieħdu lura mis-suq malajr kemm jista’ jkun u għandha tiġi zgurata t-traċċabbiltà tagħhom fil-katina kollha tal-forniment li titlob riżorsi suffiċjenti għall-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq;

21. Jenfasizza kemm hu importanti li tkun żgurata traċċabbiltà affidabbli fl-istadji kollha tal-ħajja ta’ prodott, filwaqt li jkun żgurat li dan ma jwassalx għal piżijiet amministrattivi akbar;

22. Jenfasizza l-importanza tat-traċċabbiltà tal-prodotti u tat-tikketti biex isir magħruf il-pajjiżi ta' oriġini tal-prodott u tal-manifattur responsabbli;

23. Jinsisti fuq infurzar effettiv tal-proċeduri ta' identifikazzjoni li diġà qegħdin fis-seħħ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, filwaqt li jikkunsidra li l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ma għandhomx ipoġġu fil-periklu l-privatezza, is-sigurtà u s-sikurezza tal-konsumatur;

24. Jenfasizza madankollu, li ma għandhiex tiġi imponuta soluzzjoni teknika unika bħala sistema/metodu ta’ traċċabbiltà uffiċjali fi ħdan is-suq tal-UE; u jitlob għal proporzjonalità ġenerali;

25. Jenfasizza l-ħtieġa biex jitjiebu u jissaħħu aktar l-iskambji ta’ informazzjoni RAPEX rigward prodotti perikolużi minn pajjiżi terzi (bħaċ-Ċina u l-Indja) u biex l-aħħar studji li saru jiġu evalwati.

RAPEX

26. Jirrikonoxxi li RAPEX hija għodda utli u effiċjenti biex ixxerred, fost l-Istati Membri, informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu fir-rigward ta' prodotti perikolużi, iżda hija għodda li tista' tittejjeb aktar;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti lill-professjonisti dwar is-sikurezza tal-prodotti, lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali waqt li tiġi assigurata l-kunfidenzjalità; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-għarfien tar-RAPEX u s-sistemi ta’ rtirar tal-UE barra l-UE;

28. Jilqa' l-linji gwida RAPEX ġodda li jikkontribwixxu għat-titjib tat-tħaddim ta' RAPEX; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-metodu l-ġdid għall-evalwazzjoni tar-riskju ma’ dawk fis-seħħ għall-prodotti armonizzati sabiex jassisti lill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq fix-xogħol tagħhom;

29. Jitlob lill-Kummissjoni tispjega l-klassifikazzjoni tal-prodotti bħala ‘riskju serju’ għan-notifikazzjonijiet tar-RAPEX;

30. Jinnota li l-prodotti tal-konsum li jitqiegħdu fis-suq intern Ewropew kulma jmorru qegħdin jiġu minn pajjiżi terzi; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li kull sena hemm żieda fin-notifiki RAPEX relatati ma' prodotti ta' oriġini Ċiniża, li tirrappreżenta aktar min-nofs in-notifiki RAPEX, u jidher li f'20% tal-każi l-manifatturi ta' dawk il-prodotti ma jistgħux jiġu identifikati; jitlob għalhekk, għal sforzi msaħħa fuq livell internazzjonali u jilqa' kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Uniti u ċ-Ċina, għal strateġiji ta' traċċabbiltà,; jilqa' kwalunkwe sostenn, taħriġ, u seminars organizzati mill-awtoritajiet tal-UE u taċ-Ċina biex titjieb is-sikurezza tal-prodotti; jenfasizza li teżisti l-ħtieġa għal programmi multiannwali biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi;

31. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-utilità li tiġi stabbilita sistema analoga għar-RAPEX - ĊINA għal sħab kummerċjali oħrajn, partikolarment dawk li l-prodotti tagħhom ġew notifikati fis-sistema RAPEX;

32. Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora fir-RAPEX, jew kwalunkwe sistema xierqa oħra fil-livell tal-UE, pieni għall-infrazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri, bil-għan li jkunu żgurati t-trasparenza u l-inċentivi għall-partijiet interessati kollha;

Bejgħ onlajn u d-dwana;

33. Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom fit-teħid ta' azzjoni kontra prodotti perikolużi li jinbiegħu onlajn;

34. Jilqa' l-proġett tal-Kummissjoni C2013 fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti li se jipproduċi linji gwida għal kontrolli doganali fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tispeċifika għodda għall-awtoritajiet doganali biex jindirizzaw l-isfidi ta' kontrolli adegwati fuq prodotti importati; jitlob għal aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' infurzar;

35. Jirrikonoxxi ż-żieda tal-għadd ta' prodotti mixtrija onlajn mill-konsumaturi, minn pajjiżi terzi u li ma jikkonformawx mal-istandards Ewropej, b'hekk ipoġġu f'riskju s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tistandardizza l-kontrolli doganali għall-prodotti mixtrija fl-internet u tissorvelja s-suq speċjalment għal dawk il-prodotti li jistgħu jikkawżaw ħsara diretta għall-konsumatur bħall-prodotti farmaċewtiċi u alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja x'soluzzjonijiet jista' jkun hemm għal din il-problema, biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-uffiċjali jitħarrġu kif suppost biex jiġi żgurat żvelar aħjar tal-prodotti li jippreżentaw riskju; iħeġġeġ kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali qabel ma dawn il-prodotti jkunu ġew rilaxxati fis-suq li titlob għal programm multiannwali hawnhekk ukoll;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jiżviluppaw aktar il-kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza mmirati lejn il-konsumaturi biex jinfurmawhom dwar ir-riskju ta’ xiri ta’ prodotti foloz onlajn;

Standardizzazzjoni

38. Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet għas-sorveljaza tas-suq jipparteċipaw sistematikament fil-proċess għall-iżvilupp ta' standards relatati mas-sigurtà, peress li dan huwa mezz xieraq kif jista' jiġi żgurat li l-għarfien tagħhom se jgħarraf il-proċess ta' standardizzazzjoni u biex l-istandards jinftehmu aħjar, biex b'hekk jiġi żgurat li l-applikazzjoni volontarja tal-istandards se tikkontribwixxi għal żieda fis-sikurezza u s-saħħa tal-konsumatur kif ukoll għal ċertezza legali, peress li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkunu jistgħu jinterpretaw u japplikaw korrettament l-Istandards Ewropej;

39. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid iċ-ċarezza tal-mandati tal-istandards u tikkunsidra modi evoluzzjonarji oħra kif ittejjeb u tintegra sistemi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali u Ewropej fiż-żona li mhix armonizzata, bl-enfasi fuq il-parteċipazzjoni tal-SMEs, filwaqt li jinżammu kif inhuma l-elementi ewlenin tal-istruttura li hemm bħalissa;

40. Iħeġġeġ it-titjib tal-proċeduri attwali tal-Kummissjoni li japplikaw għall-istabbiliment ta’ mandati għall-iżvilupp tal-istandards Ewropej sabiex tiġi garantita reazzjoni f’waqtha għal riskji ġodda jew dawk ħerġin fid-dieher, b’mod aktar effiċjenti; jenfasizza, madankollu, li proċeduri emendati jew ġodda għandhom ikunu soġġetti wkoll għal skrutinju min-naħa tal-Parlament; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun intitolat li jiskrutinja l-proċeduri għat-teħid jew l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali, dawk mhux Ewropej u standards oħra;

41. Jitlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzar u lill-Kummissjoni biex jinvestigaw is-sistemi kollha possibbli li kapaċi jħaffu l-proċess tal-iżvilupp tal-istandards, filwaqt li jassiguraw involviment xieraq tal-partijiet kollha interessati rilevanti, bħall-introduzzjoni ta’ proċedura rapida jew il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippubblika referenza ta’ standards Ewropej jew tal-ISO eżistenti, żviluppati barra minn mandat tal-Kummissjoni, jekk tali standards huma maħsuba li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur jew biex jiġi indirizzat riskju speċifiku bħala miżura temporanja sakemm issir disponibbli soluzzjoni permanenti;

42. Jitlob biex il-mandati tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni jkunu mtejba sabiex jippermettu l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzar tiżviluppa Standards Ewropej li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi li għalihom tista’ tinkiseb jew tkun valutata l-konformità ma’ deċiżjoni politika; f’dan ir-rigward, iqis li huwa meħtieġ involviment u kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzar fit-tfassil tal-proċess; iqis, fid-dawl tal-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet jaħdmu fuq bażi ta’ konsensus, li huwa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema li kwistjonijiet politiċi jkunu trattati fuq livell tat-tfassil ta’ politika u mhux delegati lill-Kummissjoni Ewropea, lill-korpi għall-istandardizzazzjoni jew lil kwalunkwe amministrazzjoni ta’ infurzar;

43. Jitlob biex proċedura formali għar-rifjut ta' standard, bħal ma hemm fid-Deċiżjoni 768/2008/KE, tiddaħħal fid-DSĠP, iqis li l-użu ta' din il-proċedura għandu jkun possibbli anke qabel ma standard ikun ġie ċitat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, iżda ma għandux jissostitwixxi l-ħsieb tal-Istati Membri li jżidu b'mod sinifikanti, l-involviment tal-awtoritajiet tagħhom għas-sorveljanza tas-suq fis-sistema ta' standardizzazzjoni;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati kollha jiggarantixxu s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, inkluż permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati u permezz ta’ ppjanar finanzjarju multiannwali, peress li dan huwa essenzjali biex ikunu żgurati l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha;

45. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri f’koerenza mal-qafas leġiżlattiv ġdid, sabiex ir-reviżjonijiet meħtieġa jkunu jistgħu jittejbu;

°

° °

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

             ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)

             ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(3)

             ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(4)

              ĠU L 22, 26.1.2010, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Suq uniku li jiffunzjona tajjeb ifisser ukoll prodotti sikuri u kunfidenza min-naħa tal-konsumatur. Meta nkunu qegħdin nimmiraw għal ċirkolazzjoni ħielsa fis-suq, ta' varjetà ta' prodotti aktar wiesgħa, l-attenzjoni tagħna għandha tibqa' fuq is-sikurezza tal-konsumatur.

Ħarsa ġenerali tal-qasam tas-sikurezza tal-prodotti turi li matul l-aħħar għaxar snin sar progress fejn tidħol is-sikurezza tal-prodotti fl-UE. Il-gvernijiet kif ukoll l-intrapriżi għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw aktar prodotti sikuri, u minħabba l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE, kien hemm approċċ komuni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prodotti, li tejbu s-sikurezza ġenerali tal-prodotti fi ħdan is-suq intern.

Minkejja li jidher li sar progress, għad hemm lok għal titjib li jrid jiġi indirizzat, u fil-qasam ikkonċernat dan jista' jkun ta' periklu għas-sikurezza tal-konsumatur jew xi drabi saħansitra fatali għalihom.

Kull sena inċidenti fatali jseħħu meta pereżempju, it-tfal jużaw prodotti li ġew diżinjati jew użati b'mod mhux sikur. Eżempju l-aktar riċenti jikkonċerna l-purtieri, fejn tfal instabu fgati fil-ħbula diżinjati biex jgħollu u jniżżlu l-purtieri. Fl-istruttura tal-leġiżlazzjoni attwali prodotti ta' dan it-tip ma jistgħux jitwaqqfu u jiġu mibdula fil-pront anke jekk jaqgħu taħt il-DSĠP. Biex jinbidel il-prodott jinħtieġ standard u l-proċess għat-tfassil ta' standard jieħu wisq żmien minħabba l-leġiżlazzjoni li teżisti fil-preżent. Għalhekk dawn il-purtieri huma totalment legali u l-konsumaturi jistgħu jixtruhom f'ħafna punti ta' bejgħ fl-Ewropa kollha.

Ix-xewqa tar-Rapporteur hija li tiġi enfasizzata l-importanza ta' reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali dwar is-sikurezza tal-prodotti, ħalli prodotti li mhumiex sikuri jistgħu jinstabu u jitneħħew.

Id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 2001/95/KE (DSĠP) li tirregola r-rekwiżiti ta' sikurezza ġenerali tal-prodotti ġiet adottata kważi 10 snin ilu u għandha bżonn tiġi riveduta.

Ir-reviżjoni tal-DSĠP hija neċessarja wkoll biex issir konformi mal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (QLĠ) adottat f'Lulju 2008, sabiex ikun evitat li jiddgħajjef l-għan li jinkiseb suq intern koerenti għall-prodotti armonizzati u mhux armonizzati u biex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva tal-interessi tal-konsumatur.

Fl-ambitu attwali tagħhom il-QLĠ u d-DSĠP jirkbu parzjalment. Hemm bżonn li jiġi eżaminat mod kif tista' tiġi żgurata l-koerenza bejn prodotti armonizzati u dawk mhux armonizzati, sabiex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni għall-konsumatur kif ukoll trasparenza bis-sħiħ għall-prodotturi. Għalhekk huwa importanti li tiġi żgurata li ż-żewġ saffi li jirkbu fir-regoli differenti dwar is-sorveljanza tas-suq li japplikaw għal prodotti armonizzati, skont jekk humiex prodotti tal-konsumatur jew le, ma jibqgħux. Barra minn hekk kemm il-QLĠ u d-DSĠP fihom dispożizzjonijiet orizzontali li japplikaw, skont il-prinċipju ta' "lex specialis" flimkien ma' direttivi dwar armonizzazzjoni speċifiċi għal settur. Il-qafas leġiżlattiv rilevanti jittieħed imbagħad mit-tliet elementi lkoll flimkien: Il-QLĠ, id-DSĠP u direttivi dwar l-armonizzazzjoni tas-setturi. Hemm bżonn li din il-kumplessità tkun riveduta u riżolta.

Is-sorveljanza tas-suq hija relatata sew mas-sikurezza tal-prodotti, peress li hija element essenzjali biex jiġi żgurat li l-prodotti huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar armonizzazzjoni rilevanti u ma jpoġġu l-ebda aspett tal-interess pubbliku fil-periklu Apparentament is-sorveljanza tas-suq hija attività li toffri sfidi għal għadd ta' Stati Membri, peress li milli jidher, dawn jonqsu milli jallokaw ir-riżorsi neċessarji għas-sorveljanza effiċjenti tas-suq. Din hija tendenza li tħasseb ħafna dak li jkun u li ddgħajjef l-isforz għall-ksib ta' sikurezza tal-prodotti aħjar.

Il-kwestjonijiet ewlenija tar-Rapporteur

Reviżjoni tad-DSĠP u l-konformità tagħha mal-QLĠ

Ir-Rapporteur jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti sabiex ikunu aġġornati r-regoli ġenerali dwar rekwiżiti marbutin mas-sikurezza tal-prodotti u biex il-leġiżlazzjoni ssir konformi mal-QLĠ. Ir-Rapporteur jirrikonoxxi d-differenzi leġiżlattivi bejn id-DSĠP u l-QLĠ filwaqt li jinnota li hemm oqsma li mhumiex koperti miż-żewġ leġiżlazzjonijiet u oqsma fejn jirkbu fuq xulxin. Dan jitlob għal konformità ħalli ma jkun hemm l-ebda dubju f'għajnejn l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq.

It-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq

Il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq hija indirizzata wkoll mir-Rapporteur li titlob għal aktar infurzar u infurzar aħjar tar-regolamenti attwali. Huma meħtieġa aktar skambji ta' għarfien u esperjenza bejn l-Istati Membri, ħalli l-aħjar prattiki tas-sorveljanza tas-suq jinxterrdu fl-UE kollha. Dan se jwassal għal suq li fih l-konsumaturi se jħossuhom sikuri u l-kumpaniji se jkunu jafu, b'mod aktar ċar, liema regoli japplikaw fl-Ewropa. L-Istati Membri huma għalhekk imħeġġa jallokaw biżżejjed riżorsi biex titwettaq is-sorveljanza tas-suq meħtieġa.

Waħda mill-viżjonijiet prinċipali tar-Rapporteur sabiex il-livell ta' sikurezza fl-Unjoni kollha jsir l-livell uniku u biex tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq, tinvolvi l-introduzzjoni ta' Regolament uniku eż "Ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq" li jinkludi prodotti armonizzati u dawk mhux armonizzati f'att leġiżlattiv uniku, sabiex jiġu żgurati prodotti sikuri fis-suq.

Traċċabbiltà

Fir-rigward tat-traċċabbiltà ta' tibdiliet speċifiċi fid-DSĠP, ir-Rapporteur tipproponi li għandhom jittieħdu passi konkreti. Meta prodotti mhux sikuri jinstabu x'imkien fl-Ewropa, huwa importanti li l-awtoritajiet rilevanti jkunu kapaċi jwaqqfu l-prodotti u jġegħlu l-kumpaniji kkonċernati jieħdu lura jew jirtiraw il-prodotti tagħhom, mis-suq Ewropew. Din se toħloq aktar kunfidenza fost il-konsumaturi meta jmorru biex jixtru l-prodotti fis-suq Ewropew. Minbarra dan huwa suġġerit il-ħolqien ta' Database b'Informazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur, ħalli permezz tagħha konsumaturi u kumpaniji Ewropej jistgħu jikkondividu informazzjoni u esperjenzi dwar prodotti perikolużi u jwettqu statistika dwar it-tipi ta' prodotti li jikkaġunaw l-aktar inċidenti.

Ir-Rapporteur tilqa' inizjattivi u teknoloġiji ġodda għall-ittraċċar tal-prodotti. Permezz tagħhom l-awtoritajiet, il-kumpaniji u l-konsumaturi se jkunu jistgħu jidentifikaw prodotti li nstab li mhumiex sikuri wara li ddaħħlu fis-suq Ewropew. Fl-istess ħin ir-Rapportuer tenfasizza li t-traċċabbiltà ma tistax tipprofana l-privatezza tal-individwi. B'konformità mal-kooperazzjoni li tikkonċerna t-traċċabbiltà, ir-Rapporteur tissuġerixxi li professjonisti tas-sikurezza, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, u awtoritajiet nazzjonali, għandhom ikollhom aktar aċċess għall-informazzjoni li tinsab fis-sistema RAPEX, flimkien ma' żieda fil-kondiviżjoni ta' infomazzjoni ġenerali ssuġġerita fil-Bażi tad-Dejta msemmija hawn fuq.

Il-konsumaturi vulnerabbli għandhom ikunu indirizzati

Ir-Rapportuer tissuġġerixxi wkoll li l-aktar konsumaturi vulnerabbli fis-suq uniku, jiġifieri t-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà għandhom jingħataw l-attenzjoni. Il-Komunità Ewropea għandha responsabbiltà partikolari lejn dawn il-gruppi - saħansitra fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti.

Prodotti li jappellaw għat-tfal

Fi ħdan l-iskop biex jissaħħew kemm ir-rekwiżiti dwar is-sikurezza tal-prodotti kif ukoll is-sorveljanza tas-suq, ir-Rapportuer irid jenfasizza l-protezzjoni għat-tfal. Il-prodotti għat-tfal u prodotti li jappellawlhom huma ż-żewġ punti ta' attenzjoni prinċipali tar-Rapporteur

Żieda fl-attenzjoni għas-sikurezza tal-prodotti fi stadji bikrija.

Sabiex ir-riskju li jitpoġġew prodotti perikolużi fis-suq ikun minimu r-Rapporteur tissuġġerixxi l-obbligu min-naħa tal-manifatturi li jwettqu analiżi tar-riskju fil-fażi ta' diżinn tagħhom. Din se tiżgura żieda fl-attenzjoni għas-sikurezza tal-prodott fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-prodott u se tipprevjeni ħafna inċidenti traġiċi li qed jiġru llum il-ġuranta. Hija l-viżjoni tar-Rapporteur li d-DSĠP se tbiddel l-approċċ tal-produtturi minn reazzjoni sempliċi u kontroll tad-danni meta sseħħ xi inċident għal aktar ħsieb bikri fid-dettall u kunxjenza akbar tal-fallimenti, għall-benefiċċju kemm tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi.

Ir-Rapporteur tipproponi wkoll li jitwaqqaf uffiċċju tal-edukazzjoni dwar il-prodotti sikuri b'rabta mal-Punt ta' Kuntatt tal-Prodott fl-Istati Membri b'konformità ma' dak li qiegħed jitwaqqaf fl-Istati Uniti. L-uffiċċju se jaffaċilita t-taħriġ u l-edukazzjoni tal-manifatturi, l-awtoritajiet, il-konsumaturi eċċ. dwar is-sikurezza tal-prodotti.

Is-sikurezza tal-prodotti f'perspettiva globali

Il-globilizzazzjoni hija wkoll aspett li ddaħħal fir-rappot. F'dinja aktar globalizzata fejn aktar u aktar prodotti joriġinaw minn barra - speċjalment miċ-Ċina - kooperazzjoni internazzjonali dwar kwestjonijiet dwar is-sikurezza tal-prodotti tintlaqa' tajjeb mir-Rapportuer. L-UE u s-sħab ta' kummerċ tagħha, jekk jikkooperaw bejniethom, jistgħu jagħtu attenzjoni effettiva fuq is-sikurezza tal-prodotti u t-traċċabbiltà tagħhom qabel ma l-prodotti jispiċċaw fis-suq Ewropew.

Kummerċ onlajn.

Se tingħata attenzjoni wkoll għal prodotti mibjugħin onlajn. Aktar u aktar prodotti qegħdin jiġu nnegozjati fuq l-internet u jinġarru minn fuq il-fruntieri Ewropew. Biex il-kunfidenza tal-konsumatur tissaħħaħ u biex is-suq tal-Internet isir aktar trasparenti u disponibbli għal kumpaniji, regoli komuni dwar is-sikurezza tal-prodotti mibjugħin onlajn jirrappreżentaw l-ambizzjoni tar-Rapporteur.

Standardizzazzjoni - l-involiment tal-produtturi

Fl-aħħar nett, b'konformità mal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess ta' abbozzar tal-istandards, peress li dan huwa mezz adattat biex jiġi żgurat li l-infurzar tal-istandards min-naħa tal-Istati Uniti huwa vijabbli.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (3.12.2010)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq

(2010/2085(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Małgorzata Handzlik

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li l-globalizzazzjoni, iż-żieda fl-outsourcing u t-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali jfissru li aktar prodotti qegħdin jiġu nnegozjati fis-swieq tad-dinja kollha; iqis li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn regolaturi globali u partijiet interessati oħrajn fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti tal-konsum hija importanti biex jintlaqgħu l-isfidi maħluqa mill-katini kumplessi tal-provvista u l-volum akbar tal-kummerċ;

2.  Jinnota li l-prodotti tal-konsum li jitqiegħdu fis-suq intern Ewropew kulma jmorru qegħdin jiġu minn pajjiżi terzi; f'dan ir-rigward jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti, speċjalment mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħna; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrutturi eżistenti tal-kooperazzjoni bilaterali, trilaterali (UE-Stati Uniti-Ċina) u multilaterali biex titjieb is-sikurezza tal-prodotti mqiegħda fis-suq Ewropew;

3.  Jenfasizza li sistema unika ta' kontroll tal-UE għall-prodotti kollha hija importanti għas-sħab kummerċjali tagħna u l-produtturi minn pajjiżi terzi li jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq tal-UE; huwa tal-fehma li meta tħejji proposta dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, il-Kummissjoni għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq li jinsabu fid-Direttiva fil-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tas-sistema RAPEX – ĊINA, li tipprovdi l-awtoritajiet Ċiniżi bl-informazzjoni dwar prodotti tal-konsum miċ-Ċina li huma pprojbiti jew ġew irtirati mis-suq Ewropew; huwa tal-fehma li s-sistema RAPEX – ĊINA għandha tkompli tiġi żviluppata biex jiżdied l-għadd ta' każijiet investigati u b'hekk jiġu identifikati aktar manifatturi jew esportaturi responsabbli; jirrimarka li l-maġġoranza tal-prodotti notifikati fis-sistema RAPEX joriġinaw miċ-Ċina;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-utilità li tiġi stabbilita sistema analoga għar-RAPEX - ĊINA għal sħab kummerċjali oħrajn, partikolarment dawk li l-prdotti tagħhom ġew notifikati fis-sistema RAPEX;

6.  Jenfasizza l-importanza tat-traċċabbiltà tal-prodotti u tat-tikketti għad-determinazzjoni tal-pajjiżi ta' oriġini tal-prodott u tal-manifattur responsabbli;

7.        Jirrikonoxxi ż-żieda tal-għadd ta' prodotti mixtrija onlajn mill-konsumaturi, minn pajjiżi terzi u li ma jikkonformawx mal-istandards Ewropej, b'hekk ipoġġu f'riskju s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tuniforma l-kontrolli doganali għall-prodotti mixtrija fl-internet u tissorvelja s-suq speċjalment għal dawk il-prodotti li jistgħu jikkawżaw ħsara diretta għall-konsumatur bħall-prodotti farmaċewtiċi u alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja x'soluzzjonijiet jista' jkun hemm għal din il-problema, biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Harlem Désir, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Keith Taylor, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Małgorzata Handzlik, Salvatore Iacolino, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Jörg Leichtfried, Michael Theurer, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Markus Pieper, Giommaria Uggias


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (9.12.2010)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq

(2010/2085 (INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lara Comi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra sistema unifikata ta' sorveljanza tas-suq meta tirrevedi d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (DSĠP), bil-għan li tiġi żgurata armonizzazzjoni akbar tas-suq uniku u jiġi promoss approċċ koerenti fl-Istati Membri kollha tal-UE,

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tqis bis-serjetà l-possibilità li d-dispożizzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq tad-DSĠP iġġibhom konformi mal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas regolatorju effettiv li jagħmilha possibbli kemm li jsiru interventi tas-suq ta’ malajr u kemm li jkun hemm soluzzjonijiet li jservu għal żmien twil li jkunu affidabbli;

5.  Jenfasizza kemm hu importanti li tkun żgurata traċċabilità affidabbli fl-istadji kollha tal-ħajja ta’ prodott, filwaqt li jkun żgurat li dan ma jwassalx għal piżijiet amministrattivi akbar;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tkun żgurata traċċabilità affidabbli u jiġi promoss l-użu ta’ prattiki armonizzati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u mill-awtoritajiet tad-dwana, tikkonsulta dwar u tevalwa l-impatt ta' strument ġdid xieraq għal identifikazzjoni moderna u effettiva fir-rigward tan-nefqa (li jkun jaħseb għall-benefiċċji ta' skala fir-rigward tal-ispejjeż tal-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (RFID) u ċ-ċipep tal-ISO, eċċ.) li jkun kapaċi jżomm fih data tat-traċċabilità li tkun tista’ jinqara minn magna u tkun iżjed diffiċli li tiġi ffalsifikata milli huma ċ-ċertifikazzjoni u l-marki tal-konformità;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiżviluppa kriterji aktar preċiżi għall-evalwazzjoni tas-sikurezza u r-riskji li jirriżultaw min-nonkonformità ta’ prodotti mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

8.  Barra minn hekk, jenfasizza kemm hu importanti li fl-Istati Membri jkun hemm definizzjonijiet u valutazzjonijiet uniformi tal-prodotti li jippreżentaw riskji serji, bil-għan li fl-Unjoni kollha jiġu standardizzati l-livelli tas-sikurezza kif ukoll is-sistema tat-traċċabilità;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ir-RAPEX aktar aċċessibbli għall-konsumaturi u l-SMEs, pereżempju billi tiffaċilita t-tressiq tal-ilmenti, billi tistabbilixxi helpdesks u billi tnaqqas l-ostakli għall-aċċess, kemm jekk ikunu kawża tal-ispejjeż u kemm jekk tal-lingwa;

10. Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora fir-RAPEX, jew kwalunkwe sistema xierqa oħra fil-livell tal-UE, pieni għall-infrazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri, bil-għan li jkunu żgurati t-trasparenza u l-inċentivi għall-partijiet interessati kollha;

11. Jistieden lill-Kummissjoni żżid iċ-ċarezza tal-mandati għall-istandards u tikkunsidra modi evoluzzjonarji oħra kif ittejjeb u tintegra sistemi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali u Ewropej fiż-żona li mhix armonizzata, bl-enfasi fuq il-parteċipazzjoni tal-SMEs, filwaqt li jinżammu kif inhuma l-elementi ewlenin tal-istruttura li hemm bħalissa;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati kollha jiggarantixxu s-sostenibilità finanzjarja tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, inkluż permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati u permezz ta’ ppjanar finanzjarju multiannwali, peress li dan huwa essenzjali biex ikunu żgurati l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li l-istandards Ewropej jkunu stabbli u ssimplifikati u li jitnaqqas iż-żmien li jittieħed biex jiġu żviluppati l-istandards, u jistieden lil korpi nazzjonali u Ewropej tal-istandardizzazzjoni jissimplifikaw l-istandards billi jnaqqsu l-għadd ta’ referenzi għal standards oħra u jipprovdu linjigwida li jkunu faċli għal min jużahom;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.12.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Bendt Bendtsen, Jorgo Chatzimarkakis, Pilar del Castillo Vera, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Edit Herczog, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Lara Comi, Francesco De Angelis, Françoise Grossetête, Gunnar Hökmark, Bernd Lange, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Vladimír Remek, Silvia-Adriana Ţicău


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Hans-Peter Mayer, Gianni Pittella, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frank Engel, Ashley Fox, María Irigoyen Pérez, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Catherine Soullie

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Claudio Morganti, Alexandra Thein

Avviż legali - Politika tal-privatezza