RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf
10.3.2011 - (2010/2233(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Dominique Baudis
Rapporteur għal opinjoni (*) :
Mário David, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ftehim ta’ kooperazzjoni tal-25 ta’ Frar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn il-KE u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 1990 dwar is-sinifikat tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles li se tiġi konkluża bejn il-KEE u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà: Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel, approvat mill-Kunsill f’Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea mal-Mediterran u l-Lvant Nofsani approvata mill-Kunsill f’Ġunju 2004,
– wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-20 Kunsill Ministerjali tal-14 ta’ Ġunju 2010 fil-Lussemburgu,
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-10 ta' Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran,
– wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tad-19-il Kunsill Ministerjali tad-29 ta’ April 2010 f’Muscat,
– wara li kkunsidra l-programm ta’ azzjoni konġunta (2010-2013) għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni UE-GCC tal-1988,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri (COM(2001)0385),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea?[2]
– wara li kkunsidra l-ftehim ekonomiku bejn l-Istati tal-GCC, adottat fil-31 ta’ Diċembru 2001 f’Muscat, fis-Sultanat tal-Oman, u d-Dikjarazzjoni ta’ Doha tal-GCC dwar it-tnedija tal-unjoni doganali għall-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Istati Għarab tal-Golf li saret fil-21 ta’ Diċembru 2002,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kunsill għandu jitlob il-kunsens tal-Parlament qabel il-konklużjoni ta’ kwalunkwe ftehim internazzjonali li jkopri oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1998 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabilità tal-Individwi, tal-Gruppi u tal-Entitajiet tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem Rikonoxxuti Universalment (magħrufa wkoll bħala d-'Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem'),– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0042/2011),
A. billi r-reġjun tal-Golf illum għandu jitqies bħala ċentru ekonomiku dinji emerġenti kostitwit mill-istati tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), jinnota li l-UE hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-GCC u li l-GCC huwa l-ħames l-akbar suq ta' esportazzjoni għall-UE,
B. billi l-ambjent ġeopolitiku tiegħu jagħmel mill-Golf punt fokali ta’ sfidi fi kwistjonijiet ta’ sigurtà li għandhom implikazzjonijiet globali u reġjonali (il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani, il-programm nukleari tal-Iran, l-istabbilizzazzjoni tal-Iraq, tal-Jemen u d-Darfur, it-terroriżmu u l-piraterija) u li sal-lum il-GCC għadu l-unika organizzazzjoni reġjonali stabbli bbażata fuq il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni,
C. billi l-istati tal-GCC għandhom f’idejhom iktar minn terz tal-valur totali tal-fondi sovrani dinjija, u, f’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, dawn il-fondi kkontribwew għas-salvataġġ tas-sistema finanzjarja dinjija u dik Ewropea,
D. billi r-reġjun tal-Golf huwa ta’ importanza kruċjali għall-Unjoni u li, f’dinja multipolari u interdipendenti, kooperazzjoni bħal din tippermetti li niffaċċjaw l-isfidi politiċi u ta' sigurtà,
E. billi l-proċess tal-liberalizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-istrutturi ekonomiċi mibdi f’diversi Stati Membri tal-GCC ħoloq dinamiċi interni ġodda, kemm politiċi (riformi kostituzzjonali, parteċipazzjoni politika u tisħiħ tal-istituzzjonijiet) u soċjali (nibet netwerk ta’ assoċjazzjonijiet, qed jiżviluppaw għaqdiet ta’ min iħaddem u n-nisa qed jiksbu aċċess għal karigi b'responsabilità) li ta’ min jinkoraġġixxihom u jappoġġahom,
F. billi l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema migranti, partikolarment tan-nisa li jaħdmu fid-djar tan-nies, huma preokkupanti u deplorabbli minkejja li dawn għandhom rwol ċentrali f’diversi setturi tal-attività ekonomika tal-Istati Membri tal-GCC, u fil-fatt jikkostitwixxu 40% tal-popolazzjoni tal-Istati Membri tal-GCC u jirrappreżentaw madwar 80% tal-popolazzjoni ta' ċerti emirati,
G. billi s-sitt Stati Membri tal-GCC huma mingħajr eċċezzjoni monarkiji ereditarji fejn ir-rappreżentanza politika hija limita, b’mod partikolari dik tan-nisa, u fejn ma jeżistux, fil-parti l-kbira, parlamenti eletti,
H. billi l-importanza tal-investimenti tal-pajjiżi tal-GCC u l-isfidi komuni fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea jeħtieġu sinerġiji ta’ kooperazzjoni bejn l-Ewropa, il-Mediterran u l-Golf,
I. billi r-rijorjentazzjoni ġeoekonomika tal-istati tal-GCC lejn l-Asja, b’rispons għat-talba dejjem ikbar għaż-żejt fis-swieq Asjatiċi (iċ-Ċina, l-Indja, Singapor, il-Ġappun, il-Filippini u l-Korea t’Isfel) bħalissa qed twassal għal diversifikazzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi li qed tkun ikkonsolidata minn ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u mill-iżvilupp ta’ djalogu politiku,
J. billi l-istati tal-GCC għandhom rwol ewlieni fix-xena globali u għaldaqstant għandhom interessi komuni mal-UE rigward l-istabilità internazzjonali u l-governanza ekonomika globali,
K. billi l-influwenza tal-Istati Membri tal-GCC fid-dinja Għarbija u Musulmana qed tikber u dawn jistgħu jkollhom rwol importanti fid-djalogu interkulturali,
L. billi n-negozjati dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-GCC, li nbdew 20 sena ilu, huma l-iktar negozjati li ilhom għaddejjin mingħajr konklużjoni li qatt kellha l-Unjoni Ewropea,
M. billi jeħtieġ li tittieħed pożizzjoni ċara u li jittieħed impenn dewwiem min-naħa tal-UE fir-reġjun tal-Golf, biex ikun żgurat li jkollha viżibilità akbar kif ukoll preżenza strateġika fiż-żona,
N. billi l-inklużjoni ta’ klawsoli politiċi, u speċjalment il-klawsola marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, hija parti integrali ta’ kull ftehim kummerċjali konkluż bejn l-Unjoni u parti terza,
O. billi preżenza tal-Unjoni fir-reġjun hija limitata u l-perċezzjoni tal-Ewropa ta’ spiss tkun konfusa mal-perċezzjoni ta’ ċerti Stati Membri tal-UE li għandhom rabtiet żviluppati u antiki mar-reġjun,
P. billi l-UE għandha għarfien espert fl-oqsma tat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali, tal-edukazzjoni u r-riċerka, tal-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli u tal-ambjent, ta’ appoġġ tekniku u regolamentazzjoni, u ta’ djalogu politiku u diplomatiku dwar l-istabilità tal-viċinat u kwistjonijiet ta’ sigurtà globali,
1. Ifakkar li l-konklużjoni tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-GCC tibqa’ prijorità, u li n-nuqqas ta’ konklużjoni ma jkun fl-interess tal-ebda parti; jenfasizza li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim se tikkostitwixxi rikonoxximent reċiproku tal-kredibilità taż-żewġ entitajiet li għażlu t-triq tal-multilateraliżmu u tal-integrazzjoni;
2. Iqis li, ladarba l-preżenza tal-Unjoni fir-reġjun tal-Golf hija limitata, politika ta' komunikazzjoni integrata, fil-kuntest tal-istruttura l-ġdida tal-UE għar-relazzjonijiet esterni, għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' informazzjoni mmirata u effikaċi dwar l-UE fil-pajjiżi tal-Golf;
3. Jemmen li jeħtieġ li l-UE tiżviluppa strateġija għar-reġjun bil-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-GCC, tappoġġja l-progress ta' integrazzjoni reġjonali, u tinkoraġġixxi r-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati tal-GCC;
4. Jenfasizza li l-objettiv huwa sħubija strateġika mal-GCC u l-Istati Membri tiegħu li tikkorrispondi għall-importanza tar-rwoli rispettivi taż-żewġ entitajiet fix-xena internazzjonali; jenfasizza l-importanza, għal dak il-għan, tal-introduzzjoni ta’ laqgħat perjodiċi ta’ livell għoli tal-kapijiet ta’ stat u gvern, indipendentement mill-progress tan-negozjati li jkunu għaddejjin;
5. Jenfasizza wkoll l-importanza ta' sħubija ndaqs fil-kooperazzjoni u d-djalogu, filwaqt li jinżammu f’kunsiderazzjoni d-differenzi bejn iż-żewġ entitajiet, u l-potenzjal għall-espansjoni tal-kooperazzjoni u d-djalogu f'diversi setturi;
6. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jiddedika aktar riżorsi umani għar-reġjun u li jinfetħu iktar missjonijiet diplomatiċi tal-UE fl-Istati Membri tal-GCC, biex l-Unjoni tkun iktar viżibbli, biex jitħaffef id-djalogu politiku u biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li dawn ir-riżorsi għandhom jiġu qabel kollox minn riallokazzjoni tal-istaff fis-SEAE; jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE b'rappreżentanzi diplomatiċi fir-reġjun biex jaġixxu skont il-politika tal-UE; jenfasizza li l-approċċi bilaterali differenzjati lejn l-Istati tal-GCC inklini li jżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE jistgħu biss jikkomplementaw u jsaħħu l-qafas multilaterali; jitlob għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jeżaminaw il-prospetti ta’ tali kooperazzjoni bilaterali;
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-iżviluppi soċjali u politiċi li seħħew f’dawn l-aħħar snin fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-GCC; jinkoraġġixxi lill-istati kollha biex isostnu l-isforzi tagħhom u jistedinhom jagħmlu aktar biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, jiġġieldu kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, jew ir-reliġjon; jistieden lill-Istati Membri tal-GCC biex jiggarantixxu u jippromwovu d-drittijiet tal-minoranzi, inklużi dawk reliġjużi, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-dritt għax-xogħol, inkluż għall-ħaddiema migranti, kif ukoll il-libertà tal-kuxjenza, tal-espressjoni u tal-opinjoni; iħeġġeġ djalogu kontinwu bejn l-UE u l-GCC dwar dawn it-temi; jistieden lill-Istati Membri tal-GCC biex jinteraġixxu b'mod aktar pożittiv mas-soċjetà ċivili u biex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ strutturi u assoċjazzjonijiet lokali; jistieden b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-GCC biex:
– jadottaw miżuri biex jinkoraġġixxu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u għall-edukazzjoni billi jaffrontaw kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u dispożizzjonijiet ta’ tradizzjoni jew legali oħra, fosthom dawk kollha marbuta mal-istatus personali,
– jabolixxu s-sistema ta' sponsorizzazzjoni imposta fuq il-ħaddiema migranti, fejn din għadha fis-seħħ, u jwettqu riformi tal-liġijiet tax-xogħol sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema migranti u dawk li jaħdmu fid-djar, jingħataw protezzjoni legali u soċjali sħiħa,
– joħolqu sinerġiji mal-UE u lill-Istati Membri tagħha b’appoġġ għal Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għad-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi;
– jiġġieldu kontra l-forom kollha ta' impunità, jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġudikatura, jiżguraw id-dritt għall-proċess ġust u bla dewmien u jsaħħu r-rwol tal-professjonisti tas-sistema tal-ġustizzja,
– jieħdu passi biex ikun żgurat li n-normi kollha rigward id-drittijiet tal-bniedem jiġu ppubbliċizzati b'mod wiesa' u jintużaw fit-taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għall-avukati, u għall-membri tal-ġudikatura;
8. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati tal-GCC biex jaħdmu flimkien fi spirtu ta' kooperazzjoni biex jittrattaw il-problemi dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, speċjalment fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sitwazzjoni tal-grupp ta' persuni bla stat magħrufa bħala "bidun", ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea fosthom id-drittijiet tat-trejdjunjins u tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura u d-dritt għal proċessi ġusti u li jsiru malajr; jitlob li t-tisħiħ propost tad-djalogu politiku mal-GCC jinkludi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem f'livell tekniku u f'livell politiku;
9. Jistieden lill-Istati tal-GCC biex jirtiraw ir-riżervi għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa kif ukoll għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali fejn dawn għadhom miżmuma, u lill-Istati kollha tal-GCC biex jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali; jisħaq bl-istess mod fuq l-importanza li jiġu ratifikati u implimentati l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħaddiema Migranti u l-Konvenzjonijiet 97 u 143 tal-ILO;
10. Jinkoraġġixxi lill-UE biex teżamina u tipproponi, flimkien mal-GCC, soluzzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli għall-eżerċizzju sħiħ u effettiv tad-dritt fundamentali tal-libertà tar-reliġjon, kemm fuq livell individwali kif ukoll kollettiv, u kemm fil-publiku kif ukoll fil-privat, għal membri ta' minoranzi reliġjużi f’dan ir-reġjun;
11. Jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż; ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-GCC fissru l-impenn komuni tagħhom biex jippromwovu u jħarsu l-valuri tat-tolleranza, il-moderazzjoni u l-koeżistenza;
12. Jinkoraġġixxi lill-Gvernijiet u lill-Assemblej Parlamentari eżistenti tal-GCC biex jieħdu passi immedjati biex jirratifikaw mingħajr riżervi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll biex jikkooperaw mal-mekkaniżmi tematiċi tal-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u jistednuhom għal żjara, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-indipendenza tal-imħallfin u tal-avukati;
13. Jiddikjara mill-ġdid l-oppożizzjoni tal-UE għall-użu tal-piena tal-mewt fil-każijiet kollha u t-talba tagħha għal moratorju globali fuq l-użu tal-piena tal-mewt; jiddeplora f’dan ir-rigward li l-piena tal-mewt għada fil-liġi fl-Istati Membri kollha tal-GCC; jistidinhom jadottaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kapitali; jistieden b'mod partikulari lill-istati li jużaw metodi bħad-dekapitazzjoni, it-tħaġġir, it-tislib, il-flaġellazzjoni jew l-amputazzjoni li jabolixxu dawn il-prattiki;
14. Jinnota l-Programm ta’ Azzjoni Konġunta triennali adottat mill-Kunsill Ministerjali tal-14 ta’ Ġunju 2010 maħsub sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni f’diversi oqsma strateġiċi ta’ interess reċiproku, anke billi jinħoloq netwerk li jgħaqqad ir-riċerkaturi, l-akkademiċi u n-negozjanti; jiddispjaċih, madankollu, li dan ma jinkludix taqsima dwar id-djalogu politiku miftuħ, regolari u kostruttiv;
15. Iqis li l-implimentazzjoni ta' dan il-Programm ta' Azzjoni Konġunta għandha tkun appoġġjata bi skema ta' finanzjament preċiża u dettaljata u għandha titwettaq minn persunal assenjat speċifikament għal dan il-kompitu kemm fi Brussell kif ukoll fl-Istati Membri tal-GCC; jisħaq fuq l-importanza li tkun żgurata l-viżibilità ta' dan il-programm kif ukoll tat-tixrid ta' firxa wiesgħa ta' informazzjoni aċċessibbli għall-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet ikkonċernati; jitlob li fi tmiem il-perjodu ta' tliet snin issir evalwazzjoni tar-riżultati u li, jekk ir-riżultati jkunu sodisfaċenti, tkun prevista aġenzija ta' kooperazzjoni UE-GCC;
16. Jistieden lill-UE biex tiffoka l-programmi ta' kooperazzjoni tagħha mal-Istati tal-GCC iktar fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll biex tappoġġa l-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ;
17. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu minħabba li r-reġjun tal-Golf inqabad fit-tiġrija għall-armi; jistieden lill-UE biex tibda djalogu strateġiku mal-Istati tal-GCC dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà reġjonali ta’ interess komuni (il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, il-programm nukleari tal-Iran, l-istabbilizzazzjoni tal-Iraq, il-Jemen u d-Darfur, it-terroriżmu u l-piraterija) u, finalment, sabiex tikkontribwixxi għall-bini ta’ struttura ta’ sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani fi sħubija mal-Istati tal-Golf;
18. Ifakkar li l-Istati Membri tal-GCC huma atturi reġjonali importanti; jenfasizza li l-UE u l-GCC għandhom interessi komuni li jippromwovu l-paċi u l-istabilità fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta' Fuq u fil-Qarn tal-Afrika, kif ukoll fid-dinja kollha; iħeġġeġ lis-sħab isaħħu l-kooperazzjoni rigward dawn l-interessi komuni;
19. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi mressqa minn wieħed mill-Istati Membri tal-GCC u approvata mill-Istati kollha tal-Lega Għarbija u mill-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika; jistieden lill-Istati tal-GCC biex ikomplu bl-isforzi ta' medjazzjoni tagħhom u biex ikomplu jappoġġjaw il-proċess ta' paċi bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jitlob li l-UE u l-GCC jirduppjaw l-isforzi konġunti tagħhom biex in-negozjati jwasslu għat-tmiem tal-okkupazzjoni tat-Territorji Palestinjani waqt li jkomplu jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għal soluzzjoni b'żewġ stati tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jisħaq fuq l-interessi komuni tal-UE u tal-GCC li jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu paċi reġjonali ġusta u dewwiema fil-Lvant Nofsani; jipproponi, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni aktar regolari bejn il-Kwartett u l-kumitat ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija; Ifakkar li l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna lill-poplu Palestinjan; jirrikonoxxi l-appoġġ tal-Istati tal-GCC għar-refuġjati Palestinjani u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA); jistieden lill-Istati Membri tal-GCC biex jikkontribwixxu aktar għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet Palestinjani u għall-iżvilupp ekonomiku fil-kuntest tal-programm tal-gvern tal-Awtorità Palestinjana,u biex jikkunsidraw li jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom permezz ta' mekkaniżmi ta' għajnuna internazzjonali, meta jkun xieraq;
20. Jilqa’ l-fatt li qed issir ħidma għall-integrazzjoni tal-GCC (unjoni doganali, suq komuni u finalment munita unika); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi lis-Segretarjat tal-GCC li ż-żewġ korpi jfasslu flimkien qafas għall-kooperazzjoni, biex taqsam l-esperjenza tagħha fil-qasam tal-konsolidazzjoni istituzzjonali, tal-kapaċità amministrattiva, tal-mekkaniżmi ta’ regolamentazzjoni u ta’ soluzzjoni tat-tilwim; jenfassizza li approċċ bħal dan jista’ jikkontribwixxi biex jispira proċessi ta’ sjieda;
21. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Membri tal-GCC, li ltaqgħu f'Abu Dhabi fit-23 ta' Novembru 2010, li jibdew jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-GCC u d-deċiżjonijiet eżekuttivi tiegħu u li jistabbilixxu konferenza annwali tal-istituzzjonijiet parlamentari tal-Istati Membri tal-GCC; jilqa' l-istabbiliment fil-futur qrib ta' delegazzjoni interparlamentari għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew; huwa konvint li kooperazzjoni parlamentari wiesgħa tagħti kontribut sinifikanti lill-ħolqien ta' sħubija strateġika bejn iż-żewġ gruppi;
Relazzjonijiet kummerċjali
22. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn il-KE u l-GCC, li kienet appoġġata minn 96% tal-Membri tal-Parlament Ewropew; jinnota li l-kwistjonijiet li tqajmu mir-riżoluzzjoni, bħall-ħtieġa għal aċċess reċiproku għas-swieq, il-ħarsien effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR), it-tneħħija ta’ ostakoli li mhumiex tariffi għall-provvediment tas-servizzi, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u r-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali, għadhom jippersistu;
23. Jiddispjaċih li n-negozjati dwar l-FTA UE-GCC kienu ripetutament posposti għal perjodi twal ta’ żmien u jiddeplora d-deċiżjoni tal-GCC li jissospendi dawn in-negozjati fl-2008; jemmen li wasal iż-żmien li jkunu żblukkati dawn in-negozjati biex tinstab soluzzjoni definittiva, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-benefiċċju tas-soċjetajiet u l-komunitajiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat;
24. Jiddispjaċih li r-reġjun ġie ttraskurat mill-UE minkejja l-importanza stateġika fejn jidħlu l-provvisti ta' żejt, l-opportunitajiet kummerċjali u l-istabbiltà reġjonali;
25. Jinnota li, wara 20 sena ta’ negozjati, il-FTA għad irid ikun konkluż; huwa konxju li l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-immigrazzjoni illegali sabu l-oppożizzjoni ta’ ċerti stati tal-GCC;
26. Jikkunsidra li, meta wieħed iqis l-importanza strateġika tar-reġjun, l-FTA għandu jitqies mhux biss bħala strument li jsaħħaħ il-benesseri permezz tal-kummerċ iżda wkoll bħala strument li jħeġġeġ l-istabilità ġeografika;
27. Jinnota li l-GCC bħalissa huwa s-sitt l-ikbar suq tal-UE għall-esportazzjoni u li l-UE bħalissa hija s-sieħba prinċipali tal-kummerċ tal-GCC; jinnota li, minkejja dan il-livell diġà intensiv ta’ kummerċ, għad hemm skop għall-approfondiment tiegħu, kif ukoll spazju għal iktar diversifikazzjoni tal-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, minħabba d-daqs tas-suq tal-UE u l-isforzi min-naħa tal-istati tal-GCC biex jiddiversifikaw l-esportazzjonijiet tagħhom; jinnota li FTA jista’ jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni u għajnuna teknika; huwa tal-fehma li l-konklużjoni tal-FTA bejn l-UE u l-GCC tkun tiffavorixxi bil-kbir rabtiet eqreb u diversifikazzjoni akbar;
28. Jirrimarka li, ladarba l-pajjiżi tal-GCC qed jimxu lejn id-diversifikazzjoni ekonomika intiża sabiex tnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq iż-żejt, żieda fil-kummerċ tas-servizzi u fl-investiment se tgħin biex trawwem l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-GCC;
29. Jilqa’ l-fatt li matul l-aħħar żewġ deċennji r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn lUE u l-GCC qed jintensifikaw u li l-volum tal-kummerċ bejn iż-żewġ naħat żdied b’mod sinifikanti, minkejja n-nuqqas ta’ FTA; iqis dan bħala sinjal li l-FTA se jkompli jsaħħaħ dan it-tkabbir naturali u jintegrah f’ambjent iżjed miftuħ, prevedibbli u sikur;
30. Jinnota li l-parti l-kbira tal-ħidma fuq l-FTA diġà saret, u huwa tal-fehma li l-ambitu tal-FTA kif inhu jwiegħed vantaġġi kbar għaż-żewġ partijiet; jistieden liż-żewġ partijiet, għalhekk, li jqisu dan l-FTA bħala sforz kbir u importanti għaż-żewġ reġjuni u l-popli tagħhom; iqis li l-UE u l-GCC għandhom interessi u ħtiġiet komuni u li l-esperjenza tal-UE fl-integrazzjoni reġjonali tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni għall-Golf; iqis li, f'dan ir-rigward, l-UE tista' tipprovdi assistenza teknika ta' valur;
31. Jenfasizza li, sakemm ma jinstablux rimedju, in-nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-ostakli għad-dħul ta' investituri barranin fis-settur tas-servizzi jistgħu jipperikolaw il-konklużjoni tal-ftehim;
32. Huwa tal-fehma soda li FTA bejn l-UE u l-GCC ikun ta’ vantaġġ sostanzjali għaż-żewġ partijiet; jemmen li FTA mal-UE jsaħħaħ iktar l-integrazzjoni ekonomika tal-GCC u li, wara t-twaqqif tal-Unjoni Doganali tal-GCC, jista’ jipprovdi wkoll spinta akbar għall-proġetti importanti bħas-suq komuni tal-GCC, u t-tlestija tal-Unjoni Monetarja tal-GCC b’munita unika; iqis li l-GCC jista’ jibbenefika mill-esperjenza miksuba tul il-ħolqien tas-suq uniku u l-adozzjoni ta’ munita unika mill-UE;
33. Jappoġġa bil-qawwa l-messaġġ li r-Rappreżentant Għoli /Viċi President Catherine Ashton bagħtet matul il-Laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Konġunt UE-GCC f’Ġunju 2010 u aktar reċentement fit-22 ta’ Settembru, matul il-laqgħa UE-GCC fil-marġini tal-konferenza ministerjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, fejn indikat li l-UE lesta li tagħmel sforz finali għall-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati; jilqa’ wkoll ir-reazzjoni tal-GCC, li kkonferma wkoll ix-xewqa tiegħu li jikkonkludi n-negozjati;
34. Jirrikonoxxi s-sensittivitajiet ta’ xi pajjiżi tal-GCC dwar id-dazji fuq l-esportazzjoni, iżda jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni reċenti tan-negozjaturi tal-GCC li jerġgħu lura għall-pożizzjoni tagħhom tal-2008 f’dan ir-rigward, jiġifieri li jħallu barra mill-FTA s-sanzjonijiet dwar din il-kwistjoni; huwa tal-fehma soda li l-ebda FTA attwali ma jista’ jħalli barra l-kwistjoni tad-dazji fuq l-esportazzjoni u li regoli tad-WTO jgħidu li l-FTAs għandhom jipprovdu għal-liberalizzazzjoni sostanzjali kemm tal-importazzjonijiet u kif ukoll tal-esportazzjonijiet;
35. Jirrakkomanda li l-UE talloka iktar riżorsi lill-GCC, permezz tal-istrument għal kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (ICIHI), li għandu jkun iktar viżibbli u għandu jiffoka fuq programmi xierqa għat-taħriġ ta' uffiċjali lokali, inkluż fi kwistjonijiet kummerċjali;
36. Ifakkar li, wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-politika tal-kummerċ internazzjonali hija waħda mill-istrumenti tal-UE għall-politika barranija u bħala tali, għall-Unjoni, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, flimkien ma’ dimensjonijiet soċjali u ambjentali, huma assolutament essenzjali fil-ftehimiet internazzjonali kollha tagħha; għalhekk jitlob li kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles fil-futur jinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem effettiva u infurzabbli;
37. Jinnota li hemm 15-il miljun ħaddiem migrant fis-sitt stati tal-GCC u li dawk il-ħaddiema huma 40% tal-popolazzjoni totali; ifakkar fis-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema migranti fl-Istati tal-Golf li ġibdet l-attenzjoni għaliha l-ILO u jappoġġja t-talba tal-ILO għal paga minima fir-reġjun biex ikun evitat li l-pożizzjoni tal-ħaddiema nazzjonali u migranti tibqa’ sejra lura; jappoġġa wkoll id-dritt tal-ħaddiema kollha li jifformaw u jingħaqdu ma' trejdjunjins sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom;
38. Jinsisti li jkunu rrispettati l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-GCC jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tan-nisa u l-isfruttament tat-tfal, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol, u jimplimentaw effettivament il-konvenzjonijiet tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
39. Iqis li r-ratifika u l-implimentazzjoni kompleta tal-Istati Membri tal-GCC tal-qafas stabbilit mill-Konvenzjonijiet tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familja Tagħhom għandu jkollhom rwol essenzjali fin-negozjati tal-FTA;
40. Jemmen li l-konklużjoni ta’ FTA ttejjeb ferm ir-relazzjonijiet attwali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-istati tal-GCC, u tipprovdi valur miżjud għall-Programm ta’Azzjoni Konġunta reċenti, b’mod partikulari, billi tipprovdi aktar bini tal-kapaċità u tal-qafas istituzzjonali, inkluż fis-Segretarjat tal-GCC; jiddispjaċih li l-preżenza diplomatika tal-UE fl-istati tal-GCC għadha waħda minima u jinsisti li taħt is-SEAE l-ġdid l-UE għandha żżid il-preżenza diplomatika tagħha fir-reġjun, inkluża Delegazzjoni tal-Unjoni f’kull wieħed mis-sitt stati tal-GCC, li għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE li jinsabu fl-istati tal-GCC, sabiex ikun sfruttat kemm jista’ jkun l-għarfien espert tagħhom dwar ir-reġjun; jemmen li preżenza diplomatika aktar sinifikanti żżid ħafna ċ-ċans ta’ konklużjoni rapida tal-FTA u l-implimentazzjoni sussegwenti tiegħu;
41. Jipproponi li jitwaqqaf samit regolari ta’ Kapijiet ta’ Stat u Gvern bejn l-UE u l-GCC; jenfasizza li dan is-summit jista’ jtejjeb immens ir-rabtiet politiċi, finanzjarji, ekonomiċi, kummerċjali u kulturali bejn l-UE u l-GCC; jinkoraġġixxi bil-qawwa lil min hu l-iktar responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm min-naħa tal-UE u kemm minn dik tal-GCC biex jiltaqgħu regolarment ħalli flimkien jiddefinixxu u jippromwovu l-interessi komuni, biex iżidu l-possibilità tal-konklużjoni u l-iffirmar tal-FTA mill-aktar fis possibbli; huwa tal-fehma li min hu l-iktar responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm min-naħa tal-UE u kemm minn dik tal-GCC għandu jaħdem biex isir dan is-samit, irrispettivament mill-konklużjoni u l-iffirmar tal-FTA;
42. Jilqa’ l-fatt li matul is-snin l-UE u l-GCC saru sieħba kbar fl-investiment u li l-GCC flimkien mal-Iraq u l-Jemen, huwa kklasifikat bħala l-ikbar investitur fl-UE fl-2008; huwa tal-fehma li l-konklużjoni tal-FTA, jew għall-inqas il-ftuħ uffiċjali mill-ġdid tan-negozjati, żgur li se twitti t-triq għal ftehimiet ulterjuri li se jħeġġu u jiffaċilitaw l-investimenti diretti barranija (FDIs) reċiproċi bl-għan li jitneħħew l-ostakoli għas-sjieda barranija u l-ħarsien tal-investimenti; ifakkar li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-FDIs issa jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, u għalhekk hemm aktar lok għall-konklużjoni rapida ta’ FTA bejn l-UE u l-GCC; jinnota li kwalunkwe FTA futur se joħloq opportunitajiet ta’ investimenti ġodda għaż-żewġ naħat waqt li jtejjeb il-possibbiltajiet għall-GCC li jissodisfa l-kriterji bħala kandidat għal ftehim dwar l-investiment mill-UE fil-kuntest tal-politika futura tal-investiment tal-UE;
43. Jirrimarka li t-tnaqqis fit-tariffi tal-GCC bħala riżultat tal-FTA se jagħmel iktar attraenti l-investiment minn barra minn impriżi transnazzjonali; huwa konvint li l-FTA se jġib miegħu żieda fl-investimenti relatati mas-servizzi li se jiffavorixxu l-iżvilupp tal-Istati tal-GCC u tal-Istati Membri tal-UE;
44. Jissuġġerixxi l-użu tal-euro f’kull tip ta’ skambji kummerċjali bejn l-UE u l-GCC; jilqa' l-fatt li, mill-ħolqien tiegħu, il-GCC esprima r-rieda tiegħu li joħloq unjoni doganali u monetarja; jinnota li filwaqt li tal-ewwel daħlet fis-seħħ fl-2009, bħalissa qed isiru negozjati dwar munita komuni;
45. Jinnota li s-sitt stati tal-GCC bħalissa kollha jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE taħt is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE; jenfasizza li l-Istati tal-GCC kollha għandhom, f'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008, mhux biss jirratifikaw iżda wkoll jimplimentaw effettivament is-27 konvenzjoni tal-ILO u tan-NU elenkati fl-Anness III tar-regolament imsemmi; huwa tal-fehma li, minħabba l-livell tal-progress ekonomiku fir-reġjun, l-FTA jkun strument aħjar għat-tixrid tal-benefiċċji kummerċjali madwar ir-reġjun kollu;
46. Jafferma mill-ġdid li l-objettiv primarju tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-GCC għandu jkun li tikkonkludi l-FTA, li se jkun ftehim importanti ta’ kummerċ ħieles bejn reġjun u ieħor; iżda, sakemm dan iseħħ, u wara dak li sar diġà minn uħud mis-sieħba kummerċjali ewlenin tal-GCC, jinkoraġġixxi lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-Kummissarju għall-Kummerċ sabiex jevalwaw approċċi sostituttivi għar-relazzjonijiet kummerċjali futuri mal-Istati tal-GCC, fil-forma ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-UE u dawk l-Istati tal-Golf li diġà jħossuhom lesti li jidħlu għal impenn ulterjuri mal-UE, waqt li jitqiesu l-ekonomiji eteroġeni tal-Istati tal-Golf, ir-reazzjonijiet differenti ta’ dawk l-istati għall-kriżi finanzjarja u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ sieħba kummerċjali oħra.
L-enerġija
47. Jilqa’ l-livell sinifikanti ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u s-sieħba Mediterranji tagħha fil-qasam tal-enerġija, kooperazzjoni li issa ġiet estiża għall-enerġiji rinnovabbli; iqis li s-sinerġiji f’dan il-qasam għandhom ikunu mħeġġa bejn it-tliet żoni ġeografiċi għaliex hemm interessi konverġenti, kompetenza teknoloġika, sorsi ta’ finanzjament u riżorsi abbundanti (ix-xemx u r-riħ); jilqa’ l-istabbiliment tan-netwerk UE-GCC dwar l-enerġija nadifa, li bħalissa hija interess ewlieni għall-istati tal-GCC;
48. Jinnota li, minħabba r-rabtiet strateġiċi, ekonomiċi, politiċi u kulturali bejn il-pajjiżi tal-Golf u l-pajjiżi tal-kosti tan-Nofsinhar tal-Mediterran, iżda anke minħabba l-influwenza li qed tikber tal-pajjiżi tal-Golf fuq il-pajjiżi tal-Mediterran, tista' tkun prevista sħubija aktar b'saħħitha u strutturata bejn il-GCC u l-Unjoni għall-Mediterran, u l-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha attivament fil-promozzjoni ta’ tali proġett li jkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha;
49. Ifaħħar il-ħidma li saret mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija UE-GCC, partikularment dwar il-gass naturali, l-effiċjenza tal-enerġija u s-sigurtà nukleari;
50. Jitlob lill-Kummissjoni, filwaqt li titqies l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-konsum tal-enerġija li kulma jmur qed jikber fiż-żewġ reġjuni, tindirizza l-effiċjenza tal-enerġija bħala wieħed mill-oqsma ewlenin tal-iżvilupp u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija;
51. Jirrikonoxxi li l-karburanti fossili attwalment ilaħħqu mal-biċċa kbira tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE; jinnota madankollu li d-domanda għaż-żejt fil-futur fl-UE se tkun affetwata minn diversi fatturi bħall-politiki dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, l-ispejjeż tal-provvista, in-nuqqas ta' stabbiltà fil-prezzijiet u l-iżviluppi industrijali (rigward ir-relazzjoni għall-effiċjenza tal-enerġija u l-mobilità elettrika, per eżempju), li flimkien iwasslu għal nuqqas ta' ċertezza fuq perjodu twil taż-żmien dwar id-domanda fil-futur u l-investiment fil-bidu jew fit-tarf tal-produzzjoni rigward il-kapaċità produttiva;
52. Jitlob aktar trasparenza fid-data dwar iż-żejt u l-gass fil-kuntest tax-xenarju futur rigward id-domanda u l-provvista bl-għan li jkunu ggarantiti l-interessi reċiproċi fis-swieq prevedibbli taż-żejt; jilqa’ għaldaqstant l-importanza tal-Inizjattiva Konġunta tad-Data taż-Żejt (Joint Oil Data Initiative);
53. Jilqa' bil-qalb id-determinazzjoni tal-Kunsill Ministerjali Konġunt sabiex jaħdem favur kooperazzjoni eqreb dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima;
54. Jirrikonoxxi li l-isforzi tal-GCC biex iżid il-potenzjal tar-riżervi tal-gass naturali u tal-gass naturali likwefat (LNG) jaqblu max-xewqa tal-UE li tiddiversifika s-sorsi u r-rotot tal-enerġija; jenfasizza għaldaqstant l-importanza taż-żieda fl-esportazzjonijiet ta' LNG lejn l-UE, bil-ħolqien ta’ terminali tal-LNG fil-Kuritur tan-Nofsinhar, u wkoll bit-twaqqif ta' netwerks ta' pajpijiet taħt l-art mal-GCC, kemm direttament kemm b'konnessjoni mal-pajpijiet ta’ taħt l-art attwali u ma’ dawk ippjanati bħall-AGP, in-Nabucco u l-ITGI;
55. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-GCC sabiex jikkoordinaw l-iżvilupp ulterjuri tat-teknika tal-likwefazzjoni tal-gass (GTL) mas-sħab Ewropej tagħhom biex jintegraw aħjar il-GTL fit-taħlita enerġetika Ewropea; jenfasizza li l-GCC jista' wkoll juża l-GTL bħala metodu alternattiv għall-emissjoni ta' gass maħruq fl-atmosfera;
56. Jenfasizza li l-UE tista' tinvesti fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija tal-GCC bl-użu tal-aktar teknoloġiji reċenti f'termini ta' ġenerazzjoni, trażmissjoni u interkonnessjoni; jinkoraġġixxi f'dan ir-rigward il-kooperazzjoni futura b'attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni tan-netwerks tal-elettriku u tat-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti;
L-industrija u l-materja prima
57. Jenfasizza l-importanza ta’ sħubija ta’ min jorbot fuqha bejn l-UE u l-GCC fl-użu u l-aċċess għall-materja prima; jiffavorixxi s-swieq miftuħha għall-prodotti u t-tneħħija ta’ ostakli mhux tariffarji; jilqa’ l-isforzi kollha li diġà saru fin-negozjati dwar kummerċ ħieles sabiex tiġi żgurata provvista sikura u sostenibbli tal-materji primi;
58. Jitlob li jsiru sforzi komuni biex jiġu indirizzati l-ispekulazzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet tal-materji primi permezz tat-titjib tat-trasparenza u tas-sorveljanza tal-bejgħ ta' prodotti derivati barra mill-Borża (OTC); f'dan il-kuntest, l-appell riċenti tal-OPEC għal kontrolli aktar stretti ta' negozjar OTC, flimkien mal-isforzi ta' Franza biex tindirizza fil-G-20 l-ispekulazzjoni fuq prodotti bażiċi;
Ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni
59. Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni approfondita bilaterali mal-GCC dwar il-programmi tar-riċerka u t-teknoloġija, b’enfasi speċjali fuq l-industriji ġodda bbażati fuq l-għarfien f’oqsma bħal dawk tar-riżorsi rinnovabbli, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-prodotti derivati miż-żejt u mill-gass, l-effiċjenza tal-enerġija u l-bijomassa; jitlob li tkun stabbilita kooperazzjoni bilaterali li tinvolvi t-trasferiment tat-teknoloġiji flimkien ma' provvista sikura u sostenibbli ta' materji primi;
60. Jitlob li l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT) isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-GCC sabiex jiġu promossi u jitħeġġew id-djalogu xjentifiku u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni f'dan il-qasam ukoll;
L-edukazzjoni
61. Ifakkar li l-Istati Membri tal-GCC għamlu mill-edukazzjoni prijorità nazzjonali, minħabba li kellhom bżonn kbir f’termini ta’ riżorsi umani (m’hemmx biżżejjed għalliema), ta’ kontenut tal-korsijiet (li ma kienx adattat għall-evoluzzjoni tas-swieq tax-xogħol), tal-kwalità tas-sillabi (metodi ta’ tagħlim u materjali antiki) u tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda; jitlob appoġġ attiv għall-isforzi tal-awtoritajiet sabiex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u jipproponi kooperazzjoni ambizzjuża fl-edukazzjoni ta’ livell ogħla, sekondarja u primarja biex jiġi promoss aċċess akbar għall-edukazzjoni kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;
62. Jenfasizza li din il-kooperazzjoni għandha wkoll tipprevedi appoġġ ikbar għall-programmi ta’ skambji ta’ studenti, akkademiċi u professjonisti; jiddispjaċih li l-Programm Erasmus Mundus għadu mhux magħruf fir-reġjun kollu, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni; jilqa' l-inizjattivi meħuda minn universitajiet Franċiżi, Britanniċi u Ġermaniżi biex jistabbilixxu sħubijiet u programmi ta' skambju universitarji; ifakkar, madankollu, li l-Ewropa għadha lura f'dan il-qasam meta mqabbla mal-Istati Uniti u mal-Asja; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ġranet ta' informazzjoni għall-promozzjoni tat-tagħlim u tar-riċerka xjetifika Ewropea fil-post; jinsisti li dawn il-programmi ta' skambju għandhom ikunu mmirati għall-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal amministrattiv, filwaqt li tkun żgurata rappreżentanza bilanċjata tas-sessi; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti programmi ta' skambju għal tfal iżgħar u b'mod partikolari għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u post-sekondarji;
63. Jilqa' l-proġett Al-Jisr dwar id-Diplomazija Pubblika u l-Attivitajiet ta' Komunikazzjoni, li bl-appoġġ tal-Kummissjoni, wera li huwa ta' benefiċċju kbir ferm; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, lis-servizzi tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President jikkunsidraw it-twessigħ tal-attivitajiet ta' diplomazija pubblika f'reġjun fejn l-UE għadha mhijiex mifhuma b'mod ċar u fejn il-mekkaniżmi biex dan id-defiċit jitnaqqas huma limitati; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata strateġija aħjar ta' komunikazzjoni, inkluża l-ħtieġa li l-politiki u l-pożizzjonijiet tal-UE jiġu spjegati bl-Għarbi sabiex ikunu jistgħu jifhmuhom aktar nies fir-reġjun;
64. Jenfasizza li n-nuqqas ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-GCC fil-qasam tal-midja jirriżulta f'nuqqas ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri biex tinvolvi lill-Istati tal-GCC f'kooperazzjoni eqreb f'dan il-qasam sabiex iżżid il-viżibilità tal-Unjoni fir-reġjun u tippromwovi l-fehim reċiproku;
65. Iqis li huwa essenzjali li tinstab soluzzjoni għan-nuqqasijiet fl-Ewropa fir-rigward tar-riċerka u ta’ studji dwar l-Istati tal-Golf; jinkoraġġixxi l-istabbiliment fl-universitajiet ta' programmi ta' studju kontemporanji dwar din il-parti tad-dinja Għarbija; jemmen li programmi ta' studju dwar l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu offruti wkoll fl-universitajiet fir-reġjun;
°
° °
66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat tal-GCC, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-GCC.
NOTA SPJEGATTIVA
Għal sħubija strateġika tal-UE mal-GCC u l-Istati Membri tiegħu
L-Unjoni Ewropea u l-GCC ilhom jinnegozjaw ftehim ta’ kummerċ ħieles għal mandwar 20 sena. Dawn huma l-iktar negozjati kummerċjali tal-Unjoni li ilhom għaddejjin u s’issa għadhom ma kinux konklużi. F’dawn l-għoxrin sena, iżda, il-kuntest ta’ dawn in-negozjati inbidel radikalment.
L-ambjent ġeopolitiku tal-GCC huwa kkaratterizzat mill-emerġenza ta’ sensiela ta' kwistjonijiet ta' sigurtà b' implikazzjonijiet globali u reġjonali (l-Iran, l-Iraq, il-Jemen, it-terroriżmu u l-piraterija). L-ekonomiji tal-istati membri tal-GCC integrati globalment, huma impenjati fil-liberalizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika tagħhom u li jżidu s-sieħba kummerċjali; l-Asja saret, fl-2010, l-ewwel sieħeb kummerċjali tal-Golf. L-Istati Membri tal-GCC għandhom piż finanzjarju qawwi f’forma ta' fondi sovrani li fl-2009 kienu jiswew USD 1380 biljun, jiġifieri iktar minn 35% tat-total dinji[1]. Bħala l-magna ekonomika tal-Lvant Nofsani kollu u fl-Afrika ta’ Fuq, l-istati membri tal-GCC jirrappreżentaw iktar minn 40% tal-ġid nazzjonali ġġenerat f'dan ir-reġjun u 50% tar-riżervi barranin uffiċjali, jiġifieri USD 1070, huma tagħhom. Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi huma l-investituri ewlenin fil-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, fil-Mediterran. Dan l-internazzjonaliżmu attiv mhux limitat biss għall-oqsma kummerċjali, finanzjarji u tal-enerġija. Huwa evidenti wkoll fid-diplomazija, bil-proliferazzjoni ta’ sforzi ta’ medjazzjoni, speċjalment mill-Qatar u l-Arabja Sawdija, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika u l-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ djalogu bl-għan li jqarrbu l-kulturi u jrawmu l-fehim reċiproku.
Barra minn hekk, internament, il-pajjiżi tal-GCC fis-snin riċenti bdew jesperjenzaw proċessi ġodda ta’ modernizzazzjoni politika u soċjali, li, għalkemm għaddejjin b'ritmi differenti, jirrappreżentaw dinamiċi endoġeni li tajjeb li jkunu sostnuti u inkoraġġiti. Finalment, il-proċess ta’ integrazzjoni li nbeda aktar minn tletin sena ilu mis-sitt stati membri għadu l-uniku esperiment tat-tip tiegħu s’issa fid-dinja Għarbija. Waqt li ma jistgħux ikunu miċħuda n-natura intergovernattiva tal-operazzjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta' prerogativi supranazzjonali, l-inabilità li jipproduċi u jimponi atti li jorbtu u d-dgħufijiet strutturali amministrattivi, il-fatt hu li t-twaqqif ta’ unjoni doganali u mbagħad suq uniku u, finalment, munita unika, juru l-volonta ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-reġjun li jsegwu rotta ta’ integrazzjoni bbażata fuq il-kooperazzjoni u l-multilateraliżmu, approċċ li, ta’ min jenfasizza, ta’ prova ta’ stabilità. L-esperjenza tal-UE f'dan ir-rigward tibqa’ sors ta' ispirazzjoni u ta’ għarfien espert li għandhom ikunu kondiviżi mal-GCC.
Għalhekk, daqskemm tista' tkun kruċjali l-konklużjoni rapida tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, li aħna qed inħeġġu bil-qalb kollha, l-Unjoni trid tibda minn issa tipprevedi xenarji ta’ wara l-ftehim. Il-potenzjal għall-kooperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni imur lil hinn mill-qafas kummerċjali. Iż-żewġ entitajiet għandhom interessi komuni fis-sigurtà internazzjonali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-medjazzjoni diplomatika fiż-żoni ta’ tensjoni fil-Lvant Nofsani, il-ġestjoni tal-kriżijiet reġjonali, id-djalogu interkulturali u t-tmexxija ekonomika globali.
Dan ir-rapport ta’ inizjattiva proprja huwa intiż bħala appell mill-Parlament Ewropew għall-formulazzjoni ta’ politika iktar ambizzjuża tal-UE rigward il-GCC u l-istati membri tiegħu. Tkun ħasra li żewġ atturi ewlenin fix-xena politika u ekonomika mondjali, l-UE u l-GCC, jieħdu mogħdijiet diverġenti fi żmien meta l-ekwilibriji reġjonali qed jinbidlu u qed tkun definita mill-ġdid il-governanza ekonomika globali. L-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet tkun ta’ benefiċċju reċiproku għaż-żewġ partijiet għaliex l-ambiti għall-kooperazzjoni huma numerużi fl-edukazzjoni, fir-riċerka xjentifika, fl-enerġiji rinnovabbli, biex insemmu biss ftit, u f’dan il-kuntest, l-UE għandha vantaġġi komparattivi li tista' tisfrutta fil-konfront tal-atturi ġodda li qed joperaw fil-Golf, dejjem sakemm tintwera r-rieda politika fl-ogħla livell.
- [1] Sovereign Wealth Fund Insitute
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (*) (26.1.2011)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf
(2010/2233(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Mário David
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn il-KE u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) (), li kienet appoġġata minn 96% tal-MPE; jinnota li l-kwistjonijiet li tqajmu mir-riżoluzzjoni, bħall-ħtieġa għal aċċess reċiproku għas-swieq, il-ħarsien effettiv tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR), it-tneħħija ta’ ostakoli li mhumiex tariffi għall-provvediment tas-servizzi, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u r-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali, għadhom jippersistu;
2. Jiddispjaċih li n-negozjati dwar l-FTA UE-GCC kienu ripetutament posposti għal perjodi twal ta’ żmien u jiddeplora d-deċiżjoni tal-GCC li jissospendi dawn in-negozjati fl-2008; jemmen li wasal iż-żmien li jkunu żblukkati dawn in-negozjati biex tinstab soluzzjoni definittiva, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-benefiċċju tas-soċjetajiet u l-komunitajiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat;
3. Jiddispjaċih li r-reġjun ġie ttraskurat mill-UE minkejja l-importanza stateġika fejn jidħlu l-provvisti ta' żejt, l-opportunitajiet kummerċjali u l-istabbiltà reġjonali;
4. Jinnota li, wara 20 sena ta’ negozjati, il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles għad irid ikun konkluż; huwa konxju li l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-immigrazzjoni illegali kienu miċħuda minn uħud mill-istati tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf;
5. Jikkunsidra li, meta wieħed iqis l-importanza strateġika tar-reġjun, l-FTA għandu jitqies mhux biss bħala strument li jsaħħaħ il-benesseri permezz tal-kummerċ iżda wkoll bħala strument li jħeġġeġ l-istabilità ġeografika;
6. Jinnota li l-GCC bħalissa huwa s-sitt l-ikbar suq tal-UE għall-esportazzjoni u li l-UE bħalissa hija s-sieħba prinċipali tal-kummerċ tal-GCC; jinnota li, minkejja dan il-livell diġà intensiv ta’ kummerċ, għad hemm skop għall-approfondiment tiegħu, kif ukoll spazju għal iktar diversifikazzjoni tal-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, minħabba d-daqs tas-suq tal-UE u l-isforzi min-naħa tal-istati tal-GCC biex jiddiversifikaw l-esportazzjonijiet tagħhom; jinnota li FTA jista’ jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni u għajnuna teknika; huwa tal-fehma li l-konklużjoni tal-FTA bejn l-UE u l-GCC tkun tiffavorixxi bil-kbir rabtiet eqreb u diversifikazzjoni akbar;
7. Jirrimarka li, ladarba l-pajjiżi tal-GCC qed jimxu lejn id-diversifikazzjoni ekonomika intiża sabiex tnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq iż-żejt, żieda fil-kummerċ tas-servizzi u fl-investiment se tgħin biex trawwem l-iżvilupp tal-ekonomiji tal-GCC;
8. Jilqa’ l-fatt li matul l-aħħar żewġ deċennji r-relazzjonijiet ekonomiċi UE-GCC qed jintensifikaw u li l-volum tal-kummerċ bejn iż-żewġ naħat żdied b’mod sinifikanti, minkejja n-nuqqas li jkun konkluż FTA; iqis dan bħala sinjal li l-FTA se jkompli jsaħħaħ dan it-tkabbir naturali u jintegrah f’ambjent iżjed miftuħ, prevedibbli u sikur;
9. Jinnota li l-parti l-kbira tal-ħidma fuq l-FTA diġà saret, u huwa tal-fehma li l-ambitu tal-FTA kif inhu jwiegħed vantaġġi kbar għaż-żewġ partijiet; jistieden liż-żewġ partijiet, għalhekk, li jqisu dan l-FTA bħala sforz kbir u importanti għaż-żewġ reġjuni u l-popli tagħhom; iqis li l-UE u l-GCC għandhom interessi u ħtiġiet komuni u li l-esperjenza tal-UE fl-integrazzjoni reġjonali tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni għall-Golf; iqis li, f'dan ir-rigward, l-UE tista' tipprovdi assistenza teknika ta' valur;
10. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sakemm ma jinstablux rimedju, in-nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-ostakli għad-dħul ta' investituri barranin fis-settur tas-servizzi jistgħu jipperikolaw il-konklużjoni tal-ftehim;
11. Huwa tal-fehma soda li FTA bejn l-UE u l-GCC ikun ta’ vantaġġ sostanzjali għaż-żewġ partijiet; jemmen li FTA mal-UE jsaħħaħ iktar l-integrazzjoni ekonomika tal-GCC u li, wara t-twaqqif tal-Unjoni Doganali tal-GCC, jista’ jipprovdi wkoll spinta akbar għall-proġetti importanti bħas-suq komuni tal-GCC, u t-tlestija tal-Unjoni Monetarja tal-GCC b’munita unika; iqis li l-GCC jista’ jibbenefika mill-esperjenza miksuba tul il-ħolqien tas-suq waħdieni u l-adozzjoni ta’ munita unika mill-UE;
12. Jappoġġa bil-qawwa l-messaġġ li r-RGħ/VP Catherine Ashton bagħtet matul il-Laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Konġunt UE-GCC f’Ġunju 2010 u aktar reċentement fit-22 ta’ Settembru, matul il-laqgħa UE-GCC fil-marġini tal-konferenza ministerjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, fejn indikat li l-UE lesta li tagħmel sforz finali għall-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati; jilqa’ wkoll ir-reazzjoni tal-GCC, li kkonfermat ukoll ix-xewqa tiegħu li jikkonkludi n-negozjati;
13. Jirrikonoxxi s-sensittivitajiet ta’ xi pajjiżi tal-GCC dwar id-dazji fuq l-esportazzjoni, iżda jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni reċenti tan-negozjaturi tal-GCC li jerġgħu lura għall-pożizzjoni tagħhom tal-2008 f’dan ir-rigward, jiġifieri li jħallu barra mill-FTA s-sanzjonijiet dwar din il-kwistjoni; huwa tal-fehma soda li l-ebda FTA attwali ma jista’ jħalli barra l-kwistjoni tad-dazji fuq l-esportazzjoni u li regoli tad-WTO jgħidu li l-FTAs għandhom jipprovdu għal-liberalizzazzjoni sostanzjali kemm tal-importazzjonijiet u kif ukoll tal-esportazzjonijiet;
14. Jirrakkomanda li l-UE talloka iktar riżorsi lill-GCC, jiġifieri, permezz tal-istrument għal kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (ICIHI), li għandu jkun iktar viżibbli u għandu jiffoka fuq programmi xierqa għat-taħriġ ta' uffiċjali lokali, inkluż fi kwistjonijiet kummerċjali;
15. Ifakkar li, wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-politika tal-kummerċ internazzjonali hija waħda mill-istrumenti tal-UE għall-politika barranija u bħala tali, għall-Unjoni, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, flimkien ma’ dimensjonijiet soċjali u ambjentali, huma assolutament essenzjali fil-ftehimiet internazzjonali kollha tagħha; għalhekk jitlob li kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles fil-futur jinkludi klawżola tad-drittijiet tal-bniedem effettiva u infurzabbli;
16. Jinnota li hemm 15-il miljun ħaddiem migrant fis-sitt stati tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u li dawk il-ħaddiema huma 40% tal-popolazzjoni totali; ifakkar fis-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema migranti fl-Istati tal-Golf li ġibdet l-attenzjoni għaliha l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u jappoġġja t-talba tal-ILO għal paga minima fir-reġjun biex ikun evitat li l-pożizzjoni tal-ħaddiema nazzjonali u migranti tibqa’ sejra lura; jappoġġja wkoll id-dritt tal-ħaddiema kollha li jifformaw u jingħaqdu ma' trejdjunjins sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom;
17. Jinsisti li jkunu rrispettati l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-GCC jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni kontra l-isfruttament tan-nisa u t-tfal, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol, u jimplimentaw effettivament il-konvenzjonijiet tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
18. Iqis li r-ratifika u l-implimentazzjoni kompleta tal-Istati Membri tal-GCC tal-qafas stabbilit mill-Konvenzjonijiet tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familja Tagħhom għandu jkollhom rwol essenzjali fin-negozjati ta' FTA;
19. Jemmen li FTA konkluż itejjeb ferm ir-relazzjonijiet attwali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-istati tal-GCC, u jipprovdi valur miżjud għall-Programm ta’Azzjoni Konġunta reċenti, b’mod partikulari, billi jipprovdi aktar bini tal-kapaċità u tal-qafas istituzzjonali, inkluż fis-Segretarjat tal-GCC; jiddispjaċih li l-preżenza diplomatika tal-UE fl-istati tal-GCC għadha waħda minima u jinsisti li taħt is-SEAE l-ġdid l-UE għandha żżid il-preżenza diplomatika tagħha fir-reġjun, inkluża Delegazzjoni tal-Unjoni f’kull wieħed mis-sitt stati tal-GCC, li għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE li jinsabu fl-istati tal-GCC, sabiex ikun sfruttat kemm jista’ jkun l-għarfien espert tagħhom dwar ir-reġjun; jemmen li preżenza diplomatika aktar sinifikanti żżid ħafna ċ-ċans ta’ konklużjoni rapida tal-FTA u l-implimentazzjoni sussegwenti tiegħu;
20. Jipproponi li jitwaqqaf samit regolari ta’ Kapijiet ta’ Stat u Gvern bejn l-UE u l-GCC; jenfasizza li dan is-summit jista’ jtejjeb immens ir-rabtiet politiċi, finanzjarji, ekonomiċi, kummerċjali u kulturali bejn l-UE u l-GCC; jinkoraġġixxi bil-qawwa lil min hu l-iktar responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm min-naħa tal-UE u kemm minn dik tal-GCC biex jiltaqgħu regolarment ħalli flimkien jiddefinixxu u jippromwovu l-interessi komuni, biex iżidu l-possibilità tal-konklużjoni u l-iffirmar tal-FTA mill-aktar fis possibbli; huwa tal-fehma li min hu l-iktar responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm min-naħa tal-UE u kemm minn dik tal-GCC għandu jaħdem biex isir dan is-samit, irrispettivament mill-konklużjoni u l-iffirmar tal-FTA;
21. Jilqa’ l-fatt li matul is-snin l-UE u l-GCC saru sieħba kbar fl-investiment u li l-GCC flimkien mal-Iraq u l-Jemen, huwa kklasifikat bħala l-ikbar investitur fl-UE fl-2008; huwa tal-fehma li l-konklużjoni tal-FTA, jew għall-inqas il-ftuħ uffiċjali mill-ġdid tan-negozjati, żgur li se twitti t-triq għal ftehimiet ulterjuri li se jħeġġu u jiffaċilitaw l-investimenti diretti barranija (FDIs) reċiproċi bl-għan li jitneħħew l-ostakoli għas-sjieda barranija u l-ħarsien tal-investimenti; ifakkar li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-FDIs issa jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, u għalhekk hemm aktar lok għall-konklużjoni rapida ta’ FTA bejn l-UE u l-GCC; jinnota li kwalunkwe FTA futur se joħloq opportunitajiet ta’ investimenti ġodda għaż-żewġ naħat waqt li jtejjeb il-possibbiltajiet għall-GCC li jissodisfa l-kriterji bħala kandidat għal ftehim dwar l-investiment mill-UE fil-kuntest tal-politika futura tal-investiment tal-UE;
22. Jirrimarka li t-tnaqqis fit-tariffi tal-GCC bħala riżultat tal-FTA se jagħmel iktar attraenti l-investiment minn barra minn impriżi transnazzjonali; huwa konvint li l-FTA se jġib miegħu żieda fl-investimenti relatati mas-servizzi li se jiffavorixxu l-iżvilupp tal-Istati tal-GCC u tal-Istati Membri tal-UE;
23. Jissuġġerixxi l-użu tal-euro f’kull tip ta’ kummerċ bejn l-UE u l-GCC; jilqa' l-fatt li, mill-ħolqien tiegħu, il-GCC esprima r-rieda tiegħu li joħloq unjoni doganali u monetarja; jinnota li filwaqt li tal-ewwel daħlet fis-seħħ fl-2009, bħalissa qed isiru negozjati dwar munita komuni;
24. Jinnota li s-sitt stati tal-GCC kollha bħalissa jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE taħt is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE; jenfasizza li l-Istati tal-GCC kollha għandhom, f'konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008, mhux biss jirratifikaw iżda wkoll jimplimentaw effettivament is-27 konvenzjoni tal-ILO u tan-NU elenkati fl-Anness III tar-regolament; huwa tal-fehma li, minħabba l-livell tal-progress ekonomiku fir-reġjun, l-FTA jkun strument aħjar għat-tixrid tal-benefiċċji kummerċjali madwar ir-reġjun;
25. Jafferma mill-ġdid li l-objettiv primarju tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-GCC għandu jkun li tikkonkludi l-FTA, li se jkun FTA bejn ir-reġjuni mill-kbar; iżda, sakemm dan iseħħ, u wara dak li sar diġà minn uħud mis-sieħba kummerċjali ewlenin tal-GCC, jinkoraġġixxi lir-RGħ/VP u lill-Kummissarju għall-Kummerċ sabiex jevalwaw approċċi alternattivi għar-relazzjonijiet kummerċjali futuri mal-Istati tal-GCC, fil-forma ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-UE u dawk l-Istati tal-Golf li diġà jħossuhom lesti li jidħlu għal impenn ulterjuri mal-UE, waqt li jitiqiesu l-ekonomiji eteroġeni tal-Istati tal-Golf, ir-reazzjonijiet differenti ta’ dawk l-istati għall-kriżi finanzjarja u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ sieħba kummerċjali oħra.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
26.1.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
15 2 10 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
George Sabin Cutaş, Mário David, Jörg Leichtfried, Miloslav Ransdorf, Michael Theurer, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Patrice Tirolien |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (14.1.2011)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf
(2010/2233 (INI))
Rapporteur għal opinjoni: Angelika Niebler
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ l-adozzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni Konġunta bejn l-UE u l-GCC u l-Ftehim ta’ Kummerċ ħieles, partikularment il-fatt li dan isaħħaħ il-kooperazzjoni f’oqsma ta' interess reċiproku fl-oqsma tal-industrija, l-enerġija, ir-riċerka, l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-ICT, l-investiment u l-azzjoni dwar il-klima; huwa tal-fehma li kwalunkwe kisba tal-Programm ta’ Azzjoni Konġunta bejn l-UE u l-GCC tgħin biex jerġgħu jitniedu n-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;
L-ENERĠIJA
2. Ifaħħar il-ħidma li saret mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija UE-GCC, partikularment dwar il-gass naturali, l-effiċjenza tal-enerġija u s-sigurtà nukleari;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-isfida tal-bidla fil-klima u l-konsum li dejjem qed jikber ta' enerġija fiż-żewġ reġjuni, sabiex tindirizza l-effiċjenza tal-enerġija bħala wieħed mill-oqsma ewlenin tal-iżvilupp u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija,
4. Jilqa' t-twaqqif tal-proġett tan-Netwerk tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nadifa; ifaħħar b'mod partikolari l-attivitajiet li jappoġġaw l-iżvilupp tal-politika għall-promozzjoni u l-użu ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija u tal-effiċjenza tal-enerġija;
5. Jirrikonoxxi li l-karburanti fossili attwalment ilaħħqu mal-biċċa kbira tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE; innota madankollu li d-domanda għaż-żejt fil-futur fl-UE se tkun affetwata minn diversi fatturi bħall-politiki dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, l-ispejjeż tal-provvista, in-nuqqas ta' stabbiltà fil-prezz u l-iżviluppi industrijali (rigward ir-relazzjoni għall-effiċjenza tal-enerġija u l-mobilità elettrika, per eżempju), li flimkien iwasslu għall-ħolqien ta' nuqqas ta' ċertezza fuq perjodu twil taż-żmien dwar id-domanda fil-futur u l-investiment fil-bidu jew fit-tarf tal-produzzjoni rigward il-kapaċità produttiva;
6. Jitlob għal aktar trasparenza fid-dejta taż-żejt u tal-gass rigward id-domanda għall-futur u x-xenarju tal-provvista għall-interessi reċiproċi fis-swieq prevedibbli taż-żejt; jilqa’ għaldaqstant l-importanza ta’ Inizjattiva Konġunta tad-Data taż-Żejt;
7. Jilqa' bil-qalb id-determinazzjoni tal- Kunsill Konġunt sabiex jaħdem favur kooperazzjoni eqreb dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima;
8. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-GCC biex iżżid il-potenzjal tar-riżervi tal-gass naturali u l-ftehim tal-LNG max-xewqa tal-UE biex tiddiversifika s-sorsi u r-rotot tal-enerġija; jenfasizza għaldaqstant l-importanza taż-żieda fl-esportazzjonijiet ta' LNG lejn l-UE, billi jiġu inklużi terminals tal-LNG fil-Kuritur tan-Nofsinhar, u tat-twaqqif ta' netwerks ta' pajpijiet taħt l-art mal-GCC, jew direttament jew b'konnessjoni mal-pajpijiet taħt l-art attwali u ma' dawk ippjanati bħal AGP, Nabucco u ITGI;
9. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-GCC sabiex jikkoordinaw l-iżvilupp ulterjuri tal-likwefazzjoni tal-gass (GTL) mas-sħab Ewropej tagħhom biex jintegraw aħjar il-GTL fit-taħlita enerġetika Ewropea; jenfasizza li l-GCC jista' wkoll juża l-GTL bħala metodu alternattiv għall-emissjoni fl-atmosfera ta' skart ta' gass maħruq fl-atmosfera;
10. Jirrikonoxxi li sinerġiji potenzjali fir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma teknoloġiji solari, tar-riħ, il-bijomassa u t-teknoloġiji ġodda tal-faħam nadif, joffru prospetti konsiderevoli għall-kooperazzjoni politika, teknoloġika u industrijali bejn l-UE u l-GCC;
11. Jenfasizza li l-UE għandha opportunitajiet sabiex tinvesti fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija GCC bl-użu ta' l-aktar teknoloġiji reċenti f'termini ta' ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u l-interkonnessjoni; jinkoraġġixxi f'dan ir-rigward il-kooperazzjoni futura b'attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni tan-netwerks tal-elettriku u tat-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti;
L-INDUSTRIJA U L-MATERJA PRIMA
12. Jenfasizza l-importanza ta’ sħubija ta’ min jorbot fuqha bejn l-UE u l-GCC fl-użu u l-aċċess għall-materja prima; jiffavorixxi s-swieq miftuħha għall-prodotti u l-abbolizzjoni ta’ ostakli mhux tat-tariffa; jilqa’ l-isforzi kollha li diġà saru fin-negozjati dwar kummerċ ħieles sabiex tiġi żgurata provvista sikura u sostenibbli tal-materji primi;
13. Jitlob li jsiru sforzi komuni biex jiġu indirizzati l-ispekulazzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet tal-materja prima permezz ta' aktar trasparenza u sorveljanza msaħħa tan-negozjar tad-derivati barra mill-Borża (OTC); f'dan il-kuntest, l-appell riċenti tal-OPEC għal kontrolli aktar stretti ta' negozjar OTC, flimkien mal-isforzi ta' Franza biex tindirizza fil-G-20 l-ispekulazzjoni fuq prodotti bażiċi (commodities);
IR-RIĊERKA U L-IŻVILUPP U L-INNOVAZZJONI
14. Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni approfondita bilaterali mal-GCC dwar il-programmi tar-riċerka u t-teknoloġija, b’enfasi speċjali fuq industriji ġodda bbażati fuq l-għarfien fl-oqsma tar-riżorsi rinovabbli, id-derivattivi tas-CCS, taż-żejt u tal-gass, l-effiċjenza tal-enerġija u l-bijomassa; jitlob li titwaqqaf kooperazzjoni bilaterali li timplika t-trasferiment tat-teknoloġiji flimkien ma' provvista sikura u sostenibbli ta' materja prima;
15. Itenni mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi mogħtija informazzjoni aħjar dwar l-eżistenza ta' programmi ta' skambju tal-UE bħall-Erasmus Mundus għall-istudenti u l-professuri tal-GCC; iħeġġeġ għaldaqstant il-parteċipazzjoni ta' studenti u professuri mill-GCC fil-programmi attwali ta’ skambju tal-UE sabiex jissaħħaħ id-djalogu kulturali u jiġi promoss il-ftehim reċiproku;
16. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aqwa bejn il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT) mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) biex jiġu promossi u jitħeġġew d-djalogu xjentifiku u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni f'dan il-qasam ukoll;
IR-RAPPREŻENTANZA TAL-UE FIL-PAJJIŻI TAL-GCC
17. Jitlob għal titjib fil-ħidma dwar il-viżibilità tal-UE li saret mid-delegazzjoni unika li tkopri s-sitt pajjiżi tal-Golf; jipproponi għaldaqstant it-twaqqif ta’ ħames delegazzjonijiet ġodda fil-pajjiżi li baqa’ u l-ftuħ ta' ħames uffiċċji ġodda.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
13.1.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 6 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Christian Ehler, Lena Ek, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Badia i Cutchet, Françoise Grossetête, András Gyürk, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Ivailo Kalfin, Eija-Riitta Korhola, Marian-Jean Marinescu, Alajos Mészáros, Vladko Todorov Panayotov, Peter Skinner, Hannes Swoboda |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Britta Reimers |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.2.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
62 3 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Dominique Baudis, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Arnaud Danjean, Mário David, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, Werner Schulz, Marek Siwiec, Charles Tannock, Zoran Thaler, Inese Vaidere, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Boris Zala |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Charalampos Angourakis, Elena Băsescu, Emine Bozkurt, Nikolaos Chountis, Philip Claeys, Georgios Koumoutsakos, Monica Luisa Macovei, Carmen Romero López, Marietje Schaake, Indrek Tarand, Traian Ungureanu, Janusz Władysław Zemke |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Spyros Danellis, Ismail Ertug, Eider Gardiazábal Rubial, Jolanta Emilia Hibner, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Jaroslav Paška |
|||||