RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, mlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra
2.3.2011 - (15380/2010 – C7‑0386/2010 – 2009/0018(NLE)) - ***
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Silvia-Adriana Ţicău
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, mlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra
(15380/2010 – C7‑0386/2010 – 2009/0018(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill (15380/2010),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Kanada (08303/10/2009),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0386/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) u tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0045/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Kanada.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, estenda ċ-ċirkostanzi li fihom l-approvazzjoni tal-Parlament kienet meħtieġa għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Il-ftehimiet fis-settur tal-ajru jaqgħu taħt din il-kategorija minħabba li jkopru kamp fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja[1]. Qabel dan, fi ftehimiet bħal dawn, il-Parlament kien jiġi biss ikkonsultat.
Għalkemm l-UE u l-Kanada għandhom rabtiet ekonomiċi u politiċi li jmorru lura fiż-żmien, qabel il-Ftehim attwali, l-avjazzjoni kienet suġġetta għal ftehimiet bilaterali ma’ 19 mill-Istati Membri tal-UE. Ħafna minn dawn il-ftehimiet kienu restrittivi u ma kinux joffru aċċess sħiħ għas-swieq rispettivi. F’Novembru 2002 il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li ċerti dispożizzjonijiet f’dawn il-ftehimiet bilaterali kienu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, f’Ottubru 2007 l-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni li jieħu post il-ftehimiet bilaterali eżistenti. F’dik is-sena kien hemm 9 miljun passiġġier li vvjaġġaw bejn l-UE u l-Kanada.
Il-mandat għan-negozjati stabbilixxa l-objettiv li tkun stabbilita Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni (Open Aviation Area - OAA) bejn l-UE u l-Kanada. Dan ghandu joħloq suq waħdieni għat-trasport bl-ajru fejn l-investiment ikun jista’ jiċċaqlaq liberament u fejn il-linji tal-ajru Ewropej u Kanadiżi jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tal-ajru mingħajr l-ebda restrizzjoni, inkluż fis-swieq nazzjonali taż-żewg partijiet. It-twettiq sħiħ tal-mandat ikun jirrikjedi tibdil leġiżlattiv sinifikanti fil-Kanada, b’mod partikolari biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet legali eżistenti fuq is-sjieda barranija u l-kontroll barrani tal-linji tal-ajru Kanadiżi u l-kabotaġġ. Minhabba dan, il-mandatt kien jirrikonoxxi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jiġi implimentat ftehim f’diversi fażijiet. Matul in-negozjati, l-UE aċċettat li l-ftuħ sħiħ għall-investiment ma jistax jinkiseb mill-bidu, iżda jista’ jiddaħħal gradwalment f’fażijiet differenti matul perjodu ta’ tranżizzjoni.
Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Kanada kien ġie inizzjalat fit-30 ta’ Novembru 2008, kien ġie approvat mis-samit UE-Kanada fis-6 ta’ Mejju 2009 u ffirmat fis-17-18 ta’ Diċembru 2009. L-UE u l-Kanada nnegozjaw ukoll ftehim dwar is-sikurezza tal-ajru. Dan huwa s-suġġett ta’ rakkomandazzjoni separata (A7-0298/2010).
Il-kontenut tal-Ftehim
Il-Ftehim jinkludi d-dħul gradwali ta' drittijiet ta’ traffiku u ta’ opportunitajiet ta' investiment, kif ukoll kooperazzjoni komprensiva f’għadd ta' kwistjonijiet li jinkludu s-sikurezza, is-sigurtà, kwistjonijiet soċjali, l-interessi tal-konsumaturi, l-ambjent, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-għajnuna mill-istat u l-kompetizzjoni. Il-linji tal-ajru kollha tal-UE jkunu jistgħu joperaw titjiriet diretti lejn il-Kanada minn kwalunkwe post fl-Ewropa. Il-Ftehim ineħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq rotot, prezzijiet jew fuq in-numru ta’ titjiriet fil-ġimgħa bejn il-Kanada u l-UE. Il-linji tal-ajru se jkunu fil-libertà li jagħmlu arranġamenti kummerċjali, bħal ftehimiet ta’ code-sharing, li huma importanti għal-linji tal-ajru li jservu numru kbir ta’ destinazzjonijiet, u li jistabilixxu t-tariffi tagħhom skont il-liġi tal-kompetizzjoni.
Il-Ftehim fih dispożizzjonijiet għall-ftuħ tas-suq fuq diversi stadji li jkun marbut mal-għoti, miż-żewġ naħat, ta’ libertajiet akbar għall-investiment:
L-ewwel fażi tapplika meta s-sjieda barranija tal-linji tal-ajru tkun limitata għal 25 fil-mija, kif kien il-każ meta n-negozjati dwar il-ftehim tlestew. Il-linji tal-ajru jkollhom il-libertà assoluta li joperaw servizzi diretti bejn kwalunkwe post fl-Ewropa u kwalunkwe post fil-Kanada. Ma jibqax ikun hemm limiti fuq l-għadd ta’ linji tal-ajru li jtiru bejn l-UE u l-Kanada u lanqas fuq l-għadd ta’ servizzi mħaddma minn linja tal-ajru. Il-linji tal-ajru li jġorru merkanzija jkollhom id-dritt li jkomplu t-titjira tagħhom lejn pajjiżi terzi.
It-tieni fażi tibda hekk kif il-Kanada tkun ħadet il-passi meħtieġa li jippermettu lill-investituri Ewropej jkunu sidien ta’ 49% tal-ishma bi dritt tal-vot ta’ linja tal-ajru Kanadiża. Dan ifisser li ċerti drittijiet addizzjonali, inkluż id-dritt li l-operaturi tal-merkanzija jipprovdu servizzi lejn pajjiżi terzi mill-parti l-oħra mingħajr ma jikkollegaw mal-punt ta’ oriġini tagħhom (l-hekk imsejħa “drittijiet tas-7 libertà) ikunu disponibbli. Fil-fatt, il-Kanada introduċiet din il-possibilità f’Marzu tal-2009.
It-tielet fażi tibda meta ż-żewġ naħat jippermettu lill-investituri li jwaqqfu u jikkontrollaw linji tal-ajru ġodda fis-swieq ta’ xulxin. Imbagħad il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jkomplu bit-titjira tagħhom lejn pajjiżi terzi.
Ir-raba’ fażi hija l-aħħar stadju fejn jinkisbu d-drittijiet sħaħ biex linja topera bejn iż-żewġ swieq, fi ħdanhom, u lil hinn minnhom, inkluż bejn punti fit-territorju tal-parti l-oħra (kabotaġġ). Din tinkiseb ladarba ż-żewġ naħat iwettqu l-passi biex jippermettu s-sjieda u l-kontroll sħaħ tal-linji tal-ajru tagħhom minn ċittadini tal-parti l-oħra.
Iż-żewġ naħat qablu li jikkooperaw mill-qrib sabiex inaqqsu l-effetti tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima. Fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà, il-ftehim jaħseb għal rikonoxximent reċiproku tal-istandards u tas-sigurtà “one-stop” (jiġifieri li l-passiġġieri, l-bagalji u l-merkanzija fuq tranżitu jkunu eżentati minn miżuri ta’ sigurtà addizzjonali). Hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jittejjeb l-interess tal-konsumaturi, inkluż impenn li jitwettqu konsultazzjonijiet, bil-ħsieb li kemm huwa possibbli jinkisbu approċċi kompatibbli, fi kwistjonijiet bħall-kumpens għall-passiġġieri li ma jitħallewx jimbarkaw, miżuri ta’ aċċessibilità u rimborsi lill-passiġġieri. It-test jipprovdi mekkaniżmu b’saħħtu biex ikun żgurat li l-linji tal-ajru ma jsofrux diskriminazzjoni f’termini tal-aċċess għal infrastruttura jew sussidji mill-istat.
Evalwazzjoni
Dan il-ftehim jista’ jiġi deskritt bħala l-aktar ftehim dwar it-trasport tal-ajru ambizzjuż bejn l-UE u sieħeb dinji ewlieni. Huwa għandu jtejjeb b’mod sinifikanti kemm il-kollegamenti bejn is-swieq rispettivi u r-rabtiet bejn il-persuni, kif ukoll joħloq opportunitajiet ġodda għall-qasam tal-linji tal-ajru permezz tal-liberalizzazzjoni gradwali tar-regoli dwar is-sjieda barranija. B’mod partikolari, huwa aktar ambizzjuż u speċifiku mill-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tad-drittijiet tat-traffiku, sjieda u kontroll, inkluż li jsegwi wkoll l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll ta’ Emenda (“it-Tieni stadju”).
Skont studju mniedi mill-Kummissjoni, ftehim miftuħ mal-Kanada jiġġenera nofs miljun aktar passiġġieri fl-ewwel sena tiegħu u, fi żmien ftit snin, 3.5 miljun aktar passiġġieri jistgħu jkunu mistennija li jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li dan il-ftehim jista’ joffri. Il-Ftehim jista’ jiġġenera benefiċċji lill-konsumaturi ta’ mill-anqas €72 miljun permezz ta’ prezzijiet aktar baxxi, u joħloq ukoll impjiegi ġodda.
Għalkemm dan il-Ftehim huwa aktar ambizzjuż minn dak mal-Istati Uniti fir-rigward tal-aċċess għas-suq, huwa anqas espliċitu meta jiġi biex jirrikonoxxi l-importanza tad-dimensjoni soċjali. Filwaqt li kull wieħed miż-żewġ partijiet jista’ jitlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt biex jikkunsidraw l-effetti tal-Ftehim fuq ix-xogħol, l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, m’hemm l-ebda stqarrija espliċita li “l-opportunitajiet maħluqa mill-Ftehim m’humiex maħsuba biex idgħajfu l-istandards tal-impjieg”[2] u lanqas mhu l-Kumitat Konġunt meħtieġ li jqis “l-effetti soċjali tal-Ftehim kif ikun qed jiġi implimentat u jiżviluppa tweġibiet xierqa għat-tħassib li jinstab li jkun leġittimu”[3].
Huwa għaldaqstant importanti li l-Kummissjoni tuża l-Ftehim u, b’mod partikolari, il-possibilità ta’ referenza għall-Kumitat Konġunt, sabiex tippromwovi l-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol inkorporati fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), il-linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti fl-2000) u l-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali (1980).
M’hemmx dubju li jeħtieġ li jkun hemm konsultazzjoni u kooperazzjoni dwar is-sigurtà akbar, partikolarment fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali attwali. Madankollu, dan m’għandux iwassal għal miżuri eċċessivi jew mhux ikkoordinati li ma tkunx saritilhom valutazzjoni adegwata tar-riskju. Għaldaqstant ikun xieraq li l-Kummissjoni u l-Kanada jevalwaw l-effiċjenza tal-miżuri tas-sigurtà addizzjonali adottati mill-2001 sabiex jeliminaw l-irduppjar u d-dgħufijiet fil-katina tas-sigurtà. F’dan il-kuntest, għandu jintlaqa’ bi pjaċir l-objettiv tal-Ftehim ta’ “sigurtà one-stop”, minflok li l-passiġġieri u l-bagalji jsirulhom kontrolli ma’ kull transfer li jgħaddu minnu.
Konklużjoni
Minħabba r-rwol importanti mogħti lill-Kumitat Konġunt, inkluż fi kwistjonijiet politikament sensittivi, bħall-istandards ambjentali jew tax-xogħol, huwa importanti li l-Kummissjoni tiżgura li l-Parlament jinżamm infurmat bis-sħiħ u kkonsultat dwar il-ħidma tal-Kummissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-rabtiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea[4]. Ikun ukoll importanti li l-Parlament isegwi l-fażijiet differenti tal-ftuħ tas-suq imsemmi fit-taqsima “Kontenut tal-Ftehim” (paġna 7 hawn fuq).
Minkejja dawn ir-riservi, in-natura ambizzjuża ta’ dan il-Ftehim għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon. Għandu jservi bħala objettiv għal negozjati oħrajn li qed isiru bħalissa. Għaldaqstant, ir-Rapporteur tirrakkomanda li l-Parlament japprova l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Kanada.
- [1] Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
- [2] Qabbel mal-Artikolu 17(b) tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti
- [3] Artikolu 18(4)(b) wara l-emenda tal-Protokoll
- [4] P7_TA-PROV(2010)0366
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.2.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
27 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Antonio Cancian, Saïd El Khadraoui, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Eva Lichtenberger, Hella Ranner, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Keith Taylor, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philip Bradbourn, Frieda Brepoels, Spyros Danellis, Ádám Kósa, Janusz Władysław Zemke |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karin Kadenbach |
|||||