RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta' Harald Wögerbauer bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
3.3.2011 - (C7‑0029/2011 – 2011/0801(NLE))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Inés Ayala Sender
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħatra proposta ta' Harald Wögerbauer bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
(C7‑0029/2011 – 2011/0801(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta mal-Parlament (C7-0029/2011),
– wara li kkunsidra l-fatt li, fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Marzu 2011, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema’ lill-persuna nnomitata mill-Kunsill għall-kariga ta’ membru tal-Qorti tal-Awdituri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0048/2011),
A. billi Harald Wögerbauer Galea jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta għall-ħatra ta' Harald Wögerbauer bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet ta’ verifika tal-Istati Membri.
ANNESS (1): CURRICULUM VITAE TA' Harald Wögerbauer
MR/PR Mag.Dr.Harald Wögerbauer
Stadiongasse 5/1
1010 Wien
e-mail: harald.woegerbauer@oevpklub.at
Telefonnummer: +431/40110/4403
Informazzjoni personali:
twieled: fis-27 ta’ Lulju 1953 fi Vjenna
miżżewweġ, b’żewġt itfal
Edukazzjoni:
1959 – 1963: skola primarja fi Vjenna
1963 – 1971: Liċeo Stiftung Theresianische Akademie fi Vjenna
1971: Ċertifikat ta’ livell avvanzat
1971 – 1972: servizz militari mal-armata federali Awstrijaka
1971 – 1974: studju fil-liġi u l-ekonomija
1974: tmiem tal-istudju tal-liġi b’masters u dottorat studju tax-xjenzi politiċi fi Franza
1975 – 1976: eżami tal-istat fil-ġurisprudenza għall-avukatura
federali u eżami tal-istat superjuri fil-ġurisprudenza
Karriera professjonali:
mill-1974: Membru ta’ Qorti tal-Awdituri Awstrijaka
1974 – 1979: Reviżur fil-Qorti tal-Kontijiet – responsabbli għall-verifika
tal-entitajiet ta’ assigurazzjoni soċjali Awstrijaċi
mill-1979: servizz mal-Parlament Awstrijak u mal-grupp tal-Partit Popolari Awstrijak (Österreichische Volkspartei - ÖVP) – responsabbli, fost affarijiet oħra, għall-kumitati tal-Qorti tal-Kontijiet – Kumitat għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali – Kumitat għas-Saħħa – Kumitat għall-Affarijiet Barranin – Kumitat għax-Xjenza – Kumitat għall-Ekonomija – Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali – Kumitat għall-Industrija – Kumitat għall-Amministrazzjoni Pubblika
mill-1992: Direttur politiku tal-grupp parlamentari tal-ÖVP
mill-1995: Konsulent fil-Ministeru tal-Qorti tal-Awdituri u
mill-1999: Konsulent parlamentari tad-direzzjoni parlamentari
funzjonijiet oħra fil-qafas tal-karriera tiegħi:
Ø President tal-Kunsill għall-Protezzjoni tad-Data għal bosta snin
Ø Awtorità Radjofonika Reġjonali u bil-Kejbil kif ukoll Awtorità Radjofonika Privata
Ø Kummissjoni għar-Riforma tad-Drittijiet Fundamentali
Ø Kummissjoni Federali Eletttorali
Lingwi:
Lingwa materna: il-Ġermaniż – Franċiż (korrenti) – Ingliż (korrenti) – Russu (għarfien bażiku)
(ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Harald Wögerbauer GĦALL-MISTOQSIJIET
Kwestjonarju għall-Kandidtai għas-Sħubija mal-Qorti tal-Awdituri
Esperjenza professjonali
1. Jekk jogħġbok fisser l-aspetti ewlenin tal-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, fil-management u fil-verifika tal-management.
Wara li spiċċajt l-istudji tiegħi tal-liġi (it-tieni studju tiegħi kien l-ekonomija), dħalt direttament fis-servizz tal-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka. Mill-1974 sal-1979 ivverifikajt l-entitajiet ta’ sigurtà soċjali Awstrijaċi. Fis-sena 1979 bdejt l-attività tiegħi fil-Parlament bħala membru tal-grupp parlamentari tal-ÖVP, imma sa issa bqajt membru tal-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka. Il-kompetenzi tiegħi fil-Parlament kienu jinkludu l-ġestjoni komprensiva mill-perspettiva leġiżlattiva kif ukoll politika tal-Kumitat għall-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Saħħa, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għax-Xjenza, il-Kumitat għall-Ekonomija, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għall-Industrija u l-Kumitat għall-Amministrazzjoni Pubblika
Komponent importanti tax-xogħol tiegħi kien l-attività fil-qafas tal-kumitati investigattivi. Peress li, b’mod naturali, il-ġestjoni tajba, apparti l-liġi penali, tirrappreżenta l-aspett prinċipali tal-attivitajiet fi ħdan dan il-kumitat, kien possibbli għalija, b’mod ottimali, li nuża l-esperjenza tiegħi, li kont akkwistajt fil-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka, u nkompli niżviluppaha.
Flimkien mal-attività prinċipali tiegħi fil-Parlament kelli attività intensiva wkoll f’oqsma oħra tal-kostituzzjoni u l-amministrazzjoni. Għal snin twal kont membru tal-Kummissjoni għar-Riforma tad-Drittijiet Fundamentali, l-Awtorità Radjofonika Reġjonali u bil-Kejbil, tal-Awtorità Radjofonika Privata, tal-Kummissjoni Federali Eletttorali kif ukoll għal żmien twil kont president tal-Kunsill għall-Protezzjoni tad-Data
Barra minn hekk, bħala direttur politiku tal-grupp kont fdat bil-koordinazzjoni bejn il-grupp parlamentari tal-ÖVP, il-gvern federali, it-tmexxija tal-partit fil-livell federali, il-gruppi u l-partiti reġjonali tal-ÖVP. Il-kompetenzi tiegħi kienu jinkludu wkoll l-ippjanar politiku u l-analiżi ġenerali kif ukoll ir-relazzjonijiet mal-midja. Barra dan, minn mindu l-ÖVP beda jifforma parti mill-gvern fl-1986, ħadt sehem fin-negozjati kollha tal-programmi tal-gvern koalizzjonali rispettivi u r-rwol tiegħi ma kienx nieqes mill-importanza tiegħu fid-diskussjonijiet fil-qasam tax-xogħol u l-affarijiet soċjali kif ukoll is-saħħa, u ħadt sehem deċiżiv fil-formulazzjoni tal-programmi relattivi tax-xogħol tal-gvernijiet.
L-għanijiet prinċipali tal-attivitajiet li eżerċitajt sa issa kienu, qabel kollox, li nwettaq riformi fl-oqsma kollha li kelli influwenza fuqhom, fl-amministrazzjoni tajba, il-legalità, l-effiċjenza ekonomika, il-kisba ta’ riżultati effettivi u l-ekonomija – b’konformità mal-objettivi ta’ ġestjoni baġitarja skont il-Kostituzzjoni Federali Awstrijaka.
2. Liema kienu l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kellek sehem fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?
Minħabba l-fatt li qattajt snin twal fl-attivitajiet ta’ verifika fil-qasam tal-awtonomija tal-entitajiet ta’ sigurtà soċjali Awstrijaċi akkwistajt konoxxenza profonda tal-problemi li jiffaċċaw l-organi msemmija, kif ukoll fil-qasam amministrattiv u ġuridiku, prinċipalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-pensjoni u sigurtà tas-saħħa kif ukoll tal-inċidenti.
Malli dħalt fis-servizz tal-Parlament Awstrijak u sirt responsabbli, kemm mill-aspett leġiżlattiv kif ukoll politiku, għall-kumitati tal-Kunsill Nazzjonali u l-Kunsill Federali, kien possibbli għalija li nisfrutta l-għarfien tiegħi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ riformi kemm ta’ kontenut u kif ukoll ta’ problemi ta’ organizzazzjoni. Għalhekk, kelli rwol deċiżiv fir-riformi kollha dwar il-pensjonijiet mill-1986, partikolarment l-aħħar żewġ riformi kbar. Dawn tal-aħħar ippermettew li jiġi assigurat il-finanzjament fuq żmien twil tas-sistemi tal-pensjoni Awstrijaċi u t-tnedija tal-armonizzazzjoni tas-sistemi kollha tal-pensjoni, ħaġa li kien ilha għaddejja s-snin. Barra minn hekk, wara snin twil ta’ diskussjonijiet, kien possbbli li nġibu flimkien taħt saqaf wieħed l-organi kollha ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni tal-ħaddiema fil-qafas ta’ riforma strutturali vasta, u dan ippermetta li jiġi realizzat potenzjal ta’ sinerġija u ta’ approċċ ekonomiku. Fl-istess ħin, l-armonizzazzjoni mixtieqa għal tul ta’ żmien bejn il-ħaddiema u l-impjegati fl-oqsma wesgħin tal-liġi tax-xogħol saret possibbli permezz tal-intervent tiegħi.
Aspett importanti tal-attivitajiet professjonali tiegħi tul l-aħħar deċennji kien il-Kunsill Awstrijak għall-Protezzjoni tad-Data, li huwa organu kulsultattiv indipendenti tal-gvern federali fi kwistjonijiet ta’ ħarsien tad-data. B’hekk irnexxieli nżomm il-ħarsien tad-data fl-Awstrija barra l-konfrontazzjoni politika u nifformula d-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data b’mod li jkun aċċettabbli għal kulħadd, indipendentement mill-qasmiet soċjali kollha. B’dan il-mod, il-protezzjoni tad-data u l-Kunsill għall-Protezzjoni tad-Data intlaqgħu aħjar fis-soċejtà, anki fil-livell politiku, u l-importanza tagħha kibret kontinwament. F’dawn l-aħħar snin, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għall-Protezzjoni tad-Data sabu triqithom, dejjem aktar u aktar, direttament fil-leġiżlazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali u l-Kunsill Federali.
Il-qasam tal-midja rrappreżenta wkoll aspett importanti fil-ħajja professjonali tiegħi sa issa. Kont ukoll membru tal-Awtorità Radjofonika Reġjonali u bil-Kejbil kif ukoll tal-Awtorità Radjofonika Privata, li ġiet imwaqqfa dak iż-żmien; sal-fondazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet fi tmiem id-disgħinijiet dan kien territorju ġuridiku ġdid fl-Awstrija; bil-kollaborazzjoni tiegħi f’dawn l-awtoritajiet, irnexxielna nilliberalizzaw is-suq tar-radju u nqassmu liċenzji u kif ukoll frekwenzi lil fornituri ta’ servizzi radjofoniċi privati, li imbagħad ġew segwiti minn dawk televiżivi. Għalija, dawn kienu tappi kruċjali fil-liberalizzazzjoni tas-suq tal-midja fl-Awstrija u għalija kien estremament interessanti u sfida li nipparteċipa minn fuq quddiem f’dan l-iżvilupp.
Indipendenza
3. It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu "indipendenti għalkollox" fil-qadi ta’ dmirijiethom. Kieku int, kif tapplika dan l-obbligu għad-dmirijiet prospettivi tiegħek?
Dan l-obbligu mhuwiex xi ħaġa ġdida fil-ħajja professjonali tiegħi, għaliex bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka kelli nagħti prova ta’ indipendenza. Barra minn hekk, okkupajt karigi ewlenin f’istituzzjonijiet fejn l-eżerċizzju indipendenti tal-funzjonijiet huwa ta’ importanza partikolari.
Jiena perfettament konxju tal-fatt li kemm il-Qorti tal-Awdituri tasserixxi ruħha u l-immaġni pubblika u l-kredibilità tagħha jiddependu mill-indipendenza u l-imparzjalità verifikabbli tal-membri u tal-kredibilità tagħhom f’dan ir-rigward.
Naturalment, bħala membru tal-Qorti tal-Awdituri nirrispetta rigorożament id-dispożizzjonijiet relattivi tat-Trattat u tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri u neżerċita l-funzjonijiet tiegħi b’mod korrett, mingħajr l-ebda influwenza esterna.
4. Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet maniġerjali li wettaqt preċedentement, f’każ li tapplika proċedura bħal din?
Fl-Awstrija ma teżistix din il-proċedura.
5. Għandek xi negozju jew xi interessi finanzjarji jew impenji oħra li jistgħu jkunu f’kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek? Int lest li tiżvela l-interessi finanzjarji kollha tiegħek u impenji oħrajn lill-President tal-Qorti, u tagħmilhom pubbliċi? Fil-każ li bħalissa inti mdaħħal f’xi proċeduri legali, tista’ jekk jogħġbok tagħti d-dettalji dwarhom?
M’għandi l-ebda attività finanzjarja jew ta’ negozju jew xi impenji oħra li jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompiti prospettivi tiegħi. Naturalment jiena lest niżvela l-interessi finanzjarji kollha tiegħi u l-impenji l-oħra lill-President tal-Qorti, u nagħmilhom pubbliċi. Ma jien involut fl-ebda proċeduri legali.
6. Lest li tħalli kwalunkwe uffiċċju elett jew iċċedi kwalunkwe funzjoni attiva b’responsabilitajiet f’partit politiku wara l-ħatra tiegħu bħala Membru tal-Qorti?
M’għadx għandi karigi jew funzjonijiet ta’ dan it-tip.
7. Kif taġixxi f’każ ta’ irregolarità gravi jew saħansitra frodi u/jew każ ta’ korruzzjoni li fiha jkunu implikati atturi fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħek?
Il-ġlieda kontra l-każijiet ta’ frodi u/jew korruzzjoni kif ukoll l-irregolaritajiet serji fil-ġestjoni tal-UE hija partikolarment importanti mill-perspettiva tal-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’każ li jkun hemm frodi jew korruzzjoni jew azzjoni illegali ta’ tip ieħor f’verifika li nkun responsabbli għaliha jien, dak li nkun naf ngħaddih lill-President tal-Qorti u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Ma tagħmel l-ebda differenza għalija jekk l-atturi jkunu ġejjin mill-Awstrija. Jekk fil-qafas tal-persegwiment ta’ illegalità serja jkun hemm anki l-iċken ħjiel jew is-suspett li ma nistax naġixxi b’imparzjalità, ngħaddi l-kwistjoni kollha f’idejn oħra u ma neżerċitax il-kompetenzi tiegħi f’dan ir-rigward.
Qadi ta’ dmirijiet
8. X’għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta’ kultura ta’ mmaniġġjar finanzjarju sod fi kwalunkwe servizz pubbliku?
Immaniġġjar sod għandu jkun ikkaratterizzat mill-fatt li l-organi responsabbli jkollhom il-kuxjenza li jridu jaġixxu b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali u regolamentari u jagħtu prova ta’ responsabilità fl-użu tal-fondi pubbliċi. Dan il-bini ta’ kuxjenza għandu jiġi impost u jkun żgurat fl-istadji kollha u fl-uffiċċji kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Iżda ġestjoni tajba tfisser mhux biss li wieħed jaġixxi skont il-liġijiet, iżda li fl-istess ħin ikun parsimonjuż, ekonomiku u effikaċi. Biex dawn il-prinċipji jiġu attwati mhux biss ex post imma anki ex ante, jeħtieġ kontroll effiċjenti u intensiv fl-amministrazzjoni. Għal din ir-raġuni r-rwol tal-Qorti tal-Awdituri huwa partikolarment importanti mill-angolu tal-ġestjoni tal-finanzji ekonomikament soda. Fl-istess ħin, il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ kontroll għandu jkun garantit fil-livelli kollha, kemm fil-forma ta’ verifiki interni jew esterni. Mill-banda l-oħra huwa indispensabbli li jinġibdu tagħlimiet mir-rapporti tal-awdituri, sew jekk ikunu sistematiċi kif ukoll individwali. Biex tkun żgurata ġestjoni ekonomikament soda, huwa kruċjali li, fil-każ li jiġu determinati lakuni, jiġu elaborati flimkien ma’ organi kompetenti, miżuri li jippermettu l-eliminazzjoni ta’ dawn in-nuqqasijiet u, fl-istess ħin, jiġi analizzat f'liema oqsma jistgħu jirriżultaw problemi simili. Fl-opinjoni tiegħi, huwa ta’ importanza speċjali li jkun ivvalutat is-segwitu li jingħata għall-eliminazzjoni tal-lakuni li jkunu tfaċċaw. Il-valutazzjoni tal-ġestjoni ekonomikament soda u l-valutazzjoni tas-segwitu għandhom jiġu kkoordinati flimkien kemm mill-kontroll estern u minn dak intern u r-riżultat ta’ dawn l-eżerċizzji għandu jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet li poġġew il-mezzi eżaminati għad-dispożizzjoni.
9. Skont it-Trattat, il-Qorti għandha tassisti lill-Parlament fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kif tiddeskrivi dmirijietek rigward ir-rappurtar lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu, b’mod partikulari?
Jiena ġej minn pajjiż fejn il-Qorti tal-Awdituri tirrappreżenta, bħala l-Organu Suprem, entità tal-Kunsill Nazzjonali u tal-Kunsilli Reġjonali fil-kontroll tal-fondi pubbliċi. Bl-istess mod jagħti l-każ li l-kwittanza tal-gvern issir annwalment permezz tal-kontijiet federali finali min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri, meta dan jagħti prova ta’ ġestjoni korretta tal-finanzi u l-Parlament dan jaċċettah. Għalhekk, fl-attività tiegħi fil-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka jiena mdorri nikoopera mill-qrib mal-istituzzjonijiet parlamentari. Mill-banda l-oħra, naf ukoll in-naħa l-oħra tal-midalja: il-kooperazzjoni bejn il-kumitati superviżjorji tal-parlament u l-Qorti tal-Awdituri. Anki f’dawn il-karigi ħadt kull inizjattiva fix-xogħol tiegħi ta’ kuljum biex naħdem kemm jista’ jkun mill-viċin mal-organi ta’ kontroll tal-parlament.
Jiena perfettament konxju tal-fatt li fi ħdan l-UE s-sitwazzjoni ġuridika hija kemmxejn differenti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. Madankollu, il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri għandhom l-istess kompitu li jiżguraw li l-fondi mit-taxxi taċ-ċittadini tal-UE jintefqu b’manjiera xierqa u ekonomikament effikaċi. Li dan ikun assigurat u kkomunikat huwa kompitu mill-iktar importanti taż-żewġ istituzzjonijiet, biex l-UE tkun milqugħa tajjeb fl-Istati Membri individwali. Il-Qorti tal-Awdituri tassisti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-estimi. Huwa kompitu tal-Parlament ukoll, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bħala awtorità tal-kwittanza, jistgħu jibbażaw b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-affidabilità tal-kontijiet u kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-proċeduri sottostanti. Dawn l-interessi komuni kollha bejn il-Parlament u l-Qorti u l-kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, li hija prevista mis-sistema guridika Ewropea, juru li huwa fl-interess tal-partijiet kollha li jikkooperaw kemm jista’ jkun mill-qrib, u li saħansitra jsaħħu din il-kooperazzjoni. Għalija personalment, nista’ niddikjara hawn b’konvinzjoni kbira, li se nagħmel dak kollu possibbli biex nippromwovi l-ħidma konġunta bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament b’mod effettiv u kostanti u li nappoġġah.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tappoġġa l-awtorità tal-baġit fil-kontroll tal-implimentazzjoni tal-estimi. Għal dan il-għan, ir-rapporti maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri (ir-rapport annwali, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni u r-rapporti speċjali) huma komunikati lill-Parlament Ewropew u jiġu eżaminati fl-ewwel stadju mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-elaborazzjoni tar-rapporti, wieħed irid joqgħod attent li dawn ikunu preċiżi u affidabbli biex ikunu jistgħu jissuperaw l-argumenti tal-uffiċċji ta’ eżami u fl-istess ħin iridu jkunu aġġornati biex ikunu ta’ interess mhux biss għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit iżda wkoll biex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġbed il-konklużjonijiet malajr minn dawn ir-rapporti, biex titwaqqaf kull ħsara li tista’ ssir u jkunu jistgħu jsiru bidliet pożittivi u jiġi infurmat il-pubbliku mingħajr telf ta’ żmien. Jidhirli li huwa wkoll essenzjali li jkunu imposti kontrolli fl-amministrazzjoni, fl-effikaċja ekonomika kif ukoll fil-kisba ta’ riżultati. L-osservazzjonijiet formulati mill-Parlament wara l-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu l-oġġett ta’ skrutinju profond tal-Qorti tal-Awdituri, biex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati, u dawn min-naħa tagħhom jistgħu jwasslu għal verifiki ġodda. Fil-kuntest tal-programmi annwali tal-ħidma (il-pjanijiet tar-rapporti), wieħed irid jiżgura li jkun hemm kooperazzjoni tajba mal-Parlament filwaqt li tibqa’ ggarantita l-indipendenza tal-Qorti.
10. X’taħseb li huwa l-valur miżjud ta’ verifika tal-prestazzjoni u kif għandhom jiġi inkorporati r-riżultati tagħha fil-management?
Il-kompitu importanti ħafna tal-Qorti tal-Awdituri li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta’ asssigurazzjoni ta’ ġestjoni tajba tal-finanzi, il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti, jinvolvi l-intervent ta’ riżorsi umani kunsiderevoli, ħaġa li hija ta’ detriment għall-kapaċitajiet tiegħu li jeffettwa kontrolli ta’ ġestjoni u prestazzjoni tajba. Quddiem dan il-fatt, il-Qorti assumiet l-objettiv strateġiku li tnaqqas ir-riżorsi involuti fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni sabiex issaħħaħ is-settur tal-kontroll tal-effikaċja u l-kontroll tal-prestazzjoni. Jien naħseb li permezz tat-tisħiħ tal-kontroll tal-effikaċja ekonomika u l-kontroll tal-prestazzjoni huwa possibbli li jirriżultaw diversi każijiet ta’ żieda fl-effiċjenza fil-qasam tal-użu tal-fondi tal-UE Naħseb li ta’ min wieħed jagħti attenzjoni partikolari lill-effikaċja tal-użu tal-fondi. Verifiki komprensivi ta’ settur, kif ukoll verifiki speċifiċi tal-użu tal-fondi fuq il-post, jistgħu jgħinu, permezz tad-determinazzjoni konkreta ta’ nuqqasijiet fil-kisba tar-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ibbażati fuqhom, biex jiġu eliminati u/jew jiġu evitati żviluppi negattivi u biex l-applikazzjoni tal-fondi tal-UE sseħħ b’effiċjenza akbar. Il-kontroll tal-prestazzjoni huwa għalhekk importanti ħafna, mhux biss biex jiġu rispettati l-prinċipji ta’ ġestjoni ekonomika tajba iżda wkoll biex kull sena jsir titjib fil-grad tar-riskju ta’ żbalji fl-oqsma individwali tal-politika u biex jiġi assigurat użu aktar effikaċi tal-fondi. Il-kontroll tal-prestazzjoni jista’ jsir kemm internament kif ukoll esternament. Il-valur miżjud ta’ verifika esterna huwa ġej mill-fatt li l-awtorità kompetenti tkun indipendenti u li r-riżultati tal-eżerċizzju huma destinati mhux biss għall-awtoritajiet iżda wkoll għall-Parlament, li jista’ jiġbed konklużjonijiet indipendenti mir-rakkomandazzjonijiet. Naturalment, ir-riżultati misjuba mill-kontroll tal-prestazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qasam tal-amministrazzjoni b’metodi differenti. Possibilità hija li fil-qafas ta’ atmosfera pożittiva ta’ fiduċja bejn il-kontrollur u l-organu verifikat, dan tal-aħħar ikun konvint dwar il-pertinenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri li l-kontrolluri jipproponu lill-organu verifikat (implimentazzjoni diretta). Huwa possibbli wkoll li l-awtorità sovrastanti tal-organu verifikat issegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tapplikahom. F’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew għandu importanza partikolari jekk huwa, konsegwentement, bħala reazzjoni, jifformula d-deċiżjonijiet tiegħu, dejjem jekk il-Parlament dan iqisu bħala partikolarment importanti. Fil-kuntest tal-kontroll tal-prestazzjoni wkoll, huwa partikolarment importanti li l-miżuri li jittieħdu bħala konsegwenza, bħala riżultat tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati mill-Qorti tal-Awdituri, ikunu valutati kostantement u regolarment.
11. Kif tista' titjieb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-Istituzzjonijiet Nazzjonali ta' Verifika u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward il-verifika tal-baġit tal-UE?
L-organi ta’ verifika nazzjonali jeżaminaw regolarment il-proċeduri finanzjarji li jirriżultaw mill-użu tal-fondi allokati. Dawn jiġu mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-entitajiet tal-Komunità. Il-verifiki tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jsiru flimkien mal-entitajiet ta’ verifika finanzjarja nazzjonali filwaqt li tinżamm l-indipendenza rispettiva. F’dan ir-rigward, l-entitajiet nazzjonali ta’ verifika għandhom jiġu mħeġġgħa jakkumpanjaw l-attivitajiet ta’ kontroll tal-Qorti tal-Awdituri fil-pajjiż tagħhom. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Presidenti tal-entitajiet ta’ verifika nazzjonali jiltaqgħu kull sena fi ħdan kumitat ta’ kuntatt biex ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni tal-armonizzazzjoni tan-normi ta’ verifika fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-verifika finanzjarja nazzjonali għandhom ikunu ikkunsidrati ulterjorment mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Aktar minn hekk, ikun xieraq li l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali jkunu sensibilizzati aktar għat-temi ta’ kontroll tal-Parlament u b’mod partikolari l-Kumitat ta’ Kontroll tal-Baġit f’dak li jirrigwarda r-regolarità u l-kwalità tal-ġestjoni baġitarja. F’dan il-kuntest ukoll, il-Qorti tal-Awdituri tista’ tisfrutta bl-aħjar mod dak li jirriżulta lill-entitajiet ta’ verifika nazzjonali.
Huwa ċar li l-kooperazzjoni bejn l-organi nazzjonali ta’ verifika u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tista’ dejjem tkompli tissaħħaħ u forsi jkun rakkomandabbli, f’dan il-kuntest, li l-laqgħa fi ħdan il-Kumitat ta’ Kuntatt issir aktar minn darba fis-sena biex jiġu eżaminati l-problemi kollha fl-iqsar żmien possibbli.
Kwestjonijiet oħra
Lest li tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?
Iva, għaliex il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament tirrappreżenta waħda mill-kompiti l-aktar importanti ta’ membru tal-Qorti tal-Awdituri u n-nuqqas tagħha jippreġudika bażi pożittiva ta’ fiduċja bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u ma jiffavorix ħidma flimkien.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
13 4 6 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Andrea Češková, Jorgo Chatzimarkakis, Luigi de Magistris, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ville Itälä, Iliana Ivanova, Elisabeth Köstinger, Monica Luisa Macovei, Christel Schaldemose, Bart Staes, Georgios Stavrakakis |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zuzana Brzobohatá, Derk Jan Eppink, Christofer Fjellner, Monika Hohlmeier, Ivailo Kalfin, Marian-Jean Marinescu, Véronique Mathieu, Barbara Weiler |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Adam Gierek |
|||||