RAPPORT dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2012Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

4.3.2011 - (2011/2017(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: José Manuel Fernandes


Proċedura : 2011/2017(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0049/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2012,Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2011/2017(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1],

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[2],

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[3],

–    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 23(7) u 79 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0000/2011),

A.       billi s-sitwazzjoni finanzjarja, ekonomika u soċjali attwali tal-UE tobbliga lill-istituzzjonijiet jirreaġixxu bil-kwalità u l-effiċjenza meħtieġa u li jimpjegaw proċeduri ta' ġestjoni stretti sabiex jinkiseb l-iffrankar,

B.        billi l-istituzzjonijiet għandhom ikunu pprovduti b’riżorsi biżżejjed, għalkemm fil-kuntest ekonomiku attwali dawn ir-riżorsi għandhom jiġu ġestiti b’rigorożità u b’effiċjenza,

C.       billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu stess għall-Baġit 2012,

D.       billi huwa partikolarment mixtieq li l-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau jkomplu bil-kooperazzjoni msaħħa bejn iż-żewġ korpi għar-raba' sena fl-2012, matul il-proċedura baġitarja,

E.        billi, skont l-Artikolu 23 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, il-Bureau huwa responsabbli sabiex jieħu deċiżjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi dwar l-organizzazzjoni interna tal-Parlament u l-Kumitat għall-Baġits huwa responsabbli biex jistabbilixxi l-abbozz tal-estimi baġitarji tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura annwali;

F.        billi l-impatt tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-intestatura 5 għandu jistabilizza fl-2012, għalkemm, pereżempju, l-SEAE se jkollu impatt li għadu diffiċli biex jiġi kkwantifikat f'dan l-istadju,

G.       billi, bl-adeżjoni tal-Kroazja ppjanata għall-2013, it-tkabbir se jkollu impatt fuq il-baġit għall-2012, partikolarment fir-rigward tar-riżorsi għall-Membri l-ġodda u r-reklutaġġ tal-persunal,

H.       billi fis-snin li għaddew l-awtorità baġitarja qablet li tieħu approċċ prudenti dwar in-nefqa amministrattiva, biex b'hekk jitħalla marġini sinifikanti taħt il-limitu massimu tal-intestatura 5,

I.         billi l-limitu massimu għall-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) għall-baġit tal-UE fl-2012 huwa ta’ EUR 8 754 miljun (li jirrappreżenta żieda ta' EUR 340 miljun, jew 4%, meta mqabbel mal-2011, inkluż 2% għall-inflazzjoni),

J.         billi, fil-kapaċità tiegħu bħala kolegiżlatur, il-Parlament iddeċieda li jsib ekwilibriju raġonevoli bejn ir-riżorsi umani u l-kompetenzi ġodda tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (19.67% tat-total tal-intestatura 5 fl-2009, 19.99% fl-2010 u 20.03% fl-2011),

K.       billi huwa essenzjali li l-movimenti fl-infiq tal-intestatura 5 jkunu sorveljati matul l-2011, sabiex tinħoloq previżjoni adegwata għall-baġits li jmiss,

L.        billi permezz ta' deċiżjoni tal-24 ta' Marzu 2010, il-Bureau adotta strateġija dwar il-bini tal-Parlament fuq perjodu ta' żmien medju, li tistabbilixxi xi parametri fundamentali għall-politika tal-proprjetà tiegħu għall-ġejjieni; billi, bħala parti minn din l-istrateġija, il-Parlament iddeċieda li jkompli jagħti prijorità lix-xiri ta' bini (meta jkun raġonevoli), u jiffoka fuq il-konċentrazzjoni ġeografika fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu; billi ħlas bikri, bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta' finanzjament, jibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-ġejjieni,

Qafas ġenerali u prijoritajiet għall-Baġit 2012

1.        Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 5 għall-2012 u huwa kompletament konxju mill-fatt li l-istituzzjonijiet jistgħu jiltaqgħu ma’ problemi biex jirrikonċiljaw ir-rekwiżiti kollha ta' finanzjament filwaqt li jżommu d-dixxiplina baġitarja u l-awtokontroll sabiex ikun hemm konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali;

2.        Jistabbilixxi l-prinċipju ta' eċċellenza leġiżlattiva, bħala prijorità, biex tkun żgurata reazzjoni xierqa għall-isfidi politiċi attwali, li jirrikjedu l-konsolidazzjoni tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi indirizzat il-qafas istituzzjonali ġdid li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; hu tal-fehma li l-baġit tal-Parlament u tal-istituzzjonijiet l-oħra għall-2012 għandu jkun baġit ta' konsolidazzjoni, għaliex jista' jservi wkoll bħala referenza għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss;

3.        Jirrimarka li dan l-isforz għall-konsolidazzjoni m'għandux iwaqqaf l-investimenti (eż. fit-teknoloġija) li jwasslu għal frankar fit-tul fil-ġejjieni;

4.        Iqis bħala prijorità oħra l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba (l-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju), jiġifieri l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċità; hu tal-fehma li dawn il-prinċipji għandhom ikunu riflessi b’mod ċar, fl-ispirtu ta' responsabilità, fil-baġits tal-Parlament u tal-istituzzjonijiet l-oħra, kif ukoll fil-kulturi organizzattivi tagħhom; jemmen, għaldaqstant, li fl-implimentazzjoni tal-politiki varji għandhom jitqiesu r-riżultati miksuba u li l-ispejjeż varjabbli għandhom, kull meta jkun possibbli u meta l-iskala tagħhom tirrikjediha, jiġu soġġetti għal evalwazzjonijiet regolari tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji;

5.        Jemmen li, minħabba l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji, l-istituzzjonijiet għandhom jippreżentaw pjanijiet biex jitqaċċtu l-ispejjeż; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandhom jiġu eżaminati l-vantaġġi taċ-ċentralizzazzjoni, sabiex jinħolqu ekonomiji ta' skala (eż: akkwist ċentralizzat, servizzi konġunti bejn l-istituzzjonijiet), kif ukoll dak li għandu jibqa' jew jiġi deċentralizzat;

6.        Jemmen li l-preċiżjoni, is-sempliċità, iċ-ċarezza u t-trasparenza għandhom ikunu r-riżultat tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba; jitlob, f'dan ir-rigward, li titressaq organigramma għal kull istituzzjoni, flimkien mal-ispejjeż rispettivi ta' kull unità kostitwenti; jitlob, barra minn hekk, li kull spiża tkun speċifikata u ġustifikata b’mod ċar, b’distinzjoni ċara bejn l-ispejjeż fissi u varjabbli sabiex jitwettaq il-prinċipju ta' politika baġitarja b’bażi żero;

7.        Iqis li, sa mhux aktar tard mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-baġit tal-Parlament u l-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra għandhom ikunu r-riżultat ta' ppjanar pluriennali li jkopri t-tul tal-qafas;

8.         Jirrimarka li għandhom isiru t-tħejjijiet meħtieġa fil-livell interistituzzjonali sabiex ikun akkomodat il-persunal mill-Kroazja fil-prospettiva ta' tkabbir possibbli tal-UE;

9.        Hu tal-fehma li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom iressqu rapporti biannwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom, waqt li jagħtu dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ kull linja baġitarja;

10.      Hu tal-fehma li l-politika ambjentali u l-EMAS[5] għandhom ikunu parti mill-kulturi tal-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra u li, għal dan il-għan, għandhom jiġu ppreżentati miżuri għat-tnaqqis tal-konsum ta’ karti, enerġija, ilma u emissjonijiet;

11.      Itenni li l-kooperazzjoni interistituzzjonali, kull meta possibbli u xierqa, hi essenzjali sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki li jiffavorixxi l-effikaċità u jippermetti l-iffrankar; iqis li l-kooperazzjoni interistituzzjonali għandha tittejjeb fir-rigward tat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, ir-reklutaġġ (EPSO) u l-EMAS u għandha tiġi estiża għal oqsma oħra; jitlob li jkun hemm rieżami bir-reqqa tal-esternalizzazzjoni tat-traduzzjonijiet u r-rwol taċ-ċentru ta' traduzzjoni;

12.      Ifakkar fil-ħtieġa ta’ sistema integrata bis-sħiħ tal-ġestjoni tal-għerf; jilqa' l-informazzjoni pprovduta mill-Amministrazzjoni rigward is-sistema tal-ġestjoni tal-għerf; jitlob rapport ta' progress dwar l-għadd kbir ta' sorsi/sistemi ta' informazzjoni disponibbli għall-Membri; jitlob li jiġi stabbilit kalendarju ċar għat-tfassil ta' prototip; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida ta' politika dwar il-klassifikazzjoni u indiċjar; jirrikjedi informazzjoni dwar kif din is-sistema tista' ssir faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej;

13.      Jenfasizza li huwa importanti li l-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet l-oħra, b'mod partikolari l-Kummissjoni, jadottaw strateġija diġitali ambizzjuża u b'ambitu estensiv, b'mod partikolari fir-rigward tal-għodda tal-Web 2.0 u n-netwerks soċjali, sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha; iqis ukoll li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom jiżviluppaw strateġija ta' governanza elettronika; jitlob li t-teleworking jintuża kull fejn ikun xieraq; jitlob lill-Bureau jikkunsidra l-introduzzjoni ta' sistema 'cloud computing' biex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi tas-sistema informatika, jittejjeb ir-rendiment tagħha u tiġi introdotta mobilità ikbar fil-ħidma tal-Parlament;

14.      Jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji u tipi simili ta' analiżijiet tal-ispejjeż huma tal-akbar importanza għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjoni; jinsisti li dawn għandhom jintużaw b'mod sistematiku u għandhom jidentifikaw l-ispejjeż rikorrenti u ta' darba (i.e. spejjeż fissi u spejjeż varjabbli) li huma direttament marbuta ma' kull miżura speċifika;

15.      Jitlob li jsiru użu mir-riallokazzjoni tal-persunal u t-taħriġ mill-ġdid sabiex tissaħħaħ il-mobilità; jirrakkomanda li persunal ġdid jiġi reklutat biss wara li l-proċeduri interni ta' riallokazzjoni tal-persunal u ta' taħriġ ikunu fallew u fejn l-għażla ta' akkwist ta’ servizzi esterni ma tkunx xierqa;

16.      Hu tal-fehma li strateġija konġunta u koordinata għall-implimentazzjoni baġitarja għandha tkun miftiehma bejn l-istituzzjonijiet kollha affettwati mill-adeżjoni tal-Kroazja; jitlob li ssir stima tal-implikazzjonijiet għall-intestatura 5;

17.      Jemmen li l-istituzzjonijiet kollha għandu jkollhom politiki attivi kontra d-diskriminazzjoni u għandhom jadattaw u l-politiki tagħhom dwar il-bini u r-riżorsi umani sabiex jiżguraw aċċess iktar faċli għall-persuni b'diżabilità;

18.      Jenfasizza li, f'kuntest ta' kriżi ekonomika, il-piż tqil tad-dejn pubbliku u t-trażżin fi żminijet l-isforzi ta' konsolidazzjoni baġitarja nazzjonali li attwalment għaddejjin, il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom juru responsabilità baġitarja u awtokontroll;

Il-Parlament

19.      Hu tal-fehma li l-għan tal-Parlament għandu jkun l-iżvilupp ta' eċċellenza leġiżlattiva u li kull riżorsa meħtieġa għandha tkun disponibbli għal dan l-iskop, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti baġitarji;

20.      Jemmen li l-Parlament għandu juri responsabilità baġitarja u awtokontroll billi jibqa' qrib tar-rata ta' inflazzjoni; skont l-orjentament interistituzzjonali, il-ħtiġijiet relatati mat-tkabbir għandhom jiġu integrati jew permezz ta' ittra ta' emenda jew ta' baġit emendatorju; anke l-ħtiġijiet għal 18-il Membru tal-PE ġdid b'segwitu għat-Trattat ta' Lisbona se jiġu intergrati permezz ta' ittra ta' emenda jew ta' baġit emendatorju;

21..     Iqis li r-riżorsi għall-persunal addizzjonali allokati lill-Amministrazzjoni tal-Parlament biex taffronta l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Lisbona issa għandhom jidħlu f’fażi ta’ konsolidament; jinsisti li l-istrutturi organizzattivi għandhom ikunu tali li jrawmu l-ħolqien ta' sinerġiji billi jissejsu fuq il-kompetenza rispettiva tal-unitajiet speċjalizzati eżistenti;

22.      Jinnota li l-baġit tal-Parlament għall-2011 jammonta għal EUR 1 685 miljun, li jirrappreżenta 20.03% tal-intestatura 5;

23.      Jistenna li l-Bureau jippreżenta talbiet realistiċi meta jiġi biex jippreżenta l-estimi; jinsab lest li jeżamina l-proposti tiegħu bbażati għal kollox fuq il-ħtiġijiet u fuq bażi prudenti sabiex jiġi żgurat funzjonament xieraq u effiċjenti tal-istituzzjoni; jisħaq li l-għan tal-ittra ta' emenda ppreżentata mill-Bureau lill-Kumitat għall-Baġits f'Settembru hu li jitqiesu ħtiġijiet li ma kinux previsti fiż-żmien meta tfasslu l-estimi, u jisħaq fuq il-fatt li din m'għandhiex titqies bħala opportunità biex jiġġeddu l-estimi li dwarhom kien sar qbil qabel; skont l-orjentament interistituzzjonali, il-ħtiġijiet relatati mat-tkabbir għandhom jiġu integrati jew permezz ta' ittra ta' emenda jew ta' baġit emendatorju; anke l-ħtiġijiet għal 18-il Membru tal-PE ġdid b'segwitu għat-Trattat ta' Lisbona se jiġu intergrati permezz ta' ittra ta' emenda jew ta' baġit emendatorju;

24.      Jitlob ħarsa ġenerali dettaljata u ċara ta’ dawk il-punti baġitarji li ma kinux implimentati biżżejjed fl-2010 u jistenna bil-ħerqa li janalizza r-raġunijiet għal dan; jixtieq ukoll li jingħata rendikont tat-trasferimenti kollha li tħallew għas-sena ta’ wara u l-użu tagħhom fl-2010, kif ukoll aġġornament dwar id-dħul finali assenjat imqabbel mal-ammonti li ġew ibbaġitjati;

25.      Iqis li l-Membri għandhom jingħataw aċċess għal servizzi ta' kwalità sabiex ikunu jistgħu jwettqu dmirijithom fuq livell ta’ parità; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' trattament ugwali għall-Membri tan-nazzjonalitajiet u l-lingwi kollha fir-rigward tal-possibilità tagħhom li jwettqu dmirijithom u l-attività poltika li hi r-responsabilità tagħhom fil-lingwa tagħhom stess jekk huma hekk jridu; iħoss, pereżempju, li n-nuqqas ta' interpretazzjoni fil-laqgħat tal-kumitati hu inaċċettabbli; jemmen li hemm bżonn li l-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja soda japplika għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni wkoll;

26.      Hu wkoll tal-opinjoni li għandu jsir kull sforz sabiex tiżdied il-flessibbiltà fl-interpretazzjoni bħala pass kruċjali biex tiġi żgurata prassi tajba ta’ xogħol u jinnota li, f’ħafna każi, jistgħu jiġu evitati l-problemi u l-ħela finanzjarja jekk ikun hemm il-possibilità li jinbidlu l-lingwi bi preavviż qasir fuq il-bażi tal-attendenza attwali għall-laqgħat, iktar milli fuq il-bażi tal-attendenza ppjanata;

27.      Iħeġġeġ sabiex jiġi implimentat rieżami bir-reqqa dwar jekk id-dritt għal libertà ta' aċċess għaċ-ċittadini Ewropej biex jiltaqgħu mar-rappreżentanti Ewropej tagħhom jistax jitqabbel b'mod aktar effikaċi mal-ħtieġa urġenti li tiġi provduta sigurtà għal dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport ta' dan it-tip sat-30 ta' Ġunju 2011;

28.      Hu tal-fehma, kif diġà deċiż, li għandu jiġi implimentat servizz wifi li jiffunzjona bis-sħiħ sabiex jippermetti li jintlaħaq l-għan li jitnaqqas l-użu tal-karti; jikkunsidra li l-użu tal-vidjokonferenzi għal-laqgħat għandu jitħeġġeġ, kif ukoll l-użu ta' teknoloġiji ġodda li jirrispettaw l-ambjent; jitlob analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji ta' tali miżuri;

29.      Jinnota, f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika tal-bini, li l-Parlament qed jirsisti biex jirrazzjonalizza l-allokazzjoni tal-ispazju eżistenti tiegħu u biex jikseb iffrankar ta' flus u ekonomiji ta' skala; jieħu nota tal-fatt li l-proġett ta' estensjoni tal-KAD li jinsab attwalment għaddej, u li l-ispiża tiegħu hi stmata għal madwar EUR 549.6 miljun (skont il-prezzijiet tal-2016), se jippermetti l-konċentrazzjoni ġeografika tal-Amministrazzjoni tal-Parlament fil-Lussemburgu, u li l-bini l-ieħor li bħalissa qed jinkera fil-Lussemburgu gradwalment se jitbattal sabiex b'hekk ikun possibbli iffrankar sostanzjali ladarba l-proġett ikun finalizzat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-finanzjament ta' dan il-proġett ta' bini jista' jirrikjedi t-twaqqif ta' strutturi legali speċjalizzati (strument bi skopijiet speċjali), peress li r-Regolament Finanzjarju jipprojbixxi s-self dirett, u li l-iffrankar fl-ispejjeż jista' jinkiseb jekk dan il-proġett kellu jiġi ffinanzjat direttament mill-baġit jew permezz ta' self dirett, li juri biċ-ċar il-ħtieġa ta' aġġustamenti għar-Regolament Finanzjarju sabiex tkun garantita implimentazzjoni aktar trasparenti u aktar diretta tal-proġetti ta' bini fil-futur;

30.      Jilqa' d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bureau fl-24 ta' Marzu 2010; itenni t-talba tiegħu għall-iżvilupp ta' strateġija tal-bini fuq żmien medju u fit-tul; hu tal-fehma li din l-istrateġija għandha tkun intenzjonata biex tinstab l-aħjar soluzzjoni, waqt li jitqiesu l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u l-ħtieġa li jiġu vvalutati d-diversi għażliet u l-possibilitajiet ta' finanzjament alternattiv; jiġbed l-attenzjoni għall-proposta fid-deċiżjoni msemmija hawn fuq biex jintuża d-dħul assenjat mill-gvern Belġjan bħala investiment fl-infrastruttura għall-spazju għall-uffiċċji ġdid għall-assistenti tal-Membri tal-PE; jitlob informazzjoni addizzjonali dwar l-użu ta' dan id-dħul assenjat għat-tali skop, u informazzjoni ddettaljata dwar l-għażliet altarnattivi qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni;

31.      Jenfasizza l-bżonn ta' aktar informazzjoni dwar id-Dar tal-Istorja Ewropea; b'mod partikolari, jitlob li jiġi ppreżentat pjan kummerċjali dettaljat lill-Kumitat għall-Baġits ; itenni l-bżonn li jirċievi informazzjoni dwar il-kost globali ta' dan il-proġett kif ukoll l-implikazzjonijiet finanzjarji u legali futuri għall-PE u jitlob aktar informazzjoni dwar il-kompetizzjoni għad-disinn arkitettoniku li ilha għaddejja mill-2009; jenfasizza li d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-proġett huma suġġetti għall-proċedura parlamentari standard;

32.      Jemmen li, kif inhu l-każ għall-organizzazzjonijiet il-kbar kollha, xi kultant hemm bżonn ta' perspettiva esterna indipendenti dwar kif qed jintużaw ir-riżorsi u kif inhu organizzat ix-xogħol u li din tista’ tkun ta’ benefiċċju biss jekk tiġi trattata b’mod korrett; filwaqt li jenfasizza li istituzzjoni politika Ewropea bħal ma hu l-Parlament hija unika fin-natura tagħha, iqis li, fit-tul, għandha tingħata kunsiderazzjoni għat-twettiq ta’ tali analiżi esterna tal-organizzazzjoni u l-ġestjoni tiegħu; jemmen li fl-2012 xi setturi speċifiċi jistgħu jkunu identifikati u eżaminati b’dan il-mod;

33.      Jirrimarka li l-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Parlament hi importanti u għandha tilħaq liċ-ċittadini Ewropej kollha kif ukoll ittejjeb il-kapaċità taċ-ċittadini li jinteraġixxu direttament mal-Parlament, u għalhekk jitlob li r-riżultati miksuba permezz ta' din il-politika jiġu evalwati;

34.                 Jappoġġa l-isforzi kollha biex ikunu modernizzati s-sistemi informatiċi finanzjarji tal- Parlament;

35.      Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi kollha biex tiġi segwita politika tal-persunal aktar effikaċi u professjonali, inkluż ir-riallokazzjoni tal-persunal fi ħdan u bejn id-direttorati ġenerali;

36.      Iqis li l-azzjoni ta’ segwitu hi importanti fir-rigward ta' għadd ta' politiki b'implikazzjonijiet finanzjarji, bħall-EMAS, l-akkwist pubbliku u l-azzjoni meħuda bħala reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet għal kwittanza baġitarja; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm segwitu u analiżi kontinwi tal-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Parlament b'mod ġenerali;

37.      Hu mħasseb dwar il-proposta li tinħoloq Unità għall-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew sabiex jiġu kkalkulati l-kosts ta' nuqqas ta' intervent Ewropew; jiddubita l-ħtieġa ta' tali uffiċċju; jitlob informazzjoni aktar dettaljata dwar il-ħolqien ta' dan l-uffiċċju;

L-istituzzjonijiet oħrajn

38.      Jitlob għal rikjesti baġitarji realistiċi u bbażati fuq l-ispejjeż mill-istituzzjonijiet l-oħra li jqisu b'mod sħiħ il-ħtieġa li r-riżorsi skarsi jiġu ġestiti bl-aħjar mod possibbli; jilqa’ t-twaqqif tat-Taqsima X ġdida fil-baġit tal-UE dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, b’allokazzjoni ta’ EUR 464 miljun, u hu lest jeżamina l-bżonnijiet tas-SEAE fir-rigward kemm tal-proprjetà immobbli u l-persunal u hu determinat li jissorvelja mill-qrib l-impatt tiegħu fuq l-intestatura 5, peress li l-ħolqien tas-servizz kien maħsub li se jkun effett newtrali fuq il-baġit; mhuwiex lest jipperikola l-bżonnijiet tal-istituzzjonijiet eżistenti;

39.      Jemmen li t-twaqqif tat-Taqsima X ġdida fil-baġit tal-UE għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jissodisfa l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tiġi pprovduta b'qafas istituzzjonali li, flimkien mad-dispożizzjonijiet PESK/PSDK il-ġodda, tista' ssostni l-ambizzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-politika barranija;

****

40.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
  • [2]  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
  • [3]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [4]  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
  • [5]  Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar tal-ambjent u verifika (EMAS) (ĠU L 114, 24.4.5001, p. 1)

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Francesca Balzani, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Ivailo Kalfin, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Miguel Portas, Dominique Riquet, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Frédéric Daerden, María Muñiz De Urquiza, Peter Šťastný

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Jolanta Emilia Hibner, Elisabeth Jeggle, Maria do Céu Patrão Neves, Nuno Teixeira, Jarosław Leszek Wałęsa