RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011

    7.3.2011 - (COM(2010)0142 – C7-0135/2010 – 2010/0140(COD)) - ***I

    Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
    Rapporteur: Helmut Scholz

    Proċedura : 2010/0140(COD)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0051/2011
    Testi mressqa :
    A7-0051/2011
    Testi adottati :

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011

    (COM(2010)0142 – C7-0135/2010 – 2010/0140(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0142),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0135/2010),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0051/2011),

    1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jagħmel tiegħu l-proposta tal-Kummissjoni;

    2.  Jistieden lill-Kummissjoni tirreferi l-kwestjoni lill-Parlament mill-ġdid jekk għandha l-ħsieb temenda l-proposta tagħha b’mod sostanzjali jew tissostitwiha b’test ieħor;

    3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Regolament ġdid li jkun japplika skema ta' ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati mingħajr ebda dewmien;

    4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Fl-1968, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) irrakkomandat il-ħolqien ta’ “Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi” (GSP) li permezz tagħha l-pajjiżi industrijalizzati setgħu jagħtu preferenzi ta’ kummerċ lill-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw fuq bażi ta’ non-reċiproċità, u mhux biss lill-ex-kolonji.

    Il-Komunità Ewropea kienet l-ewwel li implimentat skema GSP fl-1971. Minn mindu nħolqot, il-GSP kienet wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-politika tal-kummerċ u l-iżvilupp imħaddna mill-UE biex tassisti lill-pajjiżi qed jiżviluppaw jirriduċu l-faqar billi jiġġeneraw id-dħul permezz tal-kummerċ internazzjonali. Hija l-aktar sistema użat minn tali pajjiżi żviluppati.

    Il-GSP tal-UE tagħti lill-prodotti importati mill-pajjiżi benefiċjarji tal-GSP jew aċċess mingħajr dazji jew tnaqqis fit-tariffi, skont liema fost l-arranġamenti GSP ikun igawdi minnu l-pajjiż li jkun.

    Hemm tliet tipi ta’ arranġamenti fis-seħħ għall-pajjiżi benefiċjarji:

    1) il-pajjiżi benefiċjarji kollha jgawdu l-benefiċċju tal-arranġament ġenerali;

    2) l-arranġament speċjali ta’ inċentiv għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (il-“GSP+”) li jagħti benefiċċji addizzjonali għall-pajjiżi li jirratifikaw u jimplimentaw elenku ta' (bħalissa) 27 konvenzjoni u protokolli internazzjonali dwar il-jeddijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ambjent, id-drogi u t-taqbida kontra l-korruzzjoni;

    3) l-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDC) magħruf ukoll bħala l-inizjattiva “Everything But Arms” (“Kollox Barra l-Armi” – EBA), li jagħti l-aktar trattament favorevoli fosthom kollha, billi jagħti lill-LDC aċċess ħieles mid-dazji u mill-kwoti għas-suq tal-UE.

    Kalendarju

    Il-GSP huwa implimentat permezz ta’ Regolamenti suċċessivi b’perijodu ta’ applikazzjoni ta’ tliet snin kull darba. L-ewwel regolament ta’ implimentazzjoni pluriennali kienu validu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2008. It-tieni huwa validu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    Fl-2008, il-proposta għar-regolament fis-seħħ dan il-mument ġiet riferita lill-Parlament skont il-proċedura ta' konsultazzjoni. Id-dispożizzjonijiet bażilari tar-Regolament preċedenti tal-GSP baqgħu ma nbidlux imma kellhom ikunu rieżaminati ħalli jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-iskema.

    B’xorti ħażina, u kuntrarjament għax-xewqat espressi mill-Parlament, il-Kummissjoni ma ttrażmettitx il-proposta tagħha biżżejjed minn qabel (sal-1 ta' Ġunju 2007) b'mod li tippermetti lill-Parlament Ewropew ikun ikkonsultati bis-sħiħ fi żmiem raġonevoli. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha fil-21 ta’ Diċmebru 2007 biss. Fil-31 ta’ Jannar 2008 il-Kunsill talab lill-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu qabel l-10 ta’ April. Għalhekk, il-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew kien mgħaġġel wisq.

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008, il-Parlament għamilha ċara li dan ma kienx biżżejjed, u li fil-futur kien jeħtieġ aktar żmien biex il-Parlament ikun jista’ jiżvolġi r-rwol tiegħu u talab li “Il-proposta għal regolamentazzjoni riveduta li tkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-31 ta' Diċembru 2014 għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa l-1 ta' Ġunju 2010.”

    L-iskema ta’ bħalissa se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Fis-26 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta.

    Proroga

    B’danakollu, din il-proposta ma hijiex il-proposta rikjesta għal regolament ġdid, imma biss proroga ta’ dik eżistenti.

    Bil-għan li titħejja proposta ġdida, kien biss f’Marzu 2010 li l-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni pubblika. Ir-riżultati kellhom jiġu eżaminati, l-istatistika kellha tinġabar u l-istudju għall-valutazzjoni tal-impatt kellu jsir.

    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-proroga hija neċessarja billi l-perijodu rimanenti ta’ applikazzjoni tar-Regolament GSP ma huwiex biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni daħħal proposta għal regolament ġdid u għall-Parlament u l-Kunsill biex jilħqu qbil dwar regolament suċċessur permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja qabel ma jiskadi r-Regolament GSP ta' bħalissa.

    Ir-Rapporteur jista’ jaqbel li din il-proroga hija neċessarja ħalli tiżgura ċ-ċertezza tad-Dritt u tiggarantixxi l-interessi kemm tal-UE kemm tal-pajjiżi benefiċjarji. B’danakollu, ir-Rapporteur jisħaq li l-proroga ma għandhiex timplika li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa – li hija ferm insodisfaċenti - tkun prorogata għal sentejn oħra.

    It-Trattat ta' Lisbona

    Billi hija estensjoni, il-proposta, għad illi ġiet ppubblikat ħafna wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-proposta ma qisitx il-proċeduri ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif rikjest mit-Trattat li saħħaħ is-setgħat tal-Parlament Ewropew fi kwestjonijiet ta’ kummerċ.

    Ir-regolament ta’ bħalissa jiskadi fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Bil-proroga proposta, is-sitwazzjoni tissokta għal sentejn oħra, sal-31 ta’ Diċembru 2013, erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

    Skont ir-regolament ta’ bħalissa, il-Parlament m'għandux vuċi inkapitlu dwar il-kriterji għall-eliġibilità, fl-elenku tal-pajjiżi benefiċjarji, fl-elenku tal-benefiċjarji GSP+, dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet, fl-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali, eċċ.

    Fil-fatt, huwa d-dover tal-Membri tal-Parlament li jiżguraw li l-jeddijiet u s-setgħat li r-rappreżentanti eletti tal-poplu tal-Unjoni Ewropea kisbu bit-Trattat ta’ Lisbona jkunu rispettati.

    Skont it-termini tal-Artikolu 207(2) TFUE, il-proċedura għall-adozzjoni u l-emendar tar-Regolament GSP issa hija l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li għandha konsegwenzi għall-jeddijiet li l-Parlament għandu jgawdi fil-kontroll demokratiku tar-Regolament.

    Ir-Rapporteur huwa tal-fehma li hemm elementi tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 li huwa neċessarju li jkunu emendati ħalli jkunu rispettati l-poteri l-ġodda miksubin mill-Parlament permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari ħalli jkun żgurat li l-poteri l-ġodda tal-Parlament skont it-termini tal-Artikolu 290 TFUE dwar l-atti delegati jkunu rispettati. Fil-fatt, ir-Rapporteur jidetifika l-miżuri skont ir-Regolament GSP li għandhom jitqiesu bħala atti delegati. L-Artikoli 10(2), 11(7) u (8), 16(3), 19(3), (4) u (5), u 25 jagħtu lill-Parlament il-jedd tal-veto, u għalhekk setgħat ferm isħaħ ta' skrutinju milli għandu skont il-proċedura li hija applikata bħalissa.

    Bl-iskop li jsiru regoli għall-eżeċizzju, il-kontroll u l-possibbli revoka tal-atti delegati, għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 27a, 27b, 27c, 27d u 27e.

    Minħabba fl-urġenza tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, biex tkun żgurata ċ-ċertezza ġuridika għall-benefiċjarji, u biex jiġu evitati negozjati paralleli, b'danakollu ġie miftiehem li t-tħassib tal-Parlament Ewropew jiġi indirizzat fin-negozjati dwar il-proposti leġiżlattivi orizzonatli ħalli jiġu allinjati l-proċeduri kollha għall-adozzjoni tal-atti fi ħdan il-Politika Kummerċjali Komuni mat-Trattat ta’ Lizbona, l-“omnibuses”. Sadattant, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tissodisfa t-talbiet leġittimi għal aktar kondiviżjoni ta’ tagħrif mal-Parlament Ewropew.

    Regolament ġdid

    L-ebda bidla oħra għalhekk ma hija proposta bħalissa minkejja li r-Rapporteur jemmen li redazzjoni ġenerali mill-ġdid tal-iskemi GSP u GSP+ hija neċessarja.

    Ir-Rapporteur jaqbel li fil-proposta għar-Regolament il-ġdid għandu jsir rieżami tar-Regolament li l-Parlament irid li jingħata mingħajr dewmien.

    B’danakollu, ir-Rapporteur jixtieq jisħaq li l-proposta l-ġdida għal regolament kien imessha mxiet mal-objettivi bażiċi li ġejjin: (1) il-produzzjoni ta’ sistema effettiva li tkun aktar responsiva għall-interessi tal-pajjiżi benefiċjarji u l-operaturi ekonomiċi; (2) l-iżvilupp ta’ regoli li jagħtu proċess ra’ riforma li jkun irregolat aħjar li bih i—koinvolġiment tal-benefiċjarji jkun iggarantit; (3) l-iżgurar li r-regolament jagħti l-piż dovut lill-kompitu tal-kontroll demokratiku li l-Parlament ikun mitlub iwettaq.

    Kif sottolinjat mill-Parlament Ewropew fl-2008 fir-rapport ta’ Helmuth Markov, l-UE għandu jkollha bħala karatteristika distintiva tagħha trasparenza akbar u aktar ċertezza tad-Dritt. Il-proposta l-ġdida għandha timmira li tagħmel il-GSP sistema aktar ċara u aktar trasparenti.

    Regoli tal-oriġini

    Ir-regoli tal-oriġini u l-proċeduri amministrattivi li jakkumpanjawhom huma waħda mir-raġunijiet għas-sottoutilizz tal-preferenzi tal-kummerċ ikkonferiti mill-GSP, b’mod partikolari min-naħa tal-pajjiżi l-anqas żviluppati. Ir-regoli tal-oriġini jistgħu jipprevjenu li preferenza li tkun teżisti fuq il-karta jkollha impatt pożittiv u l-periklu li jistgħu jifformaw xkiel għall-kummerċ bil-ħolqien ta' objettivi li ma jistgħux jintlaħqu kummerċjalment, u b'hekk jiġri li l-preferenza tibqa' jew sottoutilizzata jew saħansitra mhux utilizzata.

    Għandhom jidħlu fis-seħħ regoli ġodda, riveduti tal-oriġini mill-anqas b’mod parallel għall-iskema l-ġdida tal-GSP.

    Ir-riforma għandha tippermetti l-kumulazzjoni reġjonali u għandha tinkludi wkoll il-possibilità tal-kumulazzjoni orizzontali bejn ir-reġjuni jew il-kumulazzjoni globali għall-pajjiżi li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċjali skont il-GSP. Fuq l-istess linji, għandha titqies l-introduzzjoni ta’ regoli aktar favorevoli dwar ir-rekwiżiti għall-konferiment tar-rikonoxximent tal-oriġini ta’ prodott. Qiegħed jiġi propost li l-Unjoni Ewropea tleħħen ix-xewqa tagħha li tagħti prijorità lill-GSP fil-kuntest tal-ħidma li qed issir fid-WTO dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-oriġini.

    Liema pajjiżi huma rikoperti

    Liema pajjiżi huma rikoperti kien is-suġġett tal-kritika kemm mill-pajjiżi benefiċarji kemm mill-NGOs, kif ukoll mir-riċerkaturi. Bosta drabi, għandna sitwazzjoni fejn il-pajjiżi l-foqra b’ekonomiji diversifikati jisfaw immedjatament esklużi mill-aktar skemi vantaġġjużi.

    Il-limitu minimu fuq l-importazzjoni għandu jkun sostitwit bi kriterji oħrajn li jkunu aktar sempliċi u b’mod partikolari aktar marbutin b’mod dirett mal-livell ta’ żvilupp (il-koeffiċjent Gini huwa eżempju tajjeb ta’ tali kriterji). Il-pajjiżi li jistgħu jibbenefikaw l-aktar mill-preferenzi fit-tariffi ħafna drabi huma dawk li ma jgħaddux mit-test tal-vulnerabilità neċessarju biex ikunu eliġibbli għall-GSP+.

    Barra minhekk, u biex ikun prevenut it-tnaqqir tal-preferenzi, l-opzjonijiet għat-trasferiment tal-prodotti li bħalissa huma kklassifikati bħala “sensittivi” għall-kategorija “non-sensittivi” għandhom ikunu vvalutati għar-regolament li jmiss.

    Assistenza teknika

    Ir-Rapporteur jemmen li hu neċessarju li jiżdied l-impatt tas-sistema preżenti u tittejjeb ir-rata tal-utilizz tal-GSP permezz tal-għoti tal-assistenza teknika mfassla b’mod speċifiku għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali u regolatorja rikjesta biex ikun permess lill-pajjiżi li l-aktar jeħtieġu jibbenefikaw għall-massimu mill-kummerċ internazzjonali u mill-GSP.

    L-assistenza tista’ tingħata, ngħidu aħna, fil-forma ta’ programmi ta’ ġemellaġġ, li jgħinu lill-benefiċjarji tal-GSP+ fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali rikjesta minn dan l-arranġament tal-inċentiv u l-impennji tagħhom.

    Il-Kummissjoni għandha tfittex attivament li tivverifika li dawn l-impennji jitwettqu. Għandha tiftaħ b’mod awtomatiku inkjesta f’kull każ fejn il-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards jiddedika “Paragrafu speċjali” għal pajjiż benefiċjarju li ma jkunx ottemperanti mal-istandards fundamentali tax-xogħol. L-inkjesti għandhom dejjem jinkludu l-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imseħbin soċjali, tal-pajjiż rispettiv.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (10.11.2010)

    għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011
    (COM(2010)0142 – C7‑0135/2010 – 2010/0140(COD))

    Rapporteur għal opinjoni: Eva Joly

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    SPĠ

    Is-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE hija mekkaniżmu tal-kummerċ li jippermetti lill-UE li toffri aċċess għas-suq preferenzjali mhux reċiproku lil pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ tariffi mnaqqsa.

    Flimkien ma’ aċċess tas-SPĠ ‘standard’, miftuħ għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, numru minnhom jikkwalifika għal SPĠ+. Dan ifisser tnaqqis fit-tariffi addizzjonali għal pajjiżi li qed jiżviluppaw li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

    Il-vulnerabilità/dipendenza tal-kriterji tal-eliġibilità tas-SPĠ – fejn il-ħames l-akbar esportazzjonijiet tal-UE koperti mis-SPĠ tal-pajjiż jiffurmaw aktar minn tliet kwarti tal-esportazzjonijiet tas-SPĠ totali tiegħu – u fejn l-esportazzjonijiet tal-UE koperti mis-SPĠ tal-pajjiż jirrappreżentaw anqas minn 1% tal-importazzjonijiet tas-SPĠ totali tal-UE. Il-benefiċjarji SPĠ+ iridu wkoll ikunu rratifikaw u implimentaw xi 27 konvenzjoni internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards tax-xogħol bażiċi, tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba. Meta pajjiż ma jirnexxilux jissodisfa dawn il-kriterji, is-SPĠ+ tista’ tiġi sospiża.

    Id-49 pajjiż l-anqas żviluppati kollha huma eliġibbli għall-iskema Kollox ħlief Armi li toffrilhom aċċess għas-suq tal-UE mingħajr dazju u ħieles mill-kwota għall-esportazzjonijiet kollha.

    Il-perjodu ta’ żmien

    L-iskema SPĠ attwali ġiet stabbilita taħt ir-Regolament tal-Kunsill KE 732/2008. Din tiskadi fl-aħħar tal-2011, li wara s-SPĠ taqa' sakemm ma titwaqqafx skema li sservi ta’ sostitut.

    Il-Kummissjoni tistenna li tressaq proposta ġdida fil-bidu tal-2011, li jfisser li s-sostituzzjoni tal-iskema SPĠ tidħol biss fis-seħħ f’nofs l-2012 l-aktar kmieni, jiġifieri perjodu bla effett legali ta’ aktar minn sitt xhur.

    Għalhekk, il-proposta attwali tfittex li testendi l-iskema tas-SPĠ eżistenti għal massimu ta’ sentejn oħra sakemm isir il-ħin li r-Regolament il-ġdid jidħol fis-seħħ.

    Ir-rapporteur tagħkom huwa tal-opinjoni li din is-soluzzjoni mhijiex ideali – li jfisser li l-PE għandu awtorità fuq l-iskema erba’ snin biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, huwa approċċ sodisfaċenti billi jneħħi nuqqas ta’ kontinwità mhux mixtieqa fil-programm SPĠ. Ovvjament ifisser li jkun ta’ ħsara għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jekk ikunu obbligati li jmorru lura għat-tariffi tal-MFN tal-UE u jieqfu jgawdu minn trattament preferenzjali, għalkemm b’mod temporanju.

    Għalkemm intqal dan, huwa importanti li l-Kummissjoni tagħmel il-proposta tas-SPĠ l-ġdida fl-inqas żmien possibbli u li l-proċedura leġiżlattiva tiġi konkluża bl-għaġġla kemm jista’ jkun. Madankollu, l-iskema tas-SPĠ l-ġdida, b’differenza għall-preċedessur tiegħu, se tiġi kodeċiża mill-Kunsill u l-Parlament; Il-pressjoni taż-żmien m’għandhiex titħalla tfixkel il-prerogattivi demokratiċi tal-Parlament. Il-Parlament irid jagħmel użu mis-setgħat post-Lisbona l-ġodda fil-qasam tal-kummerċ.

    Il-proposta attwali

    Reviżjoni aktar sostanzjali tal-iskema tas-SPĠ hija possibbli meta r-Regolament tas-SPĠ l-ġdid jitfassal is-sena d-dieħla. Ir-rapporteur tagħkom ressaq madankollu numru ta’ emendi għar-Regolament tas-SPĠ kif inhu.

    L-ewwel u qabel kollox, il-prinċipju ta’ trattament preferenzjali u differenzjali fejn huma kkonċernati r-relazzjonijiet tal-kummerċ tagħna ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa wieħed ewlieni. Is-sehem tal-esportazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-importazzjonijiet globali tal-UE huma negliġibbli. Madankollu, il-preferenzi tal-kummerċ jagħtuhom il-possibilità li jinfirdu miċ-ċirku vizzjuż ta’ dipendenza fuq l-għajnuna. Il-proposti biex jersqu lejn relazzjonijiet tal-kummerċ UE-pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq l-istess livell, meta l-kapaċità attwali u l-vantaġġi komparattivi tal-UE huma ferm superjuri, mhumiex realistiċi.

    L-Artikolu 208 tat-Trattat ta’ Lisbona jobbliga ovvjament lill-UE biex “tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.” Dan ifisser impenn mill-UE biex tevita għażliet tal-politika li jfixklu l-ħidma tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp u, verament, biex tieħu azzjonijiet, mal-ispektrum kollu tal-politika, li jkunu ta’ benefiċċju għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan japplika par excellence għall-kummerċ.

    Huwa wkoll essenzjali li l-Kummissjoni, taħt l-iskrutinju tal-Parlament, timmoniterja mill-qrib u b’mod riġidu l-aderenza li għaddejja tal-pajjiżi benefiċjarji mal-kriterji li jagħmluhom eliġibbli għas-SPĠ+.

    Il-Kummissjoni attwalment qed tagħmel Evalwazzjoni tal-Impatt Sostenibbli (SIA) għas-SPĠ. Il-Parlament għandu jsaqsi lill-Kummissjoni biex tinfurmah dwar it-termini ta’ referenza, ir-riżultati u l-lezzjonijiet mgħallma minn din l-evalwazzjoni, kif ukoll l-intenzjonijiet futuri tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-SIA skont l-iskema tas-SPĠ l-ġdida.

    Ir-Rapporteur tagħkom jemmen sew fil-bżonn ta’ sistema ta’ kummerċ globali bbażata fuq l-etika, id-demokrazija u t-trasparenza mhux biss tal-profitt, sistema li tibbenefika lis-soċjetà fit-totalità tagħha u mhux biss lil numru limitat ta’ negozji. Ir-rispett ta’ standards miftiehma b’mod internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza huwa element vitali tas-SGP+, wieħed li jaf verament ikollu bżonn jiġi ssikkat fil-futur. Għalhekk, is-superviżjoni mill-qrib tas-setturi bħal ma huma tas-sajd, tal-forestrija u tal-minjieri, biex jissemmew ftit, kif ukoll tat-trattament tan-nisa u l-minoritajiet fir-rigward tal-aċċess għas-swieq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol hija estremament neċessarja.

    Fl-interessi tad-demokrazija u t-trasparenza, huwa wkoll importanti li kwalunkwe konsultazzjoni ma’ pajjiżi benefiċjarji rigward ir-rispett li jinsab bħalissa tal-kriterji tas-SPĠ+ tinkludi djalogu mal-parlamenti nazzjonali u l-atturi tas-soċjetà ċivili lokali.

    EMENDI

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jitlob lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora fir-rapport tiegħu l-emendi li ġejjin:

    Emenda  1

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 1 a (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Premessa 2 a (ġdida)

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (1a) Iddaħħlet premessa ġdida wara Premessa 2:

     

    (2a) L-UE hija obbligata li tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp fil-politiki li timplimenta li probabilment jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk l-iskema tas-SPĠ trid tikkontribwixxi għall-objettivi tal-iżvilupp tal-UE inkluż il-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

    Emenda  2

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 1 a (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 5 - paragrafu 2

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (1a) L-Artikolu 5(2) inbidel b’dan li ġej:

     

    “Għall-finijiet tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2), ir-regoli tal-oriġini, li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti oriġinanti, il-proċeduri u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati magħhom, għandhom ikunu dawk stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Il-forma, is-sustanza u l-proċeduri tas-sistema ta’ regoli ta’ oriġini għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni regolari sabiex jiġi evalwat l-effett tagħha fuq ir-rati ta’ użu tas-SPĠ biex jaqdi aħjar ir-raġuni tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku."

    Emenda 3

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 10

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    (4) Fl-Artikolu 10(3), il-punt ta' waqfa fl-aħħar tal-punt (b) jinbidel b'semicolon, u jiżdied dan li ġej wara l-punt (b):

    (4) L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

     

    (a) L-Artikolu 10(1) inbidel b’dan li ġej:

     

    1. Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba akkumpanjata bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2). Waqt li tkun qed teżamina t-talba, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tas-sejbiet ta’ l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali rilevanti. Hija tista’ titlob lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba kwalunkwe mistoqsija li hija tqis rilevanti u tista’ tivverifika l-informazzjoni li taslilha mal-pajjiż li qed jagħmel it-talba jew ma’ kwalunkwe sors ieħor rilevanti, inklużi l-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bħal ma huma l-imsieħba soċjali.”

     

    (b) F’paragrafu  3, il-punt ta' waqfa fl-aħħar tal-punt (b) jinbidel b'semicolon, u jiżdied dan li ġej wara l-punt (b):

    "or

    or

    (c) sal- 15 ta' Diċembru 2011, għal talba skont l-Artikolu 9(1)(a)(iii),

    (c) sal- 15 ta' Diċembru 2011, għal talba skont l-Artikolu 9(1)(a)(iii),

    or

    or

    (d) sal-15 ta' Ġunju 2013 għal talba skont l-Artikolu 9(1)(a)(iv)."

    (d) sal-15 ta' Ġunju 2013 għal talba skont l-Artikolu 9(1)(a)(iv)."

    Emenda  4

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 a (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 10 a (ġdid)

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4a) Iddaħħal artikolu ġdid wara l-Artikolu 10:

     

    Artikolu 10a

     

    "Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat tal-Evalwazzjonijiet tal-Impatt Sostenibbli kollha li saru skont is-SPĠ.”;

    Emenda  5

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 b (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 17 – paragrafu-1 (ġdid)

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4b) Fl-Artikolu 17, jiddaħħal paragrafu ġdid qabel il-Punt 1:

     

    "-1. Il-Kummissjoni għandha tiċċekkja b’mod regolari li l-impenji tal-pajjiżi benefiċjarji jiġu onorati u li ma tapplika l-ebda minn dawn ir-raġunijiet stipulati fl-Artikoli 15(1) u (2) u fl-Artikoli 16 (1) u (2) għall-irtirar temporanju ta’ arranġamenti preferenzjali. Hija għandha tippubblika rapport annwali dwar l-irtirar temporanju u tressqu quddiem il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri.”

    Emenda  6

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 c (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 18 - paragrafu 3

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4c) L-Artikolu 18(3) għandu jiġi emendat kif ġej:

     

    "3. Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis neċessarja, inklużi l-evalwazzjonijiet, il-kummenti, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet disponibbli tal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u tal-korpi rilevanti ta’ sorveljanza tan-NU, tal-ILO u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħra. Dawn għandhom iservu bħala punt ta’ tluq għall-investigazzjoni dwar jekk l-irtirar temporanju huwiex iġġustifikat għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a). Il-Kummissjoni tista’ tivverifika l-informazzjoni tkun irċeviet ma’ operaturi ekonomiċi, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji u l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat.

    Emenda  7

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 a (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 18 - paragrafu 3

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4a) L-Artikolu 18(3) inbidel b’dan li ġej:

     

    3. Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis neċessarja, inklużi l-evalwazzjonijiet, il-kummenti, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet disponibbli tal-korpi rilevanti ta’ sorveljanza tan-NU, l-ILO u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti l-oħra. Dawn għandhom isiru pubbliċi, fl-interessi ta’ trasparenza, u għandhom iservu bħala punt ta’ tluq għall-investigazzjoni dwar jekk l-irtirar temporanju huwiex iġġustifikat għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a). Il-Kummissjoni tista’ tivverifika l-informazzjoni li tkun irċeviet ma’ operaturi ekonomiċi u l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat.”

    Emenda  8

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 a (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 19 - paragrafu 1

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4a) L-Artikolu 19(1) inbidel b’dan li ġej:

     

    “1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 27 u lill-Parlament Ewropew.”

    Emenda  9

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 b (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 19 - paragrafu 4

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4b) L-Artikolu 19(4) inbidel b’dan li ġej:

     

    “4. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li jinħtieġ irtirar temporanju, hija għandha tippreżenta – wara li tkun infurmat lill-Parlament Ewropew - proposta xierqa lill-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwarha fi żmien xahrejn permezz ta’ maġġoranza kwalifikata. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha fi tmiem il-perijodu msemmi f’dak il-paragrafu.”

    Emenda  10

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 c (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 20 - paragrafu 7

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4c) L-Artikolu 20(7) inbidel b’dan li ġej:

     

    “7. Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali li jirrikjedu azzjoni immedjata jagħmlu investigazzjoni impossibbli, il-Kummissjoni tista’, wara li tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 u lill-Parlament Ewropew, tieħu kwalunkwe miżura preventiva li hija strettament meħtieġa.”

    Emenda  11

    Proposta għal regolament – att li jemenda

    Artikolu 1 – punt 4 c (ġdid)

    Regolament (KE) Nru 732/2008

    Artikolu 22 - paragrafu 1

     

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

     

    (4d) L-Artikolu 22(1) inbidel b’dan li ġej:

     

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż benefiċjarju kkonċernat malajr kemm jista’ jkun bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 20 jew 21 qabel ma din issir effettiva. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika wkoll lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri dwar dan.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011

    Referenzi

    COM(2010)0142 – C7-0135/2010 – 2010/0140(COD)

    Kumitat responsabbli

    INTA

    Opinjoni(jiet) mogħtija minn

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    DEVE

    15.6.2010

     

     

     

    Rapporteur għal opinjoni

           Data tal-ħatra

    Eva Joly

    22.6.2010

     

     

    Data tal-adozzjoni

    9.11.2010

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    20

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Thijs Berman, Corina Creţu, Nirj Deva, Charles Goerens, Catherine Grèze, András Gyürk, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Judith Sargentini

    PROĊEDURA

    Titolu

    Preferenzi tariffarji ġeneralizzati

    Referenzi

    COM(2010)0142 – C7-0135/2010 – 2010/0140(COD)

    Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

    26.5.2010

    Kumitat responsabbli

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    INTA

    15.6.2010

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    DEVE

    15.6.2010

     

     

     

    Rapporteur(s)

           Data tal-ħatra

    Helmut Scholz

    1.6.2010

     

     

    Eżami fil-kumitat

    2.12.2010

     

     

     

    Data tal-adozzjoni

    3.3.2011

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    22

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Metin Kazak, David Martin, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Keith Taylor, Paweł Zalewski

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Elisabeth Köstinger, Georgios Papastamkos, Carl Schlyter, Jarosław Leszek Wałęsa

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Derk Jan Eppink, Eider Gardiazábal Rubial, Kartika Tamara Liotard, Bart Staes

    Data tat-tressiq

    7.3.2011