RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja)
17.3.2011 - (COM(2011)0062 – C7‑0056/2011 – 2011/2045(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja)
(COM(2011)0062– C7‑0056/2011– 2011/2045(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0062– C7‑0056/2011),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0059/2011),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-ambitu tal-FEAG twessa’ temporanjament għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,
D. billi l-Polonja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 594 sensja (li 200 minnhom qegħdin fil-mira ta' għajnuna) fi tliet intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28, Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' makkinarju u tagħmir) fir-reġjun NUTS II ta' Podkarpackie fil-Polonja;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li bdiet titħaddem mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-PE għar-rilaxx aċċellerat tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-FEAG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-Fond; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżamijiet imminenti tal-Fond;
2. Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ġew issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol li jista' jwettaq il-FEAG biex il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jitlob, madankollu, li ssir evalwazzjoni dwar l-integrazzjoni fiż-żmien twil ta' dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol bħala riżultat dirett tal-miżuri ffinanzjati mill-FEAG;
3. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;
4. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta valutazzjoni kumparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali;
5. Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 fil-linja baġitarja tal-FEAG 04 05 01; ifakkar li l-FEAG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi diversi tal-politika;
6 Japprova d-deċiżjoni mehmuża ma' din il-riżoluzzjoni;
7 Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1], u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[3],
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) Il-Polonja bagħtet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG fir-rigward ta' sensji fi tliet intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28, Reviżjoni 2 tan-NACE ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir") fir-reġjun NUTS II ta' Podkarpackie (PL32) fis-27 ta' April 2010 u ssupplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-4 ta' Awwissu 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 453 570.
(5) IL-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 453 570 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Sfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, mislut minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta’ qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.
Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trilogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trilogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.
II. Is-sitwazzjoni attwali: Il-proposta tal-Kummissjoni
Fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG favur il-Polonja sabiex il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
Din hija l-ewwel applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2011 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta’ ammont totali ta' EUR 453 570 mill-FEAG għall-Polonja. Tikkonċerna 594 sensja (li 200 minnhom qegħdin fil-mira ta’ għajnuna) li seħħew fi tliet impriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28, Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' makkinarju u tagħmir) fir-reġjun NUTS II ta' Podkarpackie fil-Polonja, matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Marzu 2009 sal-1 ta' Marzu 2010.
Din l-applikazzjoni, li tirrigwarda l-każ EGF/2010/013 PL/makkinarju ta' Podkarpackie mill-Polonja, tressqet lill-Kummissjoni fis-27 ta’ April 2010 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sal-4 ta' Awwissu 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEAG, li jirrikjedi li jkun hemm tal-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa’ xhur f'impriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru – u tressqet sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (l-Artikolu 5 tar-Regolament).
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura mhux prevista tas-sensji kkonċernati, id-dimostrazzjoni ta' għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2 (b), l-ispjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawn is-sensji, l-identifikazzjoni ta' intrapriżi li kellhom ikeċċu ħaddiema u ħaddiema fil-mira għall-għajnuna, il-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati nbdew jew huwa ppjanat li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, l-immaniġġjar u s-sistemi ta' kontroll.
Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-FEAG u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-applikazzjoni.
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment (DEC 01/2011) għal ammont globali ta' EUR 453 570 mir-riżerva tal-FEAG (40 02 43) f’impenji għal-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEAG.
Ir-rapporteur tilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (EUR 47 608 950) fil-linja baġitarja tal-FEAG.
Tfakkar fil-fatt li l-FEAG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li tevita trasferimenti minn linji baġitarji oħra - kif ġara fil-passat - li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi diversi tal-politika.
Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.
Din hija l-ewwel proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità Baġitarja fl-2011. Għalhekk, jekk jitnaqqas mill-approprjazzjonijiet disponibbli l-ammont attwalment mitlub (EUR 453 570) jibqa' disponibbli ammont ta' EUR 499 546 430 sal-aħħar tal-2011. Dan se jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEAG jibqa' disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2011, kif meħtieġ fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-FEAG.
III. Il-proċedura
Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment[3] sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi fil-baġit 2011, kif mitlub mill-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.
It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG jista’ jieħu forma simplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew se jagħti l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, li se tkun mehmuża bħala ittra mar-rapport preżenti.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
ES/jm
D(2011)13078
Is-Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett:Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2010/013/PL/Podkarpackie (COM(2011)62 finali)
Għażiż Sur Lamassoure,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar l-FEAG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEAG għall-Kawża EGF/2010/013 PL/Podkarpackie u adottaw l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEAG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.
Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2b tar-Regolament EGF u tikkonċerna 200 mill-594 sensja mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ta' 9 xhur bejn l-1 ta’ Ġunju 2009 u l-1 ta’ Marzu 2010 f’3 intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' makkinarju u tagħmir) skont ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006;
B) Billi dan is-settur ġie milqut b’mod gravi mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, u dan wassal għal tnaqqis ta’ 54 % fl-esportazzjonijiet fl-2009 għal Huta Stalowa Wola S.A., tnaqqis fil-bejgħ totali ta’ 47 % u fl-esportazzjonijiet ta’ 34 % għal HSW - ZZN Sp. Z o.o. u tnaqqis ta’ 58 % fl-esportazzjonijiet għal ZM DEZAMET S.A bħala riżultat ta’ tnaqqis fil-valur tal-esportazzjoni tal-makkinarju u tat-tagħmir mill-Polonja lejn l-Istati Membri UE-15 ta' 'l fuq minn 10 % bejn l-2008 u l-2009, filwaqt li l-produzzjoni totali ta’ makkinarju naqset b’madwar 8 % minbarra tnaqqis serju li sar ukoll f’pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant;
C) Billi fid-distretti affettwati ta’ Stalowa Wola, Nisko u Tarnobrzeg, ir-rata tal-qgħad fit-tliet distretti kienet ogħla mill-medja fil-Polonja (24 %, 17 % u 15 % rispettivament, meta mqabbla ma’ medja ta’ 13 % fil-Polonja fi Frar 2010);
D) Billi l-Polonja tirrapporta li s-sindakati u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema pparteċipaw fid-diskussjonijiet dwar il-possibilità ta’ appoġġ mill-EGF u l-forom li kien se jieħu dan l-appoġġ, u billi ddikjarat li dawn huma involuti fl-implimentazzjoni tal-miżuri EGF;
E) Billi 77 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżuri huma rġiel u 23 % huma nisa; Billi 20 % tal-ħaddiema għandhom iktar minn 54 sena, u 9 % iktar minn 64 sena (fl-2010);
F) Billi l-Baġit tal-UE għall-2011 għall-ewwel darba jinkludi approprjazzjonijiet fi ħlasijiet fuq il-linja baġitarja dwar l-EGF 04 05 01 li jissostitwixxu t-trasferiment ta’ ħlasijiet minn linji baġitarji oħra li ma jintużawx;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Pollakka:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2b tar-Regolament EGF (1927/2006) huma ssodisfati u għalhekk il-Polonja hija intitolata għal kontribut finanzjarju skont dan ir-Regolament;
2. Jinnota li jidher li l-pakkett ta’ servizzi personalizzati jinkludi miżura waħda għal kull ħaddiem;
3. Jilqa’ l-miżuri mmirati għal 50 % tal-ħaddiema mkeċċija li jippermettulhom jiksbu ċertifikati, diplomi, kwalifiki jew titli professjonali;
4. Jilqa’ wkoll il-miżuri li jippermettu li l-ħaddiema ta’ taħt il-25 sena jiksbu iktar esperjenza professjonali fil-forma ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol;
5. Jitlob li tingħata iktar informazzjoni dwar il-miżura “Tagħmir u allestiment mill-ġdid tal-postijiet tax-xogħol” u dwar jekk min iħaddem għandux jiggarantixxi l-impjieg ta’ ħaddiem imkeċċi għal ċertu perjodu ta’ żmien bħala tpattija għal dan il-kontribut;
6. Jitlob li tingħata iktar informazzjoni dwar il-miżuri mmirati għal ħaddiema li fl-2010 kellhom iktar minn 64 sena u dwar ir-riżultati mistennija minn dawn il-miżuri fir-rigward tal-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol bi qbil mal-Artikolu 3 tar-Regolament EGF.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 3 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Damien Abad, Alexander Alvaro, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Miguel Portas, Vladimír Remek, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Gerben-Jan Gerbrandy, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marit Paulsen |
|||||