RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)
17.3.2011 - (COM(2011)0061 – C7‑0055/2011 – 2011/2044(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)
(COM(2011)0061 – C7‑0055/2011 – 2011/2044(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0061 – C7‑0055/2011),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod[1], u b'mod partikulari l-punt 28,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits(A7-0060/2011),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-ambitu tal-EGF twessa’ temporanjament għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-EGF,
D. billi r-Repubblika Ċeka talbet assistenza fir-rigward ta' każi li jikkonċernaw 634 sensja (kollha intenzjonati għall-assistenza) fl-intrapriża Unilever ČR, spol.sr.o li topera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjun ta' NUTS II ta' Střední Čechy,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament EGF,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-EGF; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba applikata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-PE sabiex jitħaffef ir-rilaxx ta' għotjiet, immirata biex tippreżenta lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-EGF flimkien mal-proposta li jiġi mobilizzat il-Fond; jittama li jinkiseb iktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-reviżjonijiet li ġejjin tal-Fond;
2. Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ġew issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol li jista' jwettaq il-EGF biex il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jitlob, madankollu, li ssir evalwazzjoni dwar l-integrazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil ta' dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol bħala riżultat dirett tal-miżuri ffinanzjati mill-EGF;
3. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament EGF, għandu jkun żgurat li l-EGF jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali ssensjati; itenni li għajnuna mill-EGF m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;
4. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EGF tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dawn id-data fir-rapporti annwali tagħha wkoll;
5. Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet tal-ħlas ta' EUR 47,608,950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-EGF; ifakkar li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li, għalhekk, jixraqlu allokazzjoni dedikata, li tevita t-trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, ħaġa li tista' tkun ta' detriment għall-ksib tal-objettivi tad-diversi politiki;
6 Japprova d-deċiżjoni mehmuża ma' din il-riżoluzzjoni;
7 Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex il-President tiegħu din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1], u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[3],
Billi
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) Ir-Repubblika Ċeka ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża Unilever ČR spol.s r.o. fl-24 ta' Marzu 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-20 ta' Settembru 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 323,820.
(5) Il-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mir-Repubblika Ċeka.
JIDDEĊIEDU:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 323,820 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],
Ghall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Sfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, miġbuda minn kwalunkwe marġni li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u / jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn preċedenti, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u/jew l-impenji mħassra.
Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.
II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni
Fil-15 ta' Frar 2011 l-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF favur ir-Repubblika Ċeka sabiex tappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
Din hi t-tieni applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2011 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 323,820 mill-EGF għar-Rupubblika Ċeka. Hija tikkonċerna 634 sensja (kollha intenzjonati għall-assistenza) fl-intrapriża Unilever ČR spol.s r.o. li topera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjun tan-NUTS II ta' Střední Čechy, waqt il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur mis-16 ta’ Settembru 2009 sas-16 ta’ Jannar 2010.
L-applikazzjoni, il-każ EGF/2010/010 CZ/Unilever mir-Repubblika Ċeka, tressqet lill-Kummissjoni fis-24 ta' Marzu 2010 u ġiet supplementata b'informazzjoni addizzjonali sal-20 ta' Settembru 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament EGF li jirrekjedi mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema mogħtija s-sensja mill-fornituri u l-produtturi 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni u tressqet sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat (l-Artikolu 5 tar-Regolament).
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja, in-natura imprevedibbli tas-sensji kkonċernati, turija tal-għadd ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a), l-ispjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji, l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li keċċew il-ħaddiema u l-ħaddiema intenzjonati għall-għajnuna, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet tiegħu u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għall-impjiegi mitlufa fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta nbdew jew ġew ippjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati s-sħab soċjali, is-sistemi ta’ ġestjoni u ta' kontroll.
Bi qbil mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-EGF u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja tapprova l-applikazzjoni.
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment (DEC 02/2011) għal ammont globali ta' EUR 323,820 mir-riżerva tal-EGF (40 02 43) f’impenji għal-linja baġitarja 04 05 01 tal-EGF.
Ir-rapporteur tilqa' l-fatt li, wara talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit tal-2011 juri approprjazzjonijiet tal-ħlas (EUR 47,608,950) fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-EGF.
Hi tfakkar li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li, għalhekk, jixraqlu allokazzjoni dedikata, li tevita t-trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, ħaġa li tista' tkun ta' detriment għall-ksib tal-objettivi tad-diversi politiki;
Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.
Din hi t-tieni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond sottomessa lill-Awtorità Baġitarja fl-2011. Għalhekk, jekk mill-approprjazzjonijiet disponibbli jitnaqqas l-ammont mitlub bħalissa (EUR 777,390, inkluża t-talba preżenti), jibqa' ammont ta' EUR 499,222,610 disponibbli sal-aħħar tal-2011. Dan se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2011, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament EGF.
III. Il-proċedura
Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment[3] sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi fil-baġit 2011, kif mitlub mill-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 Mejju 2006.
It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF jista’ jieħu forma simplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkun hemm ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
Wara l-evalwazzjoni tiegħu, il-Kumitat EMPL tal-Parlament Ewropew se jagħti l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, li se tkun mehmuża bħala ittra mar-rapport preżenti.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
ES/jm
D(2011)13080
Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2010/010 CZ/Unilever (COM(2011)61 finali)
Għażiż Sur Lamassoure,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-EGF eżamina l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2010/010 CZ/Unilever u adotta l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.
Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2a tar-Regolament EGF u timmira 460 minn 634 sensja li seħħew waqt il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur bejn is-16 ta' Settembru 2009 u s-16 ta’ Jannar 2010 f'rabta mal-għeluq tal-fabbrika tal-Unilever f'Nelahozeves involuta fil-produzzjoni tal-ikel;
B) Billi r-Repubblika Ċeka tikkwalifika t-tnaqqis fil-profitt tal-imnut fl-EU-27 bi 3.32 % u fir-Repubblika Ċeka b'5.88 % bejn Settembru tal-2008 u Awwissu tal-2009 bħala riżultat serju tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li wasslet għal riorganizzazzjoni tal-kapaċità tal-produttività mill-Unilever kif ukoll għad-deċiżjoni li tingħalaq il-fabbrika f'Nelahozeves u li s-swieq lokali u tal-UE jiġu forniti minn siti oħra ta' produzzjoni, inklużi dawk li mhumiex ibbażati fl-UE;
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Grupp Unilever kellu żieda ta' 26 % fil-benefiċċju nett tiegħu fl-2010;
C) Billi d-distrett ta' Melník fejn kienet il-fabbrika tal-Unilever jiddependi ħafna mill-ipproċessar tal-ikel, u mill-industriji tal-kimika u tal-enerġija;
D) Billi l-miżuri proposti għall-ħaddiema se jkunu kofinanzjati mill-Unilever u se jiġu pprovduti mill-kumpaniji jew mill-kuntratturi li jaħdmu f'isimha;
E) Billi l-awtoritajiet Ċeki rrapurtaw li l-miżuri li jakkumpanjaw l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Unilever ġew diskussi mas-sħab soċjali (l-unjoni sindikalista indipendenti għall-ħaddiema fl-industrija tal-ikel) u l-uffiċċju tax-xogħol f'Melník; billi ntlaħaq qbil dwar il-miżuri ta' akkumpanjament fis-16 ta' Settembru 2009;
F) Billi 52.5 % tal-ħaddiema mmirati mill-miżuri huma nisa u 47.6 % huma rġiel; billi 13.1 % tal-ħaddiema għandhom iktar minn 54 sena u 9.1 % inqas minn 24 sena;
G) Billi l-baġit tal-UE għall-2011 jinkludi għall-ewwel darba approprjazzjonijiet f'pagamenti fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-EGF li jissostitwixxu t-trasferimenti tal-pagamenti minn linji oħra baġitarji mhux użati;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Ċeka:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament EGF (1927/2006) ġew issodisfati u li, għalhekk, ir-Repubblika Ċeka hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-regolament;
2. Jenfasizza l-fatt li r-regolament kif inhu bħalissa ma jagħmilhiex possibbli li jiġu esklużi l-kumpaniji multinazzjonali li jirristrutturaw minkejja l-benefiċċji netti jew il-prattika tal-evażjoni tat-taxxa u jemmen li dan għandu jiġi indirizzat fir-reviżjoni li ġejja tar-regolament EGF mingħajr ma jkun hemm kompromess għall-aċċess tal-ħaddiema ssensjati għall-EGF;
3. Jinnota li l-applikazzjoni tirreferi għat-tnaqqis fil-bejgħ fis-settur tal-bejgħ bl-imnut biex turi l-effett tal-kriżi fuq l-Unilever fir-Repubblika Ċeka; jitlob iktar informazzjoni dwar it-tnaqqis konsegwenti fil-produzzjoni f'din il-fabbrika jew għall-Unilever fl-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali peress li din l-informazzjoni hija vaga żżejjed fl-applikazzjoni;
4. Jinnota li l-miżuri se jiġu kofinanzjati mill-Unilever fuq il-bażi ta' ftehim mas-sħab soċjali u mal-uffiċċju lokali tax-xogħol; jitlob iktar informazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kofinanzjament tal-miżuri EGF mill-intrapriżi u mis-setturi b'mod ġenerali, u fir-rigward ta' każi preċedenti;
5. Jinnota li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati jinkludi miżuri differenti relatati mat-tfittxija tax-xogħol, it-tranżizzjoni tal-karriera, l-awtopromozzjoni u l-awtoimpjieg u jiddispjaċih min-nuqqas ta' miżuri ta' kwalifikazzjoni jew miżuri għar-rikonoxximent ta' ħiliet u kompetenzi;
6. Jinnota wkoll li f'dan l-isfond il-managers ta' livell għoli qed jirċievu servizzi individwali speċjali ta' tranżizzjoni fil-karriera li fl-istess ħin huma l-iktar miżuri li jiswew flus għal kull ħaddiem; jitlob, għalhekk, li tingħatalu iktar informazzjoni dettaljata dwar l-isfond ta' dawn il-miżuri;
7. Jinnota li l-Kummissjoni tikkonferma li l-Unilever ma rċeviet ebda għajnuna statali jew appoġġ finanzjarju mill-fondi Ewropej għall-ftuħ tal-fabbrika fir-Repubblika Ċeka qabel jew wara l-adeżjoni fl-UE; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li m'hemm ebda informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-Unilever fl-Unjoni Ewropea.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 3 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Damien Abad, Alexander Alvaro, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Miguel Portas, Vladimír Remek, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Gerben-Jan Gerbrandy, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marit Paulsen |
|||||