RAPPORT dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom
18.3.2011 - (2010/2201(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Marietta Giannakou
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew (il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet tagħhom kif definit fl-Artikolu 2(3) u (4) tiegħu) u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom[1] (ir-Regolament dwar il-Finanzjament), b’mod partikolari l-Artikolu 12 ta’ dan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-partiti politiċi Ewropej[2],
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau tat-18 ta’ Ottubru 2010 dwar il-finanzjament tal-partiti fil-livell Ewropew, li tressaq skont l-Artikolu 15 tad-deċiżjoni tal-Bureau tad-29 ta’ Marzu 2004[3] dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Finanzjament,
– wara li kkunsidra n-nota tal-Bureau tal-10 ta’ Jannar 2011 bħala l-verżjoni riveduta tad-deċiżjonijiet tal-Bureau meħuda fit-13 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 210(6) u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0062/2011),
A. billi l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li "l-partiti politċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni", filwaqt li l-Parlament u l-Kunsill, b'konformità mal-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistipulaw ir-regoli li jiggwidaw dawn il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom,
B. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tgħid b’mod ċar li l-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni,
C. billi l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi fuq il-bażi tal-prinċipju ta' 'demokrazija rappreżentattiva', kif iddikjarat fl-Artikolu 10(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
D. billi l-fondazzjonijiet għall-partiti politiċi Ewropej ġew stabbiliti fit-Trattati ta’ Maastricht u ta’ Nizza, li introduċew il-possibilità ta’ finanzjament u b’hekk taw lill-partiti politiċi awtonomija operazzjonali fir-rigward tal-gruppi parlamentari,
E. billi fl-2007, wara talba mill-Parlament[4], il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tintroduċi l-finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew (fondazzjonijiet politiċi Ewropej), li ġiet adottata f’Diċembru 2007 bil-għan li tappoġġja l-partiti politiċi Ewropej fid-dibattitu dwar kwistjonijiet politiċi pubbliċi u dwar l-integrazzjoni Ewropea,
F. billi r-Regolament emendatorju tal-2007[5] jfittex li jiffaċilita l-proċess ta' integrazzjoni għall-partiti politiċi Ewropej billi jagħmilha possibbli għall-partiti politiċi fl-Unjoni li jistrutturaw u jorganizzaw ruħhom b'mod iktar effettiv,
G. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 kabbar b’mod konsiderevoli r-rwol tal-partiti politiċi Ewropej fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew billi stipula li l-infiq tagħhom jista' jinkludi finanzjament għall-kampanji elettorali; billi, madankollu, din l-għażla ġiet ristretta bil-kondizzjoni li l-approprjazzjonijiet ikkonċernati m’għandhomx jintużaw għall-finanzjament dirett jew indirett tal-partiti politiċi jew tal-kandidati nazzjonali,
H. billi l-partiti politiċi Ewropej kollha li huma ffinanzjati ffirmaw kodiċi ta’ kondotta, liema kodiċi titqies mill-Bureau bħala vinkolanti għall-partijiet kollha u tistipula r-regoli li wieħed għandu jikkonforma magħhom matul il-kampanji elettorali,
I. billi t-tkabbir tar-rwol tal-partiti politiċi Ewropej huwa neċessarjament marbut mal-involviment tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
J. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 jitlob rikonoxximent formali ikbar tal-partiti politiċi Ewropej,
K. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 huwa orjentat lejn il-ħolqien ta’ partiti politiċi organizzati u effikaċi bis-sħiħ fil-livell Ewropew u f’dak tal-Istati Membri permezz ta’ proċess ibbilanċjat ta’ istituzzjonalizzazzjoni,
L. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 jfittex li jġib il-konverġenza organizzattiva tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet tagħhom fil-livell Ewropew, filwaqt li fl-istess ħin jirrikonoxxi l-kompiti differenti li għandhom, rispettivament, il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi,
M. billi din il-konverġenza organizzattiva tista’ tinkiseb biss billi jiġi stabbilit status politiku, legali u fiskali komuni għall-partiti politiċi Ewropej, għalkemm dan m'għandu jinvolvi ebda standardizzazzjoni tal-organizzazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet tagħhom, li għandhom il-kompetenza esklussiva għalihom il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet innifishom,
N. billi r-rekwiżit li jiġi adottat statut legali għall-partiti politiċi Ewropej u għall-fondazzjonijiet politiċi tagħhom ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa pass ċar u sostanzjali lejn it-tkabbir tad-demokrazija fl-Unjoni,
O. billi l-konverġenza organizzattiva u operattiva u t-titjib tal-proċess tal-finanzjament jistgħu jinkisbu biss billi jiġi adottat statut Ewropew uniformi u komuni għall-partiti politiċi Ewropej kollha u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea,
P. billi r-regolament dwar il-partiti politiċi fil-livell Ewropew ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-rikonoxximent u l-finanzjament tal-partiti politiċi,
Q. billi n-nota tal-Bureau tal-10 ta' Jannar 2011 irrakkomandat li l-kriterji għall-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej ikunu iktar stretti; billi dan ifisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni tal-partiti fil-livell Ewropew sakemm il-kriterji għar-rikonoxximent legali u l-finanzjament tal-partiti politiċi jkunu identiċi,
R. billi r-Regolament emendatorju tal-2007 jipprovdi bażi legali u finanzjarja ċara għall-istabbiliment tal-partiti politiċi fil-livell tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżdied l-għarfien Ewropew u tiġi espressa b’mod effikaċi r-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea,
S. billi l-finanzjament tal-partiti politiċi huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI 'Għotjiet' tar-Regolament Finanzjarju[6] u tar-Regoli Implimentattivi[7] tiegħu,
T. billi l-Bureau, bħala l-korp responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Finanzjament, iddeċieda fl-2006 dwar ammont sinifikanti ta’ titjib fir-regoli implimentattivi, bħaż-żieda fl-għażla tal-finanzjament minn qabel minn 50 % sa 80 % sabiex tiġi simplifikata l-proċedura u titjieb is-solvenza tal-benefiċjarji, u sabiex ir-regoli dwar it-trasferimenti bejn il-kapitoli fil-baġits tal-benefiċjarji jsiru inqas stretti biex dawn ikunu jistgħu jaġġustaw il-baġits tagħhom skont iċ-ċirkostanzi politiċi li qed jinbidlu,
U. billi l-esperjenza bil-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati tagħhom uriet li dawn jeħtieġu iktar flessibilità u kundizzjonijiet komprabbli fir-rigward tat-trasferiment tal-fondi għas-sena finanzjarja ta’ wara u tal-ħolqien ta’ riservi mir-riżorsi proprji li jaqbżu l-livell minimu preskritt tan-nefqa tagħhom li għandu jiġi ffinanzjat mill-fondi tagħhom stess,
V. billi l-partiti politiċi Ewropej bħala medja jonfqu kważi nofs il-baġits tagħhom fuq l-amministrazzjoni ċentrali (persunal, kera, eċċ.) u kwart ieħor fuq il-laqgħat tal-korpi (statutorji u mhux) tal-partit, u l-bqija jintefaq fuq il-kampanji elettorali u fuq l-appoġġ għall-organizzazzjonaijiet affiljati,
W. billi l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jonfqu flushom għal raġunijiet differenti, fejn jonfqu medja ta’ 40% tal-baġits tagħhom fuq l-amministrazzjoni ċentralizzata u l-laqgħat u 40% oħra fuq is-servizzi esterni bħall-istudji, ir-riċerka, il-pubblikazzjonijiet u s-seminars,
X. billi s-sors ewlieni tar-riżorsi proprji tal-partiti politiċi Ewropej huma l-miżati tas-sħubija li jinġabru mill-partiti membri, u billi inqas minn 5% tad-dħul totali tagħhom jikkonsistu f’miżati tas-sħubija tal-individwi u donazzjonijiet,
Y. billi l-porzjon tad-dħul totali tagħhom minn finanzjament mill-baġit tal-Unjoni huwa ogħla fil-każ tal-partiti politiċi Ewropej milli f’dak tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej,
Z. billi d-donazzjonijiet għadhom ma jirrappreżentawx parti sinifikanti tal-finanzjament, bi tliet partiti u żewġ fondazzjonijiet biss li jirċievu donazzjonijiet fuq bażi regolari fl-2009,
AA. billi hemm konflitt potenzjali bejn, min-naħa l-waħda, l-għan li jiġi ffaċilitat u aċċellerat il-finanzjament, biex b’hekk isir iktar effikaċi u, mill-oħra, l-għan li jitnaqqas ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni,
BB. billi matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, jiġifieri mill-2008 sal-2011, ma kellha tiġi imposta l-ebda penalità fuq l-ebda partit jew fondazzjoni ffinanzjati,
CC. billi l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom jiksbu personalità ġuridika b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li se jirrappreżentaw biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, u billi dawn m’għandhomx status legali komuni,
DD. billi s-sussidji għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma 'għotjiet' skont it-tifsira tat-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli Implimentattivi tiegħu, iżda n-natura speċifika tagħhom tfisser li mhumiex komparabbli mal-ebda għotja li tingħata jew tiġi amministrata mill-Kummissjoni; billi dan jiġi rifless f’numru sinifikanti ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Finanzjament li jistabbilixxu eċċezzjonijiet; billi din is-soluzzjoni mhijiex sodisfaċenti,
L-ambjent politiku ġdid
1. Jinnota li l-partiti politiċi – u l-fondazzjonijiet relatati tagħhom – huma strumenti essenzjali tad-demokrazija parlamentari, li jirresponsabilizzaw lill-membri parlamenti, jgħinu fit-tiswir tar-rieda politika taċ-ċittadini, iħejju l-programmi politiċi, iħarrġu u jagħżlu l-kandidati, iżommu d-djalogu maċ-ċittadini u jippermettu liċ-ċittadini jesprimu l-opinjonijiet tagħhom;
2. Jenfasizza li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi għal dan ir-rwol tal-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet tagħhom bil-għan li tinħoloq polis Ewropea, spazju politiku fil-livell tal-UE, u demokrazija Ewropea li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija element konsituttiv prinċipali tagħha;
3. Jinnota li l-partiti politiċi Ewropej, kif huma attwalment, mhumiex f’pożizzjoni li jkollhom dan ir-rwol bis-sħiħ għax huma biss organizzazzjonijiet li jiġbru taħthom lill-partiti nazzjonali u m’għandhomx kuntatt dirett mal-elettorat fl-Istati Membri;
4. Jinnota b’sodisfazzjon, madankollu, li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi minkejja dan saru atturi indispensabbli fil-ħajja politika tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jsawru u jagħtu leħen lill-pożizzjonijiet rispettivi tad-diversi 'familji politiċi';
5. Jenfasizza l-bżonn li l-partiti politiċi Ewropej kollha jikkonformaw mal-ogħla standards tad-demokrazija partitarja interna (fir-rigward tal-elezzjoni demokratika tal-korpi tal-partiti u proċessi demokratiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, inkluż l-għażla tal-kandidati);
6. Hu tal-fehma li, malli partit jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies bħala partit politiku fil-livell tal-UE, dan jista' jirċievi finanzjament sakemm ikun rappreżentat fil-Parlament Ewropew b'mill-inqas wieħed mill-membri tiegħu;
7. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-partiti politiċi għandhom drittijiet, obbligi u responsabilitajiet u għaldaqstant għandhom isegwu mudelli organizzattivi ġenerali ta' konverġenza; iqis li din il-konverġenza organizzattiva tista’ tinkiseb biss billi jiġi stabbilit status legali u fiskali komuni bbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom;
8. Jinsab konvint li status legali awtentiku għall-partiti politiċi Ewropej u personalità ġuridika tagħhom stess, ibbażati direttament fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, se jagħmluha possibbli li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi tagħhom jaġixxu bħala aġenti rappreżentattivi tal-interess pubbliku Ewropew;
9. Hu tal-fehma li l-partiti politiċi Ewropej għandhom jinteraġġixxu u jikkompetu dwar kwistjonijiet relatati ma' sfidi komuni Ewropej u mal-Unjoni Ewropea u l-iżvilupp tagħha fi tliet livelli: il-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew; iqis li huwa tal-ikbar importanza għall-partiti politiċi li jkunu effiċjenti u produttivi kemm fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali u lil hinn;
10. Jenfasizza l-isfidi importanti f'termini tal-kapaċità organizzattiva li l-partiti politiċi Ewropej se jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom fid-dawl tar-riformi li jistgħu jsiru lis-sistema elettorali Ewropea (il-ħolqien ta' kostitwenza addizzjonali, l-istabbiliment ta' listi transnazzjonali),;
11. Jinnota li l-idea t’hawn fuq hija, bħala regola ġenerali, b’konformità mal-idea tal-partiti politiċi Ewropej li jipparteċipaw f’kampanji għal referenda, meta r-referenda kkonċernati jkunu direttament marbutin mal-kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea;
12. Jiddeċiedi, għalhekk, li jitlob lill-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' statut għall-partiti politiċi Ewropej bi qbil mal-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
13. Jinnota li dak li huwa meħtieġ fuq bażi ta’ żmien iqsar huwa li jitjieb l-ambjent regolatorju għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, titjib li jinvolvi l-adozzjoni tal-istatut Ewropew bħala l-ewwel pass;
Proposti għal riforma addizzjonali
14. Iqis li l-Membri li għandhom siġġu f’parlamenti jew assemblej reġjonali għandhom jitqiesu b'rabta mal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament biss jekk il-parlament jew l-assemblea inkwistjoni għandhom setgħat leġiżlattivi;
15. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-għoti ta’ finanzjament u l-għeluq tal-kontijiet tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma proċeduri burokratiċi u twal; iqis li dan ġej, fil-parti l-kbira tiegħu, mill-fatt li l-pagamenti tal-finanzjament huma meqjusa bħala 'għotjiet' skont it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju, ħaġa li hi adegwata għall-finanzjament ta’ proġetti jew assoċjazzjonijiet iżda mhux għall-partiti;
16. Huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tipproponi l-ħolqien ta' titolu ġdid fir-Regolament Finanzjarju ddedikat biss u mfassal b'mod speċifiku għall-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet Ewropej; iqis li r-Regolament dwar il-Finanzjament għandu, f'dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni tiegħu, jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu l-ġdid;
17. Jenfasizza li l-fatt li l-partiti u l-fondazzjonijiet jiffinanzjaw lilhom infushom huwa sinjal ta’ vitalità; jemmen li dan għandu jitħeġġeġ billi l-limitu attwali ta’ EUR 12,000 fis-sena għad-donazzjonijiet jogħla għal EUR 25,000 fis-sena għal kull donatur, flimkien, madankollu, ma’ rekwiżit li tiġi żvelata l-identità tad-donatur meta tasal id-donazzjoni, bi qbil mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u fl-interessi ta' trasparenza;
18. Iqis li r-rekwiżit li jiġu preżentati 'programmi ta’ ħidma annwali' bħala prekondizzjoni għall-finanzjament mhux adegwat għall-partiti politiċi; jinnota, barra minn hekk, li dan ir-rekwiżit ma jeżisti fl-ebda Stat Membru tal-UE;
19. Jenfasizza l-fatt li l-mument meta jingħata l-finanzjament huwa kruċjali jekk dan għandu jissodisfa l-għan tiegħu; jitlob, bħala eċċezzjoni għar-regoli implimentattivi għar-Regolament Finanzjarju, li 100% tal-finanzjament isir disponibbli fil-bidu tas-sena finanzjarja, u mhux 80%; iqis li, fid-dawl tal-esperjenza pożittiva fl-imgħoddi, ir-riskju għall-Parlament huwa negliġibbli;
20. Jindika li r-Regolament Finanzjarju jistipula li l-għotja “ma tistax tiffinanzja n-nefqa operattiva intiera tal-korp benefiċjarju”; josserva li l-osservanza ta' din ir-regola hija speċjalment diffiċli għall-fondazzjonijiet u dan iwassal għal tekniki ta’ kontabilità evażivi (pereżempju l-'kontribuzzjonijiet in natura'); jindika li kważi l-ebda waħda mill-iskemi ta’ finanzjament fl-Istati Membri ma teħtieġ awtofinanzjament parzjali, billi dan jista’ jkun ta’ żvantaġġ għal partiti iżgħar jew għal dawk stabbiliti reċentement;
21. Jindika li r-riżorsi indipendenti li l-partiti politiċi Ewropej huma mitluba juru jistgħu jitnaqqsu għal 10% mill-baġit totali tagħhom, sabiex ikompli jiżdied l-iżvilupp tagħhom; fl-istess ħin, jemmen li r-riżorsi proprji tagħhom fil-forma ta’ riżorsi fiżiċi m’għandhomx jaqbżu s-7.5% tal-baġit totali tagħhom,
22. Jinnota li, fil-każ tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-reviżjoni tal-istrument legali għandha titqies bħala opportunità biex jitneħħa r-rekwiżit li jintwera li dawn għandhom ir-riżorsi tagħhom stess;
23. Jinnota li fil-kuntest ta' din ir-reviżjoni għandha titneħħa l-limitazzjoni imposta fuq il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li tirrikjedi minnhom li jużaw il-fondi tagħhom fl-Unjoni Ewropea; jinnota li dan jagħmilha possibbli għall-fondazzjonijiet li jkollhom rwol kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;
24. Jenfasizza, madankollu, li jekk ir-reġim tal-finanzjament isir iktar strett, dan għandu jiġi kontrobilanċjat billi jiġu stipulati sanzjonijiet fir-Regolament dwar il-Finanzjament fejn bħalissa huma nieqsa; iqis li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ penalitajiet finanzjarji fil-każ ta’ ksur tar-regoli li jikkonċerna, pereżempju, it-trasparenza tad-donazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġu stipulati l-istess kundizzjonijiet li jirregolaw il-bini tar-riżervi mir-riżorsi proprji fuq il-limitu u t-trasferiment għas-sena ta' wara tal-fondi kemm għall-partiti politiċi Ewropej kif ukoll għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati tagħhom;
25. Jindika li mill-2008, il-partiti politiċi Ewropej huma intitolati jużaw somom riċevuti bħala għotjiet għall-"kampanji ta’ finanzjament mwettqa (...) fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew" (l-Artikolu 8, it-tielet paragrafu, tar-Regolament dwar il-Finanzjament); jindika wkoll, madankollu, li huma pprojbiti milli jużaw dawn is-somom għall-finanzjament ta’ “kampanji ta’ referenda”; jemmen, madankollu, li jekk il-partiti politiċi Ewropej għandu jkollhom rwol fil-livell tal-UE, huma għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw f’dawn il-kampanji sakemm is-suġġett tar-referendum ikun marbut direttament ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropea;
26. Jistieden lill-partiti politiċi Ewropej jibdew proċess ta' kunsiderazzjoni tat-termini għas-sħubija diretta tal-individwi u tal-arranġamenti adegwati għall-parteċipazzjoni diretta jew indiretta tal-individwi fl-attivitajiet interni u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni tal-partiti;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1524/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2007, ĠU L 343, 27.12.2007, p. 5.
- [2] ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 127.
- [3] Emendat mid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Frar 2006 u tat-18 ta’ Frar 2008.
- [4] Riżoluzzjoni tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-partiti politiċi Ewropej, paragrafu 14 (ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 127).
- [5] Regolament (KE) Nru 1524/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2007, ĠU L 343, 27.12.2007, p. 5;
- [6] Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2000, ĠU L 248, 16.9. 2002, p. 1.
- [7] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002, ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.
NOTA SPJEGATTIVA
I. Sfond regolatorju
Il-ħolqien ta’ partiti politiċi Ewropej huwa kritiku biex ikun hemm interess pubbliku fl-affarijiet tal-UE. Billi wieħed imur lil hinn miċ-ċentralità tal-mistoqsijiet li jitqajmu ta’ spiss “min jiggverna u kif”, dan jitfa’ l-attenzjoni fuq il-mistoqsija “min huwa ggvernat”. Id-diskussjonijiet sottostanti dwar ir-regolamentazzjoni tal-partiti Ewropej huma tħassib ikbar ta’ kif jiġi kostitwit b’mod konġunt spazju ċiviku tranżnazzjonali magħmul minn ċittadini liberi u ugwali, u ta’ x’tista’ tinvolvi bażi kollettiva, fil-forma ta’ “kuntratt ċiviku” bejn persuni differenti, għall-futur tal-integrazzjoni. It-tfassil ta’ pakkett ta’ riforma għall-partiti politiċi Ewropej bħala mezz ta’ mobilizzazzjoni tal-enerġiji demokratiċi taċ-ċittadini individwali u organizzati mhuwiex faċli, mhux l-inqas minħabba l-kumplessità sistemika tal-UE. Iżda dan jista’ jinbidel f’vantaġġ, jekk wieħed jiċċara l-“missjoni kostituttiva” tal-partiti politiċi Ewropej u jiċċara kif djalogu infurmat u sod dwar l-iżvilupp politiku tagħhom jista’ jiffaċilita l-emerġenza ta’ demos kbir, li l-membri ta’ dan tal-aħħar ikunu jistgħu jidderieġu t-talbiet demokratiċi tagħhom lill-istituzzjonijiet ċentrali u permezz tagħhom. Billi l-UE m’għandhiex tinqata’ mill-identitajiet kostitwenti tagħha, il-ħolqien ta’ “demos” Ewropew jirreferi għal spazju ċiviku digressiv, fejn iċ-ċittadini marbuta politikament huma liberi li jiżviluppaw “bażijiet” demokratiċi komuni biex ikomplu jaħdmu għall-kisba tal-miri politiċi magħżula tagħhom. It-tisħiħ tal-partiti politiċi Ewropew huwa mezz biex tikber il-governanza parteċipattiva fl-UE u biex finalment tissaħħaħ id-demokrazija.
Ir-Regolament 2004/2003, adottat fl-2003, jipprovdi qafas għall-finanzjament trasparenti tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew. Huwa jirrifletti l-Artikolu 10(4) tat-Trattat UE, li jgħid li l-partiti “jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”, u l-Artikolu 224 tat-TFUE, li jipprevedi li r-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom għandhom jiġu adottati mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Barra minn hekk, ir-Regolament kif emendat mir-Regolament 1524/2007, jinkludi l-fondazzjonijiet politiċi fl-istess proċedura ta’ finanzjament billi jipprevedi r-rwol rispettiv tagħhom.
Ir-rekwiżit ewlieni għall-finanzjament huwa l-klassifika bħala partit/fondazzjoni politiku/a f’livell Ewropew skont l-Artikoli 2(3) u 3 tar-Regolament. Partit politiku f’livell Ewropew jista’ jressaq applikazzjoni mal-Parlament Ewropew kull sena. Ir-Regolament jiddefinixxi"partit politiku" bħala assoċjazzjoni ta’ ċittadini li ssegwi għanijiet politiċi u hija stabbilita u rikonoxxuta skont ir-regoli nazzjonali ta’ għall-inqas wieħed mill-Istati Membri. Sabiex jiġi kkwalifikat bħala “partit politiku f’livell Ewropew”, partit:
– għandu jkollu personalità legali [ġuridika] fl-Istat Membru li fih għandu s-sede tiegħu;
– għandu jkun rappreżentat, għall-inqas f’kwart mill-Istati Membri, minn Membri tal-Parlament Ewropew jew fil-Parlamenti nazzjonali jew Parlamenti reġjonali jew fl-assembleat regjonali, jew għandu jkun irċieva, għall-inqas f’kwart mill-Istati Membri, għall-inqas tlieta fil-mija tal-voti espressi f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-elezzjonijiet l-aktar reċenti tal-Parlament Ewropew;
– għandu josserva, b’mod partikolari fil-programmi tiegħu u fl-attivitajiet tiegħu, il-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt;
– għandu jkun ipparteċipa f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew esprima l-intenzjoni li jagħmel hekk.
Il-Parlament Ewropew jiżgura li l-partiti politiċi f’livell Ewropew ikomplu jissodisfaw dawn il-kriterji. Jekk xi waħda minn dawn il-kondizzjonijiet ma tibqax tiġi ssodisfata, il-partit rilevanti jitlef l-istatus tiegħu ta’ “partit politiku f’livell Ewropew” u, konsegwentement, jiġi eskluż mill-finanzjament skont dan ir-Regolament.
Il-fondazzjonijiet politiċi affiljati ma’ partit politiku f’livell Ewropew jistgħu wkoll jissottomettu applikazzjoni għal finanzjament permezz ta’ dan il-partit. Ir-Regolament jiddefinixxi “fondazzjoni politika f’livell Ewropew” bħala entità (jew netwerk ta’ entitajiet) li jkollhom personalità ġuridika fi Stat Membru tal-UE u jkunu affiljati ma’ partit politiku f’livell Ewropew. Il-fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew għandhom il-kompitu li josservaw, janalizzaw, jikkomunikaw u jikkontribwixxu fid-dibattitu, b’mod partikolari, għall-elezzjonijiet Ewropej. Ir-regoli finanzjarji applikabbli huma identiċi ta’ dawk li jirrigwardaw il-partiti. L-applikazzjoni għal finanzjament għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti li jagħtu prova li hija partit politiku f’livell Ewropew. Hija għandha wkoll tagħti evidenza tal-programm politiku tal-partit u ta’ statut li jiddefinixxi b’mod partikolari l-korpi responsabbli għall-ġestjoni politika u finanzjarja kif ukoll il-persuni fiżiċi li, f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għandhom is-setgħa tar-rappreżentanza legali. Kull emenda sussegwenti fid-dokumenti msemmija hawn fuq għandha tiġi notifikata lill-Parlament Ewropew fi żmien xahrejn. Fin-nuqqas ta’ din in-notifika, il-finanzjament jiġi sospiż. Il-Parlament Ewropew jieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara li jkun irċieva applikazzjoni għal finanzjament.
II. Il-ħtieġa u l-proposti għal riforma
Huwa tal-ikbar importanza li l-partiti politiċi Ewropej li jippromwovu d-demokrazija fl-Unjoni jingħataw status legali komuni u uniformi. L-adozzjoni ta’ statut Ewropew ibbażat fuq il-liġi tal-UE jidher importanti iktar minn qatt qabel biex il-partiti jilħqu l-miri rispettivi tagħhom. Il-partiti politiċi Ewropew għandu jkollhom personalità ġuridika biex inaqqsu d-differenza l-kbira bejn it-trattament fiskali tal-partiti politiċi Ewropew u dak applikat għall-Istituzzjonijiet Ewropej. Ir-riformi proposti mir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-2010 u d-deċiżjonijiet tal-Bureau tat-13 ta’ Diċembru 2011 huma r-riżultat ta’ analiżi bir-reqqa tas-sitwazzjoni attwali, li jipprovdu tweġiba pożittiva ġenerali għall-mistoqsijiet, it-tħassib u r-rimarki tal-partiti politiċi Ewropej. Fl-abbozz ta’ rapport, il-proposti huma orjentati lejn l-uniformità organizzattiva tal-partiti politiċi Ewropej. Il-konverġenza organizzattiva tista’ tinkiseb biss permezz tal-istatus politiku, legali u fiskali komuni tal-partiti politiċi Ewropej.
Ir-rapporteur tilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-istabbiliment ta’ forma legali speċjali u uniformi Ewropea għall-partiti politiċi Ewropej speċjalment minħabba l-konverġenza organizzattiva u fiskali.
Fir-rigward tal-kriterji għar-rikonoxximent, ir-rapporteur tipproponi li l-partiti nazzjonali jew reġjonali biss għandhom ikunu intitolati li jwaqqfu partit Ewropew. Għall-formazzjoni tal-Partiti Ewropej, l-Istatut għall-Partiti Ewropej jikkunsidra bl-istess mod ir-rappreżentanti eletti Ewropej, nazzjonali u reġjonali sakemm ir-rappreżentanti reġjonali jirreferu għall-parlamenti reġjonali. Il-possibilità ta’ rikonoxximent tar-rappreżentanti eletti reġjonali, għaldaqstant, għandha tinżamm għall-formazzjoni ta’ partiti iżda biss fil-każ ta’ reġjuni b’setgħat leġiżlattivi. Barra minn hekk, kull partit politiku Ewropew għandu jkun rappreżentat minn mill-inqas Membru wieħed tal-Parlament Ewropew; Sabiex jiġi ffinanzjat mill-Parlament Ewropew, partit politiku Ewropew għandu jkun rappreżentat fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas MEP wieħed. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-kriterji ta’ demokrazija interna rrispettata bis-sħiħ fil-kompożizzjoni u l-formazzjoni tal-partiti politiċi nazzjonali, reġjonali u anki dawk Ewropej innifishom. Dan ir-rekwiżit ifisser li partit li ma jissodsifax il-kondizzjoni tad-demokrazija interna ma jgħoddx għar-rekwiżit li jkun rappreżentat minn mill-inqas seba’ Stati Membri skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar il-Finanzjament.
B’referenza għar-riżorsi indipendenti li l-partiti politiċi Ewropej juru, iċ-ċifra tista’ titnaqqas għal 10 % biex jiġi ffaċilitat kull żvilupp ulterjuri. Barra minn hekk, id-dimostrazzjoni ta’ riżorsi fil-forma ta’ riżorsi fiżiċi “kontroversjali” għandha tkun limitata għal 7.5 %. Fir-rigward, iżda, tal-fondazzjonijiet politiċi, ir-rapporteur hija tal-opinjoni li r-reviżjoni tal-istrument legali għandha tkun l-opportunità biex jitneħħa r-rekwiżit li jintwera li dawn għandhom ir-riżorsi tagħhom stess. Dawn għandhom jiġu adottati bi ftehima mal-partijiet politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet tagħhom dwar il-kriterji uniformi għall-użu tal-fondi. M’hemm l-ebda problema u l-ebda kontroversja fost il-partiti fir-rigward tal-possibilità għall-fondazzjonijiet biex jibnu riservi u jittrasferixxu l-fondi. B’referenza għall-kwistjoni tad-donazzjonijiet, ikun suffiċjenti li l-limitu tad-donazzjoni jsir inqas strett b’mod raġonevoli, jekk isir ftehim li l-limitu jitla’ minn EUR 12,000 għal EUR 25,000.
Kif ġie diskuss fir-Rapport, iżda anki b'konformità mas-smigħ tal-gruppi politiċi Ewropej qabel l-abbozzar tar-rapport, il-partiti politiċi Ewropej għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fir-referenda biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma strettament marbutin mal-Unjoni Ewropea. Il-personalità ġuridika u l-istatut Ewropew komuni tal-partiti politiċi Ewropej se jkomplu jagħtu spazju għall-adozzjoni ta’ lista tranżnazzjonali tal-Membri tal-Parlament Ewropew kif propost fir-rapport Duff. Il-ħolqien ta’ sistema ta’ partiti tranżnazzjonali għadu diffiċli iżda attwalment iċ-ċirkostanzi ssodaw iktar minn qabel. L-ewwel pass għandu jkun il-personalità ġuridika u l-istatut Ewropew tal-partiti politiċi Ewropej, u warajh l-adozzjoni ta’ lista tranżnazzjonali tal-MEPs li għandhom jiġu eletti.
Għall-proċedura ta’ finanzjament, ir-rapporteur hija favur trasparenza massima. Il-finanzjament trasparenti huwa element fundamentali għall-appoġġ tal-valuri demokratiċi u għall-promozzjoni tal-governanza tajba. Kif ġie nnutat minn Transparency International, wara l-emenda tar-Regolament 2004/2003 fl-2007, it-trasparenza fil-fatt żdiedet; ir-rapporti finanzjarji tal-partiti u l-fondazzjonijiet kollha jistgħu jinstabu faċilment fuq websajt ċentrali tal-Parlament Ewropew kif mitlub mill-Artikolu 9a tar-Regolament emendat. Il-fondi għall-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġu approvati permezz ta’ deċiżjoni dwar l-għoti jekk il-proċedura tiġi simplifikata. Il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom ikunu permessi jakkumulaw ir-riservi u jittrasferixxu l-fondi. Il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jistgħu jużaw il-faċilitajiet tekniċi tal-PE bi ħlas, bħalma jistgħu jagħmlu l-partiti politiċi Ewropej. Sabiex tiġi garantita t-trasparenza, għandu jkun possibbli li jitwettqu kontrolli ex-post dwar il-finanzjament.
B’mod ġenerali, jiġi emmnut u sostnut b’konvinzjoni li huwa leġittimu li l-partiti politiċi Ewropej jitolbu li l-istatus tagħhom jinġieb b'konformità ma’ dak tal-Istituzzjonijiet Ewropej, u r-rapporteur tistieden lill-Bureau tal-Parlament biex ikompli jinvestiga l-kwistjoni.
III. Rimarki konklużivi
Il-ħolqien ta’ ambjent sikur u trasparenti għall-funzjonament u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej huwa att demokratiku ħafna. Neħtieġu spazju, spazju Ewropew, ta’ partiti politiċi li jaġixxu u li jqiegħdu liċ-ċittadini fil-qalba tal-Unjoni u jgħinuhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi tippermetti li jintlaħaq dan l-għan u tinqasam fi tnejn: min-naħa l-waħda tipprovdi informazzjoni attwali rapida u pubblika dwar il-formazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-istatus Ewropew komuni. Iċ-ċittadini huma konxji li l-parteċipazzjoni f’partit politiku Ewropew tfisser li huma koperti mil-liġi tal-Unjoni Ewropea u li l-partiti politiċi għandhom id-drittijiet u l-obbligi. Min-naħa l-oħra, l-istatut Ewropew tal-partiti politiċi Ewropej iwitti t-triq għall-ħolqien ta’ sistema ta’ partiti tranżnazzjonali. Hija l-ewwel pass indispensabbli lejn aktar parteċipazzjoni, aktar demokrazija u aktar Ewropa.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
15.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 2 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Matthias Groote, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, David Martin, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Potito Salatto, Algirdas Saudargas, György Schöpflin, Søren Bo Søndergaard, Indrek Tarand, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, Marietta Giannakou, Íñigo Méndez de Vigo, Helmut Scholz, Rainer Wieland |
|||||