RAPPORT dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
18.3.2011 - (2010/2209(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Eva-Britt Svensson
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni tal-1951 li tirrigwarda l-istatus tar-refuġjati, u l-prinċipju tan-non-refoulement,
– wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna u l-Programm ta’ Azzjoni tal-25 ta’ Ġunju 1993 adottat mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23) u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Diċembru 1997 bit-titolu ‘Il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-miżuri ta’ ġustizzja kriminali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa’ (A/RES/52/86), tat-18 ta’ Diċembru 2002 bit-titolu ‘Ħidma lejn l-eliminazzjoni tad-delitti kontra n-nisa mwettqa f’isem l-unur’, (A/RES/57/179), u tat-22 ta’ Diċembru 2003 bit-titolu ‘L-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika kontra n-nisa’ (A/RES/58/147),
– wara li kkunsidra r-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali tal-Kummissarju Għoli tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolenza kontra n-nisa u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 adottata mill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (il-11-il Sessjoni, 1992),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin u tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta’ Azzjoni (Pekin+10)[1] u tal-25 ta’ Frar 2010 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin (Pekin +15),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2006 bit-titolu 'Intensifikazzjoni tal-isforzi biex tiġi eliminata kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa’ (A/RES/61/143), u r-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra x-xogħol tal-Kumitat Ad hoc tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika (CAHVIO), stabbilit f'Diċembru 2008 biex iħejji Konvenzjoni ġejjiena tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta’ Marzu 2010 dwar il-vjolenza,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2010 dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu tal-21 ta’ April 2009 dwar il-kampanja "Għid LE għall-Vjolenza kontra n-Nisa",
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 li ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0065/2011),
A. billi m’hemm l-ebda intervent wieħed li se jelimina waħdu l-vjolenza bbażata fuq is-sess, imma kombinazzjoni ta’ azzjonijiet infrastrutturali, legali, ġudizzjarji, ta’ infurzar, edukattivi, tas-saħħa u azzjonijiet oħra relatati mas-servizzi jistgħu jnaqqsu din il-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b‘mod sinifikanti,
B. billi, għalkemm m’hemmx definizzjoni rikonoxxuta internazzjonalment tat-terminu "vjolenza kontra n-nisa", dan huwa definit min-Nazzjonijiet Uniti bħala kull att ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess li jirriżulta, jew x’aktarx li jirriżulta, fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika lin-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika u kemm jekk fil-ħajja privata[5],
C. billi l-vjolenza hija esperjenza trawmatika għal kwalunkwe raġel, mara, tifel jew tifla, imma l-vjolenza bbażata fuq is-sess hija fil-biċċa l-kbira mwettqa mill-irġiel fuq in-nisa u l-bniet, u tirrefletti u tqawwi l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa u tikkomprometti s-saħħa, id-dinjità, is-sigurtà u l-awtonomija tal-vittmi tagħha,
D. billi l-istudji fuq il-vjolenza bbażata fuq is-sess jikkalkulaw li waħda minn kull ħamsa sa kwart tan-nisa kollha fl-Ewropa sofrew atti ta' vjolenza fiżika għallinqas darba tul il-ħajja adulta tagħhom, u aktar minn waħda minn kull għaxra sofriet vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza; billi r-riċerka turi wkoll li 26% tat-tfal u ż-żgħażagħ jirrappurtaw vjolenza fiżika fit-tfulija,
E. billi r-reklamar u l-pornografija spiss juru diversi tipi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess, u b’hekk irendu l-vjolenza kontra n-nisa bħala ħaġa trivjali u jostakolaw l-istrateġiji ta’ ugwaljanza bejn is-sessi,
F. billi l-vjolenza maskili kontra n-nisa ssawwar il-post tan-nisa fis-soċjetà: is-saħħa tagħhom, l-aċċess tagħhom għall-impjiegi u l-edukazzjoni, l-integrazzjoni tagħhom fl-attivitajiet soċjali u kulturali, l-indipendenza ekonomika tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet u r-relazzjonijiet tagħhom mal-irġiel,
G. billi f’bosta każi n-nisa jonqsu milli jressqu lmenti kontra atti ta’ vjolenza bbażati fuq is-sess kontrihom, għal raġunijiet li huma kumplessi u diversi u li jinkludu fatturi psikoloġiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, filwaqt li jistgħu wkoll ma jkollhomx fiduċja fil-pulizija, fis-sistema legali u fis-servizzi soċjali u tas-saħħa,
H. billi l-vjolenza bbażata fuq is-sess, b’mod predominanti mill-irġiel kontra n-nisa, hija problema strutturali u mifruxa mal-Ewropa kollha u mad-dinja, hija fenomenu li jinvolvi l-vittmi u lil dawk li jwettqu d-delitt irrispettivament mill-età, l-isfond tal-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju u l-pożizzjoni soċjali, u huwa marbut mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna,
I. billi l-pressjoni ekonomika spiss twassal għal abbuż aktar frekwenti, aktar vjolenti u aktar perikoluż; billi l-istudji wrew li l-vjolenza kontra n-nisa tintensifika ruħha meta l-irġiel ikunu kostretti jħallu pajjiżhom u jitilfu l-proprjetà tagħhom bħala riżultat tal-kriżi ekonomika,
J. billi l-vjolenza kontra n-nisa tkopri firxa wiesgħa ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi: l-abbuż sesswali, l-istupru, il-vjolenza domestika, l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali, il-prostituzzjoni, it-traffikar tan-nisa u l-bniet, il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, il-vjolenza kontra n-nisa fuq il-post tax-xogħol, il-vjolenza fuq in-nisa f' sitwazzjonijiet ta' kunflitt, il-vjolenza kontra n-nisa fil-ħabs jew fl-istituti ta’ kura, u bosta prattiki tradizzjonali ta’ ħsara; billi kull wieħed minn dawn l-abbużi jista’ jħalli feriti psikoloġiċi profondi, jgħarraq is-saħħa ġenerali tan-nisa u l-bniet, inkluża s-saħħa riproduttiva u sesswali tagħhom, u f'xi każijiet, jirriżulta f'mewt,
K. billi f’bosta Stati Membri l-vjolenza mill-irġiel kontra n-nisa fil-forma ta’ stupru ma tiġix trattata bħala delitt li jagħti lok għal proċedimenti ex officio[6],
L. billi ma tinżammx b'mod regolari data komparabbli dwar it-tipi differenti tal-vjolenza kontra n-nisa fl-Unjoni Ewropea, u b'hekk huwa diffiċli li jiġi aċċertat kemm hi realment mifruxa l-problema u li jinstabu soluzzjonijiet xierqa. billi huwa diffiċli ħafna li tinżamm data affidabbli peress li n-nisa u l-irġiel isibuha bi tqila jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom lill-partijiet interessati minħabba l-biża’ jew il-mistħija,
M. billi, skont l-istudji eżistenti rigward l-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-ispiża annwali tal-vjolenza kontra n-nisa hija stmata li tammonta għal madwar EUR 33 biljun[7],
N. billi n-nisa fl-Unjoni Ewropea mhumiex protetti b’mod ugwali kontra l-vjolenza mill-irġiel minħabba politiki u leġiżlazzjoni varji madwar l-Istati Membri,
O. billi l-Unjoni Ewropea, bit-Trattat ta’ Lisbona, għandha kompetenza usa’ fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, inkluż dwar il-liġi tal-proċedura kriminali u l-liġi kriminali sostantiva, kif ukoll fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija,
P. wara li kkunsidra n-numru allarmanti ta’ nisa li huma vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess,
Q. billi l-fastidju tal-ommijiet u nisa tqal huwa forma oħra ta’ vjolenza jew abbuż li n-nisa jsofru, li jseħħ primarjament fi ħdan il-familja jew koppja u fl-isferi soċjali u professjonali, u jwassal għat-tkeċċija mill-impjieg tagħhom jew għat-tluq volontarju mill-impjieg tagħhom, u għal sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni u dipressjoni,
R. billi l-Kummissjoni enfasizzat fl-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2010-2015 li l-vjolenza bbażata fuq is-sess kienet waħda mill-problemi ewlenin li kellhom jiġu indirizzati sabiex tinkiseb ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi,
S. billi l-Kummissjoni ħabbret li se tissottometti proposta fl-2011 għal strateġija biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, iżda ma sar l-ebda riferiment espliċitu għal din l-istrateġija fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011,
1. Jilqa' l-impenn mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma li tippreżenta fl-2011-2012 "Komunikazzjoni dwar strateġija biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, li għandha tiġi segwita minn pjan ta' azzjoni tal-UE"[8],
2. Jipproponi approċċ ġdid ta’ politika komprensiva kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess inklużi:
- strument tal-liġi kriminali fil-forma ta’ direttiva kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess,
- miżuri biex jiġi indirizzat il-qafas "six P" dwar il-vjolenza kontra n-nisa (politika, prevenzjoni, protezzjoni, prosekuzzjoni, proviżjoni u partnership),
- rikjesti lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawk li jwettqu d-delitt jiġu ppenalizzati kif inhu xieraq skont is-serjetà tad-delitt,
- rikjesti lill-Istati Membri biex jiżguraw taħriġ għall-uffiċjali li aktarx jiġu f’kuntatt ma’ każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa – inkluż l-infurzar tal-liġi, il-kura soċjali, il-benesseri tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-persunal taċ-ċentri ta' emerġenza – sabiex jiskopru, jidentifikaw u jittrattaw kif xieraq każijiet bħal dawn, b’attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-vittmi,
- rekwiżiti biex l-Istati Membri juru d-diliġenza dovuta u biex jirreġistraw u jinvestigaw is-suriet kollha ta’ delitti ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess bil-għan li jingħata bidu għal prosekuzzjoni pubblika,
- pjanijiet biex jiġu żviluppati rutini investigattivi għall-pulizija u għall-professjonisti tas-settur tas-saħħa bil-għan li tiġi żgurata evidenza ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess,
- il-ħolqien ta’ partnerships ma’ istituzzjonijiet edukattivi ogħla bil-ħsieb li jiġu pprovduti korsijiet ta’ taħriġ dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess għal professjonisti fl-oqsma relevanti, speċjalment l-imħallfin, l-uffiċjali tal-pulizija kriminali, il-professjonisti tas-saħħa u l-edukazzjoni u l-persunal ta’ appoġġ għall-vittmi,
- proposti ta’ politiki biex il-vittmi jiġu megħjuna jibnu ħajjithom mill-ġdid, li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta' gruppi differenti ta' vittmi bħan-nisa f’minoranza, minbarra li tkun żgurata s-sikurezza tagħhom u tiġi stabbilita mill-ġdid is-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom, u miżuri li jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika għat-trattament ta’ dawk li jkunu sofrew il-vjolenza kontra n-nisa,
- l-integrazzjoni ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ identifikazzjoni u dijanjożi fi ħdan is-servizzi tal-emerġenza tal-isptar u n-netwerk tal-kura primarja, bil-ħsieb li tiġi kkonsolidata sistema ta' aċċess u ta’ monitoraġġ aktar effiċjenti għall-vittmi kkonċernati,
- rikjesti lill-Istati Membri biex jipprovdu kenn għall-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess b’kooperazzjoni mal-NGOs relevanti,
- rekwiżiti minimi rigward l-għadd ta’ strutturi ta’ appoġġ għall-vittmi għal kull 10 000 abitant għall-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess fil-forma ta’ ċentri b’perizja speċifika biex il-vittmi jiġu megħjuna,
- it-tfassil ta’ karta Ewropea li tistabbilixxi livell minimu ta’ servizzi ta’ assistenza li jiġu offruti lill-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluż: id-dritt għall-għajnuna legali; il-ħolqien ta’ djar ta’ kenn biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-vittmi ta’ protezzjoni u akkomodazzjoni temporanja; servizzi ta’ għajnuna psikoloġika urġenti, li jiġu pprovduti bla ħlas minn speċjalisti fuq bażi deċentralizzata u aċċessibbli; u arranġamenti ta’ għajnuna finanzjarja intiżi għall-promozzjoni tal-indipendenza tal-vittmi u li jiffaċilitaw ir-ritorn tagħhom għall-ħajja normali u għad-dinja tax-xogħol,
- standards minimi biex ikun żgurat li l-vittmi jkollhom appoġġ professjonali fil-forma ta’ pariri minn professjonist legali jkun xi jkun ir-rwol tagħhom fil-proċeduri kriminali,
- mekkaniżmi biex jiffaċilitaw l-aċċess għal għajnuna legali mingħajr ħlas, li jagħtu l-possibilità lill-vittmi li jasserixxu drittijiethom mal-Unjoni kollha,
- pjanijiet biex jiġu żviluppati linji gwida metodoloġiċi u biex isiru sforzi ġodda għall-ġbir tad-data biex tinkiseb data statistika komparabbli fuq il-vjolenza bbażata fuq is-sess, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, sabiex tiġi identifikata l-firxa tal-problema u tiġi pprovduta bażi għal bidla fl-azzjoni fil-konfront tal-problema,
- l-istabbiliment, fil-ħames snin li ġejjin, ta’ Sena Ewropea Kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa bil-għan li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej;
- rikjesti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa dwar il-prevenzjoni, inklużi kampanji ta’ tqajjim ta’ kuxjenza, fejn ikun relevanti b’kooperazzjoni mal-NGOs;
- l-implimentazzjoni ta' miżuri rigward ftehimiet fuq is-salarji u koordinazzjoni akbar bejn dawk li jimpjegaw, it-trejdjunjins u l-impriżi, kif ukoll bejn l-entitajiet ta’ ġestjoni rispettivi tagħhom, sabiex jipprovdu ‘l vittmi b’informazzjoni relevanti dwar id-drittijiet ta’ impjieg tagħhom;
- żieda fl-ammont tal-qrati li speċifikament jittrattaw vjolenza bbażata fuq is-sess; aktar riżorsi u materjal ta’ taħriġ dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess għall-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u l-avukati; u titjib fl-unitajiet ta’ speċjalizzazzjoni fl-entitajiet ta’ infurzar tal-liġi, billi jiżdied l-ammont tal-persunal tagħhom u jitjiebu t-taħriġ u t-tagħmir tagħhom;
3. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-istupru u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa, partikolarment fi ħdan iż-żwieġ u relazzjonijiet informali intimi u/jew meta mwettqa minn qraba maskili, bħala delitt f’każijiet fejn il-vittma ma tkunx tat il-kunsens tagħha, biex jiżguraw li tali delitti jirriżultaw fi prosekuzzjoni awtomatika u biex jiċħdu kull riferiment għall-prattiki kulturali, tradizzjonali jew reliġjużi bħala fattur li jtaffi s-serjetà f’każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa, inklużi l-hekk imsejħa “delitti tal-unur” u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;
4. Jirrikonoxxi li l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-iktar forom serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq is-sess u li l-vjolenza domestika – fil-konfront ta' vittmi oħra bħat-tfal, l-irġiel u x-xjuħ – hija wkoll fenomenu moħbi li jaffettwa wisq familji u għalhekk ma jistax jiġi injorat;
5. Jenfasizza li l-espożizzjoni għall-vjolenza u l-abbuż fiżiku, sesswali u psikoloġiku bejn il-ġenituri jew membri l-oħra tal-familja għandha impatt serju fuq it-tfal;
6. Jistieden lill-Istati Membri biex, meta huma involuti tfal li huma xhieda ta' kull forma ta' vjolenza, jiżviluppaw servizz ta' pariri psikosoċjali adattat għall-età li huwa mfassal speċifikament għat-tfal biex jaffaċjaw l-esperjenzi trawmatiċi tagħhom u biex tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-aħjar interessi tat-tfal;
7. Jenfasizza li n-nisa migranti, inklużi n-nisa migranti bla dokumenti, u n-nisa li jfittxu asil jikkostitwixxu żewġ subkategoriji ta' nisa li huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza bbażata fuq is-sess;
8. Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ adegwat għal dawk kollha li jaħdmu man-nisa li huma vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess, speċjalment għal dawk li jirrappreżentaw is-sistema legali u l-infurzar tal-liġi, b’referenza speċjali għall-pulizija, l-imħallfin, il-ħaddiema soċjali u l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa;
9. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, bl-użu ta' servizzi ta' esperti kollha disponibbli, tiżviluppa u tipprovdi statistika annwali dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess, inklużi ċifri dwar kemm nisa jinqatlu kull sena mis-sieħeb jew l-ex-sieħeb tagħhom, fuq il-bażi ta' data mogħtija mill-Istati Membri;
10. Jenfasizza li r-riċerka fil-qasam tal-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u f’livell aktar ġenerali fil-qasam tal-vjolenza bbażata fuq is-sess u l-vjolenza sesswali, għandha tiġi inkluża bħala qasam ta’ riċerka multidixxiplinari fit-Tmien Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku li jmiss;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi osservatorju dwar il-vjolenza kontra n-nisa bbażat fuq ir-rappurtaġġ ta’ każijiet tal-qorti li jinvolvu vjolenza kontra n-nisa;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess permezz ta’ programmi Komunitarji, speċjalment il-Programm Daphne li diġà kien ta' suċċess fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa;
13. Jinnota li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) se twettaq inkjesta b’kampjun rappreżentattiv ta’ nisa mill-Istati Membri kollha rigward l-esperjenzi tagħhom ta' vjolenza, u jitlob li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq l-eżami tat-tweġibiet li n-nisa fil-fatt jirċievu mid-diversi awtoritajiet u servizzi ta' appoġġ meta jirrapportaw;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fl-istatistika nazzjonali tagħhom, juru b'mod ċar id-daqstal-vjolenza bbażata fuq is-sess u jieħdu passi biex jiżguraw li tinġabar id-data dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess, fost oħrajn fuq is-sess tal-vittmi, is-sess ta' dawk li jkunu wettqu d-delitt, ir-relazzjoni tagħhom, l-età, il-post fejn ikun seħħ id-delitt u l-ħsarat imġarrba;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti studju dwar l-impatt finanzjarju tal-vjolenza kontra n-nisa, li jibni fuq ir-riċerka bl-użu ta’ metodoloġiji li jistgħu jikkwantifikaw f’termini finanzjarji l-impatt ta’ din il-forma ta’ vjolenza fuq is-servizzi tas-saħħa, is-sistemi tal-benesseri u s-suq tax-xogħol;
16. Jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jagħmlu riċerka li tanalizza l-firxa tal-vjolenza f’relazzjonijiet bejn iż-żgħażagħ u l-impatt li dan għandu fuq il-benesseri tagħhom;
17. Jinnota li l-insegwiment malizzjuż (stalking), li 87% tal-vittmi tiegħu huma nisa, jikkawża trawma psikoloġika u tensjoni emozzjonali akuta u li għalhekk għandu jitqies bħala forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u għandu jkun suġġett għal qafas legali fl-Istati Membri kollha;
18. Jinnota li prattiki tradizzjonali ta’ ħsara bħall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (FGM) u l-hekk imsejjaħ “qtil tal-unur” huma forom ta’ vjolenza kontra n-nisa estremament kontestwalizzati u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-prattiki tradizzjonali ta’ ħsara fl-istrateġija tagħha biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa;
19. Jirrikonoxxi l-problema serja tal-prostituzzjoni, inkluża l-prostituzzjoni tat-tfal, fl-Unjoni Ewropea u jitlob li jsiru studji ulterjuri dwar ir-rabta bejn il-qafas legali tal-Istat Membru inkwistjoni u l-forma u l-firxa tal-prostituzzjoni li qed isseħħ; jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda allarmanti fit-traffikar ta’ bnedmin deħlin fl-UE u fi ħdanha – kummerċ li jolqot partikolarment lin-nisa u lit-tfal – u jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni iebsa biex jiġġieldu din il-prattika illegali;
20. Jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-problema serja tat-tqala għal terzi persuni, li tikkostitwixxi sfruttament tal-ġisem femminili u l-organi riproduttivi tagħha;
21. Jenfasizza li n-nisa u t-tfal huma suġġetti għall-istess forom ta’ sfruttament, u t-tnejn li huma jistgħu jitqiesu bħala kommoditajiet fis-suq internazzjonali tar-riproduzzjoni, u dawn l-arranġamenti riproduttivi l-ġodda, bħat-tqala għal terzi persuni, qed iżidu t-traffikar tan-nisa u t-tfal u l-adozzjoni illegali matul il-konfini nazzjonali;
22. Jinnota li l-vjolenza domestika ġiet identifikata bħala kawża prinċipali ta’ korriment fit-tqala u twelid ta’ trabi mejta, u jitlob lill-Kummissjoni tiffoka aktar fuq il-vjolenza kontra nisa tqal peress li f'dan il-każ dak li jwettaq id-delitt qed jikkaġuna ħsara fuq iktar minn persuna waħda;
23. Jirrimarka li s-soċjetà ċivili, partikolarment l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati volontarji oħra li joffru appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza, joffru servizz ta’ valur kbir, partikolarment billi jassistu lill-vittmi nisa li jixtiequ jiksru s-silenzju li l-vjolenza tagħlaqhom fih, u għandhom jingħataw appoġġ mill-Istati Membri;
24. Itenni l-ħtieġa li wieħed jaħdem kemm mal-vittmi kif ukoll mal-aggressuri, bil-ħsieb li dawn tal-aħħar ikunu aktar konxji mis-sitwazzjoni, u li jingħata kontribut għall-bidla tal-isterjotipi u l-kunċetti determinati mis-soċjetà, li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jiġġeneraw dan it-tip ta’ vjolenza u l-aċċettazzjoni tagħha;
25. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu djar ta’ kenn għan-nisa sabiex jgħinu lin-nisa u t-tfal jgħixu ħajja determinata minnhom, mingħajr vjolenza u faqar, u li dawn joffru servizzi speċjalizzati, trattament mediku, għajnuna legali, pariri psikosoċjali u terapewtiċi, appoġġ legali tul il-proċeduri fil-qrati, appoġġ għat-tfal effettwati mill-vjolenza, eċċ.;
26. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jallokaw riżorsi xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluż permezz tar-rikors għall-Fondi Strutturali;
27. Jenfasizza kemm huwa importanti li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jieħdu azzjoni biex jiffaċilitaw ir-ritorn fis-suq tax-xogħol tan-nisa li jkunu sfaw vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess permezz ta’ strumenti bħall-ESF jew il-Programm Progress;
28. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali li jagħti lin-nisa immigranti d-dritt li jżommu l-passaport u l-permess ta’ residenza tagħhom, u jagħmluha possibbli li persuna li tikkonfiska dawn id-dokumenti tinżamm responsabbli kriminalment;
29. Itenni l-fehma tiegħu li l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-qafas legali l-ġdid stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona, għandha ssir firmatarja tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha[9];
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u d-dimensjoni relatata mas-sess tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala internazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-assoċjazzjoni bilaterali u l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali fis-seħħ u dawk li qed jiġu nnegozjati;
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
- [2] Testi adottati P7_TA(2010)0470.
- [3] ĠU C 285E, 21.10.2010, p.53.
- [4] ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 52.
- [5] Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104); punt 113 tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [6] Studju tal-Kummissjoni 2010 bit-titolu “Studju ta’ fattibilità biex jiġu eżaminati l-possibilitajiet, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza kontra t-tfal u l-vjolenza kontra l-orjentazzjoni sesswali”, p.53
- [7] “Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa: Rendikont tal-miżuri u l-azzjonijiet li ttieħdu fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa”, Kunsill tal-Ewropa, 2006
- [8] COM(2010) 171 Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa, Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, p.13
- [9] P6_TA(2010)0037 paragrafu 12.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond
Il-vjolenza kontra n-nisa hija problema internazzjonali kif ukoll Ewropea[1]. Minkejja l-fatt li l-vjolenza kontra n-nisa ilha suġġett ta’ dibattitu għal diversi għaxriet ta’ snin, il-komunità internazzjonali ma rnexxilhiex ittemm din il-forma estremament distruttiva ta' kriminalità. Hija ħaġa ta' swied il-qalb kbir meta tara kif għadna m'aħniex inħarsu lin-nisa kontra l-vjolenza. Hija problema kumplessa li tinvolvi l-ħarsin tal-integrità tal-vittmi individwali tal-kriminalità imma wkoll il-ħarsien tal-interessi soċjali komuni importanti, bħalma huma l-libertà u d-demokrazija. L-Unjoni Ewropea għandha għalhekk terfa’ r-responsabilità tagħha u ddaħħal il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex iġġib fi tmiemha l-vjolenza.
Ir-rapporteur ikkompilat għadd ta’ miżuri f’dan ir-rapport strateġiku li huma assolutament meħtieġa bil-għan li n-nisa fl-Ewropa jiġu ggarantiti ħajja diċenti.
Il-Parlament Ewropew preċedentement kien adotta riżoluzzjoni dwar il-vjolenza kontra n-nisa[2]. F'dan il-kuntest, il-Parlament indika l-ħtieġa ta' att legali komprensiv biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa. Il-Parlament enfasizza wkoll li hija ħaġa possibbli li tiġi eliminata l-vjolenza bbażata fuq is-sess. Din teħtieġ ukoll sforzi fit-tul fi ħdan għadd kbir ta' oqsma differenti. Hemm il-ħtieġa ta’ ħafna tipi differenti ta’ miżuri ta’ natura politika, soċjali u legali.
Il-Kummissjoni ħadet xi deċiżjonijiet importanti bħala prinċipju sabiex jintlaħaq dan l-għan, partikolarment bit-tfassi ta' pjan ta' azzjoni ġdid għall-ugwaljanza bejn is-sessi (2010-2015), li jenfasizza li l-vjolenza bbażata fuq is-sess hija waħda mill-problemi ewlenin li trid tiġi indirizzata bil-għan li tintlaħaq ugwaljanza tas-sessi ġenwina[3]. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li se tressaq proposta fl-2011 għal pjan strateġiku biex tiġi miġġielda l-vjolenza bbażata fuq is-sess.
Dan ir-rapport huwa rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew.
1.1 Bażi legali internazzjonali
Il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija vjolazzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, bħalma huma d-dritt għas-sigurtà u d-dinjità umana. Il-problema, għalhekk, irċeviet attenzjoni internazzjonali. Ir-Raba’ Konferenza Dinjija tan-NU dwar in-Nisa li saret f’Pekin fl-1995 adottat pjattaforma għall-azzjoni li ġibdet l-attenzjoni għall-vjolenza kontra n-nisa[4]. Id-dokument jiddikjara li objettiv strateġiku importanti għall-komunità internazzjonali huwa l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa. Id-dokument jitlob b’mod ċar il-gvernijiet tad-diversi Stati jdaħħlu u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tiġi miġġielda l-vjolenza. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ffirmaw il-pjattaforma ta’ azzjoni tan-NU. Il-pjattaforma ta’ azzjoni mfassla f’Pekin sadattant ġiet ikkonfermata mill-Assemblea Ġenerali permezz ta’ diversi rieżamijiet[5]. Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, ECOSOC, se jagħti prijorità partikolari lill-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet waqt il-laqgħa tiegħu fl-2013[6].
Is-CEDAW (Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa) hija waħda mid-dokumenti l-aktar importanti tan-NU dwar id-drittijiet tan-nisa. Il-Konvenzjoni tirrikjedi l-Istati Membri jdaħħlu garanziji għal-libertajiet u d-drittijiet tan-nisa f’għadd ta’ oqsma differenti. Uħud minn dawn l-oqsma huma relevanti wkoll għall-problema tal-vjolenza kontra n-nisa, pereżempju d-dritt li dik li tkun tagħżel is-sieħeb ta’ ħajjitha hi stess[7]. Huwa importanti li l-UE tiffirma wkoll is-CEDAW.
Skont il-prinċipju tad-"dmir ta' diliġenza xierqa", l-Istati issa huma meħtieġa jintervjenu anki meta individwi jissoġġettaw bnedmin oħra għal abbuż. Dan l-obbligu japplika kemm għall-prevenzjoni tal-kriminalità u kemm għall-intervent meta tkun seħħet inġustizzja. Il-prinċipju ġie enfasizzat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Opuz vs It-Turkija, li fih il-Qorti, fil-motivazzjoni tagħha, turi li tqis il-vjolenza kontra n-nisa bħala forma ta’ diskriminazzjoni u dan imur kontra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[8]. Strumenti legali internazzjonali oħra huma relevanti wkoll[9].
F’dawn l-aħħar snin, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet b’mod ċar li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi individwali għandhom jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-dritt tal-awtodeterminazzjoni tal-individwi fil-qasam sesswali. Il-Qorti enfasizzat li l-atti sesswali kollha mwettqa kontra persuna mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna għandhom ikunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni[10].
Il-Kunsill tal-Ewropa wkoll ħa għadd kbir ta’ inizjattivi importanti għall-ħarsien tan-nisa kontra l-vjolenza. Bħalissa jinsab jaħdem fuq konvenzjoni ġdida dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika[11].
1.2 Bażi legali
L-ugwaljanza tas-sessi hija prinċipju fundamentali tal-UE. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur ewlieni fit-Trattat tal-UE, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tiddikjara li s-soċjetà Ewropea għandha tkun ikkaratterizzata mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[12].
It-Trattat ta’ Lisbona pprovda ambitu biex l-UE ddaħħal dispożizzjonijiet komuni fil-qasam tal-liġi kriminali. Qabel dan, l-Unjoni diġà kienet kompetenti biex tapprossima l-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istati Membri f’oqsam koperti mill-objettiv tal-armonizzazzjoni[13]. L-Unjoni għandha d-dritt ukoll li ddaħħal regoli minimi rigward id-definizzjoni ta' delitti u sanzjonijiet fl-oqsma ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjoni transkonfinali, li tirriżulta min-natura jew l-impatt ta’ tali delitti. Din il-kompetenza tapplika wkoll f’każijiet fejn hemm ħtieġa speċjali li tiġi miġġielda l-kriminalità fuq bażi komuni[14]. It-test tat-Trattat jagħmel riferiment partikolari għat-traffikar tal-bnedmin u għall-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal.
Fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura fi kwisjonijiet kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu standard minimu komuni . Regoli komuni bħal dawn jistgħu jkopru wkoll id-drittijiet tal-vittmi tad-delitt[15].
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Programm ta’ Stokkolma fil-qasam tal-politika tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja[16]. Il-Programm ta’ Stokkolma għalhekk jirrikjedi li l-Kummissjoni.u l-Istati Membri jdaħħlu l-leġiżlazzjoni kriminali jew miżuri oħra ta’ appoġġ meħtieġa biex iħarsu lill-vittmi ta' delitti[17].
Proposta għal direttiva fuq Ordni Ewropea ta' Protezzjoni ġiet ippreżentata din is-sena[18]. Il-għan tad-direttiva hu li tħares lill-individwi li jkunu qed jgħixu taħt it-theddida ta’ vjolazzjonijiet serji tal-integrità tagħhom minn ċerta persuna, anki jekk jiċċaqilqu fi ħdan l-Ewropa. Hija se tikkostitwixxi strument importanti fl-isforzi għall-ħarsien tan-nisa li qed jaħarbu mill-vjolenza u l-persekuzzjoni.
2. Vjolenza bbażata fuq is-sess
2.1 X’inhi l-vjolenza bbażata fuq is-sess?
Il-vjolenza kontra n-nisa hija determinata storikament u strutturalment u taffettwa lin-nisa kemm individwalment u kemm kollettivament[19]. Skont in-NU, il-vjolenza hija kkostitwita minn kwalunkwe att ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess li jirriżulta, jew x’aktarx li jirriżulta, fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika lin-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika u kemm jekk fil-ħajja privata[20], Il-qasam problematiku rrappreżentat mill-vjolenza bbażata fuq is-sess, għalhekk, mhuwiex relatat sempliċement mal-vjolenza fis-sens tal-liġi kriminali, imma jestendi għal tipi differenti ta' delitti diretti kontra n-nisa sempliċement għax huma nisa[21]. Dan huwa tip ta’ abbuż li jikkontribwixxi għar-ripressjoni tan-nisa kemm bħala individwi u kemm bħala grupp. Tipikament, il-vjolenza mwettqa fuq in-nisa ġeneralment tinvolvi l-element sesswali wkoll.
Il-vjolenza bbażata fuq is-sess tkopri delitt fil-forma ta’ vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, abbuż sesswali, traffikar tal-bnedmin, żwieġ imġiegħel, mutilazzjoni ġenitali u suriet oħra ta’ vjolazzjonijiet tal-integrità li jaffettwaw partikolarment lin-nisa u lill-bniet żgħar. Ksur ieħor tal-libertajiet u d-drittijiet tan-nisa jista' jkollhu impatt straordinarju fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-mara individwali. Dan huwa partikolarment minnu fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet riproduttivi tan-nisa[22]. Huwa ta’ importanza ewlenija li kull miżura f’dan il-qasam isseħħ fuq l-isfond ta’ fehim tal-istampa ġenerali.
2.2 Il-vjolenza bbażata fuq is-sess bħala problema soċjali
Il-vjolenza bbażata fuq is-sess tirriżulta fi ħsara serja lis-saħħa fiżika u mentali tal-individwi. Dan iġib miegħu spiża kbira għas-soċjetà fil-forma ta’ problemi soċjali u spejjeż għas-sistema legali u s-sistema tal-kura tas-saħħa. Huwa stmat li l-ispiża għas-soċjetà kkawżata mill-vjolenza bbażata fuq is-sess – fil-forma ta’ nfiq fil-kura tas-saħħa, is-sistema legali u s-servizzi soċjali – hija ta’ EUR 2 miljun fis-siegħa bħala total fl-Istati Membri kollha tal-UE[23]. Il-vjolenza bbażata fuq is-sess tikkostitwixxi wkoll problema serja fir-rigward id-demokrazija. Il-fatt innifsu li n-nisa huma soġġetti għall-vjolenza jirrestrinġi l-opportunitajiet tagħhom li jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u fix-xogħol. Il-vjolenza tagħmel ħsara lin-nisa individwali imma l-vjolenza tagħmel ħsara wkoll lill-familji tagħhom. Il-ħajja tal-familja titlef ukoll il-funzjoni tagħha li tipprovdi lill-individwi b'sigurtà. It-tfal li jesperjenzaw vjolenza domestika huma vittmi diretti ta’ dik il-vjolenza. Skont l-istħarriġ tal-Eurobarometru 344, 85% ta’ dawk li wieġbu jidhrilhom li l-UE għandha tinvolvi ruħha fil-ġlieda kontra l-vjolenza fir-relazzjonijiet mill-qrib.
3. Ħtieġa ta’ protezzjoni legali
3.1 Vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib
Huwa ta’ importanza fundamentali li l-integrità tan-nisa tiġi mħarsa fil-liġi b’mod komprensiv u konsistenti. Il-vjolenza li sseħħ fir-relazzjonijiet mill-qrib mhijiex kwistjoni privata; lanqas ma tista’ titqies bħala xi ħaġa li tista’ tiġi nnegozjata bejn il-partijiet ikkonċernati.
L-awtoritajiet legali għandhom jagħmlu prijorità l-prosekuzzjoni ta' atti ta’ vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib.
Meta tkun qed issir leġiżlazzjoni fil-livell ta’ UE, huwa tal-akbar importanza li nkunu konxji mill-vulnerabilità partikolari li jesperjenzaw in-nisa u t-tfal fir-rigward tal-vjolenza domestika. Il-vjolenza spiss tfisser li dawn in-nisa huma kkontrollati u iżolati. Permezz ta’ theddid ripetut u fastidju, l-istima tagħhom infushom titkisser u jistgħu jibdew jaraw lilhom infushom bħallikieku m'għandhom l-ebda valur. In-nisa li huma soġġetti għall-vjolenza domestika isibuha diffiċli li jirrappurtaw dawn id-delitti lill-awtoritajiet huma stess. Jista’ jkun li diġà għandhom problemi biex igħaddu lil ħaddieħor il-fatt li jeħtieġu l-għajnuna. Spiss jiġu soġġetti għal pressjoni severa minn dak li jwettaq id-delitt, minn qraba u minn oħrajn biex jirtiraw l-ilment tagħhom. Jista’ jkun li jkollhom rabtiet emozzjonali qawwija mal-persuna li tkun qed tissoġġettahom għall-vjolenza, u għalhekk ikunu estremament suxxettibbli għall-manipulazzjoni destruttiva. Mhijiex ħaġa rari li n-nisa li jkunu soġġetti għall-vjolenza jispiċċaw f’diffikultajiet finanzjarji, jitilfu l-kustodja ta' wliedhom jew jispiċċaw mingħajr dar.
3.2 Gruppi partikolarment vulnerabbli
Il-vulnerabilità li tinħoloq mill-vjolenza fir-relazzjonijiet mill-qrib issir jerġa' aktar prekarja għal ċerti gruppi partikolarment vulnerabbli. Dawn jistgħu jkunu nisa li huma ta’ sfond etniku ieħor jew individwi "bla dokumenti". Għan-nies anzjani u għall-persuni b’diżabilità fiżika jew mentali, il-problema li jħarsu lilhom infushom u lill-interessi tagħhom hija infinitament akbar. Id-diffikultajiet involuti biex dak li jkun jeħles minn sitwazzjonijiet ta’ ħajja distruttiva spiss huma jerġa’ akbar għal dawn il-gruppi. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-individwi li jgħixu f’istituzzjonijiet.
Individwi li huma omosesswali, bisesswali jew transesswali jista’ jkun li jitqabdu ma’ suriet oħra ta’ stigma soċjali li jistgħu jipperswaduhom biex ma jirrapportawx il-vjolenza.
Gruppi oħra li jistgħu jkollhom problemi serji biex iħarsu l-integrità tagħhom huma n-nisa li jgħixu waħedhom u n-nisa mingħajr dar.
3.3 Abbuż sesswali
Huwa prinċipju fundamentali tat-tradizzjoni legali Ewropea li l-individwi kollha għandhom id-dritt li jeżerċitaw il-libertà individwali ta' azzjoni tagħhom ; għalhekk hija ħaġa raġonevoli li jkun meħtieġ il-kunsens għal kwalunkwe forma ta’ kopulazzjoni sesswali. Dan il-prinċipju legali importanti jrid japplika tkun xi tkun ir-relazzjoni partikolari ta’ bejn il-partijiet ikkonċernati. Iż-żwieġ, jew relazzjonijiet oħra simili tal-familja, m'għandhux jikkostitwixxi żona ħielsa li fiha l-ġisem tan-nisa u tat-tfal isir sesswalment disponibbli. Bl-istess mod, il-post tax-xogħol irid ikun ambjent fejn in-nisa jistgħu jħossuhom ħielsa minn vjolazzjonijiet tal-integrità tagħhom u mill-pressjoni żejda.
Il-vjolenza ta' natura sesswali taffettwa lin-nisa individwali b’mod distruttiv ħafna. Il-vjolenza ta' natura sesswali tista’ titqies bħala parti minn struttura ta’ setgħa li permezz tagħha n-nisa jiċċaħħdu mid-dritt għall-integrità sesswali u mi l-libertà tal-għażla personali. Il-mod ta' kif in-nisa jesperjenzaw il-vjolazzjonijiet huwa affettwat mill-fatt li l-atti jseħħu f'soċjetà li fiha l-fatt ta’ liema sess int jikkostitwixxi fatt sinifikanti. L-attakki sesswali fuq il-ġisem għalhekk dejjem għandhom implikazzjoni partikolari għall-vittma[24]. Din hija l-vjolenza li hija degradanti għall-individwu affettwat.
Il-Kummissjoni pproponiet direttiva fuq l-abbuż sesswali tat-tfal ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona[25].
3.4 Mutilazzjoni ġenitali femminili u żwieġ imġiegħel
In-nisa huma soġġetti wkoll għall-abbuż ibbażat fuq is-sess permezz ta’ tipi oħra ta’ vjolazzjoni tal-libertà. Qasam importanti li fih l-integrità fiżika u mentali tan-nisa tirrikjedi ħarsien legali qawwi hu fir-rigward tal-mutilazzjoni ġenitali. Atti li jirriżultaw fi ħsara serja lis-saħħa tan-nisa ma jistgħux jiġu leġittimizzati permezz ta’ kunsiderazzjonijiet kulturali. Il-kriminalizzazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali hija parti importanti mill-proċess tal-ħarsien taż-żgħażagħ[26]. Il-mutilazzjoni ġenitali hija forma ta’ vjolenza serja ħafna kontra l-ġisem, li għaliha l-Parlament Ewropew iddedika attenzjoni partikolari[27]. L-operazzjonijiet involuti hawnhekk huma ta’ tali natura li bilfors iridu jitqiesu bħala li jaqgħu barra mid-dritt tal-individwu għall-awtodeterminazzjoni permezz tal-kunsens. Għal mara li tgħix f’kuntest soċjali li fih tiġi eżerċitata pressjoni kulturali qawwija, ma hemm l-ebda possibilità ġenwina li jingħata dan il-kunsens. Għalhekk huwa tal-akbar importanza li n-nisa kollha jiġu mħarsa kontra l-mutilazzjoni ġenitali.
Iż-żwieġ imġiegħel huwa forma oħra ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess li jikkostitwixxi vjolazzjoni serja tad-dritt tal-individwu għal-libertà u l-awtodeterminazzjoni. Huwa importanti li n-nisa żgħażagħ jiġu mħarsa kontra relazzjonijiet imġiegħla bħal dawn[28]. Il-vjolenza ‘relatata mal-unur’ hija kunċett ewlieni f’dan il-kuntest.
3.5 Traffikar tal-bnedmin u prostituzzjoni
It-traffikar tal-bnedmin, prinċipalment għal għanijiet sesswali, huwa problema maġġuri fl-Ewropa. It-traffikar tal-bnedmin hija attività vjolenti u degradanti li fiha dawk li huma mġiegħla jissoġġettaw lilhom infushom għall-prostituzzjoni jiġu esplojtjati mingħajr ħniena. Spiss huma ż-żgħażagħ li jiġu milquta u jsibu ħajjithom meqruda minnu. Din l-attività tiffjorixxi fl-ambjent ta’ diskrepanzi fl-Ewropa li jirriżultaw mid-disparitajiet ekonomiċi u l-problemi soċjali. It-traffikar tal-bnedmin huwa forma ta’ kriminalità transkonfinali li l-UE diġà identifikat bħala qasam ta’ prijorità. Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar it-traffikar tal-bnedmin bħalissa qed tiġi kkunsidrata mill-Parlament u mill-Kunsill[29].
4. Leġiżlazzjoni kriminali u miżuri oħra
4.1 Prosekuzzjoni pubblika
Hemm raġunijiet qawwija għar-rekwiżit li l-forom kollha tal-vjolenza bbażata fuq is-sess jiġu soġġetti għall-prosekuzzjoni pubblika. L-interessi tal-vittmi ta' delitti għandhom jiġu mħarsa billi s-sistema legali – il-pulizija jew il-prosekutur – titħalla tieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk abbuż issuspettat għandux jgħaddi minn prosekuzzjoni. Bl-istess mod bħall-vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, il-pressjoni li hemm fuq il-mara individwali ħalli tirtira l-ilment tagħha hija enormi. Madankollu, dawn il-vjolazzjonijiet huma ta’ tali natura li huwa fl-interess tas-soċjetà li l-ħati jgħaddi minn prosekuzzjoni.
4.2 Għajnuna legali
Fil-proċeduri tal-qorti, il-prosekutur jirrappreżenta l-interessi tal-parti kwerelenti. Madankollu, il-vittmi ta' delitt spiss ukoll ikunu jeħtieġu l-għajnuna legali tagħhom stess[30]. Jekk il-vittmi ta' delitt huma mogħtija wkoll aċċess għall-għajnuna legali, l-interessi tagħhom jistgħu jiġu salvagwardjati b'mod aktar effettiv[31]. Il-vittmi ta' delitt għandhom għalhekk jirċievu għajnuna legali fil-forma ta’ parir legali personali anke f'każijiet fejn huma biss xhieda. Il-proċess legali jiġi implimentat b‘mod aktar faċli jekk joħloq sitwazzjoni aktar sikura għall-mara individwali f'dak li għandu x'jaqsam mas-smigħ tal-qorti u ċirkostanzi simili. Dan huwa wkoll mod effettiv ħafna li bih jiġi ggarantit li l-vittmi ma jkunux mistoqsija xi mistoqsijiet irrelevanti u li r-rakkonti tagħhom ta’ dak li jkunu għaddew minnu jkunu eluċidati b’mod adegwat waqt il-proċeduri tal-qorti. Bl-istess mod li l-akkużat għandu aċċess għal avukat, il-vittma tal-delitt teħtieġ xi ħadd li jgħinha wkoll[32]. Tista’ tkun kwistjoni ta’ għajnuna li tingħata biex twieġeb mistoqsijiet relevanti u li tinżamm mgħarrfa bil-progress tal-proċeduri tal-qorti.
4.3 Għarfien imsaħħaħ għall-awtoritajiet
Madankollu, mhuwiex biżżejjed li tiddaħħal jew tiġi approvata leġiżlazzjoni kriminali għall-ħarsien tan-nisa; il-prosekuzzjoni trid issir ukoll aktar effettiva[33]. Is-soċjetà għandha tiskopri dan it-tip ta’ vjolenza fi stadju bikri permezz ta’ ħidma proattiva u preventiva min-naħa tal-awtoritajiet tas-servizzi soċjali u istituzzjonijiet oħra bħal dawn. Ħafna delitti ta’ vjolenza kontra n-nisa li jiġu rrapportati jiġu mwarrba fi stadju bikri mill-awtoritajiet investigattivi. L-għarfien dwar il-mekkaniżmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess irid jittejjeb fi ħdan is-sistema legali, is-servizz tas-saħħa, il-pulizija u s-servizzi soċjali.
Il-qrati wkoll iridu jsiru konxji ta’ x’jimplika attakk sesswali għall-mara individwali u kif jista’ jiġi evitat li l-vittma tkompli tiġi abbużata fil-proċeduri tal-qorti. Jekk il-vittmi ta' delitt jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu waqt il-proċeduri tal-qorti, dan se jiffaċilita wkoll ix-xogħol tal-qrati.
4.4 Investigazzjoni kriminali effettiva
Qasam ewlieni għall-kontribut ta’ riżorsi fil-kuntest tal-Programm ta’ Stokkolma huwa t-taħriġ ulterjuri tal-awtoritajiet tal-pulizija fl-Ewropa. Il-pulizija huma l-ewwel aġenzija tal-infurzar tal-liġi li magħha jkollhom kuntatt in-nisa li jkunu spiċċaw vittmi tal-vjolenza. Jista’ jitfassal manwal li jkopri l-mistoqsijiet li jistgħu jitqiesu bħala relevanti fl-investigar tal-problemi assoċjati ma’ vjolenza ripetuta bħala bażi għall-awtoritajiet tal-pulizija biex imexxu l-investigazzjonijiet tagħhom. Fejn tkun issuspettata vjolenza domestika, għandha tiġi investigata l-kwistjoni ta’ jekk ikunux seħħew attakki preċedenti.
Fejn ikun issuspettat attakk sesswali, huwa importanti li l-vittmi jiġu eżaminati minn persunal mediku li jista’ jikseb l-evidenza li tista’ tkun meħtieġa fil-proċeduri tal-qorti. L-esperjenza ggwadanjata fl-iżvilupp u l-użu ta’ manwali speċjali għall-kisba tal-evidenza kienet waħda tajba[34]. Bil-għajnuna ta’ istruzzjonijiet speċjali, l-evidenza tista’ tinkiseb b’mod konsistenti. Dan iġib aktar ċertezza legali lill-investigazzjoni tal-pulizija u lill-proċeduri tal-qorti, kemm għall-ħati u kemm għall-vittma tad-delitt[35]. Permezz ta’ formuli maħduma tajjeb għal kif għandha titmexxa investigazzjoni u għall-interrogazzjoni tal-vittmi, il-vittmi jistgħu jiġu meħlusa mill-istress bla bżonn.
Rifuġji għall-vittmi ta' delitt
Ix-xogħol tar-rifuġji tan-nisa mingħajr skop ta' qligħ għan-nisa soġġetti għall-vjolenza kien effettiv ħafna fl-appoġġ għan-nisa vulnerabbli imma l-attività hija insuffiċjenti u r-responsabilità ma tistax sempliċement titqiegħed f'idejn il-forzi volontarji. L-Istati Membri jridu jieħdu l-inizjattiva biex jespandu n-netwerk tar-rifuġji sa tali livell li jkun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi. It-twaqqif ta’ mill-anqas refuġju wieħed għall-vittmi ta' delitt għal kull għaxart elef abitant jista’ jkun mira partikolari. Meta jiġu stabbiliti rifuġji bħal dawn għall-vittmi ta' delitt, huwa ta’ importanza ewlenija li jkollhom persunal li jkun iffurmat minn individwi li jkollhom għarfien u esperjenza tal-vjolenza kontra n-nisa[36]. Din il-forma ta’ assistenza għall-vittmi ta' delitt għandha wkoll tkun tista’ toffri akkomodazzjoni protetta, u għajnuna legali u psikoloġika. Membri tal-persunal tar-rifuġji jistgħu wkoll jipprovdu appoġġ waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija u l-proċeduri tal-qorti[37].
Numru ta’ emerġenza
Miżura prattika partikolari li tista’ tittieħed hi li fl-Istati Membri jiġi stabbilit numru ta’ emerġenza għall-vjolenza bbażata fuq is-sess. In-nisa li jkunu soġġetti għall-vjolenza jistgħu jċemplu fuq dan in-numru biex jiksbu għajnuna immedjata. Il-persunal tas-servizz tal-emerġenza jeħtieġ taħriġ speċjali biex isib, jagħraf u jappoġġja l-vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess. Hu għandu jkollu istruzzjonijiet proċedurali ċari li jispjegaw liema mistoqsijiet iridu jiġu mistoqsija fejn ikun hemm xi suspett ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess. L-Istati Membri għandhom jipprovdu tagħrif li hu aċċessibbli faċilment, speċjalment fuq l-Internet, dwar l-appoġġ u l-għajnuna li n-nisa vulnerabbli jistgħu jiksbu mis-soċjetà, u minn organizzazzjonijiet volontarji u oħrajn simili.
Miżuri intiżi għaż-żgħażagħ
Iż-żgħażagħ spiss jgħixu ħajja soċjali li prinċipalment isseħħ barra mid-dar. Barra minn hekk huma jitħalltu soċjalment fi gruppi kbar, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-alkoħol. Dawn il-fatturi jirriżultaw f’sitwazzjoni fejn żgħażagħ iwettqu vjolenza u jkunu esposti għaliha. Dan japplika b’mod partikolari għan-nisa żgħażagħ, li għalihom ir-riskju ta’ espożizzjoni għall-vjolenza sesswali jista’ jkun wieħed sinifikanti. Huwa importanti li t-tfal tal-iskola u ż-żgħażagħ jiġu edukati biex jifhmu s-serjetà tal-vjolenza sesswali. Huwa importanti li fi stadju bikri ż-żgħażagħ jitgħallmu jirrispettaw l-integrità ta’ xulxin u jkunu konxji ta’ mġibiet destruttivi u degradanti, partikolarment imġiba bħal din li tkun indirizzata lejn il-bniet żgħażagħ u żgħar. Miżuri b’miri speċifiċi maħsuba għall-bniet żgħażagħ u żgħar jistgħu għalhekk jikkonsistu, pereżempju, filli jiġu offruti korsijiet fejn jitgħallmu jiddefendu ruħhom imfassla biex jgħallmuhom diversi tekniki biex jiddefendu ruħhom kontra l-vjolenza. Madankollu, huwa importanti ukoll li tiġi msaħħa fil-bniet żgħażagħ u żgħar il-kunfidenza fihom infushom u l-istima tagħhom infushom billi jingħataw l-għarfien u l-kuraġġ li jiddefendu lilhom infushom u l-integrità tagħhom[38]. Jeħtieġ li jsiru kampanji speċjali ta’ tagħrif biex iż-żgħażagħ jiġu mħarsa milli jaqgħu vittma tat-traffikar tal-bnedmin jew ta’ delitti marbuta mal-unur.
4.8 Dawk li jwettqu d-delitti
Il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija dejjem primarjament kwistjoni kriminali. Is-soċjetà għalhekk trid twieġeb bil-kastig li hu proporzjonali mas-serjetà tad-delitt. Meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-allokazzjoni tar-riżorsi tas-soċjetà, huwa importanti li dak li jkun ikollu perspettiva ċara min-naħa tal-vittma, peress li huwa dan il-grupp li bħalissa jeħtieġ miżuri protettivi speċjali. Dan ma jeskludix l-allokazzjoni ta’ riżorsi għal individwi ħatja billi, pereżempju, jiġu offruti terapija ta' konversazzjoni u metodi oħra biex tiġi opponuta l-imġiba vjolenti. Din il-forma ta’ trattament alternattiv tal-irġiel li jkunu wettqu attakki serji fuq in-nisa, madankollu, ma għandha qatt tieħu post il-piena imposta mil-liġi kriminali. It-terapija ta’ konversazzjoni u forom oħra ta’ trattament bħal dawn jistgħu biss jissupplimentaw forom oħra ta’ kastig, bħalma hu l-ħabs.
Il-vjolenza hija fil-biċċa l-kbira konsegwenza tar-relazzjonijiet inugwali tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa, u hija espressjoni ta’ relazzjoni ta’ dominazzjoni/subordinazzjoni bejn dak li jwettaq d-delitt u l-vittma fir-rigward ta’ dawn id-delitti, għalhekk, it-terapija ta’ konversazzjoni li fiha kemm il-vittma u kemm il-ħati jieħdu sehem ma tistax titqies peress li d-delitt huwa ta’ tali natura li t-tnejn li huma qatt ma jistgħu jkunu partijiet ekwivalenti u ugwali fin-negozjar.
Il-valutazzjonijiet tar-riskji, partikolarment dawk marbuta mal-vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib fejn il-vittma ma tkunx irrappurtat id-delitt hi nnifisha, għandhom isiru mill-pulizija u mhux mis-servizzi soċjali. Kull valutazzjoni tar-riskji bħal dawn għandha tiffoka fuq kemm hu perikoluż il-ħati u mhux fuq il-vulnerabilità tal-vittma. Hija t-tendenza li għandu l-ħati li jirkadi fil-kriminalità li hija l-fattur deċiżiv għall-valutazzjoni.
5. Għarfien u tagħrif
5.1 Statistika
Il-Parlament Ewropew diġà ġibed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi rreġistrat il-livell tad-delitti, bħalma hu l-qtil, li jirriżultaw mill-vjolenza domestika. Il-ġbir sistematiku tad-data jagħmilha possibbli li tittieħed deċiżjoni dwar liema miżuri għandhom jiġu prijoritizzati skont il-politika tal-kriminalità bil-għan li l-vjolenza bbażata fuq is-sess tiġi impedita u ultimament eliminata. Hemm nuqqasijiet fl-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Istati Membri. Dak li hu meħtieġ issa hu l-ġbir konġunt ta’ data relevanti u komparabbli mid-diversi Stati Membri. L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi li għadu kif ġie stabbilit għandu rwol importanti xi jwettaq f’dan ir-rigward.
Spanja stabbiliet sistema għall-ġbir tat-tagħrif li jitfaċċa fi ħdan is-sistema legali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet legali u l-proċeduri tal-qorti[39]. Din tirreġistra d-data relevanti fuq delitti attwali u l-partijiet involuti, bħalma huma s-sess tal-partijiet, l-etniċità tagħhom, il-post tad-delitt, l-użu ta’ armi, eċċ. Jekk il-partijiet kienu preċedentement f’kuntatt mal-awtoritajiet, dan jista’ wkoll jikkostitwixxi tagħrif relevanti li għandu jiġi rreġistrat.
5.2 Riċerka
Hemm il-ħtieġa ta’ aktar għarfien dwar il-livell tal-vjolenza bbażata fuq is-sess fl-Ewropa. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li jingħata appoġġ għar-riċerka dwar il-vjolenza. F’dan il-kuntest, il-proġett Daphne, b’mod partikolari, kien ta’ għajnuna kbira.
6. Konklużjoni
Ir-rapporteur tqis li għandna niksru s-silenzju li jeżisti madwar dawn il-vjolazzjonijiet serji. Aktar għarfien dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess ukoll jista’ jsaħħaħ il-kuxjenza pubblika dwar il-problema. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jiġġieldu l-vjolenza bbażata fuq is-sess.
- [1] Mill-anqas 20% tan-nisa fl-Ewropa esperjenzaw vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib; hija waħda mill-kawżi l-aktar komuni tal-mewt fost in-nisa.
- [2] P7_TA (2009) 0098, L-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa.
- [3] COM(2010) Strateġija għall-ugwaljanza 2010–2015, 4.
- [4] Ir-Raba’ Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, Pekin 1995.
- [5] Rieżami ta’ ħames snin tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin, 2000. Ir-rieżami ta’ għaxar snin 2005, Ir-rieżami ta’ ħmistax-il sena 2010; Riżoluzzjoni tan-NU nru 63/155. ‘Intensifikazzjoni tal-isforzi biex jiġu eliminati l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa’ Rapport tas-Segretarju Ġenerali.
- [6] Riżoluzzjoni tal-ECOSOC tan-NU nru 2009/15.
- [7] CEDAW Art. 16.
- [8] Il-Każ ta’ Opuz vs It-Turkija (2009).
- [9] Il-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura 1§, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Vittmi tal-Kriminalità, b’mod partikolari l-addendum paragrafu 1, li jiddefinixxi t-terminu ‘vittma’.
- [10] MC vs Il-Bulgarija (nru 39272/98).
- [11] Kunsill tal-Ewropa document 12013 (2009); CAHVIO (2010) 17, It-Tielet Abbozz tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
- [12] TUE Artikolu 2; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea , Artikolu 23 dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.
- [13] TUE Artikolu 83(2); Qorti tal-Ġustizzja (2005) Każ C-176/03, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECR I - 7879.
- [14] TUE Artikolu 83(1);
- [15] TUE Artikolu 82(2)(c);
- [16] Il-Programm ta’ Stokkolma 17024/09, adottat mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009.
- [17] Il-Programm ta’ Stokkolma 17024/09, adottat mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, Taqsima 2.3, b’mod partikolari l-paragrafu 2.3.4.
- [18] L-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, 2010/C69/02.
- [19] NU, Pekin (1995) Pjattaforma ta’ Azzjoni, paragrafu 118: "Il-vjolenza kontra n-nisa hija manifestazzjoni tar-relazzjonijiet storikament inugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li wasslu għad-dominazzjoni fuq in-nisa u d-diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel u għall-prevenzjoni tan-nisa li javanzaw għalkollox."
- [20] NU, Pekin (1995) Pjattaforma ta’ Azzjoni, paragrafu 113.
- [21] Rakkomandazzjoni ġenerali tal-kumitat tas-CEDAW, nru 19.
- [22] P7_TA-PROV(2010)0037 dwar il-Pjattaforma ta’ Azzjoni għall-ugwaljanza tas-sessi ta’ Pekin +15 – NU, paragrafi 9-10.
- [23] Psytel (2006) Il-proġett Daphne dwar l-ispiża tal-vjolenza domestika fl-Ewropa.
- [24] K. Berglund ‘Gender and harm’, Scandinavian Studies in Law, p. 12-27.
- [25] COM(2010) 0094 proposta għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI
- [26] Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Artikolu 24, paragrafu 3.
- [27] P6_TA (2009) 0161 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE; "Prattiki tradizzjonali dannużi" (Harmful traditional practices), ktejbiet Daphne 2008.
- [28] CEDAW, Artikolu 17.2.
- [29] COM(2010)95 proposta għal direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI.
- [30] Skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, l-Istati Membri huma meħtieġa li lill-vittmi jipprovdulhom parir, Artikolu 6 u Artikolu 4, paragrafu f(iii); skont ir-Rapport tal-Kummissjoni SEC (2009)476, il-provvediment tal-Istati Membri ta’ servizz ta' parir bħal dan mhuwiex komplut.
- [31] Skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, il-vittmi għandhom ikunu ititolati għall-għajnuna legali fejn ikun possibbli għalihom li jkollhom l-istatus ta' partijiet fil-każ, Artikoli 6 u 4, paragrafu f(ii); skont ir-Rapport tal-Kummissjoni SEC (2009)476, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri issa jirrispettaw tali dispożizzjoni.
- [32] Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2009/C 295/01, miżura C.
- [33] Il-Programm ta’ Stokkolma 17024/09, adottat mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2009; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-istatus tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, 2001/220/ĠAI, paragrafi. 6, 8, 10 u 11.
- [34] Eżempju wieħed huwa l-manwal għat-teħid tal-kampjuni u għall-ksib tal-evidenza f’każijiet ta’ attakk sesswali, li ġie żviluppat miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Għarfien dwar il-Vjolenza tal-Irġiel Kontra n-Nisa tal-Università ta’ Uppsala fl-Iżvezja.
- [35] Il-Programm ta’ Stokkolma 17024/09, adottat mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009, jippreżenta wkoll miżuri biex tiżdied iċ-ċertezza legali kemm għal dawk issuspettati u kemm għall-konvenuti.
- [36] Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-istatus tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, 2001/220/ĠAI, Artikolu 13.
- [37] Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-istatus tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, 2001/220/ĠAI, Artikolu 13, paragrafu 2c.
- [38] "Kisbiet Kontra l-Kurrent: It-taħriġ għan-Nisa u l-Bniet fl-Ewropa f'kif jiddefendu ruħhom", rapport għall-proġett Daphne.
- [39] www.observatorioviolencia.org
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
15.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
27 0 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Silvia Costa, Tadeusz Cymański, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Zita Gurmai, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vilija Blinkevičiūtė, Jill Evans, Norica Nicolai, Joanna Senyszyn |
|||||