RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kusill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibblitaż-Żona tal-Park ta' Prespa
23.3.2011 - (16581/2010 – C7‑0007/2011 – 2010/0300(NLE)) - ***
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Kriton Arsenis
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa
(16581/2010 – C7‑0007/2011 – 2010/0300(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (16581/2010),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa (16581/2010),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0007/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0078/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, tal-Albanija u ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.
NOTA SPJEGATTIVA
L-Unjoni Ewropea għandha leġiżlazzjoni konsolidata dwar il-protezzjoni tal-ilmijiet tagħha, li l-kisba l-aktar sinifikattiva tagħha hija forsi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-2000 (200/60/KE)[1], li tistabbilixxi l-objettiv tal-protezzjoni tal-ilmijiet kollha (xmajjar, lagi, ilmijiet ta' taħt l-art u ilmijiet mal-kosta) u li tipprevedi l-koordinament tal-isforzi fi ħdan il-baċini tax-xmajjar, tul fruntieri amministrattivi u politiċi, biex dan l-objettiv jintlaħaq. Abbażi ta' din id-Direttiva Qafas, fejn il-baċini tax-xmajjar jestendu lil hinn mit-territorju tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jistabbilixxu koordinament mal-Istati mhux Membri li jikkondividu d-distrett tal-baċin tax-xmajjar[2]. Meta l-koordinament jieħu l-forma ta' ftehim internazzjonali, tkun meħtieġa il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala Parti sa fejn dak il-ftehim ikopri kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni.
Il-Baċin tal-Lagi ta' Prespa (Park ta' Prespa) huwa maqsum bejn il-Greċja, din li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija. L-ewwel hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, it-tieni hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u t-tielet hija pajjiż potenzjalment kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. L-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kkonkludew ukoll Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE.
Il-Park ta' Prespa jirrappreżenta żona naturali ta' rilevanza internazzjonali minħabba l-ġeomorfoloġija, l-ekoloġija, il-bijodiversità u r-rilevanza kulturali tiegħu. Jikkostitwixxi ħabitat vitali għall-konservazzjoni ta' bosta speċijiet rari u/jew endemiċi ta' flora u ta' fawna, sit fejn l-għasafar mhedda bl-estinzjoni fuq livell dinji jbejtu u sit li għandu jitħares għall-wirt arkeoloġiku u tradizzjonali importanti tiegħu. Għal dawn ir-raġunjiet, dawn it-tliet pajjiżi:
– bid-dikjarazzjoni tat-2 ta' Frar 2000, ipproklamaw iż-żona tal-Park ta' Prespa żona transkonfinali protetta, l-ewwel waħda ta' din ix-xorta fl-Ewropa tax-Xlokk;
– bid-dikjarazzjoni konġunta tal-Prim Ministri tas-27 ta' Novembru 2009 impenjaw ruħhom jikkollaboraw għall-ħarsien integrat tal-ekosistema u tal-iżvilupp sostenibbli taż-żona tal-Park ta' Prespa, filwaqt li jistabbilixxu qafas speċifiku ta' prijoritajiet, inizjattivi u azzjonijiet;
– fit-2 ta' Frar 2010 ffirmaw il-Ftehim għall-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa, li fih ipparteċipat anki l-Unjoni Ewropea, u li l-Parlament Ewropew huwa mitlub japprova. Il-Kummissjoni pparteċipat, f'isem l-UE, fin-negozjati li abbozzaw it-test tal-Ftehim fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni konċessa mill-Kunsill[3], skont l-Artikolu 175 u l-Artikoku 300(1) tat-Trattat KE.
L-iskop tal-Ftehim huwa dak li jistabbilixxi kooperazzjoni biex jiggarantixxi l-ħarsien integrat tal-ekosistema u l-iżvilupp sostenibblu taż-żona tal-Park ta' Prespa, inkluż it-tfassil ta' proġetti integrati ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar abbażi tal-istandards internazzjonali u dawk tal-UE.
Bil-għan li jintlaħaq dan l-objettiv, il-Partijiet intrabtu jadottaw il-miżuri meħtieġa u japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli, individwalment jew kollettivament, abbażi tal-ugwaljanza sovrana, tal-integrità territorjali, tal-vantaġġ reċiproku u tal-bona fide, bil-għan li:
– jiġġestixxu l-ilmijiet tal-Lagi ta' Prespa;
– jipprevjenu, jikkontrollaw u jnaqqsu t-tniġġis fiż-Żona tal-Lagi ta' Prespa;
– jipproteġu u jikkonservaw il-bijodiversità taż-żona abbażi tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE, inklużi d-Direttivi 92/43/KEE u 2009/14/KE;
– jipproteġu l-ħamrija mill-erożjoni, l-isfruttament, l-infezzjonijiet u t-tniġġis;
– jiggarantixxu l-użu prudenti tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp sostenibbli;
– jipprevjenu l-introduzzjoni u t-trobbija ta' speċijiet ta' annimali u pjanti eżotiċi;
– jiġġestixxu l-attivitajiet li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw impatt negattiv fiż-Żona tal-Lagi ta' Prespa sabiex jiġu pprevenuti jew minimizzati dawn l-effetti.
Il-Ftehim se jikkontribwixxi għal implimentazzjoni ta' suċċess tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, għall-protezzjoni tal-ambjent, għat-titjib tal-livell ta' ħajja tal-abitanti taż-żona kif ukoll biex jistabbilixxi kooperazzjoni bejn it-tliet pajjiżi billi jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien fost il-Partijiet f'din iż-żona partikolarment sensittiva tal-Balkani.
L-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli u infrastrutturi "ħodor", li minħabba n-natura tagħhom stess se joħolqu impjiegi ġodda f'livell lokali, se joħolqu potenzjal notevoli ta' impjiegi, b'hekk jikkontribwixxu għat-twettiq tal-Istrateġija 'Ewropa 2020'. Barra minn hekk, użu aħjar tar-riżorsi, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-konservazzjoni tan-natura jistgħu u għandhom imorru id f'id[4].
Il-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi se jagħti kontribut deċiżiv lejn il-prosperità tar-reġjun. Skont studju dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB)[5], it-telf ta' bijodiversità jissarraf f'telf sostanzjali fis-setturi tal-ekonomija u jnaqqas il-prosperità, filwaqt li kwalunkwe tentattiv biex ikun evitat it-telf ta' bijodiversità huwa fattibbli u kost-effikaċi.
Jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li l-ambjent naturali huwa r-regolatur l-aktar effikaċi tal-klima u fl-istess ħin huwa l-akbar bir ta' assorbiment tal-karbonju, billi l-ekosistemi tal-art u tal-baħar attwalment jassorbu madwar nofs l-emissjonijiet tas-CO2 ġġenerati mill-bniedem. L-ekosistemi b'saħħithom u reżistenti jikkostitwixxu l-valvola tas-sigurtà kontra t-tibdil fil-klima billi jgħinu fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu u jadattaw għalih[6].
Il-Ftehim huwa wkoll kumpatibbli mal-Pjan Strateġiku l-ġdid għall-protezzjoni tal-bijodiversità għall-perjodu 2011-2020 u b'viżjoni sal-2050, kif konkluż fil-Konferenza reċenti tan-NU ta' Nagoya fil-Ġappun li pprevediet, fost affarijiet oħra, it-tentattiv li jitnaqqas ir-ritmu ta' telf tal-ekosistemi naturali bin-nofs u skont dan, hu possibbli li jiġi eliminat jew jitnaqqas ir-riskju ta' estinzjoni tal-ispeċijiet mhedda sal-2020[7].
Skont l-Artikolu 218, paragrafu 6(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex jadotta l-Ftehim il-Kunsill għandu jiżgura l-approvazzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew.
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jaqbel mingħajr riservi mal-approvazzjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli taż-Żona tal-Park ta' Prespa.
- [1] Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L327, 22.12.2000.
- [2] Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/60/KE.
- [3] Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2007 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fin-negozjati li jimmiraw lejn il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-baċini tax-xmajjar għat-titjib tal-kooperazzjoni fil-baċini tax-xmajjar Ewropej kondiviżi bejn ċerti Stati Membri u Pajjiżi Terzi.
- [4] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità (2009/2108(INI)).
- [5] 'TEEB Interim Report', Mejju 2008: 'TEEB for Policy-Makers', Νovembru 2009: http://www.teebweb.org.
- [6] Convenient solutions to an inconvenient truth: ecosystem-based approaches to climate change, Bank Binji, 2009· "TEEB Climate Issues Update", Settembru 2009; The Natural Fix? The role of ecosystems in climate mitigation", UNEP, Ġunju, 2009.
- [7] L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 10) tal-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika, Nagoya, Ġappun, 18-29 ta' Ottubru 2010.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
57 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jutta Haug, Philippe Juvin, Marisa Matias, Bill Newton Dunn, Bart Staes, Eleni Theocharous, Thomas Ulmer, Marita Ulvskog, Anna Záborská |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Konrad Szymański |
|||||