Proċedura : 2010/2207(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0079/2011

Testi mressqa :

A7-0079/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/06/2011 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0251

RAPPORT     
PDF 170kWORD 107k
23.3.2011
PE 452.542v01-00 A7-0079/2011

dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona

(2010/2207(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Brian Simpson

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona

(2010/2207(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta' qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1) ("il-Ftehim ta' Qafas"),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti(2),

–   wara li kkunsidra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda għall-politika esterna tal-Komunità dwar l-avjazzjoni(6),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "L-iżvilupp tal-aġenda għall-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunità" (COM(2005)0079),

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0079/2011),

A. billi, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament ġie kkonsultat biss dwar il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru,

B.  billi l-approvazzjoni tal-Parlament issa hi meħtieġa għall-ftehimiet li jkopru l-oqsma li tapplika għalihom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

C. billi, meta l-Kummissjoni tkun qed tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Parlament għandu "jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"(7),

D. billi l-Ftehim ta' Qafas għandu jiżgura li s-setgħat u l-prerogattivi tal-Istituzzjonijiet jiġu eżerċitati b'mod kemm jista' jkun effikaċi u trasparenti,

E.  billi f’dak Il-Ftehim ta' Qafas il-Kummissjoni ntrabtet li tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, speċjalment rigward l-aċċess għal laqgħat u t-trażmissjoni ta' kontribuzzjonijiet jew informazzjoni oħra,

Introduzzjoni

1.  Jikkunsidra li l-ftehimiet dwar l-ajru komprensivi mal-pajjiżi ġirien jew is-sħab globali sinifikattivi jistgħu jipprovdu benefiċċji sostanzjali lill-passiġġieri, lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u lil-linji tal-ajru, kemm permezz ta' aċċess għas-suq u ta’ konverġenza regolatorja għall-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, u dan ukoll fir-rigward ta' sussidji Statali u ta' standards soċjali u ambjentali;

2.  Jirrikonoxxi li l-ftehimiet orizzontali, li jallinjaw il-ftehimiet bilaterali eżistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, huma meħtieġa biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jingħataw benefiċċji addizzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mas-simplifikazzjoni u l-assigurazzjoni li l-linji tal-ajru kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu mill-istess drittijiet;

3.  Jinnota li standards tas-sigurtà tat-titjiriet u tal-ajru għall-passiġġieri, l-ekwipaġġi u l-vjaġġi bl-ajru in ġenerali huma ta' importanza fundamentali u għalhekk jappoġġja l-konklużjoni ta' ftehimiet dwar is-sikurezza tal-ajru mal-pajjiżi li għandhom industrija sinifikattiva tal-manifattura tal-mezzi tal-ajru, meta jitqiesu l-ispejjeż iffrankati u l-istandards konsistentement għoljin li jistgħu jinkisbu jekk tiġi minimizzata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet, testijiet u kontrolli;

4.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għad irid jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar l-ajru komprensiv mas-sieħba kummerċjali importanti bħar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja; jikkunsidra li dan in-nuqqas qed ikun ta’ aktar ħsara għall-interessi tal-Unjoni, b'mod partikulari minħabba t-tkabbir rapidu ta' dawn l-ekonomiji;

5.  Jinnota li fil-lista l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar negozjati attwali dwar ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni, hemm neqsin pajjiżi importanti bħall-Ġappun u l-Federazzjoni Russa;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kwistjoni tat-titjiriet fuq is-Siberja; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-isforzi kollha neċessarji, inkluż billi ssegwi wkoll din il-kwistjoni fil-kuntest tan-negożjati tal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, biex tevita distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn kumpaniji tal-avjazzjoni tal-UE;

Il-kriterji biex jiġi vvalutat ftehim

7.  Jenfasizza li f'kull negozjazzjoni għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-benefiċċji ta' ftehim minn kmieni meta mqabbel ma' dewmien bl-intenzjoni li jinkiseb riżultat aktar ambizzjuż;

8.  Jindika li, meta jkun qed jivvaluta l-ftehimiet komprensivi li jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni, il-Parlament se jagħmel ħiltu biex japplika sett ta' standards konsistenti; jinnota b'mod partikolari fit-twettiq ta’ din l-analiżi l-Parlament għandu jiffoka fuq: kemm ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet għal investiment jiġu llaxkati b'mod ibbilanċjat; kemm jingħataw inċentivi biex l-istandards soċjali u ambjentali jinżammu u jissaħħu; kemm jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza; kemm hu inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards ta' sikurezza u sigurtà; u kemm hu żgurat livell għoli ta' drittijiet għall-passiġġieri;

9.  Jikkunsidra li hemm bżonn urġenti ta' standards dinjin għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza u li l-kriterji stabbiliti mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 jipprovdu mudell xieraq għal ftehim ta' dan it-tip; jinnota li l-Unjoni għandu jkollha rwol ta' pijuniera fl-iżvilupp ta' standards internazzjonali bħal dawn;

10. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza dejjem tikber tal-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għat-tisħin globali u jikkunsidra li l-ftehimiet għandhom jinkludu impenn għal ħidma flimkien, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-mezzi tal-ajru, flimkien mal-objettiv li tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika fl-oqsma tax-xjenza klimatika (emissjonijiet tas-CO2 u emissjonijiet oħra relevanti għall-klima fl-atmosfera), ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-effiċjenza tal-fjuwils;

11. Jenfasizza li diversi aspetti tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet tal-istorbju u l-limitazzjonijiet fuq it-titjiriet bil-lejl, għandhom jiġu stabbiliti fil-livell lokali, b'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina dawn il-kwistjonijiet fil-livell Ewropew, waqt li tqis il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju fundamentali tal-"approċċ bilanċjat", kif ġie definit mill-organizzazzjoni internazzjonali għall-avjazzjoni ċivili;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ftehimiet dwar l-ajru sabiex tippromwovi l-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol imħaddna fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), il-Linji Gwida tal-OKŻE għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti 2000) u l-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali tal-1980;

13. Jinnota li, fil-każ tal-ftehimiet dwar is-sikurezza, il-kriterji jinkludu: rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-prattiki u l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni; l-iskambju tad-data dwar is-sikurezza; ispezzjonijiet konġunti; aktar kooperazzjoni regolatorja; u konsultazzjonijiet ta' livell tekniku sabiex il-kwistjonijiet jiġu solvuti qabel ma jkollu jibda l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

Il-Proċedura

14. Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex ikun jista' jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jew le fl-aħħar tan-negozjati, hemm bżonn li l-Parlament isegwi l-proċess mill-bidu; jikkunsidra li hu wkoll fl-interessi tal-Istituzzjonijiet l-oħra li kwalunkwe tħassib ta' biżżejjed importanza li jqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu jiġu identifikati u indirizzati fi stadju bikri;

15. Ifakkar li, skont il-Ftehim ta' Qafas tal-2005, il-Kummissjoni diġà hi obbligata tipprovdi informazzjoni minn kmieni u ċara lill-Parlament waqt it-tħejjija, it-tmexxija u l-konklużjoni ta' negozjati internazzjonali; jinnota li l-Ftehim ta’ Qafas rivedut ta' Ottubru 2010 jgħdi b’mod partikolari, li l-Parlament mill-bidu għandu jirċievi u fejn meħtieġ, fuq il-bażi kunfidenzjali, dettalji sħaħ dwar il-proċedura li tkun għaddejja fl-istadji kollha tan-neguzjati;

16. Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat responsabbli tiegħu bl-informazzjoni dwar l-intenzjoni li tipproponi negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi u emendati ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru, u bl-abbozzi tad-direttivi ta' negozjazzjoni, l-abbozzi tat-testi ta' negozjazzjoni u d-dokument li għandu jiġi inizjalat, flimkien mad-dokumenti u l-informazzjoni l-oħra relevanti; jistenna li r-rwol tal-Parlament rigward kwalunkwe emendi ulterjuri għal ftehim internazzjonali dwar l-ajru jkun stipulat espliċitament fil-ftehim;

17. Jinnota li l-informazzjoni msemmija qabel skont Artikolu 24 tal-Ftehim ta' Qafas ta’ dan it-tip għandha tiġi trażmessa lill-Parlament, b'mod li jekk hemm bżonn ikun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu; jitlob espressament lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar kif ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-Parlament;

18. Jirrikonoxxi li meta l-Parlament jirċievi informazzjoni sensittiva dwar negozjati li jkunu għaddejjin, għandu obbligu li jiżgura li tinżamm il-kunfidenzjalità;

19. Jinnota li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament "jista', fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, [...] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel tiġi konkluża l-ftehima internazzjonali kkonċernata" (Artikolu 90(4));

20. Jirrikonoxxi li l-ftehimiet dwar l-ajru ta' spiss jagħtu rwol sostanzjali lil kumitat konġunt, b'mod partikulari fir-rigward tal-konverġenza regolatorja; jaċċetta li, f'ħafna każi, dan hu mezz aktar flessibbli u effikaċi għat-teħid tad-deċiżjonijiet milli wieħed jipprova jinkludi tali punti fil-ftehim innifsu; madankollu, jenfasizza l-importanza li l-Parlament jirċievi informazzjoni kompluta u f'waqtha dwar il-ħidma tad-diversi kumitati konġunti;

21. Jitlob lill-Kummissjoni, bl-iskop li jinżamm fluss ta' informazzjoni, biex tippreżenta rapport regolari lill-Parlament, mu mhux anqas minn kull tliet snin, li janalizza l-punti pożittivi u negattivi tal-ftehim li japplika; tinnota li dan jippermetti lill-Parlament jevalwa ftehimiet futuri b'mod iktar effiċjenti;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0366.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0239.

(3)

Testi Adottati, P7_TA(2010)0144.

(4)

ĠU C 74E, 20.03.2008, p.506.

(5)

ĠU C 301E, 13.12.2007, p. 143.

(6)

GU C 287E, 24.11.2006, p. 84.

(7)

L-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, estenda ċ-ċirkostanzi li fihom l-approvazzjoni tal-Parlament kienet meħtieġa għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Il-ftehimiet fis-settur tal-ajru jaqgħu taħt din il-kategorija minħabba li jkopru kamp fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja(1). Preċedentement, il-Parlament kien jiġi biss ikkonsultat dwar ftehimiet bħal dawn.

Fid-dawl ta' din il-bidla, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ddeċieda li jagħmel rapport ta' inizjattiva proprja bl-iskop li jistabbilixxi xi prinċipji ġenerali dwar kif ftehimiet li jirrigwardaw is-settur tal-arju għandhom jiġu evalwati kemm f'termini ta' sustanza u kemm dwar il-proċeduri li l-Kumitat jista' jadotta sabiex jiżgura li jkun infurmnat tajjeb matul in-negużjati u jkollu l-opportunità li jesprimi l-prijoritajiet tiegħu kmieni biżżejjed qabel ma jkun ikkonfrontat bl-għażla ta' iva jew le jekk jagħtix il-kunsens tiegħu.

Tipi ta' Ftehimiet

Wieħed jista' jiddistingwi tliet kategoriji wiesgħa ta' ftehimiet li jirrigwardaw is-settur tal-ajru:

· ftehimiet orizzontali li jallinjaw mal-liġi Komunitajra l-ftehimiet bilatrali eżistenti ta' servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiż terz speċifiku;

· ftehimiet komprensivi ma' pajjiżi ġirien jew ma' imsieħba globali li jippruvaw jiżguraw kompetizzjoni ġusta u jgħuni fir-riforma tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali filwaqt li jippromwovu r-regolazzjoni u l-industriji Ewropej;

· ftehimiet rigward sikurezza li jkollhomn l-iskop li jiżguraw il-livell għoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili madwar id-dinja u li jimminimizzaw il-piżijiet billi jeliminaw verifiki doppji u mhux neċessarji.

Hemm konsensus wiesa' li ftehimiet fis-settur tal-ajru ma' pajjiżi terzi huma b'mod ġenerali pożittivi. Jidher ċar li ftehimiet orizzontali li jimplimentaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2002(2), huma meħtieġa sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali. Jiggarantixxu wkoll l-istess drittijiet lil-linji tal-ajru tal-Unjoni. filwaqt li jissimplifikaw l-għanqbuta preċedenti ta' ftehimiet ta' Stati Membri individwali.

Bl-istess mod, il-ftehimiet komprensivi ma' pajjiżi ġirien jew imsieħba globali sinifikattivi jistgħu jipprovdu benefiċċji sostanzjali billi joffru servizzi aħjar lill-passiġġieri u lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija - f'termini kemm ta' varjetà kif ukoll ta' prezzijiet - filwaqt li jippermettu opportunitajiet ġodda u vantaġġ kompettiv lill-kumpaniji tal-ajru. Barra minn hekk, konverġenza regolatorja tista' tgħin ħafna biex tippromwovi kompetizzjoni ġusta b'mod partikolari fir-rigward ta' sussidji Statali u ta' standards soċjali u ambjentali.

F'dan il-kuntest, hija ħasra li l-Kunsill għad irid jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim komprensiv dwar l-ajru mas-sieħba kummerċjali importanti fl-Ażja, inklużi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja minkejja li l-proposta għal dan saret fl-2005. It-tkabbir ekonomiku ta' dan ir-reġjun jagħmel aktar u aktar sinifikattiv il-valur ta' dawn il-ftehimiet. Il-Parlament għandu għalhekk jitlob lill-Kunsill sabiex jirrikonoxxi li l-valur ta' ftehim bejn l-Unjoni u waħda minn dawn l-ekonomiji emerġenti huwa wisq akbar minn dak li jista' jinkiseb permezz ta' negozjati bilaterali.

Ir-rekwiżiti ta' sikurezza jimminimizzaw id-duplikazzjoni ta' evalwazzjonijiet, testijiet u kontrolli (sakemm ma jkunx hemm differenzi regolatorji sinifikanti), filwaqt li jippermettu li l-UE u l-manufattur ta' ajruplani sinifikattiv ieħor joqogħdu fuq is-sistemi ta' ċertifikazzjoni reċiproka. Huwa ċar li dan ikun mixtieq għaliex jgħin sabiex inaqqas l-ispejjeż u jiżgura standands għoljin.

Kriterji

Madankollu, mixtieqa kemm huma mixtieqa b'mod ġenerali dawn il-ftehimiet, dan m'għandux ikun konfuż mal-idea li kwalunkwe tip ta' ftehim ikun ftehim tajjeb. Minflok, jeħtieġ li jiġi deċiż, kemm mill-Kummissjoni bħala n-negozjatur u mill-Parlament u l-Kunsill bħala l-korpi li jridu jappruvaw ir-riżulati tan-negużjati, jekk il-ftehim in kwistjoni huwiex ambizzjuż u bilanċjat biżżejjed jew jekk ikunx aħjar li jkun hemm dewmien fil-ftehim sakemm tinstab soluzzjoni aħjar.

Huwa possibbli li titqies, partikolarment fil-każ ta' ftehimiet komprensivi, xi tip ta' lista ta' verifika li r-rapporteurs responsabbli għall-ftehimiet individwali jkunu jistgħu jużaw sabiex ikun żgurat approċċ konsistenti għall-evalwazzjoni tal-ftehimiet differenti. Lista ta' verifika bħal din tkun tista' tinkludi:

· il-ħeffa tal-ftuħ tas-suq u d-daqs tiegħu;

· jekk ir-restrizzjonijiet għall-investiment ikunux rilaxxati b'mod tempestiv u bilanċjat;

· assigurazzjoni li l-allinjament tal-istandards soċjali u ambjentali jkunx lejn is-sieħeb bil-livelli l-aktar għoljin u mhux lejn dawk ta' dak b’livelli aktar baxxi;

· is-salvagwardja tal-istandards Ewropej għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Dan ifisser li t-trasferimenti kollha ta' data personali għandhom jipprovdu s-salvagwardji neċessarji għaċ-ċittadini tal-UE, jirrispettaw garanziji proċedurali u drittijiet ta' difiża, u jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data;

· limitazzjonijiet ta' għajnuna Statali li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u bilanċjata;

· rikonoxximent reċiproku tal-istandards ta' sikurezza u sigurtà, li idealment jinvolvu "kontroll wieħed tas-sigurtà" (pereżempju, li t-trasfriment ta' passiġġieri, bagalji u merkanzija jkunu eżentati minn miżuri ta' sigurtà addizzjonali);

· allinjament ta' politiki tad-drittijiet tal-passiġġeiri sabiex jiġu żgurati l-aktar standards għoljin.

Bl-istess mod, fil-każ tal-ftehimiet li jirrigwardaw is-sikurezza, huwa importanti li fil-mira jkun hemm ir-rikomoxximent reċiproku sħiħ sabiex il-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli ta' parti waħda tfisser konformità mal-leġiżlazzjoni tal-parti l-oħra u li l-prattiċi ta' ċertifikazzjoni u l-proċeduri ta' kull parti jipprovdu prova ekwivalenti ta' konformità. Biex tinżamm il-fiduċja fis-sistemi reċiproċi dan x'aktarx ikun jinvolvi li jipprevedi spezzjonijiet konġunti, investigazzjonijiet, skambju ta’ data dwar is-sikurezza (spezzjonijiet tal-ajruplani u informazzjoni relatata ma’ inċidenti) u żieda fil-kooperazzjoni regolatorja u fil-konsultazzjoni fil-livell tekniku biex jissolvew il-kwistjonijiet qabel ma jkunu jistgħu jsiru "tilwimiet".

Huwa ċar li dan ma jfisirx li kull ftehim jrid bilfors jivverifika kull punt fuq il-lista. Ta' spiss ikun meħtieġ li tinbena l-fiduċja billi jiddaħħlu xi elementi gradwalment jew permezz ta' neġozjati fi stadji suċċessivi. Minflok, l-idea hija li jiġi stipulat qafas li miegħu jiġu mqabbla u evalwati l-ftehimiet individwali.

Proċess

Sabiex ikun f'pożizzjoni tajba biex iqis jew għandux jagħti kunsens jew le meta jispiċċaw in-negozjati, il-Parlament jeħtieġlu jsegwi l-proċess sa mill-bidu nett. Hekk ukoll, kif uriet l-esperjenza tal-programm tar-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, huwa fl-interess tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li kwalunkwe preokkupazzjoni ta' importanza suffiċjenti li tixħet dubju dwar kemm il-Parlament ikunx lest jagħti l-kunsens tiegħu, jeħtieġ li tiġi identifikata u indirizzata fi stadju bikri pjuttost milli wara li jkunu konklużi n-negozjati. Dan ifisser li l-Parlament u l-Kumitati tiegħu għandhom ifittxu li jsibu mezz sabiex jiżguraw li l-Kummissjoni tkun konxja mill-kriterji li se tuża biex tevalwa ftehim u minn kwalunkwe elementi li jistgħu jirrizultaw inaċċettabbli.

Skont il-Ftehim ta' Qafas tal-2005 il-Kummissjoni kienet diġà qablet li tipprovdi informazzjoni minn kmieni u ċara lill-Parlament kemm waqt il-fażi ta' tħejjija kif ukoll waqt it-tmexxija u l-konklużjoni ta' negozjati internazzjonali. Din l-informazzjoni tirrigwarda l-abbozzi ta' direttivi ta' negozjati, id-direttivi ta' negozjati approvati u t-tmexxija u l-konklużjoni sussegwenti tan-negozjati. Dawn l-arranġament issaħħew u ġew iċċarati bil-ftehim rivedut tal-20 ta' Ottubru 2010.

B'konformità mal-Anness 3 ta’ dan il-ftehim rivedut, il-Kummissjoni (b'mod parikolari DĠ MOVE) għandha tinforma lill-Parlament dwar l-intenzjoni tagħha li tipproponi negozjati, tipprovdi l-abbozzi tad-direttivi ta' negozjazzjoni, l-abbozzi tat-testi ta' negozjazzjoni u d-dokument li għandu jiġi inizjalat flimkien mad-dokumenti u l-informazzjoni l-oħra relevanti u informazzjoni dwar is-sospensjoni jew modifiki possibbli ta' ftehimiet.

Kif sar fl-imgħoddi, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jista' jorganizza perjodikament briefings orali in camera min-negozjaturi tad-DĠ MOVE li jippemettu li Membri involuti l-aktar mill-qrib fis-suġġetti li jkun qed jiġu diskussi jiskopru l-istat attwali tan-negozjati filwaqt li tiġi rispettata n-natura konfidenzjali tal-informazzjoni. Bl-istess mod, ikunu meħtieġa miżuri xierqa sabiex jiżguraw li dokumenti sensittivi jitqiegħdu biss għad-dispozzjoni ta' dawk li jkunu jeħtieġuhom materjalment għax-xogħol u bil-kundizzjoni li n-natura ristretta tad-dokument tiġi rispettata.

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament "jista', fuq il-bażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, [...] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel tiġi konkluża l-ftehima internazzjonali kkonċernata" (Artikolu 90(5)); Barra minn hekk, l-Artikolu 81(3) jippermetti li Kumitat responsabbli, "sabiex jiffaċilita r-riżultat pożittiv tal-proċedura, jiddeċiedi li jippreżenta rapport interim dwar il-proposta lill-Parlament b'mozzjoni għal risoluzzjoni li jkun fiha rakkomandazzjonijiet għall-modifika jew għall-implimentazzjoni tal-att propost. "

Fl-istadju attwali wieħed għad irid jara kemm il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jkunx jixtieq jew le jagħmel użu minn dawn il-poteri formali. Dan ikun jiddependi ħafna minn kemm ikun possibbli li jinżamm u jisseddaq id-djalogu kostruttiv eżistenti li hemm bejn il-Kumitat u d-DĠ MOVE. F'ċirkustanzi bħal dawn, jista' tabilħaqq jagħti l-każ li tingħata prijorità għal mezzi aktar informali biex jitwasslu l-prijoritajiet jew it-tħassib tal-Membri. Madankollu jista' jkun hemm sitwazzjonijiet li minħabba s-sinifikat politiku tal-ftehim in kwistjoni jew il-kwistjonijiet li jqajjem, ikun mixtieq li tiġi adottata pożizzjoni aktar ċara fil-Plenarja.

Konklużjoni

Il-poteri ġodda Parlamentari stabbiliti mit-Trattat ta' Lisbona jġibu magħhom responsabbiltajiet ġodda sabiex jiġi żgurat li l-Parlament u l-Kumitati tiegħu jkunu infurmati tajjeb dwar il-preparazzjoni tal-ftehimiet li għalihom ikun sussegwentament mistenni jagħti l-kunsens tiegħu. Dan jimplika responsabbiltà korrispondenti ta' monitoraġġ aktar strett ta' kif isiru n-negozjati. Filwaqt li l-mekkaniżmi preċiżi dwar l-effiċenzja u l-effettività ta' kif isir dan ix-xogħol jistgħu ivarjaw minn trattat għal ieħor, il-possibiltajiet li ġew identifikati hawn fuq jistgħu jiġu kkunsidrati bħal l-formulazzjoni ta' menu li minnu jistgħu jiġu adottati elementi skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull ftehim.

(1)

Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-Kawża C-466/98


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Luis de Grandes Pascual, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Ville Itälä, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Hella Ranner, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Spyros Danellis, Isabelle Durant, Tanja Fajon, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Ioan Mircea Paşcu, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Sabine Wils

Avviż legali - Politika tal-privatezza