RAPPORT dwar Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu: prospettivi futuri

23.3.2011 - (2010/2302(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Wolf Klinz


Proċedura : 2010/2302(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0081/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu: prospettivi futuri

(2010/2302(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-nota tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) ta' Marzu 2009 dwar "Il-kooperazzjoni internazzjonali fis-sorveljanza tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu",

–   wara li kkunsidra l-Forum Konġunt dwar "Rendikont tal-qagħda attwali tal-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu" li sar f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja lill-mexxejja tal-G20 intitolat 'Titjib fir-regolament finanzjarju', tal-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali tad-29 ta' Ottubru 2010 intitolat "Rapport dwar l-Istabilità Finanzjarja Globali: Fondi Sovrani, Finanzjament u Likwidità Sistemika",

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit ta' Toronto tal-G20 tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja dwar "Prinċipji għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu", tas-27 ta' Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni fil-5 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0081/2011),

A. billi jilqa' l-ħidma li għaddejja f'livell globali, Ewropew u internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu,

B.  billi suppost li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu huma intermedjarji tal-informazzjoni, li jnaqqsu l-asimmetriji tal-informazzjoni fis-swieq kapitali u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq globali, inaqqsu l-ispejjeż tal-informazzjoni u jwessgħu l-grupp potenzjali ta' dawk li jissellfu u tal-investituri, u b'hekk jipprovdu likwidità u trasparenza għas-swieq u jgħinu biex jinstabu l-prezzijiet,

C. billi, fil-leġiżlazzjoni reċenti, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ngħatalhom rwol ieħor li jista' jiġi kklassifikat bħala wieħed ta' 'ċertifikazzjoni', li jirrifletti l-fatt li l-klassifikazzjonijiet kulma jmorru qegħdin jiġu inkorporati fir-rekwiżiti kapitali regolatorji,

D. billi l-operaturi finanzjarji fdaw iżżejjed fuq id-deċiżjonijiet li ħadu l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu,

E.  billi l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jikklassifikaw tliet setturi differenti, is-settur pubbliku, il-kumpaniji u l-istrumenti finanzjarji strutturati, u billi l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu kellhom rwol sinifikanti fil-perjodu li antiċipa l-kriżi finanzjarja permezz tal-assenjazzjoni ta' klassifikazzjonijiet ħżiena għal strumenti finanzjarji strutturati, li, matul il-kriżi, kellhom jingħataw klassifikazzjonijiet aktar baxxa b'medja ta' bejn tlieta u erba' gradi,

F.  billi r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 kien l-ewwel reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u diġà jittratta l-aktar kwistjonijiet urġenti, filwaqt li jissoġġeta l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni; billi, madankollu, ir-Regolament ma jindirizzax il-problemi fundamentali kollha, u, fil-fatt, joħloq xi ostakli ġodda għad-dħul fis-suq,

G. billi n-nuqqas ta' ċertezza regolatorja f'dan is-settur qed jipperikola l-iffunzjonar xieraq tas-swieq finanzjarji tal-UE u għalhekk jirrikjedi li l-Kummissjoni tal-UE, qabel ma tippreżenta emendi ulterjuri għar-Regolament 1060/2009, tidentifika sew il-lakuni fil-qafas il-ġdid u tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dwar il-firxa ta' alternattivi disponibbli sabiex jimtlew dawn il-lakuni inkluża l-possibilità ta' proposti leġiżlattivi ulterjuri,

H. billi l-industrija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandha diversi problemi, li fosthom dawk l-aktar importanti huma n-nuqqas ta' kompetizzjoni, strutturi oligopolistiċi u n-nuqqas ta' responsabilità u trasparenza; billi problema partikulari tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni dominanti hi l-mudell ta' ħlas u billi l-problema fundamentali tas-sistema regolatorja hi li tiddependi żżejjed fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni,

I.   billi l-aħjar mod kif tissaħħaħ il-kompetizzjoni jkun li jinħoloq ambjent regolatorju li jkun effikaċi fil-promozzjoni tad-dħul fis-suq, u li titwettaq analiżi iktar fil-fond tal-ostakoli kurrenti għad-dħul fis-suq u ta' fatturi oħra li jaffettwaw il-kompetizzjoni,

J.   billi, fi żminijiet favorevoli, il-parteċipanti fis-suq għandhom it-tendenza li jiżbaljaw jew li jinjoraw il-metodoloġija sottostanti u t-tifsira tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, li jfittxu li jispeċifikaw il-probabilità ta' nuqqas,

K. billi l-iżviluppi reċenti fil-kriżi tal-euro enfasizzaw ir-rwol sinifikanti tal-klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran, u kemm l-inkonsistenza, kif ukoll il-proċiklikalità fl-użu regolatorju tal-klassifikazzjonijiet,

L.  billi l-indipendenza tal-klassifikazzjonijiet mill-interferenza mis-suq u l-interferenza politika hi tal-ogħla importanza u trid tiġi żgurata jkunu xi jkunu l-istrutturi u l-mudelli kummerċjali l-ġodda li jistgħu joħorġu u fil-kuntest tal-governanza ekonomika u tas-simulazzjonijiet ta' kriżi,

M. waqt li l-klassifikazzjonijiet jistgħu jinbidlu u effettivement jinbidlu bħala riżultat ta' aġġustamenti fundamentali għal profili tar-riskju jew għal informazzjoni ġdida, dawn għandhom jitfasslu b'tali mod li jkunu stabbli u ma jvarjawx abbażi tas-sentiment tas-suq,

N. billi s-sistema ta' Basel II irriżultat f'dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet esterni, ħaġa li f'xi każi wasslet biex il-banek iddeċidew li ma jwettqux valutazzjonijiet awtonomi tal-iskoperturi tagħhom,

O. billi r-regolamentazzjoni riċenti tal-klassifikazzjonijiet fl-Istati Uniti, permezz tal-Att Dodd-Frank, għażlet li r-regolamentazzjoni tkun tiddependi inqas fuq id-deċiżjonijiet tal-aġenziji,

Il-livell makro: ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji

Dipendenza żejda

1.  Jikkunsidra li, fid-dawl tal-bidla fl-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, fejn l-emittent jiġi klassifikat biex jikseb trattament preferenzjali skont qafas regolatorju aktar milli biex jikseb aċċess għas-swieq kapitali globali, id-dipendenza żejda tas-sistema regolatorja finanzjarji globali fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni għandha titnaqqas kemm jista' jkun u fi żmien realistiku;

2.  Jikkunsidra li l-preġudizzji fil-kompetizzjoni kkawżati mill-prattika komuni li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jivvalutaw il-parteċipanti tas-suq filwaqt li simultanjament jiksbu mingħandhom l-ordnijiet, għandhom jitnaqqsu;

3.  Jaqbel mal-prinċipji stabbiliti mill-Bord tal-Istabilità Finanzjarja f'Ottubru 2010 li jagħtu gwida ġenerali dwar kif titnaqqas id-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni, u jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni li bdiet f'Novembru 2010; jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid jekk l-Istati Membri jużawx il-klassifikazzjonijiet għal skopijiet regolatorji, u kif jagħmlu dan sabiex titnaqqas id-dipendenza żejda ġenerali fuqhom tas-sistema regolatorja finanzjarja;

4.  Jindika n-nuqqasijiet fl-approċċ standardizzat fil-qafas regolatorju ta' Basel li jippermetti li jiġu stabbiliti rekwiżiti kapitali regolatorji għall-istituzzjonijiet finanzjarji abbażi tal-klassifikazzjonijiet ta' kreditu esterni; jikkunsidra li hu importanti li jiġi stabbilit qafas tal-adegwatezza kapitali li jiżgura valutazzjoni tar-riskji interna li tkun robusta, sorveljanza aħjar ta’ tali valutazzjoni tar-riskji u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni relevanti għall-kreditu; jappoġġa f'dan ir-rigward użu akbar tal-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjonijiet interni, sakemm ikun joffri affidabilità u sikurezza u sakemm id-daqs, il-kapaċità u s-sofistikazzjoni tal-istituzzjoni finanzjarja jippermettu valutazzjoni tar-riskji adegwata; jikkunsidra li, sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fis-suq, hu importanti li l-mudelli interni jirrispettaw il-parametri preskritti fir-regolamentazzjoni tal-UE u li jkunu soġġetti għal validazzjoni superviżorja rigoruża; jikkunsdira, fl-istess ħin, li atturi iżgħar u anqas sofistikati b'kapaċitajiet aktar baxxi għandhom ikunu jistgħu jużaw klassifikazzjonijiet esterni, jekk ma tkun vijabbli l-ebda valutazzjoni interna tar-riskji tal-kreditu, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti xierqa ta' diliġenza dovuta;

5.  Jindika l-importanza li jiġu segwiti l-iżviluppi skont il-qafas ta' Basel III u l-proċess li għaddej bħalissa tad-DRK IV f'dan ir-rigward;

6.  Jara l-ħtieġa li terġa' lura għal li kienet il-kapaċità tal-investituri li jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom stess bħala prerekwiżit biex ikun jista' jkun hemm użu akbar tal-mudelli interni proprjetarji għall-valutazzjoni tar-riskji tal-kreditu; jissuġġerixxi li l-banek u atturi finanzjarji oħrajn għandhom jużaw valutazzjonijiet interni xierqa tar-riskji b'ħafna iktar frekwenza;

7.  Jesprimi l-fehma li l-parteċipanti fis-suq m'għandhomx jinvestu fi prodotti strutturati jew prodotti oħrajn jekk ma jkunux jistgħu jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu sottostanti huma stess, jew inkella li għandhom japplikaw l-ogħla piż tar-riskju;

8.  Jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jeżaminaw mill-ġdid l-użu tagħhom tal-klassifikazzjonijiet esterni, u jħeġġiġhom jibnu kompetenza fit-tfassil tal-mudelli tagħhom stess biex jivvalutaw l-istandard ta' kreditu tal-assi eliġibbli li jintużaw bħala sigurtà għal operazzjonijiet li jipprovdu likwidità, u biex titnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq il-klassifikazzjonijiet esterni;

9.  Jiltob lill-Kummissjoni tivvaluta b'attenzjoni l-użu potenzjali ta' strumenti alternattivi għall-kejl tar-riskju tal-kreditu;

Aktar kapaċità għas-superviżuri

10. Hu konxju tal-kunflitt ta' interess inerenti jekk il-parteċipanti fis-suq ifasslu valutazzjonijiet interni tar-riskju tal-kreditu għar-rekwiżiti kapitali regolatorji tagħhom stess, u għalhekk jara l-ħtieġa li jiżdiedu r-responsabilitajiet, il-kapaċità, is-setgħat u r-riżorsi tas-superviżuri għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-adegwatezza tal-mudelli interni u għall-impożizzjoni ta’ miżuri prudenzjali; jikkunsidra li jekk mudell intern ma jkunx jista' jiġi vvalutat b'mod xieraq mis-superviżur minħabba l-kumplessità tiegħu, it-tali mudell m'għandux jiġi approvat għal użu regolatorju; jissuġġerixxi li anke t-trasparenza tas-suppożizzjonijiet għal valutazzjoni akkademika indipendenti għandha rwol;

11. Jiddikjara li, sabiex teżerċità s-setgħat superviżorji tagħha b'mod effikaċi, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandu jkollha d-dritt li twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post mingħajr avviż u li, meta tkun qed teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għandha tagħti ċ-ċans lill-persuni li huma soġġetti għal proċedimenti li jinstemgħa sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom ta' difiża;

L-istess kundizzjonijiet għal kulħadd

12. Jenfasizza n-natura globali tal-industrija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-pajjiżi l-oħra tal-G20 fuq approċċ globali, ibbażat fuq l-ogħla standards, fir-rigward kemm tar-regolamentazzjoni dwar l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, kif ukoll tar-regolamentazzjoni prudenzjali u tas-swieq fir-rigward tat-tnaqqis tad-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni għall-preżervazzjoni tal-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u għall-prevenzjoni tal-arbitraġġ regolatorju filwaqt li is-swieq jinżammu miftuħa;

13. Iqis it-tqanqil tal-kompetizzjoni, il-promozzjoni tat-trasparenza u l-kwistjoni ta' mudell tal-ħlas futur bħala l-iktar kompiti importanti filwaqt li l-kwistjoni tal-oriġini ta' aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandha tkun sekondarja;

14. Itenni li r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jfassal żewġ sistemi biex jiġu ttrattati l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni minn pajjiżi terzi u li l-ħsieb wara s-sistema ta' approvazzjoni kien li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni meqjusa bħala nonekwivalenti jintużaw fl-Unjoni Ewropea jekk tinhemeż responsabilità ċara ma' aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu approvanti;

Livell intermedju: struttura industrijali

Kompetizzjoni

15. Jisħaq fuq il-fatt li aktar kompetizzjoni fis-settur ma timplikax awtomatikament kwalità aħjar tal-klassifikazzjonijiet u jtenni li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni jridu jikkonformaw mal-ogħla standards ta' integrità, żvelar, trasparenza u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess kif stipulati fir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u jiġi evitat it-tiftix tal-aġenzija li tipprovdi l-aħjar klassifikazzjoni;

Fondazzjoni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu

16. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt u studju tal-vijabilità dettaljati dwar l-ispejjeż, il-benefiċċji u l-istruttura ta' governanza potenzjali ta' Fondazzjoni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (FEKK) indipendenti għalkollox li tespandi l-kompetenza tagħha fit-tliet setturi tal-klassifikazzjonijiet; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ispejjeż ta' finanzjament tal-bidu li jkopru l-ewwel tlieta sa mhux aktar minn ħames snin tal-ħidma tal-FEKK u li hemm bżonn li jiġu vvalutati b'attenzjoni; jenfasizza li hemm bżonn li kwalunkwe proposta leġiżlattiva f’dak is-sens tiġi fformulata b’attenzjoni konsiderevoli bil-għan li jiġi evitat li l-inizjattivi ta’ politika paralleli biex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet u biex aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda jitħeġġew jidħlu fis-suq;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi, flimkien max-xogħol imsemmi fil-paragrafu 9, valutazzjoni tal-impatt , analiżi tal-vijabilità, u stima tal-ispejjeż dettaljati għall-finanzjament meħtieġ f'dan ir-rigward; hu ta' fehma b'saħħitha li l-ispejjeż għall-finanzjament m'għandhom fl-ebda ċirkustanza jiġġarrbu minn min iħallas it-taxxi u jikkunsidra li m'għandu jiġi pprovdu l-ebda finanzjament ultejuri u li l-FEKK il-ġdida għandha tkun kompletament awtosuffiċjenti u wara l-perjodu tal-bidu għandha tiffinanzja l-baġit tagħha stess;

18. Jikkunsidra li, biex tiġi żgurata l-kredibilità tagħha, il-ġestjoni, il-persunal u l-istruttura ta' governanza tal-FEKK ġdida għandhom ikunu indipendenti u awtonomi għalkollox, jiġifieri ma jkunux vinkolati b'istruzzjonijiet vis-à-vis l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi pubbliċi l-oħrajn kollha, kif ukoll l-industrija tal-finanza u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu l-oħrajn, u li hemm bżonn li joperaw skont ir-Regolament emendat (KE) Nru 1060/2009;

19. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż, il-benefiċċji u l-istruttura ta' governanza ta' tali netwerk ta' aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej, inklużi kunsiderazzjonijiet dwar kif l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu attivi nazzjonalment jistgħu jitħeġġew jimxu lejn strutturi ta' sħubija jew ta' netwerk konġunt, biex jisiltu mir-riżorsi u l-persunal eżistenti, u b'hekk ikunu jistgħu jipprovdu kopertura akbar li tippermettilhom jikkompetu mal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu attivi f'livell transkonfinali; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tinvestiga metodi ta’ appoġġ għan-netwerks tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda huwa tal-fehma li kwalunkwe netwerk ta' dan it-tip għandu jkun inizjattiva mmexxija mill-industrija;

20. Jara ħtieġa potenzjali għal appoġġ biex jitwaqqaf inizjalment netwerk ta' dan it-tip iżda jqis li n-netwerk għandu jkun awtosuffiċjenti u jħalli l-qligħ mid-dħul proprju tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa u l-mezzi potenzjali għall-finanzjament tal-bidu u għall-istrutturi legali possibbli għal dan il-proġett;

Żvelar u aċċess għall-informazzjoni

21. Jikkunsidra li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jridu jaqdu l-iskop li jżidu l-informazzjoni għas-suq b'mod li jipprovdi lill-investituri b'valutazzjoni konsistenti tar-riskju tal-kreditu fost is-setturi u l-pajjiżi kollha; jikkunsidra li hu importanti li l-utenti jitħallew jiskrutinjaw aħjar lill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u f’dan ir-rigward jenfasizza r-rwol ċentrali ta’ aktar trasparenza fl-attivitajiet tagħhom;

22. Jindika li, biex l-investituri jkunu jistgħu jivvalutaw ir-riskju b'mod adegwat u jwettqu d-dmirijiet ta' diliġenza dovuta u l-obbligi fiduċjarji tagħhom, hemm bżonn ta' aktar żvelar tal-informazzjoni dwar il-prodotti fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji strutturati biex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati; jikkunsidra li investituri sofistikati għandhom ikunu jistgħu jivvalutaw il-krediti sottostanti li minnhom imbagħad ikunu jistgħu mbagħad jisiltu r-riskju tal-prodott titolizzat; jappoġġa l-inizjattivi eżistenti tal-BĊE u oħrajn biex issir disponibbli aktar informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji strutturati f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa biex jiżdied l-iżvelar tal-informazzjoni għal kull prodott fil-qasam tal-istrumenti finanzarji;

23. Jinnota li, barra mill-attività tagħhom ta’ kklassifikazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu joħorġu għadd ta’ prospettivi, rieżamijiet, twissijiet u għases li tassew ikollhom impatt sinifikanti fuq is-swieq. hu tal-fehma li għandhom jiġu żvelati skont kriterju u protokolli stabbiliti minn qabel li jiżguraw it-trasparenza u l-kunfidenzjalità;

24. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 2003/71/KE u tad-Direttiva 2004/109/KE biex jiġi żgurat li ssir disponibbli b'mod aktar mifrux biżżejjed informazzjoni preċiża u sħiħa dwar l-istrumenti finanzjarji strutturati;

25. Jikkunsidra li huwa vitali f’dan ir-rigward li fi kwalunkwe miżura futura potenzjali jiġu kkunsidrati kompletament l-aspetti tal-protezzjoni tad-data;

26. Jehwden jekk ikunx ta' vantaġġ li l-emittenti jiġu obbligati jiddiskutu l-kontenut u l-metodu wara strument finanzjarju strutturat ma' parti terza li jew tkun qiegħda twettaq klassifikazzjoni tal-kreditu mhux mitluba jew li tkun qiegħda tfassal valutazzjoni tar-riskji interna;

27. Itenni l-obbligu fuq il-Kummissjoni fil-Premessa 5 tar-Regolament emendat (KE) Nru 1060/2009 rigward it-trasparenza tal-informazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni twettaq l-analiżi meħtieġa sabiex tippreżenta r-riżultat b'emendi potenzjali għal-leġiżlazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bħala parti mir-rieżami attwali tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li qed twettaq;

28. Jinnota l-progress li sar rigward it-trasparenza u l-iżvelar minn aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu 1 u mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu 2; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ dawn ir-regolamenti wara t-tlestija tal-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu biex jiġu enfasizzati oqsma futuri fejn żvelar ulterjuri għall-utenti jista’ jkun ta’ ġid;

29. Jitlob, flimkien ma' trasparenza akbar tal-proċess ta' klassifikazzjoni u l-verifika interna tagħhom, għal superviżjoni aqwa tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji tal-UE u għal superviżjoni aktar intrużiva min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-użu tal-klassifikazzjonijiet jew id-dipendenza fuqhom mill-istituzzjonijiet finanzjarji;

Żewġ klassifikazzjonijiet obbligatorji

30. Hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk, f'ċerti ċirkustanzi, huwiex xieraq l-użu ta' żewġ klassifikazzjonijiet obbligatorji, eż. għall-istrumenti finanzjarji strutturati u għal kull klassifikazzjoni ta' kreditu esterna użata għal skopijiet regolatorji, u jekk il-klassifikazzjoni ta' kreditu esterna l-aktar konservattiva, jiġifieri l-anqas favorevoli, għandhiex titqies bħala r-referenza għall-iskop regolatorju; jitlob lill-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt dwar l-użu potenzjali ta' żewġ klassifikazzjonijiet obbligatorji;

31. Jikkunsidra li l-ispejjeż taż-żewġ klassifikazzjonijiet għandhom jiġġarrbu mill-emittent u li l-ewwel klassifikazzjoni ta' kreditu esterna għandha ssir minn aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu mikrija, skont l-għażla tal-emittent, filwaqt li, fil-każ tat-tieni klassifikazzjoni ta' kreditu esterna, għandhom jitqiesu diversi alternattivi għall-assenjazzjoni, inkluża l-possibilità tal-assenjazzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), abbażi ta' kriterji speċifiċi, definiti u oġġettivi, waqt li jitqies ir-rendiment storiku u jiġi appoġġat it-twaqqif ta' aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda waqt li jiġi evitat kull tgħawwiġ tal-kompetizzjoni;

32. Jindika li r-reputazzjoni ma tistax tiġi imposta minn regolatur, imma li kull aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ġdida tiġi aċċettata biss jekk tikseb il-kredibilità;

Klassifikazzjoni tad-dejn sovran

33. Hu konxju mill-fatt li l-atturi tas-swieq huma kontra l-klassifikazzjonijiet ta' kreditu li ma jkunux stabbli minħabba l-ispejjeż kbar involuti (f'deċiżjonijiet relatati ma' bejgħ jew xiri) meta l-klassifikazzjonijiet jiġu aġġustati; jikkunsidra, madankollu, li b’konsegwenza ta' dan il-klassifikazzjonijiet ikollhom it-tendenza li jkunu proċikliċi u jaqgħu lura meta mqabbla mal-iżviluppi tas-swieq finanzjarji;

34. Jinnota li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jużaw kriterji ċari biex jagħtu l-punti lill-prestazzjoni tal-pajjiżi, hu konxju mill-fatt li l-klassifikazzjoni nnifisha mhijiex ippiżar mekkaniku ta’ dawn il-fatturi. jitlob lill-industrija tiċċara liema metodoloġija u ġudizzji jintużaw biex jiġu kkalibrati l-klassifikazzjonijiet sovrani u tispjega d-devjazzjoni minn dawn il-klassifikazzjonijiet iġġenerati mill-mudelli u d-devjazzjoni mit-tbassir tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali prinċipali;

35. Jinnota li, skont il-FMI, il-klassifikazzjonijiet jistgħu jispjegaw sa kważi 70% tal-firxiet tal-iskambji ta' inadempjenzi tal-kreditu; jinsab imħasseb dwar l-effetti proċikliċi li jista’ jkollhom il-klassifikazzjonijiet u jirrikjedi li dawn il-kwistjonijiet sensittivi tingħatalhom kunsiderazzjoni speċjali;

36. Jemmen li, bil-għan li jitnaqqsu l-“effetti tal-irdum” negattivi fil-prezzijiet u l-firxiet li huma implikati mill-bidliet fil-klassifikazzjonijiet, ir-regolament li jgħaqqad id-deċiżjonijiet tax-xiri jew tal-bejgħ mal-klassifikazzjonijiet għandu jiġi eliminat;

37. Jikkunsidra li, billi kwazi l-informazzjoni kollha dwar id-dejn sovran hija disponibbli fil-qasam pubbliku, tali informazzjoni għandha ssir disponibbli b'mod aktar faċli, konsistenti u komparabbli ħalli atturi akbar u aktar sofistikati tas-swieq jingħataw l-inċentiv biex jiddependu fuq il-ġudizzju tagħhom stess biex jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu sovran;

38. Jemmen li, minħabba l-effetti li jista’ jkollhom il-klassifikazzjonijiet ta' kreditu tad-dejn sovran fuq is-suq, jeħtieġ li t-trasparenza dwar il-metodi u r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet kif ukoll ir-responsabilità tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jittejbu f’dan il-qasam;

39. Jappoġġja l-iżvelar u l-ispjegazzjoni msaħħa tal-metodoloġiji, il-mudelli u l-assunzjonijiet fundamentali dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, anke fid-dawl tal-impatt sistemiku li jista' jirriżulta minħabba xi tnaqqis fil-grad fuq id-dejn sovran;

Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX)

40. Jikkunsidra li t-tagħrif pubbliku dwar il-medja tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni eżistenti minn aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu akkreditati huwa prezzjuż; jissuġġerixxi għalhekk li jiġi stabbilit Indiċi Ewropew tal-Klassifikazzjoni (EURIX) li jinkorpora l-klassifikazzjonijiet kollha tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati li huma disponibbli fis-suq;

Livell mikro: mudell kummerċjali

Mudelli ta' ħlas

41. Jappoġġa l-eżistenza ta' diversi mudelli ta' ħlas fl-industrija imma jenfasizza l-eżistenza ta' riskji ta' kunflitti ta' interess li hemm bżonn jiġu indirizzati mill-mezzi ta' trasparenza u ta' regolamentazzjoni xierqa waqt li ma jiġi impost mudell mhux iġġustifikat; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-konsultazzjoni reċenti, toħroġ bi proposti għal mudelli ta' ħlas vijabbli alternattivi li jinvolvu kemm lill-emittenti, kif ukoll l-utenti; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari f'dan ir-rigward għall-użu potenzjali tal-mudelli li "l-investitur iħallas" u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu sabiex titnaqqas it-tendenza li l-klassifikazzjonijiet ikunu soġġetti għal kunflitti ta' interess;

42. Hu tal-fehma li l-governanza tajba fl-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu dwar l-arranġamenti fis-seħħ rigward il-governanza;

Responsabilità ġudizzjarja u finanzjarja

43. Jenfasizza li l-AETS hi responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-konformità tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009; jikkunsidra li jekk il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jissodisfaw skop regolatorju dawn m'għandhomx jiġu kklassifikati bħala sempliċi opinjonijiet, u li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jinżammu responsabbli għall-applikazzjoni konsistenti tal-metodoloġija sottostanti tal-klassifikazzjonijiet ta' kreditu tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, li l-iskopertura tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għar-responsabilità ċivili fil-każ ta' negliġenza jew imġiba ħażina serji tiġi ddefinita b'bażi konsistenti fl-UE kollha, u li l-Kummissjoni għandha tidentifika modi biex tali responsabilità ċivili tingħata għeruq sodi fil-leġiżlazzjoni ċivili tal-Istati Membri;

44. Jindika li r-responsabbiltà aħħarija għal deċiżjoni dwar l-investiment għandha tkun tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji, jiġifieri l-amministratur tal-assi, l-istituzzjoni finanzjarja jew l-investitur sofistikat; jinnota li r-responsabilità se tkun sostnuta wkoll mir-reġistru ċentrali (CEREP) stabbilit mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu 1, li jippubblika data f’sura standardizzata dwar il-prestazzjoni tal-klassifikazzjonijiet maħruġa mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati fi ħdan l-UE, biex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjoni proprja tagħhom dwar ċerti aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, u b'hekk jeżerċitaw aktar pressjoni reputazzjonali; jindika li l-investituri għandu jkollhom kapaċitajiet ta’ ġestjoni tar-riskji effikaċi soġġetti għal sorveljanza adegwata mill-amministrazzjoni;

45. Jissuġġerixxi li kull aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata għandha twettaq rieżami annwali biex tivvaluta r-rendiment tagħha tal-klassifikazzjonijiet ta' kreditu tal-passat u għandha tiġbor din l-informazzjoni f'rapport ta' responsabilità għas-superviżur; jissuġġerixxi li l-AETS għandha twettaq kontrolli fortuwiti dwar ir-rapporti ta' responsabilità fuq bażi regolari biex jiġi żgurat standard ta' kwalità għolja fil-klassifikazzjonijiet ta' kreditu;

º º

º

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jisssodisfaw diversi għanijiet utli: jiġbru flimkien l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-kreditu tal-emittenti f'ambjent globali mal-informazzjoni asimmetrika bejn l-emittenti tad-dejn u l-investituri, filwaqt li jippermettu lill-emittenti jaċċessaw is-swieq globali u domestiċi, inaqqsu l-ispejjeż tal-informazzjoni u jwessgħu l-grupp potenzjali ta' investituri, u b'hekk jipprovdu likwidità għas-swieq u jgħinu biex jinstabu l-prezzijiet. Madankollu, l-iżviluppi fil-qafas regolatorju biddlu lil dawn 'l-intermedjarji tal-informazzjoni' f''liċenzjaturi regolatorji' de facto.

Il-kriżi finanzjarja reċenti indikat li kien hemm tliet problemi ewlenin fl-industrija: in-nuqqas ta' kompetizzjoni, id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet esterni fil-qafas regolatorju u n-nuqqas ta' responsabilità għall-klassifikazzjonijiet min-naħa tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza li huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-miżuri potenzjali li jridu jittieħdu għandhom jgħaddu mill-valutazzjonijiet tal-impatt u l-iskrutinji meħtieġa u m'għandhomx ikunu miżuri bl-addoċċ li jżidu l-ostakli għad-dħul fis-suq u r-riskju ta' aktar klassifikazzjonijiet konservattivi, b'effetti konsegwenti fuq l-ekonomija reali u s-self.

Ir-rapporteur iħares lejn il-kwistjoni minn fuq għal isfel, billi l-ewwel jivvaluta r-rwol makroekonomiku tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fir-regolament dwar is-suq finanzjarju globali u mbagħad iħares lejn il-livell intermedju u lejn kwistjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni u mal-istruttura tal-industrija. Fl-aħħar, ir-rapporteur jivvaluta l-kunflitti ta' interess fil-mudell kummerċjali, jiġifieri fil-livell mikro.

F'din id-diskussjoni, il-koordinament tal-approċċ globali għandu jkun fuq quddiem nett fl-ideat tagħna billi din hija industrija globali tassew, b'suq kapitali globali sottostanti. Għalhekk hu importanti li wieħed ikun jaf bl-iżviluppi fl-Istati Uniti.

Makro

Id-dipendenza żejda fuq il-klassifikazzjonijiet ta' kreditu esterni

L-ewwel għan ta' dan ir-rapport huwa l-eliminazzjoni, kemm tista' tkun fattibbli u fi żmien realistiku, tad-dipendenza tas-sistema kollha fuq il-klassifikazzjonijiet ta' kreditu esterni. Il-profil b'saħħtu tal-klassifikazzjonijiet esterni jħalli effett partikolarment qawwi meta jiġi biex jitbaxxa l-livell tal-grad minn wieħed ta' investiment għal sottoinvestiment. Ir-rapporteur jappoġġa l-prinċipji espressi mill-Bord tal-Istabilità Finanzjarja[1] u l-proposti aktar konkreti msemmija fil-Konsultazzjoni Pubblika tal-Kummissjoni Ewropea[2], iżda huwa jaħseb ukoll li dan jeħtieġ li jmur id f'id ma' żieda fil-kapaċità tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jivvalutaw ir-riskji u jifhmu aħjar it-tifsira tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu bħala tali.

Jeħtieġ f'dan ir-rigward li ssir differenza bejn it-tliet setturi tas-suq klassifikati minn aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu: il-kumpaniji, is-settur pubbliku u l-istrumenti finanzjarji strutturati. Il-problema tad-dipendenza żejda hija partikolarment preżenti fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji strutturati, fejn kellu jsir l-akbar għadd ta' korrezzjonijiet minħabba klassifikazzjoni ħażina. Ir-rapporteur huwa għalhekk tal-fehma li fil-każ ta' strument finanzjarju strutturat, il-parteċipanti fis-suq jistgħu jinvestu f'dawn l-assi biss jekk ikunu jistgħu jippruvaw li jkollhom għarfien u ħila jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu involut fi prodott bħal dan jew inkella jkollhom jużaw l-ogħla piż ta' riskju kapitali għal skopijiet regolatorji.

Id-dipendenza fl-istandards, il-liġijiet u r-regolamenti, pereżempju ż-żieda fl-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni biex jiġu stabbiliti rekwiżiti kapitali regolatorji, għandha tinqata' jew titnaqqas kemm jista' jkun. Id-differenzjazzjoni skont il-prinċipju ta' proporzjonalità hi meħtieġa biex tkopri d-daqsijiet u l-livelli differenti ta' sofistikazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Billi l-istituzzjonijiet ma tantx sofistikati m'għandhomx il-kapaċità u s-saħħa ekonomika biex jistabbilixxu l-valutazzjonijiet tagħhom stess tal-kreditu, iridu jkomplu jiddependu mill-klassifikazzjonijiet esterni. L-atturi żgħar jistgħu jibqgħu jużaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni, iżda biss jekk jifhmu r-riskji involuti, u jwettqu d-diliġenza dovuta xierqa.

Minbarra d-dipendenza regolatorja, jeħtieġ li tonqos ukoll b'mod ġenerali d-dipendenza mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni. L-importanza tal-klassifikazzjonijiet qiegħda tiżdied f'każijiet ħfief, bħall-politiki tal-investiment u r-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni, fatt li jissuġġerixxi nuqqas potenzjali tad-diliġenza dovuta. Ir-rapporteur għalhekk hu tal-fehma li jeħtiġilna nerġgħu nagħtu l-kapaċità lill-investituri, jekk mhux ukoll inżiduha, biex huma stess ikunu jistgħu jwettqu d-diliġenza dovuta u l-valutazzjoni tar-riskju.

Id-dipendenza tal-banek ċentrali mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni hija komponent vitali ieħor tal-problema tad-dipendenza. Id-deċiżjoni tal-BĊE dwar assi negozjabbli għall-garanziji rigward l-operazzjonijiet li jipprovdu likwidità hija bbażata primarjament fuq l-użu tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni. Din għandha evidentement tiġi eżaminata mill-ġdid.

Superviżuri

F'dan il-kuntest, ir-regolaturi u s-superviżuri għandhom ikunu kapaċi jivvalutaw l-użu tal-mudelli interni proprjetarji, li jippermettilhom jikkontrollaw l-adegwatezza tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, billi hemm kunflitt ta' interess inerenti jekk l-atturi finanzjarji jkunu jistgħu jagħmlu l-mudelli tagħhom stess biex jiddeterminaw il-livell tar-rekwiżiti kapitali regolatorji li jkollhom bżonn iżommu.

Dan hu l-ewwel pass biex tonqos il-ħtieġa għall-klassifikazzjonijiet; madankollu, f'ċerti każijiet, il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni għandhom jibqgħu jintużaw u jistgħu jkunu utli. Sabiex tonqos id-dominanza tat-tliet aġenziji ta' klassifikazzjoni l-kbar, għandna niddiskutu l-possibilità li jkunu obbligatorji żewġ klassifikazzjonijiet għall-prodotti finanzjarji strutturati. Iridu jiġu inkorporati salvagwardji biex din is-sistema ma ssirx 'suq iggarantit' u l-kwistjoni dwar min għandu jassenja t-tieni klassifikazzjonijiet għandha tiġi kkunsidrata b'attenzjoni. Dan is-suġġeriment huwa konformi mal-proposta attwali fil-leġiżlazzjoni ta' riforma tas-settur finanzjarju fl-Istati Uniti.

Intermedju

L-istruttura tal-industrija hija l-problema ewlenija għan-nuqqas ta' kompetizzjoni, billi l-ostakli għad-dħul huma kbar ħafna. Il-problema mhix daqstant l-għadd ta' aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li huma attivi, iżda n-natura u l-fokus lokali tagħhom fejn jidħlu prodotti speċifiċi u li ftit li xejn huma importanti jew jiġu aċċettati mis-swieq kapitali globali, u b'hekk ma jkunux jistgħu jikkompetu, b'mod partikolari rigward l-istandards regolatorji.

Il-Fondazzjoni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (FEKK)

Ir-rapporteur jaħseb li għandha tiġi diskussa l-possibilità li tiġi stabbilita Fondazzjoni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (FEKK) li ma tkunx pubblika u li tkun indipendenti għalkollox.

Il-ħtiġijiet finanzjarji tal-FEKK il-ġdida għandhom jiġu kkalkulati bir-reqqa u r-rapporteur jissuġġerixxi ħlas b'somma waħda ta' darba lill-fondazzjoni biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħha. Dan il-finanzjament tal-bidu għandu jkun biżżejjed għall-ewwel snin tal-FEKK, li għandha ssir awtosuffiċjenti wara dak il-perjodu u tiffinanzja lilha nnifisha fis-suq permezz tal-ħlasijiet għall-klassifikazzjonijiet. Il-FEKK il-ġdida għandha tikklassifika l-assi tat-tliet setturi kollha, dak pubbliku, il-kumpaniji u l-istrumenti finanzjarji strutturati, u għalhekk għandha tkun mgħammra bil-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex tiżgura l-aqwa kwalità ta' klassifikazzjonijiet.

Ir-rapporteur jaf sew bil-kunflitti u l-problemi li jista' jkun hemm fi proġett bħal dan. M'hemm l-ebda garanzija li l-FEKK il-ġdida se tkun kapaċi tikseb fama u ssir parteċipant ġdid reali fl-industrija tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu; bħala prerekwiżit, l-istruttura ta' governanza u l-organizzazzjoni jridu jipprovdu kredibilità assoluta b'indipendenza indiskutibbli minn kwalunkwe awtorità pubblika, kemm jekk Stati Membri, il-Kummissjoni Ewropea jew kwalunkwe korp pubbliku ieħor. Dan hu importanti b'mod partikolari biex tiġi żgurata l-kredibilità għal dawk li huma klassifikazzjonijiet ta' dejn sovran.

Netwerk ta' aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu

Barra minn hekk, ir-rapporteur jissuġġerixxi t-trawwim tat-twaqqif ta' netwerk tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej. Il-kooperazzjoni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li huma attivi nazzjonalment biex jutilizzaw il-kapaċitajiet tal-persunal u tar-riżorsi disponibbli tista' żżid potenzjalment il-kompetizzjoni fl-industrija billi jkopru firxa wiesgħa ta' assi u swieq differenti li jippermettulhom ikunu fl-istess livell tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu l-kbar attivi globalment. Għandha tiġi diskussa l-ħtieġa li jinħoloq inċentiv jew qafas li jinkoraġġi l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu żgħar u reġjonali biex jimxu lejn struttura ta' sħubija.

Żvelar

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li biex tonqos id-dipendenza mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni, jeħtieġ jiżdied l-iżvelar ta' informazzjoni lill-investituri biex ikunu jistgħu jwettqu huma stess id-diliġenza dovuta u l-obbligi fiduċjarji kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskju, u biex aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu oħrajn ikunu jistgħu jikklassifikaw strument anke jekk ma jkunux magħżula jew maħtura biex jikklassifikawh direttament, jiġifieri klassifikazzjoni mhux mitluba.

Dan huwa punt ġenerali li għandu jkun indirizzat fid-dispożizzjonijiet futuri tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-Klassifikazzjoni tal-Kreditu iżda li jeħtieġ li jkun inkluż ukoll fir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Prospetti u d-Direttiva dwar it-Trasparenza. B'mod partikolari, id-Direttiva dwar il-Prospetti trid tinbidel fejn jidħlu l-istrumenti finanzjarji strutturati, li hu l-uniku mod biex l-informazzjoni tgħaddi fis-suq sabiex il-parteċipanti jkunu kapaċi jiddependu anqas mill-klassifikazzjonijiet.

Dan jista' jagħti lok potenzjalment għal anqas proċikliċità għax it-tnaqqis fil-livell tal-gradi ma jwassalx minnufih għal-likwidità tal-assi, billi l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjoni huma stess u ma jkollhomx għalfejn jiddependu mill-klassifikazzjonijiet esterni li jistgħu jinstigaw deċiżjonijiet ta' bejgħ jew xiri.

Klassifikazzjonijiet ta' Dejn Sovran

L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jużaw tekniki ta' twittija biex il-klassifikazzjonijiet ta' dejn sovran ikunu inqas suxxettibbli għall-volatilità. Dan minħabba l-ispejjeż potenzjalment kbar involuti għall-atturi tas-swieq jekk il-klassifikazzjonijiet jiġu aġġustati (marbut ma' deċiżjonijiet ta' bejgħ jew xiri). Dan jagħmel il-klassifikazzjonijiet aktar proċikliċi u juri 'effetti ta' rdum'. It-tempestività tal-klassifikazzjonijiet ta' dejn sovran toħloq il-problemi billi l-gvernijiet jippubblikaw informazzjoni differenti fi żminijiet differenti u l-affidabilità tal-informazzjoni xi drabi ġġib dubji magħha. Il-klassifikazzjonijiet ta' dejn sovran beda jkollhom rwol importanti dawn l-aħħar snin. Ir-rapporteur hu tal-fehma li fil-każ tal-klassifikazzjonijiet ta' dejn sovran, ftit li xejn hemm il-ħtieġa li wieħed jiddependi wisq mill-klassifikazzjonijiet ta' kreditu esterni billi kważi l-informazzjoni kollha tkun disponibbli għall-pubbliku. Għalhekk, il-parteċipanti fis-swieq imdaqqsin u sofistikati għandhom jikklassifikaw id-dejn sovran huma stess u mhux joqogħdu biss fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu esterni.

Mikro

Mudelli ta' ħlas

Il-mudell 'l-emittent iħallas' ħa post il-mudell 'l-abbonat iħallas' li kien prevalenti sas-snin 70 u issa sar l-istandard ġdid. Il-mudelli kollha tal-ħlas huma difettużi jew mhumiex prattikabbli, u dan jagħmilha diffiċli li jitqiesu bħala alternattivi veri.

L-iżvantaġġi tal-mudell 'l-emittent iħallas' fir-rigward ta' kunflitti intrinsiċi ta' interess jistgħu jiġu indirizzati billi l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ma jitħallewx joffru servizzi ta' konsulenza u billi l-bord tad-diretturi jkun aktar indipendenti.

Il-mudell 'l-abbonat iħallas' għandu problemi intrinsiċi: investitur kbir jista' jipprova jinfluwenza l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu biex jipprovdu klassifikazzjonijiet aktar baxxi (rendiment ogħla) jew, min-naħa l-oħra, istituzzjoni finanzjarja li tkun trid tbaxxi r-rekwiżiti kapitali tista' teżerċita pressjoni biex tingħata klassifikazzjoni ogħla minħabba rekwiżiti regolatorji. Il-mudell 'l-abbonat iħallas' jinjora l-fatt li l-klassifikazzjonijiet saru prodott kważi pubbliku. Dan it-tip ta' mudell jista' jwassal ukoll għal problema kbira, dik li dawk li mhumiex abbonati jieħdu 'rikba b'xejn', f'soċjetà globali bbażata fuq l-informazzjoni.

Il-mudell ta' ħlas ibbażat fuq ir-rendiment, li jitlob biss ħlas żgħir bil-quddiem u l-bqija tal-ħlas jiġi ggwadanjat biż-żmien skont il-preċiżjoni tal-klassifikazzjoni, jaqbel mal-approċċ f'regolamentazzjoni oħra, bħar-rimunerazzjoni fid-Direttiva dwar il-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, iżda dan il-kunċett jeħtieġ ammont sostanzjali ta' xogħol mil-lat regolatorju u superviżorju biex ikun fattibbli.

Ir-rapporteur hu favur l-eżistenza ta' mudelli differenti fis-suq sakemm il-kunflitti inerenti ta' interess ikunu indirizzati b'mezzi regolatorji.

Responsabilità

F'suq kompetittiv li jiffunzjona tajjeb, il-fama weħidha tiżgura l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Iżda billi l-istruttura attwali hija oligopolistika, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jħabbtu wiċċhom ma' 'suq iggarantit' b'mod intrinsiku, li jfisser li l-effett ta' 'fama ħażina' hu negliġibbli, jiġifieri ma teżistix theddida vera minn fama ħażina.

Ir-rapporteur iqis li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mhumiex sempliċement opinjonijiet iżda li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jinżammew responsabbli għall-klassifikazzjonijiet tagħhom u li għalhekk, l-espożizzjoni tagħhom għall-obbligi ċivili għandha tikber biex ikollhom theddida reali.

Billi l-introduzzjoni tal-obbligi ġġib magħha xi mistoqsijiet, bħal meta aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu tidħol responsabbli għall-obbligi u għal liema nuqqasijiet, u wkoll, kif dan jista' jiġi organizzat mingħajr ma jiddaħħal ostaklu ieħor għad-dħul fis-suq, dan l-aspett jistħoqqlu diskussjoni bir-reqqa b'mod partikolari.

  • [1]  Bord tal-Istabilità Finanzjarja, mill-'Prinċipji biex Titnaqqas id-Dipendenza mill-Gradazzjonijiet tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu' tas-27 ta' Ottubru 2010.
  • [2]  Konsultazzjoni Pubblika tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta' Novembru 2010 'Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu'.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (1.3.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu: prospettivi futuri
(2010/2302(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Evelyn Regner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. wara li kkunsidra l-valutazzjoni pożittiva tal-ħidma li għaddejja f'livell dinji, internazzjonali u Ewropew fuq ir-regolamentazzjoni tal-industrija tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u jħeġġeġ lill-atturi kollha jsaħħu l-proċess ta' regolamentazzjoni attwali,

B.  wara li kkunsidra l-istruttura tal-industrija tal-klassifikazzjoni hija ferm ikkonċentrata, u billi l-orjentament kummerċjali tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu protagonisti fis-suq jinsabu predominantement ibbażati fuq il-mudelli ta' negozju tal-Istati Uniti, filwaqt li qajla huwa rifless fil-klassifikazzjonijiet tagħhom il-kunċett tal-mudelli ta' negozju Ewropej, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju,

C. wara li kkunsidra li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jaqgħu fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 1060/2009, kif emendat sabiex l-AETS tingħata kompiti superviżorji,

1.  Jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet finanzjarji jitħeġġew iwettqu valutazzjonijiet interni tar-riskju, filwaqt li l-istituzzjonijiet finanzjarji iżgħar tal-anqas jifhmu l-metodi użati għall-produzzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu użati minnhom, u jippubblikaw pjan ta' valutazzjoni interna li magħha għandhom iżommu;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-impriżi eżistenti jirreġistraw bħala aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu skont il-leġiżlazzjoni Ewropea billi jnaqqsu l-ostakli għad-dħul jew għall-espansjoni fis-settur tal-aġenziji msemmija fil-livelli kollha; huwa tal-fehma li dan jista' jsaħħaħ il-kompetizzjoni f'dan is-settur iżda jwissi bil-qawwa li tali miżuri ma għandhomx ibaxxu l-kwalità jew l-istandards tal-klassifikazzjonijiet; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tistudja metodi ta' appoġġ tan-netwerks tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, iżda jqis li kwalunkwe netwerk bħal dan għandu jinbet minn inizjattiva mmexxija mill-industrija u jenfasizza l-importanza tat-titjib tal-kompetittività tal-aġenziji Ewropej tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, billi dawn jifhmu aħjar il-kumpanija medja Ewropea u minħabba li jafu sew l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, l-industriji u l-pajjiżi tal-Ewropa, u huma speċjalizzati fihom;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi aġenziji pubbliċi Ewropej tal-klassifikazzjoni tal-kreditu biex jipproduċu klassifikazzjonijiet mingħajr ma jkunu influwenzati jew limitati minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali, sabiex joħorġu klassifikazzjonijiet indipendenti u imparzjali;

4.  Jinnota li jista' jkun hemm ċirkostanzi li fihom ikun ta' vantaġġ il-ksib ta' tal-anqas żewġ klassifikazzjonijiet, eż. għall-kalkolu tar-rekwiżit ta' kapital; iqis iżda li l-għadd ta' klassifikazzjonijiet miksuba għandu jkun determinat mill-esiġenzi tas-suq;

5.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ddaħħal regoli komuni ta' responsabilità dwar ksur doluż jew negliġenti, min-naħa tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, partikolarment f'każijiet li fihom l-investituri jsofru dannu b'konsegwenza ta' deċiżjoni ta' investiment imsejsa fuq klassifikazzjoni żbaljata;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġu evitati klassifikazzjonijiet mhux imparzjali; barra minn hekk, huwa awspikabbli spjegazzjoni tal-metodoloġiji u tal-impatt sistematiku fuq id-deklassament tad-dejn sovran. Josserva madankollu li l-mudelli kollha ta' pagament bilfors ikunu jinvolvu kunflitti ta' interess, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina miżuri għat-tnaqqis jew l-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess fil-varjetà ta' mudelli ta' pagament użati fis-settur tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-fattibilità tal-modulli kollha ta' pagament użati, fosthom il-mudell 'pagament fuq talba'.  

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Sajjad Karim, Eva Lichtenberger, Toine Manders

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

14

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Íñigo Méndez de Vigo, Ivari Padar, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Marianne Thyssen, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Elena Băsescu, Saïd El Khadraoui, Ashley Fox, Danuta Jazłowiecka, Thomas Mann, Gianni Pittella, Miguel Portas, Catherine Stihler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

David Campbell Bannerman