RAPPORT dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku

23.3.2011 - (2010/2289(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Sandra Kalniete

Proċedura : 2010/2289(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku

(2010/2289(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin’ (COM(2010)0608),

–      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Ewropa 2020– Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (

COM(2010)2020),

–      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ‘Suq uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21’ (COM(2007)0724) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem 'Is-Suq Uniku: rieżami tal-kisbiet’ (SEC(2007)1521),

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar ir-rieżami tas-Suq Uniku[1] u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem ‘Ir-rieżami tas-Suq Uniku: sena wara’ (SEC(2008)3064),

–     wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea' (COM(2010)0543),

–      wara li kkunsidra s-27 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Liġi tal-UE u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem ‘Is-sitwazzjoni fis-setturi differenti’ (SEC(2010)1143),

–      wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib tal-funzjonament tas-suq uniku (C(2009)4728),

–      wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

–      wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Mario Monti lill-Kummissjoni dwar l-għoti tal-ħajja mill-ġdid lis-suq uniku,

–      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini[2],

–      wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 21 (2010), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010[3] u tat-23 ta’ Settembru 2008[4] dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern,

–      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Ewropa li Tikseb ir-Riżultati - L-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja’ (COM(2007)0502),

–      wara li kkunsidra l-Artikoli 258 sa 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–      wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 10 u 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–      wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–      wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0083/2011),

A. billi l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku jirrikjedi l-appoġġ attiv taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha,

B.  billi sabiex jinkiseb mill-ġdid l-appoġġ attiv mill-partijiet interessati kollha, huwa essenzjali li matul il-konsultazzjonijiet u d-djalogu mal-Kummissjoni kif ukoll fi gruppi ta’ esperti, għandha tiġi żgurata r-rappreżentanza effettiva tas-soċjetà ċivili u tal-SMEs,

C. billi t-tixrid, l-artikulazzjoni u l-ġestjoni kif suppost tad-diversi konsultazzjonijiet u rapporti tal-istituzzjonijiet tal-UE (UE 2010, ir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza, il-Politika Industrijali Integrata, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ir-Rapport Monti, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ‘ir-realizzazzjoni ta’ suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini’, ir-Rapporti Gonzales u IMCO, eċċ.) huma ta’ importanza partikolari għall-varar mill-ġdid b’suċċess tas-Suq Uniku,

D. billi għadha tippersisti lakuna sostanzjali bejn ir-regoli tas-suq uniku u l-benefiċċji li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jisiltu minnhom fil-prattika,

E.  billi d-defiċit medju tat-traspożizzjonijiet tal-UE jammonta għal 1.7% meta jitqiesu l-każijiet li fihom iż-żmien tat-traspożizzjoni ta’ direttiva jeċċedi l-iskadenza u li fihom tkun inbdiet proċedura ta’ ksur mill-Kummissjoni għan-nuqqas ta' konformità,

I.  Introduzzjoni

1.  Jilqa’ b’interess il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 'Lejn Att dwar is-Suq Uniku', speċjalment it-tielet kapitolu tagħha u l-approċċ globali li din tipproponi sabiex jiġi bbilanċjat mill-ġdid is-suq uniku bejn l-impriżi u ċ-ċittadini u biex jittejbu d-demokrazija u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jenfasizza li dan l-approċċ għandu l-għan li jiggarantixxi l-aħjar bilanċ bejn il-proposti tat-tliet partijiet tal-komunikazzjoni;

2.  Iqis li t-tliet kapitli tal-Komunikazzjoni huma importanti ndaqs u interkonnessi, u għandhom ikunu ttrattati b’approċċ konsistenti mingħajr ma jiġu iżolati minn xulxin il-kwistjonijiet differenti li hemm involuti;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-approċċ olistiku lejn il-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, filwaqt li jintegraw il-prijoritajiet tas-Suq Uniku fl-oqsma kollha ta' politika li huma kruċjali biex jiġi realizzat is-Suq Uniku għall-ġid taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji Ewropej;

4.  Jemmen li t-titjib tal-governanza ekonomika Ewropea, l-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 u l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku huma importanti ndaqs biex l-ekonomija Ewropea tingħata l-ħajja mill-ġdid u għandhom jitqiesu flimkien;

5.  Iqis li għandu jiġi kkompletat suq uniku mingħajr ostakoli u kompetittiv biex iġib vantaġġi konkreti għall-ħaddiema, studenti, pensjonanti u ċittadini inġenerali, u għan-negozji, l-aktar l-SMEs, fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tindika l-kalendarju għat-tlestija tal-Att dwar is-Suq Uniku u tippubblika aġġornamenti regolari dwar il-progress tanġibbli sabiex tqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadin Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Att u biex tenfasizza l-benefiċċji tiegħu;

II. Evalwazzjoni ġenerali

It-tisħiħ tat-tmexxija politika u s-sħubija

7.  Jinsab konvint li waħda mill-isfidi prinċipali fil-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku hija l-iżgurar tat-tmexxija politika, l-impenn u l-koordinament; jemmen li gwida komprensiva mill-ogħla livell politiku hija kruċjali għat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku;

8.  Jissuġġerixxi li l-President tal-Kummissjoni għandu jingħata l-mandat li jikkoordina u jissorvelja l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kunsill Ewropew u mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew biex jikkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet rispettivi tagħhom intiżi li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, l-ekonomija soċjali tas-suq u s-sostenibilità fl-Unjoni;

9.  Jenfasizza r-rwol imsaħħaħ tal-PE u tal-parlamenti nazzjonali skont it-Trattat ta’ Lisbona; iħeġġeġ it-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament fil-proċess tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku; jinkoraġġixxi lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu sforz ħalli jittrattaw ir-regoli tas-Suq Uniku matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu u jipparteċipaw f’attivitajiet konġunti mal-Parlament Ewropew, sabiex ikun hemm sinerġija aħjar bejn iż-żewġ livelli parlamentari;

10. Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li jqiegħed id-djalogu u s-sħubija fil-qalba tas-suq uniku mġedded, u jitlob li jkun hemm sforzi isħaħ mill-partijiet interessati kollha biex jiżguraw li dan l-approċċ jitqiegħed fil-prattika ħalli s-suq uniku jkun jista' jiżvolġi r-rwol sħiħ tiegħu fil-promozzjoni tat-tkabbir u ta' ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna;

11. Jisteden lill-Kummissjoni flimkien mal-Presidenza torganizza Forum dwar is-Suq Uniku fuq bażi annwali li jinvolvi partijiet interessati mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tan-negozjanti biex jevalwaw il-progress fil-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-eżerċizzju tal-identifikazzjoni tal-ewwel 20 sors ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u frustrazzjoni relatati mas-suq uniku li jġarrbu ċ-ċittadini; jipproponi li l-Forum dwar is-Suq Uniku jkun jista' jintuża mill-Kummissjoni biex tippreżenta dawn il-problemi u s-soluzzjonijiet rispettivi tagħhom;

12. Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jieħdu s-sjieda tal-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi li ħadu l-Istati Membri biex jottimizzaw il-mod li bih jittrattaw id-direttivi tas-Suq Uniku f'dawk li huma t-titjib tal-koordinament, il-ħolqien ta' strutturi ta' inċentivi u ż-żieda tal-importanza politika mogħtija lit-traspożizzjoni; iqis li hu kruċjali, meta jiddiskuti prijoritajiet għal leġiżlazzjoni ġdida, it-tisħiħ tal-inċentivi u l-għoti ta’ importanza ikbar għat-traspożizzjoni korretta u fil-ħin, l-applikazzjoni korretta u l-infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku;

13. Jinnota li r-regoli tas-Suq Uniku spiss jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar involviment min-naħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-bini tas-suq uniku, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-sħubija, fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jipproponi, sabiex jiġi enfasizzat dan l-approċċ deċentralizzat, it-twaqqif ta’ ‘Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali dwar l-Istrateġija tal-Ewropa 2020’ f’kull Stat Membru biex tinħoloq sjieda qawwija fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 tal-UE;

14. Jemmen li l-‘governanza tajba’ tas-suq uniku għandha tirrispetta r-rwol taż-żewġ istituzzjonijiet konsultattivi li jeżistu fil-livell Ewropew – il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – kif ukoll dak tas-sħab soċjali;

15. Jisħaq li d-djalogu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex tinġieb lura l-fiduċja fis-suq uniku; jistenna ideat ġodda u kuraġġużi mill-Kummissjoni dwar kif dan id-djalogu jista' fil-fatt jittejjeb; jitlob li s-sħab soċjali jkunu involuti u kkonsultati fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tas-suq uniku li taffettwa s-suq tax-xogħol;

16. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Ktiba Ħadra dwar linji gwida għal konsultazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili, u tiżgura li dawn il-konsultazzjonijiet ikunu wiesgħa, interattivi u jżidu l-valur tal-politiki proposti;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta d-djalogu u l-komunikazzjoni dwar il-bżonnijiet taċ-ċittadini ordinarji, bl-aqwa mod possibbli, pereżempju billi l-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha tagħha jsiru disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE jew billi l-lingwa tintuża b’tali mod li tkun tista’ tiftiehem miċ-ċittadin ordinarju;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tvara kampanja ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar l-essenza tas-suq uniku u l-objettivi stabbiliti sabiex iżżid id-dinamiżmu tiegħu filwaqt li jiġu inkorporati d-dimensjonijiet ta’ koeżjoni soċjali u reġjonali; jenfasizza li din il-kampanja ta’ komunikazzjoni hi importanti billi tiffavurixxi aktar parteċipazzjoni min-naħa ta’ kull ċittadin, ħaddiem u konsumatur u biex ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar f’suq kompetittiv, ġust u bbilanċjat;

20. Iqis li l-użu ta’ għodod kollaborattivi ġodda u approċċi tal-Web 2.0 joffri opportunità biex tinkiseb governanza tas-Suq Uniku li tkun aktar miftuħa, responsabbli, tirreaġixxi malajr u effikaċi;

Regolamentazzjoni tas-Suq Uniku

21. Huwa tal-fehma li l-inizjattivi minn Stati Membri individwali ma jistgħux ikunu effikaċi mingħajr azzjoni koordinata fil-livell tal-UE, u għalhekk huwa ta’ importanza fundamentali li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda u soda u timplimenta azzjonijiet komuni; iqis li s-solidarjetà, li fuqha hu bbażat il-mudell ekonomiku soċjali Ewropew, u l-koordinament tar-rispons nazzjonali kienu kruċjali biex jiġu evitati miżuri ta' protezzjoni għal perjodu qasir ta’ żmien mill-Istati Membri individwali; jesprimi t-tħassib tiegħu li jekk il-protezzjoniżmu ekonomiku jerġa’ jitfaċċa fil-livell nazzjonali dan x’aktarx iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u għal tnaqqis fil-kompetittività, u għalhekk jeħtieġ li jiġi evitat; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali tista’ tintuża biex tiġġustifika li jerġgħu jiddaħħlu miżuri ta’ protezzjoniżmu f’diversi Stati Membri, filwaqt li, minflok hekk, it-tnaqqis fl-attività ekonomika jitlob mekkaniżmi ta’ salvagwardja komuni;

22. Hu tal-fehma li l-progress fis-suq intern m’għandux ikun ibbażat fuq id-denominatur komuni l-aktar baxx; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u tressaq proposti kuraġġużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kooperazzjoni msaħħa f’oqsma fejn il-proċess li jintlaħaq ftehim bejn 27 mhuwiex possibbli; jinnota li pajjiżi oħra jkunu ħielsa li jingħaqdu f’dawn l-inizjattivi avvanzati fi stadju aktar tard;

23. Jemmen li l-effiċjenza ġenerali u l-leġittimità tas-Suq Uniku jbatu minħabba l-kumplessità tal-governanza tas-Suq Uniku;

24. Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kwalità u ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku mill-Istati Membri;

25. Jidhirlu li l-użu tar-regolamenti minflok id-direttivi fejn adatt jikkontribwixxi għal ambjent regolatorju aktar ċar u jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjoni assoċjati mat-traspożizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ aktar speċifikament immirat f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-istrumenti leġiżlattivi, skont il-karatteristiċi legali u sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu implimentati, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-istrateġija ta’ Regolamentazzjoni Intelliġenti biex tkompli titjieb il-kwalità tar-regolamentazzjoni, waqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli evalwazzjoni indipendenti ex-ante u ex-post tal-leġiżlazzjoni bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati sabiex titjieb l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

28. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tissistematizza u tirfina t-test tal-SMEs, filwaqt li tqis id-diversità tas-sitwazzjonijiet tagħhom, biex tevalwa l-konsegwenzi ta’ proposti leġiżlattivi fuq dawn in-negozji;

29. Jemmen li t-tabelli ta’ korrelazzjoni jikkontribwixxu għal traspożizzjoni aħjar u jiffaċilitaw b'mod sinifikanti l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu u jippubblikaw tabelli ta’ korrelazzjoni fil-leġiżlazzjoni kollha tas-suq uniku; jirrimarka li fil-futur il-Parlament jista' ma jikkonkludix rapporti dwar testi ta' kompromess miftiehma mal-Kunsill fl-aġenda tal-plenarja jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni għad-dispożizzjonijiet tat-tabelli tal-korrelazzjoni;

Koordinament amministrattiv, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi u informazzjoni

30. Jappoġġa l-proposti tal-Att dwar is-Suq Uniku li jimmiraw li jiżviluppaw aktar kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, inkluża l-estensjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) lejn oqsma leġiżlattivi relevanti oħra waqt li jqisu s-sigurtà tas-sistema u kif din tista’ tintuża; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tipprovdi taħriġ u pariri;

31. Iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu involuti fl-iżvilupp u l-espansjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-benefiċċji u l-problemi li l-espansjoni tas-sistema tista’ ġġib magħha;

32. Jenfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni aħjar u estensjoni tas-sistema ta' informazzjoni tas-suq intern peress li hija essenzjali biex l-SMEs jingħataw informazzjoni ċara dwar is-suq intern;

33. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkoopera ma’ Stati Membri għall-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tal-għodod informali għas-soluzzjoni tal-problemi bħal SOLVIT, il-proġett pilota tal-UE u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ bi pjan direzzjonali dwar l-iżvilupp u l-interkonnessjoni ta’ għodod differenti għas-soluzzjoni tal-problemi biex tiżgura effiċjenza u faċilità tal-użu mill-utenti u biex tevita duplikazzjonijiet bla bżonn; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jipprovdu lil dawn l-għodod għas-soluzzjoni tal-problemi b’riżorsi adegwati;

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u tippromwovi l-websajt L-Ewropa Tiegħek sabiex toffri aċċess uniku għall-informazzjoni kollha u s-servizzi ta’ għajnuna kollha li ċ-ċittadini u n-negozji jeħtieġu biex jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom fis-suq uniku;

35. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw punti ta’ kuntatt uniku taħt id-Direttiva tas-Servizzi f’ċentri ta' e-Gvern ħfief biex jintużaw mill-utent u faċilment aċċessibbli fejn in-negozji jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-lingwi relevanti tal-UE, jagħmlu l-formalitajiet kollha u jlestu l-passi meħtieġa b'mezzi elettroniċi sabiex jipprovdu servizzi fl-Istat Membru rispettiv;

36. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-EURES fil-faċilitazzjoni tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Unjoni u fl-iżgurar ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi nazzjonali tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien pubbliku ta' dan is-servizz utli biex aktar ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ minn opportunitajiet ta' impjiegi fl-UE kollha;

37. Jistieden lill-Parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sħab soċjali jieħdu parti attiva fil-komunikazzjoni tal-benefiċċji tas-Suq Uniku;

Traspożizzjoni u infurzar

38. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha skont it-Trattati biex ittejjeb it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku għall-benefiċċju taċ-ċittadini, konsumaturi u negozji Ewropej; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw b’mod sħiħ u korrett ir-regoli tas-Suq Uniku;

39. Jemmen li l-proċedura ta’ ksur tibqa’ għodda ewlenija biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku, iżda jenfasizza li għandhom jitqiesu l-istrumenti addizzjonali li jieħdu anqas ħin u li huma anqas ingombranti;

40. Jistieden lill-Kummissjoni tirreżisti kull indħil politiku u fejn ifallu l-mekkaniżmi tas-soluzzjoni ta’ problemi qabel il-litigazzjoni tibda minnufih il-proċeduri ta’ ksur;

41. Jinnota li l-każistika ta’ dan l-aħħar tal-Qorti tal-Ġustizzja tiftaħ xenarji ġodda biex il-Kummissjoni ssegwi ‘każijiet ta' ksur ġenerali u strutturali’ tar-regoli tas-Suq Uniku mill-Istati Membri;

42. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tat-tibdiliet li ddaħħlu mill-Artikolu 260 tat-TFUE li huma maħsuba biex jissimplifikaw u jħaffu l-impożizzjoni tal-pieni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur;

43. Jemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar attiv fl-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku, billi tagħmel iktar monitoraġġ sistematiku u indipendenti sabiex jitħaffu l-proċeduri ta’ ksur;

44. Jiddispjaċih li wisq proċeduri ta’ ksur jieħdu ħafna żmien qabel ma jingħalqu jew jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi punt ta’ referenza ta’ 12-il xahar għaż-żmien medju massimu li jieħdu l-proċeduri ta’ ksur, minn meta jinfetaħ il-fajl sa meta tintbagħat l-applikazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja; jiddispjaċih ħafna li proċeduri bħal dawn ma jkollhom l-ebda effett dirett fuq iċ-ċittadini jew ir-residenti tal-UE li kienu vittmi ta’ nuqqas ta' infurzar tal-liġi tal-UE;

45. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni aħjar, b’mod trasparenti, dwar il-proċeduri ta’ ksur li għaddejjin;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi punt ta’ referenza għall-konformità tal-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

47. Jappoġġa l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb l-użu tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess rapidu u effiċjenti għal soluzzjoni tat-tilwim barra l-qrati li tkun sempliċi u mingħajr spejjeż kbar għall-konsumaturi u l-impriżi f’tilwim nazzjonali u transkonfinali li jinvolvi kemm xiri online kif ukoll offline; jilqa' l-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni; jinsisti dwar il-ħtieġa li ċ-ċittadini jingħataw informazzjoni aħjar dwar l-eżistenza tal-ADR;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka wkoll fuq il-prevenzjoni tat-tilwim, pereżempju permezz ta' miżuri iktar b’saħħithom li jevitaw prattiki kummerċjali inġusti;

49. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv u jopponi l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ibbażati fuq il-mudell tal-Istati Uniti tal-Amerika, li fih inċentivi ekonomiċi qawwija għat-tressiq ta' lmenti infondati quddiem il-qorti;

50. Jinnota li kwalunkwe proposta dwar ir-rimedju kollettiv għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għandha tirrispetta l-fehma li l-Parlament esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust; jinsisti li l-Parlament għandu jkun involut fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe att bħal dawn permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-każ għal standards minimi fir-rigward tad-dritt għal kumpens għad-dannu li jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-UE b'mod aktar ġenerali;

Monitoraġġ, evalwazzjoni u modernizzazzjoni

51. Jappoġġa approċċ iffukat u bbażat fuq l-evidenza fejn jidħlu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-suq; jistieden il-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-għodod tagħha għall-monitoraġġ tas-suq, bħal pereżempju l-mekkaniżmu ta’ twissija fid-Direttiva dwar is-Servizzi, billi ttejjeb il-metodoloġija, l-indikaturi u l-ġbir tad-data, filwaqt li tosserva l-prinċipji tal-prattiċità u l-kosteffikaċja;

52. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-istat tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha dwar is-Suq Uniku b’mod iktar rapidu u ċar;

53. Jenfasizza l-evalwazzjoni reċiproka prevista fid-Direttiva dwar is-Servizzi bħala mod innovattiv kif tintuża l-pressjoni tal-pari biex tittejjeb il-kwalità tat-traspożizzjoni; jappoġġa fejn hu xieraq l-użu tal-evalwazzjoni reċiproka f’oqsma oħra, eż. fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija;

54. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrieżminaw regolarment ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali li għandhom impatt fuq iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u l-merkanzija bil-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-regoli nazzjonali u jneħħu d-duplikazzjonijiet; iqis li l-proċess ta’ monitoraġġ tal-liġi nazzjonali użat għall-implimentazzjoni tad-direttivi dwar is-servizzi, jista’ jkun għodda effikaċi f’oqsma oħra biex jiġi evitat xogħol doppju u jitneħħew ostakli nazzjonali mhux ġustifikati għall-moviment liberu;

55. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-isforzi tas-settur pubbliku biex jadotta approċċi innovattivi, filwaqt li tisfrutta t-teknoloġiji u l-proċeduri ġodda u xxerred l-aħjar prassi fl-amministrazzjoni pubblika, ħaġa li tnaqqas il-burokrazija u tħaddan politiki ċċentrati fuq iċ-ċittadin;

III. Prijoritajiet ewlenin

56. Jitlob li kull sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew għandha tkun iddedikata għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tas-Suq Uniku, bl-appoġġ ta’ proċess ta’ monitoraġġ;

57. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Ktiba Ħadra dwar linji gwida għal konsultazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili, u tiżgura li dawn il-konsultazzjonijiet ikunu wiesgħa, interattivi, trasparenti u jżidu l-valur tal-politiki proposti;

58. Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu u jippubblikaw tabelli ta’ korrelazzjoni fil-leġiżlazzjoni kollha tas-suq uniku;

59. Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu d-defiċit ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi tas-Suq Uniku għal 0.5% għal-leġiżlazzjoni pendenti u 0.5% għal-leġiżlazzjoni trasposta b'mod inkorrett sal-aħħar tal-2012;

60. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta’ riżoluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim fl-UE sa tmiem l-2011 u tenfasizza l-importanza tal-adozzjoni rapida tagħha;

61.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 187E, 27.7.2008, p. 80.
  • [2]  Testi Adottati, P7_TA(2010)0186.
  • [3]  ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 25.
  • [4]  ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 7.

NOTA SPJEGATTIVA

Tisħiħ tat-tmexxija politika u s-sħubija

Ir-Rapporteur tagħkom tinsab konvinta li waħda mill-isfidi prinċipali fil-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku hija l-iżgurar tat-tmexxija politika, l-impenn u l-koordinament. Il-50 proposta għall-varar tas-Suq Uniku jiġbru flimkien għadd kbir ta’ portafolli, filwaqt li b’mod kruċjali jinvolvu l-kompetenzi ta’ diversi Membri tal- Kummissjoni u jmissu l-ġurisdizzjoni ta’ diversi kumitati fil-Parlament Ewropew. Fil-Kunsill l-Att dwar is-Suq Uniku jkompli jinqasam f'konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill li r-rwol u l-effikaċja tagħhom ivarjaw ħafna. L-istituzzjonijiet nazzjonali wkoll huma differenti ħafna minn xulxin fil-modi kif huma kkonfigurati u fil-kulturi organizzazzjonali tagħhom.

Ir-Rapporteur tagħkom tqis li t-tisħiħ tar-rwol tal-Kunsill tal-Kompetittività kif propost mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Att dwar is-Suq Uniku tal-10 ta’ Diċembru 2010 huwa kundizzjoni meħtieġa imma mhix waħda suffiċjenti biex jiġu żgurati t-tmexxija politika, l-impenn u l-koordinament.

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li gwida politika tal-ogħla livell hija kruċjali għall-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku. Tipproponi għalhekk li l-President tal-Kunsill Ewropew għandu jingħata l-mandat li jikkoordina u jissorvelja l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni. Kull sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew għandha tkun iddedikata għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tas-Suq Uniku, bl-appoġġ ta’ proċess ta’ monitoraġġ li permezz tiegħu tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-miri interim. F’dan il-kuntest, ir-Rapporteur tagħkom tosserva li l-Presidenza Ungeriża diġa’ qed tippjana li fi Frar 2011 tlaqqa' l-ewwel Kunsill Ewropew li qatt kien hemm dwar tema settorjali.[1]

Ir-Rapporteur tagħkom tinsab konvinta li anke l-appoġġ u l-impenn tal-Istati Membri se jkunu kruċjali għall-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku. Tfaħħar lill-Istati Membri għall-isforzi li għamlu biex itejbu t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku. Fost l-‘aħjar prattiki’ nsibu l-istabbiliment ta’ evalwazzjonijiet perjodiċi tas-sistemi tat-traspożizzjoni, id-dħul ta’ sistema ta’ punti ta’ kuntatt f’ministeri differenti u l-istabbiliment ta’ sistemi ta' twissija meta tkun qed toqrob l-iskadenza għat-traspożizzjoni.

Ir-Rapporteur tagħkom tinnota li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri differenti qabel il-pubblikazzjoni ta’ direttiva bil-għan li jiġu ffaċilitati t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni. Tali miżuri jinkludu l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta' traspożizzjoni hekk kif ikun hemm qbil politiku, l-identifikazzjoni preventiva tal-kompetenzi u/jew analiżi tal-impatt leġiżlattiv, it-trażmissjoni regolari tal-informazzjoni bejn id-dipartimenti responsabbli għan-negozjar u dawk involuti fit-traspożizzjoni u l-involviment parlamentari fi stadju bikri tan-negozjati ta’ leġiżlazzjoni Ewropea ġdida, li tidher li tiffaċilita t-traspożizzjoni ladarba l-leġiżlazzjoni tkun ġiet adottata.

Ir-Rapporteur tagħkom tqis ukoll li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom stess u jiżviluppaw l-aġenda tagħhom stess skont il-prijoritajiet tas-Suq Uniku bil-għan li jieħdu sjieda ġenwina tas-Suq Uniku.

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li l-approċċ ta’ natura ta’ sħubija ssuġġerit mill-Kummissjoni jeħtieġ li jissaħħaħ permezz ta’ żewġ elementi.

L-ewwel nett, hija tqis li s-sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali teħtieġ li titwessa’ mill-politika ta’ koeżjoni għall-politiki tas-Suq Uniku. Ir-regoli tas-Suq Uniku spiss ħafna qed ikunu implimentati u infurzati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell reġjonali u f'dak lokali. L-esperjenza li ħarġet bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi wriet biċ-ċar li l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali jista’ jkun estremament importanti biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku tiġi implimentata u applikata kif suppost.

Ir-Rapporteur tagħkom tinnota li xi Stati Membri diġà ħadu miżuri speċifiċi bil-għan li jiżviluppaw sħubija mal-atturi lokali u reġjonali, inter alia, billi jistabbilixxu netwerks speċifiċi, e.g. fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew is-sorveljanza tas-suq, li joħolqu rabta bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

It-tieni nett, ir-Rapporteur tagħkom temmen li l-element tad-djalogu u s-sħubija tal-governanza tas-Suq Uniku għandu jissaħħaħ permezz ta’ involviment aktar qawwi tal-parlamenti nazzjonali. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona joffri ‘perjodu ta’ opportunità’ lill-parlamenti nazzjonali biex jagħmlu sforz ħalli jittrattaw ir-regoli tas-Suq Uniku fiċ-ċiklu leġiżlattiv kollu u jipparteċipaw f’attivitajiet konġunti mal-Parlament Ewropew. Hija tinnota li jekk il-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom fi stadju bikri fid-deliberar dwar il-proposta tad-Direttiva fil-livell Ewropew dan jista’ jħaffef l-adozzjoni ta’ miżuri sussegwenti ta’ traspożizzjoni fil-livell ta’ Stat Membru. Skambju kostanti ta’ tagħrif mal-parlamenti nazzjonali fuq it-traspożizzjoni rigward il-progress tat-traspożizzjonijiet jista’ wkoll jiffaċilita l-proċess tat-traspożizzjoni.

Regolamentazzjoni tas-Suq Uniku

Ir-Rapporteur tagħkom jidhrilha li l-istrutturi u l-proċessi tal-governanza tas-Suq Uniku huma eċċessivament kumplessi. Din il-ħaġa tikkomplika r-responsabilità u ddgħajjef l-effiċjenza ġenerali u l-leġittimità tas-Suq Uniku. Hija temmen li meta tkun qed tkompli tiġi żviluppata aktar il-governanza tas-Suq Uniku għandha tingħata aktar importanza lill-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabilità.

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li approċċ b'mira aktar speċifika lejn l-għażla li ssir tal-istrumenti leġiżlattivi, skont il-karatteristiċi legali u sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati, ikun jikkontribwixxi għal ambjent regolatorju aktar ċar u jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet assoċjati mat-traspożizzjoni.

Ir-Rapporteur tagħkom tenfasizza li skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE l-Istati Membri huma marbuta li jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompitu tal-Kummissjoni li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati u l-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet jiġu applikati. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni b’tagħrif ċar u preċiż fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttivi.

Ir-Rapporteur tagħkom jidhrilha li l-Istati Membri ghandhom jipprovdu tabelli tal-korrelazzjonijiet li jelenkaw id-dispożizzjonijiet tar-regoli tal-Istati Membri li jittrasponu l-obbligi tad-direttivi għal ġos-sistema legali nazzjonali għad-direttivi kollha tas-Suq Uniku u jagħmluhom pubblikament disponibbli għaċ-ċittadini ( proposta nru 47 tal-Att dwar is-Suq Uniku).

Koordinament amministrattiv, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi

Ir-Rapporteur tagħkom tappoġġja l-proposta nru 45 tal-Att dwar is-Suq Uniku li timmira li tkompli tiżviluppa aktar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern li tista’ tiġi estiża għal oqsma oħra ta’ politika, inkluż il-kummerċ elettroniku u l-akkwist pubbliku.

Temmen li żieda fl-interazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti għal kwistjonijiet tas-Suq Uniku mhux biss tgħin biex jiġu riżolti problemi immedjati fl-implimentazzjoni ta’ Direttivi speċifiċi, imma tikkontribwixxi wkoll għall-bini ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u għal Suq Uniku vijabbli għall-ġejjieni mbiegħed (id-dimensjoni Ewropea tal-amministrazzjoni pubblika fl-Istati Membri).

Ir-Rapporteur tagħkom tosserva li jeżistu għadd ta’ mekkaniżmi tat-tagħrif u tas-soluzzjoni ta’ problemi biex jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozji. Tipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkoordinaw u fejn ikun xieraq, jikkonsolidaw il-‘punti fejn tinqeda minn kollox’ għat-tagħrif u s-soluzzjoni ta’ problemi (il-proposti nru 45 u nru 50 tal-Att dwar is-Suq Uniku).

Ir-Rapporteur tagħkom tappoġġja t-tisħiħ tal-għodod informali għas-soluzzjoni ta' problemi, b'mod partikolari n-Netwerk SOLVIT. Hija tqis li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ is-SOLVIT skont ir-rapport tal-Parlament dwar is-SOLVIT tat-2 ta’ Marzu 2010 (2009/2138(INI)).

Ir-Rapporteur tagħkom tissuġġerixxi wkoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw ‘punti fejn tinqed minn kollox’ ġenwini li permezz tagħhom l-istess grupp speċifikat ikun jista’ jottjeni t-tagħrif kollu meħtieġ, e.g. biex jeżerċitaw attività partikolari. F’dan il-kuntest, tissuġġerixxi li l-punti fejn tinqeda minn kollox skont id-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom ukoll jipprovdu tagħrif fuq ir-reġim ta’ tassazzjoni applikabbli.

Infurzar

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li proċedura ta’ ksur għandha tibqa’ għodda ewlenija biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern. Hija tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-proċeduri ta’ ksur b’mod strett fejn ifallu l-mekkaniżmi tas-soluzzjoni ta’ problemi ta’ qabel il-litigazzjoni filwaqt li tagħmel użu sħiħ tat-tibdiliet li ddaħħlu mill-Artikolu 260 tat-TFUE li jissimplifikaw u jħaffu l-impożizzjoni tal-pieni finanzjarji fil-kunstest tal-proċeduri ta’ ksur.

Ir-Rapporteur tagħkom jidhrilha barra minn hekk li l-każistika ta’ dan l-aħħar tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi possibilitajiet ġodda biex il-Kummissjoni ssegwi ‘każijiet ta' ksur ġenerali u strutturali’ tar-regoli tas-Suq Uniku mill-Istati Membri. Tradizzjonalment, il-Kummissjoni ffukat fuq li ġġib azzjonijiet ta’ infurzar fuq il-bażi ta’ inċidenti individwali. Madankollu, fil-kawża Kummissjoni v. Irlanda[2], il-Qorti aċċettat li l-Kummissjoni tista' ġġib proċeduri kontra Stat Membru mhux biss għal vjolazzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-UE, imma wkoll kontra 'ksur ġenerali u strutturali’ minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-liġi tal-UE. Minflok ma resspqet inċidenti speċifiċi, il-Kummissjoni mmirat li turi l-eżistenza ta’ ‘prattiki amministrattivi sistemiċi u defiċjenti’ u argumentat li l-Irlanda kienet naqset sistematikament milli tikkonforma tad-Direttiva dwar l-Iskart.

Il-kunċett ta’ ‘ksur ġenerali u strutturali’ għandu żewġ implikazzjonijiet importanti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tagħti eżempji ġodda ta’ ksur ta’ obbligu partikolari tal-liġi tal-UE waqt il-proċeduri tal-Qorti. It-tieni nett, l-Istat Membru li jinstab ħati ta' ksur jeħtieġ li mhux sempliċement jirrimedja l-każijiet ta' vjolazzjoni, imma b'mod aktar fundamentali li jibdel il-prattika amministrattiva tiegħu.

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li l-kunċett ta’ ‘ksur ġenerali u strutturali’ jista’ jwitti t-triq għal infurzar aktar effettiv tal-obbligi tal-liġi tas-Suq Uniku f’oqsma bħalma hu l-akkwist pubbliku.

Ir-Rapporteur tagħkom tissuġġerixxi li jeħtieġ li jsir aktar xogħol mhux biss biex tkun żgurata traspożizzjoni f’waqtha, imma wkoll biex jiżdiedu l-isforzi ħalli tiġi żgurata traspożizzjoni korretta. Hija tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jimmiraw li sal-2012 inaqqsu d-defiċit medju tat-traspożizzjonijiet b’0,5%, inklużi kemm it-traspożizzjonijiet tad-Direttivi tas-Suq Uniku li għadhom qed jistennew li jsiru u kemm dawk li huma inkorretti.

Ir-Rapporteur tagħkom tosserva li l-proċeduri formali ta’ ksur is-soltu jieħdu ħafna żmien (fejn it-tul medju taż-żmien meħud biex jiġu riżolti tali preċedimenti jvarja minn 28 xahar għall-UE 15 u 16-il xahar għall-UE 12). Hija tħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffissa punt ta’ referenza ta’ 12-il xahar għall-medja massima ta’ żmien meħud biex jiġu pproċessati l-każijiet ta' ksur.

Ir-Rapporteur tagħkom tinnota li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu medja ta’ 17,7 xhur biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti, li sabu li ċerti Stati Membri ma kinux ikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Tistieden lill-Kummissjoni tipproponi punt ta’ referenza għall-konformità tal-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Monitoraġġ, evalwazzjoni u modernizzazzjoni

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li governanza tajba tas-Suq Uniku tista’ tkun ibbażata biss fuq tagħrif ta’ kwalità tajba dwar il-funzjonament tas-Suq Uniku. Għandhom jintużaw strumenti xierqa ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-politiki tas-Suq Uniku biex tinħoloq rabta bejn l-istadji differenti taċ-ċiklu tal-politiki mit-tfassil sal-implimentazzjoni.

Ir-Rapporteur tagħkom tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taħdem fuq l-iżvilupp ta’ għodod ta’ monitoraġġ tas-swieq, filwaqt li tibni fuq l-esperjenzi li għandha tal-għodod li ħarġu ta' suċċess, inklużi l-indaġnijiet sistematiċi (l-isweeps). Hija tqis li għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-metodoloġija, l-indikaturi u l-ġbir tad-data, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji tal-prattiċità u l-effikaċja tal-ispiża.

Ir-Rapporteur tagħkom temmen li l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz akbar ħalli jittrattaw l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tar-regoli tas-Suq Uniku. Tinkoraġġixxi lill-Istati Membri b'mod partikolari jidħlu regolarment għall-impenn li jwettqu eżerċizzji ta’ evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, filwaqt li jirrieżminaw ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali li għandhom impatt fuq iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u l-merkanzija bil-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-regoli nazzjonali u jneħħu d-duplikazzjonijiet.

  • [1]  Il-Presidenza Ungeriża qed tippjana samit tal-Kunsill Ewropew dwar il-Politika tal-Enerġija tal-UE.
  • [2]  Każ C-494/01 Kummissjoni vs Irlanda [2005] ECR I-3331.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (16.2.2011)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku
(2010/2289(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jürgen Creutzmann

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li s-suq intern jeħtieġ l-appoġġ ta’ kulħadd bħala l-pedament tal-proġett Ewropew u tal-ħolqien sostenibbli tal-ġid fl-UE;

2.  Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li jqiegħed id-djalogu u s-sħubija fil-qalba tas-suq uniku mġedded, u jitlob li jkun hemm sforzi isħaħ mill-partijiet interessati kollha ħalli jiżguraw li dan l-approċċ jitqieħed fil-prattika ħalli s-suq uniku jkun jista' jiżvolġi r-rwol tiegħu kollu fil-promozzjoni tat-tkabbir u ta' ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna;

3.  Hu tal-fehma li l-progress fis-suq intern m’għandux ikun ibbażat fuq id-denominatur komuni l-aktar baxx; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u tressaq proposti kuraġġużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kooperazzjoni msaħħa f’oqsma fejn il-proċess biex jintlaħaq ftehim fost is-27 ma jkunx possibbli, bħal ma qed jagħmlu bħalissa fil-qasam tal-privattivi, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri l-oħra ħielsa li jissieħbu f'dawn l-inizjattivi ta' tnedija fi stadju aktar tard;

4.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq eżerċizzju indipendenti fil-qafas tal-proposta Nru 48 biex tidentifika l-akbar 20 sors ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u frustrazzjoni relatati mas-suq uniku li ċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum, partikularment b’rabta mal-kummerċ elettroniku, il-kura medika transkonfinali u r-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali;

5.  Iqis li għandu jiġi kkompletat suq uniku mingħajr ostakoli u kompetittiv biex iġib vantaġġi konkreti għall-ħaddiema, studenti, pensjonanti, jew ċittadini in ġenerali, u għan-negozji, l-aktar l-SMEs, fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

6.  Jemmen li l-governanza t-tajba u ċ-ċertezza legali huma kruċjali biex jinkisbu l-objettivi ekonomiċi u soċjali tas-suq uniku, inklużi l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, it-taqbida kontra l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-portabilità tal-pensjonijiet;

7.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza u leġiżlazzjoni oħra fil-qasam soċjali, bħall-ħin tax-xogħol;

8.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-EURES fil-faċilitazzjoni tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Unjoni u fl-iżgurar ta' kooperazzjoni mill-qrib fost is-servizzi nazzjonali tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien pubbliku ta' dan is-servizz utli biex aktar ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ minn opportunitajiet ta' impjiegi fl-UE kollha;

9.  Jisħaq dwar ir-rwol importanti ta’ netwerks ta’ appoġġ bħalma huma s-SOLVIT u ċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi sabiex is-suq uniku jaħdem għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej; jemmen li l-SMEs b'mod speċjali huma l-aktar fil-bżonn tan-netwerk SOLVIT; jiddispjaċih li s-SOLVIT la hi magħrufa minn ħafna partijiet interessati u lanqas ma tgawdi l-istatus li jistħoqqilha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jaġixxu u jtejbu d-defiċits;

10. Jilqa' bi pjaċir kbir l-aħbar mill-Kummissjoni li se tkompli tippromwovi l-punt ta' waqfa waħda, li jintegra s-servizzi kollha eżistenti f'punt uniku ta' aċċess u li jipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozji b'informazzjoni u appoġġ rigward id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku kif ukoll informazzjoni prattika dwar ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jkattru l-kuxjenza pubblika tal-punt ta' waqfa waħda u tas-servizzi li jikkostitwuh;

11. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija biex tippermetti l-applikazzjoni usa' tas-sistema ta' informazzjoni tas-suq intern (IMI) u tintegraha ma' netwerks oħra għal kooperazzjoni amministrattiva aktar effiċjenti u implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern;

12. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-użu ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) fl-UE; jiddispjaċih dwar il-kultura li qed tiżdied ta' litigazzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali, xi ħaġa li thedded serjament il-bilanċ fost is-sħab soċjali fl-Ewropa kollha u, jekk titħalla tkompli tiżviluppa, tista' tikkawża instabilità u saħansitra ferment soċjali; jistieden lill-Kummissjoni twessa' l-ambitu tal-ADRs biex ikopru t-tilwim transkonfinali rigward kwistjonijiet ta' xogħol;

13. Jisħaq dwar l-importanza ta’ involviment isħaħ u aktar bikri tal-partijiet interessati fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri meħtieġa biex tingħata spinta lit-tkabbir u lid-drittijiet taċ-ċittadini fis-suq uniku; jinnota li ħafna mill-miżuri proposti fl-Att dwar is-Suq Uniku huma r-responsabilità tal-awtoritajiet nazzjonali jew subnazzjonali u għalhekk ikunu jirrikjedu l-involviment attiv tagħhom fl-istadji kollha; jisħaq barra minhekk li d-djalogu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex tinġieb lura l-fiduċja fis-suq uniku; jistenna ideat ġodda u kuraġġużi mill-Kummissjoni dwar kif dan id-djalogu jista' fil-fatt jittejjeb; jitlob li s-sħab soċjali jkunu involuti u kkonsultati fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tas-suq uniku li taffettwa s-suq tax-xogħol;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati membri jaħdmu mill-qrib mas-sħab soċjali, l-aktar fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni li fuqha hu mibni l-proġett tas-suq uniku; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti għall-involviment attiv u effiċjenti tagħhom, u li tappoġġjahom u tħeġġiġhom jikkondividu l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom f'dawn l-oqsma;

15. Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku ma tagħtix aktar importanza lill-awtoritajiet lokali, li għandhom rwol essenzjali fis-suq uniku fil-livell ekonomiku u soċjali; ifakkar li l-Protokoll 26, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiggarantixxi kapaċità diskrezzjonali wiesgħa biex jiġu organizzati, ġestiti u ffinanzjati s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI); jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex tiggarantixxi l-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll;

16. Iqis li l-Kummissjoni għandha tankra d-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni kollha dwar is-suq uniku; iqis li dan jiżgura li l-implimentazzjoni tal-libertajiet fundamentali ekonomiċi tas-suq uniku ma jxekklux id-drittijiet tan-negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk kif iddefiniti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

17. Jenfasizza l-kontribut sinifikanti tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakoli għall-ħolqien ta' SMEs ġodda u tistimola l-imprenditorjat;

18. Jemmen li l-"governanza tajba" tas-suq intern għandha tirrispetta u ssaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet konsultattivi li jeżistu fil-livell Ewropew, jiġifieri l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-kunsilli għad-djalogu settorjali u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-konsumaturi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

5

13

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Pervenche Berès, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Thomas Händel, Marian Harkin, Roger Helmer, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Françoise Castex, Jelko Kacin, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Emilie Turunen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (1.3.2011)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku
(2010/2289(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Klaus-Heiner Lehne

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ b’interess il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku u l-approċċ globali li din tipproponi sabiex jiġi bbilanċjat mill-ġdid is-suq uniku bejn l-impriżi u ċ-ċittadini u biex jittejbu d-demokrazija u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Jenfasizza li dan l-approċċ għandu l-għan li jiggarantixxi l-aħjar bilanċ bejn il-proposti tat-tliet partijiet tal-komunikazzjoni;

2.  Jirrimarka li s-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR) għandha tipprovdi konċiljazzjonijiet extra-ġudizzjarji ġusti u rapidi u jqis l-ADR bħala mezz effikaċi ta' aċċess għall-ġustizzja u bħala alternattiva effiċjenti għall-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-mekkaniżmi ADR ikunu disponibbli kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji meta dawn ikunu qed isostnu drittijiethom, inter alia bħala parti minn kull proposta futura fil-qasam tal-Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv u jopponi l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ibbażati fuq il-mudell tal-Istati Uniti tal-Amerika, li fih inċentivi ekonomiċi qawwija għat-tressiq ta' lmenti infondati quddiem il-qorti;

5.  Itenni li kwalunkwe approċċ Ewropew għandu jirrispetta l-opinjoni tal-Parlament kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 fuq il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust u jinsisti li l-Parlament irid ikun involut, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

6.  Jinsisti li hemm bżonn ta' tabelli ta' korrelazzjoni ħalli tiġi vvalutata t-traspożizzjoni korretta ta' regoli tas-suq uniku, u jirrimarka li fil-futur il-Parlament jista' ma jinkludix rapporti dwar testi ta’ kompromess li ntlaħaq ftehim dwarhom mal-Kunsill fuq l-aġenda plenarja jekk it-tabelli ta' korrelazzjoni ma jiġux ipprovduti;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċettaw it-tabelli ta’ korrelazzjoni li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni sabiex in-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni jkunu iktar trasparenti;

8.  Jenfasizza li l-applikazzjoni, it-traspożizzjoni u l-infurzar korretti tad-dritt tal-UE se jgawdu minnhom kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji u jinkorraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-kompetenzi disponibbli kollha fl-ambitu tat-Trattati ħalli tinforza r-regoli tas-suq uniku;

9.  Huwa tal-fehma li l-inizjattivi minn Stati Membri individwali ma jistgħux ikunu effikaċi mingħajr azzjoni koordinata fil-livell tal-UE, u għalhekk huwa importanti li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda u soda u timplimenta azzjonijiet komuni. Is-solidarjetà li fuqha hu bbażat il-mudell ekonomiku soċjali Ewropew, u l-koordinament tar-rispons nazzjonali kienu kruċjali biex jiġu evitati miżuri ta' protezzjoni għal perjodu qasir ta’ żmien minn Stati Membri individwali. Jesprimi t-tħassib tiegħu li jekk il-protezzjoniżmu ekonomiku jerġa’ jitfaċċa fil-livell nazzjonali dan x’aktarx iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u għal tnaqqis fil-kompetittività, u għalhekk jeħtieġ li jiġi evitat; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali tista’ tintuża biex tiġġustifika li jerġgħu jiddaħħlu miżuri ta’ protezzjoniżmu f’diversi Stati Membri, filwaqt li, minflok hekk, it-tnaqqis fl-attività ekonomika jitlob mekkaniżmi ta’ salvagwardja komuni;

10. Hu tal-fehma li l-progress fis-suq intern ma għandux ikun ibbażat fuq id-denominatur komuni l-aktar baxx. Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u tressaq proposti kuraġġużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kooperazzjoni msaħħa f’oqsma fejn il-proċess li jintlaħaq ftehim bejn 27 mhuwiex possibbli; pajjiżi oħra jkunu ħielsa li jingħaqdu f’dawn l-inizjattivi avvanzati fi stadju aktar tard;

11. Ifakkar li l-Artikolu 14 tat-TFUE jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jistabbilixxu f'regolamenti l-prinċipji u l-kundizzjonijiet biex is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI) jilħqu l-missjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku; jiddispjaċih li l-komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku ma tagħtix iżjed importanza lill-awtoritajiet lokali, li għandhom rwol essenzjali fis-suq uniku fil-livell ekonomiku u dak soċjali. Ifakkar li l-Protokoll 26 anness mat-TFUE jiggarantixxi kapaċità diskrezzjonali wiesgħa biex jiġu organizzati, immaniġġjati u ffinanzjati l-SGEI, u jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

12. Jinnota r-rieda tal-Kummissjoni li tappoġġa d-djalogu soċjali b’mod aktar effikaċi u ttejjeb it-trasparenza u d-demokrazija fid-deċiżjonijiet; jenfasizza l-bżonn li din ir-rieda tiġi appoġġata b'inizjattivi mas-sħab soċjali ħalli jinħoloq qafas Ewropew għall-ippjanar minn qabel tar-ristrutturazzjonijiet industrijali;

13. Jemmen li l-“governanza tajba” tas-suq uniku għandha tirrispetta r-rwol taż-żewġ istituzzjonijiet konsultattivi li jeżistu fil-livell Ewropew – il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni –, kif ukoll dak tas-sħab soċjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Sajjad Karim, Eva Lichtenberger, Toine Manders

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Kurt Lechner, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Eva-Britt Svensson, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Canfin, Ashley Fox, María Irigoyen Pérez, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Olga Sehnalová

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Ivo Strejček