RAPPORT dwar l-Objettiv 3: Sfida għall-koperazzjoni territorjali – l-aġenda futura tal-koperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali
11.4.2011 - (2010/2155(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Marie-Thérèse Sanchez-Schmid
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Objettiv 3: Sfida għall-koperazzjoni territorjali - l-aġenda futura tal-koperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-titolu XVIII tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1260/1999[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1082/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Grupp Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT)[2],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (2006/702/KE)[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u r-rwol tal-makroreġjuni fil-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-istat tad-dibattitu dwar ir-riforma ġejjiena tal-Politika ta' Koeżjoni[7],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig: Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-ippjanar tal-ispazju u l-Koeżjoni Territorjali[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar ir-rwol tal-“Ewroreġjuni” fl-iżvilupp tal-politika reġjonali[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar l-irwol tal-koeżjoni territorjali fl-iżvilupp reġjonali[11],
– wara li kkunsidra l-komunuikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (COM(2010)0715) u l-pjan ta’ azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC9(2010)1489),
– wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Il-futur tal-politika tal-koeżjoni (Il-ħames rapport dwar il-koeżjoni) (COM(2010)0642),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar l-eżami mill-ġdid tal-baġit tal-UE (COM(2010) 0700) u l-annessi tekniċi tiegħu (SEC(2010)7000),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" - COM (2010) 0553 finali,
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 (COM(2010)0110),
- wara li kkunsidra l-komunuikazzjoni tal-Kummissjoni tat-10 ta’ Ġunju 2010 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009)0248 finali), u l-pjan ta’ azzjoni indikattiv li jakkompanja l-istrateġija (SEC (2010) 0712/2),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-Istrateġija Ewropea għar-Reġjun Atlantiku, li semmiet il-pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni skedata għall-2011[12],
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2008, bl-isem: Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali Ewropea: Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi (COM(2008)0616),
- wara li kkunsidra l-opinjoni ta’ inizjattiva tas-27 ta' Jannar 2011 tal-Kumitat tar-reġjuni dwar “Perspettivi ġodda għar-reviżjoni tar-regolament GECT”,
- wara li kkunsidra r-rapport indipendenti ppreparat mill-Kummissjoni bl-isem “'INTERREG III Community Initiative (2000-2006): Ex-Post Evaluation' (Nru. 2008.CE.16.0.AT.016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0110/2011),
A. billi t-territorju tal-Unjoni Ewropea huwa magħmul minn 27 Stat Membru u minn 271 reġjun,
B. billi ir-reġjuni magħmula minn żoni fuq il-fruntieri jirrapreżentaw madwar 37,5% tal-popolazzjoni Ewropea,
C. billi l-koperazzjoni informali, l-Ewroreġjuni, l-Eurodistretti, ir-REKT, l-inizjattivi tal-Kunsill tal-Ewropa, t-trattati suċċessivi u l-leġiżlazzjoni li ħargu mill-Unjoni Ewropea ilkoll kkontribwew sabiex jistabbilixxu rabtiet aktar b’saħħithom u dejjiema bejn it-territorji,
D. billi għalkemm il-bażi tal-koperazzjoni territorjali diġà tqiegħdet, xorta għad baqa’ sfidi li n-natura tagħhom jiddependu mill-istorja u mil-livell ta’ maturzzjoni tal-koperazzjoni;
E. billi wara li “tneħħew” il-fruntieri fit-trattati, huwa importanti li l-impatt tagħhom jitnaqqas fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna;
F. billi l-politika reġjunali għandha tendenza li tippromwovi żvilupp armonjuż tar-reġjuni billi ssaħħaħilhom il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea,
G. billi fil-politika ta’ koeżjoni, l-objettiv “Koperazzjoni Territorjali” jikkontribwixxi għal “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli” billi jippermetti li jitnaqqsu l-ostakoli bejn it-territorji u r-reġjuni,
H. billi, fil-fruntieri esterni tal-UE, l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali huwa aspett wieħed tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni u tal-implimentazzjoni tal-politika tal-viċinat u billi, b'konsegwenza ta' dan, il-koordinazzjoni tal-arranġamenti tal-Komunità relevanti jridu jittejbu,
I. billi l-koperazzjoni territorjali, li twassal liċ-ċittadini ta’ reġjuni differenti biex jikkoperaw, hija proċess ta’ tagħlim li ma jiqafx li joħloq l-idea ta’ komunità komuni u ta’ futur maqsum,
J. billi l-Koperazzjoni Territorjali għandha tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tagħha, u għaldaqstant għandu jkun promoss approċċ ibbażat fuq il-post,
K. billi t-tfannid tal-Koperazzjoni Territorjali huwa dipendenti fuq il-progress li jagħmel l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni Ewropej fl-oqsma kollha, li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea u l-koeżjoni territorjali, u billi l-Koperazzjoni Territorjali tikkostitwixxi fiha nnifisha laboratorju esperimentali tal-integrazzjoni Ewropea,
L. billi bilkemm iseħħ xi investiment fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN) fir-reġjuni mal-fruntieri, għalkemm huwa preċiżament fil-konnessjonijiet transkonfinali li l-modernizzazzjoni hija meħtieġa b'mod urġenti, u fejn jara każ klassiku Ewropew ta' valur miżjud fit-tneħħija tal-ostakoli infrastrutturali transkonfinali,
M. billi r-regolament ġenerali tal-fondi strutturali, kif ukoll id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, saħħew konsiderevolment l-importanza tal-koperazzjoni territorjali,
N. billi l-evalwazzjoni ex-post tal-programmi INTERREG III għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000 - 2006 turi bi prova il-valur miżjud ta’ dan l-objettiv għall-proġett Ewropew,
It-tisħiħ tal-objettiv ‘koperazzjoni territorjali’
1. Ifakkar li l-Koperazzjoni Territorjali għandha l-għan li tħeġġeġ lit-territorji u r-reġjuni biex jikkoperaw ħalli flimkien jirreaġixxu għall-isfidi komuni tagħhom, ħalli jnaqqsu l-ostakli fiżiċi, kulturali, amministrattivi u regolatorji li jfixklu din il-koperazzjoni u ħalli jitnaqqas l-“effett konfinali”;
2. Jinsab konvint mill-valur miżjud Ewropew tal-koperazzjoni territorjali u r-rwol essenzjali tagħha għat-tfannid tas-suq intern u l-integrazzjoni Ewropea f'diversi politiki settorjali, u jitlob li l-koperazzjoni territorjali tibqa’ wieħed mill-pilastri tal-politika ta’ koeżjoni;
3. Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali, ibbażat fuq il-prinċipju ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jikkonċerna r-reġjuni kollha tal-UE billi jgħin biex jitħeġġeġ żvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha kemm hi;
4. Iqis li l-koperazzjoni territorjali wriet l-effettività tagħha, u li l-potenzjal tagħha bħala sors ta’ kompetittività ma kienx sfruttat biżżejjed minħabba r-riżorsi mhux adegwati li ġew allokati għaliha; jitlob li l-baġit għall-objettiv 'koperazzjoni territorjali' jiżdied minn 2.5% fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali għal tal-anqas 7% tal-baġit globali tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;
5. Jargumenta favur iż-żamma tal-istruttura attwali tal-objettiv 3, maqsuma fi tliet komponenti (transkonfinali, (komponent A) transnazzjonali (komponent B), interreġjonali (komponent C)), u li l-komponent transkonfinali jżomm l-enfasi tiegħu meta mqabbel mal-komponenti l-oħrajn billi jirċievi tal-anqas 70% tal-baġit tal-koperazzjoni territorjali; jinnota li għandu jkun hemm distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-fondi skont il-programm għar-reġjuni kollha;
6. Iqis li jekk trid tinżamm id-distinzjoni bejn il-komponent transkonfinali (komponent A), li jwieġeb għall-bżonnijiet lokali taż-żona tal-popolazzjoni transkonfinali, u l-komponent transnazzjonali (komponent B), inkluża l-hekk imsejħa skala makroreġjonali, li tiffaċilita koperazzjoni fuq firxa strateġika ferm usa’, hemm bżonn ta' koordinazzjoni aħjar bejn iż-żewġ komponenti;
7. Iħeġġeġ barra minn hekk – biex jiżgura l-koerenza u l-kontinwità tal-miżuri ta’ koperazzjoni territorjali, u minħabba n-natura strateġika tal-proġetti msemmija – għal flessibilità ferm akbar biex jiġi sfruttat l-ambitu offrut mill-Artikolu 21 tar-Regolament FEDER rigward il-post tal-attivitajiet tal-koperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali; li tinkorpora r-reġjuni marittimi; jitlob għal dan il-għan ċerta flessibilità fl-applikazzjoni tal-limitu ġeografiku ta’ 150km għar-reġjuni kostali u marittimi fil-qafas tal-programmi ta’ koperazzjoni transkonfinali;
8. Iqis, madankollu, li l-integrazzjoni ta’ tali reġjuni ma’ żoni ġeografiċi u l-ftuħ tagħhom għal dawn iż-żoni barra mill-UE mhumiex funzjoni tal-bogħod ġeografiku tagħhom u ma jistgħux ikunu sempliċiment din il-funzjoni, għax il-ġid tar-rabtiet storiċi, lingwistiċi u kulturali li jorbtuhom ma' partijiet varji tad-dinja jagħtihom rwol ewlieni x’jilagħbu fit-tisħiħ ta’ tali relazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-preżenza globali tal-UE;
9. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-koperazzjoni territorjali biex jintlaħqu l-objettivi EU2020; jitlob biex issir riflessjoni minn qabel sabiex jiġu definiti l-bżonnijiet strateġiċi ta’ kull reġjun konfinali u ż-żona ta' koperazzjoni flimkien ma’ din l-istrateġija, u wara, biex il-koperazzjoni territorjali Ewropea tkun integrata u magħmula apposta għal kull livell ta’ ppjanar strategiku: Ewropew, nazzjonali reġjonali u lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara, mingħajr dewmien, il-proposti tagħha dwar il-konċentrazzjoni tematika tal-fondi, b'referenza għal 'menù tematiku' tal-UE 2020;
10. Jitlob biex jiġu allokati fondi għal kull programm ta' koperazzjoni territorjali, fuq il-bażi ta' kriterji armonizzati sabiex jiġu indirizzati b’mod strateġiku u integrat il-bżonnijiet u l-ispeċifiċatjiet ta’ kull territorju u ta’ kull żona ta’ koperazzjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iqisu kriterji strateġiċi relevanti oħrajn, u li jistgħu jiġu kkalkulati, li jistgħu jirriflettu l-bżonnijiet tat-territorji mingħajr ma jfixklu l-kriterju l-aktar importanti: id-demografija;
11. Jisħaq għal darba oħra l-importanza tal-koperazzjoni interreġjonali (komponent C), imma jiddeplora n-nuqqas ta’ fondi li ġew allokati għaliha; għalhekk jissuġġerixxi rikunsiderazzjoni tal-limitu tar-rata tal-konfinanzjar tal-UE ta’ dan il-komponent, filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll għall-kapaċità tiegħu li jaġixxi bħala inċentiv, għall-parteċipanti mir-reġjuni koperti mill-objettiv tal-“kompetittività u l-impjiegi” sabiex jiżdied in-numru ta’ proġetti f’dan il-komponent C, u jitlob biex jitwessgħu ż-żoni tematiċi ta’ koperazzjoni ħalli jkopru l-governanza u l-ġestjoni ta’ programmi operattivi kif ukoll l-iżvilupp territorjali;
12. Iħeġġeġ ukoll lir-reġjuni biex jużaw aħjar l-ambitu tal-koperazzjoni interreġjonali offruta fil-programmi operattivi tagħhom permezz tar-regolament bażiku[13]; jargumenta, għalhekk, li l-komponent “interreġjonali” tal-Objettiv 3 għandu jkopri wkoll il-koordinazzjoni u t-tħaddim ta’ dawn il-proġetti, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iskambju tal-prattiki tajbin;
13. Jisħaq, għall-programmi operattivi tal-koperazzjoni territorjali futura, fuq l-importanza tal-appoġġ tal-INTERACT u l-kapaċità għal skemi ta' assistenza b'suċċess, li għandhom jimxu fuq il-mudell tal-proġett RC LACE; jitlob għal koordinazzjoni aktar effettiva bejn l-INTERACT, l-URBACT, l-ESPON u l-komponent C, bl-għan li l-Objettiv 3 jiġi implimentat aħjar;
14. Jappoġġa l-ESPON fl-attivitajiet tiegħu imma jissuġġerixxi li l-opportunitajiet għall-involviment attiv fir-riċerka tagħha fil-kwistjonijiet ta' żvilupp territorjali għandhom isiru aktar aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali filwaqt li għandu jiġi assigurat żvilupp prattiku aktar faċli tar-riżultati ta’ din ir-riċerka;
15. Jilqa’ s-suċċess tal-programm URBACT dwar l-iżvilupp urban sostenibbli u jitlob għat-tiġdid tiegħu u l-espansjoni f'inizjattiva sinifikanti u aċċessibbli b'mod wiesa' biex joffri opportunitajiet għal tagħlim konġunt u trasferibilità fir-rigward ta’ sfidi urbani lokali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar kif tista’ tinvolvi l-kunsilliera lokali u reġjonali f’dawn in-netwerks Ewropej għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin, bħala l-ewwel pass biex jiġi implimentat il-proġett Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti;
17. Ifakkar li l-involviment ta' parteċipanti subnazzjonali fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE hu prekundizzjoni biex tiġi implimentata l-koeżjoni territorjali b'mod effettiv;
L-integrazzjoni tal-koperazzjoni territorjali fil-“mainstream”
18. Huwa tal-opinjoni li huwa neċessarju li jkun hemm l-integrazzjoni tal-objettiv tal-'koperazzjoni territorjali' flimkien mal-objettivi tal-'konverġenza' u tal-'kompetittività u l-impjieg'; jitlob li l-ipprogrammar ikun aktar ikkoordinat milli kien qabel; jissuġġerixxi li l-programmi operattivi reġjonali għandu jkollhom l-għażla li jieħdu interess u jipparteċipaw fil-proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali li jikkonċernawhom, billi jiġi definit approċċ territorjali għall-allokazzjoni ta’ fondi, għall-benefiċċju ta’ proġetti prijoritarji, bħall-konnessjoni għan-netwerks trans-Ewropej f’reġjuni konfinali, identifikati minn qabel u b'konsultazzjoni mas-sħab tagħhom fil-programmi bi qbil mal-prinċipji ta’ governanza fuq ħafna livelli u ta’ sħubija, li jippermettu sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-koperazzjoni territorjali grazzi għar-relazzjonijiet żviluppati fost l-atturi privati u pubbliċi bejn il-fruntieri;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni biex iwaqqfu programmi operattivi multireġjonali li jindirizzaw problemi territorjali komuni; bħal ma hija l-preżenza ta’ firxa muntanjuża jew baċin ta’ xmara li tikkaratterizza t-territorju;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu l-koordinazzjoni tal-politiki fir-reġjuni transkonfinali u s-suq tax-xogħol, sabiex jevitaw kwistjonijiet ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li jinħolqu fi ħdan il-qafas tal-integrazzjoni ekonomika u territorjali;
21. Jikkunsidra li l-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali huma importanti wkoll sabiex ikunu effikaċi u jiksbu r-riżultati fir-rigward ta' strateġiji li jikkonċernaw it-tnaqqis tal-faqar u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-soċjetà Ewropea ġenerali; jitlob biex titqies din il-kwistjoni meta jitfassal il-qafas regolatorju u biex dan jiġi żgurat li f’reġjuni żvantaġġati jkunu disponibbli miżuri xierqa għall-parteċipazzjoni fi programmi tal-iżvilupp reġjonali Ewropej;
L-adozzjoni ta’ approċċ territorjali biex jiġu implimentati politiki tal-UE oħrajn
22. Jinnota li approċċi simili tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku jistgħu jkabbru l-koperazzjoni transkonfinali; jikkunsidra li l-makrostrateġiji għandhom jikkunsidraw bis-sħiħ programmi ta' koperazzjoni reġjonali oħra sabiex jiġġeneraw sinerġiji; juri li l-kunċett tal-makroreġjuni, b’inizjattiva tal-Kunsill, sar bħala mezz loġiku u sperimentali biex jiġu kkoordinati proġetti komuni li jikkonċernaw territorju kbir ħafna, ikkaratterizzat bi problemi territorjali komuni, u maħsub biex juża l-vantaġġi ta' approċċ integrat, multisettorjali u territorjali, ibbażat fuq azzjonijiet strateġiċi komuni li jirċievu appoġġ minn fondi eżistenti;
23. Juri li strateġiji bħal dawn kif inhuma jew kif jistgħu jkunu fil-futur għandom jipprovdu bażi biex jitwettqu approċċi aktar strateġiċi u 'magħquda' permezz tal-istrumenti tal-koperazzjoni territorjali relevanti, iżda li ma jiġġenerawx fondi ġodda fil-baġit tal-UE, u li ma jipprevedux il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ġodda u lanqas l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet ġodda;
24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju ddettaljat tar-riżultati tal-istrateġiji makroreġjonali implimentati; jemmen li l-proċess qajjem interess li tajjeb li wieħed ikompli fuqu, b'tagħlim għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali ġodda fil-futur;
25. Juri li l-Objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali jista' jakkomoda l-koperazzjoni fuq skala makroreġjonali, speċjalment fi ħdan il-fergħa transnazzjonali tiegħu;
26. Jargumenta favur l-użu tal-programmi transnazzjonali biex jappoġġaw dawn l-istrateġiji territorjali billi kkoordinaw it-tfassil, id-definizzjoni u t-tmexxija tal-istrateġiji makroreġjonali, għalkemm mingħajr ma dan iwassal għal duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-istrutturi tal-baġit tal-UE billi jinħolqu linji baġitarji speċifiċi għal makroreġjuni differenti;
27. Jenfasizza fl-istess ħin li l-għanijiet tal-istrateġiji makroreġjonali jikkumplimentaw l-għanijiet tal-koperazzjoni transkonfinali tal-mikroreġjuni u jistgħu jinkluduhom, iżda mhux jissostitwuhom; jenfasizza għal din ir-raġuni li l-komponent transkonfinali tal-koperazzjoni territorjali jrid jkun ippreservat bħala element distint u leġittimu fih innifsu;
28. Hu konvint li l-komponent transnazzjonali tal-Objettiv 3 jista' jgħin biex itejjeb il-koperazzjoni fil-kuntest tal-istrateġiji makroreġjonali billi jinvolvi aktar l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta' inizjattivi prattiċi;
29. Huwa tal-opinjoni li l-istrateġija transnazzjonali kollha trid tiġi integrata fit-tfassil tal-koordinamenti possibbli mal-linji gwida tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, u l-istrateġiji implimentati fil-qafas ta’ politika marittima integrata;
30. Ifakkar li l-koperazzjoni territorjali tittratta l-fruntieri interni imma wkoll dawk esterni tal-Unjoni Ewropea; inklużi kwistjonijiet relatati mal-istrateġiji makroreġjonali attwali u ġodda; jenfasizza d-diffikultajiet li jaffaċċjaw pajjiżi terzi biex jiksbu kofinanzjament taħt l-arranġamenti għall-koperazzjoni pprovduti fir-Regolament tal-FEŻR; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis kif għandhom jinħolqu sinerġiji aktar effettivi bejn l-inizjattiva taħt il-FEŻR, tal-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni (IPA), dak tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u dak tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FED); u jitlobha tressaq proposta kemm jista' jkun malajr għal Politika ta’ Viċinat ġdida; jitlob simplifikazzjoni u armonija tar-regoli li jiggvernaw l-aċċess għal sorsi ta' finanzjament differenti sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità u jkun iffaċilitat l-użu tagħhom mill-benefiċjarji;
31. Jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward tan-natura speċjali tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, tittrasferixxi r-responsabilità tal-ġestjoni tiegħu lid-DĠ tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Reġjonali, mingħajr ma tonqos li tikkunsidra l-aspetti tar-relazzjonijiet esterni; josserva li, fil-forma preżenti, l-ENPI ma jipprovdix bażi adegwata biex jiġu kkunsidrati l-fatturi speċifiċi tal-koperazzjoni transkonfinali; jemmen li għandha tiġi kkunsidrata s-separazzjoni tiegħu mill-amministrazzjoni tar-relazzjonijiet esterni ta' lanqas f'dawk il-każijiet fejn pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw fil-koperazzjoni tal-fruntieri esterni jipprovdu wkoll fondi għall-koperazzjoni;
32. Jitlob għall-implimentazzjoni tal-Pjan Usa' ta' Azzjoni Ewropew għall-Viċinat għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, imħabbra fill-Komunikazzjoni tal-Kummisjoni COM(2004) 343 jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' azzjoni multisettorjali koerenti fl-oqsma tal-politika tal-UE li jikkonċernaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u, b'mod partikolari, biex il-komponenti interni u esterni jkunu aktar koordinati b'mod aktar effikaċi permezz ta’ strateġija ta' żoni;
33. Ifakkar li White Paper dwar il-koeżjoni territorjali bħala segwitu għall-Green Paper tkun tirrappreżenta strument f’waqtu biex jiġi ċċarat kif għandha tiġi implimentata l-koeżjoni territorjali permezz tal-governanza fuq diversi livelli fil-politika reġjonali futura u tipprovdi materjal għad-dibattitu dwar il-pakkett leġiżlattiv li jmiss;
34. Jiddikjara li l-kundizzjonijiet għall-koperazzjoni transkonfinali fl-ENPI mhumiex suffiċjenti fl-iżvilupp xieraq tiegħu; jargumenta, f’dan il-każ favur koordinazzjoni msaħħa bejn il-varji direttorati ġenerali kkonċernati fil-Kummissjoni Ewropea; huwa konvint mill-bżonn aħħari li l-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali tal-ENPI jerġgħu jiġu integrati fl-Objettivi tal-Koperazzjoni Territorjali tal-politika ta' koeżjoni;
L-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' Raggruppamenti Ewropej ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT)
35. Iqis li r-REKT jikkostitwixxu strument uniku u preċiż ta’ governanza territorjali, u li jwieġbu għall-bżonnijiet ta’ koperazzjoni strutturata f’termini finanzjarji, ta’ status ġuridiku u ta’ governanza fuq diversi livelli; ifakkar li l-istrument tar-REKT irid jiġi promoss bħala għodda biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ governanza transkonfinali, filwaqt li jiġi żgurat li fil-livell reġjonali u lokali jinħass is-sens ta’ sjieda tad-diversi politiki; jenfasizza wkoll ir-rwol ċentrali tagħhom fil-kontribut tal-implimentazzjoni b’suċċess ta' mudell ta' governanza fuq livelli differenti;
36. Jenfasizza l-fatt li r-REKT jista' mhux biss jikkontribwixxi għall-koeżjoni territorjali iżda wkoll għall-koeżjoni soċjali: juri li dan l-istrument għandu l-aħjar kapaċità li jressaq il-komunitajiet kulturali u lingwistiċi differenti eqreb lejn xulxin, iħeġġeġ koeżistenza paċifika f’Ewropa diversifikata u jagħmel il-valur miżjud Ewropew viżibbli għaċ-ċittadini;
37. Jirrakkomanda li ssir valutazzjoni inizjali tar-REKT preżenti, bil-għan li dawn l-esperjenzi tal-bidu jservu ta' tagħlim;
38. Madankollu jqis li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi ffaċilitata u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq emendi għar-Regolament Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-REKT, filwaqt li jitqiesu l-problemi identifikati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gruppamenti diġà maħluqa, u fuq il-bażi tal-ħidma li saret mill-Kumitat tar-Reġjuni, rigward:
– iċ-ċarezza tal-istatut tar-REKT fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri sabiex jintlaħaq allinjament legali xieraq f'dan ir-rigward,
– il-permess li jiġi stabbilit ir-REKT mill-partijiet interessati bbażati fl-Istati Membri u f’pajjiż terz,
– ir-riformulazzjoni tal-Artikolu 4(3) sabiex l-iskadenza ta’ tliet xhur tiġi rrispettata b’mod strett għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet biex jitwaqqaf REKT,
– is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-persunal,
– l-iżgurar li r-regoli tat-taxxi għar-REKT mhumiex anqas favorevoli minn arranġamenti legali oħra li jiggvernaw l-implimentazzjoni tal-proġetti jew programmi ta' koperazzjoni;
39. Jitlob għall-allokazzjoni ta’ għotjiet globali lir-REKT ma' proġetti li jirriflettu l-objettivi u l-istrateġiji tal-programmi relevanti tal-koperazzjoni, fuq il-bażi ta’ strateġiji komuni tal-iżvilupp transkonfinali, sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw b’mod dirett l-approprjazzjonijiet tal-Fondi Strutturali, u programmi, kif ukoll jitlob li jiġu riflessi aħjar fir-regolamenti li jiggvernaw il-fondi Ewropej l-oħrajn, ta’ natura multinazzjonali u multilaterali tar-REKT, sabiex jitħaffef l-aċċess tagħhom għal sorsi oħrajn ta’ finanzjament;
40. Jilqa' l-varar tal-Pjattaforma Ewropea tar-REKT tal-Kumitat tar-Reġjuni, li għandha l-għan li tiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi, u l-provvista tal-appoġġ tekniku għar-REKT;
41. Huwa tal-opinjoni li REKT transkonfinali joffri opportunità eċċellenti biex l-Ewropa tinbena fuq livell territorjali bl-involviment taċ-ċittadini tal-UE; jitlob lir-REKT transkonfinali jniedu u jmexxu fejn hu xieraq 'forum ta' soċjetà ċivili transkonfinali' u jappoġġaw l-inizjattivi transkonfinali taċ-ċittadini;
Simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni
42. Jemmen li l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ koperazzjoni territorjali tibqa’ waħda wisq ikkumplikata u jqis li l-Objettiv 3 jeħtieg regolament separat biex jirrifletti l-karattru internazzjonali intrinsiku tal-attivitajiet tagħha; jemmen li fil-preżent qed jiġu involuti wisq awtoritajiet amministrattivi differenti fil-programmi ta' implimentazzjoni u għalhekk jitlob semplifikazzjoni sinifikanti f'dan ir-rigward;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri speċifiċi li jissimplifikaw ir-regoli dwar il-verifika u l-kontroll, "b'awtorità waħda ta' ġestjoni għal kull programm" bħala prinċipju ta' gwida, li jawtorizzaw użu aktar sistematiku ta' rati standard għall-ispejjeż u l-iffinanzjar ta’ proġetti żgħar permezz ta’ ammonti fissi, li jiddefinixxu qafas aktar preċiż għar-regoli dwar l-eliġibilità tal-ispejjeż tal-UE, li jiżguraw flessibilità fl-applikazzjoni ta' diżimpenji awtomatiċi, tiżdied l-għajnuna teknika bil-għan li jiġi żgurat li l-entitajiet maniġerjali jkunu jistgħu jikkonċentraw aktar fuq it-tnedija u l-appoġġ strateġiku tal-proġetti u t-twassil tar-riżultati, aktar milli sempliċiment fuq il-ġestjoni u jekk l-applikazzjonijiet jikkonformawx mar-regoli amministrattivi;
44. Jistieden lill-Istati Membri biex jissimplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li ħafna drabi jżidu piż amministrattiv mhux meħtieġ mir-regoli Komunitarji;
45. Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, malajr kemm jista' jkun, id-dispożizzjonijet li jirregolaw il-prinċipju ta' kondizzjonalità maħsubin għall-koperazzjoni territorjali; jikkunsidra li, biex din il-kondizzjonalità toħloq il-kundizzjonijiet għal-użu aħjar u aktar effettiv ta' fondi, m'għandhiex tikkumplika aktar l-implimentazzjoni għad-detriment tal-amministraturi tal-programm u tal-benefiċjarji;
46. Jinsisti wkoll li l-isforzi biex l-atturi privati jkunu involuti aħjar għandu jiġi mwessa' u ssemplifikat; Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' inġinerija finanzjarja, fuq il-mudell ta' JEREMIE u JESSICA, għall-faċilitazzjoni tal-proġetti transkonfinali li huma mezzi ta' żvilupp ekonomiku, il-parteċipazzjoni tal-atturi privati u l-implimentazzjoni ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Aktar viżibilità għall-koperazzjoni territorjali
47. Jiddeplora li l-koperazzjoni territorjali ssofri minn nuqqas ta’ viżibilità, kemm fil-livell tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali kif ukoll f’dak taċ-ċittadini; u għalhekk isejjaħ għal aktar komunikazzjoni effettiva dwar il-proġetti kompluti;
48. Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ b'modi li permezz tagħhom ir-REKT jista’ jkollhom aktar viżibilità mal-partijiet interessati tal-koperazzjoni territorjali u l-pubbliku ġenerali;
49. Jikkunsidra li r-rabtiet kulturali mill-qrib u dawk lingwistiċi bejn il-konfini reġjonali fi Stati Membri differenti, li huma wirt storiku, għandhom jiġu sfruttati sabiex jagħtu spinta lill-koperazzjoni transkonfinali;
50. Iqis li l-koperazzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni u l-kultura, li ssir għall-ilħuq tal-objettiv tat-tkabbir intelliġenti u inklużiv tal-istrateġija Ewropa 2020 tagħti viżibilità lil-livell ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-NGOs kif ukoll tikkontribwixxi biex jissaħħaħ il-profil tal-koperazzjoni territorjali kif ukoll li tkisser il-“fruntiera mentali” li għadha tfixkel liċ-ċittadini milli jersqu lejn xulxin;
51. Jitlob għal koperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet li jimmaniġġjaw u l-istituzzjonijiet transkonfinali diġà eżistenti bħall-Ewroreġjuni matul l-implimentazzjoni ta’ programmi transkonfinali sabiex jiġu ggarantiti proġetti ta’ livell għoli ta’ kwalità, trasparenza u qrubija fir-rigward taċ-ċittadini;
52. Jitlob għal koordinazzjoni aktar effettiva tal-komunikazzjoni bejn l-atturi kollha involuti fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-koperazzjoni territorjali, jissuġġerixxi li l-programmi kollha tal-istess komponent għandhom jadottaw forma waħda identifikabbli ta’ rikonoxximent viżiv (logo) (eż. dħul mill-ġdid tat-tikketta 'INTERREG' li tingħaraf sew) flimkien ma' kull logo tal-programm (possibilment ta' daqs viżiv standardizzat), u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi kampanja tal-midja tal-informazzjoni kbira fir-reġjuni konfinali dwar il-vantaġġi u s-suċċessi tal-koperazzjoni territorjali fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
- [1] ĠU L 210, 31.7.2006, pp. 25 sa 78.
- [2] ĠU L 210, 31.7.2006, pp. 25 sa 78.
- [3] ĠU L 291, 21.10.2006, pp. 11 sa 32.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2010)0356.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2010)0254.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2010)0189.
- [7] ĠU C117E 6.5.2010 , p. 65.
- [8] ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 83.
- [9] ĠU C 184E , 6.3.2009, p.95.
- [10] ĠU C 279E, 22.11.2006, p. 16.
- [11] ĠU C 227E, 21.9.2006, p.88.
- [12] Testi Adottati, P7_TA(2011)0089.
- [13] Artikolu 37(6)(b)
NOTA SPJEGATTIVA
Matul l-aħħar ħames snin, ir-regolament ġenerali tal-fondi strutturali, kif ukoll id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, saħħew konsiderevolment l-importanza tal-koperazzjoni territorjali. Il-qafas finanzjarju 2007-2013 iddetermina l-objettiv “koperazzjoni territorjali” bħala wieħed mit-tliet pilastri tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, li jsegwi l-inizjattiva Komunitarja INTERREG. Iktar tard, il-“koeżjoni territorjali” saret, fl-Artikolu 174 tat-Trattat, wieħed mit-tliet komponenti tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien ma’ dawk ekonomiċi u soċjali. Il-pożizzjoni tagħha tistabbilixxi b’mod determinanti dan l-objettiv bħala wieħed mill-prijoritajiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-Koperazzjoni Territorjali għandha l-għan li tneħħi l-ostakoli fiżiċi, amministrattivi u regolamentari u sabiex ittaffi “l-effett tal-fruntieri”li jeżistu bejn it-territorji u r-reġjuni, sabiex flimkien ikunu jistgħu jwieġbu għall-isfidi komuni tagħhom, kemm jekk ikunu ta’ natura territorjali (servizzi, infrastruttura, urbaniżmu u ppjanar territorjali), globali (globalizzazzjoni, tibdil fil-klima), ekonomika jew soċjetali. Din tirrappreżenta sors ta’ kompetittività li għadu mhux sfruttat biżżejjed u tgħin fil-ksib ta' "unjoni dejjem eqreb bejn il-popli".
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ex-post ta’ INTERREG III (2000-2006) juri b'mod ċar il-valur miżjud ta’ dan l-objettiv għall-Proġett Ewropa u jagħti xi eżempji ta’ suċċess: 1 030 proġett infrastrutturali, u aktar minn 18 000 km ta' toroq ġodda jew li rċevew assistenza, 115 200 opportunità ta' impjieg, 5 800 "start up" u impriża li direttament jew indirettament ġew stabbiliti jew salvagwardjati, u aktar minn 544 000 persuna (inklużi studenti) li pparteċipaw f'korsijiet, taħriġ, seminars, workshops, laqgħat, jew attivitajiet edukattivi oħra[1].
It-tisħiħ tal-objettiv “koperazzjoni territorjali”
Baġit ambizzjuż:
Ir-rapporteur tagħkom tikkunsidra, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013, mal-pożizzjoni li esprimiet il-Kummissjoni Ewropea fil-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-politika ta' koeżjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill informali tal-Ministri responsabbli għall-politika reġjonali fi Liège nhar it-22 u t-23 ta' Novembru 2011, li l-"Objettiv 3" għandu jissaħħaħ sostanzjalment.
Il-qafas finanzjarju multiannwali attwali jalloka EUR 8.5 biljun għal dan l-objettiv (li jirrappreżentaw biss 2.5% tal-ispejjeż strutturali tal-UE). Waqt in-negozjati għall-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, il-Kummissjoni talbet li l-Objettiv 3 jkun jirrappreżenta tal-anqas 5% tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni. Fl-2013, dan l-Objettiv se jkun laħaq il-maturità tiegħu. Id-domanda għall-koperazzjoni hi b'saħħitha u l-bżonnijiet immensi. Ir-rapporteur tagħkom tqis li l-Parlament Ewropew għandu jappoġġa l-ambizzjonijiet tal-atturi tal-koperazzjoni territorjali, billi jerġà jitlob għal dan l-objettiv minimu ta' 7% tal-baġit globali tal-politika ta' koeżjoni.
Arkitettura stabbli
Għar-rapporteur tagħkom, l-arkitettura ta' dan l-objettiv għandha tinżamm fi tliet elementi, peress li kull wieħed minn dawn għandu l-loġika u l-utilità tiegħu.
Il-koperazzjoni transkonfinali (73% tal-baġit) tiffinanzja l-implimentazzjoni ta' strateġiji komuni għar-reġjuni li jinsabu tul il-fruntieri interni (u ġieli esterni) tal-Istati Membri (u li mhumiex il-bogħod minn xulxin aktar minn 150 km). L-implimentazzjoni tagħha hi "territorjalizzata" fil-livell ta' NUTS 3 u twieġeb għall-ħtiġijiet lokali tar-reġjuni transkonfinali. Ir-rapporteur tagħkom tqis li dibattitu dwar it-trasferiment ta' eliġibilità fil-livell ta' NUTS 2, mitlub minn ċerti atturi, jirriskja li jikkomprometti din id-dimensjoni lokali tal-koperazzjoni transkonfinali. Madankollu, skont il-proġetti, jekk jintużaw il-possibilitajiet offruti mill-Artikolu 21 tar-Regolament FEŻR dwar il-lokalizzazzjoni tal-operazzjonijiet fil-qafas tal-koperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali, ikun hemm flessibilità li tajjeb li wieħed iħeġġeġ. Dan l-artikolu jippermetti li, f'każi ġġustifikati, jiġu ffinanzjati spejjeż barra miż-żona eliġibbli għall-programm.
Il-koperazzjoni transnazzjonali (20% tal-baġit) fuq skala usa', hi intenzjonata għall-promozzjoni tal-koperazzjonijiet bejn ir-reġjuni ġirien li jappartjenu għall-istess żona ġeografika, għal prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, bħar-riċerka u l-iżvilupp, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-ambjent, l-edukazzjoni ogħla, il-mobilità u l-iżvilupp urban sostenibbli, kif ukoll il-ġestjoni tad-diżastri naturali.
Fl-aħħar, il-koperazzjoni interreġjonali (4% tal-baġit) tikkonċerna l-koperazzjoni bejn ir-reġjuni kollha tas-27 Stat Membru, indipendentement mill-inħawi ġeografiċi tagħhom, u hi ddedikata għall-iskambju ta' informazzjoni, ta' esperjenzi u ta' prattiki tajbin.
L-esperjenza[2] turi li, meta jsiru sejħiet għal proposti għal proġetti ta' koperazzjoni interreġjonali, id-domanda hi għaxar darbiet akbar mill-offerta. Dan l-iżbilanċ jista' joħloq piż amministrattiv żejjed għall-awtorità ta' ġestjoni u skoraġġiment u frustrazzjoni għall-kandidati. Biex jiġu ffrankati l-flus, u biex tissaħħaħ il-kwalità tal-proġetti, jista' jerġa’ jitqies il-limitu tar-rati ta' kofinanzjament tal-UE għall-parteċipanti mir-reġjuni "kompetittività u impjiegi". Ir-rapporteur tagħkom tissuġerixxi wkoll li r-reġjuni jużaw aktar il-possibilitajiet offruti mill-Artikolu 37(6)(b) tar-regolament ġenerali. Dan l-artikolu jippermetti li, fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru, jiġu inklużi fil-programm operattiv "konverġenza" jew "kompetittività reġjonali u impjiegi" azzjonijiet għall-koperazzjoni interreġjonali ma' reġjun jew awtorità lokali ta' Stat Membru ieħor. L-element interreġjonali tal-objettiv "Koperazzjoni territorjali" jista' jservi ta' appoġġ, ta' koordinament, ta' kapitalizzazzjoni, ta' skambju ta' prattiki tajbin u ta' animazzjoni strateġika għall-proġetti implimentati b'dan il-mod. F'dan ir-rigward, INTERACT iżid fl-effikaċità jekk ikun assoċjat aħjar u jintrabat aktar mill-qrib ma' dan l-element.
URBACT II (li jirrigwarda l-iskambju ta' informazzjoni għall-promozzjoni ta' żvilupp urban sostenibbli) laħaq ċertu suċċess, u jistħoqqlu li jitkompla.
Barra minn hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mad-dibattitu dwar l-Erasmus għall-kunsilliera lokali, ikun utli li n-netwerks ta' skambji (koperazzjoni interreġjonali/INTERACT u URBACT) jinvolvu aktar lill-kunsilliera, sabiex l-iskambju jsiru aktar viżibbli u jingħataw spinta politika. Dan jaf ikun l-ewwel pass biex jiġi implimentat il-proġett Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti;
Il-programm ESPON, li jqiegħed għad-dispożizzjoni studji u databases dwar il-koperazzjoni territorjali u l-inħawi konfinali, hu strument effikaċi. Mandakollu hemm bżonn ta' sforzi biex ir-riżultati tiegħu jsiru aktar aċċessibbli u aktar viżibbli għall-atturi kollha tal-koperazzjoni.
Koperazzjoni territorjali aktar strateġika u aktar ġeneralizzata
Jekk il-proporzjonijiet bejn dawn it-tliet elementi jistgħu jinżammu globalment, il-programmazzjoni għandha tkun aktar strateġika u integrata fl-istadji kollha tal-pjanifikazzjoni. Ir-rapporteur tagħkom tixtieq li jiġu kkoordinati l-azzjonijiet ta' koperazzjoni f'kull livell ta' governanza, flimkien ma' strateġija "Ewropa 2020" adattata għall-ħtiġijiet tat-territorji, u flimkien mal-istrateġiji territorjali eżistenti l-oħra (ewrodistretti, Ewroreġjuni, makroreġjuni, eċċ.).
Il-koperazzjoni territorjali ġieli tbati minn konsiderazzjonijiet nazzjonali ta' ritorn finanzjarju u tas-sindrome ta' "Irrid nieħu flusi lura", fejn l-Istati Membri u l-atturi jaqsmu l-pakkett finanzjarju għall-proġetti fit-territorju tagħhom, mingħajr koperazzjoni u valur miżjud Ewropew reali. Ir-rapporteur tagħkom qed tipproponi għalhekk li l-baġits jiġu allokati għal kull programm ta' koperazzjoni territorjali sabiex ikun hemm reazzjoni b'mod integrat għall-ħtiġijiet taż-żona kkonċernata. Dejjem waqt li żżomm il-kriterju ewlieni tad-demografija, il-Kummissjoni tista' tqis kriterji strateġiċi oħrajn, u li jistgħu jiġu kkalkulati, li jkunu relevanti u li jistgħu jirriflettu l-bżonnijiet tat-territorji mingħajr ma jkun hemm xkiel għall-aktar kriterju importanti: id-demografija. L-indikaturi komplementari jistgħu jqisu l-kwistjonijiet speċifiċi għall-koperazzjoni territorjali, bħall-konnettitività, l-aċċess għall-infrastrutturi, jew uħud mill-indikaturi marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020.
Għar-rapporteur tagħkom, jekk il-baġit tal-koperazzjoni territorjali jkun jeħtieġ żieda sinifikattiva, qatt mhu se jkun jista' jieħu f'idejh l-finanzjament tal-proġetti infrastruttrali kbar transkonfinali jew transnazzjonali li teħtieġ l-Ewropa, f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport, l-enerġija u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni l-ġodda. Sabiex realment jiġi implimentat il-prinċipju ta' koeżjoni territorjali, u jiżdied il-valur miżjud Ewropew tal-intervent tal-fondi allokati fil-qafas tal-objettivi "konverġenza" u "kompetittività u impjiegi", hemm bżonn aktar kumplimentarjetà bejn l-objettiv "koperazzjoni territorjali" u d-dimensjoni prevalenti b'mod ġenerali.
Għaldaqstant qed jiġi propost, fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, li approċċ "territorjali" għandu jintuża biex jintużaw il-fondi ta' "konverġenza" u ta' "kompetittività u impjiegi" għal ċertu numru ta' proġetti prijoritarji bħan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasporti li ġew identifikati minn qabel u aċċettati mas-sħab relevanti, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-governanza fuq diversi livelli u tas-sħubija.
Fl-aħħar, ir-rapporteur tagħkom tixtieq tinsisti fuq l-importanza tal-esperjenzi mwettqa fil-qafas tal-programmi operattivi multireġjonali, bħall-programmi "Loire" jew "Massif Central" fi Franza, li għandhom bażi territorjali komuni.
L-adozzjoni ta’ approċċ territorjali għal politiki Komunitarji oħrajn
L-istrateġiji makroreġjonali, għall-Baltiku jew għad-Danubju, qajmu entużjażmu u tħassib min-naħa ta' diversi atturi. Ir-rapporteur tagħkom tixtieq tfakkar li dawn l-istrateġiji mhuma la struttura intergovernattiva ta' koperazzjoni ġdida mmaniġġjata biss mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri, u lanqas oġġett Komunitarju mhux identifikat awtonomu u indipendenti minn kwalunkwe rabta mal-politika reġjonali. Ir-regola tat-"tliet le" hija regola essenzjali u kostituttiva: le għal istituzzjonijiet ġodda, le għal regolamenti ġodda, le għal linji baġitarji ġodda għall-istrateġiji makroreġjonali.
Madankollu, il-loġika tal-makroreġjuni, loġika sperimentali ta' koordinament madwar proġetti kommuni li jikkonċernaw territorju kbir ħafna, u maħsuba biex jiġu implimentati l-vantaġġi ta' approċċ integrat u multisettorjali, madwar azzjonijiet strateġiċi komuni li jirċievu appoġġ minn fondi eżistenti, jixirqilha, minħabba r-riżultati li kisbet, attenzjoni partikulari.
Allavolja l-Ewropa mhix mitluba tkopri l-makroreġjuni, is-sistema ta' governanza tal-element transnazzjonali tista' tgħin fil-koordinament tal-ippjanar, id-definizzjoni u l-indirizzar ta' dawn l-istrateġiji, billi tidentifika fejn ikunu utli u mixtieqa.
Bl-istess mod, l-element transnazzjonali għandu jqis, fl-ippjanar tiegħu, il-koordinamenti possibbli mal-istrateġiji Komunitarji ewlenin l-oħra, bħan-netwerks trans-Ewropej ta' trasport u l-politika marittima integrata.
Fl-aħħar, il-koperazzjoni fil-fruntieri esterni tippreżenta nuqqasijiet u diffikultajiet fl-implimentazzjoni, speċifikament minħabba n-nuqqas ta' sinerġiji bejn ir-regolamenti dwar il-fondi differenti (FEŻR, ENPI, IAP, FEŻ) u problemi ta' governanza. Id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kkonċernati huma mistiedna jikkoordinaw aħjar l-azzjonijiet tagħhom f'dan il-qasam.
It-tħeġġiġ tal-ħolqien ta' Raggruppamenti Ewropej ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT)
Fl-2006, regolament separat ħoloq strument ġuridiku li jiffaċilita l-koperazzjoni territorjali, ir-Raggruppament Ewropew ta' Koperazzjoni Territorjali (REKT). Ir-REKT jista’ jintuża għat-tliet elementi tal-koperazzjoni territorjali, u huwa strument uniku ta’ governanza territorjali. L-introduzzjoni tiegħu seħħet matul in-negozjati dwar il-pakkett leġiżlattiv għall-qafas finanzjarju multiannwali attwali (2007-2013).
Dan ir-regolament jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali joħolqu raggrupamenti komuni bil-personalità ġuridika tagħhom, għall-implimentazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti ta’ koperazzjoni. B’hekk huwa jagħti kontribut sinifikanti għall-mudell ta’ governanza fuq diversi livelli.
L-esperjenza tar-REKT eżistenti jew li għadhom fil-proċess li jinħolqu turi li dan l-istrument jiffunzjona b’mod sodisfaċenti. Huwa ssodisfa l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għal koperazzjoni strutturata f’termini finanzjarji, ta’ status ġuridiku u ta’ governanza fuq diversi livelli – b'mod li jiżboq l-aspettattivi tal-leġiżlatur Ewropew innisfu.
Madankollu, huwa indispensabbli li jkun hemm għarfien ikbar dwar ir-REKT fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, jeżisti numru li ma jistax jiġi injorat ta’ sfidi oħra ta’ natura prinċipalment ġuridika, organizzattiva u ta’ aċċess għall-fondi li r-REKT għandhom jiffaċċjaw, b’mod partikolari fil-fażi inizjali tagħhom (bħal pereżempju problemi marbuta mal-pajjiż ta’ stabbiliment u mal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni twal ħafna).
Ir-rapporteur tagħkom tixtieq tingħaqad mal-Kumitat tar-Reġjuni biex tiġbed l-attenzjoni fuq għadd ta' problemi: il-bżonn għaċ-ċarezza tal-istatus tar-REKT skont is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, problemi biex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni tal-ħolqien ta' REKT li jinvolvi l-atturi li jinsabu fi Stat Membru u fi Stat barra mill-UE, il-bżonn ta’ tfassil mill-ġdid tal-Artikolu 4(3) biex jiġi żgurat li tkun obduta l-iskadenza ta' tliet xhur li fihom Stat Membru għandu jindika l-qbil jew in-nuqqas ta' qbil tiegħu għall-ħolqien ta’ REKT u simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi li jiggvernaw il-persunal u l-arranġamenti fiskali tar-REKT.
Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-aċċess għal fondi Ewropej oħra għandhom iqisu aħjar in-natura partikulari tar-REKT, mhux bħala sempliċiment sieħeb, imma bħala organiżmu Ewropew multilaterali u multinazzjonali.
Fl-aħħar, jekk jingħataw għotjiet globali lir-REKT, biex ikun jista' jimmaniġġja fondi strutturali direttament, waqt li jirrispetta l-istrateġija definita għall-programm, dan jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' proġetti u jħeġġeġ il-ħolqien ta' REKT ġodda.
Semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni
L-Objettiv 3 jippermetti l-koperazzjoni kumplessa u multidimensjonali li tgħaqqad flimkien sħab minn Stati Membri differenti. Dawn ir-restrizzjonijiet jitolbu regolament speċifiku li ġenwinament jissimplifika l-implimentazzjoni.
Ir-rapporteur tagħkom qed tipproponi numru ta’ miżuri mitluba mill-atturi fuq il-bażi, bħal simplifikazzjoni tar-regoli dwar il-verifika u l-kontroll, l-użu aktar sistematiku ta' rati standard għall-ispejjeż, id-definizzjoni ta' regoli aktar dettaljati li jiggvernaw l-eliġibilità għal appoġġ Komunitarju, applikazzjoni aktar flessibbli ta' proċeduri ta’ diżimpenji awtomatiċi, u żieda fl-assistenza teknika, sabiex l-awtoritajiet ta' ġestjoni jkunu jistgħu jisħqu fuq is-superviżjoni strateġika tal-proġetti aktar milli fuq il-konformità tal-applikazzjonijiet mar-regoli amministrattivi.
Ir-rapporteur tagħkom tixtieq tfakkar madankollu li l-ewwel semplifikazzjoni għandha tkun l-istabilità tar-regoli.
Fl-aħħar, waħda mill-problemi li ta' spiss wieħed jiltaqa' magħha fl-implimentazzjoni tal-koperazzjoni territorjali hi r-riluttanza ta' atturi privati meta ffaċċjati bil-kumplessità u r-riskji intrinsiċi ta' dan it-tip ta' proġett.
Ir-rapporteur tagħkom tistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinvolvi aħjar lil dawn l-atturi, b’mod partikolari billi jitwaqqfu sistemi ta' inġinerija finanzjarja, fuq il-mudell ta' JEREMIE u JESSICA, sabiex jiġu ffaċilitati l-proġetti transkonfinali li huma mezzi ta’ żvilupp ekonomiku u t-twaqqif ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Aktar viżibilità għall-koperazzjoni territorjali
Il-koperazzjoni territorjali tbati minn forma partikolarment akuta tal-problema iktar ġenerali li tolqot il-fondi strutturali: in-nuqqas ta’ viżibilità tagħhom.
La ċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, la l-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali, reġjonali jew lokali tal-Istati Membri, u lanqas l-ippjanar tal-politiki fit-tul tal-istituzzjonijiet Ewropej mhuma konxji tal-isfidi tal-Koeżjoni Territorjali. Għandha tittieħed azzjoni f’kull wieħed minn dawn it-tliet livelli, sabiex il-koperazzjoni territorjali ssir iktar “viżibbli”.
Ir-reazzjoni għal din l-isfida għandha tinqasam f’żewġ aspetti:
- il-koperazzjoni territorjali, din l-idea grandjuża Ewropea, għandha tkun l-inkarnazzjoni simbolika tal-UE għaċ-ċittadini kollha.
- dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi u l-uffiċjali fil-livelli kollha għandhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-aspetti prattiċi tal-koperazzjoni territorjali li jistgħu jirrigwardaw ħidmithom.
Ir-rapporteur tagħkom titlob għalhekk li l-Kummissjoni tirrifletti speċifikament dwar is-soluzzjonijiet li permezz tagħhom ir-REKT jista' jkollhom aktar viżibilità mal-atturi tal-koperazzjoni territorjali u maċ-ċittadini.
Iqis ukoll li żieda fil-koperazzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni u l-kultura, li ssir għall-ilħuq tal-objettiv tat-tkabbir intelliġenti u inklużiv tal-istrateġija Ewropa 2020, tagħti viżibilità akbar lil-livell ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-NGOs kif ukoll tikkontribwixxi biex jissaħħaħ il-profil tal-koperazzjoni territorjali kif ukoll tkisser il-“fruntiera mentali” li għadha tfixkel liċ-ċittadini milli jersqu lejn xulxin;
Fl-aħħar, hu indispensabbli wkoll koordinament aħjar tal-komunikazzjoni bejn l-atturi kollha involuti fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-koperazzjoni territorjali, u pass inizjali jista' jkun pereżempju l-użu ta' logo wieħed. Il-Kummissjoni tista' tipprevedi wkoll kampanja ta' komunikazzjoni, bl-għajnuna ta' INTERACT fir-reġjuni konfinali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Sophie Auconie, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Juozas Imbrasas, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Franz Obermayr, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Cozzolino, Karima Delli, Jens Geier, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, László Surján |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vladko Todorov Panayotov, Britta Reimers, Ivo Strejček |
|||||