RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue
5.4.2011 - (COM(2010)0666 – 05499/2011 – C7‑0032/2011 – 2010/0326(COD)) - ***I
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Janusz Wojciechowski
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue
(COM(2010)0666 – 05499/2011 – C7‑0032/2011 – 2010/0326(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0666),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kunsill fid-data 26 ta' Jannar 2011, li fiha l-Kunsill iqis li l-bażi ġuridika għandha tiġi modifikata u jitlob lill-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (05499/2011 - C7-0032/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Marzu 2011[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-modifika mitluba tal-bażi ġuridika,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0121/2011),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1 Proposta għal direttiva – att li jemenda Kunsiderazzjoni 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu, |
Ġustifikazzjoni | |
Il-proposta oriġinarja tissejjes fuq il-bażi ġuridika tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/119/KE, li l-użu tagħha ma jkunx konformi mat-Trattat. Skont it-Trattat ta' Lisbona, il-funzjoni leġiżlattiva hija eżerċitata konġuntament mill-Parlament u mill-Kunsill (Artikolu 14(1) TUE) u fis-settur tal-agrikoltura tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (Artikolu 43(2) TFUE). | |
Emenda 2 Proposta għal direttiva – att li jemenda Kunsiderazzjoni 2 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer1 u b'mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 15 tagħha, |
imħassar |
Emenda 3 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 5 a (ġdida) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(5a) Sabiex tippermetti li r-regoli l-ġodda jibbenefikaw liż-żmien tat-tilqim fl-2011, id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali. |
Emenda 4 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2011. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih, kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2011. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih, kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |
Emenda 5 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 2 –paragrafu 1 –subparagrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mil-1 ta' Mejju 2011. |
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet l-iktar tard mill-1 ta' Lulju 2011. |
Emenda 6 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 3 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
- [1] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
NOTA SPJEGATTIVA
Sitwazzjoni attwali
Il-bluetongue hija marda li tolqot l-annimali li jixtarru (bħall-qobla, in-nagħaġ u l-mogħoż). Mill-ewwel snin tal-2000, f'bosta Stati Membri, inklużi dawk tal-Ewropa ċentrali u tat-Tramuntana, ġraw diversi mewġiet epizootiċi li kkawżaw danni sinifikanti f'termini ta' morbilità, mortalità u telf kummerċjali ta' annimali.
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue, inklużi regoli dwar it-tilqim. Dawn ir-regoli huma intiżi għall-użu tal-hekk imsejħa "vaċċini ħajjin immoderati" li kienu l-uniċi vaċċini disponibbli meta d-Direttiva ġiet adottata għaxar snin ilu. Dawk il-vaċċini jistgħu jwasslu għal tixrid mhux mixtieq tal-virus tal-vaċċin f'annimali li ma rċevewx it-tilqima. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva 2000/75/KE tippermetti t-tilqim f'żoni speċifikament deżinjati biss, fejn il-marda effettivament seħħet u li fihom ġew imposti restrizzjonijiet għaċ-ċaqliq tal-annimali.
F'dawn l-aħħar snin però, saru disponibbli "vaċċini inattivati" ġodda. B'differenza mill-"vaċċini ħajjin immoderati", dawn il-vaċċini inattivati ma jippreżentawx ir-riskju ta' tixrid mhux mixtieq tal-virus tal-vaċċin u għalhekk jistgħu jintużaw b'suċċess barra miż-żoni li fihom ġew imposti restrizzjonijiet għaċ-ċaqliq tal-annimali.
Objettiv u kamp ta' applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni
L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni huwa dak li jagħmel iktar flessibbli r-regoli relatati mat-tilqim kontra l-bluetongue, partikolarment billi tippermetti l-użu ta' vaċċini inattivati barra miż-żoni li fihom ġew imposti restrizzjonijiet għaċ-ċaqliq tal-annimali.
Pożizzjoni tar-rapporteur
Fil-prinċipju, ir-rapporteur huwa favorevoli għall-proposta tal-Kummissjoni. Din ittaffi xi restrizzjonijiet li saru superfluwi fid-dawl tal-iżviluppi reċenti tal-produzzjoni ta' vaċċini. Ir-regoli l-ġodda jgħinu lill-Istati Membri jużaw b'mod aktar effikaċi t-tilqim għall-kontroll tal-bluetongue u tnaqqas il-piż li din il-marda tirrappreżenta għas-settur agrikolu.
Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-bażi ġuridika użata fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għandha tiġi modifikata. Ir-rapporteur jappoġġa l-pożizzjoni tal-Kunsill espressa fl-ittra tas-26 ta' Jannar 2011, li skont din, l-att li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE għandu jkun adottat mill-koleġiżlaturi fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 43(2).
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI PROPOSTA
Is-Sur Paolo De Castro
President
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi legali tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue (COM(2010)0666 – C7-0032/2011 – 2010/0326(COD))
Sinjur President,
B'ittra tal-10 ta' Frar 2011, inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont it-termini tal-Artikolu 37(2) tar-Regoli ta' Proċedura, tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-emenda kkontemplata għall-bażi ġuridika tal-proposta msemmija aktar 'il fuq tal-K'mmissjoni, jiġifieri l-bdil fil-bażi ġuridika minn Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE għal Artikolu 43(2) tat-TFUE.
Il-kumitat eżamina l-kwestjoni msemmija hawn fuq waqt il-laqgħa tiegħu tad-28 ta' Frar 2011.
Sfond
Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE f'dak li għandu x'jaqsam mat-tilqim kontra l-bluetongue ġiet preżentata lill-Kunsill mill-Kummissjoni fil-15 ta' Novembru 2010. Fit-18 ta' Novembru 2010, il-President tal-AGRI talab l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament dwar il-validità tal-bażi ġuridika tal-proposta u s-Servizz Legali wieġeb fil-25 ta' Novembru. Sussegwentement, fit-8 ta' Diċembru 2010, il-President tal-AGRI bagħat ittra lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li fiha qanqal dubji serji dwar il-proċedura għall-adozzjoni tal-proposta. Talab ukoll lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u lill-Kunsill ma jadottahiex imma jistenna għall-preżentata ta' waħda ġdida min-naħa tal-Kummissjoni. Ġie propost li l-proposta l-ġdida tkun imsejsa fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Fl-ittra saret enfasi li l-Kummissjoni kienet użat bażi ġuridika sekondarja, li “(...) donnha kienet illegali fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (b'mod partikolari d-deċiżjoni tagħha tas-6 ta' Mejju 2008 fil-każ C-133/06)” u ntqal ukoll li “(...) skont it-Trattat ta' Lisbona, il-funzjoni leġiżlattiva issa hija kondiviża bejn il-Parlament u l-Kunsill u, billi l-Artikolu 202 KE issa ġie sostitwit, il-Kunsill m'għadx għandu poter leġiżlattiv awtonomu. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-atti leġiżlattivi fil-qasam tal-agrikultura skont it-termini tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, hija l-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tapplika għall-adozzjoni tagħhom."
Il-proposta kienet diskussa mill-Grupp ta' Ħidma Uffiċjali Kapijiet Veterinarji tal-Kunsill fit-2 ta' Diċembru 2010. F'dik il-laqgħa, is-Servizz Legali tal-Kunsill ta parir lid-delegazzjonijiet kontra l-użu tal-bażi ġuridika sekondarja għall-proposta u fisser il-fehma li għandha tkun imsejsa fuq l-Artikolu 43(2) TFUE.
Invista ta' dan kollu, il-Kunsill iddeċieda li ma juża l-bażi ġuridika proposta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni fissret li ma setax ikun mistenni li l-proposta tiġi rtirata u rimpjazzata bi proposta msejsa fuq l-Artikolu 43(2) TFUE b'mod li tippermetti li l-adozzjoni tagħha mill-Parlament u mill-Kunsill issir qabel il-kampanja ta' tilqim tal-2011.
Minħabba fl-urġenza ta' dak l-objettiv, f'ittra datata 26 ta' Jannar 2011 indirizzata lill-President tal-Parlament, il-Kunsill ittrażmetta l-proposta lill-Parlament u ppropona li l-ko-leġiżlaturi jimmodifikaw il-bażi ġuridika għall-Artikolu 43(2) TFUE. Il-Kunsill jistieden ukoll lill-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu fuq il-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-bażi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għamluha ċara li l-Kummissjoni ma kinitx se tobjetta għal dan l-approċċ.
Il-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali bħala l-kumitat responsabbli għandu l-ħsieb jemenda l-bażi ġuridika tal-proposta kif suġġerit mill-Kunsill.
I. Il-bażijiet ġuridiċi in kwestjoni
Il-proposta tal-Kummissjoni hija msejsa fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer[1] , li tgħid kif ġej:
"Artikolu 15
Bħala deroga mid-disposizzjonijiet ġenerali stabbiliti f'din id-Direttiva, id-disposizzjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-miżuri tal-kontroll u ta' l-eradikazzjoni għal kull waħda mill-mardiet rispettivi:
— ikunu, għall-marda vesikulari tal-ħnieżer, stabbiliti fl-Anness II dwar il-marda vesikulari tal-ħnieżer,
— ikunu, għal kull waħda mill-mard l-ieħor elenkati fl-Anness I, adottati mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni."
L-Anness I jismu "Lista obbligatorja tal-mard notifikabbli” u jinkludi l-bluetongue.
Il-bażi ġuridika proposta mill-Kunsill u mill-AGRI hija l-Artikolu 43(2) TFUE, li jgħid kif ġej: "2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd.” (l-enfasi hija miżjuda)
II. L-għażla ta' bażi ġuridika min-naħa tal-Kummissjoni
Il-għażla tal-bażi ġuridika hija spjegata mill-Kummissjoni fil-memorandum spjegattiv kif ġej: "Il-bażi legali tad-Direttiva 2000/75/KE hija t-tieni inċiż tal-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (l-"att bażiku"), li jistipula li l-Kunsill jista' jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-miżuri ta' kontroll u eradikazzjoni għal kwalunkwe marda tal-annimali mniżżla fl-Anness I mad-Direttiva, meta jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Billi l-att bażiku li jistabbilixxi din il-bażi legali għadu fis-seħħ, il-legalità tas-setgħat mogħtija lill-Kunsill f'dan l-att mhumiex affettwati mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u dawn is-setgħat jibqgħu esklużivament tal-Kunsill." (l-enfasi hija miżjuda) Intużat diċitura tixtiebaħ f'ittra tal-15 ta' Novembru 2010 mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ SANCO lill-President tal-AGRI: “Il-bażi ġuridika tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE dwar il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue [tinsab] fid-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE, li tiddisponi li l-Kunsill jista' jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-miżuri ta' kontroll u eradikazzjoni għal għadd ta' mard tal-annimali, fosthom il-bluetongue, abbażi ta' maġġoranza kwalifikata favur proposta min-naħa tal-Kummissjoni. Billi l-att bażiku li jistabbilixxi din il-bażi legali għadu fis-seħħ, il-legalità tas-setgħat mogħtija lill-Kunsill f'dan l-att mhumiex affettwati mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbon. Għal dawn il-mottivi, il-proposta tal-Kummissjoni hija indirizzata biss lill-Kunsill.”
III. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja
Ċerti prinċipji joħorġu mill-każistika tal-Qorti. L-ewwel nett, inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi tal-bażi legali f'termini ta' kompetenza sostantiva u l-proċedura, l-għażla ta' bażi legali korretta hija ta' importanza kostituzzjonali[2]. It-tieni nett, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri lilha mit-Trattat[3] u r-regoli li jirrigwardaw il-manjiera li biha l-istituzzjonijiet tal-Komunità jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom jinsabu fit-Trattat u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet infushom[4].
Fid-deċiżjoni tas-6 ta' Mejju 2008 fil-Kawża C-133/06, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħetha kontra l-użu ta' bażi ġuridika sekondarja min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE f'dawn it-termini li ġejjin:
"56 Li jkun rikonoxxut li istituzzjoni tista' tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm biex jissaħħu jew biex ikunu ffaċilitati regoli dettaljati għall-adozzjoni ta' att legali, tfisser l-istess bħal li dik l-istituzzjoni tingħata s-setgħa leġiżlattiva li tmur lilhinn minn dik mogħtija mit-Trattat.
57 Dan jippermetti wkoll lill-istituzzjoni kkonċernata biex iddgħajjef il-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali li jeħtieġ li kull istituzzjoni trid teżerċita s-setgħat tagħha b'attenzjoni għas-setgħat ta' istituzzjonijiet oħra (Kawża C-70/88 Il-Parlament v il-Kunsill [1990] ECR I‑2041, paragrafu 22).”
Isegwi mid-deċiżjoni tal-Qorti li l-leġiżlatur tal-UE jista' jadotta att leġiżlattiv biss jekk jaġixxi skont il-proċeduri li hemm dispost għalihom fit-Trattat u ma jistax jimxi fuq bażi ġuridika u proċeduri addizzjonali tiegħu stess għall-adozzjoni ta' att.
IV. L-għan u l-kontenut tal-miżuri proposti
Il-proposta tittanta temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta' Novembru 2000 li tiddelinea dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue[5], li kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard ta' l-annimali u miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikulari tal-majjali. Id-Direttiva 92/119/KEE ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, li bħalissa huwa l-Artikolu 43 tat-TFUE, bħala miżura fil-qasam tal-agrikultura.
Għandu jiġi nnutata li l-għażla tal-bażi ġuridika għal att ma tiddependix mill-konvinzjoni tal-istituzzjoni relevanti dwar l-objettiv segwit iżda għandha “tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju”[6], bħal ma huma l-għan u l-kontenut tal-miżura[7].
L-objettiv tal-proposta huwa li jiddaħħlu possibilitajiet ta' tilqim addizzjonali kontra l-marda tal-bluetongue u li "jitħaffef il-piż fuq is-settur agrikolu ppreżentat minn dik il-marda” (premessa 5 tal-proposta). Għalhekk toloqt il-politika agrikola u għandha tkun imsejsa fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE.
V. Konklużjoni
Huwa meqjus li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/119/KEE ma hijiex bażi ġuridika valida għall-adozzjoni tal-proposta, li pjuttost għandha tkun imsejsa fuq l-Artikolu 43(2) TFUE.
Fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Frar 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali b'konsegwenza ta' dan kollu ddeċieda b'mod unanimi[8], b'14-il vot, li jirrakkomanda li l-proposta tkun imsejsa fuq l-Artikolu 43(2) TFUE.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner Lehne
- [1] ĠU L 62, 15.03.1993, p. 69.
- [2] Opinjoni 2/00 Carthagena Protocol [2001] E.C.R. I-9713, par. 5; Kawża C-370/07 Kummissjoni vs Kunsill, par. 46-49; Opinjoni 1/08, General Agreement on Trade Services [2009], ECR I-11129, para. 110.
- [3] Kawża C-403/05 Il-Parlament v il-Kummissjoni [2007] ECR I‑9045, para. 49, u l-każistika li hemm iċċitata hemmhekk.
- [4] Kawża C-68/86, Ir-Renju Unit v Il-Kunsill[1988] ECR 855, para. 38.
- [5] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.
- [6] Kawża 45/86 Kummissjoni vs Kunsill [1987] E.C.R. 1493, par. 11.
- [7] Kawża C-300/89 Kummissjoni vs Kunsill [1991] E.C.R. I-2867, par. 10.
- [8] Il-persuni li ġejjin kienu preżenti għall-vot finali: Klaus-Heiner Lehne (Chair), Raffaele Baldassarre (Vice-Chair), Evelyn Regner (Vice-Chair), Sebastian Valentin Bodu (Vice-Chair), Piotr Borys, Françoise Castex, Sergio Gaetano Cofferati, Christian Engström, Eva Lichtenberger, Toine Manders, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka.
PROĊEDURA
Titolu |
It-tilqima kontra l-bluetongue |
|||||||
Referenzi |
05499/2011 – C7-0032/2011 – 2010/0326(COD) |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AGRI 3.2.2011 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Janusz Wojciechowski 26.1.2011 |
|
|
|||||
Bażi legali kkontestata Data tal-opinjoni tal-JURI |
JURI 28.2.2011 |
|
|
|
||||
Eżami fil-kumitat |
14.3.2011 |
|
|
|
||||
Data tal-adozzjoni |
4.4.2011 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
31 0 1 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Liam Aylward, José Bové, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, Mairead McGuinness, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Giancarlo Scottà, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Salvatore Caronna, Christa Klaß, Hans-Peter Mayer |
|||||||
Data tat-tressiq |
4.4.2011 |
|||||||