RAPPORT dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra
8.4.2011 - (2010/2160(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Georgios Stavrakakis
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 174, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 175, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni[1], u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2009 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: Investiment fl-ekonomija reali[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-kumplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-12 ta' Diċembru 2010 dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE[11],
– wara li kkunsidra l-20 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) tal-21 ta' Diċembru 2009 (COM(2009)0617/2),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010) 2020),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 dwar "Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013" (COM(2010)0110),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM (2010) 0553),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE" (COM(2010)0700),
– wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni ("il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni), ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni (COM(2010)0642),
– wara li kkunsidra l-ittra indirizzata lill-President tal-Kummissjoni mill-Kummissarji għall-Politika Reġjonali, għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0141/2011),
A. billi l-Artikolu 174 TFUE jipprevedi li l-Unjoni, sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha,
B. billi l-premessa 40 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tiddikjara li l-programmazzjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni tal-Fondi bejniethom u mal-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra, mal-BEI u mal-Fond Ewropew ta' l-Investment (FEI). u li din il-koordinazzjoni għandha tkopri wkoll it-tħejjija ta' skemi finanzjarji kumplessi u sħubiji pubbliċi privati,
C. billi l-Kummissjoni, fl-istrateġija Ewropa 2020, wegħdet li se timmobilizza l-istrumenti finanzjarji tal-UE – speċifikament, il-fondi għall-iżvilupp rurali u l-fondi strutturali, il-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, in-Netwerks Trans-Ewropej (TENs), il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-BEI, fost l-oħrajn – bħala parti minn strateġija ta' finanzjament konsistenti, li tiġbor flimkien il-finanzjament tal-UE u dak pubbliku u privat, fil-kuntest tal-inizjattiva emblematika intitolata "Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi", biex b'hekk tiġi riflessa l-ħtieġa għal koerenza bejn il-politiki u l-istrumenti,
D. billi l-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni jirrikonoxxi b'mod ċar li biex wieħed ifittex li jkun hemm żvilupp reġjonali effikaċi, hemm bżonn ta' koordinament mill-qrib tal-politiki pubbliċi f'kull livell,
E. billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar ir-Rapport Strateġiku 2010 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, saħaq fuq "il-ħtieġa għal titjib ulterjuri tal-koordinazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u ta' linja politika tal-UE u nazzjonali oħra, fejn meħtieġ, sabiex tiżdied l-effettività fit-twettiq ta' objettivi komuni b'mod aktar ikkoordinat" kif ukoll "il-valur reali miżjud iġġenerat minn approċċ strateġiku wieħed u minn regoli ta' implimentazzjoni komuni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew, fil-qafas ġenerali tal-politika ta' koeżjoni",
F. billi, fl-ittra li indirizzaw lill-President tal-Kummissjoni Barroso, il-Kummissarji għall-Politika Reġjonali, għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, għall-Impjieg, għall-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali rrikonoxxew "il-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-politiki differenti tal-UE sabiex jintlaħaq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklussiv li trid tikseb l-UE", waqt li pproponew "it-tfassil ta' qafas strateġiku komuni fil-livell tal-UE għall-BERŻ, il-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FAEŻR, u l-FES, għall-perjodu wara l-2013",
G. billi r-riforma tal-politika strutturali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 wasslet għall-firda tal-iżvilupp rurali mill-qafas ġenerali tal-fondi strutturali.
H. billi r-razzjonalizzazzjoni tal-infiq tirrikjedi aktar effikaċità u effiċjenza tal-politiki fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u billi l-koordinament mill-qrib u l-komplementarjetà huma elementi essenzjali fil-modernizzazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-ġejjieni,
I. billi, mingħajr qafas politiku li jappoġġahom, is-sinerġiji nnifishom jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq il-kapaċità organizzattiva u strateġika tal-benefiċjarji biex jgħaqqdu l-appoġġ minn strumenti differenti tal-UE,
J. billi approċċ ibbażat fuq l-iżvilupp lokali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għall-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni, u billi l-politika ta' koeżjoni tibqa' l-istrument fundamentali biex jiġu affrontati l-isfidi partikulari għal kwalunkwe territorju, waqt li l-attenzjoni għad-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni li tkun tirrifletti oqsma funzjonali aktar estensivi trid tiġi akkumpanjata minn kundizzjonijiet ibbilanċjati għall-iżvilupp sinerġiku tal-inħawi urbani, suburbani u rurali,
K. billi hemm ħtieġa akuta, kif ukoll pressjoni, għall-konsolidament tal-baġits pubbliċi, u din tirrikjedi aktar azzjonijiet innovattivi għat-tisħiħ tal-impatt ta' kwalunkwe finanzjament disponibbli, u billi l-koordinament effikaċi tal-politiki u l-istrumenti se jippermetti li jiġu ffrankati l-ħin u r-riżorsi u li jkun hemm kisbiet reali fir-rigward tal-effiċjenza u l-effikaċità,
L. billi wieħed irid jaħdem favur il-koordinament u s-sinerġiji kemm orizzontalment (b'konsistenza bejn il-politiki differenti), kif ukoll vertikalment (b'koperazzjoni u koordinament bejn id-diversi livelli ta' governanza),
M. billi approċċ frammentat jista' jwassal għal nuqqasijiet fil-politika, politiki doppji jew anke konfliġġenti, azzjonijiet pubbliċi kontradittorji u duplikazzjoni tar-riżorsi, b'konsegwenzi kemm għall-effikaċità reġjonali tal-politiki pubbliċi, kif ukoll għall-impatt nazzjonali tagħhom, u billi l-kunċett ta' approċċ integrat ma jidhirx li ġie enfasizzat biżżejjed fl-aħħar dokumenti politiċi tal-Kummissjoni,
N. billi politika ta' koeżjoni aktar integrata, konsistenti, effikaċi u effiċjenti tirrikjedi sforz akbar biex il-politiki tal-UE jiġu adattati għall-ħtiġijiet u l-assi speċifiċi tad-diversi territorji u reġjuni tal-Unjoni,
O. billi l-Linji Gwida Strateġiċi – fil-kuntest tal-linja gwida ġenerali ta' titjib ta' aċċess għall-finanzi – jirrikjedu koordinament aħjar bejn il-fondi,
P. billi l-Linji Gwida Strateġiċi jitolbu speċifikament it-tħeġġiġ ta' sinerġiji bejn il-politiki strutturali, dwar l-impjiegi u dwar l-iżvilupp rurali, waqt li jenfasizzaw li, f'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw sinerġija u konsistenza bejn l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati f'territorju partikulari, u f'qasam ta' attività partikulari mill-BERŻ, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FSE, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u billi jipprevedu wkoll li l-prinċipji ta' gwida ewlenin fir-rigward tal-linja ta' demarkazzjoni u l-mekkaniżmi għall-koordinament bejn l-azzjonijiet appoġġati mid-diversi fondi għandhom ikunu definiti fl-oqfsa ta' referenza strateġiċi nazzjonali/fil-pjanijiet ta' strateġija nazzjonali,
Q. billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Frar 2011 dwar il-Ħames Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li twaqqaf programmi li jinkludu diversi fondi,
R. billi xi reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandhom fruntieri ma' pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), u billi għandu jkun possibbli li s-sinerġiji ta' finanzjament ta' xi proġetti jiġu speċifikament enfasizzati, biex b'hekk il-potenzjal għall-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej f'din il-qagħda jkun jista' jiżdied,
S. billi r-rieżami ta' nofs it-terminu jirrikonoxxi li l-flessibilità baġitarja hi limitata u li jeżistu ostakli għar-riprijoritizzazzjoni anke bejn il-programmi, waqt li jinnota wkoll li l-inkonsistenzi bejn il-programmi u l-piżijiet amministrattivi onerużi jxekklu l-effikaċità,
T. billi, fis-sitwazzjoni attwali ta' wara kriżi, hu aktar importanti minn qatt qabel li wieħed jifhem il-proċessi fl-ekonomiji tal-Istati Membri u r-riżultati miksubin permezz tal-użu tar-riżorsi tal-UE,
U. billi hu importanti li jiġu żgurati l-viżibilità u "l-valur miżjud Ewropew" tal-kontribut tal-UE,
Il-ħin u l-post għal koordinament u sinerġiji akbar
1. Jitlob li jiġi propost qafas strateġiku uniku, mill-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss għal wara l-2013, biex jiġi żgurat approċċ komuni u ssir kapitalizzazzjoni fuq is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet kollha li jservu fuq il-post biex ikomplu jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni kif definiti mit-Trattati u kif iffinanzjati mill-BERŻ, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FSE, il-FAEŻR u l-FES;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fini tal-politika ta' koeżjoni għandha tkun tkabbir ekonomiku sostenibbli, intelliġenti u inklużiv imqassam territorjalment u soċjalment b'mod uniformi, it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, il-ħolqien ta' impjiegi, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, it-taħriġ għall-ħaddiema għal impjiegi ġodda, fosthom fil-qasam tal-ekonomija sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-implimentazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew li jikkostitwixxi element ta' koeżjoni u kompetittività tal-ekonomija Ewropea;
3. Jafferma li l-politika ta' koeżjoni għandha tintuża għall-ksib ta' tkabbir sostenibbli madwar l-UE kollha u distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-benesseri, permezz tat-trawwim tal-kompetizzjoni u l-immirar lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet soċjoekonomiċi bejn ir-reġjuni tal-UE;
4. Iqis li l-politika ta' koeżjoni hi wieħed mill-pilastri ta' politika ekonomika tal-UE li tiffavorixxi l-istrateġija tal-investimenti fit-tul u l-inklużjoni soċjali; iqis li l-politika ta' koeżjoni tiggarantixxi l-appoġġ għar-reġjuni l-anqas żviluppati u l-kategoriji żvantaġġati, biex twassal għal żvilupp bilanċjat u armonjuż għall-Unjoni Ewropea; jinnota li l-valur miżjud Ewropew jinsab fil-fatt li kulħadd jista' jibbenefika mis-suċċessi ekonomiċi tal-UE; jirrakkomanda għalhekk li l-politika ta' koeżjoni tinżamm fuq bażi indipendenti b'finanzjament sostanzjali;
5. Jilqa' l-proposta stipulata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit biex il-Kummissjoni tadotta Qafas Strateġiku Komuni sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-politiki tal-UE għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020; jappella f'dan il-kuntest għal azzjoni għat-trawwim ta' sinerġiji bejn il-metodi ta' finanzjament tal-inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jirrimarka, madankollu, li aktar sinerġiji bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-ħames fondi msemmijin hawn fuq fi ħdan Qafas Strateġiku Komuni għandhom rwol pivotali mhux biss biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, imma anke u prinċipalment biex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni kif stabbiliti mit-Trattat;
6. Jilqa' l-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni li, għalkemm fil-biċċa l-kbira tiegħu jiffoka fuq l-evidenzjar tal-kontribut li jistgħu jagħtu r-reġjuni u l-politika ta' koeżjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jinkludi madankollu għadd ta' konklużjonijiet li huma xhieda tar-rwol kruċjali ta' aktar sinerġiji fost il-fondi strutturali, inkluż il-Fond ta' Koeżjoni;
7. Jemmen li n-nefqa fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni trid tiġi razzjonalizzata billi titnaqqas il-frammentazzjoni tal-istrumenti u l-kanali ta' finanzjament u titrawwem komplementarjetà aħjar bejn l-istrumenti ta' finanzjament differenti; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal prijoritizzazzjoni aħjar u konċentrazzjoni tematika tar-riżorsi tal-UE u dawk nazzjonali fuq għadd ta' prijoritajiet sabiex ikun hemm koordinament imsaħħaħ bejn il-fondi, bil-possibilità li tissaħħaħ in-natura strateġika ta' din il-politika; jenfasizza, madankollu, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri, dawk reġjonali u dawk lokali għadhom jeħtieġu biżżejjed flessibilità biex jadattaw il-prijoritajiet għall-ħtiġijiet ta' żvilupp speċifiċi tagħhom;
8. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti ta' sħubija għall-iżvilupp u l-investiment immirati lejn it-titjib tal-koordinament bejn il-fondi komunitarji u l-finanzjament nazzjonali għall-objettivi u l-programmi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-kuntratti; jappella sabiex dawn il-kuntratti jiġu kkoordinati mar-riformi nazzjonali tal-politiki settorjali li għandhom impatti territorjali (eż. it-trasport u l-infrastrutturi għar-riċerka u l-iżvilupp);
9. Jenfasizza li ħafna mill-inizjattivi tal-iżvilupp ekonomiku fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni ma joħolqux sempliċiment opportunitajiet li jkun mixtieq li jittieħdu, imma attwalment is-suċċess tagħhom jiddependi fuq il-fatt li l-fatturi kemm umani kif ukoll fiżiċi jiġu indirizzati (it-titjib fl-infrastruttura, pereżempju, ma jwassalx awtomatikament għal aktar tkabbir jekk ma jkunx marbut mal-investiment fl-edukazzjoni, l-imprenditorjat, u l-innovazzjoni); għalhekk jemmen li l-effett tal-iżvilupp ta’ dawn il-fondi se jkun massimizzat mis-sinerġiji miżjuda bejn il-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni;
10. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jiżvolġi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fl-użu effikaċi tal-Fond Soċjali Ewropew, billi l-FEŻR huwa responsabbli għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet bħal infrastruttura xierqa u aċċessibilità adegwata li mingħajrhom l-investimenti relatati mal-impjiegi ma jistgħux ikunu effiċjenti;
11. Jenfasizza kif il-kriżi ekonomika żiedet aktar u aktar il-ħtieġa urġenti għal miżuri fis-setturi koperti mill-Fond Soċjali Ewropew, li jkunu jippromwovu b'mod partikolari l-impjiegi, ir-riorjentament professjonali, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar;
12. Jenfasizza li l-FSE, bħala strument ta' appoġġ għat-taħriġ kontinwu, il-ksib tal-kwalifiki u r-riorjentament professjonali, għandu jitqies bħala riżorsa essenzjali – li fil-fatt mhuwiex qed tiġi kompletament sfruttata – għall-promozzjoni tat-tkabbir komprensiv u effiċjenti u l-kompetittività bbażata fuq l-għarfien għall-Ewropa;
13. Jisħaq fuq il-fatt li tfassil politiku ffukat u kkoordinat jiggrantixxi l-prijoritizzazzjoni ta' dawk l-investiment bl-akbar impatt fuq il-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni;
14. Huwa tal-opinjoni li l-azzjonijiet tal-iżvilupp rurali taħt il-FAEŻR u l-azzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli għaż-żoni tas-sajd taħt il-FES għandhom jiġu integrati f’qafas wieħed mal-fondi strutturali l-oħrajn, b’mod partikolari l-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa sa liema punt jista’ approċċ komprensiv għall-iżvilupp tal-komunitajiet rurali u tas-sajd, f’konformità mal-objettiv tal-koeżjoni territorjali, jiġi ggarantit permezz ta’ ċaqliq tal-azzjonijiet tal-iżvilupp lokali taħt iż-żewġ fondi msemmija lejn l-“umbrella tal-koeżjoni”, jew, għall-inqas, permezz ta’ sinerġiji aktar ċari fost il-fondi kollha; jemmen li approċċ ta’ dan it-tip iqis il-kuntest tal-politiki fundamentali b’impatt territorjali, u jippermetti li dawk involuti attivament fi proċessi ta’ żvilupp fil-livell reġjonali u lokali jmexxu politika effikaċi bbażata fuq il-post adattata tajjeb għall-bżonnijiet territorjali taż-żoni rurali u tas-sajd jew tal-gżejjer żgħar;
15. Jenfasizza li l-koordinazzjoni għandha tiġi msaħħa ulterjorment mhux biss fost l-istrumenti ta’ politika ta’ koeżjoni bħala tali (l-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni) iżda wkoll fost azzjonijiet iffinanzjati minn dawn l-istrumenti u attivitajiet imwettqa taħt it-TENs, is-Seba' Programm ta' Qafas u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (is-CIP);
16. Jikkunsidra li s-sinerġiji jistgħu jkunu rilevanti għall-objettiv tal-koperazzjoni territorjali bejn il-BERŻ u l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni u tal-viċinat fil-kuntest tal-proġetti transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina f'liema każi jista' jitfittex wkoll koordinament mal-istrumenti tal-aspetti esterni tal-politiki tal-UE bħall-FEŻ;
17. Jemmen li dan it-tisħiħ u koordinament reċiproċi tal-politiki tal-UE jistgħu mingħajr ebda dubju jiżguraw l-aħjar riżultati possibbli mill-baġit tal-UE; jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi ta' inġinerija finanzjarja, bħal ma huma l-istrumenti ffinanzjati mill-BEI, u li dawn l-istrumenti jintużaw aktar;
18. Jenfasizza l-fatt, madankollu, li bosta Stati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fil-koordinament ta’ bosta fondi u apparentement esprimew l-ansjetà tagħhom dwar in-nuqqas ta' sinerġija, u anki f’xi każijiet sovrapożizzjoni, bejn il-fondi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-regoli kumplessi ta’ immaniġġjar tal-fondi jeħtieġu livell għoli wisq ta' kapaċità istituzzjonali sabiex jingħelbu l-ostakli u tiġi kkoordinata b’mod sodisfaċenti l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-kofinanzjament u tas-semplifikazzjoni meħtieġa tar-regoli biex ikun jista' jseħħ it-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-fondi strutturali;
19. Jenfasizza li s-semplifikazzjoni, li hija kruċjali għal politika ta' koeżjoni ta' suċċess, għandha ssir kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali, biex b'hekk jitjiebu r-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi struttura iktar sempliċi għall-politika fil-ġejjieni, abbażi ta' iktar flessibilità, proporzjonalità u viżibilità fl-użu tal-fondi, sabiex jiġi ffaċilitat l-assorbiment iktar sħiħ u mgħaġġel tagħhom;
20. Ifakkar li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn il-BERŻ u l-fondi strutturali l-oħra batew biex jindirizzaw b'mod effikaċi l-flus lejn proġetti b'possibilità aktar li jiġġeneraw l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi kienet enfasi eċċessiva fuq il-kapaċità ta' assorbiment aktar mir-riżultati;
21. Jargumenta favur politika ta' koeżjoni iktar orjentata lejn ir-riżultati, li tkun inqas iffukata fuq ir-regolarità tal-infiq u tal-proċeduri iżda li tistabbilixxi bilanċ effikaċi bejn il-kwalità tal-interventi u l-kontroll finanzjarju u amministrattiv; jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' evalwazzjoni adegwati biex jitjiebu l-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tal-korpi inkarigati mill-ġestjoni tal-programmi, li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-infiq u għat-tnaqqis tal-livell ta' żbalji;
22. Jemmen li l-istruttura għall-politika ta' koeżjoni futura għandha tkun aktar sempliċi, aktar flessibbli u kapaċi li tiffaċilita assorbiment u effikaċja ottimali tal-fondi;
23. Jisħaq li l-valur miżjud Ewropew jista' u jrid jinkiseb permezz ta' sinerġija akbar bejn l-istrumenti għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni u koordinament aħjar bejn dawn u l-istrumenti l-oħra ta' finanzjament;
Għan wieħed: il-koeżjoni; sett wieħed ta’ strumenti biex tinkiseb
24. Iqis li regoli komuni dwar il-ġestjoni, l-eliġibilità, il-verifika u r-rappurtar ta' proġetti ffinanzjati mill-FEŻR, l-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FES (speċjalment fir-rigward ta' miżuri li jappoġġaw d-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali u tas-sajd) mhux biss jiżvolġu rwol fundamentali fit-tisħiħ u l-iffaċilitar ta' implimentazzjoni aktar effikaċi tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni iżda jgħinu wkoll b’mod kruċjali l-isforzi ta' semplifikazzjoni; iqis, barra minn hekk, li dan jista' jissemplifika kemm l-użu tal-fondi mill-benefiċjarji kif ukoll l-immaniġġjar tal-fondi mill-awtoritajiet nazzjonali, jitnaqqas ir-riskju ta' żball filwaqt li jipprovdi differenzjazzjoni, kif meħtieġ, biex jirrifletti l-ispeċifiċitajiet ta' politiki, strumenti u benefiċjarji, u jiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni fi programmi tal-politika ta' koeżjoni minn partijiet interessati iżgħar, kif ukoll l-assorbiment aktar faċli tal-fondi disponibbli, bil-kundizzjoni li din is-semplifikazzjoni tkun appoġġata minn biżżejjed finanzjament għall-assistenza teknika;
25. Jinsisti li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa' fil-qafas tar-regolament dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jinżamm u jissaħħaħ il-mudell ta' regolament ġenerali uniku, li jkopri r-regoli dwar l-immaniġġjar, l-eliġibilità, il-verifika, il-kontroll u r-rappurtar, flimkien ma’ regolamenti qosra u ffukati speċifiċi għall-fondi li jirriflettu l-għanijiet politiċi partikolari ta' kull fond; jenfasizza, barra minn hekk, li l-koordinament għandu jseħħ fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politiki, mill-ippjanar strateġiku permezz tal-forniment u l-ħlasijiet sal-għeluq, il-verifika, il-kontroll u l-evalwazzjoni;
26. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-modi l-aktar effikaċi biex jiżdiedu s-sinerġiji fuq il-post; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li tingħata konsiderazzjoni lill-possibbiltà li l-Istati Membri jitħallew jagħżlu li jkollhom programm operattiv wieħed għal kull reġjun, jew programm operattiv li jkopri diversi reġjuni fil-qafas ta' strateġiji makroreġjonali li jħaddnu fondi differenti (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FAEŻR u il-FES) b’awtorità ta' mmaniġġjar waħda, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-kontributi tar-reġjuni għal approċċ iddeċentralizzat kif ukoll lill-għoti ta' aktar awtonomija u flessibilità lir-reġjuni fir-rigward tal-parteċipazzjoni fl-istrateġiji proprji tagħhom u fit-titjib tal-livelli amministrattivi reġjonali u lokali; jipproponi li l-awtoritajiet ta' mmaniġġjar nazzjonali tal-Istati Membri jfasslu programmi operattivi futuri indirizzati kemm jista' jkun lejn l-objettivi lokali u reġjonali;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tqis programmi li jinkludu fondi differenti għall-Istati Membri u r-reġjuni li jixtiequ jużawhom; iqis li dan jikkontribwixxi biex il-ħidma ssir b'mod aktar integrat u flessibbli u jżid l-effikaċja tal-fondi differenti (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FAEŻR, il-FEŻ u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka);
28. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għar-rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament transversali u t-tnaqqis tal-ostakoli għall-applikazzjoni tagħhom, fid-dawl ta' data affidabbli u komprensiva dwar l-użu u l-impatt tagħhom, sabiex tiġi żgurata aktar semplifikazzjoni u ċertezza legali fl-applikazzjoni tagħhom meta mqabbla mas-sitwazzjoni osservata fil-preżent;
29. Jitlob li jiġi ċċarat l-ambitu territorjali u jiġu armonizzati r-regoli dwar l-eliġibilità bejn il-FEŻR u l-FAEŻR fiż-żoni rurali u suburbani bl-għan li tiġi evitata sovrapożizzjoni bla bżonn bejniethom; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' koperazzjoni mill-qrib għall-għażla u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati minn dawn iż-żewġ fondi f'territorju partikolari;
30. Jenfasizza l-valur miżjud mill-finanzjament trasversali bejn il-BERŻ u l-FES f'dak li jirrigwarda l-flessibilità għall-proġetti ta' inklużjoni soċjali u l-istrateġiji għall-iżvilupp integrat; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' "one-stop shop" biex tipprovdi gwida prattika, informazzjoni u konsulenza għal dawk ikkonċernati, sabiex jiġi assigurat li l-pubbliku jinżamm aġġornat sewwa fir-rigward kemm tal-finanzjament trasversali, kif ukoll tas-sinerġiji bejn il-fondi b'mod ġenerali; iħeġġeġ li din il-bidla lejn is-semplifikazzjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-pubbliku, bl-iskop li jitnaqqas l-ammont ta’ informazzjoni mitluba għal minimu meħtieġ.
31. Jemmen li l-iżvilupp tar-riżorsi umani u tixrid aħjar tal-informazzjoni huma prekundizzjonijiet għall-assorbiment b'suċċess tal-fondi u t-twettiq preċiż tad-diversi proġetti;
32. Jisħaq, fl-istess ħin, fuq l-importanza li tiżdied il-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri, fil-livell reġjonali u lokali kif ukoll fost il-partijiet interessati, sabiex jingħelbu l-ostakli għal sinerġiji effikaċi bejn il-fondi strutturali u fondi oħra u jiġu appoġġati tfassil u implimentazzjoni effikaċi tal-politiki; jinsisti fuq ir-rwol essenzjali li l-Kummissjoni għandha tiżvolġi f'dan ir-rigward;
33. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ kemm l-assistenza teknika u kemm it-taħriġ għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex iżżid il-kapaċitajiet u l-għarfien tar-regoli dwar il-problemi relatati mal-implimentazzjoni;
34. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità għall-investiment fil-kapaċità istituzzjonali u jissemplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv u jżidu l-kapaċità ta' assorbiment tagħhom;
35. Ifakkar f'dan ir-rigward, il-kontribut importanti li jagħtu r-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-governanza fuq diversi livelli għat-trawwim tal-koordinament bejn id-diversi korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn id-diversi strumenti ta' finanzjament;
36. Iqis ta' importanza kruċjali, għal użu aħjar tal-fondi, il-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali permezz ta' djalogu soċjali u territorjali bla interruzzjonijiet;
37. Jirrikonoxxi l-impatt inugwali tal-kriżi ekonomika fuq it-territorju u fuq il-popolazzjoni tal-UE; jemmen li l-istrateġija l-ġdida għall-użu tal-fondi se tkun aktar effikaċi jekk tinvolvi l-livelli reġjonali u lokali tal-governanza, li huma kapaċi japplikaw l-objettivi strateġiċi għall-ispeċifiċitajiet lokali anki permezz ta' djalogu strutturat mal-partijiet interessati kollha, mal-organizzazzjonijiet li jippromwovu d-drittijiet tal-ġeneri, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iżda wkoll l-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji; jisħaq fuq il-bżonn li jitħalla biżżejjed marġini għar-rekwiżiti reġjonali u lokali fit-tfassil tal-objettivi politiċi;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal gwida Ewropew dwar il-governanza fuq diversi livelli, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentawha f'konformità mal-objettivi lokali u reġjonali speċifiċi u jestendu l-mekkaniżmi ta' governanza tal-politika ta’ koeżjoni (jiġifieri l-ipprogrammar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni fi sħubija bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali) lil dawk il-fondi koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni ppjanat, sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq pubbliku;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, meta tkun qed tistabbilixxi l-Qafas Strateġiku Komuni l-ġdid u tressaq proposti għal regolamenti, disposizzjonijiet li jippermettu sħubiji lokali u reġjonali (bliet, irħula, reġjuni funzjonali, gruppi ta' awtoritajiet lokali) biex tinkorpora d-diversi flussi ta’ finanzjament tal-UE f’qafas konsistenti u integrat fit-territorji rispettivi tagħhom;
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
- [1] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
- [2] ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
- [3] ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 10.
- [4] Testi adottati, P6_TA(2009)0124.
- [5] ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 46.
- [6] Testi adottati, P6_TA(2009)0163.
- [7] Testi Adottati, P7_TA(2010)0189.
- [8] Testi Adottati, P7_TA(2010)0191.
- [9] Testi Adottati, P7_TA(2010)0186.
- [10] Testi Adottati, P7_TA(2010)0356.
- [11] Testi Adottati, P7_TA(2010)0468.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-ħin u l-post għal koordinazzjoni u sinerġiji akbar
Ir-rapporteur jemmen li r-raġuni fundamentali għal tentattiv akbar għal koordinazzjoni tal-isforzi minn fondi u programmi tal-UE toħroġ aktar b’mod kritiku mill-perjodu ta’ wara l-kriżi li daħlet fih l-Ewropa. Huwa ċar li fis-snin li ġejjin, il-ħtieġa li jiġu konsolidati l-baġits pubbliċi se tobbligana nkunu aktar innovattivi u nfittxu impatt akbar mill-finanzjamenti disponibbli. Din hija l-opportunità biex isir dan, bħalma rrikonoxxew bosta persuni.
Il-Parlament insista b’mod konsistenti f’diversi riżoluzzjonijiet dwar “il-bżonn ta’ sinerġiji u ta’ strateġija integrata bejn il-linji politiċi settorjali differenti, sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati għat-tkabbir u l-iżvilupp fost in-nies” u li “għandu jkun hemm impenn għal politika tal-UE unika u flessibbli”[1]. L-iffokar tal-azzjoni konġunta tal-fondi fil-livell reġjonali u/jew lokali jkabbar il-valur miżjud tagħhom u jippermetti li l-partijiet interessati lokali jaġġustaw l-azzjonijiet speċifiċi skont il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali reali, u għaldaqstant, is-sitwazzjoni tal-impjiegi f’kull reġjun speċifiku (strateġija ta’ żvilupp lokali, pjanijiet ta’ żvilupp ibbażati fuq il-post, eċċ.).
Il-koordinazzjoni tal-fondi, x’sar s’issa
Sa fejn hu kkonċernat l-FSE, l-esperjenza turi biċ-ċar li l-finanzjament tal-FEŻR ta’ azzjonijiet ekonomiċi (innovazzjoni, riċerka, SMEs, ambjent, eċċ.) jista’ jkun aktar effettiv jekk ikun ikkoordinat u integrat aktar mill-qrib mal-azzjonijiet magħmula minn dak il-fond, speċjalment jekk wieħed jikkonsidra li s-suċċess ta’ ħafna mill-programmi u l-miżuri jiddependi ħafna mill-kombinazzjoni ta’ suċċess ta’ diversi fatturi, li fosthom l-iżvilupp tal-bniedem huwa tal-akbar importanza. Iż-żieda fil-valur miżjud Ewropew taż-żewġ fondi strutturali huwa marbut mal-progress fil-kisba tas-sinerġija bejn l-intervent ekonomiku u soċjali.
Ir-riforma tal-politika strutturali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 wasslet għall-firda tal-Fond għall-Iżvilupp Rurali mill-qafas ġenerali tal-Fondi Strutturali. Ġie enfasizzat li din il-firda m’għandhiex tirriżulta fid-dupplikazzjoni jew l-ommissjoni tal-objettivi, u l-opportunitajiet ta’ żvilupp għandhom jiġu żgurati bl-istess mod kemm fiż-żoni rurali u kemm f’dawk urbani, iżda jidher li hemm evidenza ta’ kunflitt. L-effiċjenza tal-politiki tal-iżvilupp rurali teħtieġ koordinazzjoni mill-qrib mal-implimentazzjoni ta’ miżuri skont il-FEŻR u anki l-istrumenti tal-politika reġjonali. F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew insista b’mod konsistenti dwar il-ħtieġa għal monitoraġġ mill-qrib tal-firda tal-iżvilupp rurali mill-politika ta’ koeżjoni sabiex jiġi evalwat l-impatt reali fuq l-iżvilupp taż-żoni rurali. Ir-riżultati tal-firda tal-FAEŻR mill-qasam tal-politika ta’ koeżjoni għandu jiġi evalwat bir-reqqa.
It-talba għal flessibilità akbar fl-użu tal-fondi, min-naħa l-waħda, u għal kultura amministrattiva li tippromwovi approċċ multidixxiplinari u simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni tal-fondi, mill-oħra, mhix ġdida. Fil-qasam tas-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali, is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka, l-attivitajiet tal-iżvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Parlament Ewropew insista dwar il-ħtieġa li tiġi evitata konċentrazzjoni għolja ta’ kapaċità fir-raggruppamenti ekonomiċi u r-reġjuni ewlenin tal-UE, filwaqt li ddispjaċih li s-sinerġiji fil-finanzjamenti għadhom mhux magħrufa sew.
Iva għas-sinerġiji, iżda kif?
Diġà jeżistu elementi importanti għall-koordinazzjoni, iżda jistgħu jkomplu jiżdiedu għall-benefiċċju ta’ sinerġiji akbar. L-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE (l-FEŻR, l-FSE u l-FK) huma mmaniġġjati f’qafas komuni li jkopri mil-Linji Gwida Strateġiċi sal-ħlasijiet u r-rappurtar. Madankollu, dan mhux biżżejjed. Il-koordinazzjoni tista’ tiżdied bejn l-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni u lil hinn minnha.
Sistema ta’ ppjanar u twassil integrata tista’ tinkludi l-oqsma ta’ politika kollha, pereżempju fi Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali, jew tista’ tinkludi diversi oqsma ta’ politika sabiex tittratta l-problemi kumplessi individwali (jiġifieri l-istrateġija UE2020). Bil-vantaġġ ta’ ppjanar integrat wieħed jifhem li problemi kumplessi ma jistgħux jiġu solvuti sempliċiment billi jiġu trattati minn angolu wieħed biss – il-qgħad ma jistax jissolva biss bit-taħriġ ta’ dawk qiegħda, iżda jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti politiki tal-ħolqien tal-impjiegi, bħall-appoġġ għall-SMEs, il-bidu ta’ negozji, eċċ. Jekk pajjiż/reġjun huwa sottożviluppat u l-mira tkun li jlaħħaq ma’ pajjiżi oħra, imbagħad li jiġu stabbiliti politiki settorjali mmaniġġjati separatament, bħat-trasport jew l-infrastruttura ambjentali, dan il-pajjiż ma jiksibx effett sinifikanti fl-iżvilupp ġenerali tiegħu[2]. Approċċ frammentat jista’ jwassal għal politiki mrikkba jew saħansitra konfliġġenti, azzjonijiet pubbliċi kontradittorji u dupplikazzjoni ta’ riżorsi, u dan ikollu konsegwenzi kemm fuq l-effikaċja reġjonali tal-politiki pubbliċi kif ukoll fuq l-impatt nazzjonali tagħhom[3].
Fil-kuntest tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, dan ifisser li s-sistema ta’ ppjanar u twassil attwali li ġġib flimkien il-politiki (u l-finanzjament għalihom) għall-iżvilupp tar-riżorsi umani, għall-iżvilupp tal-intrapriżi, speċjalment tal-SMEs, għall-iżvilupp tal-infrastruttura, eċċ., isservi biex ir-reġjuni assistiti jlaħħqu ma’ pajjiżi oħra. Kull waħda minn dawn il-politiki waħedha tikseb anqas minn dak li attwalment qed jiksbu flimkien dawn il-politiki f’sistema ta’ ppjanar u twassil integrata. Iż-żamma flimkien tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid aħjar tagħhom mal-Fond tal-Iżvilupp Rurali u l-Fond tas-Sajd hija essenzjali biex jintuża l-potenzjal tar-reġjuni li għadhom lura.
Is-sinerġiji u l-koordinazzjoni ma jimplikawx soluzzjonijiet li jgħoddu għal kollox. Minflok dawn jitolbu koordinazzjoni strateġika mill-qrib bejn l-istrumenti, il-politiki u l-atturi sabiex jipproduċu bir-reqqa interventi u programmi mfassla bir-reqqa li jikkunsidraw l-ispeċifikazzjonijiet territorjali u l-iżvantaġġi komparattivi jew karatteristiċi speċjali ta’ kull reġjun f’approċċ ibbażat fuq il-post integrat[4].
******
Meta tqis dan kollu, ir-rapporteur jemmen li l-perjodu attwali, li huwa kumpless billi qed negħlbu bil-mod ir-riżultati tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, ippreżentalna l-opportunità li nużaw iż-żmien tan-negozjati futuri dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss biex jinkisbu sinerġiji akbar mill-fondi u l-programmi tal-UE billi jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni b’ambitu mifrux. Dan ikollu jinkludi l-fatt li l-Linji Gwida Strateġiċi attwali jittieħdu f’livell ġdid ta’ ppjanar strateġiku billi jiġi stabbilit Qafas Strateġiku uniku u jiġi kkomplimentat il-qafas ġenerali għall-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE b’rabtiet addizzjonali ma’ programmi oħra relatati mal-UE.
- [1] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2009 (P6_TA(2009)0163).
- [2] Pubblikazzjoni tal-OECD, Regions matter: economic recovery, innovation and sustainable growth, 2009, p. 125 irkupru ekonomiku, innovazzjoni u tkabbir sostenibbli, 2009, p.125.
- [3] Idem.
- [4] L-istudju Proġett ta’ Riċerka Applikata ta’ EDORA –Opportunitajiet Ewropej ta’ Żvilupp għaż-Żoni Rurali, imwettaq fil-qafas tal-ESPON 2013, Lulju 2010, Parti B, p. 48.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (27.1.2011)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra
(2010/2160(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Ivars Godmanis
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Strateġiku Komuni bejn l-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FSE, il-FES u l-FAEŻR, li huwa essenzjali biex jiġu żgurati koordinament strateġiku u prestazzjoni mtejba b'rabta mal-objettivi UE2020;
2. Jappoġġa bis-saħħa l-Fond Soċjali Ewropew integrat fil-politika ta' koeżjoni bħala mezz biex jiġi żgurat approċċ integrat u biex tiġi evitata s-settorjalizzazzjoni; jirrakkomanda li, filwaqt li l-Fond għandu jżomm l-istruttura attwali tiegħu, għandha ssir rivalutazzjoni tal-funzjonament u tal-prijoritajiet tiegħu bil-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni bejn il-koeżjoni ekonomika u soċjali;
3. Jirrikonoxxi li ppjanar integrat se jwassal għal ċerta armonizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-programmi tal-Fondi Strutturali u b'hekk għal proċeduri iktar sempliċi; jinsab konvint li dan il-proċess se jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' sħab fi proġetti kofinanzjati u jevita piżijiet amministrattivi żejda u tixrid ineffikaċi tal-fondi;
4. Jenfasizza li s-semplifikazzjoni, li hija kruċjali għal politika dwar il-koeżjoni ta' suċċess, għandha ssir kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali, biex b'hekk jitjiebu r-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi struttura iktar sempliċi għall-politika fil-ġejjieni, abbażi ta' iktar flessibilità, proporzjonalità u viżibilità fl-użu tal-Fondi, sabiex jiġi ffaċilitat l-użu iktar sħiħ u mgħaġġel tagħhom;
5. Jappoġġa politika dwar il-koeżjoni iktar orjentata lejn ir-riżultati, li tkun inqas iffukata fuq ir-regolarità tal-infiq u tal-proċeduri iżda li tistabbilixxi bilanċ effikaċi bejn il-kwalità tal-interventi u l-kontroll finanzjarju u amministrattiv; jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' evalwazzjoni adegwati biex jitjiebu l-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tal-korpi inkarigati mill-ġestjoni tal-programmi, li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-infiq u għat-tnaqqis tal-livell ta' żbalji;
6. Jitlob li jkun hemm komplementarjetà eqreb bejn il-fondi u l-finanzjamenti tal-UE fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, bħala kundizzjoni neċessarja għat-titjib tal-koordinament u tal-effikaċja fl-użu tar-riżorsi disponibbli.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
26.1.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 1 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Sergej Kozlík, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Barbara Matera, Claudio Morganti, Dominique Riquet, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Mulder |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (2.2.2011)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra
(2010/2160(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gaetano Cofferati
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifakkar li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, huma prinċipji fundamentali għad-definizzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tintegra l-previżjonijiet tal-Artikolu 9 TFUE;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fini tal-politika ta' koeżjoni għandha tkun tkabbir ekonomiku sostenibbli, intelliġenti u inklużiv imqassam territorjalment u soċjalment b'mod uniformi, it-tnaqqis ta' disparitajiet ta' żvilupp bejn ir-reġjuni, il-ħolqien ta' impjiegi, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, it-taħriġ għall-ħaddiema għal impjiegi ġodda, fosthom fil-qasam tal-ekonomija sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-implimentazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew li jikkostitwixxi element ta' koeżjoni u kompetittività tal-ekonomija Ewropea;
3. Jafferma li l-politika ta' koeżjoni għandha tintuża għall-ksib ta' tkabbir sostenibbli madwar l-UE kollha u distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-benesseri, bit-trawwim tal-kompetizzjoni u bil-mira lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet soċjoekonomiċi bejn ir-reġjuni tal-UE;
4. Iqis lill-politika ta' koeżjoni bħala wieħed mill-pilastri ta' politika ekonomika tal-UE li tiffavorixxi l-istrateġija tal-investimenti fit-tul u l-inklużjoni soċjali; iqis lill-politika ta' koeżjoni tiggaranzixxi l-appoġġ għal reġjuni l-anqas żviluppati u kategoriji żvantaġġati, li twassal għal żvilupp bilanċjat u armonjuż tal-Unjoni Ewropea; jinnota li l-valur miżjud Ewropew jinsab fil-fatt li kulħadd jista' jibbenefika mis-suċċessi ekonomiċi tal-UE; jirrakkomanda għalhekk li politika ta' koeżjoni tinżamm fuq bażi indipendenti mgħammra minn finanzjament sostanzjali;
5. Jirrikonoxxi li l-approċċ integrat tal-politika ta' koeżjoni, li jarmonizza l-għanijiet settorjali differenti mal-ħtiġijiet u l-potenzjalitajiet tar-reġjuni, huwa element prezzjuż li jikkontribwixxi għall-effikaċja tat-tali politika, u għalhekk jeħtieġ li salvagwardat u jissaħħaħ aktar;
6. Jemmen li d-diffikultajiet maħluqa mill-kriżi ekonomika għandhom jixprunaw lill-Kummissjoni tippreżenta malajr proposta għal reviżjoni tal-Fondi Strutturali li tkun koerenti mal-objettivi fissati mill-istrateġija Ewropa 2020 u li tqis, fost affarijiet oħra, il-ħtiġijiet u l-possibilitajiet tal-Istati Membri u tar-reġjuni, kif ukoll ta' dawk il-pożizzjonijiet espressi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)[1] u jeżamina l-aħjar soluzzjoni għall-kofinanzjament ta' politiki innovattivi soċjali;
7. Jemmen li l-politika ta' koeżjoni jmissha tuża aktar il-komponent ekonomiku tagħha bil-għan li ssir politika komplementari aħjar tal-politiki Ewropej eżistenti l-oħrajn, sabiex tikkonsolida t-tkabbir ekonomiku permezz tal-ħolqien ta' postijiet tax-xogħol u aktar impjiegi;
8. Iqis li biex l-istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi, l-istrumenti ta' koeżjoni soċjali u territorjali tal-UE għandhom ikunu strettament interkonnessi fi ħdan qafas ġdid li jistabbilixxi sinerġiji b'saħħithom bejn il-politiki tal-UE u l-Fondi Strutturali kollha; jenfasizza li, taħt kappa waħda, kull strument jirrikjedi regoli u objettivi xierqa u speċifiċi sabiex jiġi garantit sostenn immirat skont l-esiġenzi; jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument prinċipali speċifikament maħsub għas-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali u sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020 jeħtieġ li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali bħala tali; iqis li r-regoli attwalment eżistenti komuni ta' sovrappożizzjoni bejn l-FEŻR u l-FSE hija estremament indikata għas-semplifikazzjoni tal-użu tal-Fondi, b'mod partikolari għal proġetti lokali integrati, u għat-tisħiħ tas-sinerġiji;
9. Iqis li, meta dak li jkun jikkunsidra l-effetti drammatiċi tal-kriżi ekonomika u soċjali, li kabbru wkoll id-disparitajiet reġjonali, il-proċeduri għall-użu tal-Fondi għandhom jirrispondu malajr għall-problemi u għan-nuqqasijiet reġjonali jew soċjali, anke permezz ta' interventi aktar immirati;
10. Iqis li, biex jintuża b'mod li jħalli l-frott, il-FSE għandu jikkonċentra fuq investimenti fil-kompetenzi, attivitajiet ta' taħriġ kontinwu – u jqis l-kompetenzi ewlenin il-ġodda relatati mal-ambjent, mat-tibdil fil-klima u mal-iżvilupp sostenibbli - u taħriġ mill-ġdid, fil-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol, fil-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjiegi u ta' kundizzjonijiet soċjali adegwati, fir-riċerka u fl-innovazzjoni biex tiġi aġevolata t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, bil-għan li jiġu promossi l-kapaċità għall-impjieg, il-produttività, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, kif ukoll miżuri intiżi li jiġġieldu l-faqar u biex tintlaħaq l-inklużjoni soċjali;
11. Jenfasizza li l-FSE, bħala strument ta' appoġġ għat-taħriġ kontinwu, l-ksib tal-kwalifiki u r-riorjentament professjonali, għandu jitqies bħala mezz essenzjali u li fil-fatt mhuwiex qed ikun sfruttat bis-sħiħ, għall-promozzjoni tat-tkabbir komprensiv u effiċjenti u l-kompetittività bbażata fuq l-għarfien għall-Ewropa;
12. Jenfasizza li l-FSE, barra milli jagħti kontribut ġenerali għall-ilħiq tal-objettivi kollha tal-istrateġija UE 2020, jirriżulta li huwa, b'mod aktar speċifiku, l-istrument prinċipali tal-UE għall-finanzjament ta' proġetti li jikkontribwixxu għal żewġ obettivi partikolari ta' din l-istrateġija: iż-żieda tar-rata ta' impjieg tal-persuni bejn 20 u 64 sena sa 75% u t-tneħħija mill-kundizzjoni ta' faqar ta' 'l fuq minn 20 miljun ruħ;
13. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-FSE fil-kuntest ta' arkitettura futura tal-Fondi Strutturali bil-għan li titħalla eżekuzzjoni aħjar tal-miżuri integrati; iqis li l-FSE jitqiegħed fi ħdan regolament u qafas strateġiku ta' bażi li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-fondi ddestinati għall-koeżjoni, filwaqt li jinżammu regoli, funzjonament u finanzjament proprji; josserva li, fid-dawl tal-esperjenzi preċedenti, it-tagħqid tal-FSE u tal-FEŻR, flimkien mal-użu ta' riżorsi tal-FSE sal-10%, wassal għal riżultati ta' suċċess u sostenibbli u jqis li dawn l-arranġamenti flessibbli għandhom ikomplu japplikaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex fil-futur issib, jekk ikun meħtieġ, aktar finanzjamenti għall-Fondi Strutturali, u b'mod partikolari għall-programmi operattivi tal-FSE intiżi biex jippromwovu l-kapaċità ta' impjieg, b'definizzjoni ta' regoli sempliċi u ċari li jippermettu użu aktar ikkoordinat tar-riżorsi;
14. Jemmen li l-iżvilupp tar-riżorsi umani u tixrid aħjar tal-informazzjoni huma prekundizzjonijiet għall-assorbiment b'suċċess tar-riżorsi u r-realizzazzjoni preċiża tad-diversi proġetti;
15. Iqis li huwa importanti l-promozzjoni tal-adegwament tal-kwalifiki tal-ħaddiema mad-domanda tas-suq tax-xogħol u l-adattament tal-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja bil-għan li jiġu promossi impjiegi orjentati lejn il-futur fis-soċjetà tal-għarfien, li hija f'evoluzzjoni b'ritmu mgħaġġel;
16. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jiżvolġi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fl-użu effikaċi tal-Fond Soċjali Ewropew, billi l-FEŻR huwa responsabbli għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet bħal infrastruttura xierqa u aċċessibilità adegwata li mingħajrhom l-investimenti relatati mal-impjiegi ma jistgħux ikunu effiċjenti;
17. Jirrikonoxxi l-impatt inugwali tal-kriżi ekonomika fuq it-territorju u fuq il-popolazzjoni tal-UE; jemmen li l-istrateġija l-ġdida ta' użu tal-fondi se tkun aktar effikaċi jekk tinvolvi l-livelli reġjonali u lokali tal-governanza, kapaċi japplikaw l-objettivi strateġiċi għall-ispeċifiċitajiet lokali anki permezz ta' djalogu strutturat mal-partijiet interessati kollha, mal-organizzazzjonijiet li jippromwovu d-drittijiet tal-ġeneru, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iżda wkoll l-istituti finanzjarji u bankarji; jenfasizza l-bżonn li jitħalla marġini suffiċjenti għar-rekwiżiti reġjonali u lokali fit-tfassil tal-objettivi politiċi;
18. Iqis ta' importanza kruċjali, għal użu aħjar tal-fondi, il-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali permezz ta' djalogu soċjali u territorjali li ma jaqta' xejn;
19. Jenfasizza kif l-kriżi ekonomika żiedet aktar u aktar il-ħtieġa urġenti għall-miżuri fis-setturi koperti mill-Fond Soċjali Ewropew, billi jippromwovi b'mod partikolari l-impjiegi, ir-riorjentament professjonali, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta' riforma tal-Fondi Strutturali għall-fini ta' aktar semplifikazzjoni tal-proċeduri u tar-regoli tal-użu tagħhom, sabiex anki l-impriżi ż-żgħar ikunu jistgħu jisiltu benefiċċju, anki fid-dawl tan-nuqqas ta' użu ta' parti mill-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-UE, u ta' titjib tas-sistema ta' kontrolli u evalwazzjoni u tat-tisħiħ tat-trasparenza fl-allokazzjoni tal-fondi u tal-viżibilità tal-politiki ta' koeżjoni tal-UE; iqis li, għal dan il-għan, ir-riforma teħtieġ tikkonċentra fuq il-faċilità tal-użu min-naħa tal-utenti, filwaqt li jkun garantit ukoll li l-fondi approvati jingħataw aktar malajr lid-destinatarji finali, b'tali mod li dawn tal-aħħar ma jiltaqgħux ma' problemi ta' likwidità minħabba l-fatt li l-Istati Membri jżommu l-fondi;
21. Jappella għall-introduzzjoni ta' inċentivi biex jinkoraġġixxu riżultati ta' suċċess u jqis bħala meħtieġ li l-fondi jintużaw għal objettivi ċari u miżurabbli skont l-iskop ta' kull wieħed minnhom, li jippermettu evalwazzjoni aktar preċiża tar-riżultat;
22. Jitlob, sabiex jiġi assigurat li l-pubbliku jinżamm aġġornat sewwa, li titwaqqaf sistema ta' "one-stop shop" biex tipprovdi gwida prattika, informazzjoni u konsulenza għal dawk konċernati; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li din ir-rieda ta' semplifikazzjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-pubbliku u li l-iskop huwa dak li l-informazzjoni mitluba titnaqqas sal-kwantità minima meħtieġa.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
1.2.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
46 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Thomas Händel, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Csaba Őry, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Kinga Göncz, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Dirk Sterckx, Gabriele Zimmer |
|||||
- [1] Testi adottati, P7_TA(2010)0376.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.3.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Sophie Auconie, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, Francesco De Angelis, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Juozas Imbrasas, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Franz Obermayr, Jan Olbrycht, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karima Delli, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Maurice Ponga, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, László Surján |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vladko Todorov Panayotov, Britta Reimers, Ivo Strejček |
|||||