RAKKOMANDAZZJONI dwar abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar Miżuri Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat.
13.4.2011 - (05571/2011 – C7‑0068/2011 – 2010/0389(NLE)) - ***
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Carmen Fraga Estévez
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar Miżuri Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat.
(05571/2011 – C7‑0068/2011 – 2010/0389(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05571/2011),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (05571/2011),
– wara li kkunsidra t-talba min-naħa tal-Kunsill għal approvazzjoni b'konformità mal-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0068/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0142/2011),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim;
2. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi b'mod attiv l-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat fil-kuntest ta' ftehimiet kummerċjali, ta' Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), ta' Ftehimiet ta' Sħubija tas-Sajd u tal-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond
Fl-2001, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) żviluppat fi ħdan il-qafas tal-Kodiċi ta' Kondotta FAO tal-1995 dwar Sajd Responsabbli, Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali li Jimpedixxi, Jiskoraġġixxi u Jelimina s-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (IPOA-IUU). L-IPOA-IUU adotta approċċ olistiku, u elabora azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn stati tal-bandiera, tal-port u tal-kosta. Din kienet ir-raba' darba li miżuri tal-istat tal-port ġew miftiehma fi strument internazzjonali bħala mezz biex bih jiġu sorveljati u kkontrollati attivitajiet tas-sajd. It-tliet strumenti preċedenti kienu l-Ftehim ta' Konformità FAO tal-1993, il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet ta' Ħut tal-1995 u l-Kodiċi ta' Kondotta FAO tal-1995 dwar Sajd Responsabbli
Il-kuxjenza globali tal-effikaċja potenzjali ta' miżuri tal-istat tal-port imsaħħa u armonizzati nfirxet rapidament, flimkien ma' apprezzament għal kosteffikaċja tagħhom u għar-rwol prinċipali li għandhom fit-tisħiħ ta' għodda oħra użati fil-ġlieda kontra sajd IUU, bħal dawk relatati mal-kummerċ internazzjonali u mar-responsabbiltà ta' stati tal-bandiera. Dan irriżulta b'mod partikolari fl-adozzjoni, min-naħa tal-FAO fl-2005, tal-Mudell ta' Skema dwar Miżuri tal-Istat tal-Port għall-ġlieda kontra s-Sajd IUU. Dan il-Mudell ta' Skema huwa strument volontarju u mhux vinkolanti u jipprevedi standards minimi li għandhom jirfdu l-adozzjoni ta' miżuri, min-naħa tal-Istati, għas-sorveljanza, il-kontroll u l-ispezzjoni ta' bastimenti tas-sajd b'bandiera barranija, li jixtiequ jużaw il-portijiet tagħhom.
Barra minn hekk, xi Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) stabbilixxew mekkaniżmi vinkolanti tal-Istat tal-Port li għandhom jiġu applikati mill-partijiet għal dawn l-Organizzazzjonijiet, biex jissorveljaw il-legaliltà tal-iżbarki, tat-trażbord u ta' operazzjonijiet oħra fi ħdan il-portijiet tagħhom. Regoli speċifiċi daħlu fis-seħħ ukoll f'xi RFMOs biex dawk il-basitmenti elenkati mill-organizzazzjoni bħala bastimenti li wettqu jew sostnew attivitajiet ta' sajd IUU, jiċċaħħdilhom l-aċċess għall-portijiet.
Fil-laqgħa tal-2007 tal-Kumitat għas-Sajd tal-FAO, sar ftehim li għandu jiġi elaborat strument internazzjonali vinkolanti legalment dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat . F'Settembru tal-2007, f'Washington, kien hemm konsultazzjoni ma' xi esperti dwar il-kwestjoni
Sussegwentement il-FAO organizzat erba' konsultazzjonijiet tekniċi (f'Ġunju 2008 u f'Jannar, f'Mejju u f'Awwissu 2009), miftuħa għall-Partijiet kollha tal-FAO, bl-għan li jitlesta l-abbozz tal-istrument internazzjonali dwar miżuri tal-Istat tal-Port.
L-Unjoni Ewropea (UE) ipparteċipat f'dan il-proċess mill-bidu nett u kellha rwol attiv u kostruttiv fl-abozzar tal-Ftehim.
Wara sena ta' negozjati intensivi, is-sitta u tletin sessjoni tal-Konferenza FAO, li saret f'Ruma bejn it-18 u t-23 ta' Novembru 2009, approvat il-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim"), b'konformità mal-Artikolu XIV tal-Kostituzzjoni FAO, għal sottomissjoni lill-Membri tal-FAO.
Il-Ftehim ġie ffirmat fit-22 ta' Novembru 2009 f'isem il-Komunità Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.
Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tressqet bil-ħsieb li tapprova l-Ftehim f'isem l-UE, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(6) (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Il-kontenut tal-Ftehim
L-objettiv tal-Ftehim huwa li jimpedixxi, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi tal-Istat tal-Port, biex b'hekk tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar.
Il-Ftehim se jiġi applikat mill-partijiet, fil-kapaċitajiet tagħhom bħala stati tal-port, għall-bastimenti mhux intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom, meta dawn ikunu qegħdin ifittxu dħul fil-portijiet jew meta jkunu fil-port. Il-Ftehim ma jkoprix biss bastimenti tas-sajd iżda bastimenti li jintużaw għal "attivitajiet relatati mas-sajd" ukoll, bħal bastimenti tat-trasport li jistgħu jintużaw biex iġorru prodotti tas-sajd. Il-Ftehim japprova wkoll definizzjoni wiesgħa ta' sajd IUU, li tinkludi firxa wiesgħa ta' operazzjonijiet tas-sajd mhux regolati[1]
Il-partijiet għandhom jinnominaw il-portijiet li fihom bastimenti jistgħu jitolbu aċċess. Il-Ftehim jispeċifika proċeduri li l-bastimenti għandhom isegwu kull meta jagħmlu talba biex jidħlu f'xi port u għall-kuntrarju ta' dan, proċeduri għal stati tal-port marbutin mal-ispezzjoni tal-bastimenti u ma' responsabbiltajiet oħra bħat-trasmissjoni tar-riżultati tal-ispezzjoni.
Il-partijiet għandhom jiċħdu d-dħul fil-portijiet tagħhom jekk għandhom biżżejjed evidenza li turi li l-bastiment li qiegħed ifittex aċċess wettaq sajd IUU jew attivitajiet relatati mas-sajd, u b'mod partikolari jekk il-bastiment ikkonċernat huwa elenkat fil-lista ta' bastimenti IUU, li ġiet adottata mill-RFMO rilevanti. Meta bastiment ikun daħal f'wieħed mill-portijiet tagħha, l-użu tal-port għandu jiġi miċħud ukoll inter alia jekk il-Parti ssib li l-bastiment ma għandux awtorizzazzjoni applikabbli valida biex jistad jew biex iwettaq attivitajiet relatati mas-sajd, kif ukoll jekk tirċievi evidenza ċara li l-ħut abbord inqabad b'tali mod li jmur kontra r-rekwiżiti applikabbli jew jekk il-Parti għandha raġunijiet biżżejjed biex temmen li l-bastiment kien xi darba involut f'sajd IUU jew f'attivitajiet relatati miegħu.
It-Taqsima 4 tal-Ftehim hija relatata "mal-ispezzjonijiet u l-azzjonijiet ta' segwitu". Il-partijiet għandhom jispezzjonaw l-għadd ta' bastimenti fil-portijiet tagħhom meħtieġ biex jilħqu l-livell ta' ispezzjonijiet annwali suffiċjenti għall-ksib tal-objettiv tal-Ftehim.
L-annessi, bħala parti integrali tal-Ftehim, jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha titressaq minn qabel mill-bastimenti li qegħdin ifittxu li jidħlu fil-portijiet tal-partijiet kif ukoll linjigwida dwar proċeduri ta' ispezzjoni , dwar it-trattament tar-riżultati tal-ispezzjonijiet, u dwar sistemi għall-informazzjoni u rekwiżiti ta' taħriġ.
L-iskambju fil-ħin reali ta' informazzjoni huwa aspett fundamentali tal-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jkunu preparati u kapaċi li jagħmlu skambju ta' informazzjoni (ma' Stati rilevanti, mal-FAO, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma' RFMOs) relatata ma' bastimenti suspettati li huma involuti, jew li nstab li xi darba wettqu, sajd IUU.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, preferibbilment ikkoordinat mill-FAO, flimkien ma' inizjattivi multilaterali u intergovernattivi rilevanti oħra , u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni ma' databases eżistenti rilevanti għall-Ftehim.
L-Artikolu 20 jikkonċerna r-rwol ta' Stati tal-bandiera, li għandhom jikkooperaw mal-Istati tal-port f'ispezzjonijiet u azzjonijiet oħra li jitwettqu skont il-Ftehim, inklużi azzjonijiet ta' infurzar.
Il-Ftehim jinkludi numru ta' mekkaniżmi ta' salvagwardja li huma konsistenti mal-liġi internazzjonali (pereżempju, każi ta' "force majeure jew periklu" u proċedura ta' appell).
L-Artikolu 21 jiffoka fuq rekwiżiti speċjali għal Stati li qegħdin jiżviluppaw u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-partijiet kollha, irrispettivament mil-lokalità ġeografika tagħhom u mil-livell ta' żvilupp li laħqu, għandhom il-mezzi umani u materjali meħtieġa biex jimplimentaw il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa biex jgħinu lil dawk l-Istati li qegħdin jiżviluppaw f'din l-implimentazzjoni. Huma għandhom jistabbilixxu grupp ta' ħidma ad hoc biex jirrapporta perjodikament u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' tali mekkaniżmi, inkluża skema għal kontribuzzjonijiet, l-identifikazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta' fondi, u l-iżvilupp tal-kriterji u l-proċeduri li se jiggwidaw l-implimentazzjoni.
Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu mad-Depożitarju tal-ħamsa u għoxrin strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni b'konformità
Sal-31 ta' Jannar 2011, 23 Membru tal-FAO kienu ffirmaw il-Ftehim u ġew depożitati żewġ strumenti ta' adeżjoni .
Konklużjonijiet
Is-sajd IUU jibqa' wieħed fost l-aktar theddidiet globali serji għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi akwatiċi ħajjin. Il-ġlieda kontra s-sajd IUU tikkostitwixxi komponent essenzjali tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-UE għandha tkun tista' trawwem kooperazzjoni internazzjonali dwar din il-kwestjoni billi tipparteċipa b'mod attiv u kostruttiv fl-adozzjoni ta' strument internazzjonali dwar miżuri tal-Istat tal-Port.
L-UE hija membru tal-FAO kif ukoll ta' 13-il RFMO. Mekkaniżmi tal-Istat tal-Port adottati fi ħdan l-RFMOs ġew implimentati fil-liġi tal-UE, li tipprovdi wkoll għal regoli komprensivi[2] li japplikaw għall-aċċess għas-servizzi tal-portijiet, għall-iżbark u għat-trażbord ta' prodotti tas-sajd minn bastimenti ta' pajjiż terzi fil-portijiet tal-Unjoni u għal mekkaniżmi ta' assistenza u kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi.
Ir-rapporteur tilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex l-RFMOs jadottaw riżoluzzjonijiet bbażati fuq il-Ftehim FAO dwar Miżuri tal-Istat tal-Port. Matul il-plenarja tal-IOTC (il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan) li saret f'Marzu 2010, f'Busan, il-Korea t'Isfel, ġiet adottata riżoluzzjoni ppreżentata mill-UE, dwar il-miżuri tal-Istat tal-Port (riżoluzzjoni 2010/11). Proposti simili ġew preżentati wkoll mill-UE f'RFMOs oħra, sabiex il-miżuri tagħhom tal-istat tal-port, attwalment fis-seħħ, jissaħħew u jsiru konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim. Sfortunatament, f'diversi każi, ma setgħux jiġu adottati minħabba l-oppożizzjoni min-naħa ta' għadd ta' pajjiżi, bħal xi pajjiżi tal-Amerika Latina u xi pajjiżi żgħar tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Ir-rapporteur issostni bis-sħiħ u tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tibqa' tistinka għall-adozzjoni ta' dawn il-proposti, peress li l-miżuri previsti fil-Ftehim se jkunu tassew effettivi fil-ġlieda kontra is-sajd IUU biss jekk u meta jiġu infurzati globalment b'mod komprensiv, uniformi u trasparenti. sabiex jiġu evitati lakuni li jistgħu jiġu sfruttati faċilment.mill-operaturi tas-sajd IUU.
Id-disgħa u għoxrin sessjoni tal-Kumitat FAO dwar is-Sajd li saret dan l-aħħar f'Ruma mill-31 ta' Jannar sal-4 ta' Frar 2011, qablet li miżuri tal-istat tal-port huma għodda b'saħħitha u kosteffikaċi fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u talbet lill-FAO tifforma grupp ta' ħidma mingħajr skadenza stabbilita jew mekkaniżmu simili biex jabbozza t-termini ta' referenza għall-grupp ad hoc previst fl-Artikolu 21 tal-Ftehim, sabiex jassisti lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta' dan l-istrument. Il-ġlieda kontra s-sajd IUU teħtieġ l-applikazzjoni magħquda ta' għodda differenti u l-UE hija wkoll involuta sew f'inizjattivi oħra riċenti li ttieħdu mill-FAO dwar din il-kwestjoni, bħall-iżvilupp ta' linjigwida internazzjonali dwar kriterji għall-valutazzjoni tal-Prestazzjoni ta' Stati tal-Bandiera u l-iżvilupp ta' Rekord Globali Komprensiv tal-Bastimenti tas-Sajd, Bastimenti għat-Trasport Refriġerat u Bastimenti għall-Forniment.
L-Unjoni Ewropea hija parteċipant prinċipali fis-sajd internazzjonali u tirrappreżenta wieħed mis-swieq globali prinċipali tal-prodotti tas-sajd u hu fl-interess tagħha li tapprova l-Ftehim u li tiżvolġi rwol effettiv fl-implimentazzjoni tiegħu.
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-rapporteur tipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-tlestija tal-Ftehim, li jirrappreżenta kontribut priċipali għall-ġlieda globali dejjem għaddejja kontra s-sajd IUU.
- [1] "Bastimenti" huma definiti bħala kwalunkwe bastiment, vapur ta' tip ieħor jew dgħajsa użat, mgħammar b'tali mod għal, jew maħsub biex jintuża għas-sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd, li jinkludu "kwalunkwe operazzjoni li ssostni jew li ssir bħala preparazzjoni għas-sajd, li tinkludi l-ħatt fuq l-art, l-imballaġġ, l-ipproċessar, it-trażbord jew it-trasportazzjoni ta' ħut li preċedentament ma ġiex skarikat fuq l-art ġewwa port, kif ukoll il-fornitura ta' persunal, fjuwil, irkaptu u provvisti fuq il-baħar.
- [2] Ara b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd IUU, u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1010/2009 tat-22 ta' Ottubru 2009 li jistipula regoli u miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
12.4.2011 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
14 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, Alain Cadec, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Struan Stevenson, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Paul Besset, Antolín Sánchez Presedo |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Agnès Le Brun |
|||||