RAPPORT dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tas-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni

15.4.2011 - (2011/2043(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Jean-Pierre Audy

Proċedura : 2011/2043(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0160/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tas-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni

(2011/2043(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-artikoli li jirrigwardaw ir-riċerka,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm [Qafas] tal-Komunità Ewropea (li, minn wara t-Trattat ta’ Lisbona, saret l-Unjoni Ewropea) għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013)[1],

–   wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq fir-rigward tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rieżami tas-Seba' Programm Qafas,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 182(2) TFUE dwar l-adattament tal-programm qafas skont kif tinbidel is-sitwazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Frar 2011 intitolata "Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Reazzjoni għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm [Qafas] għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni u għar-Rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji" (COM(2011)0052),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Qafas għall-Attivitajiet ta’ Riċerka (FP7), inkluż il-faċilità ta’ finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji, sat-3074 laqgħa tal-Kunsill tal-UE dwar il-kompetittività (Is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju) tad-9 ta’ Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti "Interim Evaluation of the Seventh Framework Programme" tat-12 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta' Programmi Qafas tar-Riċerka[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti "Evaluation of the Sixth Framework Programmes for Research and Technological Development 2002-2006" ta' Frar 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Esperti "Towards a world class Frontier research Organisation - Review of the European Research Council's Structures and Mechanisms" tat-23 ta' Lulju 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti indipendenti "Mid-Term Evaluation of the Risk-Sharing Financial Facility (RSFF)" tal-31 ta' Lulju 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Esperti "First Interim Evaluation of the Innovative Medicines Initiative Joint Undertaking" tal-20 ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Esperti "First Interim Evaluation of the ARTEMIS and ENIAC Joint Technology Initiatives" tat-30 ta' Lulju 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Esperti indipendenti "Interim Evaluation of the Ambient Assisted Living Joint Programme" ta' Diċembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni li l-Kumitat tar-Reġjuni adotta f'sessjoni plenarja fis-27 u t-28 ta' Jannar 2011 u li tirrigwarda s-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-Fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni[3],

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 9/2007 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-22 ta' Novembru 2007 dwar “L-evalwazzjoni tal-programmi qafas tal-UE dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku - L-approċċ tal-Kummissjoni jista’ jittejjeb?”,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 8/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar "Netwerks ta' eċċellenza" u "Proġetti integrati" fil-politika tar-riċerka tal-Komunità,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-effettività tal-iskemi ta’ sostenn għall-Istudji fid-Disinn u l-Kostruzzjoni ta’ Infrastrutturi Ġodda taħt is-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ewkonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Is-Simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka”,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0160/2011),

A. billi s-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (is-Seba' Programm Qafas) hu l-istrument l-aktar estensiv għall-appoġġ tar-riċerka fil-livell globali u jikkostitwixxi l-għodda ewlenija tal-politika ta' riċerka tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi huwa meħtieġ li jiġu awtorizzati żviluppi li jirriżultaw mis-Seba’ Programm Qafas jerġa’ jiġi eżaminat f’nofs it-terminu tiegħu minħabba l-għadd ta’ bidliet li seħħew minn mindu ġie nnegozjat u adottat fl-2006 (istituzzjonijiet ġodda, awtoritajiet politiċi ġodda, kriżi ekonomika), imma anke minħabba l-ammonti finanzjarji sinifikanti li għadhom disponibbli sa meta jilħaq it-terminu tiegħu,

C. billi, it-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi l-kisba taż-Żona ta’ Riċerka Ewropea bħala mezz speċifiku tal-politika Ewropea,

D. billi l-Istrateġija Ewropa 2020 għamlet mir-riċerka u l-innovazzjoni element ċentrali ta' tkabbir b'intelliġenza, sostenibilità u solidarjetà,

E.  billi r-riċerka hija l-proċess tal-bidla tal-potenza ekonomika f’għarfien, filwaqt li l-innovazzjoni hija l-proċess bil-maqlub tat-trasformazzjoni tal-għarfien f’potenza ekonomika,

F.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jarmaw irwieħhom bil-mezzi biex jirrispondu b’mod konġunt għall-isfidi soċjetali, ekonomiċi, ambjentali, demografiċi u etiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-popli Ewropej bħat-tixjiħ demografiku, is-saħħa, il-provvista tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli, l-isfidi ambjentali ewlenin eċċ, u billi s-soluzzjonijiet li jirriżultaw minn dan għandhom jimmotivaw lill-individwi biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom,

G. billi l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huwa l-aħjar reazzjoni possibbli fit-tul għall-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, li jippermetti lill-UE ssir soċjetà b’kompetenzi li huma kompetittivi fuq livell dinji,

H. billi l-Ewropa qed tikkompeti ma' setgħat ekonomiċi bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-Awstralja, l-Istati Uniti u r-Russja u billi l-kapaċità tagħna li ngħaqqdu u nikkoordinaw l-isforzi tagħna, partikolarment fir-riċerka, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru tikkundizzjona ħafna l-kompetittività ekonomika tagħna u, għalhekk il-possibilità li niffinanzjaw l-ambizzjonijiet soċjali tagħna u r-rispett tal-impenji tagħna rigward il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u l-ħarsien tal-ambjent,

I.   billi n-nefqa fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp hija baxxa metqa mqabbel ma’ setgħat globali oħra, fost affarijiet oħra minħabba nuqqas ta’ investiment privat u kundizzjonijiet ta’ qafas favur l-innovazzjoni; billi l-ġibda tas-Seba’ Programm Qafas għas-settur industrijali u l-użu tar-riċerka għall-benefiċċju tal-ekonomija mhumiex kompletament ċari; billi apparti l-ammonti involuti, tidher ukoll ċara l-ħtieġa ta’ koordinament aħjar u kofinanzjament bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni, b’rispett totali għall-ispeċifiċitajiet u l-għażliet etiċi magħmula mill-Istati Membri,

J.   billi livell relattivament baxx biss tal-investiment pubbliku fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huwa s-soġġett ta’ kooperazzjoni Ewropea,

K. billi relazzjoni aħjar bejn l-isfera akkademika , tar-riċerka u dik industrijali hi indispensabbli biex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jiġu ttrasformati aħjar fi prodotti u servizzi li jiġġeneraw it-tkabbir ekonomiku u l-benefiċċji għas-soċjetà b’mod ġenerali,

L.  billi s-Seba’ Programm Qafas għandu jkun mibni fuq l-istess prinċipji ġenerali bħaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER),

M. billi, mill-EUR 54.6 biljun tal-programm, 25.8 ġew impenjati fuq l-ewwel erba’ snin (mill-2007 sal-2010); jiġifieri medja ta' 6.5 biljuni fis-sena u billi għad fadal 28.8 biljun fuq l-aħħar tliet snin (mill-2011 sal-2013), jiġifieri medja ta' 9.6 biljuni fis-sena,

N. billi s-snin mill-2011 sal-2013 huma snin fraġli li jeħtieġu attenzjoni partikolari immedjata f’dak li għandu x’jaqsam mal-fatturi ta’ kompetittività u koeżjoni soċjali, li r-riċerka u l-innovazzjoni huma komponenti essenzjali tagħhom,

O. billi l-kumplessità tal-ġestjoni amministrattiva, il-burokrazija konsiderevoli, in-nuqqas ta’ trasparenza, l-ineffiċjenza u d-dewmien mhux ġustifikat jiqbgħu jkunu l-iżvantaġġi prinċipali tas-Seba’ Programm Qafas, li ma jipprovdu ebda inkoraġġiment għar-riċerkaturi, l-industrija u l-SMEs biex jipparteċipaw fil-programm u għalhekk il-kisba ta’ qabża kbira fis-simplifikazzjoni għandha tkun tal-ogħla prijorità,

P.  billi l-objettiv tal-parteċipazzjoni ta’ 40% riċerkaturi nisa fis-Seba’ Programm Qafas huwa objettiv ambizzjuż u korrett; billi l-parteċipazzjoni attwali tar-riċerkaturi nisa fil-proġetti ta’ riċerka tas-Seba’ Programm Qafas b’diżappunt kbir hija ta’ 25.5 %,

1.  Jifraħ bil-kwalità tar-rapporti tal-esperti dwar il-valutazzjoni intermedja tas-Seba’ Programm Qafas u tal-faċilità ta’ finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji, li tkopri l-kwalità tal-attivitajiet, l-implimentazzjoni u r-riżultati miksuba, minkejja n-natura ġenerali tal-mandat mogħti lill-gruppi tal-esperti; jindika, madankolllu li l-valutazzjoni ma kkunsidratx l-azzjonijiet tal-Istati Membri u dawk tal-Unjoni flimkien kollha kemm huma;

2.  Ma jafx jispjega d-dewmien tal-Kummissjoni, li ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha fid-9 ta’Frar 2011, minkejja li kienet obbligata li tagħmel dan sa mhux aktar tard mill-2010, u jiddispjaċih dwar id-dgħufija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni meta wieħed iqis l-isfidi attwali b’mod partikolari is-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika, l-ammonti li jifdal biex jiġu impenjati skont is-Seba’ Programm Qafas eċċ.;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi b’mod partikolari l-għaxar rakkomandazzjonijiet speċifiċi li saru mill-grupp ta’ esperti;

4.  Jissottolinja n-natura relattiva tal-konklużjonijiet meħuda mill-valutazzjoni intermedja, peress li l-maġġoranza tal-fondi tas-Seba’ Programm Qafas għadhom ma ġewx allokati, il-proġetti li nbdew għadhom għaddejjin u oħrajn iffinanzjati taħt is-Seba’ Programm Qafas se jdumu iktar mit-terminu ta’ żmien tiegħu;

Ir-riżultati tas-Seba' Programm Qafas

5.  Hu tal-opinjoni li, minkejja l-fatt li l-Ewropa dejjem tibqa’ pass lura mill-Istati Uniti u qed titlef il-post li kellha bħala l-mexxej fuq ekonomiji emerġenti, ir-riżultati milħuqa mis-Seba’ Programm Qafas juru valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-komunikazzjoni tar-riżultati tajbin lill-Istati Membri, lill-komunità xjentifika u liċ-ċittadini Ewropej;

6.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ metodu għall-valutazzjoni ta’ kemm avvanzjaw fl-għarfien xjentifiku il-proġetti ffinanzjati mis-Seba’ Programm Qafas;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom rigward is-Seba’ Programm Qafas (inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda, bħal servizzi ta’ informazzjoni ta’ riċerka intelliġenti), biex b’hekk jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni, jitħabbru l-isfidi ta’ riċerka tal-ġejjieni, u jinxterdu r-riżultati tar-riċerka; jappoġġa l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-aċċess miftuħ tar-riċerka ffinanzjata pubblikament, fejn ikun rilevanti u fattibbli b'rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

8.  Jifraħ bil-livell ta' parteċipazzjoni u ta' eċċellenza fl-għażla tal-proġetti; jiddispjaċih, madankollu, li r-rata ta’ suċċess ta’ dan il-programm ġeneralment għadha pjuttost dgħajfa u skoraġġanti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li għandhom rwol importanti fil-bidla tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti u servizzi; jemmen li s-simplifikazzjoni ta’ regoli amministrattivi u finanzjarji, kif ukoll proġetti u proċeduri iktar xierqa għall-ħtiġijiet tal-SMEs jistgħu jtejbu din is-sitwazzjoni;

9.  Jinnota li l-għadd dejjem jiżdied ta’ objettivi u t-temi koperti u d-diversifikazzjoni tal-istrumenti kabbru l-ambitu ta’ applikazzjoni tas-Seba' Programm Qafas u naqqsu l-kapaċità tiegħu li jaqdi objettiv Ewropew speċifiku;

10. Japprova t-tisħiħ tal-programm speċifiku għall-“Kooperazzjoni”, li għadu relevanti biex jiġu affrontati l-isfidi xjentifiċi u teknoloġiċi attwali; jenfasizza r-rwol tiegħu fl-iżvilupp tal-massa kritika tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tat-tip li ma jistax jinkiseb fil-livell nazzjonali/reġjonali, biex b'hekk jintwera l-valur miżjud tal-Ewropa; jemmen li r-riċerka transnazzjonali kollaborattiva għandha tibqa’ prijorità; jirrakkomanda li tiġi implimentata l-iskema “Teknoloġiji tal-Ġejjieni u Emerġenti” u li jiġi estiż l-użu ta' “pjanijiet direzzjonali” għall-oqsma tematiċi kollha; jitlob ukoll għal iktar flessibilità fid-definizzjoni tat-temi u tal-limiti minimi u massimi ta’ finanzjament li jiddistingwu l-proġetti l-kbar miż-żgħar; jissottolinja li l-programm attwali ta’ Kooperazzjoni huwa ristrett wisq u s-suġġetti huma ħafna drabi speċifiċi wisq biex jindirizzaw sfidi soċjetali kbar; jirrakkomanda li l-Programm Qafas li jmiss jipprovdi għal sejħiet b’ambitu tematiku iktar wiesa’;

11. Jenfasizza li se jkunu meħtieġa wkoll perspettivi interdixxiplinari iktar wiesa’ sabiex l-isfidi soċjetali li dejjem jikbru jiġu ttrattati b’mod effikaċi; jissottolinja li x-xjenzi soċjali u l-umanitajiet għandhom rwol vitali fir-reazzjoni għall-isfidi kbar li qed taffaċċja l-UE; jiddispjaċih li s-sejħiet speċifiċi u ristretti ħafna fil-kapitolu Kooperazzjoni dwar ix-xjenzi soċjoekonomiċi u l-umanitajiet jagħmluha diffiċli ħafna li wieħed jagħmel riċerka ġdida u innovattiva f’dan il-qasam;

12. Jipproponi li , sabiex tissodisfa l-objettivi tal-istrateġija tal-UE 2020, ir-riċerka appoġġata mis-Seba’ Programm Qafas għandha tiffoka fuq l-indirizzar tal-isfidi l-iktar urġenti tal-UE, fis-setturi identifikati fil-Kapitolu “Kooperazzjoni” tas-Seba’ Programm Qafas: is-saħħa (inkluż ir-riċerka klinika u preventiva u t-teknoloġiji mediċi), l-ikel u l-bijoteknoloġija (inkluż is-sikurezza tal-ikel), it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, in-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji, l-enerġija (inkluż l-effiċjenza fl-enerġija, netwerks intelliġenti, l-enerġija rinnovabbli, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika u l-użu tal-bijogass), l-ambjent (inklużi t-tibdil fil-klima, l-ilma, il-ħamrija, il-boskijiet u l-foresti), it-trasport sostenibbli, ix-xjenzi ekonomiċi, soċjali u umani, l-ispazju, u s-sigurtà;

13. Jipproponi li tiġi rrinforzata r-riċerka kollaborattiva bħall-attivitajiet iffinanzjati fil-programm speċifiku “Kooperazzjoni”; jitlob il-possibbiltà li jiġu ffurmati proġetti u konsorzji ta’ sħab iżgħar u ta’ daqs medju li jippermettu l-koordinazzjoni effiċjenti, minbarra li jsaħħu l-kwalità xjentifika; jenfasizza li l-approċċ tar-riċerka kollaborattiva għandu jibqa’ l-element ewlieni tal-Programm Qafas;

14. Jifraħ, fil-kapitolu “Ideat”, bir-riżultati promettenti li kiseb il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) u r-rwol tiegħu fit-tisħiħ tal-viżibilità u l-ġibda tar-riċerka Ewropea; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni u involviment mis-settur privat fil-KER; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għall-KER (li jżid ukoll ir-rata ta' suċċess), kif ukoll tivvaluta l-għażliet għal iktar titjib tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tagħha, inkluż li l-KER isir entità legali indipendenti ddotata b’setgħa ta’ teħid ta' deċiżjonijiet, u direttament responsabbli għall-istrateġija xjentifika tagħha u l-ġestjoni amministrattiva tagħha, li jista’ jkun utli wkoll bħala mudell għal iktar indipendenza ta’ aġenziji ta’ finanzjament oħrajn għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jappoġġja iktar trasparenza fil-proċess tal-ħatra tal-Kunsill Xjentifiku u fil-kompożizzjoni tal-panels tar-rieżami; jirrakkomanda li l-KER iżomm appoġġ qawwi għax-xjentisti individwali ta’ kwalità; madankollu jitlob lill-KER biex jipprovdi wkoll possibbiltà għal appoġġ ta’ proġetti fuq bażi ta’ timijiet, dejjem sakemm tali proġetti jiġu ffurmati permezz ta’ proċessi minn isfel għal fuq;

15. Jappoġġa, fi ħdan il-kapitolu “Nies”, l-azzjonijiet ‘Marie Curie’, li huma ta’ valur kbir għar-riċerkaturi fil-karriera tagħhom, jiżguraw ir-riċerka individwalizzata minn isfel għal fuq f’medda wiesgħa ħafna ta’ suġġetti, iwaqqfu il-“brain drain”, iġiegħlu l-karrieri ta’ riċerka jiġbdu iktar riċerkaturi żgħażagħ promettenti ħafna kemm mill-Ewropa u pajjiżi terzi; b'kunsiderazzjoni tal-livell relattivament ta’ applikazzjonijiet żejda, jirrakomanda li l-programm Marie Curie għall-mobilità jitkompla b’riżorsi estiżi fi ħdan is-Seba’ Programm Qafas sabiex jissaħħu iktar il-possibilitajiet għall-mobilità ta' riċerkaturi u studenti tad-Dottorati (inkluż bejn is-settur privat u dak akkademiku jew bejn l-Istati Membri, pereżempju billi tiġi introdotta skema ta’ vawċer ta’ riċerka bil-flus għal-riċerkaturi); madankollu jemmen li fl-Azzjonijiet “Marie Curie” tista’ ssir ukoll simplifikazzjoni f’għadd ta’ azzjonijiet; jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tax-xogħol xjentifiku li sar fl-UE għadu jsir f’kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji;

16. Iqis li sabiex jiżdiedu r-riżorsi umani ddedikati għar-riċerka fl-Ewropa, huwa meħtieġ li l-karrieri professjonali f’dan il-qasam isiru iktar attraenti billi jiġu eliminati l-ostakoli amministrattivi u jiġi rikonoxxut il-mertu u l-ħin ta’ taħriġ u ħidma fi kwlaunkwe ċentru ta’ riċerka; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema komuni biex jevalwaw l-eċċellenza u l-karriera tar-riċerki, kif ukoll biex jevalwaw ir-rendiment tal-universitajiet; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet u tar-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

17. Hu xettiku dwar kemm huma eteroġenji l-objettivi tal-kapitolu “Kapaċitajiet” u d-diffikultajiet li jirriżultaw minħabba f'hekk, speċifikament fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-progress fuq l-Infrastrutturi tar-Riċerka ewlenin (ESFRI); iqis li hemm ħtieġa ċara għal azzjonijiet favur l-SMEs u l-SMEs innovattivi, u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm tal-inqas dawn l-azzjonijiet u l-baġit assoċjat magħhom, filwaqt li tieħu passi biex ittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom; iqis madankollu li l-proġetti ERA-NET, ERA-NET+ “Infrastruttura” u l-inizjattivi bbażati fuq l-Artikolu 185 jissodisfaw ir-rwol tagħhom biex tinbena ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);

18. Jirrikonoxxi li l-“inizjattivi teknoloġiċi konġunti” (ITK) huma ta’ utilità għall-kompetittività tal-industrija Ewropea; jiddispjaċih dwar l-ostakli legali u amministrattivi (personalità ġuridika, regoli finanzjarji u, f’xi każijiet ukoll, proprjetà intellettwali), li jistgħu jiskoraġġixxu għadd kbir ta’ atturi ta’ riċerka ewlenin u SMEs milli jipparteċipaw; jiddispjaċih ukoll dwar il-governanza eteroġenja u l-istrutturi legali u l-ispejjeż għoljin biex l-ITK jibdew jiffunzjonaw kif suppost; jitlob lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom ladarba jkunu qablu li jikkofinanzjaw l-ITK; jitlob lill-Kummissjoni tissimplifika r-regoli u r-rati tal-finanzjament għal kategoriji simili ta’ parteċipanti fl-ITK kollha li jsegwu l-mudell tas-Seba’ Programm Qafas, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kofinanzjament nazzjonali; jitlob li jiġi involut iktar mill-qrib fil-kontroll politiku ta’ dawn l-istrumenti b’mod partikolari biex jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn il-parteċipazzjoni u l-attivitajiet; jenfasizza li dawn l-inizjattivi ma għandhomx iwasslu għall-esternalizzazzjoni tal-finanzjament pubbliku u għandhom jibqgħu fi ħdan il-limiti legali rigward l-għajnuna tal-istat u l-prekompetizzjoni;

19. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Parlament informazzjoni ċara u dettaljata dwar il-funzjonament tal-ITKs, filwaqt li tiddikjara f’kull każ l-istatus legali tagħhom, in-nies li jikkostitwixxu l-bord governattiv, u l-attivitajiet imwettqa;

20. Jirrikonoxxi l-użu aktar sistematiku ta’ sejħiet għal proposti miftuħin wisq (approċċ minn isfel għal fuq) biex tkun żgurata kapaċità għal riċerka fit-tul; jissuġġerixxi, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn iż-żewġ approċċi (minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel), li jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi; jenfasizza l-ħtieġa li ssir konsulenza u ħidma flimkien mar-riċerkaturi, l-atturi tal-industrija u tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu stabbiliti l-aġendi tar-riċerka;

21. Jemmen li, fil-kuntest ta’, b’mod partikolari, l-istrateġija UE 2020 u l-objettiv tat-“tkabbir intelliġenti”, huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-oqsma tar-riċerka komuni fost dawk li jidhru l-iktar promettenti f’termini ta’ applikazzjonijiet konkreti li jippermettu l-ogħla estent ta’ kondiviżjoni f’kuntest etiku; jindika li tali oqsma jistgħu jiffurmaw parti minn pjattaforma ta’ riċerka komuni ffinanzjata mill-UE u appoġġjata minn netwerk komuni għall-iskambju tad-data, li għandha tiġi ttrattata bħala li għandha importanza ewlenija u interess prijoritarju;

22. Jiddeplora l-fatt li l-finanzjament għar-riċerka għadu frammentat ħafna fl-Ewropa, b’diversi sorsi ta’ finanzjament mill-Istati Membri u l-Komunità li għandhom prijoritajiet, kriterji ta’ evalwazzjoni, definizzjonijiet u proċeduri differenti li jwassal għal-irduppjar mhux meħtieġ, konfużjoni, żbalji u nuqqas ta' massa kritika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqiegħdu l-kwistjonijiet dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn id-diversi programmi tal-UE u nazzjonali fuq nett fl-aġenda tagħhom; jitlob li l-Kummissjoni twettaq analiżi biex ittejjeb ir-rabta bejn l-azzjonijiet Ewropej u nazzjonali, inkluż il-koordinazzjoni possibbli fil-fażijiet tat-tfassil ta’ sejħiet għal proposti u proġetti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ regoli nazzjonali jew liġijiet li jostakolaw jew jikkumplikaw il-ġestjoni finanzjarja ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni ta’ riċerka internazzjonali; jitlob li s-sejħiet għal proposti, inklużi dawk ta’ Lulju 2011, jinħarġu flimkien mal-Istati Membri, mingħajr ma jiddupplikaw jew jikkompetu mal-inizjattivi nazzjonali, imma li jkunu komplementari għalihom; f’dan ir-rigward, iqis li l-iskema ERA-Net għandha tiġi msaħħa bħala għodda sabiex tappoġġja l-kwalità u l-iżvilupp ta’ kriterji għal indikaturi ta’ kwalità li jikkostitwixxi l-bażi għall-koordinazzjoniment bejn programmi jew impriżi konġunti; jissuġġerixxi li s-Seba’ Programm Qafas għandu jikkumplimenta l-isforzi tal-atturi li jimmaniġġjaw il-programmi nazzjonali involuti fl-ipprogrammar konġunt, biex il-Programmi ta’ Qafas RŻT jevolvu minn loġika ta’ ġestjoni ta’ proġett għal waħda ta’ ġestjoni ta’ programm iżda mingħajr ma jinjoraw il-ġestjoni ta’ proġetti żgħar; jemmen li sabiex l-Ipprogrammazzjoni Konġunta tirnexxi, il-proġetti għandhom jintgħażlu abbażi tal-kwalità, li jitfasslu skont il-karatteristiċi ta’ kull settur, ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni għandu jissaħħaħ, u l-Istati Membri li jipparteċipaw għandhom jirrispettaw l-obbligi finanzjarji tagħhom; jitlob li l-aħħar tliet snin tas-Seba’ Programm Qafas jiġu ddedikati biex jikkontribwixxu għall-bini taż-ŻER;

23. Huwa xettiku dwar il-fatt li ħafna drabi huwa possibbli biss li tiġi ffinanzjata proposta waħda – u waħda biss – għal kull sejħa, li jwassal għal ħela ta’ riżorsi investiti fit-tħejjija u l-valutazzjoni ta’ proposti ta’ kwalità u n-nuqqas ta’ finanzjament ta’ ċerti ideat ta’ kwalità; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà li tiffinanzja proposti ta’ riċerka ta’ kwalità, mhux magħżula, permezz ta’ baġit ta’ riċerka addizzjonali (fondi ta’ riċerka pariġġ) li se jikkontribwixxu għalihom l-Istati Membri, il-fondi reġjonali u strutturali u s-settur privat;

24. Jissottolinja l-importanza tal-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, il-kompetittività u s-sigurtà u s-sikurezza tal-enerġija nukleari;

25. Jirrikonoxxi l-importanza tal-proġett tal-BSI (Interkonnessjoni għall-Baħar l-Iswed) f’termini ta’ ħolqien ta’ netwerk ta’ riċerka reġjonali u edukazzjoni fl-ikbar żona tal-Baħar l-Iswed u l-konnessjoni tagħha mal-GEANT, u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja proġetti ta’ riċerka fil-BSR (Ir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed) bħall-HP-SEE, SEE-GRID, SCENE, CAREN u BSRN;

26. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura, fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas u l-qafas finanzjarju futur, livell xieraq ta’ finanzjament ta’ Riċerka u Żvilupp għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS);

27. Jenfasizza li r-riċerka kollha mwettqa fis-Seba’ Programm Qafas għandha tiġi mwettqa skont id-drittijiet fundamentali kif espressi fil-Karta Ewropea; għalhekk, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex minnufih tagħmel id-dokumenti kollha relatati ma’ INDECT (proġett ta’ riċerka ffinanzjat mis-Seba’ Programm Qafas immirat biex jiżviluppa sistema ta’ osservazzjoni awtomatizzata li tissorvelja b’mod kostanti websajts, kameras ta’ sorveljanza u sistemi individwali tal-kompjuter) disponibbli u tiddefinixxi mandat ċar u strett għall-għan tar-riċerka, l-applikazzjoni u l-utenti finali ta’ INDECT; jenfasizza li qabel ma ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar l-impatti possibbli kollha fuq id-drittijiet fundamentali, INDECT m’għandux jirċievi fondi mis-Seba’ Programm Qafas;

Parteċipazzjoni fis-Seba' Programm Qafas

28. Jenfasizza li ma jidhirx li l-industrija qed tippreżenta rati ta’ parteċipazzjoni ogħla meta mqabbla mal-programmi qafas preċedenti, speċjalment fil-kapitolu “Kooperazzjoni”; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tfassal analiżi dettaljata dwar il-kapaċità tal-Programm li jagħti spinta ikbar lill-investimenti tas-settur privat;

29. Jemmen li l-proċeduri tas-sejħiet kompetittivi għal sħab addizzjonali għandhom ikunu bbażati fuq il-premessa bażika li l-kumpaniji u r-riċerkaturi involuti jkollhom l-iktar għarfien profond possibbli dwar il-proġett u dwar liema msieħeb l-iktar li għandhom bżonn u li, minflok tobbligahom isegwu l-listi ta’ klassifikazzjoni tal-esperti ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa ġustifikazzjoni bil-miktub tal-għażla magħmula mill-konsorzju;

30. Jifraħ bir-riżultati tas-Seba’ Programm Qafas għall-benefiċċju tal-SMEs, kemm f’dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs fil-kapitolu “Kapċità”, il-programm “Eurostars” u l-objettiv ta’ 15% stabbilit fil-kapitolu “Kooperazzjoni”; sabiex tkun iffaċilitata iktar il-parteċipazzjoni tal-SMEs, jitlob li jiġu ppubblikati iktar sejħiet mhux tematiċi għall-SMEs, jiġu ppubblikati iktar ta' spiss sejħiet għal proposti għal attivitajiet speċifiċi għal SMEs (jew li jkun hemm sejħa miftuħa permanenti), iktar simplifikazzjoni tar-regoli (inkluż regoli għall-programm “Eurostars”) u t-tnaqqis tal-perjodu ta’ żmien li fih jistgħu jingħataw il-fondi; jirrakkomanda li l-SMEs huma iktar involuti b’mod attiv fil-proċess tal-isfruttar tar-riżultati miksuba;

31. Jemmen li l-parteċipazzjoni ta’ xjentisti żgħażagħ f’timijiet ta’ proġetti fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ riċerka kollaborattivi mill-organizzazzjoni tal-industrija u tax-xjenza għandha tiġi inċentivata; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi mfassla biex iżidu l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi żgħażagħ fil-programmi ta’ qafas; jitlob lill-Kummissjoni biex tuża r-rieżami ta’ nofs it-terminu tas-Seba’ Programm Qafas biex tippromwovi l-impjieg ta’ xjentisti żgħażagħ billi tfassal ir-regoli u l-modi ta’ parteċipazzjoni b’tali mod li tiddedika porzjon sostanzjali tal-finanzjament għall-impjieg ta’ riċerkaturi żgħażagħ;

32. Jinnota bi tħassib il-parteċipazzjoni relattivament baxxa ta’ ċerti Stati Membri fis-Seba’ Programm Qafas, li ma tikkontribwixxix għall-koeżjoni territorjali u żvilupp ibbilanċjat fl-Ewropa; hu tal-fehma li koordinazzjoni aħjar, koerenza u sinerġija tas-Seba’ Programm Qafas mal-Fondi Strutturali ta’ Koeżjoni, kif ukoll l-użu aħjar tal-programm People, jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri sottorappreżentati; jemmen li bl-użu tal-Fondi Strutturali biex tissaħħaħ l-infrastruttura tar-riċerka u jitkattar il-bini tal-kapaċità fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-Istati Membri kollha jistgħu jiksbu livell ogħla ta’ kwalità (il-passaġġ għall-eċċellenza); jilqa’ għalhekk l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sinerġiji (SEG), li ġie stabbiliti sabiex jintlaħqu sinerġiji bejn is-Seba’ Programm Qafas, il-Fondi Strutturali u l-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); madankollu jenfasizza l-ħtieġa assoluta li ssir distinzjoni bejn kriterji għas-Seba’ Programm Qafas u l-Fondi Strutturali, peress li l-prinċipju tal-eċċellenza (taħt it-tmexxija unika u l-koordinazzjoni tal-Kummissjoni) għandu jieħu preċedenza meta jiġu allokati l-fondi tas-Seba’ Programm Qafas u b’hekk jiġi żgurat valur miżjud massimu għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-Ewropa; jindika b’sodisfazzjoni li, għall-perjodu 2007-2013, fil-Fondi ta’ Koeżjoni EUR 86 biljun huma allokati għall-appoġġ tal-innovazzjoni (25% tal-ammont totali), li minnhom l-allokazzjoni għar-riċerka ewlenija u l-iżvilupp teknoloġiku tammonta għal EUR 50 biljun, ekwivalenti għall-baġit totali tas-Seba’ Programm Qafas; jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni territorjali tar-riċerka u l-iżvilupp, billi jitiqesu l-ħtiġijiet speċifiċi u l-kapaċitajiet tat-territorji meta jitfasslu politiki (“speċjalizzazzjoni intelliġenti”); għalhekk, iqis l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni tar-reġjun tagħhom; jirrakkomanda li l-fondi attwali li għadhom ma ntefqux li għadhom fil-baġit tal-UE u li se jibqgħu sa tmiem l-2013 u dawk ipprogrammati għall-perjodu 2014-2020 jiġu orjentati b’mod iktar qawwi lejn l-innovazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka, kemm f’termini ta’ riżorsi umani u żvilupp, kif ukoll infrastruttura;

33. Jilqa’ l-progress mexxej iżda timidu lejn parteċipazzjoni iktar ibbilanċjata f’dak li jirrigwarda s-sessi fis-Seba’ Programm Qafas, minħabba li d-diversità hija importanti għall-kreattività u l-innovazzjoni; jindika li riċerkaturi nisa jaħdmu iktar fuq proġetti ta’ riċerka u kompiti iżgħar u inqas magħrufa u li jidher li jeżisti saqaf tal-ħġieġ problematiku ħafna għar-riċerkaturi nisa, li jwassal għal tnaqqis fis-sehem ta’ riċerkaturi nisa avvanzati, kif jidher ukoll fl-għadd baxx ta’ riċerkaturi nisa magħżula għall-għotja tal-investigatur avvanzat tal-KER; jaqbel li l-miżuri li jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa għandhom jiġu rrinforzati tul iċ-ċikli tal-ħajja tal-proġett (b’attenzjoni partikolari għas-sigħat ta’ xogħol flessibbli, faċilitajiet tal-kura tat-tfal imtejba, dispożizzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u liv tal-ġenituri) u li l-Kummissjoni għandha terġa’ ssaħħaħ l-approċċ tagħha biex tippromovi x-xjentisti nisa u għandha timmira li tiggalvanizza lill-Istati Membri biex jindirizzaw differenzi bejn is-sessi; jissottolinja li l-mira ta’ 40% għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Programm u l-Kumitati Konsultattivi għandha tiġi implimentata b’mod sensittiv; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kumitat orizzontali biex jissorvelja u jagħti pariri dwar ir-rappreżentazzjoni tar-riċerkaturi nisa u tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni tas-Sessi kif ġie rakkomandat mill-Ex Post Evalwazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas; jitlob lill-universitajiet u lill-Istituzzjonijiet tal-UE biex jippromovu x-xjenza bħala qasam interessanti għaż-żewġ sessi mill-istadji bikrin tal-edukazzjoni, billi jippromwovu riċerkaturi nisa bħala xempji pożittivi;

34. Jitlob rikonoxximent fil-livell reġjonali tar-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet intermedjarji (bħal kmamar tal-kummerċ, in-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi u aġenziji ta’ innovazzjoni reġjonali) bħala rabta bejn l-SMEs innovattivi f’kull reġjun u l-Kummissjoni;

35. Jemmen li l-programmi għandhom jinfetħu għal sħab internazzjonali; jenfasizza li l-prinċipju bażiku għandu jkun li l-programmi kollha għandhom ikunu miftuħa għall-finanzjament tal-gruppi barranin ukoll (skont il-kompetenzi speċifiċi); jirrifjuta l-idea li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar milli r-riċerkaturi biex tiddetermina l-għażla tas-sħab għall-kooperazzjoni;

36. Hu tal-opinjoni li s-Seba’ Programm Qafas għandu jafferma l-prijoritajiet tiegħu fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali; hu tal-fehma li l-għażla tal-pajjiżi u s-suġġetti mmirati għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali għandha titwettaq flimkien mal-Istati Membri sabiex jiżgura l-kumplimentaritajiet ta’ dawn l-azzjonijiet mal-partijiet involuti kollha; madankollu, jafferma mill-ġdid li għandha tingħata attenzjoni lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Finanzjament

37. Jikkunsidra li mill-inqas għandu jinżamm il-livell ta’ finanzjament tas-Seba’ Programm Qafas li hu kredibbli u meħtieġ, sabiex jingħelbu l-isfidi soċjetali kbar u jfakkar li l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni hu investiment fit-tul u jikkostitwixxi element determinanti li jippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

38. Jemmen li n-nefqa tas-Seba’ Programm Qafas, kif ukoll l-orjentazzjoni tar-riċerka ġenerali, għandhom jiġu allinjati kemm jista’ jkun bl-objettivi prominenti tal-politika stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020; jemmen li progress xjentifiku fuq sfidi kbar jeħtieġ impenn f’terminu medju jew fit-tul tal-istrumenti ta’ finanzjament li jappoġġjaw kemm ir-riċerka fundamentali kif ukoll il-kollaborazzjoni mal-industrija u sħab esterni oħra;

39. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-infrastrutturi ta’ riċerka u jenfasizza li l-iżvilupp u l-finanzjament tagħhom (abbażi tal-lista tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastruttura tar-Riċerka u inkluż l-għoti ta’ tagħmir tal-laboratorji u strumenti u l-manutenzjoni tagħhom) għandhom jibbenefikaw minn koordinazzjoni aħjar u kofinanzjament bejn is-Seba’ Programm Qafas, l-istrumenti tal-BEI, il-Fondi Strutturali u l-politiki nazzjonali u reġjonali; jemmen li d-dupplikazzjoni tal-infrastruttura tar-riċerka fi Stati Membri differenti għandha tiġi evitata u li aċċess miftuħ u bbażat fuq il-kwalità għal infrastrutturi ta’ riċerka għandu jittejjeb; jitlob li jsiru sforzi għat-tisħiħ tal-infrastrutturi tar-riċerka fis-Seba’ Programm Qafas, speċjalment fejn hemm l-ikbar kamp ta’ applikazzjoni għal valur miżjud fil-livell tal-UE;

40. Iqis li l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-infrastruttura tar-riċerka għandhom jiġġustifikaw biċ-ċar ir-rwol tagħhom u l-użu tat-tagħmir, laboratorji u riċerka jew persunal tekniku; għal dan l-għan, jemmen li għandha tinħoloq sistema ta’ monitoraġġ u spezzjoni li tivverifika l-konformità tal-ftehimiet;

41. Jistieden lill-Istati Membri u l-UE jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom, inkluż impenji għal azzjonijiet abbażi tal-Artikoli 185 u 187, fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tar-riċerka;

42. Jitlob lill-Kummissjoni – meta wieħed iqis l-objettiv li 3% tal-PDG jiġu ddedikati għall-iżvilupp tar-riċerka u dak teknoloġiku sal-2020 u bir-rikonoxximent li r-riċerka u l-innovazzjoni jipprovdu l-unika direzzjoni ċerta lejn l-irkupru ekonomiku fl-UE – biex tqis il-possibilità li tistabbilixxi livell interim vinkolanti ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku li jammonta għal madwar 1% tal-PDG sal-2015;

Ir-rwol tal-innovazzjoni

43. Jinnota tisħiħ tad-dimensjoni “innovazzjoni” fi programmi ta’ ħidma futuri; hu tal-fehma li, sabiex il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni jkollhom impatt ċar fuq is-suq u s-soċjetà, għandhom jitwettqu azzjonijiet li jippermettu l-isfruttar u l-kummerċjalizzazzjoni massimi ta’ riżultati ta’ riċerka, bħall-indirizzar tal-potenzjal tal-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka f’sejħiet speċifiċi jew il-kriterji tal-evalwazzjoni f’oqsma partikolari; jitlob lill-Kummissjoni tibda tiffinanzja proġetti ta’ dimostrazzjoni, pilota u li juru l-kunċett qabel tmiem is-Seba' Programm Qafas u tqis sistema ta' finanzjament biex tippremja l-proġetti li jirnexxu u tappoġġa l-introduzzjoni tagħhom fis-suq biex jikkumplimentaw il-finanzjament minn qabel kif qed isir bħalissa; jemmen, ukoll f’dan ir-rigward, li hemm ħtieġa għall-koordinazzjoni mill-qrib bejn is-Seba' Programm Qafas, is-CIP u l-Fondi Strutturali;

44. Jinnota li jekk is-Seba’ Programm Qafas ikun strutturat b’tali mod li jagħmel distinzjoni bejn ix-xjenza għall-finijiet tax-xjenza, ix-xjenza għall-kompetizzjoni, u x-xjenza għas-soċjetà, hemm riskju li t-transizzjoni gradwali mir-riċerka bażika għar-riċerka applikata u l-innovazzjoni ma tiġix meqjusa; jindika l-ħtieġa li jkun hemm prevenzjoni tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġetti integrati li qed jiġu ostakolati mir-riġidità strutturali;

45. Jemmen li kemm is-Seba’ Programm Qafas kif ukoll it-Tmien Programm Qafas futur għandhom jagħtu kontribuzzjoni ikbar għall-iżvilupp tal-industrija fl-Ewropa, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu r-riċerka applikata;

46. Filwaqt li hu rikonoxxut li s-Seba’ Programm Qafas hu mmirat primarjament lejn ir-riċerka u l-iżvilupp tekonoloġiku, jenfasizza l-importanza tat-tfassil ta’ politiki u programmi tal-UE b’tali mod li s-sinerġiji fi ħdan il-katina ta’ valur sħiħa tar-riċerka u l-iżvilupp (mir-riċerka u l-edukazzjoni, sal-innovazzjoni, għall-ħolqien tal-impjiegi) jiġu sfruttati kemm jista’ jkun; jemmen li dan huwa l-uniku mod li bih jistgħu jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-“Unjoni tal-Innovazzjoni” u biex titħaffef it-trasformazzjoni tal-Ewropa f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien; f’dan ir-rigward, filwaqt li jintlaqa’ l-iżvilupp attwali ta’ tabella tal-innovazzjoni, jitlob għal definizzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni (inkluż l-innovazzjoni mhux teknoloġika u dik immexxija mill-impjegati) u għall-iżvilupp ta’ mudelli iktar effikaċi, metodoloġiji u strumenti biex titkejjel l-innovazzjoni u tingħata spinta, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku, l-istabbiliment ta' standards u l-inġinerija tal-finanzjament;

47. Jirrikonoxxi li l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, l-ITKs u l-PPPs jikkontribwixxu għal parteċipazzjoni akbar min-naħa tas-settur industrijali u jitlob għall-konsolidazzjoni tagħhom fi programmi futuri;; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati regoli adegwati għal parteċipazzjoni (inkluż regoli tal-proprjetà intellettwali) u rati ta’ finanzjament (inkluż rati ta’ finanzjament għal spejjeż indiretti), kif ukoll għall-ħidma għal iktar simplifikazzjoni, sabiex jattiraw numru ikbar ta’ SMEs, istituti ta’ riċerka pubbliċi u organizzazzjonijiet ta’ riċerka iżgħar u sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar fl-aċċess tal-partijiet interessati u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ITKs u l-PPPs;

Monitoraġġ tal-miżuri ta' simplifikazzjoni

48. Jinsab imħasseb dwar il-piż amministrattiv eċċessiv tas-Seba’ Programm Qafas; jenfasizza li miżuri ta’ simplifikazzjoni li ma jeħtieġux bidla fir-regolament għandhom jiġu implimentati mill-iktar fis possibbli, filwaqt li jiġu rrispettati s-simpliċità, l-istabbiltà, il-konsistenza, iċ-ċertezza legali, it-trasparenza, l-eċċellenza u l-fiduċja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora iktar miżuri ta’ simplifikazzjoni, inklużi kontribuzzjonijiet in natura minn applikanti, kif ukoll iktar allinjament mal-metodi ta’ kalkolu u kontabilità użati f’sistemi ta’ finanzjament nazzjonali; Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri urġenti biex tqassar b’mod sinifikanti ż-żmien mill-applikazzjoni u l-għotja, tnaqqas il-proċeduri burokratiċi għat-tħejjija, il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġett (inkluż permezz tal-użu ta’ portal ta’ applikazzjoni tal-UE bbażat fuq il-mudell ekwivalenti tal-Istati Uniti), tnaqqas l-għadd ta’ rapporti perjodiċi ta’ status finanzjarju u l-awditjar ta’ dokumenti għal kull perjodu ta' rappurtar, u ssib bilanċ aħjar bejn ir-riskju u l-kontroll tar-riċerka; jenfasizza li l-kultura attwali ta' kontra r-riskji tal-politika tar-riċerka tal-UE ma tkunx tippermetti finanzjament ta' ideat ta' riċerka b'riskji għolja li għandhom l-ogħla potenzjal għal skoperti ġodda, u għalhekk jissuġġerixxi approċċ ibbażat fuq il-fiduċja b'iktar permessività għar-riskju u għall-falliment, għall-kuntrarju ta' approċċ ibbażat biss fuq il-ksib ta' riżultati li jista' jxekkel ir-riċerka innovattiva; jirrakkomanda interpretazzjoni simplifikata u kjarifika ulterjuri tad-definizzjoni tal-ispejjeż eleġibbli; jappoġġa l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri u jitlob reviżjoni u/jew interpretazzjoni estiża tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE dwar il-kwistjoni tar-responsabilità personali; jitlob għal regoli proċedurali iktar preċiżi, konsistenti u trasparenti għall-awditjar, inkluż permezz ta’ teħid ta' kampjuni inqas spontanju u kriterji iktar realistiċi, bħall-esperjenza ta’ parteċipanti u l-isfond tal-iżbalji u l-konformità;

49. Itenni l-importanza li jiddaħħlu bla dewmien miżuri ta’ semplifikazzjoni proċedurali, amministrattiva u finanzjarja fil-ġestjoni attwali tas-Seba’ Programm Qafas, kif ġew identifikati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Novembru 2010; jilqa’ d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2011 li tintroduċi tliet miżuri ta’ simplifikazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta immedjatament dawn il-miżuri b’mod uniformiu biex tinvestiga fejn għad hemm il-possibbiltà ta’ miżuri ta’ simplikazzjoni addizzjonali; jiddispjaċih dwar il-problemi serji tal-interpretazzjoni u l-inċertezza legali għall-parteċipanti tas-Seba’ Programm Qafas u jtenni r-rieda tiegħu biex il-proċedimenti legali bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji fir-rigward tal-programmi qafas kollha jissolvew malajr waqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ ġestjoni serja tal-flus pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni biex tippermetti lill-benefiċjarji jikkonsultaw lill-Kumitat tal-Approvazzjoni tar-Riċerka waqt jew wara proġett biex jiċċaraw kwistjonijiet relatati mal-kalkolu tal-ispejjeż, regoli għall-parteċipazzjoni u verifiki, inkluż verifiki ex post; jenfasizza l-ħtieġa li dak li jaħdem jinżamm kif inhu u jinbidlu biss ir-regoli li jeħtieġ li jiġu adattati;

50. Jitlob għal miżuri biex inaqqsu l-ħin sa ma tingħata l-għotja mmirati lejn it-titjib tal-perċentwal tal-għotjiet iffirmati f’inqas minn tmien xhur b’ċertu perċentwal sal-2011 u inqas minn sitt xhur waqt il-perjodu li jifdal;

51. Jilqa’ pożittivament ir-rakkomandazzjonijiet biex jitqassar iż-żmien ta’ aġġudikazzjoni, u jitlob li ssir evalwazzjoni tal-istrumenti eżistenti qabel ma jinħolqu strumenti ġodda fil-qafas tas-Seba’ Programm Qafas;

52. Jipproponi li l-Kummissjoni tgħin lill-korpi pubbliċi biex itejbu s-sistemi ta’ ġestjoni tagħhom billi jwettqu valutazzjonijiet mingħajr konsegwenzi finanzjarji li jinkoraġixxi lil dawn il-korpi biex iwettqu numru ta’ azzjonijiet biex itejbu l-ġestjoni tal-proġetti tagħhom u jimplimentawhom sa skadenza speċifika ta’ inqas minn sena;

Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF)

53. Iqis li l-RSFF kellu rwol ta’ katalist ewlieni kemm f’termini kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi għaż-żieda tal-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fi żmien ta’ kriżi fejn is-settur bankarju ma kienx f’pożizzjoni li jwettaq dak ir-rwol, bir-riżultat ta’ EUR 8 biljun ta’ self li wasslu għal iktar minn EUR 20 biljun f’investimenti;

54. Jesprimi madankollu t-tħassib tiegħu fid-dawl tal-ammonti minimi allokati għall-infrastrutturi ta’ riċerka, l-universitajiet u l-entitajiet ta’ riċerka u l-SMEs, partikolarment l-SMEs innovattivi, kif ukoll minħabba l-iżbilanċ ġeografiku u settorjali li tqies fis-self allokat; jappoġġa, għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li saru mill-grupp espert, maħsuba għat-titjib tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti gruppi ta’ mira li mhumiex rappreżentati biżżejjed u japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011, speċjalment it-talba tiegħu biex l-għażliet possibbli kollha jiġu esplorati fil-perspettiva tal-valorizzazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-livell Ewropew, b’mod partikolari biex jiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-suq tal-għarfien;

55. Jesprimi dispjaċir li l-proġetti tal-RSFF huma attivi biss fi 18-il Stat Membru tal-UE u żewġ pajjiżi assoċjati, u li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-universitajiet/il-korpi ta’ riċerka u l-faċilitajiet ta’ riċerka attwalment mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-RSFF; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa r-raġunijiet għaliex id-disa’ Stati Membri l-oħra tal-UE ma użawx din il-faċilità l-ġdida, li uriet li tikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex iżżid il-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u tiżgura l-partċipazzjoni tal-pajjiżi kollha kkonċernati;

56. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw ir-reklamar rigward id-disponibilità tas-self tal-RSFF fil-livell tal-Istati Membri u biex jiżguraw li l-parteċipanti potenzjali jkollhom informazzjoni u għajnuna adegwati biex jaċċessaw is-self tal-RSFF, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-Euro;

57. Jirrakkomanda li l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument finanzjarju innovattiv tkun segwita u intensifikata fis-Seba’ Programm Qafas u għall-futur fit-Tmien Programm Qafas biex jikkontribwixxi għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament u biex jiffavorixxi l-investimenti privati; jenfasizza l-ħtieġa li jiżgura li dawn l-istrumenti finanzjarji huma adattati għall-SMEs;

Konklużjoni ġenerali u orjentazzjonijiet futuri

58. Jitlob għall-użu tas-Seba’ Programm Qafas biex jitqiesu l-konsegwenzi differenti f’kull Stat Membru tal-kriżi ekonomika għall-aħħar snin tal-programm (2011-2013), minħabba ċ-ċifri konsiderevoli (EUR 28.8 biljun fuq tliet snin) li għad irid jiġi ppjanat, l-objettivi li għandhom jinkisbu għall-UE 2020 u t-tħejjija għaż-Żona Ewropea ta’ Riċerka u l-Unjoni tal-Innovazzjoni; b’mod partikolari, jitlob l-allinjament tal-objettivi tal-programm tas-Seba’ Programm Qafas mal-istrateġiji tal-UE dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi, il-Materji Primi u l-Aġenda Diġitali;

59. Jemmen li s-somom li jifdal ma għandhomx jitneħħew mir-riċerka u użati għal programmi jew strumenti oħra li ma jaqgħux fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni jew l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas;

60. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ, jiġi stimulat u jiġi żgurat il-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Unjoni peremzz ta' żieda sinifikanti fl-infiq relevanti wara l-2013; hu tal-fehma li din iż-żieda fil-finanzjament, idealment permezz tal-irduppjar tal-baġit, għandha trawwem tkabbir sostenibbli u kompetizzjoni permezz tal-eċċellenza; jenfasizza hawnhekk li din iż-żieda fil-fondi għandha tkun marbuta ma’ approċċ iktar orjentat lejn ir-riżultati, xprunati mill-prestazzjoni u b’simplifikazzjoni radikali tal-proċeduri tal-finanzjament; jappoġġa iktar kollaborazzjoni u kooperazzjoni bejn id-diversi programmi tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, pereżempju bit-titolu "Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni"; jemmen li l-kontinwità tal-programm futur, ladarba jiġi stabbilit, hija importanti għall-atturi kollha involuti;

61. Jenfasizza li huwa importanti li titqies il-valutazzjoni tar-riżultati miksuba fl-oqsma kollha ddefiniti bħala prijoritajiet politiċi għall-finanzjament, u kemm kienu effikaċi, sabiex titjieb l-evalwazzjoni ta’ programmi futuri;

62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rikonċiljazzjoni tax-xjenza u ċ-ċittadin

Is-Seklu 21 huwa paradoss kurjuż għalina: jirrappreżenta sfidi xjentifiċi ewlenin u l-impatt tax-xjenza u t-teknoloġija jinħass fil-ħajja ta’ kuljum, iżda minkejja dan, ix-xjenzi qatt ma dehru daqshekk imbiegħdin, inaċċessibbli u inkwetanti’ - Claudie Haigneré, President ta’ universcience, ex Ministru għar-Riċerka (2002-2004) u ex Ministru għall-Affarijiet Ewropej (2004-2005) tar-Repubblika Franċiża, tabiba u astronawta.

Fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew, li ltaqa’ f’Lisbona, stabbilixxa objettiv strateġiku ambizzjuż għall-Unjoni Ewropea (UE): biex issir, sal-2010, l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien l-iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja. Tqies ir-rwol ċentrali li għandha r-riċerka f’din l-istrateġija.

Objettiv bħal dan deher fattibbli għall-15-il Stat li kien parti mill-Unjoni, li ftit minnhom, b’nostalġija tal-imperu tagħhom li kien sparixxa, raw fl-UE l-isperanza għal soċjetà ġdida.

Din l-istrateġija, imsemmija l-‘Istrateġija ta’ Lisbona’, falliet u l-Unjoni bilkemm analizzat ir-raġunijiet għal dan.

Kien tort l-Istati, li naqsu milli ssodisfaw l-impenji Ewropej li kienu ffirmaw?

Kien tort il-popli, li ħassew li ma kinux involuti biżżejjed u għalhekk riedu li l-elit iħallsu għal dan?

Kien tort l-elit, li ma fehmux kemm in-nies xtaqu jifhmu t-tifsira ta' dak li kien ġie offrut lilhom?

Kienet il-forza tal-avvenimenti politiċi kuntrarji, li kien ta’ piż ikbar minn dak tal-Unjoni u l-membri tagħha?

L-istudjużi tal-istorja se jkollhom jippruvaw jifhmu x’ġara fl-għaxar snin ta’ sfida bejn l-2000 — 2010, li probabbilment kien it-tmiem ta’ ċiklu ta’ paċi, prosperità u fraternità fost il-popli tal-Ewropa li kien beda wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li ntemm bil-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u l-konsegwenzi ta’ dan.

Dan il-perjodu beda bl-introduzzjoni tal-ewro, l-isperanza l-kbira għal stabilità monetarja li wasslet għal kjass baġitarju enormi, minħabba li kien intnesa li ma jistax ikun hemm unjoni monetarja mingħajr unjoni ekonomika u l-Istati ma kkonformawx mal-patt tal-istabilità li kienu ffirmaw.

Kompla permezz tat-Trattat ta’ Nizza, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003 u tant ma rnexxiex u tant kien kumpless li l-firmatarja minnufih fetħu ‘dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni’, li suppost kellu jwassal għal test ġdid.

Esperjenza ferħ kbir meta l-kontinent fl-aħħar ġie unifikat mill-ġdid fl-2004 u l-2007 bl-adeżjoni ta’12-il Stat, li 10 minnhom kienu pajjiżi post kommunisti, iżda l-bidu tal-kriżi wasslet għal żieda fl-interessi nazzjonali, li kellhom impatt f’xi opinjonijiet pubbliċi.

Kien xhud tat-taħwid tal-popli li, b'bidu fl-2005 bi Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi, esprimew ir-rieda tagħhom li jifhmu u li ma jintesewx minn proġett Ewropew li ma baqgħux jifhmu. Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi ma għandhomx iħossuhom ħatja: kieku kienu saru 25 referendum fl-2005, iktar minn żewġ Stati kienu jivvutaw LE.

Il-perjodu ta’ għaxar snin resaq lejn tmiemu bil-kriżi finanzjarja u ekonomika mill-2008 ’l quddiem.

Spiċċa fl-2009 b’istituzzjonijiet ġodda, Kummissjoni Ewropea ġdida u Parlament Ewropew ġdid.

Fl-istess ħin, l-Unjoni kienet impenjat ruħha f'żewġ proġetti ewlenin: Galileo u ITER, li biex jirnexxu x-xjenza u r-riċerka huma kruċjali u d-diffikultajiet tagħhom juru r-realtà Ewropea ħarxa.

Kif, fid-dawl ta’ dawn l-avvenimenti politiċi, qatt stajna nimmaġinaw li nkunu nistgħu nisperaw li nsiru ekonomija ewlenija bbażata fuq l-għarfien, l-iktar waħda kompetittiva fid-dinja?

F’dawn l-aħħar snin l-UE u l-Istati Membri ħabbtu wiċċhom ma’ sfida enormi: biex jipprovdu lill-popli tagħhom bi prosperità u progress soċjali f’dinja miexja b’pass mgħaġġel u li dejjem qed issir iktar kumplessa.

L-Istati damu biex jindunaw, wara li għaddiet in-nostalġija tal-imperu, li kienu qegħdin isiru żgħar wisq u li kellhom bżonn jingħaqdu.

L-Ewropa se ddum biex tifhem li m’għadhiex kontinent prominenti.

Għandha tifhem li l-kompetituri tagħha huma, fihom innifishom, ‘Stati Kontinenti’: iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Brażil, biex ma nsemmux lill-Istati Uniti u l-Awstralja.

Iżda aħna m’aħniex Nazzjon iżda Unjoni ta’ Stati.

Jeħtieġ li ningħaqdu biex nistabbilixxu l-prijoritajiet tagħna.

F’dan il-kuntest, ix-xjenza hi probabbilment għaqda, sakemm issir bil-kuxjenza u ovvjament indipendentement mill-interessi barra l-Unjoni.

Dan ir-rapport qed jiġi propost f’dan l-ispirtu: biex jitqies jekk ir-reviżjoni tas-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) jista’ joffri opportunità ta’ konsolidazzjoni tat-trijangolu tad-deheb tal-għarfien, l-edukazzjoni u r-riċerka li hu s-soluzzjoni tad-destin tal-Ewropej.

Għaliex qed jiġi propost dan għar-reviżjoni tas-Seba’ Programm Qafas minflok li nistennew għat-Tmien Programm Qafas?

Minħabba li erba’ fatturi ġodda li jaffettwaw ir-riċerka u x-xjenza tfaċċaw mill-2006, is-sena li ttieħdet id-deċiżjoni finali dwar is-Seba’ Programm Qafas mill-Parlament u l-Kunsill:

· skont it-Trattat ta’ Lisbona, fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha istituzzjonijiet ġodda;

· għandna Kummissjoni ġdida u Parlament ġdid;

· għandna pjan direzzjonali UE 2020 ġdid;

· għaddejjin minn kriżi finanzjarja u ekonomika kbira li bdiet wara n-negozjati tas-Seba’ Programm Qafas fi tmiem l-2007/waqt l-2008 u s-snin ta’ pprogrammar tal-aħħar (2011-2013) huma snin fraġli għat-tkabbir u l-ħruġ mill-kriżi: għalhekk ma għandna nħallu xejn mingħajr l-attenzjoni meħtieġa.

Is-Seba’ Programm Qafas huwa opportunità għall-UE biex tkun tista’ ġġib il-politika ta’ riċerka tagħha konformi mal-ambizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha, partikolarment billi tikkonsolida ż-Żona ta’ Riċerka Ewropea (ŻER). B’allokazzjoni ta’ baġit ta’ madwar EUR 54 biljun għall-perjodu 2007-2013, f’dawn l-aħħar snin, is-Seba’ Programm Qafas, sar wieħed mill-ikbar programmi ta’ appoġġ għar-riċerka fid-dinja u jirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-politika ta’ riċerka tal-UE. Ġew identifikati erba’ objettivi ewlenin u jikkorrispondu għal erba’ programmi speċifiċi li għandhom jistrutturaw l-isforz ta’ riċerka Ewropea: il-programm Kooperazzjoni, il-programm Ideat, il-programm Nies u l-programm Kapaċitajiet. L-għan hu l-faċilitazzjoni għall-UE biex tirreaġixxi għall-isfidi soċjetali kbar li jirrigwardaw lill-Istati Membri kollha u li ma jistgħux jiffaċċjaw waħedhom (it-tixjiħ tal-populazzjoni u s-saħħa, l-enerġija, l-ilma u l-forniment tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima eċċ), kif ukoll sabiex jiġi żviluppat l-għarfien biex in-negozji tagħna jkunu jistgħu jinnovaw iktar u jtejbu l-kompetittività tagħhom.

Sabiex ikun żgurat li s-Seba’ Programm Qafas jibqa’ miexi mal-ħtiġijiet tal-politiki Ewropej, l-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 kien ipprovda għal evalwazzjoni interim, ibbażata fuq data speċifika, sal-aħħar tal-2010.

Ir-rapporteur jilqa’ x-xogħol tajjeb li sar mill-gruppi esperti fuq l-evalwazzjoni interim tas-Seba’ Programm Qafas u l-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji, minkejja mandat wiesa’ ħafna li kien jixraqlu approċċ ħafna iktar tekniku, u għalhekk jispera li hekk ikun il-każ fi programmi qafas futuri. Madankollu, ir-rapporteur jiddispjaċih dwar id-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett; il-komunikazzjoni kienet mistennija sal-aħħar tal-2010 iżda, fil-fatt ma dehritx sa’ Frar 2011.

Ir-rapporteur jiddispjaċih, fuq kollox, li din l-evalwazzjoni ma qisitx biżżejjed l-aspetti globali ta’ riċerka bejn l-UE u l-Istati Membri.

Din l-evalwazzjoni għandha titqies fid-dawl tal-ammonti sinifikanti li għad iridu jiġu ppjanati: EUR 28.8 biljun fuq tliet snin (2011-2013), meta mqabbel ma’ EUR 25.8 biljun ipprogrammati għall-ewwel erba’ snin tas-Seba’ Programm Qafas (2007-2010) u EUR 17 biljun taħt is-Sitt Program Qafas (2002 - 2006). Għall-2011 hemm iktar minn EUR 8.5 biljun, għall-2012 iktar minn EUR 9.5 biljun, u għall-2013 iktar minn EUR 10.5 biljun iddedikati għar-riċerka. Ċifri bħal dawn ħaqqhom analiżi speċifika sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-atturi kkonċernati u jiġi evitat li l-finanzjament jinfirex fi programmi li ma jaħdmux sew jew li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet. Ir-rapporteur iqis li hi meħtieġa l-ġestjoni soda tal-flus pubbliċi, sew fi żmien ta’ kriżi sew fi żmien ieħor, iżda li kwalunkwe modifika jew orjentament differenti għandu jirrispetta l-istabilità, il-koeżjoni ġenerali u ċ-ċertezza legali, li huma l-bażi għall-kunfidenza reċiproka bejn il-partijiet interessati.

Xi linji gwida ġenerali għal din ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu:

- simplifikazzjoni: diġà ġiet indirizzata fir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas għar-Riċerka, din għandha terġa’ tiġi indirizzata sabiex jiġu ttrattati t-talbiet li għamel il-Parlament. Fil-fatt, waħda mid-diffikultajiet li ġiet innutata hija l-kumplessità u l-piż tal-proċeduri amministrattivi, li jwasslu biex dawk li qed jitolbu l-finanzjament Ewropew jintbagħtu għall-finanzjament nazzjonali u b’hekk l-Ewropa qed issir inqas popolari fir-rigward tar-riċerka. Din il-problema aggravat bil-politika riċenti tal-Kummissjoni dwar il-verifiki finanzjarji. Illum il-ġurnata jidher li hemm ħtieġa kbira ħafna biex il-problemi tal-passat jiġu solvuti, partikolarment dawk tas-Sitt Programm Qafas, u tiġi evitata r-ripetizzjoni tagħhom fis-Seba’ Programm Qafas, jew fi programmi qafas futuri. Il-finalizzazzjoni ta’ proċedimenti legali, mingħajr l-involviment tal-Qorti tal-Ġustizzja, u s-simplifikazzjoni preżenti u futura li tirrispetta l-ġestjoni soda tal-flus pubbliċi, huma prerekwiżit essenzjali għax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati fuq skala Ewropea, partikolarment bil-ħsieb tan-negozjati mal-Istati Membri dwar it-Tmien Programm Qafas, jekk nixtiequ nagħmlu r-riċerka iktar Ewropea u fl-aħħar niksbu ż-Żona ta’ Riċerka Ewropea.

- parteċipazzjoni tal-SMEs: minkejja li ta’ spiss jidhru bħala nuqqasijiet tal-programmi qafas, għad hemm il-ħtieġa għal sforzi iżda jidher li hemm titjib – pereżempju, il-mira ta’ 15% għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-programm ‘Kooperazzjoni’ kważi nkisbet;

- innovazzjoni: issa qed jidher it-tisħiħ tad-dimensjoni ‘innovazzjoni’ u hu għalhekk importanti li l-aħħar snin jiġu mmirati lejn dan it-tip ta’ proġett. Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza, madankolllu, li dejjem għandu jitqies ir-rifjut li hemm fl-Ewropa għar-rabta tar-riċerka/innovazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni;

- il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji: l-introduzzjoni ta’ din il-faċilità ġabet magħha effett pożittiv ħafna u għandha titkompla u tiġi intensifikata għall-aħħar parti tas-Seba' Programm Qafas u fi programmi futuri;

- ir-rapporteur jipproponi li l-politiki ta’ riċerka u żvilupp jiġu territorjalizzati sabiex ir-riċerka titqassam b’mod armonjuż fir-rigward tal-universitajiet kollha. Ir-rabta mal-eċċellenza li ta’ spiss tinsab f’żoni urbani tista’ ssir billi jissaħħu r-rabtiet virtwali, pereżempju permezz ta’ konferenzi bil-vidjo permanenti u konnessjoni intelliġenti bejn ċentri ta’ riċerka territorjalizzati u ċentri ta’ eċċellenza;

- ir-rapporteur jipproponi wkoll li pjan ta’ riċerka Ewropew ambizzjuż għat-teknoloġija tad-difiża għandu jiġi adottat bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, skont l-Artikolu 45(d) tat-Trattat tal-UE, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, filwaqt li tittejjeb l-effiċjenza tan-nefqa pubblika militari. Dan il-pjan għandu jkollu l-għan li jikkonsolida l-industrija tad-difiża Ewropea.

B’mod iktar ġenerali, u rigward is-sejħiet tal-proġetti li għad iridu jiġu mnedija, ir-rapporteur jipproponi li dawn jintużaw biex tiġi konsolidata ż-ŻER u biex jintwera li l-valur miżjud Ewropew jista’ jeżisti; dan kollu jitqies fil-kuntest tan-negozjati mal-Istati Membri u għall-Perspettiva Finanzjarja futura mill-2014 biex ir-riċerka ssir iktar Ewropea.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (1.4.2011)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tas-seba' programm tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni
(2011/2043(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Carl Haglund

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddeplora l-fatt li l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-FP7 u l-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (FFKR) ġew adottati tard wisq, u ma kienx hemm biżżejjed ħin għal tiswijiet;

2.  Jenfasizza li l-evalwazzjoni temporanja tixħet id-dawl fuq in-nuqqasijiet, jistaqsi lill-Kummissjoni biex tindirizza dettaljatament dawk u biex fl-istess mod tħaffef l-implimentazzjoni tal-FP7;

3.  Jenfasizza li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-FP7 attwali, u ta' Programmi Qafas futuri, għandhom jissejsu fuq il-prinċipji tas-sempliċità, l-istabilità, iċ-ċertezza legali, il-konsistenza, l-eċċellenza u l-fiduċja;

4.  Waqt li jirrispetta għal kollox id-drittijiet tal-awtoritajiet tal-baġit u l-kwittanza, jilqa' l-FFKR u strumenti finanzjarji innovattivi oħra li jsaħħu l-ingranaġġ tal-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa biex jitħaddmu l-mekkaniżmi ta' konsenja għal dawn; isejjaħ lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għal gruppi ewlenin indirizzati bħalma huma l-SMEs u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora mezzi ġodda ta' tisħiħ tal-konnessjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija bħala mezz ta' ħolqien ta' impjiegi u ta' żieda fil-produttività, billi jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-finanzjament għar-Riċerka u l-Iżvilupp;

6.  Jinsab konvint li s-simplifikazzjoni għandha tkun waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-eżami ta' nofs il-perjodu tal-FP7; jenfasizza l-ħtieġa ta' simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni u biex jiżdied in-numru ta' applikazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet iżgħar u SMEs;

7.  Jenfasizza l-bżonn biex isiru aktar sforzi fil-qasam tal-infrastruttura tar-riċerka, li jibbenefikaw minnha wkoll l-SMEs u l-industrija;

8.  Jenfasizza li l-kultura attwali ta' kontra r-riskji tal-politika tar-riċerka tal-UE ma tkunx tippermetti finanzjament ta' ideat ta' riċerka b'riskji għolja li għandhom l-ogħla potenzjal għal skoperti ġodda, u għalhekk jissuġġerixxi approċċ ibbażat fuq il-fiduċja b'iktar permessività għar-riskju u għall-falliment, għall-kuntrarju ta' approċċ ibbażat biss fuq il-ksib ta' riżultati li jista' jxekkel ir-riċerka innovattiva;

9.  Jilqa' s-simplifikazzjonijiet dwar l-aċċettabilità tal-ispejjeż tal-persunal u jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora aktar miżuri ta' simplifikazzjoni, anke b'referenza għall-kontribuzzjonijiet bi flus minn applikanti; jirrijafferma l-impenn tiegħu biex ikompli jissimplifika r-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u biex jirriċerka partikolarment l-infiq; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika aktar il-proċess tal-applikazzjoni, anki billi tingħata assistenza lir-riċerkaturi biex isibu sħab għall-proġetti; jitlob lill-Kummissjoni tqiegħed fuq nett tal-aġenda tagħha l-kwistjonijiet dwar l-iskambji u l-kooperazzjoni bejn il-programmi varji u l-programmi tal-Istati Membri u t-trasparenza;

10. Jirrakkomanda interpretazzjoni simplifikata u kjarifika ulterjuri tad-definizzjoni tal-ispejjeż eleġibbli; jitlob regoli ta' proċedura għall-verifiki, li jkunu aktar preċiżi, konsistenti u trasparenti;

11. Jitlob lill-Kummissjoni ssolvi rapidament sitwazzjonijiet preċedenti li ħarġu mill-ispezzjonijiet attwali, billi taġixxi b'mod tattiku u b'mod konsistenti mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja xierqa;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqiegħed aktar fil-linja l-FP7 mal-miri ta' Ewropa 2020, waqt li żżomm il-livell ġenerali tal-finanzjament għall-FP7;

13. Itenni li kull titjib għall-FP7 għandu jsir billi jitqies il-Programm Qafas li jmiss.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Carl Haglund, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Claudio Morganti, Nadezhda Neynsky, Miguel Portas, László Surján, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Da Graça Carvalho, Jan Olbrycht, Peter Šťastný, Theodor Dumitru Stolojan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Vajgl

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

12.4.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, António Fernando Correia De Campos, Francesco De Angelis, Matthias Groote, Andrzej Grzyb, Satu Hassi, Yannick Jadot, Bernd Lange, Mario Pirillo, Catherine Trautmann